RAPPORT bi proposta għal rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar Sħubija Strateġika UE-Messiku

27.1.2009 - (2008/2289(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra

Proċedura : 2008/2289(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0028/2009

PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW LILL-KUNSILL

dwar Sħubija Strateġika UE-Messiku

(2008/2289(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill ippreżentata minn José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra f'isem il-Grupp PPE-DE dwar Sħubija Strateġika UE-Messiku (B6-0437/2008),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew "Lejn Sħubija Strateġika UE-Messiku" (COM(2008)447),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar qtil ta' nisa (femiċidji) fil-Messiku u fl-Amerika Ċentrali, u l-irwol tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra dan il-fenomenu[1],

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u l-Istati Uniti Messikani, min-naħa l-oħra[2],

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-ħames samits tal-kapijiet tal-istati u tal-gvernijiet tal-Amerika Latina u l-Karibew u tal-Unjoni Ewropea (UE-LAC), li s'issa saru f’Rio de Janeiro (fit-28 u d-29 ta’ Ġunju 1999), f’Madrid (fis-17 u t-18 ta’ Mejju 2002), fi Guadalajara (fit-28 u d-29 ta’ Mejju 2004), fi Vjenna (fit-12 u t-13 ta’ Mejju 2006) u f'Lima (fis-16 u s-17 ta’ Mejju 2008),

–   wara li kkunsidra l-komunikat konġunt tar-Raba' Samit Messiku-UE li sar f'Lima, tas-17 ta' Mejju 2008,

–   wara li kkunsidra l-komunikat konġunt tat-Tmien Laqgħa tal-Kumitat Konġunt UE-Messiku li saret fil-Belt tal-Messiku fit-13 u l-14 ta' Ottubru 2008,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari Konġunt (JPC) UE-Messiku, li saret fil-Belt tal-Messiku fit-28 u d-29 ta' Ottubru 2008,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tat-13 ta' Ottubru 2008,

–   wara li kkunsidra l-messaġġ mill-EUROLAT fil-Ħames Samit UE-LAC tal-1 ta' Mejju 2008,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2008 dwar il-Ħames Samit UE-LAC li sar f'Lima[3],

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' San Salvador adottata waqt is-17-il Samit Iberoamerikan tal-Kapijiet tal-Istati u tal-Gvernijiet, li sar fid-29 u l-31 ta' Ottubru 2008,

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Jannar 2006 dwar il-klawsola tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fi ftehimiet tal-Unjoni Ewropea[4],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 114(3) u 83(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A6‑0028/2009),

A. billi l-Messiku u l-UE għandhom sett ta' valuri fundamentali u prinċipji komuni u rabtiet storiċi u kulturali,

B.  billi r-rispett tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem, kif inhuma mfissra fil-klawsola tad-demokrazija, huma element essenzjali kemm tas-Sħubija Strateġika kif ukoll tal-Ftehima Globali, u għandhom jiġu osservati miż-żewġ partijiet,

C. billi l-Messiku qiegħed aktar ma jmur jikkonsolida l-piż politiku tiegħu fix-xena internazzjonali, kif tikkonferma fil-livell dinji n-nomina reċenti tiegħu bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (għall-2009-2010), u fil-livell reġjonali bil-presidenza tiegħu tas-Segretarjat Pro-Tempore tal-Grupp ta' Rio (għall-2008-2010),

D. billi huwa importanti li l-UE tirrikonoxxi l-kontribut tal-Messiku għas-sistema multilaterali ġaladarba l-multilateraliżmu huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi li ż-żewġ partijiet, il-Messiku u l-UE, impenjaw ruħhom li jippromwovu fl-isfera internazzjonali,

E.  billi l-Messiku beda skema ta' riformi strutturali f'setturi strateġiċi u sar l-għaxar ekonomija bħala kobor fid-dinja, huwa membru tal-G-20 u tal-G-5 (il-Brażil, iċ-Ċina, l-Indja, l-Afrika t'Isfel u l-Messiku) u huwa, barra minn hekk, l-uniku pajjiż Latin-Amerikan li hu membru tal-OECD,

F.  billi l-Messiku għandu popolazzjoni ta' aktar minn 100 miljun bi predominanza ta' żgħażagħ billi 45% tal-Messikani huma taħt l-20 sena, u jokkupa pożizzjoni ġeostrateġika importanti bħala pont bejn l-Amerika ta' Fuq u t'Isfel u bejn il-Karibew u l-Paċifiku,

G. billi l-Ftehima ta' Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Koperazzjoni UE-Messiku (il-'Ftehima Globali') ffirmata fit-8 ta' Diċembru 1997 għandha tliet pilastri: id-djalogu politiku; il-ħolqien gradwali ta' żona ta' kummerċ ħieles; u l-koperazzjoni; billi, barra minn hekk, minn meta daħlet fis-seħħ il-ftehima fis-sena 2000, ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat issaħħu u kkonsolidaw ruħhom aktar, kemm politikament kif ukoll fl-oqsma tal-kummerċ u l-koperazzjoni,

