RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 fil-qasam tal-ajrudromi, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2006/23/KE

19.12.2008 - (COM(2008)0390 – C6‑0251/2008 – 2008/0128(COD)) - ***I

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Marian-Jean Marinescu

Proċedura : 2008/0128(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0515/2008
Testi mressqa :
A6-0515/2008
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 fil-qasam tal-ajrudromi, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2006/23/KE

(COM(2008)0390 – C6‑0251/2008 – 2008/0128(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0390),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2), u l-Artikolu 80(2) tat-Trattat KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0251/2008),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0515/2008),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Emenda  1

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Premessa 2 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(2a) F'dan ir-rigward, ikun xieraq li jkun hemm parteċipazzjoni iktar attiva min-naħa tal-Aġenzija fl-istħarriġ relatat mal-inċidenti tal-ajru, partikolarment meta dawn l-inċidenti jikkawżaw diżgrazzji. F'dawn il-każijiet ikun xieraq li l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom listi ta' passiġġieri qabel ma jinbdew it-titjiriet, sabiex ikunu jistgħu jinfurmaw lill-familji tal-vittmi f'każ fejn ikun hemm inċidenti tal-ajru, u dan mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta.

 

1 ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

Ġustifikazzjoni

L-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza tal-Ajru qed testendi l-kompetenzi tagħha fl-oqsma kollha relatati mas-sikurezza tal-ajru sabiex ikun hemm iktar effikaċja u trasparenza, u dehret utli l-parteċipazzjoni attiva tagħha fl-istħarriġ ta' xi wħud mill-inċidenti li seħħew fil-Komunità. Sabiex jiżdiedu l-effikaċja u t-trasparenza jeħtieġ li, b'mod immedjat, wieħed ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu ammont massimu ta' informazzjoni, u b'mod partikolari l-listi tal-passiġġieri li jkunu rikbu l-ajruplan.

Emenda  2

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Premessa 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3) Il-kisbiet tal-inizjattiva tas-Sema Uniku Ewropew għandhom jiġu kkumplimentati mill-element tas-sikurezza armonizzat li għandu jiġi applikat lill-ajrudromi u lill-ATM/ANS.

(3) Il-kisbiet tal-inizjattiva tas-Sema Uniku Ewropew għandhom jiġu kkomplementati mill-element tas-sikurezza armonizzat li għandu jiġi applikat lill-ajrudromi u lill-ATM/ANS. Għalhekk huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-qafas regolatorju tas-sikurezza jiġi żviluppat b'mod parallel maż-żieda fil-kapaċità tal-ispazju tal-ajru u mal-prestazzjoni tal-ATM/ANS kif ukoll mal-użu ta' teknoloġiji ġodda f'dan il-qasam.

Ġustifikazzjoni

Il-kontenut u d-dħul fis-seħħ tal-estensjoni tar-Regolament Bażiku tal-EASA għandhom ikunu marbuta mal-miżuri regolatorji l-oħra tal-pakkett Sema Uniku. Dan l-għan għandu jiġi enfasizzat fi Premessa.

Emenda  3

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Premessa 9

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(9) Hija mira ġenerali illi t-trasferiment tal-funzjonijiet u l-kompiti mill-Istati Membri lill-Aġenzija, inklużi dawk li jirriżultaw mill-kooperazzjoni tagħhom permezz tal-Kummissjoni tar-Regolamenti tas-Sikurezza ta’ l-Eurocontrol, għandu jsir b'mod effiċjenti, mingħajr tnaqqis fil-livelli għolja kurrenti ta' sikurezza u mingħajr l-ebda impatt negattiv fuq skedi ta' ċertifikazzjoni. Miżuri approprjati għandhom jiġu adottati sabiex jipprovdu għat-tranżizzjoni neċessarja.

(9) Hija mira ġenerali illi t-trasferiment tal-funzjonijiet u l-kompiti mill-Istati Membri lill-Aġenzija, inklużi dawk li jirriżultaw mill-koperazzjoni tagħhom permezz tal-Kummissjoni tar-Regolamenti tas-Sikurezza tal-Eurocontrol, għandu jsir b'mod effiċjenti, mingħajr tnaqqis fil-livelli għolja kurrenti ta' sikurezza u mingħajr l-ebda impatt negattiv fuq skedi ta' ċertifikazzjoni. Miżuri approprjati għandhom jiġu adottati sabiex jipprovdu għat-tranżizzjoni neċessarja. L-Aġenzija għandu jkollha riżorsi biżżejjed għar-responsabilitajiet il-ġodda tagħha, u ż-żmien tal-allokazzjoni ta' dawn ir-riżorsi għandu jkun ibbażat fuq il-ħtieġa u l-iskeda definiti għall-adozzjoni u l-applikabilità rispettiva tar-regoli ta' implimentazzjoni relatati.

Ġustifikazzjoni

L-Aġenzija għandu jkollha riżorsi biżżejjed sabiex tkun tista' tilħaq l-istandards għolja meħtieġa fit-twettiq tal-kompiti previsti skont l-estensjoni tal-kompetenza tagħha biex tkopri r-regolament ta' sikurezza tal-ajrudromi, tal-ATM u tal-ANS.

