RAPPORT b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat ta' kumpanija

29.1.2009 - (2008/2196(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Klaus-Heiner Lehne
(Inizjattiva – Artikolu 39 tar-Regoli tal-Proċedura)
Rapporteur għal opinjoni (*):
Harald Ettl, Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura

Proċedura : 2008/2196(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0040/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat ta' kumpanija

(2008/2196(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 192, it-tieni paragrafu, tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 43 u 48 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Mejju 2003 dwar “L-Immodernizzar tal-Liġijiet tal-Kumpaniji u t-Titjib tal-Governanza tal-Kumpaniji fl-Unjoni Ewropea - Pjan biex nimxu 'l quddiem” (COM(2003)0284),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' April 2004 dwar l-immodernizzar tal-liġijiet tal-kumpaniji u t-titjib tal-governanza tal-kumpaniji[1],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2006 dwar żviluppi riċenti u prospettivi rigward il-liġi tal-kumpaniji[2],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar il-liġi tal-kumpaniji[3],

–   wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-Daily Mail and General Trust[4], Centros[5], Überseering[6], Inspire Art[7], SEVIC Systems[8] u Cadbury Schweppes[9],

–   wara li kkunsidra r-Regoli 39 u 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0040/2009),

A. billi l-kumpaniji għandhom igawdu mil-libertà tal-istabbiliment fis-suq intern kif imsemmi fit-Trattat tal-KE u interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja,

B.  billi l-migrazzjoni transkonfinali tal-kumpaniji hija wieħed mill-elementi kruċjali fit-tlestija tas-suq intern,

C. billi t-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat ta' kumpanija m'għandux iwassal għax-xoljiment tagħha jew kwalunkwe interruzzjoni oħra jew telfien ta' personalità legali,

D. billi t-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat m’għandux idur ma’ kundizzjonijiet legali, soċjali u fiskali,

E.  billi d-drittijiet ta' partijiet oħra interessati kkonċernati minħabba t-trasferiment, bħal ma huma l-azzjonisti tal-minoranza, impjegati u kredituri, eċċ., għandhom jiġu salvagwardjati,

F.  billi l-acquis communautaire relevanti li jipprovdi għall-informazzjoni transkonfinali, il-konsultazzjoni u d-drittijiet ta' parteċipazzjoni tal-ħaddiema kif ukoll għall-protezzjoni tad-drittijiet diġà eżistenti tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema (Direttivi 94/45/KE[10] u 2005/56/KE[11]) għandu jinżamm għal kollox, u billi b'konsegwenza t-trasferiment ta' uffiċċju reġistrat m'għandux jirriżulta fit-telf tad-drittijiet eżistenti,

G. billi r-regola li tirrikjedi li kumpanija żżomm l-uffiċċju prinċipali tagħha u l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-istess Stat Membru tmur kontra l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-libertà tal-istabbiliment u għalhekk tikser il-liġi tal-KE,

1.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Parlament sal-31 ta’ Marzu 2009, fuq il-bażi tal-Artikolu 44 tat-Trattat KE, proposta leġiżlattiva għal direttiva li tistipula miżuri għall-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri sabiex jitħaffef it-trasferiment transkonfinali fil-Komunità tal-uffiċċju reġistrat ta' kumpanija mwaqqfa bi qbil mal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru (“l-14-il Direttiva tal-Liġi dwar il-Kumpaniji”), u jitlob li din il-proposta titfassal fil-qafas tad-deliberazzjonijiet interistituzzjonali u bħala segwitu għar-rakkomandazzjonijiet dettaljati li jidhru hawn taħt;

2.  Jinnota li, preżentament, l-impriżi jistgħu jittrasferixxu l-uffiċċju ċentrali tagħhom biss jekk jiddikjaraw xoljiment u joħolqu entità legali ġdida fl-Istat Membru ta' destinazzjoni, jew jistabilixxu entità legali ġdida fl-Istat Membru ta' destinazzjoni u wara jgħaqqdu ż-żewġ impriżi; jinnota, barra minn hekk, li din il-proċedura tinvolvi ostakli amministrattivi, spejjeż u konsegwenzi soċjali u ma toffri l-ebda sikurezza legali;

3.  Jiġbed l-attenzjoni għal-libertà tal-istabbiliment li hija garantita għall-impriżi skont l-Artikolu 48 tat-Trattat tal-KE, kif ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej[12];

4.  Jinnota li t-trasferiment tal-uffiċċju ċentrali ta' kumpanija jimplika trasferiment ta' superviżjoni; jinnota li, fil-kuntest tat-tfassil tal-14-il Direttiva tal-Liġi dwar il-Kumpaniji dwar it-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċji reġistrati, iż-żamma tad-drittijiet eżistenti tal-azzjonisti, tal-kredituri u tal-ħaddiema għandha tkun garantita u li l-ekwilibriju eżistenti fil-ġestjoni tal-kumpanija (“il-governanza tal-kumpanija”) għandu jiġi preservat;

5.  Jipproponi li fid-Direttiva l-ġdida għad-Direttiva 94/45/KE u d-Direttiva 2005/56/KE, issir referenza sabiex tiġi garantita l-koerenza u n-natura sostantiva ta’ proċeduri tal-parteċipazzjoni tal-impjegati fl-applikazzjoni tad-direttivi tal-liġi dwar il-kumpaniji tal-UE;

6.  Huwa tal-fehma li trasferiment tal-uffiċċju ċentrali ta’ kumpanija għandu jsir wara li jitfassal pjan dwar it-trasferiment kif ukoll rapport fejn jiġu spjegati u jingħataw raġunijiet rigward l-aspetti legali u ekonomiċi kif ukoll il-konsegwenzi tat-trasferiment għall-azzjonisti u l-ħaddiema; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li kemm il-pjan ta’ trasferiment kif ukoll ir-rapport għandhom ikunu aċċessibbli fil-ħin għal dawk kollha involuti;

7.  Jenfasizza l-effetti pożittivi tal-kompetizzjoni fiskali fuq it-tkabbir ekonomiku fil-kuntest tal-Istrateġija ta' Liżbona;

8.  Jinnota li t-trasferiment ta' uffiċċju ċentrali għandu jsir f'kundizzjonijiet fiskali newtrali;

9.  Jissuġġerixxi li l-iskambju ta' informazzjoni u l-assistenza reċiproka bejn l-amministrazzjonijiet fiskali għandhom jittejbu;

10. Jitlob għal trasparenza fl-applikazzjoni tad-direttiva l-ġdida fl-Istati Membri u għalhekk jipproponi rekwiżit ta' rappurtar għall-Istati Membri fil-konfront tal-Kummissjoni, b’hekk l-impriżi li jittrasferixxu l-uffiċċju reġistrat tagħhom skont id-direttiva jkollhom jitniżżlu f'reġistru Ewropew tal-kumpaniji; jindika li, fl-interess tat-tfassil aħjar tal-leġiżlazzjoni, għandha tiġi evitata l-informazzjoni żejda (“overkill”) fit-traspożizzjoni tar-rekwiżit ta' rappurtar fil-liġi nazzjonali sakemm tkun iggarantita informazzjoni suffiċjenti;

11. Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw il-prinċipji ta' solidarjetà u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

12. Jikkunsidra li l-proposta mitluba m'għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati mehmużin magħha lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

  • [1]  ĠU C 104 E, 30.4.2004, p. 714.
  • [2]  ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 114.
  • [3]  ĠU C 263 E, 16.10.2008, p. 671.
  • [4]  Każ 81/87 Daily Mail and General Trust [1988] ECR 5483.
  • [5]  Każ C‑212/97 Centros [1999] ECR I‑1459.
  • [6]  Każ C‑208/00 Überseering [2002] ECR I‑9919.
  • [7]  Każ C‑167/01 Inspire Art [2003] ECR I‑10155.
  • [8]  Każ C‑411/03 SEVIC Systems [2005] ECR I‑10805.
  • [9]  Każ C‑196/04 Cadbury Schweppes [2006] ECR I‑7995.
  • [10]  Id-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE tat-22 ta' Settembru 1994 dwar l-istabbiliment ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħol jew proċedura f'impriżi fuq skala tal-Komunità u gruppi ta' impriżi fuq skala tal-Komunità għall-għanijiet li l-impjegati jiġu nfurmati u kkonsultati (ĠU L 254, 30.9.1994, p. 64).
  • [11]  Id-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-26 ta' Ottubru 2005 dwar 'mergers' transkonfinali ta' kumpanniji ta' responsabbiltà limitata (ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1).
  • [12]  Sentenza dwar Centros, imsemmija hawn fuq.

ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI:RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

Il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għal Direttiva li għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

Rakkomandazzjoni 1 (l-effetti ta' trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat)

It-trasferimenti transkonfinali ta' uffiċċji reġistrati m'għandhomx iwasslu għax-xoljiment tal-kumpanija kkonċernata jew għal kwalunkwe interruzzjoni jew telfien tal-personalità legali tagħha; konsegwentement, il-kumpanija għandha żżomm l-identità legali tagħha, filwaqt li l-assi, ir-responsabilitajiet u r-relazzjonijiet kuntrattwali kollha tagħha m’għandhomx ikunu affettwati. Barra minn hekk, it-trasferiment m’għandux jaħrab il-kundizzjonijiet legali, soċjali, fiskali. It-trasferiment għandu jidħol fis-seħħ fid-data tar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti. Mid-data ta' reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti, il-kumpanija għandha tobdi l-leġiżlazzjoni ta' dak l-Istat.

Rakkomandazzjoni 2 (proċedura ta' trasferiment fil-kumpanija)

Il-maniġment jew bord ta' kumpanija li jkun qed jippjana trasferiment huwa mitlub ifassal proposta ta' trasferiment. Il-proposta għandha tkopri għall-inqas:

(a) il-forma legali, l-isem u l-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija fl-Istat Membru tad-domiċilju;

(b) il-forma legali, l-isem u l-uffiċċju reġistrat previsti tal-kumpanija fl-Istat Membru ospitanti;

(c) il-memorandum u l-artikoli ta' assoċjazzjoni previsti għall-kumpanija fl-Istat Membru ospitanti;

(d) l-iskeda prevista għat-trasferiment;

(e) id-data li minnha t-tranżazzjoni tal-kumpanija li bi ħsiebha titrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha se titqies għal raġunijiet ta' kontabilità bħala stabbilita fl-Stat Membru ospitanti;

(f) fejn xieraq, l-informazzjoni dettaljata dwar it-trasferiment tal-amministrazzjoni ċentrali jew tal-post ewlieni tan-negozju;

(g) id-drittijiet garantiti għall-membri, l-impjegati u l-kredituri tal-kumpanija jew il-miżuri relevanti proposti;

(h) jekk il-kumpanija hija mmaniġġjata fuq il-bażi tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti ma timponiex skema bħal din, għandha tiġi ddeterminata l-informazzjoni dwar il-proċeduri li permezz tagħhom jiġu determinati l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema.

Il-proposta tat-trasferiment għandha tiġi ppreżentata lill-membri u lir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-kumpanija għal kunsiderazzjoni f'perjodu xieraq qabel id-data tal-laqgħa ġenerali tal-attivisti tal-kumpanija.

Kumpanija li tkun qed tippjana trasferiment għandha tintalab li għall-inqas tippubblika d-dettalji li ġejjin skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, bi qbil mad-Direttiva 68/151/KEE[1]:

(a) il-forma legali, l-isem u l-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija fl-Istat Membru tad-domiċilju kif ukoll dawk previsti għall-kumpanija fl-Istat Membru ospitanti;

(b) ir-reġistru fejn id-dokumenti u d-dettalji msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 68/151/KEE huma ppreżentati fir-rigward tal-kumpanija u n-numru tad-dħul f'dak ir-reġistru;

(c) indikazzjoni tal-arranġamenti fejn il-kredituri u l-azzjonisti tal-minoranza tal-kumpanija jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u l-indirizz li fih tista' tinġabar l-informazzjoni kollha dwar dawk l-arranġamenti bla ħlas.

Il-maniġment jew bord ta' kumpanija li jkun qed jippjana trasferiment huwa mitlub ifassal rapport li fih jispjega u jiġġustifika l-aspetti legali u ekonomiċi tal-proposta u jindika l-konsegwenzi għall-membri, il-kredituri u l-ħaddiema tal-kumpanija, sakemm ma jkunx hemm ftehim mod ieħor.

Rakkomandazzjoni 3 (deċiżjoni tat-trasferiment b'laqgħa ġenerali tal-attivisti)

Il-laqgħa ġenerali tal-attivisti għandha tapprova l-proposta tat-trasferiment bi qbil mal-arranġamenti stipulati u bil-maġġoranza meħtieġa biex jiġu emendati l-memorandum u l-artikoli tal-assoċjazzjoni skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-kumpanija fl-Istat Membru tad-domiċilju.

Jekk il-kumpanija tkun immaniġġjata fuq il-bażi tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tista' tlesti t-trasferiment b'kundizzjoni li hija tapprova b'mod ċar l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema.

Rakkomandazzjoni 4 (il-proċedura u l-verifika tat-trasferiment amministrattiv)

L-Istat Membru tad-domiċilju għandu jivverifika l-legalità tal-proċedura tat-trasferiment skont il-leġiżlazzjoni tiegħu. L-awtorità kompetenti identifikata mill-Istat Membru tad-domiċilju għandha toħroġ ċertifikat li jiddikjara b'mod konklużiv li l-atti u l-formalitajiet kollha meħtieġa jkunu ġew kompluti.