H. billi waqt is-Samit ta' Lima (Mejju 2008) l-UE u l-Messiku enfasizzaw l-iżvilupp pożittiv fil-flussi kummerċjali u tal-investiment bil-Ftehima ta' Assoċjazzjoni,

I.   billi, kemm b'mod bilaterali u kif ukoll fil-qafas tal-Ftehima Globali, l-UE u l-Messiku saħħu l-kuntatti tagħhom fil-livelli kollha u fl-istituzzjonijiet kollha, b'mod partikolari fil-qasam parlamentari u fil-kuntest tal-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Messiku, u l-Assemblea Parlamentari Ewro-Latina-Amerikana,

J.   billi l-proposta għal Sħubija Strateġika waslet fi żmien ta' kriżi finanzjarja u ekonomika internazzjonali, u hemm ir-riskju li din il-kriżi taffettwa l-bilanċ ekonomiku u soċjali tar-relazzjoni bilaterali,

K. billi relazzjonijiet aktar fil-fond bejn l-UE u l-Messiku jistgħu jgħinu biex iseddqu l-kunsens bejn l-UE u s-sħab Latini-Amerikani tagħha dwar kwistjonijiet reġjonali u globali, hekk li jiffaċilitaw il-promozzjoni konġunta ta' interessi u valuri komuni f'fora internazzjonali u reġjonali,

L.  billi s-Sħubija Strateġika teħtieġ li tiġi meqjusa bħala qabża kwalitattiva 'l quddiem fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Messiku f'żewġ livelli differenti: b'mod multilaterali, f'termini ta' koordinazzjoni reċiproka fi kwistjonijiet ta' importanza dinjija; u b'mod bilaterali, permezz tal-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejniethom u ta' inizjattivi partikolari;

M. billi l-proċessi ta' integrazzjoni politika u ekonomika, il-fatt li l-globalizzazzjoni ekonomika qiegħda kull ma tmur tinfirex u l-importanza tad-dibattitu dwar id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent, inter alia, biddlu l-prijoritajiet fl-aġenda taż-żewġ reġjuni,

N.  billi l-qagħda strateġika tal-Messiku u n-netwerk tal-ftehimiet kummerċjali tiegħu jfissru li dan il-pajjiż huwa ta' importanza strateġika kbira għall-esportazzjoni Ewropea, billi l-UE hija t-tieni sors tal-investiment barrani tiegħu,

O.  billi z-Zona ta' Kummerċ Ħieles bejn il-Messiku u l-UE (FTA) għandha rwol importanti fir-relazzjonijiet bilaterali tal-UE minħabba li għandha ambitu komprensiv ħafna (merkanzija, servizzi, akkwisti pubbliċi, kompetizzjoni, drittijiet dwar il-proprjetà intellettwali, investiment u ħlasijiet relatati),

P.   billi l-emigrazzjoni Messikana lejn l-UE, inter alia, hija waħda mill-kwistjonijiet l-iktar importanti u sensittivi għall-Messiku, minħabba n-numru kbir ta' immigranti Messikani, li ħafna minnhom huma kwalifikati ħafna, fl-Unjoni,

1.  Jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

     (a) jittama li s-Sħubija Strateġika tkun qabża kwalitattiva 'l quddiem fir-relazzjoniet bejn l-UE u l-Messiku, kemm multilateralment f'termini ta' kwistjonijiet ta' importanza dinjija, u kif ukoll fit-tisħiħ tal-iżvilupp ta' relazzjonijiet bilaterali;

     (b) huwa favur li s-samits annwali UE-Messiku jiġu istituzzjonalizzati fil-qafas tas-Sħubija Strateġika, bħalma hu l-każ diġà tas-samits mal-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina u l-Brażil;

  (c)  għandu fiduċja li s-Sħubija Strateġika se tagħti impetu ġdid lill-Ftehima Globali UE-Messiku fl-aspetti varji tagħha - dawk politiċi (inklużi d-drittijiet tal-bniedem), dawk relatati mas-sigurtà, dawk li jirrigwardaw il-miżuri ta' kontra t-traffikar tad-drogi, l-aspetti ambjentali, il-koperazzjoni (teknika u kulturali) u l-aspetti soċjoekonomiċi;

     (d) jawgura li l-kapitolu dwar il-kummerċ ikun ibbażat fuq trattament ugwali, solidarjetà, djalogu u rispett tal-karatteristiċi speċifiċi tal-Messiku u tal-UE;

     (e) itenni l-appoġġ tiegħu għall-Gvern Messikan u l-President Calderón fil-ħidma importanti ħafna tagħhom li jnaddfu ċerti istituzzjonijiet tal-istat; hu tal-fehma li din il-kampanja hija essenzjali biex titwaqqaf il-korruzzjoni u jiġi żgurat li s-soċjetà ma titħalliex mingħajr protezzjoni;

     (f) jemmen li l-ġlieda kontra l-qtil tan-nisa fiż-żewġ reġjuni hija inkluża fl-isfera tal-attivitajiet tiegħu, fuq il-bażi tad-djalogu, il-koperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki;

     (g) għandu fiduċja li s-Sħubija Strateġika se twassal għal koordinazzjoni aktar mill-qrib ta' pożizzjonijiet rigward sitwazzjonijiet ta' kriżi u kwistjonijiet ta' importanza dinjija fuq il-bażi ta' preokkupazzjonijiet u interessi komuni;

     (h) jixtieq jara linji gwida ċari dwar kif l-aħjar tiġi żgurata koperazzjoni mill-qrib bil-għan li jiġi promoss il-multilateraliżmu effettiv u li jissaħħu l-kapaċitajiet tan-NU biex tinżamm u tiġi kkonsolidata l-paċi u jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jiġu indirizzati, fil-qafas tal-liġi internazzjonali, it-theddidiet komuni għall-paċi u għas-sigurtà bħalma huma t-traffikar tad-drogi u l-armi, il-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u t-traffikar tal-bnedmin, bi qbil mad-Dikjarazzjoni ta' Lima;

     (i)  jitlob li s-Sħubija Strateġika titqies bħala opportunità biex ikun hemm dibattitu dwar kif tingħata aktar operazzjonalità lill-klawsola tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija u dwar kif tiġi evalwata l-konformità magħha, anke billi tiġi żviluppata d-dimensjoni pożittiva tagħha, u jfakkar li dawn huma valuri essenzjali fil-ftehimiet kollha u għaż-żewġ partijiet;

     (j) jesprimi, f'dan ir-rigward, l-appoġġ tiegħu għall-gvern Messikan fil-kontributi tiegħu għall-ħidma tan-NU u fil-ġlieda tiegħu kontra t-traffikar tad-drogi, it-terroriżmu internazzjonali u l-kriminalità organizzata, speċjalment minħabba li n-numru ta' vittmi tat-traffikar u tal-użu tad-drogi kull ma jmur qed jikber;

     (k)            għandu fiduċja li l-mekkaniżmi privileġġati tad-djalogu politiku li jirriżultaw mis-Sħubija Strateġika UE-Messiku se jwasslu biex tingħata spinta reali għar-relazzjonijiet mal-proċessi differenti ta' integrazzjoni reġjonali kif ukoll bejniethom, għall-ħarsien tal-valuri u l-interessi tas-Sħubija Strateġika nnifisha u għat-tisħiħ tal-multilateraliżmu fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali;

     (l)  jissuġġerixxi li l-Forum tas-Soċjetà Ċivili Messiku-UE jkun rikonoxxut uffiċjalment u li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu jiġu kkunsidrati kull fejn ikun possibbli;

     (m)            jenfasizza l-irwol tas-Sħubija Strateġika bħala strument li għandu jgħin biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-partijiet fil-fora internazzjonali, bħalma huma l-Bank Dinji, l-IMF, l-OECD, il-G-20 u l-G8+G5, bl-iskop li jinstabu soluzzjonijiet għall-kriżi finanzjarja dinjija u li tingħata reazzjoni konġunta li jkollha l-għan li ġġib lura l-fiduċja fl-istituzzjonijiet finanzjarji, bi qbil mad-Dikjarazzjoni ta' San Salvador;

     (n) jenfasizza l-ħtieġa, speċjalment fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja dinjija, li jiġi promoss l-iżvilupp tal-SMEs, minħabba l-irwol importanti ħafna tagħhom fit-tisħiħ tat-tessut ekonomiku u soċjali u fil-ħolqien ta' impjiegi dinjitużi;

     (o) jenfasizza l-importanza tal-ftehimiet bilaterali kollha konklużi bejn l-UE u l-Messiku, speċjalment il-Ftehima Globali, li tinkludi z-Zona ta' Kummerċ Ħieles (FTA), u s-Sħubija Strateġika;

     (p) jenfasizza l-effetti pożittivi li kellha l-applikazzjoni tal-Ftehima Globali għaż-żewġ partijiet, fejn ġiet reġistrata żieda ta' iktar minn 100% fil-kummerċ bilaterali;

     (q) jenfasizza li s-Sħubija Strateġika UE-Messiku se tagħti impetu ġdid lir-relazzjoni bilaterali u se tiffavorixxi l-espansjoni u t-titjib tal-programmi ta' koperazzjoni bħalma hu l-Programm Integrali ta' Għajnuna għall-Intrapriżi ta' Daqs Żgħir u Medju (PIAPYME), li r-riżultati tiegħu se jkunu ta' benefiċċju għaż-żewġ partijiet; jitlob, f'dan il-kuntest, biex issir kampanja ta' informazzjoni biex tagħti pubbliċità lill-programmi kollha li minnhom jistgħu jibbenefikaw iż-żewġ partijiet fil-qafas tal-approfondiment tar-relazzjonijiet tagħhom; jirrimarka li s-Sħubija Strateġika se tgħin biex il-koordinazzjoni bejn iż-żewġ partijiet fil-forums u l-istituzzjonijiet multilaterali prinċipali tkun ikkonsolidata iktar;

     (r) jirrakkomanda li l-Messiku għandu jsir membru permanenti tal-istruttura finanzjarja u ekonomika internazzjonali ġdida tal-G-20 minħabba li, f'dan il-kuntest, is-sħubija strateġika bilaterali mal-UE ssir iktar rilevanti milli diġà hi;

     (s)  jenfasizza l-bżonn li jinstabu punti ta' qbil biex titfassal strateġija ambizzjuża għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, bi tħejjija għall-Konferenza tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima li se ssir f'Kopenħagen fl-2009, u biex tintlaħaq ftehima globali;

     (t) iħeġġeġ biex isiru aktar sforzi koerenti biex ikun promoss it-trasferiment xjentifiku u teknoloġiku, bil-ħsieb li tingħata spinta lill-koperazzjoni reali fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u t-titjib tal-ħarsien ambjentali;

     (u) jixtieq jara aktar progress fl-iżvilupp ta' djalogu komprensiv u strutturat dwar l-immigrazzjoni, kemm legali u kif ukoll illegali, kif ukoll dwar ir-rabtiet li hemm bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp, bi qbil mal-esperjenzi kemm tal-Messiku kif ukoll tal-UE dwar dawn is-suġġetti kif ukoll mad-Dikjarazzjoni ta' Lima;

     (v) jitlob lill-Kunsill Konġunt, fuq il-bażi tal-klawsola dwar l-iżviluppi futuri prevista fl-Artikolu 43 tal-Ftehima Globali, biex jikkunsidra jekk wasalx iż-żmien li tiġi stabbilita, inter alia, ftehima dwar politika ta' immigrazzjoni bejn iż-żewġ partijiet, partikolarment fir-rigward tal-proċeduri tal-Modalità 4.

     (w) jitlob li jkun hemm affermazzjoni mill-ġdid tal-impenji tal-MDGs u għal għarfien imġedded tal-ħtieġa ta' koperazzjoni mill-qrib fl-oqsma tal-koeżjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-bidla fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli, il-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, it-traffikar tad-drogi u l-kriminalità organizzata, u l-ġlieda kontra l-faqar;

     (x) hu tal-fehma li jeħtieġ li jkun hemm fluss regolari ta' informazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Gvern tal-Messiku għall-PE, l-EUROLAT u l-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Messiku dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tas-Sħubija Strateġika u l-monitoraġġ tal-attivitajiet imnedija minnha;

     2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE u lill-Kungress Messikan.

  • [1]  ĠU C 227 E, 4.9.2008, p. 140.
  • [2]  ĠU L 276, 28.10.2000, p.45.
  • [3]  Testi adottati, P6_TA(2008)0177.
  • [4]  ĠU C290 E, 29.11.2006, p. 107.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Messiku huma bbażati fuq pedamenti sodi. Iż-żewġ partijiet għandhom rabtiet storiċi u kulturali komuni, kif ukoll sett ta' valuri fundamentali u prinċipji komuni bbażati fuq ir-rispett tal-valuri demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.

Il-Messiku u l-UE kellhom relazzjonijiet ta' koperazzjoni sa mis-snin sebgħin u sa mill-1997 kienu ffirmaw ftehima ta' sħubija li tat lir-relazzjonijiet qafas istituzzjonali orjentat lejn il-ġejjieni. Din il-ftehima ta' sħubija (ġeneralment imsejħa 'Ftehima Globali') għandha tliet pilastri: sħubija ekonomika, koordinazzjoni politika u koperazzjoni.

Is-suċċess tal-Ftehima Globali minn meta daħlet fis-seħħ f'Ottubru 2000, u l-iżvilupp ta' rabtiet dejjem aktar mill-qrib fil-livelli kollha fis-snin reċenti, issa jindikaw il-ħtieġa ta' qabża 'l quddiem fil-kwalità taħt is-sura ta' Ftehima Strateġika bejn il-Messiku u l-UE.

Il-Messiku fil-kuntest dinji

B'popolazzjoni ta' aktar minn 100 miljun u b'45% tal-abitanti tiegħu taħt l-età ta' 20 sena, il-Messiku huwa wieħed mill-ġganti demografiċi tal-Amerika Latina.

Il-pożizzjoni ġeografika tal-Messiku tagħtih irwol ġeostrateġiku bħala pont bejn l-Amerika ta' Fuq u l-Amerika ta' Isfel u bejn il-Karibew u l-Paċifiku. Dan il-fattur ġeostrateġiku huwa msaħħaħ minn aktar minn 40 ftehima kummerċjali li l-Messiku kkonkluda ma' pajjiżi u reġjuni differenti. Dawn jinkludu, b'mod partikolari, in-NAFTA (mal-Istati Uniti u l-Kanada), ftehimiet mal-Ġappun u l-Awstralja u ftehima ta' sħubija estensiva dwar ħafna suġġetti mal-UE. L-ekonomija tal-Messiku saret waħda minn ta' quddiem fil-livell dinji, u l-UE dan l-aħħar saret it-tieni l-akbar sieħba tal-Messiku wara l-Istati Uniti.

