RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Miloslav Ransdorf

22.1.2009 - (2008/2176(IMM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Aloyzas Sakalas

Proċedura : 2008/2176(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0008/2009
Testi mressqa :
A6-0008/2009
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba biex titneħħa l-immunità ta' Miloslav Ransdorf

(2008/2176(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Miloslav Ransdorf, mibgħuta mill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Ċeka fis-16 ta' Ġunju 2008, u mħabbra fis-seduta plenarja fid-9 ta' Lulju 2008,

–   wara li sema' lil Miloslav Ransdorf skont l-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 10 tal-Protokoll tat-8 ta' April 1965 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, u l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew permezz ta' vot dirett universali,

–   wara li kkunsidra s-sentenzi tat-12 ta' Mejju 1964 u tal-10 ta' Lulju 1986[1] tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 27(4) tal-Kostituzzjoni Ċeka,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6‑0008/2009),

A. billi Miroslav Ransdorf huwa Membru tal-Parlament Ewropew li kien elett fis-sitt elezzjonijiet diretti tal-10 u t-13 ta' Ġunju 2004 u billi l-kredenzjali tiegħu kienu vverifikati mill-Parlament fl-14 ta' Diċembru 2004[2],

B.  billi, skont l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta' April 1965, waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew il-Membri tiegħu igawdu mill-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tagħhom fit-territorju tal-Istat tagħhom stess; billi l-immunità ma tistax tintalab meta Membru jinqabad fl-att li jikkommetti reat; u billi dan ma jwaqqafx lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità ta' wieħed mill-Membri tiegħu,

C. billi, skont l-Artikolu 27(4) tal-Kostituzzjoni Ċeka, l-ebda Membru tal-Parlament jew Senatur ma jista' jkun suġġett għal proċeduri kriminali mingħajr il-kunsens tal-kamra li hu jew hi membru tagħha u, jekk il-kamra rispettiva tirrifjuta li tagħti l-kunsens tagħha, il-prosekuzzjoni kriminali għandha tiġi eskluża għal dejjem,

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Miloslav Ransdorf;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, u r-rapport tal-kumitat responsabbli, immedjatament lill-awtoritajiet xierqa tar-Repubblika Ċeka.

  • [1]  Kawża 101/63 Wagner v Fohrmann and Krier [1964] Ġabra 195 u Kawża 149/85 Wybot v Faure and others [1986] Ġabra 2391.
  • [2]  Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 2004/2140(REG) dwar il-verifika tal-kredenzjali (ĠU C 226 E, 15.9.2005, p. 51).

NOTA SPJEGATTIVA

I.         SFOND

1. Fid-9 ta' Lulju 2008, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta' Proċedura, il-President tal-Parlament għadda liċ-Chairperson tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali ittra mill-Kummissarju J. Přáda tal-Pulizija tar-Repubblika Ċeka (Dipartiment tal-Belt ta' Praga, Servizz tal-Pulizija u tal-Investigazzjoni Kriminali, Sezzjoni tal-Investigazzjoni tal-Inċidenti tat-Traffiku), li mehmuż magħha kien hemm talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari tas-Sur Miroslav Ransdorf għall-iskopijiet ta' prosekuzzjoni kriminali.