Emenda  4

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Artikolu 1 - punt 1

Regolament (KE) Nru 216/2008

Artikolu 1 – paragrafu 2 – punt b

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b) ajrudromi jew partijiet minnhom, kif ukoll tagħmir, persunal, u organizzazzjonijiet, imsemmijin fil-paragrafu 1(c) and (d), meta użati esklussivament minn inġenji ta’ l-ajru li jidħlu fl-ambitu tal-punt (a) ta’ dan il-paragrafu;

(b) ajrudromi jew partijiet minnhom, kif ukoll tagħmir, persunal, u organizzazzjonijiet, imsemmijin fil-paragrafu 1(c) and (d), meta użati esklużivament minn inġenji tal-ajru li jidħlu fl-ambitu tal-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, kif ukoll dawk li jintużaw l-aktar għal titjir rikreattiv u sportiv biss;

Ġustifikazzjoni

L-ajrudromi li jintużaw l-aktar għal titjir rikreattiv u sportiv m'għandhomx ikunu koperti minn dan ir-Regolament.

Emenda  5

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Artikolu 1 – punt 2 – punt c

Regolament (KE) Nru 216/2008

Artikolu 3 – punt s a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(sa) “awtorità superviżorja nazzjonali” (NSA) tfisser korp stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004;

Ġustifikazzjoni

Id-definizzjoni hija meħtieġa sabiex jiġu żgurati kjarifiki ta' appoġġ tul it-test.

Emenda  6

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Artikolu 1 - punt 3

Regolament (KE) Nru 216/2008

Artikolu 4 - paragrafu 3a

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3a. L-ajrudromi miftuħa għall-użu pubbliku, inkluż it-tagħmir, li qegħdin fit-territorju soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u li jistgħu jservu t-traffiku operat skond ir-regoli ta’ l-istrumenti tat-titjira jew l-inġenji b’massa massima tat-tlugħ ta’ 2730 kg jew aktar għandhom jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament. Il-persunal u l-organizzazzjonijiet involuti fl-operazzjoni ta' dawn l-ajrudromi għandhom jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

3a. L-ajrudromi jew partijiet minnhom, miftuħa għall-użu pubbliku, inkluż it-tagħmir, li qegħdin fit-territorju soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u li jservu t-traffiku tal-ajru kummerċjali operat skont ir-regoli tal-istrumenti tat-titjira għandhom jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament. Il-persunal u l-organizzazzjonijiet involuti fl-operazzjoni ta' dawn l-ajrudromi għandhom jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

Emenda  7

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Artikolu 1 - punt 7

Regolament (KE) Nru 216/2008

Artikolu 8a – paragrafu 2 – punt b - sottopunt iii a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(iiia) id-derogi notifikati mill-Anness 14 tal-Konvenzjoni ta' Chicago jew proġetti infrastrutturali tal-ajruporti diġà approvati fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, li m'għandhomx jiġu affettwati u għandhom jiġu rikonoxxuti bħala li huma mingħajr ebda limiti.

Ġustifikazzjoni

Iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 8 (2c) bl-ebda mod ma jista' jitfa' dubju fuq l-approvazzjonijiet eżistenti għall-ajruporti jew ifittex li jissostitwixxihom. L-iktar l-iktar, jista' jinħareġ bħala tip ta' miżura ''supplimentari''. Il-prinċipji ta' protezzjoni ta' xogħol eżistenti u l-aspettativi leġittimi għandhom jiġu osservati.

Emenda  8

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Artikolu 1 - punt 7

Regolament (KE) Nru 216/2008

Artikolu 8a – paragrafu 2 - subparagrafu 1 a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Iċ-ċertifikati msemmija f'paragrafu 2 jistgħu jinħarġu mill-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Avjazzjoni.

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda tiċċara l-kompetenzi ta' bosta istituzzjonijiet involuti fil-proċess ta' ċertifikazzjoni.

Emenda  9

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Artikolu 1 - punt 7

Regolament (KE) Nru 216/2008

Artikolu 8b - paragrafu 5 a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

5a. Iċ-ċertifikati msemmija f'paragrafi 2, 4 u 5 jistgħu jinħarġu mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali.

Ġustifikazzjoni

Tiżgura konsistenza mar-Regolamenti tas-Sema Uniku Ewropew.

Emenda  10

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Artikolu 1 - punt 7

Regolament (KE) Nru 216/2008

Artikolu 8c - paragrafu 9 a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

9a. Iċ-ċertifikati jew l-approvazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 7, 8 u 9 jistgħu jinħarġu mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali.

Ġustifikazzjoni

Biex tiġi żgurata konsistenza fit-test kollu.

Emenda  11

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Artikolu 1 - punt 7

Regolament (KE) Nru 216/2008

Artikolu 8d – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Il-korpi li joffru servizzi li jikkonsistu fil-valutazzjoni tal-konformità tas-sistemi jew partijiet u mezzi ATM/ANS bir-rekwiżiti applikabbli u fil-ħruġ taċ-ċertifikati relatati (minn hawn ‘il quddiem “korpi akkreditati”) għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Anness V.

