RAPPORT dwar il-finanzi pubbliċi fl-EMU 2007-2008

16.12.2008 - (2008/2244(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Donata Gottardi

Proċedura : 2008/2244(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0507/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-finanzi pubbliċi fl-EMU 2007-2008

(2008/2244(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ġunju 2008 dwar il-finanzi pubbliċi fl-EMU - 2008 – ir-rwol tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi fil-qafas tal-governanza tal-UE (COM(2008)0387),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Ġunju 2007 dwar il-finanzi pubbliċi fl-EMU - 2007 – l-iżgurar tal-effettività tat-taqsima preventiva tal-SGP (COM(2007)0316),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Mejju 2008 dwar l-EMU@10: suċċessi u sfidi wara 10 snin ta' Unjoni Ekonomika u Monetarja (COM(2008)0238),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' April 2007 dwar il-finanzi pubbliċi fl-EMU 2006[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Frar 2005 dwar il-finanzi pubbliċi fl-EMU - 2004[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 dwar ir-Rapport Annwali dwar iz-zona tal-Euro - 2007[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2006 dwar ir-Rapport Annwali - 2006 dwar iz-zona tal-Euro[4],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Frar 2008 dwar id-dħul għall-Kunsill tar-Rebbiegħa 2008 f'dak li jirrigwarda l-Istrateġija ta' Liżbona[5],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-interess Ewropew: il-ksib tas-suċċess fl-era tal-globalizzazzjoni[6],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2007 dwar is-sitwazzjoni tal-ekonomija Ewropea: rapport preparatorju dwar il-linji gwida wiesgħa tal-politika ekonomika għall-2007[7],

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Kontribut tal-Politiki ta' Tassazzjoni u Dwana għall-Istrateġija ta' Liżbona (COM(2005)0532) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-24 ta' Ottubru 2007 dwarha[8],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2003 dwar l-ibbaġitjar skont il-ġens - il-bini tal-baġits pubbliċi mill-perspettiva tal-ġens[9],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-koordinament tal-politika ekonomika fi stadju 3 tal-EMU u dwar l-Artikolu 109 u 109b tat-Trattat tal-KE, annessi mal-konklużjonijiet tal-Presidenza wara l-laqgħa mal-Kunsill Ewoprew fi Brussell fit-12 u t-13 ta' Diċembru 1997,

   wara li kkunsidra l-konklużjonijet tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ecofin tal-4 ta' Novembru 2008 għal dak li għandu x'jaqsam mal-inizjattivi internazzjonali b'rispons għall-kriżi finanzjarja u l-preparazzjonijiet għas-samit internazzjonali dwar il-kriżi,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ottubru 2008 bl-isem "Minn kriżi finanzjarja għall-irkupru: Qafas Ewropew għall-azzjoni" (COM(2008)0706),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Brussell tal-15 u s-16 ta' Ottubru 2008, f'dak li għandu x'jaqsam mat-tisħiġ tar-regolazzjoni u s-superviżjoni tas-swieq finanzjarji,

–   wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern tal-Eurogroup, li saret fit-12 ta' Ottubru 2008, biex jiġi adottat pjan ta' salvataġġ ikkoordinat għal kontra l-kriżi ekonomika,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijet tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ecofin tas-7 ta' Ottubru 2008 dwar ir-risponsi immedjati għat-taqlib finanzjarju, u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Ottubru 2008[10],

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ecofin tal-14 ta' Mejju 2008 dwar l-iżgurar tal-effiċjenza u l-effettività futuri tan-nefqa soċjali u t-triq ’il quddiem fl-analiżi tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ecofin tad-9 ta' Ottubru 2007 għal dak li għandu x'jaqsam mal-kwalità tal-finanzi pubbliċi: il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ecofin tad-10 ta' Ottubru 2006 għal dak li għandu x'jaqsam mal-kwalità tal-finanzi pubbliċi,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0507/2008),

A. billi l-finanzi pubbliċi ta' kwalità (QPFs) li jwasslu għal żvilupp sostenibbli huma t-timbru tal-impenn tagħna lejn il-ġenerazzjonijiet futuri, li huwa partikolarment importanti fil-qagħda ta' bħalissa ta' taqlib kbir fis-swieq,

B.  billi hemm il-ħtieġa li jiġu żviluppati politiki għal finanzi pubbliċi ta' kwalità (QPF), ikkoordinati fil-livell Ewropew, u b'mod partikulari fiz-zona tal-Euro, li jkunu kwadrati u vvalutati abbażi ta' strumenti komuni standardizzati u li jkollhom l-għan li jappoġġjaw it-tkabbir tul il-perjodu sabiex jintlaqgħu l-isfidi tal-bidla demografika, tal-globalizzazzjoni u tal-bidla fil-klima,

C. billi l-għan tal-finanzi pubbliċi għandu jkun li jkunu ta' sostenn għall-qafas makroekonomiku, li jipprovdu servizzi u prodotti pubbliċi, kif ukoll li jpattu għan-nuqqasijiet fis-swieq u l-impatti esterni,

D. billi qafas konċettwali u operattiv għall-QPF li jkollu bħala tir it-tkabbir, u l-mira li t-tkabbir isir il-punt ta' riferiment aħħar għall-valutazzjoni tal-QPF, it-tnejn huma marbuta mal-konsiderazzjoni li l-politiki dwar il-baġit u dwar in-nefqa pubblika tal-Istati Membri għandhom ikunu orjentati lejn iż-żamma u t-tiġdid tal-istat tal-welfare, il-ħarsien tal-ħarsien soċjali u t-tqassim mill-ġdid tar-riżorsi,

E.  billi l-livell baxx ta' investiment pubbliku fl-Unjoni Ewropea (anqas minn 3 % tal-GDP) u n-natura frammentarja tiegħu għandhom effetti negattivi fuq l-objettiv tat-tkabbir sostenibbli fit-tul, li fil-fatt jeħtieġ nefqa pubblika speċifika u prijoritizzata,

F.  billi huwa meħtieġ u xieraq li l-analiżi u l-valutazzjoni tal-finanzi pubbliċi, u l-prospetti għas-sostenibilità tagħhom, isirilhom approċċ mill-perspettiva tad-differenza bejn is-sessi,

Il-bidla fit-trends ekonomiċi mill-2007 sal-2008 - il-kriżi u l-prospettiva ekonomika u finanzjarja

