RAPPORT dwar il-kumplimentarjetà u l-koordinazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u tal-miżuri għall-iżvilupp rurali
29.1.2009 - (2008/2100(INI))
Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Wojciech Roszkowski
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-kumplimentarjetà u l-koordinazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u tal-miżuri għall-iżvilupp rurali
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 158 u 159 tat-Trattat tal-KE,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni[1], b'referenza partikolari għall-Artikolu 9 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta' Settembru 2005 dwar l-għajnuna għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD)[2],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE tas-6 ta' Ottubru 2006 dwar il-linji ta' gwida strateġiċi dwar il-koeżjoni[3],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/144/KE tal-20 ta' Frar 2006 dwar il-linji ta' gwida strateġiċi tal-Komunità għall-iżvilupp rurali (perijodu ta' programmazzjoni 2007 sal-2013)[4],
– wara li kkunsidra l-Aġenda Territorjali tal-UE u l-Ewwel Programm ta' Azzjoni għall-Implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali,
– wara li kkunsidra l-preparazzjoni mill-Kummissjoni ta' Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali,
– wara li kkunsidra r-rapport min-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni tal-Ippjanar tal-Ispazji (ESPON) intitolat "Futuri territorjali: Xenarji tal-ispazju għall-Ewropa",
– wara li kkunsidra r-Regolament 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A6-0042/2009),
A. billi t-tifsira ta’ zona rurali ġiet iddefinita mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku, bid-definizzjoni tagħha tinkorpora karatteristiċi bħalma huma densità baxxa tal-popolazzjoni u nuqqas ta’ aċċess għas-servizzi, u billi din id-definizzjoni hija użata mill-Kummissjoni sabiex tidentifika u tfassal għanijiet ta' żvilupp għal dawn iz-zoni,
B. billi z-zoni rurali jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor u billi, filwaqt li zoni rurali f'xi reġjuni u Stati Membri esperjenzaw tkabbir demografiku u ekonomiku, l-abitanti ta' ħafna minn dawn iz-zoni qed jemigraw lejn zoni urbani jew qed jippruvaw jiksbu kwalifiki ġodda, u b'hekk qed joħolqu sfidi kbar ħafna għaz-zoni rurali,
C. billi z-zoni rurali jirrapreżentaw 80% tat-territorju tal-UE,
D. billi l-ħtiġijiet taz-zoni rurali intermedjarji, li huma kkaratterizzati minn struttura ekonomika simili għal dik taz-zoni urbani qrib tagħhom, huma differenti minn dawk ta’ zoni li fil-biċċa l-kbira huma rurali, periferali jew iżolati,
E. billi wieħed mill-obbjettivi tal-Unjoni huwa li jħeġġeġ il-progress ekonomiku u soċjali u livell għoli ta’ impjiegi u li jikseb żvilupp bilanċjat u sostenibbli,
F. billi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE tista' tkun imsaħħa permezz tal-iżvilupp ekonomiku, it-tħeġġiġ tal-opportunitajiet tal-impjiegi f'zoni rurali u urbani u l-assigurazzjoni ta' aċċess indaqs għas-servizzi pubbliċi,
G. billi r-riforma tal-politika strutturali għas-snin 2007-2013 wasslet għal tibdil fl-istruttura tal-Fondi u tal-bażi għall-allokazzjoni tal-għajnuna skont din il-politika, kif ukoll għall-ħolqien ta' Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) ġdid marbut mal-Politika Agrikola Komuni (CAP) u mhux konness mill-politika ta' koeżjoni,
H. billi fil-passat, il-programmi LEADER diġà urew kif l-iżvilupp rurali jista’ jkun imħeġġeġ b'suċċess permezz ta' strumenti tal-politika reġjonali,
I. billi huwa ta’ importanza ewlenija għas-suċċess tal-EAFRD li tkun żgurata komplementarjetà reċiproka bejn l-attivitajiet kofinanzjati taħt l-EAFRD u dawk kofinanzjati taħt il-fondi strutturali, u biex b'hekk l-għajnuna mill-fondi differenti, b'mod partikolari mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), mill-Fond ta' Koeżjoni (CF) u mill-Fond Soċjali Ewropew (ESF), ikunu koordinati b'mod xieraq u tkun assigurata l-komplementarjetà ta' dawk il-fondi,
J. billi m'għandux jitħalla li l-ħolqien tal-EAFRD, is-separazzjoni tal-iffinanzjar għall-iżvilupp rurali mill-ambitu tal-politika ta' koeżjoni u l-adozzjoni ta' perspettiva iktar wiesgħa tal-iżvilupp reġjonali jirriżultaw fid-duplikazzjoni ta' xi obbjettivi (pereżempju, l-ħarsien tal-ambjent, it-trasport u l-edukazzjoni) jew li dawn l-obbjettivi jitħallew barra kompletament,
K. billi t-trasferiment permanenti ta’ fondi bejn il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (EAGF) u l-EAFRD jwassal għal nuqqas ta’ sigurtà fl-ippjanar kemm għall-bdiewa kif ukoll għal min iħeġġeġ il-proġetti dwar l-iżvilupp rurali;
L. billi minħabba r-restrizzjonijiet baġitarji, jeżisti riskju li tiġi użata parti kbira mill-iffinanzjar disponibbli skont l-ERDF biex issaħħaħ l-kompettitività ekonomika f'ċentri urbani ikbar jew fl-iktar reġjunijiet dinamiċi, filwaqt li l-iffinanzjar tal-EAFRD ikun priċipalment iffukat fuq it-titjib tal-kompetittività tal-agrikultura, li għadha l-mutur taz-zoni rurali, u jkun mmirat wkoll lejn l-appoġġ għal attivitajiet mhux agrikoli u l-iżvilupp tal-SMEs fiz-zoni rurali, li joħloq ħtieġa li jkun hemm koordinazzjoni iktar mill-qrib biex ikun żgurat li l-ebda zona ma titħalla barra,