1. Il-korpi akkreditati għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Anness V.

Ġustifikazzjoni

L-emenda proposta tiżgura l-proporzjonalità sa mil-livell tar-Regolament bażiku billi l-korpi akkreditati jiġu fdati bil-kompiti taċ-ċertifikazzjoni fl-oqsma kollha skont il-ħtieġa.

Emenda  12

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Artikolu 1 - punt 7

Regolament (KE) Nru 216/2008

Artikolu 8d - paragrafu 2 a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2a. Iċ-ċertifikati msemmija fl-Artikoli 8a u 8b jistgħu jinħarġu minn korpi akkreditati.

Ġustifikazzjoni

L-emenda proposta tiżgura l-proporzjonalità sa mil-livell tar-Regolament bażiku billi l-korpi akkreditati jiġu fdati bil-kompiti taċ-ċertifikazzjoni fl-oqsma kollha skont il-ħtieġa.

Emenda  13

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Artikolu 1 - punt 7

Regolament (KE) Nru 216/2008

Artikolu 8d – paragrafu 2 b (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2b. Fir-rigward taċ-ċertifikati li jista' joħroġ, korp akkreditat għandu:

 

(a) jagħmel investigazzjonijiet u verifiki dwar l-organizzazzjonijiet li jiċċertifika;

 

(b) joħroġ u jġedded iċ-ċertifikati fil-limiti tal-kompiti tiegħu;

 

(c) jemenda, jillimita, jissospendi jew jirrevoka ċ-ċertifikat rilevanti, meta l-kundizzjonijiet li skonthom inħareġ ma jkunux aktar sodisfatti jew jekk id-detentur taċ-ċertifikat jonqos milli jissodisfa l-obbligi imposti fuqu b'dan ir-Regolament jew bir-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu.

Ġustifikazzjoni

L-emenda proposta tiżgura l-proporzjonalità sa mil-livell tar-Regolament bażiku billi l-korpi akkreditati jiġu fdati bil-kompiti taċ-ċertifikazzjoni fl-oqsma kollha skont il-ħtieġa.

Emenda  14

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Artikolu 1 - punt 7

Regolament (KE) Nru 216/2008

Artikolu 8d – paragrafu 2 c (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2c. il-miżuri maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan l-Artikolu billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 65(4). Dawn il-miżuri għandhom jispeċifikaw b'mod partikolari:

 

(a) it-tipi ta' ċertifikati li jistgħu jinħarġu minn korpi akkreditati;

 

(b) il-kundizzjonijiet għat-tmexxija tal-investigazzjonijiet u l-verifiki minn korpi akkreditati, fosthom fil-każijiet li mhumiex imsemmija fil-paragrafu 2b;

 

(c) il-kundizzjonijiet għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka taċ-ċertifikat tal-akkreditazzjoni msemmi fil-paragrafu 2.

Ġustifikazzjoni

L-emenda proposta tiżgura l-proporzjonalità sa mil-livell tar-Regolament bażiku billi l-korpi akkreditati jiġu fdati bil-kompiti taċ-ċertifikazzjoni fl-oqsma kollha skont il-ħtieġa.

Emenda  15

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Artikolu 1 – punt 10 a (ġdid)

Regolament (KE) Nru 216/2008

Artikolu 13 – paragrafu 1 a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(10a) Fl-Artikolu 13, għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

 

“L-entitajiet kwalifikati m’għandhomx joħorġu ċertifikati.”

Ġustifikazzjoni

Tikkjarifika t-test leġiżlattiv fir-rigward tal-kompetenzi tal-entitajiet kwalifikati.

Emenda  16

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Artikolu 1 - punt 11

Regolament (KE) Nru 216/2008

Artikolu 18 – punt (d)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(d) tieħu d-deċiżjonijiet ix-xierqa għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 20 sa 23, 54 u 55;”

(d) tieħu d-deċiżjonijiet xierqa għall-applikazzjoni tal-Artikoli 20 sa 23, 54 u 55 fosthom l-għoti ta' eżenzjonijiet lid-detenturi taċ-ċertifikati li tkun ħarġet, mir-rekwiżiti sostantivi stipulati f'dan ir-Regolament u fir-regoli tal-implimentazzjoni tiegħu fil-każ ta' ċirkustanzi operattivi li ma jkunux previsti jew ta' ħtiġijiet operattivi għal żmien limitat, sakemm ma jiġix effettwat il-livell ta' sikurezza, li jingħataw għal perjodu li ma jaqbiżx ix-xahrejn u li ma jiġġeddux;

Ġustifikazzjoni

L-EASA għandu jkollha l-possibilità li tagħti eżenzjonijiet temporanji b'kundizzjonijiet speċifiċi.

Emenda  17

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Artikolu 1 – punt 12 a (ġdid)

Regolament (KE) Nru 216/2008

Artikolu 19 – subparagrafi 2 a u 2 b (ġodda)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(12a) Fl-Artikolu 19(2), għandhom jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

 

Id-dokumenti msemmija mal-Artikoli 8a, 8b u 8c għandhom jinkorporaw id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet jew regolamenti Ewropej u nazzjonali rilevanti eżistenti, bl-adattamenti u t-titjib xierqa, fejn ikun meħtieġ.