2. Skont l-awtoritajiet Ċeki, fit-8 ta' Lulju 2008, is-Sur Ransdorf kien qed isuq karozza privata fi Praga 6 meta laqat u korra mara fuq 'zebra crossing', liema mara ġarrbet ġrieħi li jammontaw għal offiża fuq il-persuna. Bl-aġir tiegħu, is-Sur Ransdorf kiser id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5/1h tal-Liġi Nru 361/2000 dwar it-traffiku fit-toroq. Dan huwa każ ta' suspett raġonevoli li twettaq att kriminali - ħsara għas-saħħa - skont il-paragrafu 223 tal-Liġi Nru 140/1961 Coll. - il-Kodiċi Kriminali, li jgħid: "Persuna li tagħmel ħsara lis-saħħa ta' persuna oħra permezz ta' traskuraġni, billi tonqos minn dmir importanti li jirriżulta mill-impjieg, mill-professjoni, mill-pożizzjoni jew mill-kariga tagħha jew dmir impost bil-liġi, għandha tkun ikkastigata b'perjodu ta' priġunerija ta' massimu ta' sena jew bi projbizzjoni ta' attività (speċifika)." Kwalunkwe persuna li twettaq att kriminali ssir ħatja skont il-Kodiċi Kriminali (paragrafu 9). Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 65 tal-Kodiċi Kriminali dwar il-waqfien tal-periklu li att kriminali jirrappreżenta għas-soċjetà, skont liema paragrafu "Ir-responsabilità għal kastig għal att li kien perikoluż għas-soċjetà meta twettaq għandha tkun preskritta jekk, minħabba bidla fis-sitwazzjoni jew fil-persuna tal-ħati, il-periklu li tali att kriminali jirrappreżenta għas-soċjetà m'għadux jeżisti." ma jistax jintuża f'dan il-każ. Skont il-paragrafu 67/1d tal-Kodiċi Kriminali, il-perjodu ta' limitazzjoni huwa ta' tliet snin.

II.       IL-LIĠI U KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI DWAR L-IMMUNITÀ TA' MEMBRI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. L-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta' April 1965, jgħidu hekk:

Artikolu 9:

Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Artikolu 10:

Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

           a.        fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

           b.        fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.

2. Il-proċedura fil-Parlament Ewropew hija rregolata bl-Artikoli 6 u 7 tar-Regoli ta' Proċedura. Id-dispożizzjonijiet rilevanti jgħidu hekk:

Artikolu 6 - Tneħħija tal-immunità:

1. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom.

(...)

3. Kull talba indirizzata lill-President minn Membru jew ex-Membru biex jiddefendi privileġġi u immunitajiet għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.

(...)

Artikolu 7: Proċeduri dwar l-immunità:

1. Il-kumitat responsabbli għandu jikkunsidra mingħajr dewmien u skont l-ordni li fih tressqu t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.

2. Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni li sempliċement tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.

3. Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar għandhiex l-immunità tiġi mneħħija jew imħarsa. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema'; jista' jġib miegħu dokumenti jew evidenza bil-miktub li jħoss li huma meħtieġa. Huwa jista' jkun rappreżentat minn membru ieħor.

4. Jekk it-talba tfittex li tneħħi l-immunità għal iktar minn raġuni waħda, kull waħda minn dawn ir-raġunijiet tista' tkun suġġetta għal deċiżjoni separata. Ir-rapport tal-kumitat jista', bħala eċċezzjoni, jipproponi li t-tneħħija tal-immunità tapplika biss għal proċeduri ta' prosekuzzjoni u li, sakemm tingħata sentenza definittiva, il-Membru għandu jkun immuni minn kull forma ta' detenzjoni jew limitazzjoni tal-libertà jew minn kull miżura li ma tħallihx iwettaq id-dmirijiet marbuta mal-mandat tiegħu.

(...)

6. F'każi li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien tal-immunità jew tal-privileġġi, il-kumitat għandu jiddikjara jekk iċ-ċirkustanzi jkunux jikkostitwixxu xkiel amministrattiv jew xkiel ieħor mqiegħed għall-moviment ħieles tal-Membri li jivvjaġġaw lejn jew mill-postijiet fejn jiltaqa' l-Parlament jew opinjoni espressa jew vot mitfugħ fit-twettiq tal-mandat jew li jaqgħu fi ħdan l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar Privileġġi u Immunitajiet li ma jidħlux fl-ambitu tal-liġi nazzjonali, u għandu jagħmel proposta sabiex l-awtorità konċernata tiġi mistiedna tasal għall-konklużjonijiet meħtieġa.

