RAPPORT b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar to submit a proposal for a regulation of the European Parliament and of the Council on the implementation of the citizens' initiative
3.2.2009 - (2008/2169(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Sylvia-Yvonne Kaufmann
(Inizjattiva – Artikolu 39 tar-Regoli tal-Proċedura)
- MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
- ANNESS MAL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI:RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI GĦAL REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL DWAR IL-PROĊEDURI U L-KUNDIZZJONIJIET GĦAL INIZJATTIVA TAĊ-ĊITTADINI
- NOTA SPJEGATTIVA
- OPINJONI tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar għal proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 192, it-tieni paragrafu, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
– wara li kkunsidra t-Trattat ta’ Liżbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, iffirmat ġo Liżbona, fit-13 ta’ Diċembru 2007,
– wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu fl-20 ta’ Frar 2008 fit-Trattat ta’ Liżbona[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu fid-19 ta’ Jannar 2006 fuq il-perijodu ta’ riflessjoni: l-istruttura, is-suġġetti u l-kuntest għal evalwazzjoni tad-dibattitu fuq l-Unjoni Ewropea[3],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 39 u 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Petizzjonijiet (A6 0043/2009),
A. billi t-Trattat ta’ Liżbona jintroduċi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini, li permezz tagħha ċ-ċittadini tal-Unjoni, li jlaħħqu mhux inqas minn miljun ruħ u li huma ċittadini ta' għadd sinifikanti ta' Stati Membri, jistgħu jieħdu l-inizjattiva li jistiednu lill-Kummissjoni, fil-qafas tas-setgħat tagħha, biex tressaq kwalunkwe proposta xierqa dwar kwistjonijiet li fihom iċ-ċittadini jqisu li jkun jeħtieġ strument legali tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati t-Trattati – Artikolu 11(4) tat-Trattat tal-UE fit-test il-ġdid (‘TUE tġ’),
B. billi miljun ċittadin tal-Unjoni b’hekk ser jiksbu l-istess dritt, li bih jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva, li kellu l-Kunsill mit-twaqqif tal-Komunità Ewropea fl-1957 (oriġinarjament l-Artikolu 152 tat-Trattat dwar il-KEE, illum l-Artikolu 208 tat-Trattat KE, fil-ġejjieni l-Artikolu 241 tat-Trattat dwar li jistabbilixxi il-Funzjoni tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”)), u li kellu l-Parlament Ewropew mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Maastricht fl-1993 (illum l-Artikolu 192 tat-Trattat KE, fil-ġejjieni l-Artikolu 225 TFUE),
C. billi b’hekk iċ-ċittadini ser jieħdu sehem fl-eżerċizzju tal-poter sovran tal-Unjoni Ewropea għall-ewwel darba billi jiġu involuti b’mod dirett fil-bidu tat-tfassil tal-proposti leġiżlattivi Ewropew,
D. billi l-Artikolu 11(4)4 tat-TUEtġ għandu l-għan li jistabbilixi dritt individwali għal parteċipazzjoni f’inizjattiva taċ-ċittadini, bħala konsegwenza speċjali tad-dritt tal-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni skont l-Artikolu 10(3) tat-TUEtġ,
E. billi d-dritt tal-inizjattiva spiss jitħawwad mad-dritt tal-petizzjoni; billi jeħtieġ li jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu konxji bis-sħiħ mid-distinzjoni bejn iż-żewġ drittijiet, speċjalment peress li petizzjoni tintbagħat lill-Parlament filwaqt li inizjattiva tal-Kummissjoni tirrigwarda lill-Kummissjoni,
F. billi l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri huma mistennija jistabbilixxu kundizzjonijiet għall-eżerċizzju bla xkiel, trasparenti u effettiv tad-dritt tal-partiċipazzjoni taċ-ċittadini,
G. billi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet tal-inizjattiva taċ-ċittadini, inkluż l-għadd minimu ta’ Stati Membri minfejn għandhom ikunu ċ-ċittadini li jipparteċipaw f’din l-inizjattiva, ser jiġu stabbiliti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont il-proċedura leġiżlattiva xierqa permezz ta’ Regolament (l-Artikolu 24(1) TFUE),
H. billi meta dak ir-regolament ikun adottat u implimentat, ser jiġu żgurati b’mod partikulari d-drittijiet bażiċi għal ugwaljanza, għal amministrazzjoni tajba u għal protezzjoni legali,
Għadd minimu ta’ Stati Membri
I. billi għandu “l-għadd minimu ta’ Stati Membri li minnhom għandhom jiġu ċ-ċittadini li jkunu jistgħu jipparteċipaw f’din l-inizjattiva” (l-Artikolu 24(1) TFUE) għandu jkun “għadd sinifikanti ta’ Stati Membri” (l-Artikolu 11(4)TUEtġ);
J. billi l-għadd minimu ta’ Stati Membri m’għandux isir b’mod arbitrarju, iżda għandu jkun orjentat skont l-għan ta’ dan ir-regolament u għandu jiġi interpretat b’riferenza għal dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat, sabiex jiġu evitati inkonsistenzi fl-interpretazzjoni;
K. billi l-għan ta’ dan ir-regolamet huwa li jiżgura li l-punt tat-tluq tal-proċess leġiżlattiv Ewropew ma jkunx influwenzat mill-interessi partikulari ta’ stati individwali, iżda minn interess Ewropew ġenerali;
L. billi l-Artikolu 76 tal-TFUE jindika li proposta leġiżlattiva li jkollha l-appoġġ ta’ Stat Membru minn kull erbgħa tista’ titqies li tkun qiegħda tqis b’mod suffiċjenti l-interess ġenerali Ewropew; billi, għalhekk, għad minimu bħal dan jista’ jitqies bħala wieħed li ma jistax jiġi kkontestat,
M. billi l-għan ta’ dan ir-regolament jintlaħaq biss jekk jintrabat ma’ għadd minimu ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ minn kull wieħed minn dawn l-Istati Membri,
N. billi mill-Artikolu 11(4) tat-TUEtġ, li jispeċifika ċ-ċifra ta’ miljun ċittadin tal-Unjoni, jista’ jiġi konkluż li minn popolazzjoni ta’ madwar 500 miljun ruħ, 1/500 tal-popolazzjoni għandu jitqies bħala rappreżentattiv,
L-età minima tal-parteċipanti
O. billi l-Artikolu 11(4) tat-TUEtġ japplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni kollha,
P. billi, madankollu, kull restrizzjoni fuq id-dritt għal parteċipazzjoni demokratika u kull trattament ugwali fuq bażi ta’ età għandhom ikunu konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità,
Q. billi, barra minn hekk, huwa mixtieq li jiġu evitati inkonsistenzi fl-interpretazzjonijiet, li jirriżultaw pereżempju, meta l-età minima għall-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej fi Stat Membru tkun iżjed baxxa mill-età minima għall-parteċipazzjoni fl-inizjattiva taċ-ċittadini,
Proċedura
R. billi l-Kummissjoni permezz ta’ inizjattiva taċ-ċittadini li tkun ta’ suċċess tkun obbligata, li tindirizza l-ilmenti tagħhom u li tiddeċiedi, jekk u sa liema estent għandha tissottometti proposta xierqa għal strument legali,
S. billi jkun prudenti li l-inizjattivi jirreferu għal bażi legali waħda jew aktar minn waħda għat-tressiq tal-proposta għal att legali mill-Kummissjoni,
T. billi inizjattiva taċ-ċittadini tista' tipproċedi biss jekk tkun ammissibbli, sakemm:
· tinkludi t-talba tal-Kummissjoni li titressaq proposta dwar strument legali tal-Unjoni,
· l-Unjoni jkollha awtorità leġiżlattiva, u l-Kummissjoni jkollha d-dritt li tressaq proposti fil-każ inkwistjoni, u
· l-istrument legali li ma jkunx jidher b’mod ċar li jmur kontra l-prinċipji ġenerali tal-liġi kif applikati fl-Unjoni Ewropea,
U. billi inizjattiva taċ-ċittadini tirnexxi biss jekk tkun aċċettabbli fis-sens mogħti hawn fuq u rappreżentattiva, fis-sens li tkun appoġġjata minn talinqas miljun ċittadin minn għadd sinifikanti ta’ Stati Membri,
V. billi huwa x-xogħol tal-Kummissjoni li teżamina, jekk il-kundizzjonijiet għal inizjattiva taċ-ċittadini biex tkun suċċess jkunux preżenti jew le,
W. billi għall-organizzazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini huwa mixtieq ħafna li qabel il-ġbir ta’ dikjarazjonijiet ta’ appoġġ, ikun hemm ċertezza legali dwar l-ammissibiltà tal-inizjattiva taċ-ċittadini,
X. billi x-xogħol ta’ eżaminazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ ma jistax isir mill-Kummissjoni u għalhekk għandu jkun eżerċitat mill-Istati Membri; billi, madankollu, l-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw minn dan jestendu biss għal inizjattivi fil-qafas tal-Artiklu 11(4) TUEtġ u taħt l-ebda ċirkostanza għal inizjattivi li ma jkunux ammissibbli minħabba r-raġunijiet mogħtija; billi huwa għalhekk meħtieġ li l-Istati Membri, anke qabel ma jibdew jinġabru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ, ikollhom ċertezza legali rigward l-ammissibilità tal-inizjattiva taċ-ċittadini,
Y. billi l-verifika tal-ammissibilità tal-inizjattiva taċ-ċittadini mill-Kummissjoni hija madankollu ristretta esklussivament għall-kwistjonijiet legali diġà msemmija u taħt l-ebda ċikustanza ma jistgħu jinkludu kunsidarezzjonijiet ta’ espedjenti politiċi; billi dan se jiżgura li l-Kummissjoni ma tkunx libera li tiddeċiedi abbażi ta' konsiderazzjonijiet politiċi tagħha dwar jekk inizjattiva taċ-ċittadini għandhiex tiġi ddikjarata ammissibbli jew le,
Z. billi jidher li jkun xieraq li l-proċess tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropea jinqasam fil-ħames stadji li ġejjin:
· ir-reġistrazzjoni tal-inizjattiva,
· il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ,
· it-tressiq tal-inizjattiva,
· stqarrija mill-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni tagħha,
· il-verifika li l-istrument legali mitlub ikun konsistenti mat-Trattati.
Il-prinċipju tat-trasparenza
AA. billi l-inizjattiva taċ-ċittadini huwa mezz ta' eżerċizzju tal-poter sovran pubbliku fil-qasam tal-leġiżlazzjoni u bħala tali hija suġġetta għall-prinċipju tat-trasparenza; billi dan ifisser li l-organizzaturi ta' inizjattivi taċ-ċittadini jridu jerfgħu responsabbilità pubblika għall-finanzjament tagħha, inkluzi s-sorsi ta' dan il-finanzjament,
Sorveljanza politika tal-proċess
AB. billi huwa x-xogħol politiku tal-Parlament li jissorvelja l-proċess tal-inizjattiva taċ-ċittadini,
AC. billi din ir-responsabilità tirrigwarda l-implimentazzjoni tar-regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini fiha nfisha, u tirrigwarda wkoll il-pożizzjoni politika tal-Kummissjoni fir-rigward tat-talba mressqa permezz tal-inizjattiva taċ-ċittadini,
AD. billi huwa importanti li tiġi żgurata l-kompatibilità bejn it-talbiet imressqa lill-Kummissjoni mill-inizjattiva taċ-ċittadini u l-prijoritajiet u l-proposti tal-Parlament li jkunu approvati b'mod demokratiku,
Inizjattivi kostituzzjonali taċ-ċittadini
AE. billi huwa dibattibbli jekk l-Artikolu 11(4) tat-TUEtġ jinkludix ukoll inizjattivi li jindirizzaw emendi għat-Trattat (inizjattivi taċ-ċittadini kostituzzjonali),
1. Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq bla dewmien, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona, proposta għal Regolament tal-inizjattiva taċ-ċittadini bbażata fuq l-Artikolu 24 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
2. Jitlob lill-Kummissjoni, biex f’dan ir-rigward tikkunsidra b’mod xieraq ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija fl-anness ta’ din ir-riżoluzzjoni;
3. Jitlob li r-regolament ikun ċar, sempliċi u faċli biex jintuża, u li jkun jinkludi elementi prattiċi marbuta mad-definizzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini sabiex din ma titħallatx mad-dritt li titressaq petizzjoni;
4. Jiddeċiedi li jaħseb, eżattament wara l-adozzjoni ta' dan ir-regolament, għat-twaqqif ta' sistema effettiva li tagħmel sorveljanza fuq il-proċess tal-inizjattiva taċ-ċittadini;
5. Jagħti struzzjonijiet lill-Presidenti tiegħu biex iressqu din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU C 310. 16.12 2004, p. 1.
- [2] Testi Addottati, P6_TA(2008)0055
- [3] GU C 287 E, 24.11.2006, p. 306.
ANNESS MAL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI:RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI GĦAL REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL DWAR IL-PROĊEDURI U L-KUNDIZZJONIJIET GĦAL INIZJATTIVA TAĊ-ĊITTADINI
Dwar l-iffissar tal-għadd minimu ta’ Stati Membri
1. L-għadd minimu ta’ Stati Membri li minnhom għandhom jiġu ċ-ċittadini tal-Unjoni li jipparteċipaw fl-inizjattiva taċ-ċittadini huwa twieħed minn kull erbgħa Stati Membri.
2. Dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfat biss jekk minn kull Stat Membru rilevanti talinqas 1/500 tal-popolazzjoni rispettiva jkun jappoġġja l-inizjattiva.
Dwar l-iffissar tal-età minima tal-parteċipanti
3. Kull ċittadin tal-Unjoni li jkollu jkollu d-dritt tal-vot skont il-leġiżlazzjoni ta' pajjiżu jista’ jipparteċipa fl-inizjattiva taċ-ċittadini.
Dwar l-iżvilupp tal-proċedura
4. Il-proċedura tal-inizjattiva taċ-ċittadini tikkonsisti fil-ħames stadji li ġejjin:
• ir-reġistrazzjoni tal-inizjattiva,
• il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ,
• it-tressiq tal-inizjattiva,
• stqarrija mill-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni tagħha,
• il-verifika li l-istrument legali mitlub ikun konsistenti mat-Trattati.
5. L-ewwel fażi tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej tibda bir-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini mill-organizzaturi tal-Kummissjoni u tintemm b’deċiżjoni formali tal-Kummissjoni dwar is-suċċess tar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini. Hija kkaratterizzata kif jidher hawn taħt:
(a) Inizjattiva taċ-ċittadini għandha tkun irreġistrata kif suppost mal-Kummissjioni mill-organizzaturi. Sabiex issir ir-reġistrazzjoni, l-organizzaturi għandhom jiddikjaraw isimhom, id-data tat-twelid, in-nazzjonalità u l-indirizz fejn joqgħodu, kif ukoll it-test eżatt tal-inizjattiva taċ-ċittadini f’waħda mill-ilsna uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(b) Il-Kummissjoni teżamina l-ammissibiltà formali tal-inizjattiva taċ-ċittadini rreġistrata. Inizjattiva taċ-ċittadini tkun ammissibbli b'mod formali jekk tissodisfa l-erba’ rekwiżiti li ġejjin:
· Tkun tinkludi stedina lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposta għall-adozzjoni ta’ strument legali tal-Unjoni Ewropea.
· Skont it-Trattati, li huma l-bażi tal-Unjoni, l-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza li tadotta strument legali dwar il-kwistjonijiet inkwistjoni.
· Skont it-Trattati, li huma l-bażi tal-Unjoni, l-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza li tressaq proposta għal strument legali dwar il-kwistjonijiet inkwistjoni. L-istrument legali mitlub m’għandux ikun imur kontra b’mod ċar il-prinċipji ġenerali tal-liġi kif applikati fl-Unjoni Ewropea.
B'’konformità mal-Artikolu 41 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem, il-Kummissjoni tipprovdi lill-organizzaturi l-appoġġ kollu meħtieġ sabiex tiżgura li l-inizjattivi rreġistrati jkunu tabilħaqq amissibbli. Il-Kummissjoni tgħarraf ukoll lill-organizzaturi dwar proposti leġiżlattivi mressqadwar kwisjonijiet tal-inizjattiva taċ-ċittadini kif ukoll dwar inizjattivi taċ-ċittadini li diġà jkunu rreġistrati b’suċċess, li jkunu jirrigwardaw l-istess kwistjonijiet jew parti minnhom.
(c) Fi żmien xahrejn mir-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini l-Kummissjoni hija obbligata tiddeċiedi jekk l-inizjattiva tkunx ammissibbli u jekk tistax tiġi rreġistrata. Ir-reġistrazzjoni tista' tiġi rrifjutata biss minħabba raġunijiet legali u taħt l-ebda ċirkustanza minħabba espedjenza politika.
(d) Id-deċiżjoni tkun immirata kemm lill-organizzaturi individwali u kemm lill-pubbliku ġenerali. L-organizzaturi jħabbru din id-deċiżjoni u din tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Istati Membri jiġu infurmati bid-deċiżjoni immedjatament.
(e) Id-deċiżjoni hija suġġetta għal eżaminazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Ombusdman Ewropew b’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Dritt tal-Unjoni. Dan japplika mutatis mutandis fil-każ li l-Kummissjoni tonqos milli tieħu tali deċiżjoni.
(f) Il-Kummissjoni tpoġġi fuq is-sit elettroniku tagħha li hija aċċessibbli għall-pubbliku inġenerali, lista tal-inizjattivi taċ-ċittadini li jkunu ġew irreġsitrati b’suċċess.
(g) L-organizzaturi ta’ inizjattiva taċ-ċittadini jistgħu jirtiraw l-inizjattiva f’kull mument. Imbagħad dawn l-inizjattivi jitqiesu bħala mhux imħabbra u jiġu mħassra mil-lista tal-Kummissjoni li ssemmiet hawn fuq.
6. It-tieni stadju tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini tikkonsisti fil-ġbir ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ individwali għall-inizjattiva taċ-ċittadini li tkun irreġistrata b’suċċess kif ukoll mill-konferma uffiċjali tar-riżultat ta’ din il-ġabra mill-Istati Membri. Il-karatteristiċi ewlenin tagħha huma dawn li ġejjin:
(a) L-Istati Membri jaraw li jkun hemm proċedura effettiva għall-ġbir ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ legali għal inizjattiva taċ-ċittadini u għall-konferma uffiċċjali tar-riżultati ta’ din il-ġabra.
(b) Dikjarazzjoni ta’ appoġġ tkun legali, jekk tkun saret fil-perjodu allokat għall-ġbir ta' dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ b’kunsiderazzjoni għal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Istati Membri u għad-liġi tal-UE. Il-perjodu allokat għall-ġbir ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ jammonta għal sena. Dan jibda fl-ewwel jum tat-tielet xahar, u jsegwi d-deċiżjoni li ssir wara r-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini.
(c) Kull persuna li tappoġġja l-inizjattiva għandha tistqarr l-appoġġ tagħha b’mod individwali, normalment permezz ta’ firma personali (bil-miktub jew f’ċerti sitwazzjonijiet anke b’mod elettroniku). L-istqarrija għandha turi talinqas l-isem, id-data tat-twelid, l-indirizz residenzjali tal-persuna u ċ-ċittadinanza tal-persuna li tkun qed turi l-appoġġ tagħha. Peruna li jkollha iktar minn ċittadinanza waħda għandha tindika biss waħda tal-għażla tagħha.
Id-data personali hija suġġetta għar-rekwiżiti tal-privatezza tad-data, li għandha tkun f’idejn l-organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini.
(d) L-appoġġ għal inizjattiva taċ-ċittadini jista’ jkun mistqarr darba biss. Kull stqarrija ta’ appoġġ għandu jkollha affidavit speċjali mill-persuna li tkun qed tagħti l-appoġġ, li qatt qabel ma tkun iddikjarat l-appoġġ tagħha għall-istess inizjattiva taċ-ċittadini.
(e) Kull stqarrija ta’ appoġġ tista’ titħassar matul il-perjodu allokat għall-ġbir ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ. L-istqarrija tal-appoġġ imbagħad titqies bħala mhux magħmul. Kull persuna li tagħti l-appoġġ tagħha għandha tgħarraf lill-organizzaturi. Kull stqarrija ta’ appoġġ għandu jkollha spjegazzjoni separata mill-persuna li tkun qed tagħti l-appoġġ, li hi tkun irċeviet din l-istruzzjoni.
(f) Kull persuna li toffri l-appoġġ tagħha tirċievi mingħand l-organizzatur kopja tad-dikjarazzjoni ta' appoġġ tagħha, inkluża l-kopja tal-affidavit kif ukoll spjegazzjoni dwar in-notifika tal-possibiltà ta’ revoka.
(g) Fi żmien xahrejn u wara li tkun saret il-verifika tad-dettalji tal-istqarrijiet ta’ appoġġ, , l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini konferma uffiċjali tal-għadd ta’ stqarrijiet legali ta’ appoġġ, u dawn għandhom jitniżżlu skont in-nazzjonalità tal-persuni li jkunu qed jagħtu l-appoġġ. Huma għandhom jiggarantixxu permezz ta’ miżuri adegwati li kull stqarrija ta’ appoġġ tkun ikkonfermata darba biss mill-Istati Membri u li konfermi ripetuti minn Stati Membri differenti jew minn postijiet differenti f’dawn l-Istati Membri jiġu evitati effettivament.
Id-dejta personali hija suġġetta għall-privatezza tad-dejta, li jieħdu ħsiebha l-awtoritajiet ikkonċernati tal-Istati Membri.
7. It-tielet stadju tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej tibda meta l-organizzaturi jressqu l-inizjattiva taċ-ċittadini lill-Kummissjoni u tintemm bid-deċiżjoni formali tal-Kummissjoni dwar is-suċċess tat-tressiq tal-inizjattiva taċ-ċittadini. Its main features are as follows:
(a) Inizjattiva taċ-ċttadini għandha tiġi ppreżentata mill-organizzaturi lill-Kummissjoni b’mod legali. Il-konfermi tal-Istati Membri dwar l-għadd ta’ stqarrijiet ta’ appoġġ għandhom jitressqu fi żmien il-preżentazzjoni.
(b) Il-Kummissjoni teżamina r-rappreżentattività tal-inizjattiva taċ-ċittadini mressqa. Inizjattiva taċ-ċittadini tkun rappreżentattiva jekk:
· tkun appoġġjata minn talinqas miljun ċittadin tal-Unjoni,
· li jkunu ċittadini li ġejjin talinqas minn kwart tal-Istati Membri differenti,
· l-għadd ta’ ċittadini ta’ Stat Membru jammonta għal talinqas 1/500 tal-popolazzjoni ta’ dan l-Istat Membru.
(c) Fi żmien xahrejn wara t-tressiq tal-inijattiva taċ-ċittadini, il-Kummissjoni hija obbligata tiddeċiedi dwar is-suċċess tat-tressiq. Id-deċiżjoni għandha tinkludi stqarrija dwar jekk l-inizjattiva tkun rappreżentattiva. Il-preżentazzjoni tal-inizjattiva tista' tiġi rrifjutata biss minħabba raġunijiet legali u taħt l-ebda ċirkustanza minħabba espedjenza politika.
(d) Id-deċiżjoni tkun indirizzata kemm lill-organizzaturi individwali u kemm lill-pubbliku inġenerali. L-organizzaturi jħabbru din id-deċiżjoni u din tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Istati Membri jiġu infurmati bid-deċiżjoni immedjatament.
(e) Id-deċiżjoni hija suġġetta għal eżaminazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Ombusdman Ewropew b’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal tal-liġi tal-Unjoni. Dan japplika mutatis mutandis fil-każ li l-Kummissjoni tonqos milli tieħu tali deċiżjoni.
(f) Il-Kummissjoni tpoġġi fuq is-sit elettroniku tagħha lista, li tkun aċċessibbli għall-pubbliku inġenerali, tal-inizjattivi taċ-ċittadini li jkunu ġew irreġistrati b’suċċess.
8. Ir-raba’ stadju tal-inizjattiva taċ-ċittadini tinvolvi l-istudju prattiku tal-Kummissjoni tat-talbiet tal-inizjattiva taċ-ċittadini u tintemm bi stqarrija formali tal-Kummissjoni dwar it-talba tal-inizjattiva taċ-ċittadini għal tressiq ta’ proposta għal strument legali. Il-karatteristiċi ewlenin tagħha huma dawn li ġejjin:
(a) Inizjattiva taċ-ċittadini li titressaq b’suċċess tobbliga lill-Kummissjoni tindirizza l-kontenut tat-talbiet tal-inizjattiva taċ-ċittadini.
(b) Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tistieden lill-organizzaturi tal-inizjattiva għal seduta ta' smigħ u tagħtihom iċ-ċans jispjegaw fid-dettall il-kwistjonijiet imqajma mill-inizjattiva taċ-ċittadini.
(c) Il-Kummissjoni hija obbligata tieħu deċiżjoni dwar it-talba tal-inizjattiva fi żmien tliet xhur. Jekk ma jkollhiex ħsieb tressaq proposta, għandha tispjega lill-Parlament u lill-organizzaturi r-raġunijiet tagħha.
(d) Id-deċiżjoni tkun indirizzata kemm lill-organizzaturi individwali u kemm lill-pubbliku inġenerali. L-organizzaturi jħabbru din id-deċiżjoni u din tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Istati Membri jiġu infurmati bid-deċiżjoni immedjatament.
(e) Jekk il-Kummissjoni tonqos li tieħu xi deċiżjoni dwar it-talba mressqa mill-inizjattiva taċ-ċittadini, dan ikun suġġett għal skrutinju legali mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mill-Ombudsman Ewropew b’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-UE.
Il-prinċipju tat-trasparenza
9. L-organizzaturi ta' inizizjattiva taċ-ċittadini li tkun ġiet reġistrata b'suċċess ikunu mistennija li, f''perjodu ta' żmien xieraq wara li tkun intemmet il-proċedura, jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport dwar il-finanzjament tal-inizjattiva li jkun jinkludi s-sorsi tal-finanzjament (rapport rigward it-trasparenza). Ir-rapport għandu jiġi eżaminat mill-Kummissjoni u jkun ippubblikat flimkien ma’ opinjoni.
10. Bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni għandha tibda tindirizza l-kontenut tal-inizjattiva taċ-ċittadini biss wara li jkun ġie mressaq kif suppost rapport rigward trasparenza.
NOTA SPJEGATTIVA
It-Trattat ta’ Liżbona jinkludi l-introduzzjoni tal-inizjattiva Ewropea taċ-ċittadini. Għalhekk fih innovazzjoni importanti ħafna fil-liġi kostituzzjonali Ewropea, li oriġinarjament kienet elaborata fil-Konvenzjoni Ewropea b’koperazzjoni mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi u li biss wara sforzi twal sabet postha fl-abbozz tal-kostituzzjoni tal-konvenzjoni. L-inizjattiva taċ-ċittadini tirrappreżenta strument totalment ġdid għat-tisħiħ tad-demokrazija fl-Unjoni Ewropea. Biha jkun sar l-ewwel pass għall-iżvilupp ta’ demokrazija diretta supranazzjonali u l-implimentazzjoni tagħha tkun tista’ tikkontribwixxi sabiex tkun żviluppata sfera pubblika Ewropea għall-futur imbiegħed.
Il-bażijiet legali għall-inizjattiva taċ-ċittadini jinsabu fl-Artikolu 11, paragrafu 4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (Trattat tal-UE il-verżjoni l-ġdida) u fil-ġejjieni fl-Artikolu 24, paragrafu 1 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-kundizzjonijiet u l-proċeduri li japplikaw għal din l-inizjattiva taċ-ċittadini, jiġu definiti permezz tar-regolament li għandu jkun stabbilit fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja.
I. X’inhi l-inizjattiva Ewropea taċ-ċittadini?
Wara li jidħol fis-seħħ it-Trattat ta’ Liżbona l-atti leġiżlattivi kollha tal-Unjoni Ewropea, kemm jekk f’forma ta’ Regolament, kemm ta’ Direttiva kif ukoll ta’ Deċiżjoni, jiġu stabbiliti b’mod kategoriku mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill flimkien, u fil-fatt fuq proposta tal-Kummissjoni, ara l-Artikolu 289 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-adozzjoni ta’ att legali Ewropew jeħtieġ, bħala regola, proposta tal-Kummissjoni; ara l-Artikolu 17, paragrafu 2 tat-Tratatt dwar l-UE (il-verżjoni l-ġdida).
Wara li l-Istati Membri kienu diġà ppjanaw mat-twaqqif tal-Kommunità Ekonomika Ewropea fl-1957, li l-Kunsill ikun jista’ jitlob lill-Kummissjoni, “sabiex tagħmel l-istudji kollha li l-Kunsill jikkunsidra mixtieqa bl-għan li jinkisbu l-għanjiet komuni, u sabiex jippreżenta quddiemha kull proposta xierqa” (ara l-Artikolu 152 oriġinali tat-Trattat tal-KEE, fil-preżent l-Artikolu 208 tat-Trattat KE, fil-futur Artikolu 241 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea), 35 sena wara, permezz tat-Trattat ta’ Maastricht u l-introduzzjoni tal-Proċedura ta’ Kodeċiżjoni u finalment ukoll għall-Parlament Ewropew, ikkonċedu l-possibilità li l-Kummissjoni tintalab preżentazzjoni ta’ proposta ta’ regolament (ara fil-preżent l-Artikolu 192 tat-Trattat KE u fil-futur Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea).
Dan id-dritt li ssir talba lill-Kummissjoni għal proposta, li llum iż-żewġ korpi leġiżlattivi għandhom, permezz tal-inizjattiva taċ-ċittadini, fil-futur għandu jingħata wkoll liċ-ċittadini tal-Unjoni. “Ċittadini tal-Unjoni, li l-għadd tagħhom ma jkunx anqas minn miljun, li jkunu ċittadini ta' għadd sinifikanti mill-Istati Membri, jistgħu jieħdu l-inizjattiva li jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea, fil-qafas tal-kompetenzi mogħtija lilha, sabiex tippreżenta kull proposta xierqa dwar il-kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jikkunsidraw li jkun meħtieġ att legali tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tat-Trattati”. Għalhekk għall-ewwel darba ċ-ċittadini tal-Unjoni se jkunu involuti huma stess b’mod dirett fil-proċess leġiżlattiv Ewropew. Fir-rigward tad-dritt li ssir talba, huma jitpoġġew fuq l-istess livell taż-żewġ korpi leġiżlattivi.
II. Il-kontenut tad-dritt għall-parteċipazzjoni fl-inizjattiva Ewropea taċ-ċittadini
Skont l-Artikolu 11, paragrafu 4 tat-Trattat dwar l-UE, il-verżjoni l-ġdida, iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jieħdu inizjattiva taċ-ċittadini. Bħala riżultat speċifiku tad-dritt għal parteċipazzjoni demokratika skont l-Artikolu 10, paragrafu 3 tat-Trattat dwar l-UE (il-verżjoni l-ġdida), l-għan ta’ dan ir-regolament huwa t-twaqqif ta’ dritt individwali taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-parteċipazzjoni f’inizjattiva taċ-ċittadini.
Iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jipparteċipaw f’inizjattiva taċ-ċittadini b’żewġ modi: billi jorganizzazha jew billi jappoġġjawha. L-organizzazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini tinkludi r-reġistrazzjoni u s-sottomissjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini mal-Kummissjoni, l-organizzazzjoni ta’ kampanji li jattiraw l-appoġġ miċ-ċittadini u, jekk ikun hemm bżonn, skont kif tkun ifformulata l-proċedura mill-Istati Membri, il-ġbir ta’ dikjarazzjonijiert ta’ appoġġ, kif ukoll l-ispjegazzjoni tat-talba quddiem il-Kummissjoni. L-appoġġ tal-inizjattiva taċ-ċittadini huwa l-istqarrija adegwata ta’ persuna, li tappoġġja t-talba tal-inizjattiva taċ-ċittadini u li din titressaq quddiem il-Kummissjoni. Id-dritt għall-parteċipazzjoni f’inizjattiva taċ-ċittadini għalhekk jinkludi d-dritt għall-organizzazzjoni u d-dritt għall-appoġġ ta’ inizjattiva taċ-ċittadini.
III. Id-distinzjoni bejn l-inizjattiva Ewropea taċ-ċittadini u l-petizzjoni tal-Parlament Ewropew
Skont l-Artikolu 24, paragrafu 2 b’konnessjoni mal-Artikolu 227 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (fil-preżent l-Artikolu 21, paragrafu 1 b’konnessjoni mal-Artikolu 194 tat-Trattat KE) kif ukoll skont l-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, kull ċittadin tal-Unjoni kif ukoll kull persuna individwali li hija residenti fl-Unjoni u kull persuna ġuridika b’uffiċċju rreġistrat fl-Unjoni, għandha d-dritt li tressaq petizzjoni fil-Parlament Ewropew. Id-dritt għall-parteċipazzjoni fl-inizjattiva taċ-ċittadini skont l-Artikolu, 11 paragrafu 4 tat-Trattat KE, il-verżjoni l-ġdida, jingħaqad mad-dritt Ewropew għas-sottomissjoni ta’ petizzjoni u jikkompletah; iżda dawn ma jiħdux post xulxin u mhumiex identiċi.
Huwa fatt li fir-riżultat ta’ inizjattiva taċ-ċittadini jew ta’ petizzjoni tista’ tidher ċerta prossimità bejn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet; b’hekk it-tnejn li huma jistgħu jingħaqdu mħeġġgħin minn għadd ta’ persuni fil-ħruġ ta’ xi att legali tal-Unjoni Ewropea. Madanakollu xorta teżisti differenza fundamentali bejniethom fir-rigward tal-funzjoni tagħhom u konsegwentament fir-rigward tad-destinatarji u r-rekwiżiti tagħhom.
Diġà hija ovvja d-disparità tad-destinatarji. Filwaqt li l-petizzjoni hija mmirata lejn il-Parlament, l-inizjattiva taċ-ċittadini hija mmirata lejn il-Kummissjoni. Id-dritt Ewropew għas-sottomissjoni ta’ petizzjoni huwa indirizzat liċ-ċittadini tal-Unjoni fil-kapaċità tagħhom bħala l-persuni affettwati, b’mod dirett jew indirett, mis-sovrenità tal-Unjoni Ewropea u tiftħilhom l-opportunità li huma f’din il-kapaċità jduru lejn il-Parlament direttament, biex jinfurmawh dwar xi sitwazzjoni partikolari u jkunu jistgħu jressqu xi modifiki għal din is-sitwazzjoni. Min-naħa l-oħra, għall-ewwel darba l-inizjattiva taċ-ċittadini tippermetti li ċ-ċittadini tal-Unjoni stess jieħdu sehem b’mod dirett fl-eżerċitar tas-sovranità fl-Unjoni Ewropea, fejn hawn ikollhom l-opportunità, bħall-Kunsill u l-Parlament Ewropew, li jitolbu lill-Kummissjoni għal preżentazzjoni ta’ proposta għal regolament.
Ir-rekwiżiti taż-żewġ istituzzjonijiet huma wkoll differenti. B’hekk id-dritt għas-sottomissjoni ta’ petizzjoni huwa limitat għal affarijiet li jaffettwaw direttament lill-petizzjonanti, filwaqt li f’inizjattiva taċ-ċittadini ma jidhirx li tali limitazzjoni għall-parteċipanti tkun tagħmel sens. Għall-kuntrarju, għandha obbligu ikbar li tara li kull parti tas-sovranità Ewropea tkun fl-interess ġenerali Ewropew u tkun tirrispetta l-liġi Ewropea. Għal darb’oħra din tal-aħħar mhijiex rekwiżit għall-petizzjoni.
Bit-tfassil tal-kundizzjonijiet u l-proċeduri li japplikaw għall-inizjattiva taċ-ċittadini, jistgħu jkunu kkunsidrati definitivament is-similaritajiet ma’ petizzjoni fil-Parlament Ewropew. Bl-ebda mod madanakollu ma tista’ tiġi mtappna din id-differenza inerenti.
IV. L-għadd minimu ta’ Stati Membri
Skont l-Artikolu 11, paragrafu 4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (il-verżjoni l-ġdida) iċ-ċittadini tal-Unjoni li jappoġġjaw inizjattiva taċ-ċittadini għandhom ikunu ċittadini minn għadd sinifikanti ta’ Stati Membri. X’inhu madanakollu mifhum b’"għadd sinifikanti", għadu bla spjegazzjoni u għandu minflok, skont l-Artikolu 24, paragrafu 1 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ikun stabbilit mil-leġiżlatur, li għall-bidu tibqalu l-possibiltà għal manuvra.
Madankollu, l-arranġament għandu jkun orjentat lejn l-għan ta’ dan ir-rekwiżit. L-għan tar-rekwiżit li dawk il-persuni li jappoġġjaw inizjattiva taċ-ċittadini jkunu ġejjin minn bosta Stati Membri differenti, jinsisti li għandu jkun iggarantit li l-punt ta’ tluq tal-proċess regolatorju Ewropew ma jkunx immexxi minn interess partikulari ta’ xi Stat Membru wieħed biss, iżda li għandu jkun fl-interess ġenerali Ewropew. Għal din ir-raġuni, id-dritt esklussiv, bħala prinċipju jinsab f’idejn il-Kummissjoni.
Madanakollu, atti legali b’rabta mal-oqsma tal-libertà, tas-sigurtà u tal-liġi skont l-Artikolu 76 tat-Trattat tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jistgħu jinħarġu bl-inizjattiva ta’ kwart mill-Istati Membri. Għalhekk it-Trattat innifsu fih indikazzjoni għall-għadd tal-Istati Membri li fih nnifisu jista’ jqis b’mod adegwat l-interess ġenerali Ewropew. Għal din l-evalwazzjoni, il-leġiżlatur m’għandux jopponi t-tfassil ta’ inizjattiva taċ-ċittadini.
