Proċedura : 2008/2150(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0022/2009

Testi mressqa :

A6-0022/2009

Dibattiti :

PV 09/03/2009 - 21
CRE 09/03/2009 - 21

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2009 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0088

RAPPORT     
PDF 163kWORD 95k
27.1.2009
PE 415.353v01-00 A6-0022/2009

dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni lejn Qafas Integrat tal-Kontroll Intern

(2008/2150(INI))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Gabriele Stauner

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni lejn Qafas Integrat tal- Kontroll Intern

(2008/2150(INI))

Il-Parlament Ewropew,

- wara li kkunsidra t-Trattat KE,

- wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 2/2004 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-mudell “verifika unika” (u proposta għal qafas Komunitarju ta' kontroll intern)(1),

- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar pjan direzzjonali għal qafas ta' kontroll intern integrat (COM(2005)0252),

- wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni lejn qafas ta’ kontroll intern integrat (COM(2006)0009),

- wara li kkunsidra l-ewwel rapport ta’ nofs is-sena dwar l-iscoreboard għall-applikazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni lejn qafas ta' kontroll intern integrat ippubblikat fid-19 ta’ Lulju 2006 (SEC(2006)1009), skont talba tal-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-kwittanza fir-rigward tas-sena finanzjarja 2004,

- wara li kkunsidra r-rapport interim ta’ progress tal-Kummissjoni ippubblikat f'Marzu 2007 (COM(2007)0086), li jiddeskrivi l-progress u li jħabbar xi azzjonijiet addizzjonali,

- wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni ppreżentata mill-Kummissjoni fi Frar 2008 (COM(2008)0110) u l-karta ta’ ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni annessa magħha (SEC (2008) 0259),

- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Sintesi tal-kisbiet amministrattivi tal-Kummissjoni fl-2007" (COM(2008)0338),

- wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-awtorità ta' kwittanza dwar verifiki interni mwettqa fl-2007 (COM(2008)0499),

- wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-awtorità ta' kwittanza dwar is-segwitu għad-deċiżjonijiet ta' kwittanza 2006 (COM(2008)0629 u COM(2008)0628) u karta ta’ ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni intitolata "'Annex to the report from the Commission to the European Parliament on the follow-up to 2006 discharge decisions" (SEC(2008)2579 u SEC(2008)2580),

- wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2007, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(2),

- wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura,

- wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A6-0022/2009),

A. billi skont l-Artikolu 274 tat-Trattat KE, il-Kummissjoni timplimenta l-baġit fuq responsabbiltà tagħha stess, fuq il-bażi tal-prinċipji ta' tmexxija finanzjarja soda, b'koperazzjoni mal-Istati Membri,

B.  billi l-prinċipju ta' kontroll intern effettiv huwa wieħed mill-prinċipji baġitarji stipulati fir-Regolament Finanzjarju bħala segwitu tal-emenda tiegħu permezz tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006, kif propost mill-Kummissjoni fil-pjan ta' azzjoni msemmi hawn fuq,

C.  billi l-aktar mezzi effettivi għall-Kummissjoni sabiex turi li hija tassew impenjata li tiżgura trasparenza u tmexxija finanzjarja soda huwa li tagħmel kull ma tista' biex tappoġġja miżuri li jfittxu li jtejbu l-kwalità tat-tmexxija finanzjarja, bil-ħsieb li tinkiseb dikjarazzjoni ta' assikurazzjoni pożittiva (DAS(3)) mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA),D.  billi fil-paragrafu 5 tal-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Novembru 2005, il-Kunsill ECOFIN qies li kien ta' importanza fundamentali li tiġi introdotta sistema ta' kontroll intern integrat u li tkun issimplifikata l-leġiżlazzjoni dwar il-kontrolli u talab "li l-Kummissjoni tevalwa l-ispiża tal-kontrolli mill-qasam tal-infiq",

