Proċedura : 2008/2246(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0023/2009

Testi mressqa :

A6-0023/2009

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/02/2009 - 5.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0061

RAPPORT     
PDF 184kWORD 136k
27.1.2009
PE 415.166v01-00 A6-0023/2009

dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE li tistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea

(2008/2246(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Rapporteur: Jean Louis Cottigny

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE li tistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea

(2008/2246(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 136 sa 145 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kapijiet tal-Istat tad-9 ta’ Diċembru 1989 dwar il-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Soċjali tal-Ħaddiema u speċjalment l-Artikoli 17 u 18 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa, riveduta fl-1996 u speċjalment l-Artikolu 21 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea adottata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 u ffirmata formalment fil-Parlament Ewropew f'Diċembru 2007 mill-kapijiet tal-istat u l-kapijiet tal-gvern tas-27 Stat Membru, u speċjalment l-Artikolu 27 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru 135 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Protezzjoni u l-Faċilitajiet li għandhom jingħataw lir-rappreżentanti tal-ħaddiema fl-intrapriżi , adottata fit-23 ta’ Ġunju 1971 u speċjalment l-Artikolu 5 tagħha,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 94/45/KE tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 1994, dwar l-istabbiliment ta’ Kumitat Ewropew tax-Xogħlijiet jew ta’ proċedura fl-intrapriżi b’dimensjoni Komunitarja u l-gruppi ta’ intrapriżi b’dimensjoni Komunitarja bil-għan li l-ħaddiema jkunu infurmati u kkonsultati(1),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 98/59/KE tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mat-tkeċċijiet kollettivi(2),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/23/KE tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema f’każ ta’ trasferiment ta’ intrapriżi jew stabbilimenti, jew partijiet minn intrapriżi jew stabbilimenti(3),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) nru 2157/2001 tal-Kunsill tat-8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta’ kumpanija Ewropea (SE)(4),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/86/KE tal-Kunsill tat-8 ta’ Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut ta’ kumpanija Ewropea f’dak li jirrigwarda l-involviment tal-impjegati(5),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati fil-Komunità Ewropea(6) u d-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni dwar ir-rappreżentanza tal-impjegati(7),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/72/KE tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut ta’ Soċjetà Koperattiva Ewropea f’dak li jirrigwarda l-involviment tal-impjegati(8),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2007 dwar it-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema(9),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni biex titfassal mill-ġdid id-Direttiva 94/45/KE dwar it-twaqqif ta' Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni għall-impjegati (COM(2008)0419), u l-anness tagħha (SEC(2008)2166),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE fl-UE (COM(2008)0146) u d-dokument ta’ ħidma tagħha (SEC(2008)0334),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0023/2009),

A. billi t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE mill-Istati Membri ittardjat u billi xi Stati Membri llimitaw ruħhom li jittrasponu ċerti aspetti tad-dispożizzjonijiet minimi applikabbli,

B.   billi l-kriżi finanzjarja attwali se jkollha konsegwenzi fuq l-ekonomija tal-UE f’termini ta’ ristrutturazzjonijiet, għaqdiet (mergers) u rilokazzjonijiet ta’ intrapriżi fuq il-livell tal-UE,

C. billi d-Direttiva 2002/14/KE għandha l-għan li twaqqaf qafas ġenerali għall- informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati dwar il-futur tal-intrapriżi fejn huma jaħdmu, kif ukoll il-konsultazzjoni effettiva tal-ħaddiema biex ikunu antiċipati l-iżviluppi ekonomiċi ta' dawn l-intrapriżi,

D. billi l-prinċipju tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema huwa ċentrali għall-ekonomija soċjali tas-suq u m'għandhomx jiġu kkunsidrati bħala ostaklu għall-iżvilupp ekonomiku tal-intrapriżi,

E.   billi l-Unjoni Ewropea għandha 23 miljun intrapriża li kull waħda tħaddem inqas minn 250 persuna (li jirrappreżentaw 99 % tal-intrapriżi u li bejniethom iħaddmu iktar minn 100 miljun persuna) u billi l-Istituzzjonijiet tal-UE għandhom id-dover li jiggarantixxu u jsaħħu d-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni,

It-tisħiħ progressiv tal-proċess tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fi ħdan l-UE

1.   Jirrikonoxxi li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE damet wisq ma ddaħħlet f’ċerti Stati Membri u għalhekk, jeħtieġ aktar żmien għall-evalwazzjoni tagħha; jenfasizza, madanakollu li fl-Istati Membri fejn ma teżisti l-ebda sistema ġenerali ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-ħaddiema, l-impatt ta’ din id-Direttiva se jkun evidenti;

