RAPPORT dwar it-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva 2005/29/KE prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u d-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv

18.12.2008 - (2008/2114(INI))

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Rapporteur: Barbara Weiler

Proċedura : 2008/2114(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0514/2008
Testi mressqa :
A6-0514/2008
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva 2005/29/KE prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u d-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv

(2008/2114(INI))

Il-Parlament Ewropew,

- wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari d-dispożizzjonijiet tiegħu li jistabbilixxu s-suq intern u li jiggarantixxu li l-intrapriżi jkollhom il-libertà li jipprovdu servizzi fi Stati Membri oħra,

- wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiki kummerċjali qarrieqa fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern[1] ("Id- Direttiva UCP"),

- wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv[2] ("Id-Direttiva MCA"),

- wara li kkunsidra d-Direttiva 97/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 1997 li temenda d-Direttiva tal-KEE 84/450 dwar reklamar qarrieqi sabiex tinkludi reklamar komparattiv[3],

- wara li kkunsidra d-Direttiva 84/450/KEE tal-Kunsill tal-10 ta' Settembru 1984 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi[4],

- wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (“ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi”)[5],

- wara li kkunsidra d-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi[6], u r-rapport tat-18 ta' Novembru 2008 mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tagħha (COM(2008)0756),

- wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-27 ta' Novembru 2008 dwar ir-rimedju kollettiv tal-konsumaturi (COM(2008)0794),

- wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-13 ta’ Marzu 2007 dwar l-Istrateġija tal-Politika tal-Konsumatur 2007-2013 (COM(2007) 0099),

- wara li kkunsidra aktar minn 400 petizzjoni dwar kumpaniji qarrieqa tad-direttorju minn 24 Stat Membru u minn 19-il pajjiż terz, li waslu għand il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu,

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-kumpaniji ta' direttorju qarrieqa[7],

- wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet[8],

- wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

- wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A6-0514/2008),

A.  billi l-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-Ħarsien tal-Konsumatur għall-2007-2013 timmira li jkun hemm "superviżjoni aħjar tas-swieq tal-konsumatur u politiki tal-konsumatur nazzjonali" u timmira li tikseb "traspożizzjoni f’waqtha u uniformi tad-Direttiva dwar il-prassi kummerċjali inġusti" b'mod partikolari,

B.   billi d-Direttiva UCP fiha strateġija ġdida fil-qasam tal-liġi tal-konsumatur tal-UE billi tipprevedi armonizzazzjoni massima għall-ħarsien tal-konsumaturi kontra prattiki kummerċjali inġusti,

C.  billi d-Direttiva MCA tikkodifika d-Direttiva 84/450/KEE, u b'mod partikolari l-emendi għaliha introdotti mid-Direttiva 97/55/KE, u tillimita l-ambitu tagħha għal tranżazzjonijiet bejn intrapriża u oħra (B2B),

D.  billi l-ambitu tad-Direttiva UCP huwa limitat għal tranżazzjonijiet bejn l-intrapriżi u l-konsumaturi u ma jkoprix il-prattiki kummerċjali kollha, iżda dawk biss li jistgħu jitqiesu inġusti; billi dik id-Direttiva hija limitata għal prattiki kummerċjali li jistgħu jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi, u fil-qafas ta' din id-Direttiva mhumiex meħtieġa aġġustamenti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali biex jitħarsu l-intrapriżi mill-prattiki kummerċjali inġusti ta' intrapriżi oħra,

E.   billi tliet Stati Membri ma nnotifikawx lill-Kummissjoni bil-miżuri adottati għat-traspożizzjoni tad-Direttiva UCP, jiġifieri l-Ġermanja, Spanja u l-Lussemburgu; billi ġew riferuti tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (ECJ) fir-rigward tal-kompatibilità tal-miżuri nazzjonali mad-Direttiva UCP; billi l-Kummissjoni hija tal-fehma li ġiet identifikata traspożizzjoni inadegwata f'xi Stati Membri,

F.   billi d-Direttivi UCP u MCA jħallu lill-Istati Membri diskrezzjoni konsiderevoli fir-rigward tar-rimedji u l-penali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tagħhom,

G.  billi hemm nuqqas ta' rimedji legali effettivi għall-ksur tad-Direttiva MCA, kif ukoll nuqqas ta' infurzar tal-istess Direttiva, kif intwera, inter alia, mill-każ ta' kumpaniji tad-direttorju involuti fi prattiki qarrieqa,