Il-Messiku, bħall-UE, huwa impenjat bis-sħiħ mas-sistema tan-NU bħala l-qafas l-aktar kapaċi li jiżgura l-paċi u s-sigurtà fid-dinja. Dan l-impenn jidher bin-nomina tal-Messiku, għar-raba' darba fl-istorja tiegħu, bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għall-2009-2010, kif ukoll mill-kontribuzzjonijiet varji tiegħu għax-xogħol tan-NU, li jinkludu:

· is-soluzzjoni paċifika ta' konflitti u kriżijiet;

· il-glieda kontra l-apartheid;

· il-promozzjoni tad-diżarm, b'mod partikulari bit-Trattat ta' Tlatelolco;

· l-adozzjoni tal-Karta tad-Drittijiet u d-Dmirijiet Ekonomiċi tal-Istati;

· l-appoġġ għas-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar id-drogi li tenfasizza r-responsabilità kollettiva tal-komunità internazzjonali;

· il-preparazzjoni u l-promozzjoni ta' konvenzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet ta' ħaddiema migranti u ta' qrabathom;

· il-Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament tal-Iżvilupp;

· il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità.

Barra minn hekk, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Messiku għall-baġit ġenerali tan-NU tlaħħaq għal aktar minn nofs il-kontribuzzjoni totali tal-Amerika Latina, li jagħmel lill-Messiku l-għaxar pajjiż fid-dinja fil-lista ta' kontributuri[1].

Il-Messiku, bħala membru ta' għadd ta' korpi internazzjonali u reġjonali, għandu rwol minn ta' quddiem nett fl-isfera politika u ekonomika. Huwa membru attiv ħafna tan-NU u membru integrali tal-fora ta' djalogu politiku prinċipali tal-Amerika Latina, inkluż il-Grupp ta' Rio, li bħalissa l-Messiku jokkupa l-Presidenza Pro-Tempore tiegħu (għall-2008-2010). Bħala l-għaxar ekonomija tad-dinja fid-daqs, il-Messiku huwa membru tal-G20, il-G-8+G-5, id-WTO u l-IMF. Huwa wkoll l-uniku membru Latin-Amerikan tal-OECD.

Fir-rigward tal-ambjent, il-Messiku ffirma l-konvenzjonijiet internazzjonali prinċipali bħalma huma l-Konvenzjoni ta' Qafas tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC), il-Protokoll ta' Kyoto u l-Pjan ta' Azzjoni ta' Bali. Huwa tal-istess fehma bħall-UE li l-bidla fil-klima jeħtieġ li tiġi indirizzata fuq il-bażi ta' responsabilità differenzjata imma komuni.

Minn Ftehima Globali għal Sħubija Strateġika

Il-Messiku u l-UE żammew relazzjonijiet ta' koperazzjoni sa mis-snin sebgħin, kif deher bl-iffirmar tal-Ftehima Qafas ta' Koperazzjoni bejn il-Messiku u dik li qabel kienet il-KEE. Dawn ir-relazzjonijiet ġew istituzzjonalizzati u mwessgħa bil-Ftehima ta' Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Koperazzjoni (il-"Ftehima Globali") iffirmata fit-8 ta' Diċembru 1997 u li ilha fis-seħħ sa mill-1 ta' Ottubru 2000. Din il-ftehima tikkonsisti minn tliet pilastri għall-koperazzjoni bilaterali:

1.        sħubija ekonomika (il-ħolqien ta' zona ta' kummerċ ħieles għall-prodotti u s-servizzi);

2.        koordinazzjoni politika (l-istituzzjonalizzazzjoni tad-djalogu politiku);

3.        koperazzjoni (li tikkonċentra fuq oqsma ta' prijorità għall-iżvilupp tal-Messiku u fuq il-kisba ta' vantaġġ massimu mill-Ftehima Globali).

Bis-saħħa tal-Ftehima Globali, l-UE u l-Messiku żiedu l-kummerċ bejniethom u qorbu aktar politikament. Id-djalogu politiku ssaħħaħ fil-livelli kollha. Saru bosta żjarat ta' livell għoli fiż-żewġ direzzjonijiet, inkluża żjara mill-President tal-Messiku, Felipe Calderón Hinojosa, lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-bliet kapitali Ewropej fl-2007, u l-laqgħa tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Messikan, Patricia Espinosa u l-Kummissarju tal-UE għar-Relazzjonijiet Esterni u l-Politika tal-Viċinat, Benita Ferrero-Waldner. Żjarat oħrajn ta' persunaġġi ewlenin tal-UE fil-Messiku jinkludu ż-żjarat ta': ir-Rappreżentant Għoli għas-CFSP u s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, Javier Solana; il-Kummissarju għall-Kummerċ, Peter Mandelson; il-Kummissarju għar-Riċerka u x-Xjenza, Janez Potočnik; il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Ugwaljanza,Vladimir Spidla; u l-President tal-Kummissjoni, José Manuel Barroso. Il-kuntatti regolari bejn il-Membri Parlamentari permezz tal-JPC UE-Messiku u l-EUROLAT kienu produttivi immens u servew sabiex jiġi żviluppat id-djalogu politiku fil-livell parlamentari.