2.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma wettqux traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 2002/14/KE biex jagħmlu dan malajr kemm jista' jkun;

3.  Iqis neċessarju li l-inizjattivi tal-Kummissjoni f'din id-direzzjoni, b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati u l-imsieħba soċjali, jippermettu li jiġu approfonditi u riżolti l-punti ta' diffikultà marbuta mal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE jew il-konformità tal-miżuri tal-implimentazzjoni;

4.   Josserva li ċerti Stati Membri fil-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom tad-Direttiva 2002/14/CE ma qisux il-każ speċifiku tal-ħaddiema żgħażagħ, tan-nisa li jaħdmu b'sigħat imnaqqsa jew tal-ħaddiema impjegati għal żmien qasir b'kuntratti għal tul ta' żmien determinat; f'dawn il-kundizzjonijiet, jitlob lill-Istati Membri biex jadattaw id-dispożizzjonijiet tagħhom rigward il-kalkolu tal-għadd tal-impjegati fl-intrapriżi b'mod li jikkonforma mal-ispirtu u mat-test tad-direttiva, jiġifieri li l-kalkolu tal-limiti minimi jsir fuq il-bażi tal-għadd reali ta' ħaddiema, mingħajr kundizzjonijiet oħra;

5.  Jafferma li huwa xieraq li l-Istati Membri jispeċifikaw preċiżament, filwaqt li jikkunsidraw il-prattiki nazzjonali, il-kundizzjonijiet u r-restrizzjonijiet marbuta mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/14/KE dwar informazzjoni kunfidenzjali u jikkunsidraw dan li ġej:

(a)    iż-żmien ta’ dan l-obbligu wara l-iskadenza tal-mandat mogħti lil dawn rappreżentanti tal-ħaddiema;

(b)    il-kriterji u l-istanzi fl-interess leġittimu tal-intrapriża li żżomm din l-informazzjoni kunfidenzjali jew dwar ir-riskju ta’ ħsara għall-intrapriża jekk din l-informazzjoni tinkixef;

6.   Jitlob lill-Istati Membri biex fil-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom jiżguraw li:

(a)  jiddefinixxu b'mod preċiż it-terminu "informazzjoni", mingħajr ma jħallu l-possibiltajiet ta' interpretazzjonijiet different, filwaqt li jirrispettaw l-ispirtu tad-direttiva 2002/14/KE, jiġifieri li jagħtu l-possibiltà lir-rappreżentanti tal-ħaddiema li jeżaminaw l-informazzjoni mogħtija u ma jillimitawx irwieħhom billi jistennew it-tmiem tal-proċedura ta' informazzjoni jekk id-deċiżjonijiet tal-intrapriżi jkollhom konsegwenzi diretti fuq il-ħaddiema;

(b)    jinkludu, f'rabta mal-kontenut tal-informazzjoni, referenzi għall-Artikolu 4(2)(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2002/14/KE,

(c)    jirrikjedu li l-informazzjoni tiġi pprovduta fi żmien xieraq qabel il-konsultazzjoni;

(d)    jiggarantixxu r-rispett sħiħ tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/14/KE fir-rigward tad-drittijiet ta' informazzjoni u konsultazzjoni u biex jintlaħaq ftehim fis-sens tal-Artikolu 4(4)(e);

(e)  jassoċjaw ukoll lit-trejdjunjins li huma preżenti fl-intrapriża, sabiex jikkonsolidaw id-djalogu soċjali;

7.   Jistieden lill-Istati Membri li ma għandhomx sanzjonijiet effikaċi, proporzjonati u dissważivi, kif stipulati fl-Artikolu 6(3), f'każ ta' ksur tar-regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati, sabiex idaħħlu regoli ta' dan it-tip;

8.   Jistieden lill-Istati Membri li ma għandhomx sistema ta’ protezzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema biex jistabbilixxu waħda;

9.  Jissuggerixxi lill-Istati Membri fejn tradizzjonalment il-protezzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema hija ggarantita permezz ta' ftehim negozjat bejn it-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem biex jipprovdu għal protezzjoni addizzjonali b'saħħitha għal dawn ir-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-każ li n-negozjati jfallu;

Implimentazzjoni u titjib tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE

10. Iqis li jeħtieġ li titfassal u titpoġġa għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri firxa ta’ sanzjonijiet possibbli li jistgħu jittieħdu kontra min iħaddem u ma jirrispettax id-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema kif stipulat fid-Direttiva 2002/14/KE,

11. Jenfasizza li s-sussidjarjetà m'għandhiex tkun argument li bih l-Istati Membri jonqsu mill-obbligi tagħhom li jiddeterminaw sanzjonijiet li jkunu qawwija biżżejjed sabiex iżommu lil min iħaddem milli jikser id-Direttiva 2002/14/EC;

