RAPPORT b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar inizjattiva Ewropea għall-iżvilupp ta’ mikrokreditu bħala appoġġ għat-tkabbir u għall-impjiegi

29.1.2009 - (2008/2122(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Zsolt László Becsey
(Inizjattiva – Artikolu 39 tar-Regoli tal-Proċedura)

Proċedura : 2008/2122(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0041/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar inizjattiva Ewropea għall-iżvilupp ta’ mikrokreditu bħala appoġġ għat-tkabbir u għall-impjiegi

(2008/2122(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2007 dwar Inizjattiva Ewropea għall-iżvilupp ta’ mikrokreditu b’appoġġ għat-tkabbir u l-impjiegi (COM(2007)0708),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-politika tas-servizzi finanzjarji (2005 - 2010) - White Paper[1], b’mod partikulari l-paragrafu 35 tagħha,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni tal-mikrointrapriżi u tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju[2],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Lulju 2005 dwar Azzjonijiet Komuni għat-Tkabbir u l-Impjiegi: Il-Programm Komunitarju ta' Liżbona (COM(2005)0330),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Lulju 2005 dwar Politika ta’ Koeżjoni bħala Sostenn għat-Tkabbir u għall-Impjiegi: Il-Linji ta’ Gwida Strateġiċi tal-Komunità, 2007-2013 (COM(2005)0299),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2007 dwar it-twassil mill-Istati Membri u r-Reġjuni tal-Istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi permezz tal-politika ta' koeżjoni tal-UE, 2007-2013 (COM(2007)0798),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2007 intitolata Proposta għal Programm ta’ Liżbona tal-Komunità 2008-2010 (COM(2007)0804),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007-2013)[3],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2008 bit-titolu "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" - "Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa (COM(2008)0394),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar l-aċċess għall-attività u l-eżerċitar tagħha minn istituzzjonijiet ta' kreditu (verżjoni mfassla mill-ġdid)[4] u l-proposta tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ottubru 2008 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar banek affiljati ma’ istituzzjonijiet ċentrali, ċerti elementi ta’ fondi proprji, skoperturi kbar, arranġamenti superviżorji, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (COM(2008)0602),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu[5],

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta' Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 1535/2007 tal- 20 ta’ Diċembru 2007 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għall-għajnuniet de minimis fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali[6],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi[7],

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni bil-miktub tiegħu tat-8 ta' Mejju 2008 dwar il-mikrokrediti[8],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 192(2) tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 39 u 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija , il-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0041/2009),

A.  billi l-Kummissjoni attwalment tiddefinixxi l-mikrokreditu bħala self ta' EUR 25 000 jew anqas u li r-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE tgħid li mikrointrapriża hija intrapriża b'anqas minn 10 impjegati u li għandha fatturat annwali jew total fil-karta tal-bilanċ annwali li ma jaqbiżx iż-2 000 000 EUR; billi jidher li dawn id-definizzjonijiet mhumiex relevanti għas-swieq kollha nazzjonali u ma jippermettux distinzjoni ċara bejn il-mikrokrediti u l-mikroself lill-mikrointrapriżi, il-mikrokreditu għal dawk il-mikrointrapriżi li jissellfu u m'għandhomx garanziji x'joffru u dawk li għandhom,

B.  billi l-aċċess diffiċli għal forom xierqa ta' finanzjament jissemma ta' spiss bħala xkiel importanti ħafna għall-intraprenditorjat, u hemm talba potenzjali sinifikanti għall-mikrokreditu fl-UE li attwalment mhux qed tiġi ssodisfata,

C.  billi l-Kummissjoni ma mexxietx 'il quddiem it-talba li l-Parlament kien għamel fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Lulju 2007 biex jitfassal pjan ta' azzjoni għall-mikrofinanzjamenti, biex jiġu kkoordinati l-miżuri ta' politika differenti u biex isir l-aħjar użu tal-aħjar prattiki fl-UE u lil hinn minnha,

D. billi fl-2008, għat-tieni sena wara l-oħra, il-Parlament approva approprjazzjonijiet biex ikun iffinanzjat proġett pilota bit-titolu 'Għal promozzjoni ta' ambjent aktar favorevoli għall-mikrokreditu fl-UE', u billi, minħabba li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tonqos milli ssemmi dawk l-approprjazzjonijiet jista' jkun li jitwarrbu b'mod siewi għat-tiswir ta' kapital proprju li jista' jservi ta' kapital biex jitwaqqaf negozju,

E.  billi hemm diversi karatteristiċi li jiddistingwu l-mikrokreditu mill-kreditu ordinarju, li jinkludi l-kreditu għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, u billi n-negozji li qed jipprovaw jiksbu kreditu ordinarju normalment jinqdew bit-tipi differenti kollha ta' istituzzjonijiet finanzjarji, u billi wieħed għandu jżomm f'moħħu l-importanza tal-għan aħħari tal-inklużjoni taċ-ċittadini kollha fis-sistema finanzjarja formali,

F.   billi l-mikrokreditu jinvolvi aktar spejjeż operattivi, minħabba d-daqs żgħir tas-self, in-nuqqas ta' (biżżejjed) garanzija, u spejjeż amministrattivi għoljin,

G.  billi l-attività tal-mikrokreditu għandha elementi innovattivi u suġġettivi, bħal rekwiżiti ta' garanziji alternattivi jew mingħajr il-bżonn ta' garanzija u evalwazzjoni mhux tradizzjonali tal-affidabilità għal kreditu, u ta' spiss ma jingħatax biss għall-finijiet ta' qligħ, imma jservi wkoll għal skop ta' koeżjoni, billi jipprova (jerġa') jintegra lill-persuni żvantaġġati fis-soċjetà,

H. billi l-mikrokrediti huma, min-natura tagħhom, żgħar imma l-possibilità li jiġu "riċiklati" (billi jerġa' jingħata self ta' dan it-tip wara li jkun tħallas lura) minħabba li l-iskadenza tagħhom tkun ġeneralment qasira timmoltiplika l-impatt tagħhom, mingħajr ma jkun injorat l-objettiv li dawk li jirċevuhom ikunu integrati mill-ġdid fis-sistema bankarja tradizzjonali,

I.    billi hemm diversi fornituri li jistgħu joffru mikrokreditu jew li jistgħu jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament, bħall-fornituri ta' servizzi finanzjarji informali (self awtorizzat li jsir minn persuna għal persuna), l-organizzazzjonijiet fejn huma sidien il-membri (pereżempju l-unjins tal-kreditu), l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, is-soċjetajiet mutwalistiċi u s-soċjetajiet li għandhom istituzzjonijiet ta' għajnuna (provident society), l-istituzzjonijiet finanzjarji għall-iżvulupp tal-komunità, il-banek tal-garanziji u fondi ta' garanzija u l-banek ta' tifdil, il-koperattivi u l-banek kummerċjali, u billi jista' jkun li l-koperazzjoni bejn il-fornituri varji tkun ta' benefiċċju,

J.   billi hemm il-ħtieġa li tkun rikonoxxuta l-istruttura unika tal-fornituri tas-servizzi finanzjarji li jeżistu fl-UE kollha bħal m'huma l-unjins tal-kreditu li huma istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji li jimmobilizzaw id-depożiti tal-membri għal mikroself u dawn l-istrutturi uniċi m'għandhomx jeskluduhom a priori mill-programmi relevanti ta' finanzjament ta' mikrokreditu,

K.  billi l-kriżi finanzjarja attwali u r-riperkussjonijiet possibbli tagħha fl-ekonomija globali jixhdu l-iżvantaġġi ta' prodotti finanzjarji kumplessi u l-ħtieġa li jkunu kkunsidrati modi kif tissaħħaħ l-effiċjenza kif ukoll li l-mezzi kollha possibbli ta' forniment ta' finanzjament ikunu f'posthom meta n-negozji jkunu naqqsu l-aċċess għall-kapital minħabba kriżi ta' likwidità b'mod partikulari f'żoni ekonomikament u soċjalment żvantaġġati, u, fl-istess ħin, jenfasizzaw l-importanza ta' istituzzjonijiet li jiffukaw l-attività tagħhom fuq l-iżvilupp lokali,