Introduzzjoni

1.  Jenfasizza l-importanza tad-Direttivi UCP u MCA sabiex il-konsumaturi u n-negozjanti jkollhom aktar fiduċja meta jwettqu tranżazzjonijiet transkonfinali u biex tiġi żgurata aktar ċertezza legali għall-intrapriżi fir-rigward tal-ammissibilità ta' prattiki kummerċjali u riklamar differenti fis-suq intern;

2.  Jenfasizza li d-Direttiva UCP hija punt ta' referenza bħala liġi fil-qasam tal-liġi tal-konsumatur tal-UE u li t-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tagħha se jkunu sors kruċjali għall-iżvilupp tal-liġi tal-konsumatur tal-UE fil-ġejjieni u għall-iżvilupp sħiħ tal-potenzjal tas-suq intern, l-iżvilupp tal-kummerċ transkonfinali u l-kummerċ elettroniku;

3.   Jemmen bis-sħiħ li t-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar kif suppost tad-Direttivi UCP u MCA huma kruċjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' dawn id-Direttivi, partikolarment meta wieħed iqis id-differenzi fis-sistemi ta' infurzar u fit-tekniki ta' implimentazzjoni tal-Istati Membri, il-kumplessità ta' xi wħud mill-kunċetti legali li jinsabu fid-direttivi, ir-regoli nazzjonali multipli u estensivi li jeżistu li jirregolaw il-prattiki kummerċjali u r-riklamar inġusti u l-ambitu wiesa' tad-Direttivi;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni, b'referenza għall-Premessa 8 tad-Direttiva UCP, biex tinvestiga l-ħtieġa tal-ħarsien ta' impriżi żgħar u medji kontra prattiki aggressivi ta' negozju u, jekk ikun xieraq, li tibda l-miżuri ta' segwitu li jkun hemm bżonn;

Kodifikazzjoni u traspożizzjoni

5.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforz tal-Kummissjoni li tassisti lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-Direttivi UCP u MCA;

6.   Jinnota li l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 84/450/KEE, kif emendata bid-Direttiva 97/55/KE, li jirreferi għal "paragun li jirreferi għal offerta speċjali", tħassar u ma jidher la fid-Direttiva UCP u lanqas fid-Direttiva MCA; jesprimi dispjaċir li teżisti konfużjoni dwar il-konsegwenzi ta' dan it-tħassir għat-tranżazzjonijiet bejn intrapriża u oħra, kif jidher ċar, b'mod partikolari, mill-approċċi diverġenti tal-Istati Membri lejn iż-żamma fil-liġi nazzjonali, wara l-adozzjoni tad-Direttiva UCP, ta' dispożizzjonijiet diġà eżistenti li jimplimentaw l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 84/450/KEE kif emendata bid-Direttiva 97/55/KE; jistieden lill-Istati Membri biex bl-għajnuna tal-Kummissjoni jinvestigaw dan il-każ u jekk ikun possibbli jieħdu azzjoni ta' segwitu;

7.  Iqis li l-Kummissjoni għandha jew tippreżenta proposta għal emenda għad-Direttiva MCA li tinkludi "lista sewda" ta' prattiki li f'kull ċirkustanza għandhom jitqiesu bħala qarrieqa, jew inkella testendi l-ambitu tad-Direttiva UCP sabiex ikunu koperti kuntratti B2B b'attenzjoni speċjali għall-punt 21 tal-Anness I tagħha; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tirrapporta dwar il-miżuri meħuda sa Diċembru 2009;

8.  Josserva li diversi Stati Membri firdu l-"lista s-sewda" li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva UCP huma u jittrasponuwha u jimplimentawha fis-sistemi legali tagħhom; iqis li t-tifrid tal-lista s-sewda f'taqsimiet differenti ta' leġiżlazzjoni nazzjonali joħloq konfużjoni għall-intrapriżi u jista' jwassal għal distorsjonijiet fl-applikazzjoni tad-Direttiva UCP; jitlob lill-Kummissjoni biex taħdem mal-Istati Membri fl-adattament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom sabiex il-"listi s-suwed" ikunu viżibbli u utli għall-konsumaturi sa fejn dan huwa possibbli;

9.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jissorveljaw is-sistemi legali tagħhom sabiex jevitaw kwalunkwe duplikazzjonijiet possibbli bejn ir-regoli adottati fit-traspożizzjoni tad-Direttivi UCP u MCA u dispożizzjonijiet nazzjonali li diġà jeżistu, biex b'hekk jiżguraw aktar ċarezza għall-konsumaturi u l-intrapriżi fir-rigward tal-proċess ta' traspożizzjoni;