F'dan ir-rigward, kien hemm enfasi fuq il-bżonn li jinħoloq qafas politiku aktar estensiv sabiex tingħata spinta lid-djalogu politiku permezz ta' strument effettiv li jippermetti l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet, kemm fil-livell dinji, kif ukoll fid-diversi fora multilaterali u korpi internazzjonali. Is-Sħubija Strateġika proposta għalhekk se tkun artikolata f'żewġ livelli: koordinazzjoni bejn l-UE u l-Messiku fil-livell multilaterali; u aktar żvilupp tar-rabtiet bilaterali.

Fil-livell multilaterali, l-iskop hu li jiddaħħlu drawwiet ta' konsultazzjoni u koordinazzjoni, li jkunu jirriflettu l-interessi komuni taż-żewġ partijiet u li jagħmluha possibbli li jiġu adottati pożizzjonijiet dwar kwistjonijiet konkreti li għandhom rilevanza globali. Is-setturi prinċipali ta' koordinazzjoni se jkunu fl-oqsma politiċi, l-oqsma tas-sigurtà u tal-ambjent u dawk soċjoekonomiċi.

Fil-livell bilaterali, is-Sħubija Strateġika għandha tagħti spinta ġdida lir-relazzjonijiet bilaterali fil-kuntest tad-djalogu politiku, kif ukoll f'aspetti oħrajn, biex b'hekk jissaħħu r-rabtiet li hemm diġà skont il-Ftehima Globali.

Konklużjonijiet

Il-pożizzjoni minn ta' quddiem tal-Messiku fil-fora Latini-Amerikani u internazzjonali, kif ukoll il-parteċipazzjoni tiegħu fil-fora multilaterali u l-korpi dinjija l-aktar importanti joffru opportunitajiet eċċellenti għal aktar żvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Messiku, speċjalment f'termini ta' koordinazzjoni ta' pożizzjonijiet u tat-tressiq ta' inizjattivi konġunti fil-livell internazzjonali.

Is-Sħubija Strateġika proposta tirrappreżenta pass kruċjali 'l quddiem u se tkun vitali għall-konsolidazzjoni tar-relazzjonijiet eżistenti mal-Messiku u l-iżvilupp tal-koordinazzjoni fi kwistjonijiet ta' importanza dinjija. Hawnhekk qed jiġi propost b'mod ċar li s-sħubija ġdida għandha tistituzzjonalizza s-samits annwali UE-Messiku skont linji simili għal dawk li diġà jeżistu għas-samits mal-Istati Uniti, iċ-Ċina, ir-Russja u l-Brażil. Dan ikun jeħtieġ li jsir b'tali mod li ma jipperikolax il-mekkaniżmi ta' djalogu li diġà jeżistu skont il-Ftehima Globali. Id-djalogu parlamentari permezz tal-JPC UE-Messiku u l-EUROLAT huwa mezz addizzjonali kruċjali għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ partijiet.

Ir-rakkomandazzjoni attwali lill-Kunsill tistipula l-aspetti prinċipali u l-oqsma settorjali li jeħtieġu koordinazzjoni u koperazzjoni aktar mill-qrib, filwaqt li titlob ukoll linji gwida ċari dwar l-aħjar mezzi ta' koperazzjoni mill-qrib biex jinkoraġġixxu multilateraliżmu effikaċi u jittrattaw theddidiet komuni u sfidi ġodda.

Huwa b'dan il-mod biss li s-Sħubija Strateġika ġdida tkun tista' tippermetti li jonqsu d-differenzi li jeżistu u jiġu armonizzati l-pożizzjonijiet rispettivi tagħna dwar kwistjonijiet ta' importanza dinjija biex b'hekk jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-Messiku.

  • [1]  Pjan ta' Żvilupp Nazzjonali - sit uffiċjali tal-Presidenza, il-Messiku, 2008.

PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI LILL-KUNSILL (B6-0437/2008) (15.9.2008  )

imressqa skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli ta' Proċedura

minn José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra

f’isem il-Grupp PPE-DE

dwar Sħubija Strateġika UE-Messiku

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew "Lejn Sħubija Strateġika UE-Messiku" (COM(2008)0447),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u l-Istati Uniti Messikani, min-naħa l-oħra[1],

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ħames Samit bejn l-Amerika Latina u l-Karibew u l-Unjoni Ewropea (UE-LAC), li sar f'Lima (il-Peru) fis-16 u s-17 ta’ Mejju 2008,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tar-Raba' Samit Messiku-UE li sar f'Lima, tas-17 ta' Mejju 2008,

–   wara li kkunsidra l-messaġġ tal-EUROLAT fil-Ħames Samit UE-LAC,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2008 dwar il-Ħames Samit UE-LAC li sar f'Lima[2],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 114(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Ftehima ta' Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Koperazzjoni UE-Messiku (il-'Ftehima Globali'), iffirmata fl-1997 u li ilha fis-seħħ mill-2000, għandha tliet pilastri: id-djalogu politiku; il-ħolqien gradwali ta' zona ta' kummerċ ħieles; u l-koperazzjoni; billi, minn meta daħlet fis-seħħ il-ftehima fis-sena 2000, ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat saru aktar profondi u konsolidati, kemm politikament kif ukoll fl-oqsma tal-kummerċ u l-koperazzjoni,

B.  billi mill-2004 'l hawn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Messiku intensifikaw il-kuntatti ta' livell għoli bejniethom, kemm b'mod bilaterali u kemm fil-qafas tal-Ftehima Globali,

C.  billi r-relazzjonijiet li qed isiru aktar profondi bejn l-UE u l-Messiku jistgħu jgħinu biex iseddqu l-konsensus bejn l-UE u s-sħab tagħha Latini-Amerikani dwar kwistjonijiet reġjonali u globali,

D. billi l-Ftehima Strateġika timplika t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Messiku f'żewġ livelli differenti: b'mod multilaterali, f'termini ta' koordinazzjoni reċiproka fi kwistjonijiet ta' importanza dinjija; u b'mod bilaterali, permezz tal-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejniethom u ta' inizjattivi partikolari,

E.  billi dawn it-tipi ta' sħubijiet strateġiċi jridu wkoll jikkontribwixxu biex jitjiebu l-livelli ta' benesseri taż-żewġ sħab, kemm dawk Ewropej kif ukoll dawk Latini-Amerikani, bil-għan li jinkisbu soċjetajiet aktar integrati u magħqudin fejn l-istat tad-dritt u r-rispett tal-valuri u l-prinċipji tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem jipprevalu fi klima ta' solidarjetà u ugwaljanza, bi qbil mad-deċiżjonijiet ta' Lima,

1.  Jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

     a)  is-Sħubija Strateġika Bireġjonali UE-Messiku għandha titqies skont l-approċċ bireġjonali u l-viżjoni globali fir-rigward tar-relazzjonijiet UE-LAC li huma l-bażi tas-Sħubija Strateġika Bireġjonali kif miftiehma skont il-qafas tas-samits UE-LAC;

     b)  il-mekkaniżmi privileġġati tad-djalogu politiku li jirriżultaw mis-Sħubija Strateġika UE-Messiku għandhom jirriżultaw fi spinta reali għar-relazzjonijiet mal-proċessi differenti ta' integrazzjoni reġjonali kif ukoll bejniethom, għall-ħarsien tal-valuri u l-interessi tas-Sħubija Strateġika nnifisha u għat-tisħiħ tal-multilateraliżmu fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali;

     c)  il-Ftehima Strateġika UE-Messiku għandha ġġib valur miżjud ġenwin għall-ftehima ta' sħubija eżistenti bejn l-UE u l-Messiku (il-Ftehima Globali) kif ukoll għar-relazzjonijiet bilaterali;

     d)  is-Sħubija Strateġika għandha tiffaċilita s-sejba ta' soluzzjonijiet għal nuqqasijiet attwali rigward koordinazzjoni bejn is-sħab f'fora u korpi internazzjonali, u għandha tmur lil hinn mit-tfassil ta' sempliċi aġenda komuni u tinkludi l-koordinazzjoni ta' pożizzjonijiet dwar kwistjonijiet ta' importanza dinjija fuq il-bażi ta' interessi u preokkupazzjonijiet komuni;

     e)  hija għandha tinkludi linji gwida ċari dwar kif l-aħjar tiġi żgurata koperazzjoni mill-qrib bil-għan li jiġi promoss multilateraliżmu effettiv u li jissaħħu l-kapaċitajiet tan-NU biex iżżomm u tikkonsolida l-paċi, filwaqt li jiġu indirizzati, fil-qafas tal-liġi internazzjonali, it-theddidiet komuni għall-paċi u għas-sigurtà bħalma huma t-traffikar tad-drogi u l-armi, il-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u l-mafji li japprofittaw ruħhom mill-immigrazzjoni illegali, bi qbil mad-Dikjarazzjoni ta' Lima;

     f)   għandu jkun hemm fluss sħiħ u regolari ta' informazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Gvern tal-Messiku għall-PE u l-EUROLAT dwar is-sitwazzjoni attwali tas-Sħubija Strateġika u l-monitoraġġ tal-attivitajiet imnedija minnha;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (8.1.2009)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar Sħubija Strateġika UE-Messiku
(2008/2289(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Erika Mann

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-Messiku pparteċipa fis-samit tal-G-20 dwar swieq finanzjarji u l-ekonomija dinjija li sar f'Washington D.C. fil-15 ta' Novembru 2008,