M. billi l-SMEs, partikolarment il-mikrointrapriżi (microbusinesses) u l-intrapriżi tas-snajja', għandhom irwol ewlieni fil-preservazzjoni tal-attività soċjali u ekonomika fil-kampanja u fl-assigurazzjoni tal-istabilità tagħha,
N. billi l-obbjettivi tal-politika għall-iżvilupp rurali ma jridux ikunu kuntrarji għall-għanijiet ta' Liżbona, dment li dan l-iżvilupp huwa bbażat fuq l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tal-kompetittività relattiva (effikaċja meta mqabbla mal-ispiża), b'mod partikolari fl-industrija lokali tal-ipproċessar tal-ikel u f'relazzjoni mal-iżvilupp tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs) u tal-infrastruttura u s-servizzi, bħalma huma t-turiżmu, l-edukazzjoni u l-ħarsien tal-ambjent,
O. billi r-relazzjoni naturali u l-komplementarjetà bejn il-politika agrikola u l-politika għall-iżvilupp rurali għandhom jiġu rikonoxxuti
1. Iqis li l-kriterji użati tradizzjonalment biex jingħarfu z-zoni rurali minn dawk urbani (densità ta' popolazzjoni iżjed baxxa u livell ta' urbanizzazzjoni) jistgħu ma jkunux dejjem suffiċjenti biex jipprovdu "l-istampa kompluta"; iqis għaldaqstant, li l-possibilità li jiżdiedu kriterji oħra għandha tiġi esplorata u jitlob lill-Kummissjoni biex tipproduċi analiżi u proposti konkreti f'dan il-qasam;
2. Iqis li, minħabba d-differenzi kbar bejn iz-zoni rurali minn Stat Membru għal ieħor u minħabba li dawn iz-zoni jistgħu jirrappreżentaw sa madwar 80% tat-territorju tal-UE, huwa neċessarju li jiġi adottat u implimentat approċċ b'obbjettivi xierqa u integrat li jaħdem favur l-iżvilupp sostenibbli ta' dawn iz-zoni, u li jkollu l-għan li jispiċċaw l-inugwaljanzi eżistenti u li jħeġġeġ id-dinamiżmu ekonomiku fiz-zoni urbani u rurali; jenfasizza l-bżonn li jiġi allokat finanzjar adegwat għall-azzjonijiet korrispondenti;
3. Ifakkar, f'dan ir-rigward, li r-reġjuni kollha tal-Unjoni, fit-totalità tagħha, inklużi z-zoni rurali u dawk imbiegħda, bħala regola ġenerali għandhom jibbenefikaw mill-istess possibilitajiet ta' żvilupp sabiex tkun evitata aktar esklużjoni territorjali taz-zoni l-aktar żvantaġġati;
4. Jisħaq li f'numru kbir ta' zoni rurali, il-possibilitajiet għall-iżvilupp, speċjalment għaż-żgħażagħ u għan-nisa, huma mnaqqsa minħabba diffikultajiet biex jiġu aċċessati s-servizzi pubbliċi, in-nuqqas ta' impjiegi u l-piramida tal-etajiet;
5. Jisħaq li, f'ċerti zoni, m'hemmx alternattivi għal ċerti forom determinati ta' produzzjoni agrikola li ta' spiss ikollhom jinżammu, ikunu xi jkunu l-iżvantaġġi, għal raġunijiet ta' politika ambjentali u reġjonali, b'mod partikolari f’dak li jikkonċerna r-reġjuni rurali mbiegħda u muntanjużi, li qed jġarrbu d-deżertifikazzjoni;
6. Ifakkar li l-Kunsill Ewropew ta’ Göteborg tal-15 u s-16 ta’ Ġunju 2001 wessa’ l-obbjettivi ta’ Liżbona fir-rigward tal-ideat ta’ sostenibilità u ta’ koeżjoni u li l-politika ta’ żvilupp rurali hi mmirata proprju lejn l-agrikoltura sostenibbli, iż-żamma tal-attivitajiet rurali mhux agrikoli, il-valutazzjoni tal-potenzjal tal-iżvilupp lokali, il-ħarsien tal-ambjent, l-ippjanar bilanċjat tal-iżvilupp reġjonali u l-iżvilupp tal-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju;
7. Jemmen li l-implimentazzjoni xierqa tal-politika għall-iżvilupp rurali, minħabba l-iżvilupp sostenibbli fuq terminu ta' żmien twil ta' zoni rurali, jirrikjedi li jitqiesu b'mod xieraq ir-riżorsi naturali u l-karatteristiċi speċifiċi ta' kull zona, inklużi l-ħarsien, it-titjib u l-ġestjoni tal-wirt rurali, u tal-iżvilupp ta' kollegamenti u interazzjonijiet maz-zoni urbani;
8. Jenfasizza wkoll l-importanza li jkunu evalwati zoni b’attività ekonomika alternattiva u l-opportunitajiet li jinħolqu minn dawk iz-zoni għad-diversifikazzjoni tal-attivitajiet tal-popolazzjoni li għandhom x'jaqsmu mal-impjiegi;
9. Jemmen li l-kwistjonijiet li l-ambjent rurali se jkollu jħabbat wiċċu magħhom fil-futur jeħtieġu politika ta' żvilupp ibbilanċjata li tkopri l-parteċipanti soċjali u ekonomiċi kollha, inklużi l-intrapriżi żgħar u l-mikrointrapriżi fis-setturi tal-produzzjoni u tas-servizzi, b’kunsiderazzjoni tal-irwol tagħhom fl-iżvilupp integrat tat-territorji;
10. Iqis li, fil-każ tal-Istati Membri l-ġodda, il-politika għall-iżvilupp rurali għandha timmira li ttejjeb l-effiċjenza tal-agrikoltura u li tnaqqas id-differenzi fl-iżvilupp ekonomiku li jeżistu bejn iz-zoni rurali u z-zoni urbani, anke billi tappoġġja l-attivitajiet mhux agrikoli, li hu obbjettiv li jista' jintlaħaq b'mod partikolari bl-użu tal-Fondi Strutturali;
11. Jilqa’ l-ambizzjonijiet stipulati fit-Tieni Konferenza Ewropea dwar l-Iżvilupp Rurali li saret f’Salzburg fl-2003, iżda jiddispjaċih mill-fatt li l-iffinanzjar mogħti skont it-tieni pilastru tal-Politika Agrikola Komuni mill-aħħar prospettivi finanzjarji tant kellu tnaqqis sinifikanti li qed jirriskja li tinħoloq l-ineffiċjenza u diviżjoni bejn il-bdiewa u n-nies li jgħixu fiz-zoni rurali;
12. Jiġbed l-attenzjoni li hemm bżonn li tiġi żviluppata strateġija koerenti għall-iżvilupp rurali fit-tul, sabiex ikun iffaċilitat l-użu l-aktar effettiv u effiċjenti tal-finanzjamenti kollha disponibbli;
13. Jitlob lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex jifformulaw, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u fi sħubija mal-awtoritajiet u l-korpi kompetenti kollha li jirrapreżentaw lis-soċjetà ċivili, strateġija ta' żvilupp rurali sostenibbli fil-livell nazzjonali u reġjonali sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati b'mod ċar il-prijoritajiet u l-obbjettivi fil-qasam tal-iżvilupp rurali u biex jiġu żgurati l-adattament, il-koordinazzjoni u l-komplementarità li l-għajnuna li tiġi minn sorsi varji ta' finanzjamenti;
14. Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex jiżguraw il-parteċipazzjoni diretta tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SMEs, il-mikrointrapriżi u l-intrapriżi tas-snajja', sabiex jidentifikaw dawk il-prijoritajiet bl-għan li jindirizzaw bl-aħjar mod possibbli l-ħtiġijiet u l-aspettattivi ta' dawk l-intrapriżi;
15. Jirrikonoxxi li l-politika għall-iżvilupp rurali għandha rwol ferm importanti biex jiġu identifikati u indirizzati problemi speċifiċi f'zoni rurali u jemmen li t-twaqqif tal-EARDF għat-tieni pilastru tal-Politika Agrikola Komuni jirrappreżenta tentattiv biex ikun hemm approċċ strateġiku, tematiku u integrat li jkun jista' jirrispondi għad-diversità tas-sitwazzjonijiet u tal-iskala tal-isfidi li jolqtu liz-zoni rurali tal-UE, u biex jissimplifikaw proċeduri finanzjarji u jiżguraw li l-fondi huma ffokati fuq dawk iz-zoni;
16. Ifakkar li l-Istati Membri ntalbu jħejju, għall-perjodu attwali ta' pprogrammar, żewġ dokumenti strateġiċi: Pjan Nazzjonali ta’ Strateġija għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) u Qafas Strateġiku Nazzjonali ta’ Referenza għall-Politika Reġjonali (Fondi Strutturali); ifakkar li l-Istati Membri ntalbu jimmobilizzaw is-sinerġiji u jwaqqfu mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni tal-operat bejn id-diversi fondi; jiddispjaċih madankollu, li f’dan il-proċess saret enfasi partikolarment fuq li tiġi żgurata d-demarkazzjoni tad-diversi fondi u programmi, iktar milli fuq li jinħolqu sinerġiji minnhom;
17. Iqis li l-effiċjenza tal-politika għall-iżvilupp rurali tista' tinkiseb biss jekk il-miżuri implimentati skont l-EARDF u l-politika għall-iżvilupp reġjonali huma koordinati u komplementarji, biex jiġu evitati l-iffinanzjar doppju u l-lakuni; jinnota bi tħassib l-koordinazzjoni insuffiċjenti bejn dawk l-azzjonijiet fil-perijodu ta' programmazzjoni attwali fl-Istati Membri individwali; jitlob lill-Kummissjoni għaldaqstant biex tipproponi riformi bl-għan li jiżguraw koordinazzjoni mtejba fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-miżuri kofinanzjati skont il-politika ta’ koeżjoni u l-CAP; tirrikonoxxi li r-riforma ta' wara l-2013 tal-CAP u tal-Fondi Strutturali tal-UE se jipprovdu opportunità biex tiġi evalwata mill-ġdid ir-relazzjoni bejn l-iżvilupp rurali fuq naħa waħda u l-politika agrikola u l-politika ta' koeżjoni fuq in-naħa l-oħra;
18. Jirrikonoxxi li l-irwol primarju tal-politika għall-iżvilupp rurali hu li għandha tkompli żżomm il-popolazzjoni tal-kampanja u tiżgura standard diċenti ta’ għajxien għaliha;
19. Iqis li dan l-approċċ li jissepara l-iżvilupp rurali mill-politika ta’ koeżjoni bil-ħolqien tal-EAFRD jeħtieġ li jkun immonitorjat mill-qrib ħafna sabiex ikun evalwat l-impatt reali tiegħu fuq l-iżvilupp ta’ zoni rurali; jinnota li s-sistema l-ġdida twaqqfet fl-2007 u li għalhekk huwa kmieni wisq biex jintlaħqu kwalunkwe konklużjonijiet rigward il-ġejjieni ta' din il-politika tal-Komunità;
20. Jenfasizza li waħda mill-prijoritajiet tal-politika għall-iżvilupp rurali hija li tipproponi miżuri li ma jwasslux biex il-popolazzjoni rurali jkollha tabbanduna l-agrikultura u li jgħinu wkoll, fost affarijiet oħra, il-promozzjoni ta' azjendi kompetittivi, il-produzzjoni ta' prodotti organiċi, ikel u xorb tradizzjonali ta' kwalità għolja pereżempju;
21. Jinnota b’interess li l-Assi 3 u l-Assi 4 (LEADER) tat-tieni pilastru tal-CAP (il-politika għall-iżvilupp rurali), li jirrapreżentaw 15% tat-total tan-nefqa tal-EAFRD, jikkonċernaw attivitajiet mhux agrikoli li jiffokaw l-iktar fuq id-diversifikazzjoni tal-ekonomiji rurali; jemmen li, minħabba n-natura tal-interventi ffinanzjati skont dawn l-Assi, li jixbħu lil uħud mill-attivitajiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, hemm riskju li l-politiki jidħlu fuq xulxin;
22. Jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li jitqiesu l-prospetti primarjament tal-popolazzjoni impjegata fl-agrikultura, li għandu jibqa’ l-għan ewlieni tal-miżuri ta’ appoġġ taħt il-politika għall-iżvilupp rurali;
23. Jenfasizza l-importanza tal-appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ sabiex jibqgħu jaħdmu artijiethom, anki jekk huma mhumiex impenjati biss fil-produzzjoni agrikola, billi jingħatawlhom inċentivi għall-iżvilupp u attivitajiet oħra, bħalma hu t-turiżmu rurali, u t-tisħiħ tal-SMEs fil-kampajna;
24. Iqis li l-obbjettivi prinċipali tal-politika għall-iżvilupp rurali jistgħu jinkisbu biss jekk din il-politika tirċievi fondi adegwati li jintużaw skont il-prijoritajiet stipulati għaz-zoni rurali u li l-fondi mwarrba permezz tal-modulazzjoni dejjem għandhom jitqassmu lura lill-komunitajiet agrikoli attivi;
25. Huwa tal-fehma li l-koordinazzjoni tal-politika strutturali u tal-miżuri għall-iżvilupp rurali tippermetti li jitwettqu proġetti b’valur miżjud Ewropew ikbar; jara f'dan opportunità għal tisħiħ fuq terminu ta' żmien twil taz-zoni rurali, pereżempju permezz ta' miżuri infrastrutturali jew miżuri għall-ħarsien tal-ambjent;
26. Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta figuri dettaljati u previżjonijiet fir-rigward tal-użu tal-EAFRD u l-fondi strutturali fiz-zoni rurali u biex tistudja s-sinerġiji li jistgħu jinħolqu permezz tal-EAFRD u l-Fondi Strutturali f’termini tal-fondi disponibbli fiz-zoni rurali;
27. Jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa jekk il-programmi tal-politika reġjonali jistgħux jikkontribwixxu biex jiġi offrut dħul ta' min jorbot fuqu lill-bdiewa, pereżempju billi jitwettqu attivitajiet marbuta mal-ħarsien tal-ambjent, il-konservazzjoni tan-natura u l-immaniġġjar tal-pajsaġġi;
28. Jisħaq li l-iżvilupp sostenibbli, il-livelli ta' dħul per capita, l-aċċessibilità, l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi pubbliċi u d-depopolazzjoni rurali huma fost l-ikbar sfidi għall-politika ta' koeżjoni u jistgħu jittejbu bl-iżjed mod effettiv, fost miżuri oħrajn, permezz ta' appoġġ għal attivitajiet mhux agrikoli fil-komunitajiet rurali;
29. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu b'mod sistematiku l-kampanja fil-politiki tal-UE u biex jipprovdu appoġġ xieraq għall-proġetti mmirati li jiżviluppaw il-kapital uman b'mod partikolari permezz tal-forniment ta' opportunitajiet ta' taħriġ għall-imprendituri agrikoli u nonagrikoli f'zoni rurali, b'attenzjoni speċjali fuq in-nisa żgħażagħ, bl-għan li jitħeġġu l-impjiegi u l-ħolqien tagħhom;
30. Jenfasizza li l-iżvilupp fiz-zoni rurali jeħtieġ iktar attenzjoni u appoġġ għall-preservazzjoni tal-pajsaġġ naturali u dak maħdum, l-ekoturiżmu, il-produzzjoni u l-użu tal-enerġija li tiġġedded u l-inizjattivi lokali bħalma huma l-iskemi ta’ akkwist ta’ ikel lokali ta’ kwalità u swieq lokali għall-bdiewa;
31. Jiġbed l-attenzjoni fuq l-irwol tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fl-iżvilupp rurali u l-kontribut li jagħtu għall-konverġenza fil-livelli reġjonali u lokali; jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex ipoġġu enfasi fuq it-tisħiħ tal-kompetittività billi jassistu wkoll setturi oħra produttivi u biex iħeġġu l-ispirtu intraprenditorjali fiz-zoni rurali, b'mod partikolari billi jiġu eliminati l-ostakli amministrattivi, legali u dawk li għandhom x'jaqsmu mal-ippjanar, u b'hekk jipprovdu infrastruttura adegwata tal-informatika u jżidu l-inċentivi biex jitnedew attivitajiet intraprenditorjali ġodda kif ukoll biex joffru iktar appoġġ għal attivitajiet nonagrikoli filwaqt li jħeġġu d-diversifikazzjoni ekonomika f'dawn iz-zoni;
32. Għal darb’oħra jerġa’ jiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali għall-isfida enormi li qiegħed joħloq l-għejbien li kien ġie previst ta’ diversi miljuni ta’ negozji rurali żgħar, li se jkollu impatt kbir fuq l-impjiegi u għalhekk fuq l-istabilità tal-kampanja; jitlob li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u fuq kull livell, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba ekonomiċi u soċjali;
33. Jinnota li d-diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-politika għall-iżvilupp rurali tirriżulta mill-interferenzi bejn il-politiki settorjali u l-politika tal-koeżjoni territorjali, kif ukoll l-interferenzi bejn l-aspetti ekonomiċi u soċjali taż-żewġ tipi ta' politika, u mill-varjetà wiesgħa ta' sistemi ta' allokazzjoni tar-responsabilità u tal-koordinazzjoni tal-politika użati fl-Istati Membri, f'dan ir-rigward jenfasizza għal darb'oħra n-neċessità li jinħolqu sinerġiji bejn l-EAFRD u l-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni u jitlob lill-Kummissjoni biex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jifhmu sew il-possibilitajiet offruti minn dawn l-istrumenti finanzjarji;
jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkun hemm djalogu bejn l-awtoritajiet amministrattivi sabiex joħolqu sinerġiji bejn l-interventi tal-fondi differenti u jittejbu l-effikaċja tagħhom;
34. Huwa tal-opinjoni li, qabel ma ssir riforma tal-iffinanzjar tal-iżvilupp rurali, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni dettaljata tal-politiki settorjali kollha li jħallu impatt fuq zoni rurali, u notevolment fuq il-CAP u l-politika reġjonali, fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni u li għandu jitfassal sett tal-aħjar prattiki għall-politika għall-iżvilupp rurali fit-totalità tagħha;
35. Jitlob lill-Kunsill biex isejjaħ laqgħa konġunta informali tal-Ministri responsabbli għall-agrikoltura u l-politika reġjonali biex jiddiskutu l-aħjar mod ta' kif jikkoordinaw politika ta' koeżjoni u miżuri ta' żvilupp rurali, u biex jistieden f'din il-laqgħa lill-korpi konsultattivi tal-UE (Kumitat tar-Reġjunijiet u Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew), kif ukoll rappreżentattivi tal-awtoritajiet reġjonali u lokali;
36. Jitlob li sal-2011 il-Kummissjoni, toħloq grupp ta' ħidma ta' livell għoli fil-qafas tal-Kontroll tas-Saħħa tal-Politika Agrikola Komuni, li jkollu jħejji proposti mmirati biex jiżguraw il-futur tal-ekonomija rurali u tal-popolazzjonijiet kollha taz-zoni rurali wara l-2013;
37. Jitlob lill-Kummissjoni biex tintroduċi jew issaħħaħ governanza ġenwina jew arranġamenti ta' sħubija fil-livelli kollha, bl-involviment dirett tal-partijiet kollha involuti, inklużi l-SMEs u l-mikrointrapriżi, kif ukoll l-imsieħba ekonomiċi u soċjali, bl-għan li jiġu ddefiniti l-prijoritajiet għall-aħjar azzjoni adattata għall-ħtiġijiet ta’ żvilupp taz-zoni rurali;
38. Jinnota li l-proċess tal-iżvilupp rurali għandu jkun irrikonċiljat mal-interessi taz-zoni suburbani u għandu jkun ikkoordinat mill-qrib mal-promozzjoni tal-iżvilupp urban, u jenfasizza li s-sinerġiji bejn il-politiki għall-iżvilupp rurali u għall-iżvilupp urban la huma suffiċjenti u lanqas effettivi;
39. Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-komunità rurali biex tagħti kontribut pożittiv għall-ambjent permezz tal-impenn tagħha f'attivitajiet li mhumiex ta' ħsara għall-ambjent u l-iżvilupp ta’ sorsi alternattivi ta' enerġija bħalma huma l-bijokarburanti, speċjalment billi jitqiesu l-erba' sfidi ġodda deskritti fil-politika għall-iżvilupp rurali tal-Ispezzjoni tas-Saħħa, bħalma huma l-bijodiversità u l-enerġiji li jiġġeddu;
40. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
Ir-riforma tal-politika strutturali għall-perjodu 2007-2013 ġabet magħha tibdil fl-arranġamenti ta' l-iffinanzjar u l-bażi għall-allokazzjoni ta' għajnuna skond din il-politika.
Bidla importanti kienet il-ħolqien ta' Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali ġdid (EAFRD) marbut mal-Politika Agrikola Komuni (CAP).
Billi l-Perspettiva Finanzjarja 2000-2006 rabtet l-iffinanzjar għall-iżvilupp rurali mal-Fondi Strutturali u l-Politika ta' Koeżjoni, li tisseparaha mill-iffinanzjar tas-CAP, skond il-qafas finanzjarju 2007-2013 il-ġdid, l-EAFRD jifforma parti mill-allokazzjonijiet marbuta mas-CAP u b'konsegwenza nqatgħet minn mal-Politika ta' Koeżjoni.
L-għan tal-leġiżlaturi fis-separazzjoni ta' l-EAFRD mill-Fondi Strutturali l-oħra u fir-rabta tiegħu mas-CAP kien li jitħaffef l-użu ta' dan it-tip ta' ffinanzjar u biex isir eħfef li jiġi integrat approċċ integrat fiż-żoni rurali.
Il-punt ewlieni għas-suċċess ta' dan it-tibdil, madankollu, kien il-koordinazzjoni adegwata ta' għajnuna minn fondi varji, b'mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), il-Fond ta' Koeżjoni (CF) u l-Fond Soċjali Ewropew (ESF), u l-komplimentarjetà tagħhom.
Wara l-introduzzjoni ta' dan it-tibdil, toħroġ il-mistoqsija dwar jekk din is-separazzjoni attwalment wasslitx għal użu iżjed effettiv ta' l-iffinanzjar effettiv.
Ir-rabta tal-politika agrikola komuni ma' l-iffinanzjar għall-iżvilupp tirrappreżenta simplifikazzjoni ta' arranġamenti baġitarji fl-apparenza biss. Fil-verità dan ifisser is-separazzjoni ta' l-iffinanzjar mhux agrikolu mill-iskop tal-politika ta' koeżjoni u minn perspettiva usa' ta' l-iżvilupp reġjonali u, b'riżultat ta' dan, jew id-duplikazzjoni ta' ċertu objettivi (eż. ħarsien ambjentali u edukazzjoni) jew it-tneħħija tagħhom fiż-żewġ oqsma.
Għalhekk hemm riskju li minħabba limitazzjonijiet baġitarji eżistenti, l-iffinazjar disponibbli skond l-ERDF se jintuża fil-maġġoranza tiegħu biex tissaħħaħ il-kompetittività ekonomika f'ċentri urbani ikbar jew fir-reġjuni l-iktar dinamiċi, filwaqt li l-iffinanzjar ta' l-EAFRD se jikkonċentra fuq it-titjib tal-kompetittività agrikola.
F'din is-sitwazzjoni, l-infiq fuq l-appoġġ għal attivitajiet mhux agrikoli u l-iżvilupp ta' l-SMEs f'żoni rurali jaqa' bejn iż-żewġ fondi u ma jkunx kopert mill-ebda wieħed minnhom.
Jista' jkun hemm ukoll nuqqas ta' ffinanzjar biex jiġu żgurati s-servizzi pubbliċi bażiċi u l-investiment fl-infrastruttura f'żoni rurali, li l-Fond ta' Koeżjoni huwa intenzjonat ukoll li jikkontribwixxi lejnhom.
F'dan il-kuntest, qed issir importanti, b'mod partikolari, li titfassal strateġija ta' l-iżvilupp rurali trasparenti u fuq tul ta' żmien twil, sabiex tkun kapaċi tidentifika b'mod ċar il-prijoritajiet u l-objettivi ta' l-iżvilupp rurali u li għalihom jiġu adottati s-sorsi varji ta' l-iffinanzjar disponibbli.
Ir-rabta tat-tieni pilastru mal-miżuri tal-politika ta' koeżjoni, madankollu, jeħtieġu l-koordinazzjoni mill-qrib ta' l-attivitajiet fil-livell nazzjonali.
Barra minn hekk, hemm bżonn li jiġu eżaminati fatturi addizzjonali li jaffettwaw l-iżvilupp u l-mezz li bih jiġi ffinanzjat l-iżvilupp rurali.
1. X'jikkostitwixxi żona rurali għad irid jiġi definit bi preċiżjoni. Dan ifisser li meta wieħed jitkellem dwar żvilupp rurali, huwa essenzjali li jaħseb dwar kif iż-żoni rurali jistgħu jiġu definiti skond il-karatteristiċi u l-objettivi ta' l-iżvilupp tagħhom.