10.     Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiffukaw l-isforzi tagħhom fuq it-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar kif suppost tad-Direttivi UCP u MCA u sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali u s-sentenzi tal-ECJ kollha rilevanti jiġu rrispettati;

11. Iqis li, fit-tranżazzjonijiet transkonfinali, il-konsumaturi u n-negozji huma mxekkla mit-traspożizzjoni tad-Direttivi li ssir b'mod mhux korrett jew tard min-naħa tal-Istati Membri;

Implimentazzjoni u infurzar

12. Jinnota li xi Stati Membri pprevedew li ċerti entitajiet regolatorji biss jistgħu jinfurzaw ir-regoli nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni tad-Direttiva UCP iżda ma ħasbux għal dispożizzjonijiet biex il-konsumaturi jkollhom id-dritt dirett għal rimedju, li għaldaqstant mhumiex intitolati li jressqu kawżi għad-danni li jirriżultaw minn prattiki kummerċjali inġusti; jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan sabiex iqisu l-ħtieġa li l-konsumaturi jingħataw dritt dirett għal rimedju biex jiġi żgurat li jkunu mħarsa biżżejjed kontra prattiki kummerċjali inġusti;

13. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżultat tal-Ispezzjoni tal-Linji tal-Ajru tal-UE (EU Airlines Sweep) u l-Ispezzjoni tar-Ringtones tal-UE (EU Ringtones Sweep) tal-Kummissjoni bħala l-ewwel pass lejn monitoraġġ aħjar tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern; jenfasizza l-ħtieġa li f'dan ir-rigward isiru spezzjonijiet estiżi f’intervalli regolari; jistieden lill-Kummissjoni, f'koperazzjoni man-Netwerk tal-Koperazzjoni għall-Ħarsien tal-Konsumatur, sabiex tiġbor data simili dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern f'oqsma ewlenin oħrajn tas-suq intern;

14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa għodod ta' monitoraġġ tal-implimentazzjoni aktar effiċjenti, bħall-ispezzjonijiet (sweeps), b'mod li l-infurzar tal-liġi dwar il-ħarsien tal-konsumatur jitjieb; jitlob lill-Kummissjoni biex tqis il-fattibilità tal-integrazzjoni tal-ispezzjonijiet fil-mekkaniżmi ta' monitoraġġ tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Konsumatur;

15. Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jikkoperaw bis-sħiħ mal-Kummissjoni fit-twettiq u s-segwitu ta' spezzjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni;

16. Jenfasizza l-importanza ta' data u informazzjoni raġonevoli, f'waqtha u preċiża għall-monitoraġġ adegwat tas-suq tal-prodotti għall-konsumatur; jinnota l-irwol fundamentali tal-organizzazzjonijiet tan-negozji u tal-konsumaturi fil-forniment ta' data bħal din;

17. Jisħaq dwar l-importanza ta' infurzar transkonfinali għat-tħaddim tas-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa aktar l-użu tan-Netwerk tal-Koperazzjoni għall-Ħarsien tal-Konsumatur b'mod li l-infurzar transkonfinali jkun jista' jitjieb; jenfasizza l-ħtieġa li tkompli titqajjem kuxjenza dwar in-Network Ewropew taċ-Ċentri tal-Konsumatur;

18. Jistieden lill-Istati Membri biex jiddedikaw persunal u riżorsi finanzjarji adegwati lill-infurzar transkonfinali;

19. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali biex isaħħu l-koperazzjoni transkonfinali fir-rigward tas-servizzi ta' bażijiet ta' data qarrieqa;

20. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi bażi ta' data aċċessibbli pubblikament ta' miżuri nazzjonali adottati fit-traspożizzjoni tal-UCP, ta' ġurisprudenza dwarhom u ta' materjal rilevanti ieħor; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi f'din il-bażi ta' data rapporti ta' monitoraġġ mill-esperti li, fuq il-bażi ta' każijiet dokumentati fil-bażi ta' data, jifformulaw rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-azzjoni sabiex jitjieb l-infurzar tal-liġi; jistieden lill-Kummissjoni sabiex barra minn hekk tuża din il-bażi ta' data sabiex toħloq websajt ta' "punt wieħed ta' aċċess" fejn kemm l-intrapriżi u kif ukoll il-konsumaturi jkunu jistgħu jsibu informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Istati Membri;

21. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jorganizzaw kampanji ta' informazzjoni sabiex tiżdied il-kuxjenza tal-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom, u b'hekk jipprovdulhom iktar ħarsien minn prattiki kummerċjali inġusti u riklamar komparattiv qarrieqi;

22. Jirrimarka li l-monitoraġġ tat-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar huwa eżerċizzju li jirrikjedi ħafna riżorsi; iqis, għaldaqstant, li l-Kummissjoni għandha tingħata r-riżorsi umani xierqa biex tissorvelja l-implimentazzjoni b'mod aktar effettiv;

23. Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu biżżejjed gwida lill-kumpaniji fil-livell nazzjonali; jenfasizza bħala eżempju tal-aħjar prattika: "Consumer Protection from Unfair Trading Regulations: a basic guide for business" (Il-Ħarsien tal-Konsumatur minn Regolamenti Kummerċjali Inġusti: gwida bażika għall-intrapriżi), ippubblikat mid-Dipartiment tar-Renju Unit għall-Intrapriżi u r-Riforma Regolatorja flimkien mal-Uffiċċju tar-Renju Unit għall-Kummerċ Ġust;

24. Jinsisti li l-Kummissjoni tressaq fil-ħin, sat-12 ta' Ġunju 2011, rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni skont l-Artikolu 18a tad-Direttiva UCP li jinkorpora l-esperjenza li tkun inkisbet mid-Direttiva MCA;

°

° °

25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

  • [1]  ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.
  • [2]  ĠU L 376, 27.12.2000, p. 21.
  • [3]  ĠU L 290, 23.10.1997, p. 18.
  • [4]  ĠU L 250, 19.9.1984, p. 17.
  • [5]  ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.
  • [6]  ĠU L 166, 11.6.1998, p. 51.
  • [7]  Testi adottati, P6_TA(2008)0608.
  • [8]  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Il-liġi tal-UE dwar il-kummerċ inġust kienet soġġetta għal tibdiliet dan l-aħħar. Id-Direttiva dwar ir-Reklamar Qarrieqi (84/450/KEE), li tapplika kemm għal tranżazzjonijiet bejn intrapriża u oħra u kif ukoll għal dawk bejn intrapriża u l-konsumaturi, ġiet imħassra, u l-emendi tagħha, b'mod partikolari d-Direttiva 97/55/KE dwar Reklamar Qarrieqi maħsuba biex tinkludi r-Reklamar Komparattiv, ġew ikkonsolidati f'att legali wieħed: Id-Direttiva dwar Reklamar Qarrieqi u Komparattiv (MCA) (2006/114/KE) li hija limitata għal tranżazzjonijiet bejn intrapriża u oħra. Barra minn hekk, ġiet adottata Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Inġusti (UCP) (2005/29/KE), li tiffoka fuq ir-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi u l-konsumaturi.

Dawn id-Direttivi għandhom l-għan li jipprovdu aktar fiduċja lill-konsumaturi biex jipparteċipaw fi tranżazzjonijiet transkonfinali u aktar ċertezza legali fir-rigward tal-ammissibilità ta' prattiki kummerċjali u reklamar differenti fis-suq intern. Filwaqt li l-MCA mhijiex maħsuba li tinvolvi bidliet sostantivi sinifikanti meta mqabbla mal-leġiżlazzjoni preċedenti, il-UCP fiha numru ta' bidliet sostantivi fir-rigward tar-regolamentazzjoni ta' prattiki kummerċjali fi tranżazzjonijiet bejn l-intrapriżi u l-konsumatur. B'mod partikolari, ġew introdotti "lista sewda" ta' prattiki kummerċjali li għandhom ikunu pprojbiti f'kull ċirkostanza, kif ukoll numru ta' kunċetti oriġinali bħad-"diliġenza professjonali", bħala elementi ġodda fil-ħarsien tal-konsumatur minn prattiki kummerċjali inġusti. Barra minn hekk, il-UCP tinkorpora strateġija innovattiva fil-qasam tal-liġi tal-konsumatur tal-UE billi tipprevedi armonizzazzjoni massima għall-ħarsien tal-konsumaturi kontra prattiki kummerċjali inġusti.