12. Jiġbed l-attenzjoni lejn is-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta' Ġunju 1994(10), li tistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li dawk l-Istati Membri li għandhom sistemi ta' teknika proċedurali u istituzzjonali insuffiċjenti huma obbligati li joħolqu dispożizzjonijiet statutorji xierqa kif ukoll sanzjonijiet adegwati, effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-konfront ta' min iħaddem u ma jirrispettax l-obbligi ta' informazzjoni u konsultazzjoni tal-ħaddiema;

13. Jitlob lill-Istati Membri biex isegwu l-ispirtu tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-tfassil tal-miżuri ta' reviżjoni amministrattiva u ġudizzjarja u s-sanzjonijiet fir-rigward ta' min iħaddem u ma jirrispettax l-obbligi tiegħu ta' informazzjoni u konsultazzjoni tal-ħaddiema, sakemm issir reviżjoni tad-Direttiva 2002/14/EC,

14. Iqis li l-miżuri ta' traspożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema jibqa' dritt awtomatiku, b'konformità mal-interpretazzjoni korretta tad-Direttiva 2002/14/KE,

15. Iqis li jeħtieġ li jitfasslu l-arranġamenti għat-twettiq tal-obbligi tar-rappreżentant tal-ħaddiema, b'mod li dawn il-ħidmiet ikunu jistgħu jitwettqu fil-ħinijiet tax-xogħol u jiġu remunerati kif xieraq,

16. Iqis li jeħtieġ li jkunu ggarantiti lir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-amministrazzjoni pubblika u ħaddiema minn intrapriżi tas-settur pubbliku u finanzjarju l-istess drittijiet għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni li jingħataw lill-ħaddiema l-oħra;

17. Iqis li jeħtieġ li tiġi rriveduta l-possibilità li wieħed jirrikorri għall-konsultazzjoni diretta, meta tkun teżisti struttura ta' rappreżentazzjoni eletta jew trejdjunjonistika, u b'hekk jiġi evitat li min iħaddem ma jindaħalx permezz tal-konsultazzjoni diretta fil-qasam tal-ftehimiet kollettivi li huma l-kompitu tat-trejdjunjins, bħal ma huma s-salarji,

18. Jitlob li tiġi eżaminata l-ħtieġa li jiġu modifikati l-limiti minimi tal-ħaddiema fl-intrapriża jew l-istabbiliment li minnhom tibda tapplika d-Direttiva 2002/14/KE, biex ikunu l-mikro-intrapriżi biss li jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha,

19. Jiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri li, għalkemm jibqa' dubju dwar id-definizzjoni preċiża tat-terminu "intrapriża" fid-Direttiva 2002/14/EC, teżisti każistika komprensiva tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett, u jistieden lill-Istati Membri biex jirreferu għaliha fil-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom, sabiex jiġi evitat rikors għal proċedura ta' irregolarità kontrihom;

20. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tadotta, mill-aktar fis possibbli, miżuri li jiggarantixxu traspożizzjoni tajba tad-Direttiva 2002/14/KE mill-Istati Membri, filwaqt li tivverifika l-punti kollha li jippreżentaw nuqqasijiet jew diffikultajiet, bħad-dispożizzjonijiet u prattiki nazzjonali applikabbli għall-kalkolu tal-għadd ta' impjegati fl-intrapriżi, l-użu ta' dispożizzjonijiet speċifiċi stipulati fl-Artikolu 3 (2) u (3), u l-garanziji li għandhom jiġu applikati għall-klawżola ta' kunfidenzjalità stipulata fl-Artikolu 6; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri li ma wettqux it-traspożizzjoni tad-direttiva jew li ma għamlux dan b'mod korrett;

21. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta rapport ta' evalwazzjoni dwar ir-riżultati miksuba bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE, fir-rigward tat-tisħiħ tad-djalogu soċjali u l-kapaċità ta' antiċipazzjoni, prevenzjoni u l-kapaċità ta' impjegar fis-suq tax-xogħol kif ukoll fir-rigward tal-kapaċità tagħha li tevita diffikultajiet amministrattivi, legali u finanzjarji fost l-intrapriżi żgħar u medji u, jekk ikun meħtieġ, iżżid proposti oħra xierqa;

22. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-istatut tal-kumpaniji privati, li jqis il-ħtiġijiet speċifiċi tal-intrapriżi ż-żgħar;