1.  Jinnota li l-analiżi tal-qagħda tal-finanzi pubbliċi fl-2007 u fl-ewwel parti tal-2008 turi b'mod ċar bidla fit-trend ekonomika kif ukoll prospettiva fuq l-orizzont ta' rallentament fl-ekonomija u fit-tkabbir, imżewġin mar-rata aktar baxxa u kontinwata tal-inflazzjoni u l-avariji fid-dħul;

2.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-qagħda ekonomika u finanzjarja diffiċli li qiegħda tolqot l-Ewropa u lid-dinja bħalissa, li qiegħda toħloq livell ta' instabilità bla preċedent, u jinnota d-dinamiki l-ġodda li qegħdin jiżviluppaw fir-relazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat u l-bidliet fil-politika monetarja u ekonomika fejn, minħabba l-fallimenti tas-swieq u n-nuqqas ta' regoli u superviżjoni, l-intervent tas-settur pubbliku qiegħed jerġa' jikseb rwol ta' pern, li saħansitra xi drabi jieħu l-għamla tan-nazzjonalizzazzjoni mingħajr tidwir;

3.  Jiġbed l-attenzjoni li l-kriżi f'setturi strateġiċi, b'mod speċjali fl-oqsma tal-finanzi u t-trasport, qiegħda tħeġġeġ l-investiment pubbliku fit-takeovers, bla ma jingħata kas li jiġu limitati dawk l-operazzjonijiet ta' salvataġġ għal dak li hu strettament neċessarju għas-sostentament u l-iżvilupp tal-ekonomija Ewropea u biex jiġi żgurat li ma jirrispondux għal interessi purament nazzjonali;

4.  Iqis li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jipprovdu valutazzjoni xierqa tar-riperkussjonijiet fuq il-finanzi pubbliċi tal-għajnuna lis-settur pubbliku u l-parteċipazzjoni fl-industriji l-kbar u fis-settur finanzjarju u tal-kreditu; iqis ukoll li jkun utli li dawn ir-riperkussjonijiet jiġu vvalutati skont ir-rabta mal-kompetizzjoni, mal-operat tas-suq intern u maż-żamma tal-istess kundizzjonijiet għal kulħadd;

5.  Jenfasizza li l-Patt ta' Stabilità rivedut diġà jippermetti li tittieħed azzjoni bħala tweġiba għal qagħdiet partikularment gravi u li l-konsolidament finanzjarju u l-objettivi stabbiliti fil-pjanijiet ta' stabilità u konverġenza jibqgħu fundamentali għall-prospetti tal-irkupru u t-tkabbir;

6.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta' strateġija kkoordinata fil-livell Ewropew biex tikkumbatti l-evażjoni tat-taxxa u l-paradisi fiskali – fl-interess tal-pubbliku, ta' min iħallas it-taxxi u tal-kontijiet pubbliċi – l-aktar fi żmien meta l-konsolidament finanzjarju u l-livelli tad-dejn pubbliku jistgħu jkunu affettwati ħażin mill-investimenti pubbliċi konsiderevoli li qegħdin isiru b'appoġġ għall-parteċipanti finanzjarji u industrijali l-kbar;

7.  Jenfasizza li huwa wkoll fl-interess tal-pubbliku, ta' min iħallas it-taxxi u tal-baġits pubbliċi li jiġi żgurat li kull intervent u użu ta' fondi pubbliċi għas-salvataġġ tal-organizzazzjonijiet finanzjarji għandu jkun akkumpannjat minn superviżjoni xierqa, titjib konkret fil-governanza u fil-kondotta tan-negozju tal-impriża jew tal-istituzzjoni, limiti preċiżi fuq l-ammonti mħallsa lill-uffiċjali eżekuttivi kif ukoll responsabilità ċara fil-konfront tal-awtoritajiet pubbliċi; iħoss li jkun ta' għajnuna, f'dan il-kuntest, li l-Kummissjoni tippromwovi l-introduzzjoni ta' linji gwida biex jiġi żgurat li jkun hemm implimentazzjoni konsistenti u kkoordinata tal-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali diversi;

8.  Hu tal-fehma li l-intervent fuq skala kbira fis-settur pubbliku implimentat minn diversi Stati Membri biex isalva u jgħin l-industrija bankarja u finanzjarja se jkollu riperkussjonijiet ċari fuq il-finanzi pubbliċi u d-dħul personali; iqis, għalhekk, li hu meħtieġ li l-piż tat-taxxa għandu jinfirex b'mod xieraq u ekwu fuq kull min iħallas it-taxxa, u dan ifisser, min-naħa l-waħda, l-impożizzjoni ta' livell xieraq ta' tassazzjoni fuq il-parteċipanti finanzjarji kollha u, min-naħa l-oħra, il-provvediment ta' tnaqqis gradat u sostanzjali fil-piż tat-taxxa fuq is-salarji u l-pensjonijiet mil-livell medju sa dak baxx – bi tnaqqis fit-taxxi, reviżjoni tar-rati tat-taxxi u kumpens għall-pressjoni fiskali – b'mod tali li jitnaqqas il-faqar, u mhux biss dak estrem, u biex jiġi promoss il-konsum u t-tkabbir fid-domanda, biex b'hekk ikun hemm reazzjoni kontroċiklika għall-kriżi ekonomika ta' bħalissa li qiegħda tħabbar reċessjoni;

9.  Jenfasizza li l-politiki makroekonomiċi Ewropej għandhom jipprovdu tweġiba malajr u kkoordinata għar-riskji tar-reċessjoni u l-instabilità finanzjarja, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri – u b'mod partikulari dawk taz-zona tal-Euro – biex jużaw il-flessibilità tal-Patt tal-Istabilità b'mod intelliġenti u unidirezzjonali, kif ukoll il-mekkaniżmi kontrocikliċi xierqa mmirati lejn bidla strutturali, l-allokazzjoni effiċjenti tal-fondi pubbliċi, ir-ristrutturar tan-nefqa pubblika u l-investimenti għat-tkabbir skont l-objettivi ta' Liżbona, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għar-rwol tal-SMEs;

10. Jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa, partikolarment fiz-zona tal-Euro, għal strateġija komuni dwar il-politiki dwar il-pagi, li tkun taħseb għal żjidiet fil-pagi skont l-inflazzjoni u l-produttività veri, billi l-politiki fiskali u dawk dwar il-pagi huma lievi b'saħħithom u effettivi fuq id-domanda u għall-istabilità u t-tkabbir ekonomiku;