L.   billi l-intraprenditorjat għandu jitrawwem,

M.  billi għandhom isiru l-akbar sforzi possibbli biex il-piż regolatorju fuq il-mikrointrapriżi jitnaqqas għall-anqas livell possibbli u l-Kummissjoni tintalab taġixxi f'dan is-sens,

N.  billi l-limiti massimi għar-rati tal-interessi jistgħu jgerrxu lil min isellef milli jipprovdi mikrokreditu jekk ir-restrizzjonijiet ta' dan it-tip iwaqqfu milli jkopri l-ispejjeż tas-self,

O.  billi l-appoġġ għall-mikrokreditu għandu jkollu rwol prominenti fl-Istrateġija ta' Liżbona riveduta,

P.  billi f'għadd mhux ħażin ta' każijiet dawk li jkunu jridu aċċess għall-fondi skont il-pjan ta' koeżjoni tal-UE sabiex jistabbilixxu negozju tal-familja żgħir, jista' jkun li jiffaċċjaw diffikultajiet meta jiġu biex jipprovdu l-kofinanzjament mitlub,

Q.  billi inizjattiva tal-UE dwar il-mikrokreditu għandha tiffoka fuq il-persuni żvantaġġati, li jridu jistabbilixxu mikrointrapriża, bħal min hu qiegħed (għal perjodu twil ta' żmien), min jiddependi mill-għajnuna soċjali, l-immigranti, il-minoranzi etniċi bħas-soċjetà tar-Roma, min hu attiv fl-ekonomija informali jew min jgħix fl-inħawi rurali żvantaġġati kif ukoll in-nisa,

R.   billi, għalkemm l-involviment tas-settur privat għandu jkun assigurat sa kemm ikun possibbli, hemm bżonn ta' intervent pubbliku fl-attività tal-mikrokreditu,

S.   billi jeżistu diversi inizjattivi tal-UE li jinvolvu elementi ta' appoġġ għall-mikrokreditu, u approċċ eħfef u aktar iffukat, billi jingħaqdu biex jiffurmaw sistema waħda, ikun ta' benefiċċju,

T.   billi l-aċċess għal appoġġ kummerċjali (bħat-taħriġ, it-taħriġ ikkonċentrat (coaching) u l-bini tal-kapaċità) għall-fundaturi tal-mikrointrapriżi hu essenzjali, u t-taħriġ għal min jissellef b'mikrokreditu għandu jkun obbligatorju, u billi l-edukazzjoni finanzjarja tal-konsumatur u t-tislif responsabbli għandhom ikunu parti importanti mill-politiki tal-istituzzjonijiet mikrofinanzjarji kollha,

U.  billi l-benefiċjarji potenzjali tal-mikrokrediti għandhom igawdu mill-vantaġġ ta’ konsulenza legali kif xieraq fir-rigward tal-konklużjoni tal-ftehima tal-kreditu, it-twaqqif ta’ negozju, il-ġbir tad-dejn, l-akkwist u l-isfruttament tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u industrijali eċċ., b’mod partikulari meta l-mikronegozju kkonċernat ikollu l-intenzjoni jew il-potenzjal li jagħmel negozju fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea,

V.  billi jekk ikun hemm aċċess għat-tagħrif dwar il-kreditu ta' dawk li potenzjalment se jissellfu, jiġi ffaċilitat il-forniment tal-mikrokreditu,

W. billi għandhom jiġu promossi r-riċerka u l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-mikrokreditu, eż. fir-rigward ta' tekniki innovattivi għall-għoti, is-salvagwardja u l-mitigazzjoni tar-riskju ta' mikrokrediti, u sa liema punt tali approċċi jaħdmu f'kuntest tal-UE u ma liema gruppi speċifiċi jaħdmu,

X. billi għandu jiġi investigat l-irwol tal-intermedjarji sabiex jitwaqqfu l-abbużi, kif ukoll sabiex jitqiesu modi alternattivi ta' kif tkun stabbilita l-kredibilità ma' dawk li jissellfu (pereżempju, permezz ta' gruppi ta' appoġġ bejn il-pari),

Y. billi għandu jiġi stabbilit qafas tal-UE għall-istituzzjonijiet mikrofinanzjarji mhux bankarji, u l-Kummissjoni għandha tiżviluppa l-mekkaniżmu għall-appoġġ tal-mikrokreditu li jibqa' newtrali fost dawn il-fornituri tal-mikrokreditu,

Z. billi dawk li m'għandhom l-ebda indirizz permanenti jew dokumenti ta' identifikazzjoni personali m'għandhomx jiġu esklużi milli jiksbu mikrokreditu bil-leġiżlazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu,

AA. billi r-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni għandhom jiġu adattati biex jitnaqqas ix-xkiel      biex jingħata mikrokreditu,

AB. billi r-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku għandhom jgħinu lil min jissellef           b'mikrokreditu,

1.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, fuq il-bażi tal-Artikolu 44, l-Artikolu 47(2) jew l-Artikolu 95 tat-Trattat KE, tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar il-kwistjonijiet trattati fir-rakkomandazzjonijiet dettaljati t'hawn taħt;

2.  Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw il-prinċipju ta' sussidjarjetà u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

3.  Jikkunsidra li, fejn ikun xieraq, l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposta jew proposti mitluba għandhom ikunu koperti minn allokazzjonijiet baġitarji tal-UE;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati mehmużin magħha lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

  • [1]      ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 392.
  • [2]      ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.
  • [3]      ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15.
  • [4]       ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.
  • [5]      ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.
  • [6]      ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.
  • [7]      ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.
  • [8]       Testi adottati, P6_TA(2008)0199.

ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI: RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

1.      Rakkomandazzjoni 1: dwar it-tqanqil tal-kuxjenza rigward il-mikrokreditu

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkollu l-għan li jirregola dan li ġej:

(a)  Il-Kummissjoni għandha tipprevedi l-introduzzjoni tal-kunċett ta' mikrokreditu fl-istatistika u l-leġiżlazzjoni relevanti dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji. L-istatistika dwar il-mikrokreditu għandha tqis iċ-ċifri tal-Prodott Gross Domestiku per capita fl-Istati Membri u tiddistingwi bejn intrapriżi ta' xi ħadd li jaħdem għal rasu jew mal-familja tiegħu u dawk b'impjegati minn barra l-familja sabiex ikun possibbli li jkun hemm diskriminazzjoni pożittiva favur dawk tal-ewwel.

(b) Il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istati Membri biex jistandardizzaw il-preżentazzjoni statistika tal-mikrokrediti, inklużi l-ġbir u l-analiżi tad-dejta klassifikati skont is-sess, l-età u l-oriġini etnika.

(c) Il-Kummissjoni għandha tfassal strateġija ta' komunikazzjoni intenzjonata għall-promozzjoni tax-xogħol awtonomu bħala alternattiva għax-xogħol b'salarju u, b'mod partikulari, bħala mezz biex il-gruppi destinatarji żvantaġġati jaħarbu mill-qgħad.

(d)         Il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw inċentivi fiskali għall-involviment tas-settur privat fl-attività ta' mikrokreditu.

(e) Il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istati Membri biex jirrestrinġu l-applikazzjoni tal-limiti massimi għar-rati tal-interessi għal self lill-konsumatur; madankollu l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu japplikaw mekkaniżmu li bih jistgħu jkunu esklużi rati ta' interess għoljin ferm.

(f) Il-Kummissjoni - minħabba l-aħħar kriżi tal-krediti 'sub-prime' - għandha tanalizza l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' formati ta' mikrokreditu dirett imqabbla ma' faċilitajiet ta' kreditu titolizzat.