 

L-iskeda taż-żmien għall-ħruġ ta' dawn id-dokumenti għandha tkun konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11(5a) u (5b), biex jiġi żgurat li jkun hemm iż- żmien biżżejjed meħtieġ għall-adattamenti tal-qafas regolatorju l-ġdid.

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda tiżgura li jkun hemm konsistenza mal-qafas regolatorju u tipprovdi żmien biżżejjed għat-tranżizzjoni u l-adattamenti.

Emenda  18

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Artikolu 1 - punt 13

Regolament (KE) Nru 216/2008

Artikolu 22a – punt c

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(c) temenda, tissospendi jew tirrevoka ċ-ċertifikat rilevanti, meta l-kundizzjonijiet li skondhom inħareġ mhumiex aktar sodisfatti jew jekk id-detentur taċ-ċertifikat jonqos milli jissodisfa l-obbligi imposti fuqu b'dan ir-Regolament jew bir-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu.

(c) temenda, tissospendi jew tirrevoka ċ-ċertifikat imsemmi f'punt b, meta l-kundizzjonijiet li skonthom inħareġ mhumiex aktar sodisfatti jew jekk id-detentur taċ-ċertifikat jonqos milli jissodisfa l-obbligi imposti fuqu b'dan ir-Regolament jew bir-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu.

Ġustifikazzjoni

Din il-formulazzjoni tal-kliem tagħmilha ċara li dan jirrigwarda biss iċ-ċertifikati maħruġa diġà mill-EASA għal dawk l-organizzazzjonijiet li jinsabu barra mit-territorju soġġett għad-dispożizzjoni tat-Trattat u tikkorrispondi għall-formulazzjoni tal-kliem tal-Artikolu 21, paragrafu 1c), tar-Regolament.

Emenda  19

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Artikolu 1 - punt 13

Regolament (KE) Nru 216/2008

Artikolu 22a – paragrafu 1 a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Bla preġudizzju għall-Artikolu 300 tat-Trattat, il-Kummissjoni tista’ tilħaq ftehimiet dwar il-verifiki mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), sabiex tiġi evitata duplikazzjoni mill-Istati Membri fil-monitoraġġ tal-konformità mal-Anness 14 tal-Konvenzjoni ta' Chicago.

Ġustifikazzjoni

L-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ koperazzjoni mal-ICAO għandha tevita strutturi u verifiki doppji.

Emenda  20

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Artikolu 1 - punt 13

Regolament (KE) Nru 216/2008

Artikolu 22b – punt (b)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b) toħroġ u ġġedded ċertifikati ta’ organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi ATM/ANS f’aktar minn tliet Stati Membri;

(b) toħroġ u ġġedded ċertifikati ta’ organizzazzjonijiet li jinsabu barra t-territorju soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u li huma responsabbli għall-għoti ta' servizzi fl-ispazju tal-ajru tat-territorju li għalih japplika t-Trattat;

Ġustifikazzjoni

L-EASA għandha tkun responsabbli biss għaċ-ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet barranin li jagħtu s-servizzi tagħhom fl-UE.

Emenda  21

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Artikolu 1 – punt 19 a (ġdid)

Regolament (KE) Nru 216/2008

Artikolu 65 b (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(19a) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 65b li ġej:

 

"Artikolu 65b

 

Grupp Konsultattiv tal-Partijiet Interessati

 

Bla preġudizzju għall-irwol tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 65, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Grupp Konsultattiv tal-Partijiet Interessati, kompost minn organizzazzjonijiet rappreżentattivi Ewropej involuti fis-sigurtà tal-avjazzjoni jew affettwati direttament minnha. L-irwol ta’ dan il-grupp għandu jkun biss li jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikoli 8a, 8b u 8c. Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 65 għandu jżomm infurmat lill-Grupp Konsultattiv tal-Partijiet Interessati waqt il-proċess regolatorju kollu.”

Ġustifikazzjoni

L-inklużjoni ta’ kumitat tal-partijiet interessati fir-Regolament ta' Qafas hija importanti minħabba l-ambitu u l-firxa tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu rregolati sabiex jitqies it-tħassib ta’ dawk involuti f’din il-kwistjoni kumplessa. Il-kunċett ta’ Grupp Konsultattiv tal-Partijiet Interessati u t-terminu użat, diġà ġew ippruvati b’suċċess fl-Artikolu 17 tar-Regolament 300/2008.

Emenda  22

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Anness

Regolament (KE) Nru 216/2008

Anness Va – parti B – sezzjoni 1 – punt j

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(j) L-operatur ta’ l-ajrudrom għandu juri li huma pprovduti servizzi ta’ salvataġġ u tifi tan-nar fl-ajrudrom lill-inġenji ta’ l-ajru li biħsiebhom jużaw l-ajrudrom bħala oriġini jew destinazzjoni. Dawn is-servizzi għandhom iwieġbu għal inċident jew aċċident b‘biżżejjed urġenza u għandhom jinkludu mill-inqas tagħmir, sustanzi għat-tifi tan-nar u għadd suffiċjenti ta’ persunal.