23. Jistieden lill-Kummissjoni li hija responsabbli mill-monitoraġġ ta' għaqdiet u ta' akkwiżizzjonijiet, biex tiżgura li, meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-għaqdiet jew l-akkwisti, dawn isiru skont ir-regoli li hemm fil-liġi nazzjonali u fil-liġi Komunitarja rigward l-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema;

24. Huwa tal-fehma li dik l-informazzjoni, li jekk tiġi żvelata tista' tkun ta' ħsara ekonomika enormi għal kumpanija, għandha tibqa' kunfidenzjali b'mod assolut sakemm tittieħed deċiżjoni finali dwar kwistjonijiet ekonomiċi sostanzjali li għandhom x'jaqsmu mal-kumpanija (eż. b'forma ta' ittra ta' impenn);

25. Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel pubbliku b'mod regolari t-titjib fid-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u konsultazzjoni u biex tpoġġi din il-kwistjoni fuq l-aġenda tad-Djalogu Soċjali Ewropew, kemm fil-livell transsettorjali kif ukoll dak speċifiku għas-settur;

26. Jitlob lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-imsieħba soċjali biex jinfluwenzaw l-implimentazzjoni fuq livell nazzjonali b'mod proattiv u pożittiv, permezz tat-tixrid ta' prattiki tajba, fost affarijiet oħra;

27. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tieħu inizjattivi kemm jista' jkun malajr biex issaħħaħ il-kultura effikaċi ta' kooperazzjoni bejn l-imsieħba soċjali fir-rigward tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li tikkunsidra n-natura tat-tema kif ukoll il-karatteristiċi partikolari u d-daqs tal-intrapriżi;

28. Jinnota b'sodisfazzjon li l-ftehim konkluż bejn l-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien ta' Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006 jagħmel referenza għall-konsultazzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet varji, bħar-riskji għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema u t-terminazzjoni bikrija tal-kuntratti tal-impjieg;

29. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tinkludi, fil-komunikazzjoni tagħha "Valutazzjoni mill-ġdid tal-qafas soċjali regolatorju għal impjiegi aktar u aħjar fl-UE fil-qasam tat-tbaħħir" (COM(2007)0591), id-Direttiva 2002/14/KE, u jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq għall-evalwazzjoni l-possibilità ta' deroga għall-applikazzjoni tad-direttiva 2002/14/KE stipulata fl-Artikolu 3(3) tiegħu;

30. Jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina l-ħtiġijiet ta' koordinazzjoni tad-direttivi 94/45/KE, 98/59/KE, 2001/23/KE, 2001/86/KE, 2002/14/KE, 2003/72/KE u tar-Regolament (KE) nru 2157/2001, sabiex tiġi studjata l-ħtieġa li jsiru xi modifiki eventwali bil-għan li jiġu eliminati d-duplikazzjonijiet u l-kontradizzjonijiet; iqis li l-modifiki eventwali għandhom isiru b'mod simultanju.

o

o        o

31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.

(1)

ĠU L 254, 30.9.1994, p. 64.

(2)

ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16.

(3)

ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16.

(4)

ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1.

(5)

     ĠU L 294, 10.11.2001, p. 22.

(6)

     ĠU L 80, 23.3.2002 p. 29.

(7)

     ĠU L 80, 23.3.2002 p. 34.

(8)

     ĠU L 207, 18.8.2003 p. 25.

(9)

     ĠU C 76 E tas-27.3.2008, p.138

(10)

Sentenza tat-8 ta' Ġunju 1994, Kummissjoni/Renju Unit (C-382/92, ECR 1994, p. I-2435); Sentenza tat-8 ta' Ġunju 1994, Kummissjoni/Renju Unit (C-383/92, ECR 1994, p. I-2479);


NOTA SPJEGATTIVA

Daħla

Id-Direttiva 2002/14/KE hija l-ewwel Direttiva tal-Unjoni li b’mod ġenerali tistabbilixxi obbligu għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema fl-intrapriżi, obbligu li jikkostitwixxi element ewlieni tal-mudell Ewropew tar-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema. Hija kienet adottata bħala reazzjoni għall-ksur manifest u intenzjonali tal-liġi nazzjonali fil-qasam tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema f’ċertu intrapriżi. Dan il-ksur tal-liġi nazzjonali kien iffaċilitat minħabba l-vojt legali li jeżisti f'dan il-qasam fil-Liġi Komunitarja .

F’ċerti Stati Membri, din id-Direttiva hija l-unika bażi legali li tiżgura d-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema u, kif tiġbed l-attenzjoni l-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha, l-impatt tagħha f’dawn il-pajjiżi se jkun iktar qawwi.