7. Il-kumitat jista' jagħti parir motivat dwar il-kompetenza tal-awtorità in kwistjoni u dwar l-ammissibiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ.

(...)

III.      ĠUSTIFIKAZZJONI TAD-DEĊIŻJONI PROPOSTA

1. L-ewwel u qabel kollox, l-applikabilità tal-Artikolu 9 tal-Protokoll hija ovvjament eskluża għar-raġuni evidenti li bl-ebda mod ġrieħi fiżiċi kkawżati minn sewwieq ta' karozza ma jistgħu jitqiesu bħala opinjonijiet jew voti mitfugħa fil-qadi tad-dmirijiet ta' Membru tal-Parlament Ewropew.

2. Fir-rigward tal-Artikolu 10, minħabba li l-akkużi miġjuba kontra s-Sur Ransdorf jirreferu għal fatti mwettqa fir-Repubblika Ċeka, li hu kien igawdi miċ-ċittadinanza tagħha f'dak il-mument, l-unika parti applikabbli hija din: "Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu: a) fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom".

3. L-ambitu tal-immunità parlamentari fir-Repubblika Ċeka hija simili ħafna għal dik li tirregola l-funzjonament tal-Parlament Ewropew, kif ibbażata fuq il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet. B'mod partikolari, il-Liġi Nru 141/1961, il-Kodiċi Kriminali, fil-paragrafu 10 dwar l-esklużjoni mill-ġurisdizzjoni tal-korpi kompetenti għall-proċeduri kriminali, tgħid li: "Persuni li jgawdu privileġġi jew immunitajiet skont il-liġi nazzjonali għandhom ikunu esklużi mill-ġurisdizzjoni tal-korpi kompetenti għall-proċeduri kriminali skont dan il-kodiċi." Barra minn hekk, l-Artikolu 27(4) tal-Kostituzzjoni Ċeka tgħid li "L-ebda Deputat jew Senatur ma jista' jkun suġġett għal proċeduri kriminali mingħajr il-kunsens tal-kamra li hu jew hi membru tagħha. Jekk il-kamra rispettiva tirrifjuta li tagħti l-kunsens tagħha, il-prosekuzzjoni kriminali għandha tiġi eskluża għal dejjem". Fi kliem ieħor, skont il-liġijiet Ċeki attwali, jistgħu jinbdew proċeduri kriminali kontra s-Sur Ransdorf bil-kundizzjoni biss li l-immunità tiegħu titneħħa.

4. Skont il-prattika stabbilita tiegħu, il-Parlament Ewropew jista' jiddeċiedi li ma jneħħix l-immunità ta' wieħed mill-Membri tiegħu jekk jeżisti s-suspett li l-prosekuzzjoni kienet ibbażata fuq intenzjoni li l-attivitajiet politiċi tal-Membru jkunu ppreġudikati (fumus persecutionis). Madankollu, m'hemm l-ebda prova ċara ta' dan f'dan il-każ.

IV.      KONKLUŻJONIJIET

Fuq il-bażi ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, wara li eżamina r-raġunijiet favur u kontra t-tneħħija tal-immunità tiegħu, jirrakkomanda li l-immunità tas-Sur Miroslav Ransdorf titneħħa.

ANNESS: Artikolu 27(4) tal-Kostituzzjoni Ċeka

L-Artikolu 27(4) tal-Kostituzzjoni Ċeka jgħid:

"L-ebda Deputat jew Senatur ma jista' jkun suġġett għal proċeduri kriminali mingħajr il-kunsens tal-kamra li hu jew hi membru tagħha. Jekk il-kamra rispettiva tirrifjuta li tagħti l-kunsens tagħha, il-prosekuzzjoni kriminali għandha tiġi eskluża għal dejjem".

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

19.1.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

8

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Klaus-Heiner Lehne, Manuel Medina Ortega, Aloyzas Sakalas, Francesco Enrico Speroni, Diana Wallis, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka