RAPPORT dwar l-azzjoni Komunitarja rigward il-kaċċa għall-balieni

27.1.2009 - (2008/2101(INI))

Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Elspeth Attwooll

Proċedura : 2008/2101(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0025/2009
Testi mressqa :
A6-0025/2009
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-azzjoni Komunitarja rigward il-kaċċa għall-balieni

(2008/2101(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għar-Regolamentazzjoni tal-kaċċa għall-balieni tal-1946 u t-twaqqif tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-kaċċa għal Baleni (IWC),

–   wara li kkunsidra l-ftehima dwar limiti tal-ebda qbid (il-'moratorju') tal-IWC għall-kaċċa kummerċjali għall-balieni li daħlet fis-seħħ fl-1986,  wara li kkunsidra l-aġġornament taċ-Ċetaċji tal-Lista l-Ħamra tal-Ispeċijiet fil-Periklu tal-2008 li saret mill-Unjoni Internazzjonali tal-Konservazzjoni tan-Natura,

–   wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura f'Barċellona, bejn il-5 u l-14 ta' Ottubru 2008,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 37 u 175 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-19 ta' Diċembru 2007 dwar l-azzjoni Komunitarja rigward il-kaċċa għall-balieni (COM(2007)0823),

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni adottata mill-Kunsill fil-5 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi l-pożizzjoni Komunitarja rigward il-kaċċa għall-balieni[1],

–   wara li kkunsidra t-twaqqif ta’ Grupp Żgħir ta’ Ħidma dwar il-futur tal-IWC (il-“Grupp ta’ Ħidma”) mill-IWC matul is-60 laqgħa annwali tagħhom f’Santiago, iċ-Ċili, f’Ġunju 2008,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-abitati naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (id-Direttiva dwar l-Abitati)[2],

–   wara li kkunsidra t-Trattat tal-1997 ta' Amsterdam li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea - Il-Protokoll dwar il-protezzjoni u l-benessri tal-annimali[3].

–   wara li kkunsidra l-adozzjoni, min-naħa tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fi Speċi ta' Fawna u Flora Salvaġġi fil-Periklu (CITES) kif ukoll l-implimentazzjoni tagħha mill-UE, ta' projbizzjoni dwar il-kummerċ internazzjonali fi prodotti tal-ispeċi kollha ta' balieni kbar,

–   wara li ikkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A6-0025/2009),

A. billi l-għan primarju għandu jkun il-protezzjoni tal-bijodiversità, li jinkludi l-konservazzjoni tal-ispeċi,

B.  billi l-benessri tal-annimali dejjem għandu jiġi kkunsidrat,

C. billi madankollu hemm kwistjonijiet ta’ sikurezza u provvista tal-ikel, b’mod partikulari għall-komunitajiet li tradizzjonalment jikkaċjaw għall-balieni,

D. billi “t-tfixkil, il-qbid jew il-qtil intenzjonat” tal-ispeċi kollha tal-balieni attwalment huwa pprojbit fl-ibħra tal-Komunità skont id-Direttiva tal-Abitati,

E.  billi kważi waħda minn fuq kull erba’ speċi taċ-ċetaċji attwalment huma kkunsidrati f’periklu, b’disa’ speċi elenkati bħala f’periklu jew f’periklu serju, u billi l-istatus ta' ħafna speċi u l-popolazzjonijiet jibqa' mhux ċar,

F.  billi għalkemm uħud mill-popolazzjonijiet tal-balieni irnexxilhom jirkupraw xi ftit sa mill-introduzzjoni tal-moratorju, oħrajn ma rnexxilhomx u l-kapaċità tagħhom li jadattaw għall-kondizzjonijiet ambjentali li qed jinbidlu tibqa' mhux magħrufa,

G. billi fil-bidu l-moratorjum kien maħsub li jtul sakemm tiddaħħal fis-seħħ skema adegwata ta’ ġestjoni u li tħalli biżżejjed żmien biex l-istokks ta’ numri żgħar jirkupraw,

H. billi mhux il-membri kollha tal-IWC jaqblu mal-moratorju,

I.   billi l-moratorju fl-ebda każ, ma jkopri l-qtil tal-balieni għal skopijiet xjentifiċi,

J.   billi n-numru ta’ balieni maqtula taħt Permess Speċjali fil-fatt żdied sa mill-introduzzjoni tal-moratorju,

K. billi l-IWC (f'aktar minn 30 riżoluzzjoni) u numru ta’ NGOs u entitajiet oħra esprimew tħassib serju li l-Permess Speċjali attwali għall-kaċċa tal-balieni hu "kontra l-ispirtu tal-moratorju fuq il-kaċċa kummerċjali tal-balieni" (IWC2003-2); il-laħam minn din il-kaċċa għall-balieni m'għandux jintuża għal skopijiet kummerċjali;

L.  billi, minkejja t-titjib riċenti, il-metodi li bih il-balieni jiġu maqtula xorta ma jilħqux l-istandards mixtieqa,

M. billi ċ-ċetaċji huma f’periklu mhux biss minħabba l-kaċċa iżda wkoll minħabba l-bidla fil-klima, it-tniġġis, l-inċidenti li jinvolvu l-vapuri, it-tagħmir tas-sajd, is-sonar u perikli oħrajn,

N. billi l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill imsemmija hawn fuq ibbażżat ruħha fuq l-Artikolu 175 tat-Trattat KE u rrelatat biss mal-laqgħa tal-IWC imsemmija hawn fuq f'Santiago, iċ-Ċili, , f'Ġunju 2008,

1.  Jilqa' bi pjaċir il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq dwar l-azzjoni Komunitarja rigward il-kaċċa għall-balieni, li ġiet adottata b’maġġoranza kkwalifikata mill-Kunsill; u jappoġġja ż-żamma ta' moratorju globali fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni, u projbizzjoni fuq il-kummerċ internazzjonali tal-prodotti mill-balieni; ifittex li jwaqqaf "il-kaċċa xjentifika għall-balieni" u jappoġġja l-għażla ta' reġjuni kbar fl-oċeani u fl-ibħra bħala santwarji li fihom il-kaċċa għall-balieni hija pprojbita b'mod indefinit;

2.  Jistieden lill-Kunsill biex jadotta pożizzjoni komuni ġdida skont l-Artikolu 37 kif ukoll Artikolu 175 tat-Trattat KE;

3.  Jemmen li l-konservazzjoni tal-balieni u ċetaċji oħra fl-aħħar mill-aħħar tiddependi fuq l-iżvilupp ta’ miżuri li huma suġġetti għal kunsens wiesa' biżżejjed biex ikunu implimentati b'mod effettiv;

4. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lil dawk l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fil-Grupp ta’ Ħidma biex jaħdmu għall-ilħuq ta’ dan il-qbil;

5. Jemmen li d-diskussjonijiet mal-Grupp ta' Ħidma għandhom ikunu suġġetti għall-akbar trasparenza possibbli;

6.  Jispera li l-Grupp ta’ Ħidma jindirizza l-kwistjoni tal-kaċċa letali għall-balieni għal skopijiet xjentifiċi sabiex isib bażi biex tiġi eliminata;

7.  Jirrispetta l-bżonn ta' kaċċa limitata li għandha ssir minn dawk li tradizzjonalment jikkaċċjaw għall-iskop ta’ provvista ta’ ikel, iżda jitlob li ssir enfasi akbar fuq ir-riċerka dwar metodi ta’ qtil umani u kif ukoll l-użu tagħhom;

8.  Jitlob li din it-tip ta’ kaċċa issir biss bi kwoti ċari bbażati fuq il-parir tal-Kumitat Xjentifiku tal-IWC u li tkun irregolata b’kontrolli iżjed stretti li jinkorporaw reġistrazzjoni u rapportar sħaħ lill-IWC;

9.  Jitlob ukoll li jitwaqqfu, f’postijiet adattati madwar id-dinja, aktar Zoni tal-Baħar Protetti li fihom il-balieni jirċievu protezzjoni speċjali;

10. Jinnota li d-Direttiva dwar il-Ħabitats li tiddefinixxi l-pożizzjoni Komunitarja rigward il-balieni (u d-dniefel) ma tippermettix li l-kaċċa kummerċjali għall-balieni tkompli ssir fuq kwalunkwe stokk ta' balieni fl-ibħra tal-UE;

11. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jkun użat apparat tas-sajd selettiv biex jevita qbid mhux intenzjonat ta' speċi oħra, partikolarment ta' ċetaċji;

12. Iqis li l-istorja traġika tal-kaċċa kummerċjali għall-balieni, flimkien mal-ħafna theddidiet li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom il-popolazzjonijiet tal-balieni (fosthom, inter alia, il-qbid inċidentali f'operazzjonijiet tas-sajd, il-ħabtiet mal-bastimenti, il-bidla fil-klima globali u t-tniġġis bil-ħsejjes fl-oċeani) tobbliga lill-UE biex tippromwovi f'fora internazzjonali ewlenin, b'mod koordinat u koerenti, l-ogħla livell ta' ħarsien għall-balieni fid-dinja kollha;

13. Jitlob li theddid fuq popolazzjonijiet taċ-ċetaċji kkawzat mill-bidla fil-klima, it-tniġġis, l-inċidenti li jinvolu l-vapuri, it-tagħmir tas-sajd, ħsejjes tal-oċean antropġeniku (inklużi s-sonar, l-istħarriġ seiżmiku u l-ħsejjes tal-vapuri) u perikli oħrajn jiġi indirizzat ‘il-barra minn dawn iz-zoni ta’ protezzjoni;

14. Jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha, qabel ma tittieħed azzjoni globali, tressaq aktar proposti biex topponi dawn it-theddid fir-rigward tal-ibħra u bastimenti tal-Komunità;

15. Hu tal-opinjoni li l-Kummissjoni għandha tiddefinixxi qafas regolatorju rivedut għall-prattika tal-osservazzjoni tal-balieni li jipproteġi l-interess ekonomiku u soċjali tar-reġjuni tal-kosta fejn issir din l-attività, waqt li jqis l-iżvilupp reċenti tagħhom;

16. Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamentari tal-Istati Membri, lill-Kummissjoni Internazzjonali tal-Kaċċa għall-Balieni, lill-Kunsilli Reġjonali ta' Konsulenza, lill-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura u l-Organizzazzjonijiet Reġjonali ta' Ġestjoni tas-Sajd li l-UE tagħmel parti minnhom.

  • [1] Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tkun adottata f'isem il-Komunità Ewropea fis-60 Laqgħa tal-IWC fl-2008 rigward il-proposti għal emendi għall-Iskeda tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Regolament tal-Kaċċa għall-Balieni (Dokument tal-Kunsill Nru 9818/08).
  • [2]  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.
  • [3]  ĠU C 340, 10.11.1997, p. 110

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Kumitat Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni (IWC) twaqqaf permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1946 għar-Regolamentazzjoni tal-Kaċċa għall-Balieni, ikkaratterizzata minn anness li jirregola l-modalitajiet. 20 mis-27 Stat Membru jagħmlu parti minn din il-Kummissjoni.

Bħala riżultat tat-tħassib rigward il-periklu li tiffaċċja l-ispeċi, ġiet stabbilita moratorja fl-1982 dwar il-kaċċa għall-balieni għal skopijiet kummerċjali, li daħlet fis-seħħ fl-1986. Din kienet maħsuba li tibqa' tapplika sa ma tiġi implimentata Proċedura ta' Ġestjoni Riveduta, sabiex ikun hemm limiti fl-ammonti kkaċċjati fuq bażi ta' dejta xjentifika.

Il-Proċedura ġiet miftehma fl-1994 iżda l-Iskema ta' Ġestjoni Riveduta li tmur magħha għadha mhix qed tiġi implimentata. Fil-laqgħa tagħha f'Santiago, Ċilì, f'Ġunju 2008, l-IWC waqqfet grupp ta' ħidma sabiex iseħħ progress fil-kwistjoni.

Qabel il-laqgħa fiċ-Ċilì, il-Kunsill, b'maġġoranza kkwalifikata, adotta pożizzjoni komuni għall-iskopijiet tal-istess laqgħa. Din il-pożizzjoni kienet tappoġġja ż-żamma tal-moratorja, kienet kontra kwalunkwe proposta rigward tipi ġodda ta' kaċċa għall-balieni sakemm dawn ma kinux ''jiggarantixxu titjib sinifikanti fl-istat ta' preservazzjoni tal-balieni fuq medda twila ta' żmien u jġibu l-azzjonijiet kollha ta' kaċċa għall-balieni min-naħa ta' membri tal-IWC taħt il-kontroll tal-IWC'', kienet tappoġġja wkoll il-proposti bil-għan li tintemm il-''kaċċa għall-balieni għal raġunijiet xjentifiċi'' li ma taqgħax taħt il-kontroll tal-IWC, kif ukoll dawk għall-ħolqien ta' postijiet ta' protezzjoni għall-balieni u għall-ġestjoni tal-kaċċa għall-balieni għall-għajxien, li hija soġġetta għal bosta kundizzjonijiet.

Il-kaċċa għall-balieni tikkostitwixxi kwistjoni li dwarha l-opinjoni pubblika hija diviża. Għandu jiġi nnutata li l-moratorja tapplika biss għall-kaċċa għall-balieni għal skopijiet kummerċjali. Minbarra l-eċċezzjoni tal-kaċċa għall-għajxien, ir-riċerka xjentifika tista' titwettaq b'permessi speċjali li jinħarġu mill-pajjiż li jkun se jwettaq ir-riċerka. Għandu wkoll jiġi nnutat li mhux il-membri kollha tal-IWC kienu firmatarji tal-moratorja, u għalhekk il-kaċċa għal skopijiet kummerċjali għadha sseħħ.

Analiżi reċenti tal-Unjoni Internazzjonali għall-Preservazzjoni tan-Natura tindika li kważi waħda minn kull erba' speċijiet ċetaċej jinsabu mhedda, u disa' speċijiet huma elenkati bħala mhedda jew inkella bħala mhedda b'mod serju. Sa mill-introduzzjoni tal-moratorja, ġie nnutat titjib fil-popolazzjonijiet ta' ċerti speċijiet, partikolarment tal-balieni ta' daqs ikbar.

Fl-istess ħin, jidher li n-numru ta' balieni maqtula żdied sa mill-introduzzjoni ta' din il-moratorja. Hemm ukoll indikazzjonijiet li juru li l-użu kummerċjali tal-laħam tal-balieni huwa konsegwenza tal-''kaċċa għall-balieni għal skopijiet xjentifiċi''.

Il-balieni huma wkoll mhedda mill-ħbit mal-bastimenti, mit-tagħmir tas-sajd, mill-bidla fil-klima, mis-sonars u minn perikli oħra bħat-tniġġis.

Huwa għalhekk importanti li s-sitwazzjoni tal-balieni u l-kwistjoni tal-kaċċa għall-balieni jiġu indirizzati fuq bażi komprensiva u skont ir-regoli applikabbli għall-membri kollha tal-IWC. Jekk dan ma jseħħx, il-preservazzjoni tal-balieni se tkompli tkun mhedda kemm fuq il-medda ta' żmien twila kif ukoll fuq dik qasira.

Wieħed jittama li xi Deċiżjoni futura tal-Kunsill tadotta approċċ komprensiv xieraq u li jikkontribwixxi għall-kisba ta' kunsens.

Minbarra dan, għalkemm il-balieni bħalissa huma protetti minn ''disturbi, qbid jew qtil intenzjonali'' fl-ibħra Komunitarji taħt id-Direttiva dwar l-Abitati, huma għadhom soġġetti għal bosta perikli oħra. Għalkemm diġà mbeda x-xogħol relatat mat-tagħmir tas-sajd, ikun ta' għajnuna kieku l-Kummissjoni tressaq proposti ulterjuri għat-tnaqqis, u meta jkun possibbli, għall-eliminazzjoni ta' perikli bħal dawn.

11.11.2008

OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

għall-Kumitat għas-Sajd

dwar l-azzjoni Komunitarja rigward il-kaċċa għall-balieni
(2008/2101(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Carl Schlyter

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' bi pjaċir il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2007 dwar l-azzjoni Komunitarja rigward il-kaċċa għall-balieni (COM(2007)0823) u l-pożizzjoni dwar il-kaċċa għall-balieni adottata b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2008[1]; jagħti l-appoġġ tiegħu biex ikompli jinżamm il-moratorju globali dwar il-kaċċa kummerċjali għall-balieni, u għall-projbizzjoni tal-kummerċ internazzjonali fil-prodotti tal-balieni; ifittex li jwaqqaf "il-kaċċa xjentifika għall-balieni" u jappoġġja l-għażla ta' reġjuni kbar fl-oċeani u fl-ibħra bħala santwarji li fihom il-kaċċa għall-balieni hija pprojbita b'mod indefinit;

2.  Iqis li l-istorja traġika tal-kaċċa kummerċjali għall-balieni, flimkien mal-ħafna theddidiet li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom il-popolazzjonijiet tal-balieni (fosthom, inter alia, il-qbid inċidentali f'operazzjonijiet tas-sajd, il-ħabtiet mal-bastimenti, il-bidla fil-klima globali u t-tniġġis bil-ħsejjes fl-oċeani) tobbliga lill-UE biex tippromwovi f'fora internazzjonali ewlenin, b'mod koordinat u koerenti, l-ogħla livell ta' ħarsien għall-balieni fid-dinja kollha;

3.  Jinnota li d-Direttiva tal-UE dwar il-Ħabitats[2] li tiddefinixxi l-pożizzjoni Komunitarja rigward il-balieni (u d-dniefel) ma tippermettix li l-kaċċa kummerċjali għall-balieni tkompli ssir fuq kwalunkwe stokk ta' balieni fl-ibħra tal-UE;

4.  Iqis li l-kaċċa għall-balieni għall-iskopijiet ta' sussistenza biss għandha tkun permessa mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni (l-IWC) sakemm din ma tkunx ta' theddida għall-istatus ta' konservazzjoni tal-istokk ikkonċernat, il-qabdiet jibqgħu fl-ambitu dokumentat u rikonoxxut tal-ħtiġijiet ta' sussistenza u li m'għandha tkun miftiehma l-ebda żieda fil-livelli approvati attwalment, kemm f'termini tal-għadd ta' balieni maqtula kif ukoll ta' speċijiet oħra maqbuda;

5.  Jirrikonoxxi l-fakoltà taċ-ċetaċei li jħossu u l-potenzjal sinifikanti ta' tbatija severa u fit-tul ikkawżata waqt l-operazzjonijiet tal-kaċċa għall-balieni; jaqbel li, fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' benessri tal-annimali, huwa indispensabbli li jinżamm il-moratorju globali fuq il-kaċċa għall-balieni, u jappoġġja l-proposti li jfittxu li jtejbu l-umanità u l-kontroll tal-benessri tal-annimali fl-operazzjonijiet tal-kaċċa ta' sussistenza għall-balieni mill-popli indiġeni;

6.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jopponu kull proposta fil-proċess attwali ta' negozjar dwar il-ġejjieni tal-IWC li tipprova tilleġittimizza kwalunkwe livell ta' kaċċa għall-balieni, kemm jekk xjentifiku, kummerċjali, ta' mal-kosta jew mod ieħor, jew li tawtorizza kwalunkwe kummerċ internazzjonali ta' prodotti tal-balieni;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma ssiħbux fl-IWC biex jagħmlu dan, sabiex ikunu jistgħu jappoġġjaw azzjonijiet li jfittxu li joffru l-ħarsien sħiħ tal-balieni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.11.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Adamos Adamou, Georgs Andrejevs, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Johannes Blokland, John Bowis, Frieda Brepoels, Hiltrud Breyer, Martin Callanan, Dorette Corbey, Magor Imre Csibi, Avril Doyle, Mojca Drčar Murko, Edite Estrela, Anne Ferreira, Matthias Groote, Satu Hassi, Jens Holm, Caroline Jackson, Dan Jørgensen, Christa Klaß, Urszula Krupa, Marios Matsakis, Linda McAvan, Roberto Musacchio, Riitta Myller, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Vittorio Prodi, Dagmar Roth-Behrendt, Daciana Octavia Sârbu, Amalia Sartori, Carl Schlyter, Richard Seeber, Bogusław Sonik, María Sornosa Martínez, Antonios Trakatellis, Thomas Ulmer, Anja Weisgerber, Glenis Willmott

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Bairbre de Brún, Christofer Fjellner, Anne Laperrouze, Johannes Lebech, Caroline Lucas, Andres Tarand, Lambert van Nistelrooij

  • [1]  Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tkun adottata f'isem il-Komunità Ewropea fis-60 Laqgħa tal-IWC fl-2008 rigward il-proposti għal emendi għall-Iskeda tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Regolament tal-Kaċċa għall-Balieni (Dokument tal-Kunsill Nru 9818/08).
  • [2]  Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

RIŻULTAT FINALI TAL-VOTAZZJONI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.1.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Elspeth Attwooll, Marie-Hélène Aubert, Iles Braghetto, Niels Busk, Luis Manuel Capoulas Santos, Paulo Casaca, Zdzisław Kazimierz Chmielewski, Avril Doyle, Emanuel Jardim Fernandes, Carmen Fraga Estévez, Ioannis Gklavakis, Pedro Guerreiro, Daniel Hannan, Heinz Kindermann, Rosa Miguélez Ramos, Marianne Mikko, Philippe Morillon, Seán Ó Neachtain, Struan Stevenson, Catherine Stihler, Margie Sudre, Daniel Varela Suanzes-Carpegna, Cornelis Visser

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Eleonora Lo Curto, Raül Romeva i Rueda, Kathy Sinnott, Thomas Wise