Ir-rapporteur iqis li fl-Istati Membri bi tradizzjoni ta’ azzjoni volontarja, il-ħolqien ta’ struttura permanenti ta’ rappreżentanza tal-ħaddiema tirrappreżenta bidla importanti fir-relazzjonijiet bejn min iħaddem u l-ħaddiema. Madanakollu, dan id-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema huwa mħaddan f’diversi testi Komunitarji u dawn l-Istati Membri għalhekk huma mitluba jitrasferixxu korrettament din id-Direttiva b’konformità mal-ispirtu tagħha.

Fl-opinjoni tar-rapporteur, fil-kuntest attwali ta’ tħassib minħabba l-kriżi finanzjarja parzjalment ikkawżata mill-imġiba tal-amministraturi ta’ ċerti kumpaniji finanzjarji, l-involviment demokratiku tal-ħaddiema fid-deċiżjonijiet li jaffetwaw l-intrapriża tagħhom għandu jkun imsaħħaħ fl-isfond ta’ azzjonijiet bħar-ristrutturazzjonijiet, l-għaqdiet, ir-rilokazzjonijiet u azzjonijiet simili.

Titjib tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE

Ir-rapporteur jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-fatt li f’ċertu Stati Membri t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE kellha impatt minimu jew seħħet b’mod deliberatament mhux ċar jew saħansitra ma kellha l-ebda impatt. Ċerti elementi essenzjali tal-protezzjoni tad-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema għalhekk ġew implimentati ħażin jew ma ġewx trasferiti filwaqt li ċertament kienu fl-ambitu tad-Direttiva. Dawn jinkludu:

- il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva: meta ħaddiema “atipiċi” ma jkunux ikkunsidrati meta jkun qed jiġi kkalkulat l-għadd ta' ħaddiema f'intrapriża jew meta l-inklużjoni ta' impjegat f'dan it-tip ta' kalkolu tkun tiddependi minn kemm ilu jagħti servizz,

- il-kontenut tal-obbligi imposti mid-Direttiva: definizzjoni vaga tat-terminu "informazzjoni”, li xi drabi titħalla għad-diskrezzjoni ta’ min iħaddem, xi drabi ma tinkludix referenzi għall-impjieg u xi drabi mhix preludju għall-konsultazzjoni, anke jekk informazzjoni bħal din għandha tkun relevanti u għandha tippermetti lir-rappreżentanti tal-ħaddiema biex jipprovdu reazzjoni adegwata għad-deċiżjonijiet proposti minn min iħaddem,

- sanzjonijiet kontra min iħaddem u jonqos milli josserva dawn l-obbligi: rarament ta’ deterrent, xi drabi kompletament mhux eżistenti.

Ir-rapporteur jibża' li traspożizzjoni minimalista bħal din tad-Direttiva ma tiksibx l-effikaċità tagħha u jiddeplora din l-istrateġija ta’ xi Stati Membri li jaħarbu mill-obbligi Komunitarji tagħhom.

Barra minn hekk, xi aspetti essenzjali tar-rappreżentanza tal-ħaddiema li, filwaqt li mhumiex koperti mid-Direttiva, huma parti neċessarja għaliha u huma inklużi fil-konvenzjonijiet internazzjonali tax-xogħol, jixraqilhom li jkunu implimentati fl-Istati Membri. Dawn jinkludu l-protezzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Ir-rapporteur huwa tal-opinjoni li jekk din il-protezzjoni ma tingħatax, id-Direttiva 2002/14/KE se tidher li hi “qoxra vojta” li ma tippermettix lir-rappreżentanti tal-ħaddiema li jkunu infurmati u kkonsultati b’mod xieraq, jiġifieri li r-rappreżentanti jpoġġu l-impjieg tagħhom f'riskju kbir jekk jargumentaw dwar il-mod li bih ikunu infurmati u kkonsultati l-ħaddiema minn min iħaddimhom. L-Istati Membri li għandhom sistema proċedurali u istituzzjonali dgħajfa għandhom l-obbligu li joħolqu rikors legali xieraq. Dan il-prinċipju joħroġ mill-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u, fl-opinjoni tar-rapporteur, sistema proċedurali u istituzzjonali li ma tipproteġix lir-rappreżentanti tal-ħaddiema ma tirrappreżentax traspożizzjoni xierqa tad-Direttiva.

Titjib tal-liġi Komunitarja relatata mal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema

B’kunsiderazzjoni għar-referendum Irlandiż dwar ir-ratifika tat-Trattat ta’ Liżbona, li fih il-maġġoranza kbira tal-voti negattivi ġew mill-ħaddiema, ir-rapporteur iqis il-bżonn li l-ħaddiema Ewropej, per eżempju l-ekwipaġġi ta' vapuri li jbaħħru fl-oċeani, ikunu infurmati dwar l-eżistenza ta' inizjattivi Komunitarji favur id-dritt tagħhom li jkunu infurmati u kkonsultati dwar deċiżjonijiet li jaffettwaw il-futur tal-intrapriża tagħhom. Għal dak il-għan, l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tinvesti b’mod regolari u konsiderevoli fil-protezzjoni ta' dan id-dritt, li żgur li għadu ma ġiex stabbilit kullimkien.