11. Jilqa' l-fatt li qegħdin ifiġġu oqsma tat-teħid tad-deċiżjonijiet li fihom l-Eurogroup qiegħed jagħmel tal-korp ta' koordinament politiku u ekonomiku (ewlieni) biex juri r-risponsijiet malajr u l-istrateġiji maqbulin konġuntament, mhux biss bħala rispons għall-kriżi ekonomika u finanzjarja, imma wkoll biex jirrivitalizza l-istrateġiji ta' investiment makroekonomiċi u konġunti mmirati lejn it-titjib tal-prospetti għat-tkabbir, l-evitar ta' riperkussjonijiet gravi fuq il-finanzi pubbliċi u l-istabilità finanzjarja fl-Unjoni Ewropea u jgħin biex jinkiseb bilanċ aħjar bejn il-politiki ekonomiċi u monetarji fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

12. Iqis li jkun utli li jiġi stabbilit mekkaniżmu obbligatorju għall-konsultazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri – u b'mod partikulari dawk tal-Eurogroup – qabel ma jiġu adottati miżuri ekonomiċi ewlenin, partikolarment fil-każ ta' miżuri li jindirizzaw il-volatilità tal-prezzijiet għall-enerġija, il-materja prima u l-prodotti tal-ikel;

Is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi u l-effettività tat-taqsima preventiva tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir

13. Iqis li s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi hija kundizzjoni minn qabel u prijorità mhux biss għall-istabbilità u t-tkabbir u l-formulazzjoni tal-politika tal-impjiegi, soċjali u ambjentali makro-ekonomika ta' kull Stat Membru, imma wkoll għall-futur tal-ekonomija u tal-mudell soċjali Ewropew intrinsiku fl-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea;

14. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-konsegwenzi diretti tal-kriżi finanzjarja internazzjonali ta' bħalissa fuq is-sostenibilità u l-kwalità tal-finanzi pubbliċi fl-Istati Membri; jesprimi tħassib partikulari dwar l-impatt ta' dik il-kriżi fuq l-ekonomija reali u l-bilanċ tal-pagamenti fl-Istati Membri l-ġodda, li mhumiex fiz-zona tal-Euro, u li qegħdin jaraw tnaqqis drastiku fl-investiment barrani dirett;

15. Jenfasizza li d-defiċit u d-dejn pubbliku qed ikollhom impatt negattiv fuq it-tkabbir billi jillimitaw il-marġni li fihom l-Istati Membri jkunu jistgħu jimmanuvraw matul perjodi ta' kriżi; jappella lill-Istati Membri biex jagħmlu sforzi akbar ħalli jikkonsolidaw il-baġits tagħhom u jnaqqsu d-dejn pubbliku fil-perjodi ta' tkabbir bħala kundizzjoni minn qabel għall-kisba ta' ekonomija Ewropea b'saħħitha, kompetittiva u sostenibbli; jenfasizza wkoll li l-miżuri biex inaqqsu d-defiċit u d-dejn pubbliku li jkunu tfasslu ħażin – bħall-qtugħ indiskriminat fl-investiment pubbliku – ikollhom effetti kuntrarji fuq il-prospettivi ta' tkabbir fit-tul;

16. Jindika illi fid-dawl taċ-ċirkostanzi internazzjonali l-ġodda dovuti għall-kriżi finanzjarja preżenti u r-rallentament ekonomiku li ħa bdew jaffettwaw l-impjiegi u t-tkabbir fiz-zona tal-Euro, huwa diffiċli li tiġi evitata żjieda fid-defiċit; jissuġġerixxi, għalhekk, illi l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mmirat aħjar tal-flessibilità li jipprovdi l-Patt għall-Istabilità u t-Tkabbir (SGP) sabiex jinkoraġġixxu l-irkupru u t-tkabbir ekonomiku; jiġbed l-attenzjoni għall-implikazzjonijiet baġitarji tal-kriżi finanzjarja ta' bħalissa, u jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-effetti fuq l-iffinanzjar pubbliku tal-Istati Membri tal-fondi pubbliċi użati fil-pjanijiet ta' salvataġġ għall-istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-effetti tal-kriterji tal-SGP fil-kuntest ta' bħalissa, meta t-tkabbir ekonomiku miexi bil-mod u bosta Stati Membri qegħdin iħabbtu wiċċhom mal-prospett ta' reċessjoni, u jitlob li ssir valutazzjoni tal-effetti tal-ispiża dejjem tikber tal-kreditu fuq id-dejn pubbliku tal-Istati Membri;

17. Jinnota li l-SGP rivedut qed jiffunzjona tajjeb; iqis li t-taqsima korrettiva ġiet applikata b'mod sodisfaċenti fis-snin li għaddew u jenfasizza l-importanza tat-taqsima ta' prevenzjoni bħala strument vitali fir-rigward tas-sostenibilità u l-konverġenza tal-politiki finanzjarji tal-Istati Membri, b'mod partikulari dawk fiz-zona tal-Euro;

18. Jaqsam il-fehmiet tal-Kummissjoni dwar l-importanza tat-taqsima preventiva tal-SPG, dwar l-appoġġ u t-tfakkiriet lill-Istati Membri u dwar l-iskambju tal-aqwa prattiki; jaqbel, b'mod partikulari, li din it-taqsima għandha tkun ibbażata fuq approċċ għaż-żmien medju għall-politiki baġitarji u fuq il-koordinazzjoni fil-livell Ewropew, billi l-azzjoni effettiva teħtieġ li l-isfidi għall-politiki ekonomiċi u baġitarji fl-Unjoni Ewropea jinftiehmu konġuntament kif ukoll li jkun hemm impenn politiku qawwi biex dawn jiġu indirizzati permezz ta' interventi kontroċikliċi li jiġbdu fl-istess direzzjoni;