(g) Il-Kummissjoni għandha tirrikjedi li l-Istati Membri janalizzaw u jirrappurtaw b'mod speċifiku dwar l-isforzi u r-riżultati tagħhom fir-rigward tal-mikrokreditu fir-rapporti annwali tagħhom dwar il-programmi ta' riforma nazzjonali tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam mal-linji gwida integrati għall-iżvilupp u l-impjiegi tal-Istrateġija ta' Liżbona riveduta. Il-Kummissjoni għandha titratta l-mikrokreditu b'mod espliċitu fir-Rapport ta' Progress Annwali tagħha.

2.      Rakkomandazzjoni 2: dwar il-finanzjament mill-UE

Il-Parlament Ewropew iqis li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkollu l-għan li jirregola:

(a) Il-(ko)finanzjament tal-proġetti li ġejjin, sakemm il-fondi ta' dan it-tip ma jkunux speċifikament immirati lejn il-promozzjoni tad-disponibilità tal-mikrokreditu għall-persuni kollha u għall-intrapriżi kollha li m'għandhomx aċċess dirett għall-kreditu, li s-soltu jkun definiti mill-Istati Membri, fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom, bħala gruppi speċifiċi żvantaġġati (bħas-soċjetà Roma, l-immigranti, dawk li jgħixu fl-inħawi rurali żvantaġġati, nies f'sitwazzjonijiet tax-xogħol prekarji, u n-nisa):

(i)  il-forniment permezz ta' fondi nazzjonali jew tal-UE ta' garanziji għal min jipprovdi mikrokreditu;

(ii) il-forniment ta' servizzi ta' appoġġ kummerċjali bħala servizzi addizzjonali għal min jissellef b'mikrokreditu, jew minn min jipprovdi l-mikrokreditu jew minn terzi, servizzi li għandhom jinkludu taħriġ immirat obbligatorju b'evalwazzjonijiet regolari għal min jissellef b'mikrokreditu. Dan it-taħriġ jista' jkun iffinanzjat mill-Fondi Strutturali;

(iii) ir-riċerka u l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qasam operattiv, eż. fir-rigward ta' rekwiżiti alternattivi għal garanziji, metodi mhux tradizzjonali għall-evalwazzjoni tal-affidabilità tal-kreditu, sistemi għall-għoti ta' punti dwar l-affidabilità u l-irwol tal-intermedjarji;

(iv) il-ħolqien ta' websajt fejn dawk li potenzjalment se jirċievu l-mikrokrediti jkunu jistgħu jippreżentaw il-proġetti tagħhom lil dawk li jkunu jridu jsellfu l-flus biex jappoġġjawhom; kif ukoll

(v) il-ħolqien ta' bażi tal-informazzjoni għall-UE kollha li tinkludi tagħrif dwar il-kreditu pożittiv u negattiv li jirrigwarda lil min jissellef b'mikrokreditu.

(b) Sabiex jiġu evitati paralleliżmi, il-Kummissjoni għandha:

(i)  taħtar entità ta' koordinazzjoni waħda fejn jinġabru l-attivitajiet tal-UE għall-finanzjamenti kollha li jikkonċernaw il-mikrokreditu; kif ukoll

(ii) tiffinanzja (jew tikkofinanzja) biss proġetti li jkunu jistgħu jiġu magħquda maż-żamma tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali, bħal benefiċċji tal-qgħad u appoġġ għad-dħul, fuq bażi ta' analiżi tal-fornituri tas-servizzi tan-negozju, li jagħtu kas tal-kisbiet tan-negozju u l-istandard minimu nazzjonali tal-għajxien.

3.      Rakkomandazzjoni 3: dwar qafas armonizzat tal-UE għall-istituzzjonijiet mikrofinanzjarji bankarji u mhux bankarji

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkollu l-għan li jirregola dan li ġej:

Il-Kummissjoni għandha tipproponi l-leġiżlazzjoni biex jiġi pprovdut qafas għall-UE kollha għall-istituzzjonijiet mikrofinanzjarji bankarji u mhux bankarji. L-istituzzjonijiet mikrofinanzjarji mhux bankarji għandhom jinkludu:

(a) definizzjoni ċara tal-fornituri ta' mikrokreditu, sakemm ma' jaċċettawx depożiti, u għalhekk ma jikkostitwixxux istituzzjonijiet finanzjarji skont id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kreditu;

(b) il-kapaċità li jitwettqu attivitajiet ibbażati esklużivament fuq l-għoti ta' kreditu;

(c) il-kapaċità li l-fondi jissellfu lil partijiet terzi (on-lend); kif ukoll

(d) regoli armonizzati, ibbażati fuq ir-riskju f'dak li għandu x'jaqsam mal-awtorizzazzjoni, ir-reġistrazzjoni, ir-rappurtar u s-sorveljanza prudenzjali.

4.      Rakkomandazzjoni 4: dwar id-Direttiva 2005/60/KE

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkollu l-għan li jirregola dan li ġej:

Il-Kummissjoni, meta tkun qed tirrevedi d-Direttiva 2005/60/KE, għandha tiżgura li d-dispożizzjonijiet stipulati f'dik id-Direttiva ma jkunux ostakoli li jwaqqfu lil dawk bla indirizz permanenti jew dokumenti ta' identifikazzjoni personali milli jkollhom aċċess għall-mikrokreditu, billi jipprevedu eżenzjoni speċjali fid-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-obbligu ta' viġilanza fir-rigward tal-klijent.

5.      Rakkomandazzjoni 5: dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkollu l-għan li jirregola dan li ġej:

(a)  Il-Kummissjoni, waqt li tkun qed tirrevedi r-regoli de minimis, għandha tipprevedi:

(i) id-differenzjament tal-limiti de minimis bejn l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-appoġġ finanzjarju għal min jipprovdi mikrokreditu;

(ii) it-tneħħija tad-diskriminazzjoni ta' għajnuna de minimis mogħtija lil intrapriża fis-settur tal-biedja jekk l-għajnuna tingħata f'konnessjoni ma' mikrokreditu; kif ukoll

(iii)tnaqqis tal-piż amministrattiv jekk l-għajnuna tingħata f'konnessjoni ma' mikrokreditu.

(b)  Il-Kummissjoni għandha tispeċifika f'leġiżlazzjoni li l-irwol tal-fornituri tal-mikrokreditu u, jekk ikun applikabbli, l-appoġġ pubbliku li istituzzjonijiet ta' dan it-tip jirċievu jkunu konformi mar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni.

(c)  Il-Kummissjoni għandha timplimenta regoli li jippermettu li jingħata trattament preferenzjali għall-merkanzija u s-servizzi pprovduti minn min jissellef b'mikrokreditu fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku.

NOTA SPJEGATTIVA

Kuntest

Il-forniment ta' mikrokreditu għandu l-għeruq fin-Nofsinhar tal-Ażja u fl-Amerika Latina, fejn l-ewwel inizjattivi ta' mikrokreditu tnedew f'nofs is-snin sebgħin. Il-proġett ta' mikrokreditu famuż l-aktar huwa dak tal-Grameen Bank fil-Bangladexx, li ġie stabbilit fl-1976 mill-Prof. Muhammad Yunus. Il-mudell kummerċjali tal-Grameen Bank, li llum huwa l-ikbar istituzzjoni mikrofinanzarja b'aktar minn 6 miljun ruħ li ssellfu mingħandu, ġie kkupjat minn ħafna istituzzjonijiet mikrofinanzjarji oħra. Fl-2006, il-Prof. Yunus u l-Grameen Bank ingħataw il-Premju Nobel għall-Paċi.

Is-suċċess tal-attività ta' mikrokreditu fil-mitigazzjoni tal-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw s'issa għadu ma seħħx fil-kuntest tal-UE. Għalkemm hemm diversi inizjattivi, kemm mis-settur pubbliku u kemm minn dak privat, li jippruvaw jippromwovu din l-attività anke fl-Ewropa, għad jonqos approċċ olistiku, u jeżisti distakk fis-suq f'dan il-qasam: l-indikazzjonijiet kollha juru talba potenzjali għolja għall-mikrokreditu mingħand dawk li ma jistgħux jiksbu self fis-settur bankarju tradizzjonali.