F’dawn il-kundizzjonijiet u minkejja li l-impatt tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva ma jistgħux ikunu evalwati b’mod sħiħ, huwa ċar li l-konsegwenzi għall-ħajja tal-impjegati għandhom ikunu approfonditi u msaħħa permezz ta’ aġġornament regolari mill-awtoritajiet tal-UE, u b'hekk juru li qed iżommu rwieħhom aġġornati mal-iżviluppi ekonomiċi dinjija. Ir-rapporteur għalhekk jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma għandhiex pjanijiet biex temenda din id-Direttiva.

Fl-opinjoni tiegħu dan għandu jsir f’diversi oqsma:

- L-ewwelnett, is-sanzjonijiet kontra min iħaddem u ma jirrispettax l-obbligu li jinforma u jikkonsulta l-ħaddiema, li bl-istandards tal-lum mhux deterrent ġenwin, għandhom jiżdiedu.

- Id-dritt awtomatiku li l-ħaddiema jkunu infurmati u kkonsultati għandu jissaħħaħ; dan jevita li min iħaddem jiddeċiedi waħdu l-kontenut tal-informazzjoni li huwa jgħaddi lill-ħaddiema,

- L-Unjoni Ewropea għandha 23 miljun intrapriża li kull waħda minnhom għandha inqas minn 250 impjegat li jammontaw għal 99% tal-intraprizi u li jħaddmu aktar minn 100 miljun persuna. F’dan il-kuntest, skont ir-rapporteur, jeħtieġ li jitnaqqsu l-limiti minimi tal-forza tax-xogħol li 'l fuq minnhom tapplika din id-Direttiva, anke jekk dawn huma diġà iktar baxxi minn 250 impjegat, sabiex l-ebda SME fl-Ewropa, anke l-iżgħar waħda, inklużi dawk li jimpjegaw ekwipaġġi li jaħdmu fuq il-baħar, ma tingħata trattament agħar minn oħra. L-intrapriżi kollha għandhom jibbenefikaw kemm jista’ jkun possibbli mill-istrument maniġerjali qawwi ħafna tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema.

Barra minn hekk, u għall-istess raġunijiet, id-Direttivi speċifiċi l-oħra relatati mal-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ ħaddiema, bħad-Direttiva 94/45/KE tat-22 ta' Settembru 1994 dwar it-twaqqif ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew l-istabbiliment ta’ proċedura fl-intrapriżi ta’ dimensjoni Komunitarja u l-gruppi ta’ intrapriżi ta’ dimensjoni Komunitarja bil-għan li jkunu infurmati u kkonsultati l-ħaddiema, għandhom ikunu riveduti u msaħħa.

F’dan l-isfond, ir-rapporteur jiddeplora bis-saħħa l-fatt li l-Kummissjoni ċaħdet lill-Parlament Ewropew l-irwol leġiżlattiv konġunt tiegħu billi applikat l-Artikolu 80a tar-regoli ta’ Proċedura għall-kunsiderazzjoni mill-ġdid ta’ dan it-test li huwa ta’ importanza vitali għall-ġejjieni tar-relazzjonijiet soċjali fl-Ewropa. Din id-Direttiva għandha tkun imsaħħa b’mod sinifikanti permezz ta’ reviżjoni ġenwina matul il-perjodu leġiżlattiv li jmiss jekk ma nixtiqux naggravaw is-sentiment ta’ nuqqas ta’ fiduċja tal-ħaddiema Ewropej lejn l-Unjoni.

L-armonizzazzjoni progressiva tal-proċess tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema fl-UE

Il-globalità tal-kriżi finanzjarja attwali se taffettwa t-tessut ekonomiku tal-Istati Membri u r-rapporteur għalhekk iqis li d-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema għandu jkun ikkunsidrat mill-ġdid. Dan id-dritt, għal kuntrarju ta’ kif inhu ħafna drabi ppreżentat, mhux proċedura li xxekkel lill-intrapriżi fil-kapaċità tagħhom li jirreaġixxu. Din il-proċedura għandha titqies mill-partijiet ikkonċernati (min iħaddem, ħaddiema, u awtoritajiet pubbliċi) bħala mezz li jippermettilhom li jantiċipaw bl-iktar mod effettiv possibbli l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tat-tibdil fl-ambjent tan-negozju.

Għal din ir-raġuni, din il-proċedura li hija l-bażi tal-mudell soċjali Ewropew, għandha tkun magħrufa u rikonoxxuta kemm minn kull min iħaddem u kemm mill-impjegati kollha fl-Ewropa. Kull intrapriża fit-territorju Ewropew għandu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, meta tkun affaċċjata b’bidla bħal din fl-ambjent ekonomiku tagħha, l-istess strumenti ta’ antiċipazzjoni u preparazzjoni bħall-kompetituri tagħha fl-Unjoni, li jippromwovu kompetizzjoni b’saħħitha bejniethom skont ir-regoli tas-suq intern.

Titjib tal-koordinazzjoni tal-inizjattivi Komunitarji relatati mal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema

Il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins, fir-reazzjoni tagħha għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni li tista’ tinstab f’Aness 2 tad-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni, tqis li fl-isfond tal-ħafna direttivi li jistabbilixxu d-dritt tal-ħaddiema li jkunu infurmati u kkonsultati, jeżisti riskju ta’ dupplikazzjoni, b’diversi partijiet interessati jitrattaw l-istess problema. Ir-rapporteur jaqbel ma’ din l-opinjoni.

4.12.2008


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE li tistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea

(2008/2246(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Harald Ettl

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jenfasizza li l-ħaddiema jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet u b’hekk jipparteċipaw b'mod pożittiv għall-kisba tal-għanijiet tal-profittabilità tal-kumpaniji biss jekk ikunu infurmati u kkonsultati fil-ħin, sabiex, per eżempju rigward il-miżuri ta' ristrutturazzjoni, l-għaqdiet, ix-xiri jew il-bejgħ ta' kumpaniji u akkwiżizzjonijiet mill-investituri, bħal fondi spekulattivi u fondi ta' ekwità privati u fondi li jappartjenu lill-pajjiż, il-ħaddiema għandhom ikunu mgħarrfa u kkonsulatati b’mod komprensiv fil-ħin qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet rispettivi; għaldaqstant, huwa tal-fehma li meta d-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002, li tistabbilixxi l-qafas ġenerali biex l-impjegati jiġu infurmati u kkonsultati fil-Komunità Ewropea tkun riveduta, għandha tiġi stabbilita definizzjoni ċara tad-dritt tal-ħaddiema biex jiġu infurmati u kkonsultati;

2.   Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni huwa dritt fundamentali li jgawdu minnu l-ħaddiema kollha, u huwa tal-fehma li bid-diversifikazzjoni tal-forom tal-kummerċ u tal-iżvilupp ta' strumenti oħra ta' finanzjament, dan id-dritt għandu jiġi adattat sabiex iqis ċ-ċirkustanzi u jkun garantit fil-kuntest tal-akkwiżizzjonijiet mill-fondi spekulattivi u mill-kumpaniji b'ekwità privati; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta korrispondenti li temenda d-Direttiva 2002/14/KE;

3.   Huwa tal-fehma li l-informazzjoni, li jekk tiġi żvelata tista' tkun ta' ħsara ekonomika enormi għal kumpanija, għandha tibqa' kunfidenzjali b'mod assolut sakemm tittieħed deċiżjoni finali dwar kwistjonijiet ekonomiċi sostanzjali li għandhom x'jaqsmu mal-kumpanija (eż. b'forma ta' ittra ta' impenn);

4.   Jinnota li xi leġiżlazzjoni Komunitarja għandha restrizzjonijiet dwar l-oqsma li fihom japplikaw id-drittijiet ta' parteċipazzjoni tal-ħaddiema, eż. fil-kalkolazzjoni tal-limiti minimi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li meta jiġu biex jikkalkulaw il-limiti minimi, xi Stati Membri jużaw definizzjoni kumplessa ta' xi jkun impjegat; huwa tal-fehma li n-numru tal-impjegati reġistrati – irrispettivament mill-età jew min-natura tal-kuntratti tal-impjieg tagħhom – għandu jittieħed dejjem bħala bażi għal kalkoli bħal dawn; jistieden lill-Kummissjoni biex terġa tikkunsidra r-restrizzjonijiet li jeżistu;

5.   Jistieden lill-Kummissjoni li hija responsabbli mill-monitoraġġ ta' għaqdiet u ta' akkwiżizzjonijiet, biex tiżgura li, meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-għaqdiet jew l-akkwisti, dawn isiru skont ir-regoli li hemm fil-liġi nazzjonali u fil-liġi Komunitarja rigward l-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema;