Ir-rapporteur temmen bis-sħiħ li t-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar kif suppost tal-UCP u l-MCA huma kruċjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħhom, partikolarment meta wieħed iqis id-differenzi fis-sistemi ta' infurzar u fit-tekniki ta' implimentazzjoni tal-Istati Membri, il-kumplessità ta' xi wħud mill-kunċetti legali li jinsabu fid-direttivi, ir-regoli nazzjonali multipli u estensivi li jirregolaw il-prattiki kummerċjali u r-riklamar inġusti u kif ukoll l-ambitu wiesa' tad-Direttivi. Hija tal-opinjoni li d-diffikultajiet biex jitwaqqaf l-ingann minn kumpaniji "tad-direttorji" li japplikaw prattiki qarrieqa juru nuqqas ta' rimedji legali effettivi u infurzar tal-MCA.

Kodifikazzjoni u Traspożizzjoni

Ir-rapporteur tilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tal-UCP u l-MCA. Madankollu, tqis li l-Istati Membri għandhom jiffukaw aħjar l-isforzi tagħhom biex jiżguraw traspożizzjoni kif suppost tad-Direttivi; S'issa tliet pajjiżi ma nnotifikawx lill-Kummissjoni l-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom għall-UCP: il-Ġermanja, Spanja u l-Lussemburgu, u l-Kummissjoni identifikat traspożizzjoni inadegwata f'bosta Stati Membri. Barra minn hekk, tliet każijiet ġew riferuti lill-ECJ.

Ir-rapporteur tosserva li bosta Stati Membri firdu l-"lista s-sewda" li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva UCP huma u jittrasponuwha u jimplimentawha fis-sistemi legali tagħhom, u tqis li t-tifrid tal-lista s-sewda f'taqsimiet differenti tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri joħloq konfużjoni għall-intrapriżi u jista' jwassal għal distorsjonijiet fl-applikazzjoni tal-UCP. Tqis li huwa importanti li l-Istati Membri jissorveljaw kif suppost is-sistemi legali tagħhom sabiex jevitaw kwalunkwe duplikazzjonijiet possibbli bejn ir-regoli adottati fit-traspożizzjoni tad-Direttivi u dispożizzjonijiet nazzjonali li diġà jeżistu, biex b'hekk jiżguraw aktar ċarezza għall-konsumaturi u l-intrapriżi fir-rigward tal-proċess ta' traspożizzjoni.

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur iddiskuta fid-dettall l-ingann mill-kumpaniji "tad-direttorji" li japplikaw prattiki kummerċjali qarrieqa fil-kuntest tal-Opinjoni tiegħu għar-Rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar il-European City Guide (Petizzjoni 45/2006) Filwaqt li jiġi kkunsidrat l-Istudju dwar il-Prattiki Qarrieqa tal-Kumpaniji tad-Direttorji kkummissjonat mill-Kumitat tiegħu għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, ir-rapporteur tissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha jew tikkunsidra li temenda l-MCA biex tinkludi "lista sewda" ta' prattiki li għandhom jiġu meqjusa qarrieqa, jew li testendi l-ambitu tal-UCP biex jiġu koperti l-kuntratti B2B b'attenzjoni speċjali għall-punt 21 tal-Anness I tagħha.

Implimentazzjoni u Infurzar

Ir-rapporteur hija tal-opinjoni li bidliet sostantivi għall-konsumaturi u l-intrapriżi fid-direttiva dwar il-prattiki kummerċjali inġusti għandhom jiġu sostnuti permezz ta' proċedimenti ta' infurzar aċċessibbli u rimedji effettivi f'każ ta' ksur minn kummerċjanti mingħajr skrupli. B'mod partikolari, hija tappoġġja Stati Membri li jintroduċu dritt għall-konsumaturi li jressqu talbiet għal danni li jirriżultaw minn prattiki kummerċjali inġusti.

Fl-2007, il-Kummissjoni użat għall-ewwel darba l-"Ispezzjoni tal-UE" (EU-Sweep) bħala għodda ġdida biex tiċċekkja u tinforza l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni għall-ħarsien tal-konsumatur fir-rigward tal-websajts tal-linji tal-ajru. L-ispezzjoni (sweep) hija kontroll sistematiku li jitwettaq fl-istess ħin fi Stati Membri differenti minn awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar u huwa kkoordinat mill-Kummissjoni Ewropea skont ir-Regolament dwar il-Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi (Regolament (KE) Nru 2006/2004) li daħal fis-seħħ fl-aħħar tal-2006.

Għal 43.6% tal-websajts analizzati, l-irregolaritajiet ġew ikkonfermati matul il-fażi tal-infurzar. Dawn l-irregolaritajiet kienu jikkonċernaw prinċipalment indikazzjonijiet ta' prezzijiet mhux kompleti (l-ebda taxxi jew ħlasijiet ma kienu inklużi fl-istima inizjali), informazzjoni mhix ċara dwar il-kundizzjonijiet tal-kuntratt, u offerti fittizji ta' qabel ma jinħarġu fis-suq jew offerti ta' biljetti b'xejn.