Jekk inizjattiva Ewropea dwar il-mikrokreditu jkollha suċċess, tkun tista' tikkontribwixxi b'mod sostanzjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija ta' Liżbona riveduta għall-iżvilupp u l-impjiegi u biex tinħoloq ekonomija Ewropea innovattiva, kreattiva u dinamika. L-intrapriżi ż-żgħar huma sors essenzjali ta' żvilupp, impjiegi, kapaċitajiet intraprenditorjali, innovazzjoni u koeżjoni fl-UE. B'mod partikulari, il-mikrokreditu jista' jkun ta' appoġġ għal waħda mill-erba' prijoritajiet tal-Istrateġija ta' Liżbona, speċifikament il-ħelsien tal-potenzjal kummerċjali, billi l-persuni jiġu megħjuna biex (jerġgħu) jintegraw ruħhom soċjalment u ekonomikament billi jaħdmu għal rashom. Fil-fatt, l-Istrateġija ta' Liżbona ma tistax titqies li kienet ta' suċċess sakemm ma jogħliex il-livell tal-impjiegi.

(It-terminu "mikrofinanza" iħaddan ukoll servizzi finanzjarji oħra fuq skala żgħira bħall-mikroassikurazzjoni, kontijiet kurrenti bażiċi u kontijiet ta' tifdil bażiċi. Dawn il-kunċetti mhumiex se jiġu indirizzati fir-rapport dwar il-mikrokreditu.)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tiddefinixxi mikrokreditu bħala self ta' EUR 25 000 jew anqas, lil mikrointrapriża (i.e. intrapriża b'anqas minn 10 impjegati li għandha fatturat annwali u/jew total fil-karta tal-bilanċ annwali li ma jaqbiżx iż-EUR 2 miljun)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Inizjattiva Ewropea għall-iżvilupp ta’ mikrokreditu b’appoġġ għat-tkabbir u l-impjiegi", ippubblikata f'Novembru 2007, tistieden lill-Istati Membri biex jadattaw kif jixraq l-oqfsa istituzzjonali, legali u kummerċjali nazzjonali meħtieġa għall-promozzjoni ta' ambjent aktar favorevoli għall-iżvilupp tal-mikrokreditu. Barra minn hekk, tnediet JASMINE, faċilità ġdida fil-livell Ewropew, bil-għan ta' appoġġ tal-iżvilupp ta' istituzzjonijiet mikrofinanzjarji mhux bankarji fl-Istati Membri. Minkejja li l-elementi ta' din l-inizjattiva huma promettenti, l-iżvantaġġi tagħhom huma li fil-biċċa l-kbira jħallu l-kwistjoni f'idejn l-Istati Membri minflok ma jistabbilixxu qafas verament Ewropew.

Gruppi destinatarji

Fil-fehma tar-rapporteur, ir-riżultat ta' inizjattiva Ewropea fil-qasam tal-mikrokreditu għandu jkun wieħed innovattiv, li jiffoka fuq gruppi benefiċjarji li s'issa ma ngħatawx biżżejjed attenzjoni. Peress li hemm bosta inizjattivi mmirati lejn intrapriżi li jaqgħu fil-kategorija ta' intrapriżi "ta' daqs żgħir" jew "ta' daqs medju" u li ġeneralment jinqdew mill-banek tradizzjonali, inizjattiva Ewropea għall-iżvilupp tal-mikrokreditu għandha tkun iffukata aktar fuq il-persuni żvantaġġati li jixtiequ jibdew mikrointrapriża, bħal min ikun qiegħed (għal perjodu twil ta' żmien), min ikun dipendenti fuq l-għajnuna soċjali, l-immigranti, il-minoranzi etniċi, min ikun attiv fl-ekonomija informali jew min jgħix fl-inħawi rurali żvantaġġati kuf ukoll in-nisa. Għalhekk, irid jitqies li l-gruppi destinatarji fl-Istati Membri jvarjaw bil-kbir u huma diversi ħafna bejniethom rispettivament.

Jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-kwistjoni dwar min għandu jkun l-intermedjarju bejn min jieħu l-kreditu u min jipprovdih. Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li intermedjarju jista' jintgħażel mill-grupp destinatarju nnifsu. Minn naħa, soluzzjoni ta' dan it-tip tista' tkun effiċjenti, peress li l-membri tal-grupp destinatarju jistgħu jafdaw lil intermedjarju minn ta' ġewwa ta' dan it-tip aktar milli jafdaw lil xi ħadd barrani. Min-naħa loħra, jista' jkun li sistema ta' kreditu interna ma tkunx ideali għal ċerti gruppi, peress li tista' trawwem ir-renju ta' klassi għolja li diġà tkun teżisti fil-grupp.

Karatteristiċi speċifiċi tal-mikrokreditu

Is-settur bankarju tradizzjonali jikkunsidra li s-self lill-gruppi destinatarji tal-mikrokreditu kif definiti hawn fuq huwa riskjuż u jinvolvi spejjeż żejda. Il-banek kummerċjali jargumentaw li qed jaffaċċjaw riskji għoljin li ma jistgħux jaċċettaw li s-self ma jitħallasx lura u marġini ta' qligħ baxxi. Bħala riżultat ta' dan, dawn il-banek mhumiex interesseti f'ċerti taqsimiet ta' klijenti li jirriżultaw bħala "mhux bankabbli".

Dan ifisser li l-attività tal-mikrokreditu hi differenti mill-attività bankarja tradizzjonali. Tinkludi elementi innovattivi u suġġettivi bħal rekwiżiti ta' garanziji alternattivi jew mingħajr il-bżonn ta' garanzija u evalwazzjoni mhux tradizzjonali tal-affidabilità għal kreditu. F'ħafna każi, il-mikrokreditu ma jingħatax biss għal raġunijiet ekonomiċi u biex isir qligħ, imma jservi wkoll għal skop ta' koeżjoni, peress li jipprova (jerġa') jintegra lill-persuni żvantaġġati fis-soċjetà.

L-għoti ta' mikrokreditu jinvolvi aktar spejjeż operattivi, minħabba d-daqs żgħir tas-self, in-nuqqas ta' (biżżejjed) garanziji u spejjeż amministrattivi għoljin, peress li ta' spiss ikun diffiċli li l-klijenti jintlaħqu fiżikament u hemm bżonn ta' servizzi u konsulenza għall-appoġġ kummerċjali - karatteristiċi li ġeneralment jeħtieġu netwerk wiesa' u li jiswa l-flus ta' persuni li jkunu qrib il-grupp destinatarju.

Imma minkejja li l-forniment tal-mikrokreditu ma jrendix qligħ, jagħmel sens ta' natura ekonomika li jiġi appoġġjat, peress li ġeneralment l-appoġġ finanzjarju għal min jaħdem għal rasu hu anqas mill-ispejjeż tal-assistenza għall-qgħad, tal-anqas fuq perjodu medju jew twil ta' żmien.

Elementi potenzjali ta' inizjattiva Ewropea dwar il-mikrokreditu

L-għoti ta' viżibilità lill-mikrokreditu

Sabiex il-kunċett ta' mikrokreditu jingħata l-viżibilità li jeħtieġ fil-livell tal-UE sabiex jiġi vvantaġġjat l-iżvilupp tiegħu, hemm bżonn li jiġi introdott bħala kategorija separata fl-istatistika u fir-regolamenti bankarji. F'dan ir-rigward, hemm dubji dwar jekk id-definizzjoni mhux differenzjata tal-mikrokreditu li tapplika għall-Istati Membri kollha tal-UE li qed tuża l-Kummissjoni hijiex xierqa. Peress li l-Prodott Gross Domestiku per capita jvarja ħafna bejn l-Istati Membri, self tal-istess ammont nominali jitqies b'mod differenti f'reġjuni differenti.