E.    billi sabiex jiġi appoġġjat l-objettiv strateġiku li wieħed jirċievi dikjarazzjoni ta' assikurazzjoni pożittiva mill-QEA, il-Kummissjoni adottat f'Jannar tal-2006 il-pjan ta' azzjoni lejn qafas ta’ kontroll intern integrat (il-"Pjan ta' Azzjoni"), li jimxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-QEA(4), ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-kwittanza fir-rigward tas-sena finanzjarja 2003 u l-konklużjonijiet tal-ECOFIN tat-8 ta’ Novembru 2005,

F.    billi f’dak iż-żmien il-Pjan ta' Azzjoni indirizza "qabżiet" fl-istrutturi ta' kontroll tal-Kummissjoni u identifika 16-il qasam għal azzjoni sal-aħħar tal-2007, filwaqt li kien ikkunsidrat il-fatt li titjib tat-tmexxija finanzjarja fl-Unjoni għandu jkun appoġġjat minn monitoraġġ mill-qrib tal-kontrolli fil-Kummissjoni u fl-Istati Membri,

G. billi fil-paragrafu 2.29 fil-Kapitolu 2 tar-Rapport Annwali tagħha għall-2007(rigward is-sistema ta' kontroll intern tal-Kummissjoni), il-QEA tenfasizza li "ir-rapport fil-qosor tal-Kummissjoni għall-2007 jipprovdi evalwazzjoni kunfidenti tal-progress magħmul fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet sal-ġurnata tal-lum, filwaqt li jindika li l-provi tal-effettività tal-azzjonijiet f'termini tat-tnaqqis tal-livell ta' żbalji fit-tranżazzjonijiet ta' bażi jistgħu jkunu għadhom 'il bogħod",

H.  billi, skont ir-rispons tal-Kummissjoni għal paragrafu 2.30 tar-Rapport Annwali tal-QEA għall-2007, "l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet hija proċess kontinwu u qed tiġi segwita b'mod vigoruż. L-impatt tal-azzjonijiet huwa neċessarjament posterjuri għall-implimentazzjoni tagħhom matul is-snin 2006 u 2007 u l-ewwel rapport dwar l-impatt se jsir kmieni fl-2009 ",

1.  Jilqa b’sodisfazzjon il-progress ġenerali li sar fl-iżvilupp tal-Pjan ta' Azzjoni u l-fatt li l-maġġoranza tal-azzjonijiet ġew implimentati u li l-biċċa l-kbita tan-nuqqasijiet identifikati fil-Pjan ta' Azzjoni ssolvew;

2.  Jenfasizza li qafas ta’ kontroll intern integrat effettiv kif previst fil-Komunikazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni se jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw aħjar il-baġit tal-UE skont l-għanijiet politiċi u l-prijoritajiet tal-Parlament;

3.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' lingwaġġ ċar, u jistieden lill-Kummissjoni biex tindika f'liema stadju tinsab fil-proċess għall-kisba ta' qafas ta’ kontroll intern integrat, u meta qed tistenna li l-miżuri meħuda jkollhom effetti viżibbli u pożittivi fuq il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet;

4.  Jistenna li l-Kummissjoni tadotta r-rapport li jmiss dwar il-progress qabel it-30 ta’ Jannar 2009 sabiex it-titjib reali li jsir ikun jista’ jitqies fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza fir-rigward tas-sena finanzjarja 2007;

5.  Jinnota l-isforzi magħmula mill-Kummissjoni iżda jiddispjaċih li, s'issa, il-Kummissjoni ma rnexxiliex tressaq ċifri kompleti u affidabbli dwar l-irkupri u korrezzjonijiet finanzjarji minħabba problemi ta' rappurtar min-naħa tal-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni biex issolvi dawn il-problemi u jistenna li hi tippreżenta skeda dettaljata għall-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' iskema ta' rappurtar ġdida;