19. Jenfasizza l-importanza tal-objettiv fuq tul ta' żmien medju (MTO) bħala objettiv baġitarju speċifiku marbut mal-politika ekonomika, fiskali u tad-dħul, li għandu jintlaħaq permezz ta' djalogu makro-ekonomiku bil-għan li jindirizza s-sitwazzjoni speċifika f'kull Stat Membru u jiġi determinat fuq bażi pluriennali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-kredibilità u l-leġittimità tal-MTO kemm fuq il-livell nazzjonali, permezz ta' involviment aktar mill-qrib tad-dipartimenti tal-gvern, tal-parlamenti nazzjonali u tas-sieħba soċjali (ta' sjieda nazzjonali) u kif ukoll fuq il-livell lokali, permezz tal-finanzi pubbliċi subnazzjonali, billi jiġu stabbiliti SGPs u MTOs reġjonali, billi jitqies l-impatt tan-nefqa u l-investiment pubbliku lokali fuq il-finanzi pubbliċi nazzjonali u fuq il-prospettivi ta' tkabbir tal-pajjiżi varji;

20. Iqis li l-konsistenza bejn il-programmi baġitarji pluriennali u t-twaqqif u l-implimentazzjoni tal-baġits annwali hija ta' importanza fundamentali; jistieden lill-Istati Membri jkunu aktar rigorużi meta jagħmlu t-tbassir makroekonomiku kif ukoll jikkoordinaw aktar mill-qrib meta jistabilixxu l-kriterji, l-iskadenzi u l-objettivi għal kull qafas tal-infiq pluriennali, sabiex jiġi żgurat li tikber l-effiċjenza u li jkun hemm prestazzjoni aħjar tal-politiki baġitarji u makroekonomiċi fil-livell Ewropew;

21. Jiġbed l-attenzjoni li l-Istati Membri jeħtieġu riformi strutturali addizzjonali u aktar dixxiplina baġitarja, kif ukoll politiki fiskali antiċikliċi li jnaqqsu d-defiċit baġitarji fi żminijiet ta' tkabbir ekonomiku, sabiex jitħejjew aħjar biex jilqgħu għat-taqlibiet esterni negattivi;

22. Jisħaq fuq l-importanza li jitfasslu pjanijiet makroekonomiċi biex jilqgħu għat-taqlibiet esterni (bħall-kriżi finanzjarja tas-subprime) li ma jqisux biss il-qagħda taz-zona tal-Euro imma wkoll dik tal-ekonomiji li bdew ilaħħqu mal-oħrajn fl-Unjoni Ewropea;

Finanzi pubbliċi - fattur prinċipali ta' approċċ ekonomiku usa' u aktar komprensiv

23. Jenfasizza li l-objettiv prinċipali li jkun hemm finanzi sodi u kkonsolidati għandu jkun definit fuq il-bażi tal-obbligi skont il-Patt ta' Stabilità ġdid u, fl-istess ħin, fuq il-perspettiva tal-iżvilupp, it-tkabbir u l-kompetittività tal-Aġenda ta' Liżbona, li teħtieġ riformi strutturali, kif ukoll strutturi ta' nfiq pubbliku u tassazzjoni li jappoġġjaw l-investimenti (fil-kapital uman, fir-riċerka u fl-innovazzjoni, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, inkluża l-edukazzjoni ogħla, is-saħħa, l-infrastruttura, l-ambjent, is-sigurtà u l-ġustizzja) u r-ridistribuzzjoni tad-dħul sabiex jiġu promossi t-tkabbir tal-koeżjoni soċjali u l-impjegi;

24. Jenfasizza li l-objettivi tal-finanzi pubbliċi, stabbiliti fuq il-bażi ta' linji gwida integrati fiċ-ċiklu l-ġdid ta' Liżbona, għandhom jgħaqqdu l-pjanijiet ta' stabilità u konverġenza mal-pjanijiet ta' riforma nazzjonali b'mod koerenti u organiku; jemmen li l-valur miżjud ta' finanzi pubbliċi Ewropej b'saħħithom u orjentati lejn it-tkabbir għandhom ikunu riflessi – b'mod partikulari fiz-zona tal-Euro – f'politika Ewropea ta' investiment f'infrastruttura pubblika, imfassla u kkoordinata fuq il-bażi ta' objettivi komuni li jistgħu jiġu ffinanzjati mhux biss mill-baġits nazzjonali u (parzjalment) mill-baġit tal-UE, imma wkoll minn strumenti finanzjarji Ewropej ġodda (ngħidu aħna l-Eurobond jew il-Fond Ewropew għall-Investiment) bil-għan li t-tkabbir, il-produttività u l-kompetittività tal-Unjoni u taz-zona tal-Euro fil-kuntest internazzjonali jkunu sostenibbli;

25. Iqis li jkun utli li jitwaqqaf mekkaniżmu obbligatorju għall-konsultazzjoni mal-parlamenti nazzjonali, flimkien mal-Parlament Ewropew, b'attenzjoni għall-iżvilupp koordinat tal-programmi ta' stabilità u konverġenza fil-Patt ta' Stabilità, kif ukoll ta' programmi ta' riforma nazzjonali skont il-linji ta' gwida integrati ta' Liżbona, b'tali mod li dawn ikunu marbuta u ppreżentati ma' xulxin, possibilment fil-ħarifa ta' kull sena;

26. Jaqbel li l-bidla demokratika qed tagħmel il-ħtieġa ta' riforma strutturali aktar neċessarja, b'mod partikulari f'dak li jirrigwarda l-iskemi tal-pensjoni, is-saħħa pubblika u l-kura fuq tul ta' żmien twil, u jindika li jkun ristrettiv wisq jekk l-iffukar ikun biss fuq il-popolazzjoni li qed tixjieħ (u r-rata ta' twelid li qed tonqos) mingħajr ma jitqies l-impatt tal-globalizzazzjoni, inkluż il-fluss li ma jistax jitwaqqaf ta' immigranti li ġejjin minn pajjiżi terzi mhux biss minħabba raġunijiet ekonomiċi imma wkoll bħala mezz biex tiġi evitata l-gwerra u d-diżastri klimatiċi;

27. Jenfasizza l-importanza tal-politiki tal-impjieg u tal-inklużjoni soċjali, billi jitqiesu kif jixraq il-ħtiġiet ta' ġenerazzjonijiet, sessi u persuni differenti, abbażi tal-prinċipji ta' flessigurtà u b'hekk ukoll il-miżuri pro-attivi li jappoġġjaw il-pagi u d-dħul permezz ta' djalogu soċjali li jagħti prijorità lill-produttività li dejjem qed tikber mingħajr ma jiġu traskurati miżuri li jipproteġu l-pensjonijiet, mingħajr ma jintnesa li l-pensjonijiet mhux xierqa mhux biss huma problema soċjali imma wkoll jagħtu lok għal żieda fin-nefqa fuq is-sigurtà soċjali u bħala riżultat, jiżdiedu l-ispejjeż tal-finanzi pubbliċi;

28. Iqis li s-swieq u s-servizzi finanzjarji koperti mill-politiki tal-Istrateġija ta' Liżbona għandhom ikunu marbuta mal-istabilità finanzjarja u mal-mekkaniżmi ta' superviżjoni biex jagħtu garanzija ta' ħarsien kontra r-riperkussjonijiet negattivi għat-tkabbir u l-finanzi pubbliċi; jesprimi t-tħassib tiegħu li qed jiġi indikat li qegħdin jintużaw derivattivi u strumenti finanzjarji ġodda, l-aktar mill-amministrazzjonijiet lokali, li jistgħu jġibu z-zoni lokali b'daharhom mal-ħajt;

29. Iqis li jeħtieġ li jiġi adottat approċċ ġdid għall-finanzi pubbliċi li jkun sistematiku u koordinat fost l-Istati Membri, u b'mod partikulari f'dawk taz-zona tal-Euro, bil-għan li jgħin it-tkabbir ekonomiku fit-tul (u l-potenzjal għat-tkabbir) u li jkun iċċentrat fuq qafas multidimensjonali li jiddefinixxi u jkejjel il-kwalità tal-finanzi pubbliċi u li jsaħħaħ l-ekonomija Ewropea biex tilqa' għat-taqlibiet esterni sabiex tkun tista' tirreaġixxi għall-isfidi demografiċi u għall-kompetizzjoni interna u sabiex jiġi żgurat li jkun hemm ekwità u koeżjoni soċjali;

Il-kwalità tal-finanzi pubbliċi: il-ġbir u l-infiq

30. Iqis li huwa essenzjali li l-Istati Membri jfittxu li jimplimentaw politiki ta' finanzi pubbliċi ta' kwalità (QPF) li huma konverġenti u msejsa fuq metodu ta' valutazzjoni li jinkludi indikaturi u objettivi li l-formulazzjoni u d-definizzjoni tagħhom għandha tinvolvi l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali; jikkunsidra li l-proposta tal-Kummissjoni hija utli u trawwem sistema għall-valutazzjoni ta' politiki tal-baġit li jiffukaw fuq aspetti speċifiċi bħall-kompożizzjoni, l-effiċjenza u l-effettività tan-nefqa pubblika, l-istruttura u l-effettività tas-sistemi ta' ġbir, l-effiċjenza u l-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika, immaniġġjar sod tal-baġit u metodu għall-koordinazzjoni ta' politiki dwar finanzi pubbliċi ta' kwalità fost l-Istati Membri; jitlob li l-baġits nazzjonali jkunu aktar paragunabbli sabiex jilħqu l-għanijiet imsemmija hawn fuq;

31. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw politiki ta' QPF flimkien ma' sistema għall-valutazzjoni tal-politiki baġitarji – bħall-ibbaġitjar imsejjes fuq il-prestazzjoni (PBB) (imsejjes fuq il-mudell OECD) – bil-għan li tittejjeb il-kwalità tal-infiq pubbliku permezz tat-tisħiħ tar-rabta bejn l-allokazzjoni tar-riżorsi u r-riżultati; jinnota li l-ibbaġitjar skont il-ġens huwa eżempju tajjeb ta' bbaġitajr imsejjes fuq il-prestazzjoni, metodu propost u promoss mill-Parlament Ewropew innifsu u li ġie applikat fi gradi differenti fuq il-livell lokali u ċentrali fi Stati Membri differenti u li għandu jkun implimentat b'mod aktar konsistenti, inkluż fuq il-livell Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi metodi ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni, linji gwida u indikaturi biex permezz tagħhom ikun possibbli li jsir tqabbil u armonizzazzjoni bejn il-politiki finanzjarji u makroekonomiċi tal-Istati Membri, u jirrikonoxxi li dan jeħtieġ involviment akbar u għalhekk sens akbar ta' responsabilità min-naħa taċ-ċittadini li għandhom ikunu informati;

32. Jilqa' r-riflessjoni mnedija mill-Kummissjoni dwar kif għandhom jiddaħħlu l-kwalità, l-effettività u l-effiċjenza fis-sistema tal-ġbir; iqis li r-riformi fit-taxxi tal-Istati Membri jwasslu għal aktar tkabbir biss jekk ikunu jieħdu in kunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet speċifiċi tas-sistema istituzzjonali u amministrattiva, is-sistema ta' produzzjoni u s-suq tax-xogħol (b'mod partikulari r-rata tal-impjegi u d-daqs tal-ekonomija klandestina) f'kull Stat Membru;

33. Jenfasizza l-avariji eżistenti bejn l-Istati Membri f'dak li jirrigwarda l-pressjoni tat-taxxa u l-istrutturi; jirrikonoxxi d-diffikultà li titfassal riforma omoġenja fit-taxxa li twassal għal aktar tkabbir – minħabba l-vantaġġi (bażi usa') u l-iżvantaġġi (id-dgħjufija tal-prinċipju tal-progressività) ta' bidla minn taxxa diretta għal taxxa indiretta msejsa fuq il-konsum; jenfasizza, b'danakollu, li għadd ta' miżuri komuni ta' riformi tat-taxxa għandhom imnejn itejbu b'mod sinifikattiv l-effiċjenza tas-sistema tat-taxxa u l-ġbir tat-taxxa, iżidu l-impjiegi, inaqqsu d-distorsjonijiet u jżidu t-tkabbir f'livell Ewropew, l-aktar, inter alia:

- l-introduzzjoni ta' bażi ta' taxxa usa' (u rati aktar baxxi) sabiex jitnaqqsu d-distorsjonijiet u jiżdied il-ġbir,

- it-tnaqqis tal-pressjoni tat-taxxa fuq ix-xogħol permezz ta' allokazzjoni aktar ġusta tal-piż tat-taxxa fost il-kategoriji varji tat-taxpayers; ir-riorganizzazzjoni ta' skemi ta' inċentivi u tnaqqis ta' taxxi, b'mod partikulari bidla lejn fatturi u/jew setturi oħra,

34. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li r-riformi fit-taxxa mmirati lejn finanzi pubbliċi sodi, it-tkabbir, l-effiċjenza, is-semplifikazzjoni, it-tneħħija tad-distorsjoni u t-taqbida kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u l-paradisi fiskali jkunu aktar effettivi jekk ikunu kkoordinati u kkonsolidati fost l-Istati Membri, b'mod partikulari dawk fiz-zona tal-Euro, billi jitqies il-potenzjal tas-suq intern fl-iżvilupp u l-kompetittività;

35. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-qofol tal-kompożizzjoni tan-nefqa pubblika mmirata lejn it-tkabbir sostenibbli u jenfasizza li l-kwalità u l-effettività tal-investimenti fl-infrastruttura u fil-kapital uman, bil-prijorità tingħata lis-servizzi ta' interess ġenerali fuq il-bażi ta' definizzjoni minn qabel tal-ħtiġiet tan-nies u l-kompożizzjoni tal-popolazzjoni, u tingħata attenzjoni speċjali lejn il-politiki dwar il-ġens u l-bdil demografiku, jikkontribwixxu lejn żjieda fil-produttività u l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea; jenfasizza li l-pressjoni fuq is-servizzi tas-saħħa u s-servizzi soċjali ġejjin mill-popolazzjoni li qed tixjieħ tista' titnaqqas permezz ta' investiment fl-edukazzjoni dwar is-saħħa; jenfasizza li n-nefqa pubblika għandha tkun riorganizzata billi xi punti tal-baġit jiġu riallokati fis-setturi li jtejbu t-tkabbir, li jużaw ir-riżorsi pubbliċi b'mod aktar effettiv u effiċjenti u jipprovdu netwerk integrata pubblika-privata kif xieraq;

36. Jenfasizza li hemm il-ħtieġa li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jiġu riformati u mmodernizzati, għaliex huma ċ-ċentru tas-sistema tan-nfiq u l-ġbir pubbliku, u li jkun żgurat li jissodisfaw il-kriterji ta' effettività, effiċjenza u produttività, ta' responsabilità u tal-valutazzjoni tar-riżultati, maħsuba għall-istruttura tal-amministrazzjoni pubblika u tal-istituzzjonijiet nazzjonali u lokali tal-Istati Membri, u b'kunsiderazzjoni tal-obbligi u l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-operat tal-Unjoni Ewropea, billi jkun żgurat li s-settur pubbliku jkun assoċjat ma' baġits sodi u jikkontribwixxi lejn ekonomija kompetittiva;

37. Jenfasizza l-irwol ċentrali ta' mmaniġġjar ta' baġit sod, imsejjes fuq sett ta' regoli u proċeduri mmirati biex jistabilixxu kif il-baġits pubbliċi għandhom ikunu preparati, implimentati u mmonitorjati fuq tul ta' żmien medju, billi jitqiesu l-konsolidazzjoni tal-baġits tal-Istati Membri u r-riorganizzazzjoni tan-nefqa pubblika, li għandhom ikunu akkumpanjati minn metodu ta' analiżi kontestwali (fuq il-livell Ewropew, nazzjonali u lokali) u d-definizzjoni ta' objettivi, kif ukoll il-valutazzjoni ta' impatt qabel u wara, il-verifika u l-valutzzjoni tar-riżultati u l-prestazzjonijiet, u l-mekkaniżmi ta' aġġustament tal-PBB; jikkunsidra li għandhom jittieħdu l-passi biex jiżbur li r-regoli tal-governanza fiskali tal-Istati Membri jkunu omoġenei u mmexxijin mill-kuntest f'dak li għandu x'jaqsam maż-żmien meta jitwettqu u l-objettivi tagħhom, l-aktar fiz-zona tal-Euro; jikkunsidra wkoll li dawk ir-regoli ta' governanza fiskali għandhom ikunu marbutin mal-governanza ekonomika, bil-għan li jiġu promossi l-opzjonijiet baġitarji ta' ekonomija u investiment, immirati għall-istess objettivi sabiex ikunu aktar effettivi u jkollhom effett multiplikatorju, u biex jiksbu riżultati sinifikattivi, li huma tant aktar neċessarji f'ċirkostanzi ekonomiċi diffiċli bħal dawk ta' bħalissa; hu tal-fehma li hemm il-periklu li l-pjanijiet għal qawmien tal-ekonomiji nazzjonali li ma jkunux koordinati jistgħu jannullaw lil xulxin; b'dan jinnota li l-baġits nazzjonali għandhom jitfasslu fuq il-bażi ta' perspettivi u analiżijiet ekonomiċi konġunti;

38. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex fid-dawl ta' dan kollu, iwaqqfu mekkaniżżmu ta' koordinazzjoni li jimmonitorja u jivvaluta l-kwalità tal-politiki baġitarji tal-Istati Membri li huma marbuta mill-qrib mal-mekkaniżmi tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir u jimplimenta l-linji gwida integrati tal-Istrateġija ta' Liżbona, imsejsa fuq rapportar sistematiku ta' kwalità, valutazzjoni tal-politiki ta' finanzi pubbliċi ta' kwalità permezz tas-sistema ta' bbaġitjar imsejjes fuq il-prestazzjoni u reviżjonijiet perjodiċi tal-politiki ta' finanzi pubbliċi ta' kwalità;

* *

*

39. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Patt ta' Stabilità u Tkabbir rivedut wera li jaħdem pjuttost tajjeb. Madankollu, l-esperjenza reċenti u l-isfidi tal-futur jaċċentwaw għadd ta' kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati. Meta jqisu li l-popolazzjoni qed tikber fl-età, u l-isfidi ġejjin miż-żjieda fl-infiq minħabba l-ħarsien tas-saħħa u l-ħarsien soċjali, imma wkoll minħabba l-bidliet fil-klima u l-globalizzazzjoni, jeħtieg li l-Istati Membri jagħmlu xi għamla ta' progress biex ikollhom il-finanzi pubbliċi tagħhom sostenibbli. Dan ifisser li r-riżorsi eżistenti jridu jintużaw b'mod aktar produttivi u effettiv. Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-EMU 2007 u r-rapport tagħha tal-2008 iqajjem elementi u mistoqsijiet dwar it-titjib futur fil-governanza ekonomika tal-finanzi pubbliċi fuq il-livell tal-UE u fuq il-livell nazzjonali. Se tingħata taqsira tagħhom hawn ’l isfel.