Il-mikrokreditu għandu jiġi promoss ukoll permezz ta' inċentivi fiskali u t-tneħħija tal-limiti massimi għar-rati tal-interessi. Ir-raġuni għal limiti massimi għar-rati tal-interessi hi l-ħarsien ta' min jissellef kontra spejjeż għas-self li jkunu eċċessivament għoljin. Madankollu, il-limiti massimi għar-rati tal-interessi jistgħu jwaqqfu lil min isellef milli jkopri l-ispejjeż tas-self u jġiegħlu lin-nies jissellfu minn użuriera li jżommu rati ta' interessi ħafna ogħla. Ħafna mill-operaturi involuti fl-attività tal-mikrokreditu jargumentaw li x-xkiel fir-rigward tal-mikrokrediti min-naħa ta' min isellef mhuwiex l-ispejjeż imma l-aċċess. Peress li l-mikrokreditu huma ammonti żgħar bi skadenza qasira, il-pagamenti bin-nifs huma żgħar minkejja r-rati tal-interessi li, mal-ewwel daqqa t'għajn, jidhru li huma għoljin wisq. Għalhekk, il-limiti massimi għar-rati tal-interessi għandhom ikun applikati biss fil-każ ta' self għall-konsumatur.

Fondi mill-UE

Bl-eċċezzjoni ta' JASMINE, l-inizjattivi tal-UE li għandhom irawmu l-mikrokreditu għandhom firxa ta' applikazzjoni usa' mill-mikrokreditu, fatt li jfixkel l-objettiv li tingħata attenzjoni speċifika għall-appoġġ tal-persuni żvantaġġati billi jingħatalhom il-mikrokreditu. Barra minn hekk, minħabba l-pluralità tal-inizjattivi u l-kumplessità amministrattiva tagħhom, hu diffiċli li proġetti żgħar jibbenefikaw minnhom. Ikun utli li jiġu ssimplifikati l-inizjattivi tal-UE u li ssir divrenzjar aktar preċiż bejn il-gruppi destinatarji speċifiċi.

Sabiex jittrawwem il-forniment tal-mikrokreditu lill-gruppi destinatarji żvantaġġati, il-fondi tal-UE għandhom jingħataw bil-kundizzjoni li jiġu appoġġjati dawk li jiffurmaw parti minn dawn il-gruppi destinatarji, fl-oqsma li ġejjin:

-    L-appoġġ indirett permezz tal-għoti ta' garanziji, peress li dan jipprovdi inċentivi għal appoġġ privat addizzjonali.

-    Il-kopertura tal-ispejjeż għall-forniment ta' servizzi ta' appoġġ kummerċjali, jekk jitwettqu mill-istituzzjoni mikrofinanzjarja jew minn organizzazzjonijiet oħra. L-aċċess għas-servizzi ta' appoġġ kummerċjali (bħal tutelar, taħriġ, konsulenza, edukazzjoni finanzjarja, għaqdiet għall-mikroimprendituri) għall-fundaturi ta' mikrointrapriżi li jappartjenu għal grupp destinatarju żvantaġġat hu essenzjali.

-    Ir-riċerka u l-iskambju tal-aħjar prattiki, eż. fir-rigward ta' tekniki innovattivi għall-għoti, is-salvagwardja u l-mitigazzjoni tar-riskju tal-mikrokreditu (bħal rekwiżiti alternattivi għal garanziji, metodi mhux tradizzjonali għall-evalwazzjoni tal-affidabilità tal-kreditu, sistemi għall-għoti ta' punti dwar l-affidabilità). Għandu jiġi evalwat sa fejn approċċi ta' dan it-tip jaħdmu f'kuntest tal-UE u ma' liema gruppi destinatarji. Għandu jiġi promoss skambju estensiv tal-aħjar prattiki u esperjenzi (ta' pajjiżi u reġjuni fl-Ewropa u lil hinn minnha).

Regolamenti dwar il-fornituri tal-mikrokreditu

Fir-rigward tal-forniment tal-mikrokreditu minn istituzzjonijiet finanzjarji liċenzjati, ma jidhirx li d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kreditu se toħloq xkiel dirett. Madankollu, mid-definizzjoni tagħhom, il-banek tradizzjonali mhumiex lesti li jaqdu lil persuni "mhux bankabbli" u għalhekk jidher li l-istituzzjonijiet mikrofinanzjarji mhux bankarji huma f'pożizzjoni aħjar biex ikopru lil dan il-grupp destinatarju. Minkejja dan, għandu jkun previst trattament aktar favorevoli taħt id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kreditu għall-mikrokrediti li storikament ġew indikati bħala anqas riskjużi (l-esperjenza ta' ħafna fornituri ta' mikrokreditu wriet li b'mod ġenerali r-rati tal-ħlas lura huma notevolment għoljin). Anke l-inklużjoni tat-terminu "mikrokreditu" fid-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kreditu tkun ta' kontribut biex jibda jintgħaraf aktar.

Barra minn hekk, xi aspetti tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kreditu u l-fatt li din id-Direttiva hi bbażata fuq il-prinċipju ta' armonizzazzjoni minima, joħolqu xkiel indirettament. L-ewwel nett, skont id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kreditu, l-istituzzjonijiet finanzjarju biss jitħallew jaċċettaw depożiti jew fondi oħra li jitħallsu lura mill-pubbliku. Il-piż amministrattiv għall-istituzzjonijiet finanzjarji hu għoli, fatt li jġiegħel lill-fornituri mhux bankarji tal-mikrokreditu jqisu l-iżvantaġġi ta' liċenzja bankarja (u b'hekk aċċess għal finanzjament għad-depożiti relattivament irħis) meta mqabbla mal-iżvantaġġi li tkun entità regolata. Barra minn hekk, hu aktar relevanti li xi Stati Membri aġġornaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kreditu fil-liġijiet nazzjonali billi llimitaw l-attivitajiet kollha ta' self għall-banek liċenzjati. Anke fondi minn banek mislufin b'mod dirett lil partijiet terzi (on-lend) mgħoddija lil min jissellef b'mikrokreditu huma limitati f'diversi Stati Membri. Rekwiżiti ta' dan it-tip joħolqu xkiel għall-forniment ta' mikrokreditu minn istituzzjonijiet mikrofinanzjarji mhux bankarji.

Sabiex titrawwem il-formazzjoni ta' istituzzjonijiet mikrofinanzjarji mhux bankarji, ir-rapporteur jappoġġja qafas armonizzat tal-UE għall-istituzzjonijiet mikrofinanzjarji mhux bankarji. Madankollu, qafas armonizzat għall-istituzzjonijiet mikrofinanzjarji mhux bankarji m'għandux iġiegħel lill-fornituri eżistenti tal-mikrokreditu jċedu l-individwalità tagħhom. Is-settur iġġenera mudelli differenti fl-Istati Membri li huma adattati għall-ambjent legali, ekonomiku u soċjali rispettiv. Barra min hekk, irid ikun garantit li mhu se tinħoloq l-ebda kompetizzjoni inġusta mal-banek liċenzjati.

Leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus u t-terroriżmu

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/60/KE jistgħu jeskludu lil dawk li m'għandhom l-ebda indirizz permanenti jew dokumenti ta' identifikazzjoni milli jkollhom aċċess għas-self. Madankollu, dawn il-gruppi ta' nies m'għandhomx ikunu esklużi milli jiksbu mikrokreditu. Meta wieħed iqis l-ammont żgħir ta' mikrokreditu, l-objettivi tad-Direttivi mhumiex se jiddgħajfu minħabba eżenzjonijiet speċifiċi.

Għajnuna Statali / Regolament de minimis

L-għajnuna statali hi fattur importanti għall-appoġġ tal-mikrokreditu. Ir-Regolament de minimis tal-UE dwar l-obbligi ta' notifika jista' joħloq problemi fir-rigward tal-appoġġ finanzjarju għall-mikrokreditu, peress li, skont ir-Regolament, appoġġ finanzjarju statali ta' anqas minn EUR 200 000 fuq perjodu ta' 3 snin finanzjarji favur kumpanija partikulari ma jikkostitwix għajnuna statali. Din ir-regola tapplika għall-Istati Membri kollha bla divrenzjar, għalkemm il-kundizzjonijiet, b'mod partikulari fir-rigward tal-intrapriżi ż-żgħar u dawk li jaħdmu għal rashom, ivarjaw ħafna. Għalhekk, għandu jitqies divrenzjar tal-limitu de minimis bejn l-Istati Membri.

Għall-intrapriżi attivi fis-settur tal-biedja, l-għajnuna de minimis totali mogħtija lil intrapriża partikulari m'għandhiex taqbeż is-7 500 EUR fuq tliet snin. Madankollu, dan is-settur jifforma sehem kbir mis-suq potenzjali għall-mikrokreditu u m'għandux jiġi diskriminat. Barra minn hekk, ħafna bdiewa li jmexxu negozji fuq skala żgħira fis-settur tal-biedja m'għandhom l-ebda aċċess għal sussidji peress li normalment hemm bżonn ta' daqs minimu (ta' art, eċċ.) sabiex igawdu minnhom. Din id-diskriminazzjoni tas-settur agrikolu fir-regolament de minimis għandha tiġi riveduta.

Fl-aħħar, hemm evidenza li l-proċedura li għandha x'taqsam mal-ammissjoni min-naħa tal-Kummissjoni ta' metodoloġija sabiex jinsilet benefiċċju mill-eżenzjoni għal skemi ta' garanzija hija waħda twila u kumplessa. Għandu jiġi analizzat jekk hemmx spazju għas-simplifikazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-kunsens dwar jekk l-għajnuna tkunx "trasparenti" jekk tingħata skont skema ta' garanzija.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (11.12.2008)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar inizjattiva Ewropea għall-iżvilupp ta’ mikrokreditu bħala appoġġ għat-tkabbir u għall-impjiegi
(2008/2122(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Gary Titley(Inizjattiva - Artikolu 39 tar-Regoli ta' Proċedura)

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-għoti tal-mikrokreditu lil nies li jkunu ġew esklużi mis-sistema finanzjarja jista' jikseb għanijiet soċjali ta' siwi,

B.   bill l-għan tal-allokazzjonijiet mill-baġit tal-UE mhuwiex biss li dawn għandhom ikunu mobilizzati fil-każ meta s-swieq kapitali u l-Bank Ewropew għall-Investiment ma jiffinanzjawx il-proġetti minħabba l-profitabilità baxxa u/jew ir-riskju kbir, iżda wkoll fejn ikun hemm benefiċċju soċjali ċar,

C.  bill huwa importanti li l-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil ta' flus jew kontra t-terroriżmu jiġi żgurat li ma tfixkilx l-għoti tal-mikrokreditu,

D.  billi l-Parlament adotta azzjoni preparatorja dwar il-promozzjoni ta' ambjent aktar favorevoli għall-mikrokreditu fl-Ewropa,

1.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tinvestiga jekk il-benefiċċji soċjali li jirriżultaw mill-mikrokreditu jiġġustifikawx iż-żieda fl-irwol tal-istrumenti tal-UE li jħalltu flimkien l-assistenza għas-self u għall-għotjiet;

2.  Jenfasizza l-fatt li kull inizjattiva tal-UE dwar il-mikrokreditu bl-użu ta' fondi pubbliċi għandha titfassal ukoll biex tinkoraġġixxi l-iffinanzjar privat għall-istituzzjonijiet tal-mikrofinanzi (MFIs);

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra jekk huwiex mixtieq u/jew jistax jinkiseb qafas tal-UE għall-MFIs mhux bankarji, u biex teżamina l-impatt li jista' jkollu fuq il-baġit tal-UE, filwaqt li jitqiesu l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi li jista' jkun hemm;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Azzjoni Konġunta tal-Kummissoni għall-Appoġġ tal-Istituzzjonijiet tal-Mikrofinanzi fl-Ewropa (JASMINE) u jitlob lill-Parlament u lill-Kummissjoni biex jagħmlu evalwazzjoni kontinwa tal-effikaċja u tal-valur miżjud tal-JASMINE;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura ruħha li l-mikrokreditu jkun għad-dispożizzjoni wkoll oqsma li ma jibbenefikawx mill-fondi strutturali minħabba li jeżistu nħawi negati u żvantaġġati anki fiz-zoni l-aktar għonja;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina jekk il-limiti tar-rati tal-interessi humiex ta' ostaklu għall-għoti tal-mikrokreditu u, jekk ikunu, jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina jekk huwiex possibbli li tagħti eżenzjonijiet għal-limiti tar-rati tal-interessi għall-MFIs u għall-MFIs mhux bankarji;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel riċerka fit-tekniki innovattivi għall-għoti, għas-salvagwardja u għat-tnaqqis tar-riskju tal-mikrokrediti;

8.  Jirrikonoxxi l-valur tas-sistemi bbażati skont ir-reġjun minħabba li hemm differenzi kbar fl-UE fil-kundizzjonijiet għall-għoti ta' mikrokreditu kif ukoll għad-domanda għalih;        

9.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni biex tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki għall-promozzjoni u għat-titjib tal-miżuri tal-politika fil-qasam tal-mikrokreditu fl-Ewropa.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (4.12.2008)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar inizjattiva Ewropea għall-iżvilupp ta’ mikrokreditu bħala appoġġ għat-tkabbir u għall-impjiegi
(2008/2122(INI))

Rapporteur: Miloslav Ransdorf

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, bil-għan li tirrinforza l-iżvilupp tal-mikro-kreditu fl-UE billi ttejjeb l-ambjent legali, iżżid l-inizjattiva intraprenditorjali, tiskambja l-aqwa prattika u tipprovdi l-kapital finanzjarju, l-aktar għal nies li ma għandhomx garanziji x'joffru;

2.  Jinnota li l-kunċett tal-mikro-kreditu, żviluppat mir-rebbieħ tal-premju Nobel Muhammad Yunus, għandu suċċess kbir fil-ħolqien tal-avvanzi ekonomiċi u soċjali fil-pajjiżi qed jiżviluppaw; jemmen illi inizjattiva ta' mikro-kreditu tista' tkun ukoll ta' użu konsiderevoli fl-UE biex iżżid l-inklużjoni soċjali u tippromwovi l-ħolqien tax-xogħol u tal-għadd ta' dawk li jaħdmu għal rashom, l-aktar fost in-nisa, iż-żgħażagħ, in-nies qiegħda u l-minoranzi; jikkontempla, għalhekk, rwol importanti għall-mikro-kreditu fit-twettiq tal-għanijiet tal-Istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir u x-Xogħol;

3.  B'danakollu, jenfasizza li l-mikro-kreditu għandu jikkomplementa, u mhux jieħu post, il-mekkaniżmi ta' sigurtà soċjali, u li l-programmi ta' mikro-kreditu ma għandhomx jintużaw bħala skuża biex jiċċekknu l-programmi pubbliċi tal-għajnuna soċjali;

4.  Jinnota illi fil-biċċa l-kbira l-utenti tal-mikro-kreditu huma nisa u għalhekk huma klijenti leali u affidabbli li għandhom rati għoljin ta' ripagament;

5.  Jindika illi 9.5% tal-intrapriżi tal-UE huma mikro-intrapriżi (intrapriżi b'anqas minn għaxar impjegati) u li l-akbar xkiel għal aktar innovazzjoni għal dawn l-intrapriżi ġej minn aċċess ristrett għall-kreditu, l-aktar għal self żgħir (taħt l-EUR 25,000); jemmen, għalhekk, illi l-proposta tal-Kummissjoni għal inizjattiva għall-mikro-kreditu hija għodda utli għaż-żjieda fl-impjiegi fil-mikro-intrapriżi, biex tippermetti lil dawk esklużi mis-sistema konvenzjonali tal-kreditu li jibdew attivitajiet ġodda, u biex tingħata spinta lill-innovazzjoni fl-UE;

6.  Huwa tal-fehma illi, flimkien mad-definizzjoni proposta mill-Kummissjoni għall-mikro-self bħala self ta' anqas minn 25,000 EUR, għandha tingħata konsiderazzjoni xierqa lil varjabbli oħrajn, partikolarment lill-fatt illi l-istess ammont nominali ma għandux ikun l-istess valur fl-Istati Membri kollha;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni, minħabba l-fatt illi l-klijenti potenzjali tal-mikro-kreditu normalment ma jkunux jistgħu jipprovdu garanziji u l-banek ġeneralment ma humiex disposti jisilfuhom il-flus, biex twaqqaf "garanzija Ewropea" għall-mikro-krediti, li tippermetti li jkunu disponibbli l-mezzi neċessarji biex lill-banek jingħatawlhom il-garanziji li jkunu jeħtieġu, u l-"garanzija Ewropea" tingħata biss jekk jiġu sodisfatti kriterji soċjali xierqa u prinċipji ta' opportunitajiet indaqs;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu l-iżvilupp ta' istituzzjonijiet lokali permanenti ta' mikrofinanza, bħalma huma l-unions tal-kreditu, l-aktar f'inħawi foqra u mtarrfin, u f'zoni rurali; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq it-taħriġ tal-persunal f'dawn l-oqsma tal-ħiliet tal-mikrofinanza;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni, bil-għan li jitferrex il-mikro-kreditu bħala mezz ta' kif tiġi ġġenerata l-attività ekonomika, tindaga l-possibilità li tappoġġja dan permezz ta' soluzzjonijiet innovattivi bħalma huwa l-mobile banking; jitlob, ukoll, lill-Kummissjoni tippromwovi forom ta' assistenza ekonomika u soċjali bħalma huwa s-self lill-gruppi ta' solidarjetà jew karti ta' kreditu ta' solidarjetà;

10. Jilqa' bi pjaċir il-proposta tat-twaqqif ta' struttura ta' appoġġ li tkun iddedikata għall-mikro-kreditur fi ħdan il-Fond Ewropew tal-Investiment; iħeġġeġ, b'danakollu, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew għall-Investiment biex iżidu l-fondi disponibbli għal din l-istruttura ta' appoġġ għall-benefiċċju ta' aktar parteċipanti fis-suq u biex tissaħħaħ aktar il-viżibilità tagħha;

11. Jemmen illi t-taqlib ta' bħalissa fis-swieq finanzjarji u r-riperkussjonijiet possibbli tiegħu għall-ekonomija kollha kemm hi, ikabbru l-ħtieġa għall-mikro-kreditu fl-UE, l-aktar f'reġjuni li jkunu żvantaġġjati ekonomikament u soċjalment;

12. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-assistenza finanzjarja permezz tal-Fondi Strutturali, bħalma huma l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew, biex jitjieb l-aċċess ta' gruppi magħżulin b'mod speċifiku, għall-iskemi tal-mikro-kreditu;

13. Jilqa' bil-kbir it-tnedija riċenti tal-"Azzjoni Konġunta għall-Appoġġ tal-Istituzzjonijiet ta' Mikro-finanza fl-Ewropa" (JASMINE) li għandha t-tir li tagħti assistenza teknika operattiva kif ukoll turi l-kwalità biex tagħraf l-affidabilità tal-istitutzzjonijiet tal-mikro-finanza (MFIs); jenfasizza li approċċ flessibbli huwa essenzjali biex jippermetti lill-MFIs f'kull Stat Membru jegħlbu l-isfidi individwali tagħhom u jissodisfaw ħtiġiethom;

14. Jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika l-indikaturi multidimensjonali li beħsiebha tuża biex tivvaluta l-impatt soċjo-ekonomiku tal-proġetti pilota mwaqqfin biex jidentifikaw l-aħjar prattiki u l-metodi xierqa għall-mikro-self, u wkoll tikkjarifika l-indikaturi ekonomiċi u soċjali ta' prestazzjoni biex tivvalutaw l-iżvilupp tal-mikro-kreditu u l-proġett il-ġdid tagħha ta' assistenza teknika, Jasmine;

15. Jemmen bil-qawwa illi, bħala riżultat tal-interrelazzjoni tas-sistemi finanzjarji, ta' impjieg, u ta' welfare soċjali, l-inizjattiva tal-mikro-kreditu fil-livell tal-UE għandha tkun ikkomplementata b'politiki f'livell nazzjonali, bħalma huma t-taħriġ, it-taħriġ ikkonċentrat u l-bini tal-kapaċità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu aktar riċerka fuq tekniki innovattivi biex jissalvagwardaw il-mikro-krediti u għall-mitigazzjoni tar-riskju tagħhom; jemmen li huwa meħtieġ skambju estensiv tal-aħjar prattika;

16. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħinu biex jikkonsolidaw in-negozji li għamlu użu mill-mikro-kreditu, billi jippromwovu l-appoġġ estern u n-netwerks tal-pariri.

17. Ifisser it-tħassib tiegħu dwar il-proposta li jitneħħew il-limiti fuq ir-rati tal-imgħax fuq il-mikro-krediti, peress illi rati ta' mgħax eċċessivament għoljin għandhom imnejn jaqbdu lill-utenti tal-mikrofinanza f'ċiklu vizzjuż ta' dejn, u b'hekk jixxejjen l-iskop tal-mikro-kreditu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimxu b'kawtiela kbira fil-politika tar-rati tal-imgħax.

18. Jiġbed l-attenzjoni għas-siwi tat-taħriġ u l-bini tal-kapaċità fl-istituzzjonijiet tal-mikro-finanzi li jaħdmu ma' min ma jistax joffri garanzija, u l-aktar biex jitjieb il-għerf dwar il-forom differenti ta' kif jinġabar u jiġi pprovdut il-kapital, bħalma huma l-investiment f'ishma ordinarji, id-donazzjonijiet, il-ħruġ ta' titoli, il-finanzjament ta' self, il-kontribuzzjonijiet għall-fondi ta' riskju, u l-għotjiet biex tingħata l-ispinta tal-bidu; jemmen illi l-iskambju tal-aħjar prattiki jista' jkollu rwol siewi f'dan il-qasam; f'dan l-ambitu, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ min-netwerks eżistenti, bħalma huma n-Netwerk Ewropew tal-Mikrofinanza, iċ-Ċentru tal-Mikrofinanza u l-Pjattaforma Ewropea tal-Mikrofinanza;

19. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-mikro-kreditu fost il-kooperattivi u l-ħaddiema mingħajr sigurtà ta' impjieg u li qegħdin b'kuntratti mhux-standard.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

2.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Šarūnas Birutis, Jan Březina, Jerzy Buzek, Jorgo Chatzimarkakis, Giles Chichester, Dragoş Florin David, Den Dover, Nicole Fontaine, Adam Gierek, Norbert Glante, David Hammerstein, Erna Hennicot-Schoepges, Mary Honeyball, Ján Hudacký, Werner Langen, Anne Laperrouze, Pia Elda Locatelli, Eluned Morgan, Antonio Mussa, Angelika Niebler, Reino Paasilinna, Aldo Patriciello, Miloslav Ransdorf, Vladimír Remek, Teresa Riera Madurell, Mechtild Rothe, Paul Rübig, Britta Thomsen, Patrizia Toia, Claude Turmes, Nikolaos Vakalis, Adina-Ioana Vălean

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Albertini, Alexander Alvaro, Pierre Pribetich, John Purvis, Silvia-Adriana Ţicău, Vladimir Urutchev

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (16.12.2008)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar inizjattiva Ewropea għall-iżvilupp ta’ mikrokreditu b’appoġġ għat-tkabbir u l-impjiegi
(2008/2122(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Neena Gill

(Inizjattiva – Artikolu 39 tar-Regoli ta' Proċedura)

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Josserva li l-benefiċjarji potenzjali tal-mikrokrediti għandhom igawdu mill-vantaġġ ta’ konsulenza legali kif xieraq fir-rigward tal-konklużjoni tal-ftehima tal-kreditu, it-twaqqif ta’ negozju, il-ġbir tad-dejn, l-akkwist u l-isfruttament tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u industrijali eċċ., b’mod partikulari meta l-mikronegozju kkonċernat ikollu l-intenzjoni jew il-potenzjal li jagħmel negozju fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea;