6.  Jiġbed l-attenzjoni li huwa l-impatt tal-azzjonijiet li se jifforma l-bażi tal-evalwazzjoni tas-suċċess tal-Pjan ta' Azzjoni permezz ta’ tnaqqis fir-rati tal-iżbalji u tat-titjib tal-gradazzjonijiet imtejba ta' sistemi ta' kontroll ikkonfermati mill-QEA;

7.  Jistenna bi sħiħ li titjib bħal dan se jkollu impatt reali fuq r-Rapport Annwali tal-QEA għall-2008;

8.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex iżżid it-trasparenza fl-evalwazzjoni ta' impatt tal-Pjan ta' Azzjoni u biex tissorvelja b’mod sħiħ l-implimentazzjoni tagħha;

Azzjonijiet 4, 10 u 10N: indiċi ta’ żbalji jew riskju ta' żbalji aċċettabbli - analiżi tal-bilanċ eżistenti bejn in-nefqa operattiva u l-ispiża tas-sistema ta' kontroll

9.  Jiddispjaċih għall-fatt li fi tnejn mill-aktar azzjonijiet importanti għal dan il-Parlament hemm ċertu ta' dewmien fir-rigward tal-kalendarju previst;

10.  B’mod speċjali jiddispjaċih għall-fatt li l-Azzjoni 4 tal-Pjan ta' Azzjoni dwar it-tnedija ta' inizjattiva interistituzzjonali dwar il-prinċipji bażiċi li għandhom jitqiesu rigward ir-riskji li għandhom ikunu tollerati fit-tranżazzjonijiet involuti, għadha ma ġietx implimentata; jaqbel mad-dikjarazzjoni magħmula mill-QEA fl-Opinjoni tagħha Nru 4/2006 li anke jekk huwa kunċett vitali għas-sistema ta' kontroll integrat, kif għandu jiġi determinat "livell aċċettabbli tar-riskju" għadu mhux iċċarat;

11.  Jirrimarka li fil-paragrafi 2.9 u 2.10 tar-Rapport Annwali tagħha għall-2005, il-QEA diġà qieset li, fir-rigward tal-istabbiliment ta' qafas ta’ kontroll integrat, "wieħed mill-aktar objettivi importanti approvati mill-Kummissjoni huwa rappreżentat mill-proporzjonalità u mill-effettività għall-ispiża tal-kontrolli ";

12.  Ifakkar, barra minn hekk, fil-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq tal-Kunsill ECOFIN tat-8 ta’ Novembru 2005, li jiddikjaraw li "Il-Kunsill jemmen, bi qbil mal-opinjoni tal-Qorti 2/2004, li għandu jasal għal fehim mal-Parlament Ewropew dwar ir-riskji li għandhom jiġu tollerati fit-transazzjonijiet ikkonċernati, fejn jitqiesu l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-kontrolli għall-oqsma differenti tal-politika u l-valur tal-ispejjeż ikkonċernati”;

13.  Jirrimarka li fil-paragrafu 2.42, punt (c) tar-Rapport Annwali tagħha għall-2007, il-QEA tirrakkomanda li jsir progress sabiex isir avvanz fil-kunċett ta' riskju tollerabbli, u fil-paragrafu 1.52, punt (c) fil-Kapitolu 1 (dwar id-Dikjarazzjoni ta' Assikurazzjoni u informazzjoni ta’ sostenn) ta’ dan ir-rapport, hija tindika li "il-bilanċ bejn l-ispiża u r-riskju residwu għal oqsma individwali ta' infiq huwa ta' tali importanza li għandu jiġi approvat mil-livell politiku (jiġifieri mill-baġit/awtoritajiet ta’ kwittanza) f’isem iċ-ċittadin tal-Unjoni";