Tradizzjonalment, iż-żoni rurali jistgħu ikunu ddifferenzjati miż-żoni urbani permezz ta' densità tal-popolazzjoni iżjed baxxa, strutturi ta' l-impjieg differenti, livelli tad-dħul iktar baxxi u agħar aċċess għall-prodotti pubbliċi. Mil-lat ta' koeżjoni territorjali, densita' tal-popolazzjoni iktar baxxa m'għandhiex tkun karatteristika deċiżiva.
Wieħed mill-għanijiet ta' l-iżvilupp ta' l-Unjoni huwa li jiġu mmodernizzati l-istrutturi soċjali, inklużi l-istrutturi ta' l-impjieg. Huwa possibbli li tiżdied il-koeżjoni territorjali, għalhekk billi jiġu allinjati l-istrutturi ta' l-impjieg f'żoni rurali u urbani. Il-livell ta' dħul u aċċess għall-prodotti pubbliċi għalhekk jibqgħu l-ikbar sfidi għall-koeżjoni territorjali u jistgħu jkunu mtejba bl-iżjed mod effettivi permezz ta' appoġġ għall-attivitajiet mhux agrikoli f'komunitajiet rurali. Il-miżuri ta' l-iżvilupp rurali m'għandhomx, madankollu, jixorbu r-riżorsi intenzjonati għall-pagament dirett lill-bdiewa.
2. Tibdil sostanzjali għall-politika agrikola komuni ta' l-Unjoni Ewropea għandu jkun mistenni fil-ftit snin li ġejjin. L-ewwel opportunità biex isir xi tibdil jista' jkun il-Kontroll tas-Saħħa CAP. F'tilwim preċedenti dwar l-istruttura tas-CAP, iddominat l-idea li dan l-iffinanzjar qed isaħħaħ id-diversifikazzjoni ta' l-ekonomija ta' l-UE filwaqt li qed ifalli milli jsaħħaħ il-kompetittività tagħha. Taħt il-politika finanzjarja preżenti ta' l-Unjoni, din l-idea hija parzjalment iġġustifikata, imma fil-verità tiddependi fuq kif jintnefaq l-iffinanzjar ta' l-Unjoni. L-objettivi tal-politika ta' l-iżvilupp rurali m'għandhomx bżonn, b'mod partikolari, li jkunu kontra l-miri ta' Liżbona sakemm dan l-iżvilupp ikun ibbażat fuq l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tal-kompetittività relattiva (effettività aħjar fir-rigward ta' l-infiq), b'mod partikolari fl-ipproċessar ta' l-ikel lokali u l-iżvilupp ta' l-infrastruttura u s-servizzi, bħal ma huma t-turiżmu, l-edukazzjoni u l-ħarsien ambjentali.
3. Fir-rigward ta' l-EAFRD, il-prijoritajiet li ġejjin ġew identifikati għall-perjodu 2007-2013: 1. It-titjib tal-kompetittività tas-setturi agrikoli u tal-forestrija. 2. It-titjib ta' l-ambjent u tal-pajsaġġ. 3. It-titjib tal-kwalità tal-ħajja f'żoni rurali u t-tħeġġiġ tad-diversifikazzjoni. 4. Il-bini tal-kapaċità lokali għall-impjieg u d-diversifikazzjoni (LEADER). Madankollu hemm il-problema ta' jekk it-tieni pilastru tas-CAP għandux jibqa' mekkaniżmu 'politikament korrett' għall-appoġġ agrikolu indirett. L-iffinanzjar għandu wkoll jimmira għall-benefiċjarji rurali barra mis-settur u l-benefiċjarji agrikoli li, filwaqt li jibqgħu f'żoni rurali, jiċċaqalqu mill-agrikultura għal setturi oħra ta' xogħol? Li l-iżvilupp rurali jibqa' fl-iskop tas-CAP ma jfissirx li l-bdiewa se jiċċaħħdu minn metodi preċedenti ta' l-iffinanzjar ta' l-Unjoni?
4. Wieħed mis-sorsi ewlenin ta' tilwim fid-dibattitu tas-CAP se jkun il-livell ta' pagamenti diretti għall-agrikultura (l-ewwel pilastru) u l-livell ta' kofinanzjament nazzjonali minħabba l-isforzi biex tkun ippreżervata n-natura tas-CAP tal-Komunità. Il-proposta tal-Kummissjoni biex jitnaqqsu l-pagamenti diretti għal irziezet kbar u biex jissaħħaħ it-tieni pilastru tas-CAP, jiġifieri l-iżvilupp rurali, għandha titqies billi tiżdied ir-rata ta' modulazzjoni.
5. Id-diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-politika ta' l-iżvilupp rurali huma r-riżultat tas-separazzjoni tal-politiki settorjali mill-politika ta' koeżjoni territorjali u s-separazzjoni ta' l-aspetti ekonomiċi u soċjali taż-żewġ politiki. Dan jagħti spjegazzjoni għall-enfasi viżibbli li sar s'issa fuq id-diviżjoni tar-responsabilitajiet iżjed milli l-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet. L-għan tal-koordinazzjoni, madankollu, għandu jkun preċiżament li jiġi żgurat approċċ kombinat fl-użu ta' l-iffinanzjar. Fl-Istati Membri individwali, jeżistu ħafna mudelli għall-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet relatati ma' l-allokazzjoni ta' l-iffinanzjar għall-miżuri ta' l-iżvilupp rurali. Hija dikjarazzjoni diffiċli li s-soluzzjoni ta' pajjiż partikolari tista' sservi bħala mudell għal pajjiżi oħra. Jidher li x-xewqa politika tista' tkun iżjed deċiżiva f'dak li hu l-iżgurar tas-suċċess milli xi arranġament organizzattiv.
Soluzzjoni xierqa tista' għalhekk tkun li jiġi applikat il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni għal dan l-aspett ta' koperazzjoni fil-livell ta' l-Unjoni.
Madankollu, għandu jkun ċar li l-politika ta' l-iżvilupp rurali għandha influwenza kbira fuq il-koeżjoni territorjali. Għal din ir-raġuni, ma tidhirx ġustifikabbli li jiġu sseparati l-miżuri ta' l-iżvilupp rurali mill-politika ta' koeżjoni u ta' l-iżvilupp rurali. Din il-politika qiegħda f'pożizzjoni aħjar mis-CAP li tgħin fl-aspetti mhux agrikoli ta' l-iżvilupp rurali, bħal per eżempju għat-taħriġ mill-ġdid tan-nies għal xogħol f'żoni iżjed produttivi ta' l-ekonomija.
Safrattant, l-inklużjoni tal-politika ta' l-iżvilupp rurali fil-politika ta' koeżjoni u ta' l-iżvilupp rurali hija biss possibbli bil-kundizzjoni li l-iżvilupp rurali jirċievi fondi adegwati u li dan l-iffinanzjar jintuża b'mod konformi mal-prijoritajiet stipulati għaż-żoni rurali.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (11.9.2008)
għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
dwar il-komplementarjetà u l-koordinazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u tal-miżuri għall-iżvilupp rurali
(2008/2100(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Bernadette Bourzai
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Iqis li l-allokazzjoni tal-Fondi Strutturali għall-objettivi tal-Istrateġija ta’ Liżbona għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 għandha tikkunsidra l-elementi partikulari tar-reġjuni għaliex inkella tkun qed tirriskja li tagħmel ħsara lill-objettivi ta’ koeżjoni territorjali u lill-mitigazzjoni tad-disparitajiet reġjonali;
2. Jisħaq li l-politika għall-iżvilupp rurali għandha takkumpanja u tikkompleta l-miżuri tal-Politika Agrikola Komuni, billi tqis l-objettivi ġenerali tagħha, bħaż-żieda tal-produzzjoni agrikola, l-appoġġ għad-dħul agrikolu, l-istabbilizzazzjoni tas-swieq u l-garanzija tal-provvista u tas-suffiċjenza tal-ikel;
3. Jissottolinja li z-zoni rurali qed jirriskjaw li jsibuha diffiċli biex jadattaw ruħhom għal dan l-orjentament il-ġdid tal-politika reġjonali minħabba l-karatteristiċi tagħhom: popolazzjoni li qed tixjieħ, aċċessibilità diffiċli minħabba netwerks insuffiċjenti ta’ komunikazzjoni u ta’ trasport, esodu kontinwu mill-inħawi rurali, livelli aktar baxxi ta' kwalifiki tal-popolazzjonijiet rurali, in-nuqqas ta' infrastruttura u ta’ servizzi pubbliċi, il-pluriattività tal-parteċipanti rurali, in-nuqqas ta' makkinarju għat-twettiq tal-proġetti u taċ-ċentri ta’ kompetenza li jiġbru flimkien intrapriżi u istituzzjonijiet ta’ tagħlim u ta’ riċerka;
4. Ifakkar, f'dan ir-rigward, li r-reġjuni kollha tal-Unjoni, fit-totalità tagħhom, inklużi z-zoni rurali u dawk imbiegħda, bħala regola ġenerali għandhom jibbenefikaw mill-istess possibilitajiet ta' żvilupp sabiex tkun evitata aktar esklużjoni territorjali taz-zoni l-aktar żvantaġġati;
5. Jissottolinja li, f'numru kbir ta' zoni rurali, id-diffikultajiet ta' aċċess għas-servizzi pubbliċi, in-nuqqas ta' impjiegi u l-piramida tal-età jnaqqsu l-potenzjal ta’ żvilupp, b’mod partikulari l-possibilitajiet għaż-żgħażagħ u għan-nisa;
6. Jisħaq li, f'ċerti zoni, m'hemmx soluzzjonijiet alternattivi għal ċerti forom determinati ta' produzzjoni agrikola u li dawn spiss ikollhom jinżammu, ikunu xi jkunu l-iżvantaġġi, għal raġunijiet ta' politika ambjentali u reġjonali, b'mod partikolari f’dak li jikkonċerna r-reġjuni rurali mbiegħda u muntanjużi, li qed jġarrbu deżertifikazzjoni;
7. Ifakkar li l-Kunsill Ewropew ta’ Göteborg tal-15 u s-16 ta’ Ġunju 2001 wessa’ l-objettivi ta’ Liżbona fir-rigward tal-ideat ta’ sostenibilità u ta’ koeżjoni u li l-politika ta’ żvilupp rurali hi mmirata proprju lejn il-ħolqien ta’ agrikoltura sostenibbli, iż-żamma tal-attivitajiet rurali mhux agrikoli, il-valutazzjoni tal-potenzjal tal-iżvilupp lokali, il-ħarsien tal-ambjent, l-iżvilupp ibbilanċjat tat-territorji u l-iżvilupp tal-intrapriżi ta’ daqs żħir u medju;
8. Jisħaq li ma jistax jinkiseb żvilupp territorjali sostenibbli u bbilanċjat sakemm l-interazzjoni bejn iz-zoni rurali u dawk urbani – pereżempju fl-oqsma tat-taħriġ, tal-integrazzjoni, tal-provvista tal-ikel, tat-trattament tal-iskart, tal-konsum tal-enerġija u tal-protezzjoni tal-ambjent – ma tkunx ibbażata fuq rappreżentanza bbilanċjata tal-interessi territorjali rurali u urbani; Jisħaq, barra minn dan, li l-programmi speċifiċi għalhekk għandhom ikunu ddedikati għar-relazzjonijiet bejn l-ibliet u l-kampanja;
9. Iqis li l-kwistjonijiet li l-ambjent rurali se jkollu jħabbat wiċċu magħhom jeħtieġu politika ta' żvilupp ibbilanċjata li tintegra l-parteċipanti ekonomiċi u soċjali kollha, inklużi l-intrapriżi żgħar u l-mikrointrapriżi tal-produzzjoni u tas-servizzi, b’kunsiderazzjoni tal-irwol tagħhom fl-iżvilupp integrat tat-territorji;
10. Iqis li, fil-każ tal-Istati Membri l-ġodda, il-politika ta' żvilupp rurali għandu jkollha l-għan b’mod partikulari li ttejjeb ir-rendiment tal-agrikoltura u li tnaqqas id-differenzi fl-iżvilupp ekonomiku li jeżistu bejn iz-zoni rurali u z-zoni urbani, anke billi tappoġġja l-attivitajiet mhux agrikoli, li hu objettiv li jista' jintlaħaq b'mod partikulari bl-użu tal-Fondi Strutturali;
11. Jemmen li l-irwol tal-UE huwa li, speċjalment fl-Istati Membri l-ġodda, tiffaċilita r-ristrutturazzjoni tas-settur agrikolu, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli, u r-relazzjonijiet bbilanċjati bejn iz-zoni rurali u z-zoni urbani;