(j) L-operatur tal-ajrudrom għandu juri li huma pprovduti servizzi ta’ salvataġġ u tifi tan-nar fl-ajrudrom lill-inġenji tal-ajru li biħsiebhom jużaw l-ajrudrom f'operazzjoni regolari bħala oriġini jew destinazzjoni. Servizzi bħal dawn għandhom iwieġbu għal inċident jew aċċident b‘biżżejjed urġenza u għandhom jinkludu mill-inqas tagħmir, sustanzi għat-tifi tan-nar u għadd suffiċjenti ta’ persunal.

Ġustifikazzjoni

L-ajrudromi li jkunu speċifikati bħala ajrudromi alternattivi mil-linji tal-ajru li jtajru ajruplani kbar u li għandhom juru li għandhom faċilitajiet suffiċjenti purament f’termini ta’ infrastruttura tal-art (jiġifieri t-tul u l-wisa' tar-runway għat-tlugħ u l-inżul, sistema tat-TWY, eċċ.) għandhom ikunu kapaċi li jiksbu wkoll il-kategorija korrispondenti meħtieġa ta’ servizzi ta’ salvataġġ u tifi tan-nar f’konformità mal-punt (i).

Emenda  23

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Anness

Regolament (KE) Nru 216/2008

Anness Va – parti B – sezzjoni 1 – punt k

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(k) L-operatur ta’ l-ajrudrom irid juża biss persunal imħarreġ u kkwalifikat għall-operazzjonijiet u l-manutenzjoni ta’ l-ajrudromi, u għandu jimplimenta u jmantni programmi ta’ taħriġ u ta’ verifika li jiżguraw il-kompetenza kontinwata tal-persunal rilevanti kollu.

(k) L-operatur tal-ajrudrom irid juża biss persunal imħarreġ u kkwalifikat għall-operazzjonijiet u l-manutenzjoni tal-ajrudromi, u għandu jimplimenta u jmantni programmi ta’ taħriġ u ta’ verifika li jiżguraw il-kompetenza kontinwata tal-persunal rilevanti kollu. L-operatur ta’ ajrudrom jista’ jagħti prova tal-konformità ma' dawn l-obbligi permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ konformità.

Ġustifikazzjoni

L-idea hija li jiġi żgurat li s-servizzi speċifikati f’dan il-paragrafu ma jiġux ċertifikati b’mod differenti mis-servizzi tad-dejta tat-titjira u tal-kontroll tar-rampa.

Emenda  24

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Anness

Regolament (KE) Nru 216/2008

Anness Va – parti B – sezzjoni 1 – punt 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(l) L-operatur ta’ l-ajrudrom għandu juri li kull persuna li għandha l-permess ikollha aċċess mingħajr skorta fiż-żona tal-moviment jew żoni operattivi oħra tkun imħarrġa kif xieraq u kkwalifikata għal dan it-tp ta’ aċċess.

l) L-operatur tal-ajrudrom għandu juri li kull persuna li għandha l-permess ikollha aċċess mingħajr skorta fiż-żona tal-moviment jew żoni operattivi oħra tkun imħarrġa kif xieraq u kkwalifikata għal dan it-tip ta’ aċċess. L-operatur ta’ ajrudrom jista’ jipprova l-konformità ma dawn l-obbligi permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ konformità.

Ġustifikazzjoni

L-idea hija li jiġi żgurat li s-servizzi speċifikati f’dan il-paragrafu ma jiġux ċertifikati b’mod differenti mis-servizzi tal-informazzjoni tat-titjira u tal-kontroll tar-rampa.

Emenda  25

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Anness

Regolament (KE) Nru 216/2008

Anness Va – parti C – sezzjoni 1 – parti introduttorja

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1) L-ispazju tal-ajru madwar iż-żoni ta’ moviment ta’ l-ajrudromi għandhom ikunu protetti mill-ostakli sabiex ikunu jistgħu jseħħu l-operazzjonijiet maħsuba ta’ l-inġenji ta’ l-ajru fl-ajrudromi mingħajr ma jinħoloq riskju inaċċettabbli kkawżat mill-iżvilupp ta’ ostakli madwar l-ajrudromi. Iridu għalhekk jiġu żviluppati, implimentati u mmonitorjati kontinwament uċuħ li jimmonitorjaw l-ostakli sabiex tiġi indentifikata kwalunkwe penetrazzjoni infranġenti.

(1) L-ispazju tal-ajru madwar iz-zoni ta’ moviment tal-ajrudromi għandhom ikunu protetti mill-ostakli sabiex ikunu jistgħu jseħħu l-operazzjonijiet maħsuba tal-inġenji tal-ajru fl-ajrudromi mingħajr ma jinħoloq riskju inaċċettabbli kkawżat mill-iżvilupp ta’ ostakli madwar l-ajrudromi. Iridu għalhekk jiġu żviluppati, implimentati u mmonitorjati kontinwament uċuħ li jimmonitorjaw l-ostakli mill-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tiġi indentifikata kwalunkwe penetrazzjoni infranġenti.