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tadotta malajr il-komunikazzjoni mwiegħda dwar din il-kwistjoni, bl-għan li terġa titnieda d-diskussjoni interistituzzjonali dwar riskju tollerabbli kif diġà mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet ta' kwittanza għas-snin finanzjarji 2005 u 2006; jistieden lill-Kummissjoni tiżvela bi sħiħ lill-pubbliku l-metodi li jintużaw sabiex jiġu determinati r-rati ta' żbalji,

15.  Iqis, għalhekk, li l-Kummissjoni, f'konformità mal-prinċipji ta' proporzjonalità u l-effiċjenza għall-ispiża (valur għall-flus) ta' sistemi ta’ kontroll, għandha tevalwa r-relazzjoni bejn, fuq naħa waħda, ir-riżorsi disponibbli għal kull politika partikolari, u, min-naħa l-oħra, il-parti tar-riżorsi ddedikata għall-sistemi ta' kontroll skont il-qasam tal-infiq, kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tiegħu fir-rigward tas-sena finanzjarja 2005;

16.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-importanza li titwettaq l-analiżi komparattiva li waħidha se tippermetti l-istabbiliment ta' livell aċċettabbli ta’ riskju ta' żbalji, u li tgħaddi din l-analiżi lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-QEA;

17.  Jemmen li l-proporzjon spiża-benefiċċju eżistenti bejn ir-riżorsi ddedikati għall-attivitajiet ta' kontroll u r-riżultati miksuba mill-kontrolli għandu jkun element ewlieni li għandu jitqies mill-QEA;

18.  Jenfasizza l-osservazzjoni importanti ħafna magħmula mill-QEA fil-paragrafu 1.52, punt (d), tar-Rapport Annwali tagħha għall-2007 li "Jekk skema ma tistax tiġi implimentata b'mod sodisfaċenti fuq livell aċċettabbli ta' spiża u b’riskju tollerabbli, għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid";

19.  Jitlob lill-Kummissjoni rigward l-Azzjonijiet 10 u 10N, biex tippreżenta informazzjoni affidabbli dwar l-ispejjeż tas-sistemi ta’ kontroll u dwar mezzi possibbli ta’ simplifikazzjoni bil-għan li jinstab bilanċ aħjar bejn il-bżonn għall-kontrolli u l-għan li jkun hemm tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-applikanti u l-benefiċjarji tal-fondi tal-UE;

20.  Ifakkar fl-opinjoni tiegħu u fl-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri li regoli kumplikati jew mhux ċari u rekwiżiti legali kumplessi jkollhom impatt negattiv fuq il-legalità u r-regolarità tal-infiq tal-UE; iqis neċessarju li tkun trattata l-kwistjoni ta’ simplifikazzjoni bħala punt importanti għar-riforma li jmiss tar-Regolament Finanzjarju u għal bażi legali futura tal-programmi ta’ infiq tal-UE;

Azzjonijiet 1, 3, 3N, 5, 10, 10a, 11N, 13 u 15: Meħtieġa koperazzjoni mal-Istati Membri

21.  Jenfasizza li rigward l-implimentazzjoni ta’ Azzjonijiet 1, 3, 3N, 5, 10, 10a, 11N, 13 u 15, il-Kummissjoni hija dipendenti wkoll fuq koperazzjoni mal-Istati Membri; jenfasizza li jappoġġja b’mod sħiħ dawn l-azzjonijiet u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża kull strument possibbli li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex timplimenthom b’mod sħiħ malajr kemm jista’ jkun;

22.  Ifakkar fl-istqarrija magħmula mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tal-2008 imsemmija hawn fuq li l-Azzjonijiet 1, 3, 3N, 5, 8 u 13 ġew mitmuma;

23.  Jiġbed l-attenzjoni madanakollu li sa issa ma kienx konxju ta’ dokumenti ta’ evidenza jew ta’ dikjarazzjonijiet li jiġġustifikaw dikjarazzjoni bħal din; huwa sfurzat għalhekk biex jiddubita serjament jekk dawn il-miżuri intemmux u jekk ġewx implimentati jew jekk kellhomx impatt fuq il-progress tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni;

24.  Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tirrapporta f’iktar dettall dwar koperazzjoni mal-kontrapartijiet nazzjonali tagħha u biex tipprevedi meta din il-koperazzjoni se jkollha effetti pożittivi.