Iċ-ċertifikat, kopja tal-memorandum u l-artikoli tal-assoċjazzjoni previsti għall-kumpanija fl-Istat Membru ospitanti u kopja tal-proposta tat-trasferiment għandhom jiġu ppreżentati f'perjodu ta' żmien xieraq lill-entità responsabbli għar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti. Dawn id-dokumenti għandhom ikunu suffiċjenti biex jippermettu l-kumpanija li tiġi rreġistrata fl-Istat Membru ospitanti. L-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet sostantivi u formali għat-trasferiment huma ssodisfati.

L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti għandha immedjatament tavża l-awtorità rispettiva fl-Istat Membru tad-domiċilju dwar ir-reġistrazzjoni. Wara li jsir dan, l-awtorità tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tneħħi l-kumpanija mir-reġistru.

Ir-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti u t-tneħħija mir-reġistru tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jiġu ppubblikati. Għandhom jiġu koperti għall-inqas dawn id-dettalji:

(a) id-data tar-reġistrazzjoni;

(b) in-numru tad-dħul il-ġdid u dak preċedenti fir-reġistri rispettivi tal-Istat Membru tad-domiċilju u ta' dak ospitanti.

Rakkomandazzjoni 5 (il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema)

Il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema għandha tkun kontrollata mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti.

Madankollu, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti mhix applikabbli:

(a) fejn l-Istat Membru ospitanti ma jipprovdix għal mill-inqas l-istess livell ta' parteċipazzjoni kif inhu operat fil-kumpanija fl-Istat Membru ospitanti, jew

(b) fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti ma tikkonferixxix fuq l-impjegati tal-istabbilimenti tal-kumpanija li tkun tinsab fi Stati Membri oħra l-istess jedd li jeżerċitaw id-drittijiet ta' parteċipazzjoni bħal dawk li tali impjegati kellhom qabel it-trasferiment.

F'dawn il-każijiet, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2005/56/KE għandhom japplikaw kif xieraq.

Rakkomandazzjoni 6 (partijiet terzi kkonċernati minħabba t-trasferiment)

Kwalunkwe kumpanija li kontriha jittieħdu proċedimenti għax-xoljiment, likwidazzjoni, insolvenza jew sospensjoni ta' pagamenti jew proċedimenti simili oħra, m'għandhiex titħalla tagħmel trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat tagħha fil-Komunità.

Minħabba raġunijiet ta’ proċedimenti legali jew amministrattivi li jkunu għaddejjin u li jkunu bdew qabel it-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat, il-kumpanija għandha titqies li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Istat Membru tad-domiċilju.

  • [1]  L-ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tad-9 ta' Marzu 1968 dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi tal-membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri tal-kumpanniji skont is-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, bl-iskop li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti fil-Komunità kollha (ĠU L 65, 14.3.1968, p. 8).

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (7.11.2008)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar it-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju ċentrali tal-kumpaniji
(2008/2196(INI))

Rapporteur għal opinjoni(*): Harald Ettl(Inizjattiva - Artikolu 39 tar-Regoli ta' Proċedura)

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li, preżentament, l-impriżi jistgħu jittrasferixxu l-uffiċċju ċentrali tagħhom biss jekk jiddikjaraw xoljiment u joħolqu entità legali ġdida fl-Istat Membru ta' destinazzjoni, jew jistabilixxu entità legali ġdida fl-Istat Membru ta' destinazzjoni u wara jgħaqqdu ż-żewġ impriżi; jinnota, barra minn hekk, li din il-proċedura tinvolvi ostakli amministrattivi, spejjeż u konsegwenzi soċjali u ma toffri l-ebda sikurezza legali; jitlob għal darb'oħra lill-Kummissjoni biex, għaldaqstant, tippreżenta proposta li ilha biex issir mill-2005;

2.  Jiġbed l-attenzjoni għal-libertà tal-istabbiliment li hija garantita għall-impriżi skont l-Artikolu 48 tat-Trattat tal-KE u li ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej[1];

3.  Jinnota li t-trasferiment tal-uffiċċju ċentrali ta' kumpanija jimplika trasferiment ta' superviżjoni; jinnota li meta tiġi mfassla l-14-il Direttiva tal-Liġi dwar il-Kumpaniji dwar it-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċji reġistrati, ż-żamma tad-drittijiet eżistenti tal-azzjonisti, il-kredituri u l-ħaddiema għandha tkun garantita u li l-ekwilibriju eżistenti fil-ġestjoni tal-kumpanija ('il-governanza tal-kumpanija') għandu jiġi preservat;