Ir-rapport tal-Kummissjoni 'Finanzi Pubblici fl-EMU 2007' iffoka fuq l-iżgurar tal-effettività tat-taqsima preventiva tal-Patt. Bil-għan li l-assunti makro-ekonomiċi li fuqhom huma msejsa l-projettazzjonijiet tal-baġit jiġu vvalutati aħjar u bil-għan li jkunu aċċentwati r-riskji, il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li jkun hemm moviment lejn valutazzjoni ekonomika usa' tal-programmi ta' stabilità u konverġenza. Mod ieħor ta' kif jitnaqqas id-distakk bejn il-pjanijiet tal-baġit u l-eżiti jista' jkun li tissaħħaħ ir-rabta bejn il-baġits nazzjonali u l-Programmi ta' Stabilita u Konverġenza. F'kemm-il każ, il-Programmi ta' Stabilità u Konverġenza għandhom impatt dgħajjef fuq il-proċess nazzjonali tal-baġit. It-tielet triq hija marbuta mal-kwistjoni ta' jekk u kif il-baġit annwali huwiex imsejjes fuq pjan ta' politika fuq tul ta' żmien medju. F'dan ir-rigward il-prattiki tal-Istati Membri huma differenti. F'ċerti pajjiżi, fl-imgħoddi ġew introdotti oqfsa nazzjonali żviluppati fuq it-terminu medju, u dawn qegħdin jaħdmu tajjeb; f'pajjiżi oħrajn l-uniku strument li jqiegħed il-politika fiskali f'kuntest plurijennali huwa l-programm ta' stabilità u konverġenza. Ir-rapport tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2005, li huwa l-bażi tal-SGP riformata, jaċċentwa l-importanza ta' arranġamenti ta' governanza fiskali domestika biex jikkumplimentaw il-qafas tal-UE. F'dan l-isfond, f'dawn l-aħħar snin l-attenzjoni kienet iffukata fuq l-impatt tar-regoli fiskali u tal-kunsilli fiskali fuq il-prestazzjoni fiskali tal-Istati Membri tal-UE. Għadd ta' pajjiżi tal-UE fil-passat iffaċċjaw diffikultajiet sistematiċi biex jirrispettaw l-objettivi baġitarji fuq tul ta' żmien medju kif stabbiliti fil-Programmi ta' Stabilità u Konverġenza tagħhom. F'dawn il-pajjiżi, l-objettiv ta' 'viċin tal-bilanċ jew b'eċċess' tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir oriġinarju sar objettiv li ma baqax statiku. F'dan l-isfond, il-ministri tal-finanzi tal-Istati Membri tal-UE, fil-kuntest tar-riforma tal-SGP tal-2005, iddeċidew li jieħdu azzjonijiet konkreti biex isaħħu t-taqsima preventiva tal-Patt.

Ir-rapport tal-Kummissjoni 'Finanzi Pubbliċi fl-EMU 2008' jiffoka fuq il-kwalità tal-finanzi pubbliċi. Skont din l-analiżi, l-Istati Membri għandhom possibilitajiet sinifikattivi biex itejbu l-kwalità tal-finanzi pubbliċi. Qed isir appell għal approċċ ta' politika fiskali komprensiva li tgħolli l-kwalità tal-finanzi pubbliċi. L-azzjoni ta' politika tista' tkun waħda li tiffavorixxi aktar it-tkabbir u t-tisħiħ tal-kompetittività permezz ta' miżuri li jgħinu biex iżidu l-effiċjenza tas-sistemi tal-infiq u l-ġbir. L-ewwel nett, finanzi pubbliċi sodi b'mod ġenerali jibqgħu l-istrument prinċipali għall-politika fiskali li twassal għal tkabbir ekonomiku. Pajjiżi li għandhom dejn kbir jesperjenzaw b'mod sinifikattiv tkabbir fuq tul ta' żmien medju aktar baxx b'mod u l-akkumulazzjoni tal-kapital għandha rwol anqas sinifikattiva għat-tkabbir tal-Prodott Gross Domestiku minħabba l-effett tal-"crowding-out". It-tieni nett, meta l-amministrazzjonijiet isiru kbar wisq għandhom it-tendenza li jfixklu t-tkabbir ekonomiku b'mod partikulari jekk ikunu assoċjati ma' piżijiet kbar ta' taxxa fuq ix-xogħol u l-kapital u ma' użu ineffiċjenti tar-riżorsi pubbliċi. It-tielet nett, jekk ċertu tip ta' nfiq pubbliku jiffavorixxix it-tkabbir jiddependi ħafna mill-kapaċità li jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq u jiġu pprovduti l-beni pubbliċi. Ir-raba' nett, l-istrutturi tal-ġbir li jillimitaw id-distorsjonijiet u d-diżinċentivi huma tipikament assoċjati ma' tkabbir akbar. U fl-aħħar nett, il-ksib tar-riżultat f'kull wieħed minn dal-fronti ta' kwalità tal-finanzi pubbiċi jeħtieġlu oqsfa ta' governanza fiskali f'saħħithom. Biex tiġi ffokata b'mod isħaħ il-kwalità tal-finanzi pubbliċi fil-politiki nazzjonali tal-baġits, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni identifikat għadd ta' oqsma biex tittieħed azzjoni li tibni fuq il-Patt ta' Stabilità u Tkabbir rriformat u fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-EMU@10. L-oqsma prinċipali biex titieħħed azzjoni huma: rapporti aktar sistematiċi u komprensivi; l-inklużjoni ta' informazzjoni dwar il-prestazzjoni fil-proċeduri tal-baġit; it-tijib tal-effiċjenza tas-sistemi tat-taxxa; u l-istabbiliment ta' reviżjoni regolari tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi.

L-opinjoni tar-Rapporteur. B'żjieda mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, ir-Rapporteur qajjem u żviluppa xi aspetti speċifiċi, suġġerimenti u talbiet rilevanti għad-diskussjonijiet ta' bħalissa dwar kif għandha titjieb il-kwalità u l-prestazzjoni tal-finanzi pubbliċi tal-UE.