12. Jilqa’ l-ambizzjonijiet stipulati fit-Tieni Konferenza Ewropea dwar l-Iżvilupp Rurali li saret f’Salzburg fl-2003, iżda jiddispjaċih mill-fatt li l-iffinanzjar mogħti skont it-tieni pilastru tal-Politika Agrikola Komuni mill-aħħar prospettivi finanzjarji tant kellu tnaqqis sinifikanti li qed jirriskja li joħloq ineffiċjenza u diviżjoni bejn il-bdiewa u n-nies li jgħixu fiz-zoni rurali;
13. Hu tal-fehma li, fl-Istati l-Membri l-ġodda, sabiex dawn ikunu jistgħu jikkonsolidaw l-istrutturi agrikoli tagħhom, it-tieni pilastru m'għandux ikun ikkonsolidat permezz tat-trasferiment ta’ fondi mill-ewwel pilastru, imma permezz tal-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta’ Koeżjoni għall-programmi ta' żvilupp rurali;
14. Jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tevalwa l-istrumenti kollha użati għall-implimentazzjoni u għat-twettiq finanzjarji tal-ipprogrammar tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Fond Soċjali Ewropew, reġjun b’reġjun, sabiex tivverifika li l-għoti tal-fondi tagħmilha possibbli li z-zoni rurali jiġu żviluppati bl-aħjar mod;
15. Itenni t-talba tal-Parlament Ewropew li ssir analiżi preċiża tal-vantaġġi għad-diversi parteċipanti ekonomiċi rurali, agrikoli u mhux, kif ukoll tar-riżultati miksuba, b’mod partikulari fil-qasam tal-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi; jerġa’ jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel studju preċiż reġjun b’reġjun li jagħmilha possibbli li jiġu determinati l-bżonnijiet ta' appoġġ ta' dawn il-parteċipanti bl-għan li l-politika rurali l-ġdida tkun definita fuq bażijiet koerenti;
16. Iqis li huwa meħtieġ li jissaħħu t-tmexxija u s-sħubija permezz ta’ konċertazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-imsieħba ekonomiċi u soċjali fil-livell Ewropew, f’dak nazzjonali u f’dak lokali bil-ħsieb li jiġu definiti, implimentati u segwiti l-politiki rurali territorjali;
17. Jipproponi li, mill-perjodu ta' finanzjament li jibda fl-2014, il-Fondi Strutturali jiġu adattati aħjar għall-interessi taz-zoni rurali u li l-politika ta’ għajnuna fil-qafas tat-tieni pilastru tal-Politika Agrikola Komuni, lil hinn mis-settur agrikolu, xorta tiġi trasformata f’politika integrata favur iz-zoni rurali; jitlob li s-sinerġiji bejn il-Politika Agrikola Komuni u l-politika ta' koeżjoni jissaħħu b’dan il-mod; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jkun hemm koordinazzjoni aħjar ta’ dawn iż-żewġ politiki sabiex jiġu preferuti s-sinerġiji u l-komplementarjetajiet bejn il-politika reġjonali u l-politika għall-iżvilupp rurali, b'tali mod li jkun possibbli li l-objettivi tagħhom jitwettqu b'mod komplut u integrat;
18. Jiġbed l-attenzjoni li hemm bżonn li titħejja strateġija koerenti għall-iżvilupp rurali fiż-tul, sabiex ikun iffaċilitat l-użu l-aktar effettiva u effi1jenti tal-finanzjamenti kollha disponibbli;
19. Jitlob li sal-2011 il-Kummissjoni, fil-qafas tal-Kontroll tal-Saħħa tal-Politika Agrikola Komuni, toħloq grupp ta' ħidma ta' livell għoli li jħejji proposti mmirati biex jiżguraw il-futur tal-ekonomija rurali u tal-popolazzjonijiet kollha taz-zoni rurali wara l-2013.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
10.9.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
31 1 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Bernadette Bourzai, Niels Busk, Luis Manuel Capoulas Santos, Giuseppe Castiglione, Giovanna Corda, Albert Deß, Constantin Dumitriu, Michl Ebner, Ioannis Gklavakis, Lutz Goepel, Friedrich-Wilhelm Graefe zu Baringdorf, Esther Herranz García, Lily Jacobs, Elisabeth Jeggle, Heinz Kindermann, Stéphane Le Foll, Mairead McGuinness, Rosa Miguélez Ramos, James Nicholson, Neil Parish, María Isabel Salinas García, Agnes Schierhuber, Willem Schuth, Alyn Smith, Andrzej Tomasz Zapałowski |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Katerina Batzeli, Gábor Harangozó, Astrid Lulling, Hans-Peter Mayer, Catherine Neris, Markus Pieper, Kyösti Virrankoski |
|||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
20.1.2009 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
46 0 2 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Emmanouil Angelakas, Stavros Arnaoutakis, Elspeth Attwooll, Jean Marie Beaupuy, Rolf Berend, Jana Bobošíková, Victor Boştinaru, Wolfgang Bulfon, Giorgio Carollo, Antonio De Blasio, Gerardo Galeote, Iratxe García Pérez, Eugenijus Gentvilas, Monica Giuntini, Ambroise Guellec, Jim Higgins, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Mieczysław Edmund Janowski, Rumiana Jeleva, Gisela Kallenbach, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Miloš Koterec, Constanze Angela Krehl, Florencio Luque Aguilar, Jamila Madeira, Sérgio Marques, Yiannakis Matsis, Miroslav Mikolášik, James Nicholson, Jan Olbrycht, Maria Petre, Markus Pieper, Pierre Pribetich, Giovanni Robusti, Wojciech Roszkowski, Grażyna Staniszewska, Catherine Stihler, Andrzej Jan Szejna, Oldřich Vlasák, Vladimír Železný |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Domenico Antonio Basile, Brigitte Douay, Madeleine Jouye de Grandmaison, Zita Pleštinská, Samuli Pohjamo, Richard Seeber |
|||||