Ġustifikazzjoni

Il-punti mniżżla huma kompitu tal-awtoritajiet u mhux tal-ajrudromi.

Emenda  26

Proposta għal regolament –– att li jemenda

Anness

Regolament (KE) Nru 216/2008

Anness Va – parti C – sezzjoni 2 – parti introduttorja

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2) Perikli marbuta ma’ attivitajiet tal-bniedem u l-użu ta’ l-art, bħal, iżda mhux esklussivament, dawk elenkati fil-lista taħt, għandhom jiġu mmonitorjati u kkontrollati. Ir-riskju kkawżat minnhom għandu jiġi vvalutat u mtaffi kif xieraq:

(2) Perikli marbuta ma’ attivitajiet tal-bniedem u l-użu tal-art, bħal, iżda mhux esklussivament, dawk elenkati fil-lista taħt, għandhom jiġu mmonitorjati u kkontrollati mill-awtorità nazzjonali kompetenti. Ir-riskju kkawżat minnhom għandu jiġi vvalutat u mtaffi kif xieraq:

Ġustifikazzjoni

Il-punti mniżżla huma kompitu tal-awtoritajiet u mhux tal-ajrudromi.

NOTA SPJEGATTIVA

Sfond

Din il-proposta hija parti integrali mill-inizjattiva Sema Uniku Ewropew II (SES II), li tikkonsisti f'sett ta' miżuri bil-għan li jiġi stabbilit qafas regolatorju tal-UE li jkun koerenti u integrat u li jilqa' għall-isfidi tal-ġejjieni li se jsib is-suq uniku tal-avjazzjoni li qiegħed jespandi bil-ħeffa. Il-proposta taħseb biex l-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza fl-Avjazzjoni (l-EASA) ikollha aktar responsabilitajiet sabiex jiġi żgurat li jkun hemm regoli uniformi li jorbtu għall-ajrudromi, għall-ATMs u għas-Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru (ANS) kif ukoll għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni tagħhom mill-Istati Membri.

Is-sistema EASA ġiet stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1592/2002. L-objettiv prinċipali tal-EASA huwa li jiġi stabbilit u jinżamm il-livell għoli ta' sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa. F'dan ir-rigward, għandha l-mandat biex tħejji r-regoli implimentattivi regolatorji tas-sikurezza li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz tal-komitoloġija. Barra minn hekk, l-aġenzija toħroġ direttament ċertifikati u approvazzjonijiet għal prodotti jew organizzazzjonijiet. L-EASA tgħin ukoll lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni effikaċi u uniformi tar-regoli ta' sikurezza mill-Istati Membri. Għall-ewwel, il-qasam ta' kompetenza tal-EASA kien limitat biex tiżgura n-navigabilità u l-kompatibilità ambjentali tal-inġenji tal-ajru, inklużi l-istaff u l-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn, fil-produzzjoni u fil-manutenzjoni tagħhom. Madankollu, ir-regolament li stabbilixxa l-EASA diġà kien talab biex aktar 'il quddiem is-sistema EASA tiġi estiża ftit ftit biex tkopri l-oqsma l-oħra kollha tas-sikurezza fl-avjazzjoni. Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 l-ewwel estenda l-kompetenzi tal-EASA għall-operazzjonijiet tal-ajru, il-liċenzji tal-bdoti u s-sikurezza tal-inġenji tal-ajru ta’ pajjiżi terzi li joperaw fl-Ewropa.

Filwaqt li s-sistema Ewropea attwali ta' trasport bl-ajru titqies li hi sikura sew, ir-rati għolja tat-tkabbir fil-volum tat-trasport jistgħu jġibu magħhom sfidi ġodda għas-sikurezza. Għalhekk tinħtieġ azzjoni fil-livell Komunitarju sabiex jinżammu (u jekk jista' jkun jitjiebu) il-livelli tas-sikurezza għall-ġejjieni. L-aktar importanti, jeħtieġ li jiġu aġġornati u armonizzati l-istandards fl-oqsma li għadhom mhumiex koperti bil-leġiżlazzjoni tal-UE (u li għalhekk huma kkaratterizzati minn frammentazzjoni regolatorja u nuqqas ta' infurzar) sabiex jiġu integrati fi strateġija waħda. Dan jgħodd, b'mod partikulari, għal żewġ elementi tal-katina tat-trasport bl-ajru li jitqiesu li huma vitali mill-aspett tas-sikurezza, billi jolqtu oqsma li jistgħu jkunu tal-ogħla riskju. L-ewwel nett, l-infrastruttura u l-operazzjonijiet tal-ajrudromi huma ta' importanza kruċjali, billi l-biċċa l-kbira tal-inċidenti jiġru fil-fażijiet inizjali jew finali ta' titjira. L-ATM u l-ANS huma rilevanti wkoll għas-sikurezza fl-avjazzjoni, b'mod speċjali fl-isfond tal-volum tat-traffiku li kulma jmur qiegħed jiżdied.