Ir-rapporteur tilqa' b'sodisfazzjon ir-riżultati tal-Ispezzjoni tal-Linji tal-Ajru tal-UE (EU Airlines Sweep) tal-2007 u l-Ispezzjoni tar-Ringtones tal-UE (EU Ringtones Sweep) tal-2008 mill-Kummissjoni. Taħseb li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa għodod ta' monitoraġġ tal-implimentazzjoni aktar effiċjenti, bħall-ispezzjonijiet (sweeps).

Mill-perspettiva tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-prattiki kummerċjali b'dimensjoni transkonfinali, jiġifieri prattiki fejn il-kummerċjant ikun qed joffri prodotti u servizzi għall-konsumaturi minn pajjiż (il-pajjiż tal-oriġini) lil konsumaturi li jkunu domiċiljati f'pajjiż ieħor (il-pajjiż tad-destinazzjoni). F'każijiet bħal dawn, huwa ħafna iktar diffiċli għall-awtoritajiet fil-pajjiż tad-destinazzjoni biex jinfurzaw ir-rimedji kontra l-kummerċjanti. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-konsumaturi fil-pajjiż tal-oriġini xi drabi ma jkunux interessati li jieħdu azzjoni xierqa kontra prattiki kummerċjali inġusti fil-pajjiż tad-destinazzjoni. L-Istati Membri jiddedikaw ukoll riżorsi differenti għall-attivitajiet tal-infurzar u jirriżultaw nuqqasijiet serji fl-applikazzjoni u l-infurzar tad-Direttivi fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni transkonfinali.

Ir-rapporteur taħseb li huwa importanti li l-Kummissjoni tkompli bl-użu tal-possibiltajiet ipprovduti mn-Netwerk ta' Kooperazzjoni għall-Ħarsien tal-Konsumatur, b'mod li l-infurzar transkonfinali tal-liġi jkun jista' jitjieb. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri għandhom jiddedikaw ukoll persunal u riżorsi finanzjarji adegwati lill-infurzar transkonfinali.

L-implimentazzjoni tajba ta' Direttiva tfisser li l-individwi jkunu konxji b'mod sħiħ mid-drittijiet tagħhom. L-estensjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi bil-UCP għandha tmur id f'id ma' miżuri li huma neċessarji biex jiġi appoġġjat l-użu ta' dawn id-drittijiet. Għandhom jiġu kkunsidrati, fil-livell tal-Istat Membru, kampanji ta' għarfien għall-konsumaturi, livelli mtejba ta' edukazzjoni tal-konsumaturi u taħriġ għal dawk li jagħtu l-pariri lill-konsumaturi. Ir-rapporteur tenfasizza "The Consumer Protection from Unfair Trading Regulations: a basic guide for business" (Il-Ħarsien tal-Konsumatur minn Regolamenti Kummerċjali Inġusti: gwida bażika għall-intrapriżi), ippubblikat mill-Uffiċċju tar-Renju Unit għall-Kummerċ Ġust, bħala eżempju tal-aħjar prattika biex tingħata gwida lill-intrapriżi.

Fl-aħħarnett, ir-rapporteur tilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tistabbilixxi bażi ta' data miftuħa għall-aċċess pubbliku, ta' miżuri nazzjonali adottati fit-traspożizzjoni tal-UCP, tal-ġurisprudenza u ta' materjal rilevanti ieħor, u tissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tuża din il-bażi ta' data sabiex toħloq websajt ta' "punt wieħed ta' aċċess" fejn kemm l-intrapriżi u kif ukoll il-konsumaturi jkunu jistgħu jsibu informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni fis-seħħ f'kull Stat Membru.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

15.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriela Creţu, Janelly Fourtou, Martí Grau i Segú, Malcolm Harbour, Anna Hedh, Iliana Malinova Iotova, Alexander Graf Lambsdorff, Kurt Lechner, Catiuscia Marini, Nickolay Mladenov, Catherine Neris, Zita Pleštinská, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Leopold Józef Rutowicz, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler, Marian Zlotea

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Emmanouil Angelakas, Wolfgang Bulfon, Colm Burke, Giovanna Corda, Brigitte Fouré, Joel Hasse Ferreira, Othmar Karas

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Zdzisław Kazimierz Chmielewski, Gay Mitchell, Vladimir Urutchev