2.   Għal dan il-għan, jitlob li jsiru sforzi fil-livell Ewropew biex jitwaqqaf netwerk ta’ avukati li jkunu lesti jagħtu parir inizjalment fuq bażi pro bono għall-bidu ta' mikronegozji;

3.   Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jiffokaw il-fondi fuq l-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet ta’ mikrokreditu mhux bankarji; jidentifika l-istituzzjonijiet li ġejjin – il-junjins ta' kreditu, is-soċjetajiet mutwalistiċi u ta’ previdenza, l-istituzzjonijiet finanzjarji għall-iżvulupp tal-komunità u l-banek tal-garanziji – bħala sorsi possibbli għall-iffinanzjar u l-awtoassistenza għall-mikronegozji, u jitlob li dawn il-possibilitajiet jiġu eżaminati bir-reqqa meta l-proposti jiġu abbozzati għal-leġiżlazzjoni f'dan il-qasam;

4.   Jitlob li jsiru l-akbar sforzi possibbli biex il-piż regolatorju fuq il-mikronegozji jitnaqqas għall-anqas livell possibbli u jitlob lill-Kummissjoni biex taġixxi f'dan is-sens;

5.   Jitlob lill-Kummissjoni biex tassigura li jsiru sforzi biex l-istituzzjonijiet ta' mikrofinanza jsiru aċċessibbli għall-komunitajiet.

RIŻULTAT FINALI TAL-VOTAZZJONI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

15.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

13

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Bert Doorn, Monica Frassoni, Giuseppe Gargani, Othmar Karas, Klaus-Heiner Lehne, Manuel Medina Ortega, Francesco Enrico Speroni, Diana Wallis

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Costas Botopoulos, Jean-Paul Gauzès, Eva Lichtenberger, Georgios Papastamkos, Ieke van den Burg

OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (3.12.2008)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar l-inizjattiva Ewropea għall-iżvilupp ta’ mikrokreditu b’appoġġ għat-tkabbir u l-impjiegi
(2008/2122(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Corien Wortmann-Kool

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi l-fatt li wieħed jaħdem għal rasu permezz tal-mikronegozji, in-negozji ż-żgħar, individwali jew tal-familja jagħti lin-nisa l-opportunità li jtejbu l-istatus tagħhom f'termini ekonomiċi u soċjali kif ukoll il-possibilità li jikkombinaw il-ħajja professjonali ma' dik tal-familja;

B.  billi n-nuqqas ta' provvista ta' mikroself hija ta' xkiel kbir għan-nisa li qed jibdew negozju tagħhom;

C. billi l-għoti ta' mikrokreditu huwa għodda importanti għat-titjib tal-istatus tan-nisa, b'mod partikulari dawk esklużi mill-ekonomija formali, għaliex jipprovdi lin-nisa bil-possibilità li jibdew negozju, jinkoraġġixxi l-imprenditorija femminili, jagħti aċċess għas-suq tax-xogħol u l-possibilità ta' parteċipazzjoni attiva u preżenza kontinwa fl-istess suq, jgħin biex in-nisa jsiru ekonomikament indipendenti u għalhekk huwa mhux biss kwistjoni ta' imprenditorja u ta' tkabbir ekonomiku iżda wkoll ta' sodisfazzjon personali, inklużjoni soċjali u miżura kontra l-faqar,

D. billi l-mikrokrediti joffru lin-nisa opportunità ta' żvilupp soċjali, u b'hekk jinbidlu r-relazzjonijiet bejn is-sessi,

E.  billi waħda mill-konsegwenzi diretti tal-għoti ta' mikrokrediti lin-nisa fqar hija l-investiment fl-edukazzjoni ta' wliedhom, u b'hekk il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni jingħataw l-opportunità li jgħixu ħajja aħjar,

1.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw lin-nisa bħala grupp destinatarju u jagħtu lin-nisa pożizzjoni speċifika u xierqa fi programmi u inizjattivi marbutin mal-mikrokrediti, pereżempju fil-JASMINE;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni speċjali lin-nisa fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali minħabba li huma grupp vulnerabbli u għalhekk huma sensittivi għat-telf tal-impjieg u tad-dħul;

3.  Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu helpdesks b'enfasi partikolari fuq il-promozzjoni tal-imprenditorija femminili; jenfasizza l-fatt li l-programmi ta' assistenza u konsulenza jkattru n-numru ta' nies jaħdmu għal rashom bħala alternattiva għall-qgħad jew għall-impjieg bil-paga;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jgħaqqdu l-iskemi tal-mikrokrediti mal-iskemi għat-titjib tal-kompetittività, b'mod partikulari għall-imprizi mmexxija min-nisa u miż-żgħażagħ, billi jagħmlu enfasi fuq it-tagħmir tagħhom u fuq l-użu ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni ġodda;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tqajjem kuxjenza dwar il-potenzjal tal-mikrokrediti permezz tal-pubbliċità u l-programmi li jqanqlu kuxjenza mmirati, fost l-oħrajn, lejn in-nisa żgħażagħ, dawk imġarrba mill-esklużjoni soċjali u ekonomika, mingħajr diskriminazzjoni fuq bażi ta' oriġini, b'enfasi partikulari fuq l-importanza tal-programmi fl-iskejjel u fiċ-ċentri ta' taħriġ vokazzjonali;

6.  Jenfasizza, b'mod partikulari, l-importanza tar-riklamar tal-possibilitajiet tal-mikrokrediti permezz tal-proċess edukattiv u l-użu tagħhom minn organizzazzjonijiet mhux governattivi tan-nisa u minn entitajiet oħra li jaħdmu biex jipprovdu pont mas-suq tax-xogħol għall-gradwati u dawk li jispiċċaw mill-iskola f'kull livell;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistandardizzaw il-preżentazzjoni statistika tal-mikrokrediti, inklużi l-ġbir u l-analiżi tad-dejta klassifikati skont is-sess, l-età u l-oriġini etnika;

8.   Jitlob li jsiru programmi li joffru garanziji f'każijiet fejn jitqies li l-garanziji pprovduti mid-debitur ma jkunux biżżejjed, b'mod partikulari fejn il-benefiċjarju hija mara milquta mill-esklużjoni soċjali jew mill-faqar, jew li tkun f'dan ir-riskju;

9.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġaw lill-benefiċjarji nisa tal-

  mikrokreditu li fl-imgħoddi kellhom suċċess fit-twaqqif ta' koperattivi finanzjarji li   joffru l-mikrokrediti lil nisa oħra.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

15

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Ilda Figueiredo, Věra Flasarová, Lissy Gröner, Urszula Krupa, Astrid Lulling, Siiri Oviir, Zita Pleštinská, Anni Podimata, Teresa Riera Madurell, Raül Romeva i Rueda, Anne Van Lancker, Corien Wortmann-Kool, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Donata Gottardi

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.1.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mariela Velichkova Baeva, Paolo Bartolozzi, Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Slavi Binev, Sebastian Valentin Bodu, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Manuel António dos Santos, Jonathan Evans, Elisa Ferreira, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Louis Grech, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Sophia in ‘t Veld, Othmar Karas, Wolf Klinz, Christoph Konrad, Kurt Joachim Lauk, Astrid Lulling, Sirpa Pietikäinen, John Purvis, Bernhard Rapkay, Heide Rühle, Antolín Sánchez Presedo, Salvador Domingo Sanz Palacio, Peter Skinner, Margarita Starkevičiūtė, Ieke van den Burg, Cornelis Visser, Sahra Wagenknecht

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Dăianu, Mia De Vits, Valdis Dombrovskis, Harald Ettl, Werner Langen, Klaus-Heiner Lehne, Bilyana Ilieva Raeva, Margaritis Schinas, Theodor Dumitru Stolojan