Il-valutazzjoni konġunta tas-sitwazzjoni tal-finanzi pubbliċi f'dawn l-aħħar ftit snin tagħti stampa ċara tal-intensità u l-ambitu tal-bidla li qed issir u l-periklu li jkun hemm rallentament fl-ekonomija u t-tkabbir, flimkien ma' rata ogħla ta' inflazzjoni. In-nuqqasijiet tas-swieq u l-inadegwatezzi regolatorji u superviżorji jitolbu interventi min-naħa tal-finanzi pubbliċi, bil-kuntrarju tal-opinjoni li ddominat s'issa li r-responsabilitajiet għandhom ikunu trasferiti mill-istat għas-suq.

Il-prinċipju li finanzi pubbliċi ta' kwalità u sostenibbli huma vitali għall-pajjiżi individwali u wkoll għall-futur tal-ekonomija u tal-mudell soċjali Ewropew li huwa intrinsiku fl-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea, issa qed jiġi kkonfermat mill-ġdid u possibilment imsaħħaħ. It-taqsima korrettiva tal-SGP rriformata tat riżultati tajbin. It-taqsima preventiva tal-Patt issa teħtieġ li tkun intensifikata, ukoll permezz ta' interventi koordinanti, speċjalment imma mhux biss fiz-zona tal-Euro, b'mod analitiku u b'impenji kondiviżi u armonizzati. Għandhom jittieħdu passi biex tiżdied is-sjieda nazzjonali u biex ikunu identifikati l-qafas u l-obbligi relevanti fuq il-livell ta' finanzi pubbliċi subnazzjonali, li jagħtu lok għal tħassib f'dak li jirrigwarda l-użu ta' derivattivi u strumenti finanzjarji ġodda mill-awtoritajiet lokali.

Huwa wkoll importanti li l-Istati Membri jqiegħdu enfasi fuq l-objettiv ta' tul ta' żmien medju (MTO) bħala objettiv ta' politika ekonomika, baġitarja u fiskali mmirata lejn iċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom.

Il-finanzi pubbliċi għanhom ikunu fattur prinċipali ta' perspettiva ekonomika usa' u komprensiva, marbuta mill-qrib mal-linji gwida integrati tal-Istrateġija ta' Liżbona u bbażata fuq appoġġ għall-investiment, b'mod partikulari fil-kapital uman, fir-riċerka u fl-innovazzjoni, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, kif ukoll l-edukazzjoni ogħla, fis-saħħa, fl-infrastruttura, fl-ambjent, fis-sigurtà u fil-ġustizzja. Iridu jsiru sforzi biex tiġi introdotta infrastruttura Ewropea ġenwina ta' politika ta' investimenti pubbliċi, iffinanzjata parzjalment minn strumenti finanzjarji bħall-Eurobond jew il-Fond Ewropew għall-Investiment.

F'dak li jirrigwarda l-bidla demografika, l-approċċ m'għandux ikun ikkonfinat biss għall-kwistjoni tal-popolazzjoni li qed tixjieħ (u t-tnaqqis fir-rata tat-twelid). Bil-kontra, ikun ħażin kieku l-mira tkun biss fuq iż-żjieda tal-produttività bħala forma ta' protezzjoni kontra ż-żjieda fil-għoli tal-ħajja. Iridu wkoll jinstabu mekkaniżmi biex jiġu protetti l-pensjonijiet.

L-iżgurar tal-kwalità u s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi jinvolvi li tingħata attenzjoni xierqa kemm lill-ġbir kif ukoll lill-infiq. F'dak li jirrigwarda l-ġbir, għandhom jittieħdu passi biex tinġabar aktar taxxa, mingħajr ma jiddgħajjef il-prinċipju tat-tassazzjoni progressiva, u billi titnaqqas il-pressjoni tat-taxxa fuq ix-xogħol, inklużi l-miżuri biex tiġi trasferita lejn fatturi u/jew setturi oħra. F'dak li jirrigwarda l-infiq, l-azzjoni trid tinvolvi valutazzjoni tal-kuntest, ir-rekwiżiti, il-kompożizzjoni tal-popolazzjoni, kif ukoll jitqiesu l-politiki dwar il-ġens u l-bidla demografika. Aktar milli jiġi introdott tnaqqis ġenerali u bla diskriminazzjoni, il-għan għandu jkun li tiġi riorganizzata n-nefqa, billi parzjalment ikunu riallokati l-punti tal-baġit u jiġu mmodernizzati l-amministrazzjonijiet pubbliċi.

Dan jinvolvi indikaturi, objettivi u sistema li tivvaluta l-politiki baġitarji li jorbtu l-allokazzjoni tar-riżorsi mar-riżultati, imsejsa fuq metodoloġija kif mitluba u promossa mill-Parlament Ewropew fil-kuntest ta' bbaġitjar skont il-ġens. Il-governanza t-tajba tal-baġit tinkludi gamma wiesgħa ta' aspetti, mill-analiżi tal-kuntest sa valutazzjonijiet tal-impatt qabel u wara u miżuri ta' aġġustament. Dan iżid it-trasparenza, il-paragonabilità, il-familjarità, anki fost iċ-ċittadini, kif ukoll il-fiduċja u s-sens ta' responsabilità.

Għalhekk, il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma mitluba jiżviluppaw mekkaniżmi ta' koordinazzjoni biex jimmonitorjaw u jivvalutaw il-politiki ta' baġit, biex isaħħu dawk tal-SGP.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Manuel António dos Santos, José Manuel García-Margallo y Marfil, Donata Gottardi, Louis Grech, Benoît Hamon, Othmar Karas, Wolf Klinz, Christoph Konrad, Sirpa Pietikäinen, John Purvis, Bernhard Rapkay, Salvador Domingo Sanz Palacio, Olle Schmidt, Margarita Starkevičiūtė, Ieke van den Burg, Sahra Wagenknecht

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Mia De Vits, Alain Lipietz, Janusz Onyszkiewicz, Bilyana Ilieva Raeva, Theodor Dumitru Stolojan, Kristian Vigenin

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Michael Gahler, Monica Giuntini, Catiuscia Marini

  • [1]       ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 780.
  • [2]       ĠU C 304 E, 1.12.2005, p. 132.
  • [3]       ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 569.
  • [4]       ĠU C 314 E, 21.12.2005, p. 125.
  • [5]       Testi adottati, P6_TA(2008)0057.
  • [6]       ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 422.
  • [7]       ĠU C 287E, 29.11.2007, p.535.
  • [8]       ĠU C 263 E, 16.10.2008, p. 441.
  • [9]       ĠU C 74E, 24.3.2004, p.746.
  • [10]     Testi adottati, P6_TA(2008)0506.