4.  Jipproponi li ssir referenza fid-Direttiva l-ġdida għad-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE tat-22 ta' Settembru 1994, dwar it-twaqqif ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew ta' proċedura bl-għan li l-ħaddiema fl-impriżi ta' skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja jkunu informati u kkonsultati[2] kif ukoll għad-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar mergers transkonfinali ta' kumpaniji ta' responsabbiltà limitata[3], sabiex jiġu ggarantiti l-koerenza u l-elementi essenzjali tal-proċeduri ta' parteċipazzjoni tal-ħaddiema fl-applikazzjoni tad-Direttivi Ewropej tal-Liġijiet dwar il-Kumpaniji;

5.  Huwa tal-fehma li trasferiment tal-uffiċċju ċentrali għandu jsir wara li jitfassal pjan dwar it-trasferiment kif ukoll rapport fejn jiġu spjegati u jingħataw raġunijiet rigward l-aspetti legali u ekonomiċi kif ukoll il-konsegwenzi tat-trasferiment għall-azzjonisti u l-ħaddiema; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li kemm il-pjan ta’ trasferiment kif ukoll ir-rapport għandhom ikunu aċċessibbli fil-ħin għal dawk kollha involuti;

6.  Jenfasizza l-effetti pożittivi tal-kompetizzjoni fiskali fuq it-tkabbir ekonomiku fil-kuntest tal-Istrateġija ta' Liżbona;

7.  Jinnota li t-trasferiment ta' uffiċċju ċentrali għandu jsir f'kundizzjonijiet fiskali newtrali;

8.  Jissuġġerixxi li l-iskambju ta' informazzjoni u l-assistenza reċiproka bejn l-amministrazzjonijiet fiskali għandhom jittejbu;

9.  Jitlob għal trasparenza fl-applikazzjoni tad-direttiva l-ġdida fl-Istati Membri u għalhekk jipproponi li l-Istati Membri jkollhom rekwiżit ta' rappurtar fil-konfront tal-Kummissjoni, u li b'konformità ma' dan, l-impriżi li jittrasferixxu l-uffiċċju ċentrali tagħhom skont id-direttiva jkollhom jitniżżlu f'reġistru Ewropew tal-kumpaniji; jindika li, fl-interess tat-tfassil aħjar tal-leġiżlazzjoni, għandha tiġi evitata l-informazzjoni żejda (“overkill”) fit-traspożizzjoni tar-rekwiżit ta' rappurtar fil-liġi nazzjonali sakemm tkun iggarantita informazzjoni suffiċjenti.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.11.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

16

8

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Paolo Bartolozzi, Zsolt László Becsey, Slavi Binev, Sebastian Valentin Bodu, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Manuel António dos Santos, Christian Ehler, Elisa Ferreira, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Donata Gottardi, Benoît Hamon, Gunnar Hökmark, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Wolf Klinz, Christoph Konrad, Kurt Joachim Lauk, Andrea Losco, Astrid Lulling, Sirpa Pietikäinen, John Purvis, Alexander Radwan, Bernhard Rapkay, Heide Rühle, Antolín Sánchez Presedo, Salvador Domingo Sanz Palacio, Olle Schmidt, Peter Skinner, Margarita Starkevičiūtė, Ivo Strejček, Ieke van den Burg, Cornelis Visser, Sahra Wagenknecht

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Mia De Vits, Harald Ettl, Ján Hudacký, Werner Langen, Klaus-Heiner Lehne, Vladimír Maňka, Gianni Pittella, Theodor Dumitru Stolojan

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Wolfgang Bulfon

  • [1]  Sentenza tal-Qorti tad-9 ta' Marzu 1999 fil-Każ C-212/97, Centros v Erhvervs- og Selskabsstyrelsen [1999] ECR I-1459).
  • [2]  ĠU L 254, 30.9.1994, p. 64.
  • [3]  ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.1.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Carlo Casini, Bert Doorn, Monica Frassoni, Giuseppe Gargani, Neena Gill, Othmar Karas, Klaus-Heiner Lehne, Katalin Lévai, Antonio López-Istúriz White, Manuel Medina Ortega, Hartmut Nassauer, Aloyzas Sakalas, Eva-Riitta Siitonen, Francesco Enrico Speroni, Diana Wallis, Rainer Wieland, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Brian Crowley, Eva Lichtenberger, József Szájer, Jacques Toubon, Ieke van den Burg