B.   billi l-Messiku beda skema ta' riformi strutturali f'oqsma strateġiċi u sar l-għaxar poter ekonomiku tad-dinja,

C.  billi l-qagħda strateġika tal-Messiku u n-netwerk tal-ftehimiet kummerċjali tiegħu jfissru li dan il-pajjiż huwa ta' importanza strateġika kbira għall-esportazzjoni Ewropea, u l-Unjoni Ewropea hija t-tieni sors tal-investiment barrani tiegħu,

D.  billi l-UE u l-Messiku huma marbutin b'sistema ta' ftehimiet bilaterali, li jkopru r-relazzjoni politika, ekonomika u kummerċjali kollha kemm hi, u billi l-bażi ta' din ir-relazzjoni hija l-Ftehima ta' Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Kooperazzjoni bejn il-Messiku u l-Unjoni Ewropea (il-"Ftehima Globali"),

E.   billi z-Zona ta' Kummerċ Ħieles ta' bejn il-Messiku u l-UE ('Free Trade Area' - "FTA") għandha rwol importanti fir-relazzjonijiet bilaterali tal-UE minħabba li għandha kopertura komprensiva ħafna (merkanzija, servizzi, akkwisti, kompetizzjoni, drittijiet dwar il-propjetà intellettwali, investiment u ħlasijiet relatati),

F.   billi l-emigrazzjoni Messikana lejn l-Unjoni Ewropea, forst l-oħrajn, hija waħda mill-kwistjonijiet l-iktar importanti u sensittivi għall-Messiku, minħabba n-numru kbir ta' immigranti Messikani fl-Unjoni Ewropea li ħafna minnhom huma kwalifikati ħafna,

Jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet segwenti lill-Kunsill:

(a)  jenfasizza l-importanza tal-ftehimiet bilaterali kollha konklużi bejn l-UE u l-Messiku, prinċipalment il-Ftehima Globali, li tinkludi liz-Zona ta' Kummerċ Ħieles (FTA), u l-Isħubija Strateġika tagħha;

(b)  jenfasizza l-effetti pożittivi li kellha l-applikazzjoni tal-Ftehima Globali għaż-żewġ partijiet, fejn irriżultat żieda ta' iktar minn 100% fil-kummerċ bilaterali;

(c)  jenfasizza li s-Sħubija Strateġika UE-Messiku se tagħti impetu ġdid lir-relazzjoni bilaterali u tiffavorixxi l-espansjoni u t-titjib tal-programmi ta' kooperazzjoni, bħalma hu l-Programm Integrali ta' Għajnuna għall-Intrapriżi ta' Daqs Żgħir u Medju (PIAPYME), li r-riżultati tiegħu ħa jkunu ta' benefiċċju għaż-żewġ partijiet; jitlob, f'dan il-kuntest, biex issir kampanja ta' informazzjoni biex tagħti pubbliċità lill-programmi kollha li minnhom jistgħu jibbenefikaw iż-żewġ partijiet fil-qafas tal-approfondiment tar-relazzjonijiet tagħhom; jiġbdu l-attenzjoni għall-fatt li din is-sħubija strateġika ħa tgħin biex il-koordinazzjoni bejn iż-żewġ partijiet fil-forums u l-istituzzjonijiet multilaterali prinċipali tkun iktar ikkonsolidata;

(d)  jirrakkomanda li l-Messiku għandu jsir membru permanenti tal-istruttura internazzjonali finanzjarja u ekonomika ġdida tal-G-20 minħabba li, f'dan il-kuntest, l-isħubija strateġika bilaterali mal-UE ħa tkun iktar rilevanti milli diġà hi;

(e)  jitlob lill-Kunsill Konġunt, fuq il-bażi tal-Klawżola dwar Żviluppi Futuri, taħt l-Artikolu 43 tal-Ftehima Globali, biex jikkunsidra ż-żmien opportun biex tiġi stabbilita, fost l-oħrajn, ftehima dwar politika ta' immigrazzjoni bejn iż-żewġ partijiet, partikolarment kif tikkonċerna proċeduri ta' Modalità 4.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.1.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Elmar Brok, Giorgos Dimitrakopoulos, Michael Gahler, Alfred Gomolka, Anna Ibrisagic, Jelko Kacin, Ioannis Kasoulides, Maria Eleni Koppa, Joost Lagendijk, Vytautas Landsbergis, Johannes Lebech, Willy Meyer Pleite, Francisco José Millán Mon, Pasqualina Napoletano, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Raimon Obiols i Germà, Justas Vincas Paleckis, Alojz Peterle, Tobias Pflüger, João de Deus Pinheiro, Raül Romeva i Rueda, Libor Rouček, Jacek Saryusz-Wolski, Hannes Swoboda, István Szent-Iványi, Ari Vatanen, Zbigniew Zaleski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Andrew Duff, Aurelio Juri, Gisela Kallenbach, Erik Meijer, Nickolay Mladenov, Doris Pack, Jean Spautz

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Călin Cătălin Chiriţă