L-elementi tal-proposta

F'konformità mal-konsiderazzjonijiet imsemmija fuq, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li twessa' l-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 kemm għall-ajrudromi kif ukoll għall-ATM/ANS u li tagħti lill-EASA kompetenzi ġodda f'dawn l-oqsma, b'mod partikolari rigward ir-regoli li jsiru, l-ispezzjonijiet għall-istandardizzazzjoni u (sa ċertu punt) iċ-ċertifikazzjoni.

Għalhekk, il-proposta taħseb biex l-ajrudromi kollha miftuħa għall-pubbliku, li jistgħu jaqdu t-traffiku jew l-inġenji tal-ajru li joperaw bir-Regoli tat-Tijir bl-Istrumenti (IFR) u li jkunu ta' aktar minn ċertu piż għandhom ikunu soġġetti għal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Ir-Regolament fih innifsu jistipula rekwiżiti essenzjali komuni, pereżempju fir-rigward ta' karatteristiċi fiżiċi, l-infrastruttura, it-tagħmir, l-operazzjonijiet u l-immaniġġjar, kif ukoll l-inħawi tal-ajrudromi. Is-sidien u l-operaturi tal-ajrudromi għandhom jikkonformaw ma' dawn ir-rekwiżiti bħala kundizzjoni ewlenija għaċ-ċertifikazzjoni tal-ajrudromi mill-awtoritajiet tal-avjazzjoni nazzjonali. L-EASA se jkollha tiżviluppa l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni li jintużaw fil-proċess ta' ċertifikazzjoni. Barra minn hekk, hu l-kompitu tal-Aġenzija li tagħmel l-abbozzi tar-regoli tal-implimentazzjoni li jiddefinixxu r-rekwiżiti dettaljati għaċ-ċertifikazzjoni, li wara jiġu adottati mill-Kummissjoni b'konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju. Fl-aħħar nett, l-Aġenzija tista' tingħatalha s-setgħa li twettaq verifiki u spezzjonijiet għall-istandardizzazzjoni.

Bl-istess mod, ir-regolament propost jaħseb biex is-sikurezza tal-ATM/ANS b'interoperabilità fl-ajru/fl-art ikunu rregolati bis-setgħa tas-sistema EASA. F'analoġija ma' dan li ssemma', il-proposta ddaħħal rekwiżiti essenzjali komuni għall-ATM/ANS marbuta mal-użu tal-ispazju tal-ajru, mas-servizzi mogħtija, mas-sistemi ATM/ANS u l-kostitwenti tagħhom kif ukoll mal-kwalifiki tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru. Il-fornituri tal-ATM/ANS kif ukoll il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru għandu jkollhom ċertifikat. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għall-organizzazzjonijiet li jaħdmu fuq id-disinn u l-manifattura tas-sistemi ATM/ANS u/jew fuq is-sistemi fihom infushom jistgħu jiġu introdotti permezz ta' miżuri ta' implimentazzjoni. Is-sorveljanza tal-konformità tal-organizzazzjonijiet mar-rekwiżiti essenzjali u r-regoli ta’ implimentazzjoni relatati għandha ssir mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ħlief għas-sorveljanza tal-organizzazzjonijiet li jinsabu f’pajjiżi terzi jew ta' organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi fl-ispazju tal-ajru ta’ aktar minn tliet Stati Membri, u li għalihom tidħol responsabbli l-EASA. Ir-responsabilitajiet l-oħra tal-aġenzija rigward l-ATM/ANS huma identiċi għal dawk imsemmija aktar 'il fuq rigward l-ajrudromi. Dawn jinkludu l-abbozzi tar-regoli ta’ implimentazzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni, l-analiżi tas-sikurezza u l-ispezzjonijiet tal-istandardizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

Il-kummenti tar-Rapporteur

Ir-Rapporteur jagħti l-appoġġ tiegħu għall-introduzzjoni tar-regoli ta' sikurezza armonizzati fil-livell Ewropew. Tinħtieġ inizjattiva għal strateġija ta' sistema sħiħa fil-qasam tas-sikurezza sabiex it-trasport bl-ajru jinżamm sikur u sostenibbli. Il-pajjiżi Ewropej ilhom ifittxu biex jarmonizzaw il-proċeduri u l-istandards tagħhom fil-qasam tas-sikurezza fl-avjazzjoni. Madankollu, il-proċeduri ta' sikurezza jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri u l-ATM/ANS iridu jitjiebu, u jkunu bbażati fuq sett komuni ta' regoli li jkunu żviluppati minn awtorità waħda u li jiġu implimentati b'mod uniformi fil-Komunità kollha.

Bil-ħolqien tal-EASA, il-Komunità ħadet ir-responsabilità hi biex tipproduċi regoli komuni li japplikaw b'mod dirett fl-UE kollha. L-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza fl-Avjazzjoni hi l-parti ewlenija fl-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għas-sikurezza fl-avjazzjoni, u għalhekk huwa naturali li għandha tiġi fdata bis-sorveljanza tas-sistema tal-avjazzjoni kollha kemm hi.

Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-Rapporteur jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni. Minħabba n-natura teknika għolja tal-proposta, l-emendi li ġew issuġġeriti fil-biċċa l-kbira għandhom l-għan li jiżguraw li jkun hemm armonizzazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tar-regolament tal-EASA u l-leġiżlazzjoni proposta magħrufa bħala SES II, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm tranżizzjoni bla diffikultà.

B'mod partikolari, ir-Rapporteur jissuġġerixxi dan li ġej:

- Il-kjarifika tal-ambitu tal-proposta rigward l-ajrudromi: Ir-Rapporteur jissuġġerixxi li l-ajrudromi, jew partijiet minnhom li jintużaw l-aktar għal titjir rikreattiv u sportiv m'għandhomx ikunu koperti minn dan ir-Regolament; barra minn hekk, ir-Regolament għandu jkopri biss l-ajrudromi, jew partijiet minnhom li attwalment jaqdu t-traffiku u l-inġenji tal-ajru f'kundizzjonijiet speċifiċi.

- Korpi akkreditati: Ir-Rapporteur jipproponi kjarifiki li jiżguraw li jkun hemm il-proporzjonalità, li jissalvagwardaw l-użu tal-għerf lokali u l-kompetenza disponibbli u li jevitaw kull żieda importanti fl-obbligi taċ-ċertifikazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti. Dan ifisser li jiġu ffrankati l-ispejjeż rigward iċ-ċertifikazzjoni, b'mod speċjali fl-Avjazzjoni Ġenerali.

- Opinjonijiet, speċifikazzjonijiet ta' ċertifikazzjoni u materjal ta' gwida: Ir-Rapporteur jissuġġerixxi li dawn għandhom jinkorporaw id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet jew regolamenti Ewropej u nazzjonali eżistenti, bl-adattamenti u t-titjib xierqa (ref. Artikoli 8a, b u c - Ajrudromi, ATM/ANS, ATC) fejn ikun meħtieġ. Barra minn hekk, l-iskeda taż-żmien għall-ħruġ ta' dawn id-dokumenti għandha tkun konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11 5a u 5b biex jiġi żgurat li jkun hemm żmien biżżejjed għall-adattament tal-qafas regolatorju l-ġdid.

- L-Aġenzija għandha toħroġ ċertifikati għall-organizzazzjonijiet barra l-UE li jipprovdu servizzi fl-ispazju tal-ajru tat-territorju li għalih ikun japplika t-Trattat;

- L-Aġenzija, kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali, għandha titħalla tagħti eżenzjonijiet temporanji, fejn il-kundizzjonijiet lokali jimponu miżuri bħal dawn, b'mod speċjali fil-qasam tal-ajrudromi;

- Għandu jiġi żgurat li l-Aġenzija jkollha riżorsi biżżejjed għar-responsabilitajiet il-ġodda tagħha, u li ż-żmien tal-allokazzjoni ta' dawn ir-riżorsi għandu jkun ibbażat fuq il-ħtieġa u l-iskeda definiti għall-adozzjoni u l-applikabilità rispettiva tar-regoli ta' implimentazzjoni relatati. Ir-Rapporteur żgur li hu favur li jingħataw aktar riżorsi lill-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza fl-Avjazzjoni sabiex tkun tista' tipprovdi standards ta' sikurezza għoljin, uniformi u li jorbtu legalment għas-sistema tal-avjazzjoni kollha kemm hi.

- Fl-aħħar nett, ir-Rapporteur jixtieq jisħaq fuq il-ħtieġa li tikber il-koperazzjoni bejn l-EASA u l-Eurocontrol bil-ħsieb li tiġi żgurata t-tranżizzjoni meħtieġa u li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-kompiti u r-responsabilitajiet.

PROĊEDURA

Titolu

L-ajrudromi, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru

Referenzi

COM(2008)0390 – C6-0251/2008 – 2008/0128(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

25.6.2008

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

TRAN

8.7.2008

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

EMPL

8.7.2008

ITRE

8.7.2008

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

EMPL

9.9.2008

ITRE

16.7.2008

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Marian-Jean Marinescu

15.7.2008

 

 

Eżami fil-kumitat

10.9.2008

4.11.2008

2.12.2008

 

Data tal-adozzjoni

8.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

7

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Albertini, Inés Ayala Sender, Paolo Costa, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Arūnas Degutis, Robert Evans, Emanuel Jardim Fernandes, Francesco Ferrari, Mathieu Grosch, Georg Jarzembowski, Sepp Kusstatscher, Eva Lichtenberger, Marian-Jean Marinescu, Erik Meijer, Luís Queiró, Reinhard Rack, Luca Romagnoli, Gilles Savary, Brian Simpson, Dirk Sterckx, Michel Teychenné, Silvia-Adriana Ţicău, Georgios Toussas

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Philip Bradbourn, Jeanine Hennis-Plasschaert, Eleonora Lo Curto, Corien Wortmann-Kool

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Proinsias De Rossa, Jean-Paul Gauzès, Kyösti Virrankoski

Data tat-tressiq

19.12.2008