Azzjonijiet 5 u 13: il-promozzjoni tal-użu ta’ sommarju annwali u ta’ dikjarazzjonijiet ta' mmaniġġjar

25.  Jilqa’ b’sodisfazzjon is-sommarji annwali tar-rapporti tal-verifika disponibbli u ta’ dikjarazzjonijiet f’livell nazzjonali, preżentati għall-ewwel darba fil-15 ta’ Frar 2008, pass konsiderevoli ‘l quddiem lejn il-mira biex jitjieb l-immaniġġjar tal-fondi tal-UE; jiddispjaċih madanakollu, għan-nuqqas ta' trasparenza rigward dawn is-sommarji annwali, li l-Kummissjoni ma bagħtitx lill-Parlament;

26.  Jilqa’ b’sodisfazzjon id-dispożizzjoni mill-2008 ’l quddiem tas-sommarji annwali u l-evalwazzjoni u d-dikjarazzjonijiet stipulati fir-Rapporti ta’ Attività Annwali 2006 u 2007 tad-Direttorati-Ġenerali li jittrattaw il-Fondi Strutturali, iżda għadu lura milli jikkunsidra li l-Azzjonijiet 5 u 13 intemmu minħabba li hemm nuqqas ta’ informazzjoni lill-Parlament;

27.  Jiddispjaċih li l-Parlament sa issa għadu ma rċevix informazzjoni sħiħa mill-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni u l-analiżi komparattiva tal-ewwel sommarji annwali ppreżentati;

28.  Jiġbed l-attenzjoni madanakollu li fir-Rapport Annwali tagħha għall-2007, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri qalet li minħabba d-disparità tal-preżentazzjoni, is-sommarji annwali għadhom ma jipprovdux evalwazzjoni affidabbli tat-tħaddim u l-effettività tas-sistema;

Azzjoni 11N: l-iżvilupp ta’ tipoloġija ta’ żball u relazzjoni ma’ rkupri u korrezzjonijiet finanzjarji

29.  Jiddispjaċih għall-fatt li, minkejja l-isforzi konsiderevoli magħmula mill-Kummissjoni, skont il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Kummissjoni ma setgħetx tippreżenta ċifri kompleti jew turi li ċ-ċifri li eventwalment kienu preżentati jistgħu jkunu rikonċiljati b’mod ċar mar-rendikonti finanzjarji ppubblikati;

30.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ittemm l-implimentazzjoni ta’ din l-azzjoni importanti sabiex tikseb grad ikbar ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ rappurtar u biex ittejjeb il-preċiżjoni tad-data provduta mill-Istati Membri;

Azzjoni 8N: Koperazzjoni mal-Istituzzjonijiet tal-Verifika Supremi Nazzjonali u kif il-ħidma tagħhom tista’ tintuża biex tipprovdi assikurazzjoni

31.  Jiġbed l-attenzjoni li, għalkemm mhumiex parti mill-qafas ta’ kontroll intern, l-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika indipendenti, bħala awdituri esterni tal-infiq pubbliku nazzjonali, jistgħu jkollhom irwol ewlieni fil-verifika ta’ fondi ;

32.  Jappoġġja bi sħiħ il-koperazzjoni mibdija mill-Kummissjoni ma' wħud mill-Istituzzjonijiet tal-Verifika Supremi Nazzjonali, u jinkoraġġixxi kuntatt kontinwu ma' istituzzjonijiet bħal dawn bl-għan li jiddeterminaw kif ix-xogħol tagħhom jista' jintuża sabiex tiżdied l-assikurazzjoni rigward l-implimentazzjoni ta' programmi fl-Istati Membri;

33.  Jilqa' b’sodisfazzjoni l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tiġi żviluppata strateġija strutturata biex ikunu appoġġjati kuntatti ma' Istituzzjonijiet tal-Verifika Supremi Nazzjonali u barra minn hekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tlesti l-implimentazzjoni ta' din l-azzjoni f'koperazzjoni mill-qrib mal-QEA;

°

° °

34. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU C 107, 30.4.2004, p. 1.