6.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi li l-ekwipaġġ ta' bastimenti li joperaw f'ibħra miftuħa jiġu trattati bl-istess mod bħal impjegati oħra, u fil-proposta tagħha biex tiġi emendata d-Direttiva 2002/14/KE, tfittex li twessa' l-ambitu tad-Direttiva biex tinkludi lil dawn il-persuni.RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mariela Velichkova Baeva, Paolo Bartolozzi, Zsolt László Becsey, Sebastian Valentin Bodu, Sharon Bowles, Udo Bullmann, David Casa, Manuel António dos Santos, Christian Ehler, Jonathan Evans, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Robert Goebbels, Donata Gottardi, Louis Grech, Othmar Karas, Wolf Klinz, Astrid Lulling, Gay Mitchell, Sirpa Pietikäinen, John Purvis, Peter Skinner, Margarita Starkevičiūtė, Ivo Strejček, Sahra Wagenknecht

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Harald Ettl

20.1.2009


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE li tistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea

(2008/2246(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Gabriele Stauner

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi l-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema huma elementi fundamentali għal ekonomija soċjali tas-suq u m'għandhomx jitqiesu bħala xkiel għall-iżvilupp ekonomiku tal-kumpaniji,

B.  billi skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2002/14/KE ż-żmien limitu għat-traspożizzjoni tagħha diġà skada u l-perjodi ta' tranżizzjoni preskritti skont l-Artikolu 10 tal-imsemmija Direttiva, li tippermetti li ċerti Stati Membri jillimitaw l-applikazzjoni tad-Direttiva għal impriżi speċifiċi skadew ukoll,

1.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi bla dewmien il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi żgurata traspożizzjoni sħiħa u korretta tad-Direttiva fl-Istati Membri, kif ukoll għal dawk l-Istati Membri li għamlu użu mill-perjodi ta' tranżizzjoni, biex tuża l-possibiltajiet tagħha biex id-Direttiva tkun trasposta bis-sħiħ f'dawk l-Istati Membri;

2.  Jiġbed l-attenzjoni b'mod partikulari għall-fatt li l-proċeduri ta' rikors tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva huma essenzjali sabiex, minn naħa waħda jiġi żgurat il-ħarsien tal-interessi leġittimi ta' min iħaddem b'mod effikaċi u min-naħa l-oħra biex jiġi evitat li d-drittijiet għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni mal-ħaddiema jiġu mxekkla mir-rikors bla bżonn tal-klawsola ta' kunfidenzjalità; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi l-miżuri neċessarji sabiex tiġi garantita, f'dan ir-rigward ukoll, traspożizzjoni korretta fl-Istati Membri;

3.  Huwa tal-opinjoni li minħabba l-importanza fundamentali għall-ekonomija soċjali tas-suq, id-drittijiet għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-ħaddiema fil-prinċipju m'għandhomx jiġu limitati biss għall-intrapriżi l-kbar;

4.   Konsegwentement, jistieden lill-Kummissjoni biex tnaqqas il-limiti minimi stipulati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva sabiex l-informazzjoni u l-konsultazzjoni jiġu provduti b'mod effikaċi saħansitra fl-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju u jiġu esklużi biss l-intrapriżi żgħar ħafna.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.1.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Carlo Casini, Bert Doorn, Monica Frassoni, Giuseppe Gargani, Neena Gill, Klaus-Heiner Lehne, Katalin Lévai, Antonio López-Istúriz White, Manuel Medina Ortega, Hartmut Nassauer, Aloyzas Sakalas, Eva-Riitta Siitonen, Francesco Enrico Speroni, Diana Wallis, Rainer Wieland, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Eva Lichtenberger, Jacques Toubon


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.1.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

44

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Andersson, Edit Bauer, Iles Braghetto, Philip Bushill-Matthews, Milan Cabrnoch, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Luigi Cocilovo, Jean Louis Cottigny, Jan Cremers, Harald Ettl, Richard Falbr, Carlo Fatuzzo, Ilda Figueiredo, Joel Hasse Ferreira, Roger Helmer, Stephen Hughes, Ona Juknevičienė, Jean Lambert, Raymond Langendries, Bernard Lehideux, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Maria Matsouka, Elisabeth Morin, Juan Andrés Naranjo Escobar, Csaba Őry, Siiri Oviir, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Pier Antonio Panzeri, Rovana Plumb, Bilyana Ilieva Raeva, Elisabeth Schroedter, José Albino Silva Peneda, Kathy Sinnott, Jean Spautz, Ewa Tomaszewska, Anne Van Lancker, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Françoise Castex, Richard Howitt, Magda Kósáné Kovács, Csaba Sógor, Anja Weisgerber

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Adrian Manole

Avviż legali - Politika tal-privatezza