(2)

ĠU C 286, 10.11.2008.

(3)

Taqsira tat-terminu Franċiż "Déclaration d'assurance".

(4)

Opinjoni Nru 2/2004 (ĠU C 107, 30.4.2004, p. 1) (l-Opinjoni tal-“Verifika Unika”).


OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (12.12.2008)

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni lejn Qafas Integrat tal-Kontroll Intern

(2008/2150(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Ingeborg Gräßle

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1. Jenfasizza li kontroll intern integrat effetiv kif propost fil-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni se jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw aħjar il-baġit tal-UE skont l-objettivi politiċi u l-prijoritajiet tal-Parlament;

2.   Jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ lingwa ċara u jistieden lill-Kummissjoni biex tindika fl-liema stadju ssib ruħha fil-proċess lejn qafas ta’ kontroll intern integrat u meta tistenna li l-miżuri meħuda jkollhom effetti pożittivi u viżibbli fuq il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet;

3.   Jiġbed l-attenzjoni għall-isforzi li saru mill-Kummissjoni iżda jiddispjaċih li, sa issa, il-Kummissjoni ma preżentatx ċifri kompleti u affidabbli dwar irkupri u korrezzjonijiet finanzjarji minħabba problemi ta’ rappurtaġġ tal-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni biex issolvi dawn il-problemi ta’ rappurtaġġ u jistenna li hija tippreżenta skeda dettaljata għall-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ din l-iskema ġdida ta’ rappurtaġġ;

4.   Jitlob lill-Kummissjoni rigward l-Azzjonijiet 10 u 10N, biex tippreżenta informazzjoni affidabbli dwar l-ispejjeż tas-sistemi ta’ kontroll u dwar mezzi possibbli ta’ simplifikazzjoni bil-għan li jinstab bilanċ aħjar bejn il-bżonn għall-kontrolli u l-għan li jkun hemm tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-applikanti u l-benefiċjarji tal-fondi tal-UE;

5.   Ifakkar fl-opinjoni tiegħu u fl-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri li regoli kumplikati jew mhux ċari u rekwiżiti legali kumplessi jkollhom impatt negattiv fuq il-legalità u r-regolarità tal-infiq tal-UE; iqis neċessarju li tkun trattata l-kwistjoni ta’ simplifikazzjoni bħala punt importanti għar-riforma li jmiss tar-Regolament Finanzjarju u għal bażi legali futura tal-programmi ta’ infiq tal-UE;

6.   Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tirrapporta b’aktar dettall dwar il-koperazzjoni mal-kontrapartijiet nazzjonali tagħha u biex tgħid meta din il-koperazzjoni se jkollha effetti pożittivi viżibbli.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

14

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Reimer Böge, Simon Busuttil, Valdis Dombrovskis, Brigitte Douay, Vicente Miguel Garcés Ramón, Catherine Guy-Quint, Jutta Haug, Vladimír Maňka, Jan Mulder, Margaritis Schinas, László Surján, Kyösti Virrankoski, Ralf Walter

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Peter Šťastný

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.1.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

12

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Inés Ayala Sender, Herbert Bösch, Paulo Casaca, Esther De Lange, James Elles, Nils Lundgren, José Javier Pomés Ruiz, Bart Staes, Søren Bo Søndergaard

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Christopher Heaton-Harris, Paul Rübig

Avviż legali - Politika tal-privatezza