Bla dubju ta’ xejn, l-għan tar-rekwiżit li l-persuni li jappoġġjaw inizjattiva taċ-ċittadini għandhom ikunu ċittadini ta’ għadd sinifikanti ta’ Stati Membri, ikun kkonsidrat b’mod adegwat biss, meta dan ikun marbut fl-istess ħin mar-rekwiżit tal-għadd minimu ta’ persuni li joffru l-appoġġ tagħhom, minn kull wieħed minn dawn l-Istati. Orjentazzjoni adegwata għal dan hija pprovduta fl-Artikolu 11, paragrafu 4 tat-Trattat dwar l-UE innifsu li jikkonsidra li l-istabbiliment tar-rekwiżit ta’ miljun ċittadin Ewropew fih l-evalwazzjoni li 1 minn kull 500 tal-popolazzjoni tkun rappreżentazzjoni adegwata. Din il-valutazzjoni tista’ tkun ukoll il-kriterju relevanti li jikkonċerna r-rappreżentanza tal-Istati Membri individwali.
V. Il-proċedura tal-inizjattiva Ewropea taċ-ċittadini
Minbarra n-numru minimu ta’ Stati Membri li minnhom għandhom jiġu dawk li jappoġġjaw inizjattiva taċ-ċittadini, ir-regolament għandu jirregola wkoll il-proċedura għall-inizjattiva taċ-ċittadini. Il-proċedura għandha funzjoni purament prattika; din hija li tiżgura li d-dritt individwali ta’ parteċipazzjoni f’inizjattiva taċ-ċittadini jkun jista’ jiġi eżerċitat b’mod kemm jista’ jkun effettiv u li jsir użu sħiħ tan-natura demokratika tal-inizjattiva taċ-ċittadini bħala forma ta’ eżerċizzju dirett ta’ awtorità pubblika. Kull element individwali tal-proċedura għandu jitkejjel fil-konfront ta’ dan il-kunċett. B’hekk biss tista’ tiġi apprezzata l-importanza politika predominanti ta’ dan l-istrument ġdid għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-bini tal-Unjoni Ewropea.
Il-proċedura tal-inizjattiva taċ-ċittadini għandha tinqasam f’erba’ stadji li huma ġejjin direttament mill-Artikolu 11, paragrafu 4 tat-Trattat UE (il-verzjoni l-ġdida): ir-reġistrazzjoni – il-ġbir – is-sottomissjoni – il-kunsiderazzjoni. Fl-ewwel fażi ("ir-reġistrazzjoni"), il-Kummissjoni tiġi mgħarrfa dwar il-kontenut kif ukoll l-organizzaturi ta’ inizjattiva taċ-ċittadini. Fit-tieni stadju ("il-ġbir") jinġabru d-dikjarazzjonijiet individwali li jappoġġjaw l-inizjattiva taċ-ċittadini; peress li l-Kummissjoni m’għandhiex il-kapaċità meħtieġa biex tagħmel dan, dan ix-xogħol għandu jitwettaq mill-Istati Membri. Imbagħad, fit-tielet stadju ("is-sottomissjoni"), il-Kummissjoni tiġi infurmata dwar dak li jkunu sabu l-Istati Membri u fl-istadju finali ("il-kunsiderazzjoni"), il-Kummissjoni tieħu pożizzjoni dwar il-kwistjonijiet imqajma mill-inizjattiva taċ-ċittadini.
Qabel tieħu pożizzjoni dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, il-Kummissjoni għandha tara, b’mod partikolari, jekk ir-rekwiżiti legali tal-Artikolu 11, paragrafu 4 tat-Trattat UE (il-verżjoni l-ġdida) ġewx sodisfatti effettivament fil-każ in kwistjoni, jiġifieri, l-ammissibilità u l-kapaċità ta’ rappreżentanza tal-inizjattiva. Għal raġunijiet ta’ trasparenza, din il-valutazzjoni m’għandhiex issir fil-qafas tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni rigward l-għan tal-inizjattiva, iżda għandha ssir f’fażi preċedenti sabiex jiġi evitat is-suspett li tkun ġiet influwenzata minn kunsiderazzjonijiet politiċi. L-eżami tal-livell ta’ rappreżentattività tal-inizjattiva taċ-ċittadini (għall-inqas miljun persuna li jappoġġjawha ġejjin minn numru kunsiderevoli ta’ Stati Membri) jista’ jsir għalhekk loġikament biss fi ħdan it-tielet stadju, bħala parti integrali tas-suċċess tal-preżentazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini.
L-ammissibilità tal-inizjattiva taċ-ċittadini, jiġifieri, jekk il-kontenut tagħha jissodisfax ir-rekwiżiti legali, għandha, mill-banda l-oħra, tiġi verifikata kemm jista’ jkun kmieni fil-proċedura, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali dwar dan il-punt kemm għal dawk li jorganizzaw inizjattiva taċ-ċittadini u għall-Istati Membri li jkunu responsabbli għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ. Din il-verifika, għaldaqstant, għandha ssir sa mill-ewwel stadju bħala parti mid-deċiżjoni dwar jekk l-inizjattiva taċ-ċittadini ġietx reġistrata b’suċċess.
Kull stadju tal-proċedura għandu jintemm b’deċiżjoni formali, li kull waħda minnnhom tista’ tiġi kkontestata legalment mill-organizzaturi. Kemm id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-suċċess tal-applikazzjoni u s-sottomissjoni u l-konfermi tal-Istati Membri tad-dikjarazzjonijiet individwali ta’ appoġġ għandhom ikunu suġġetti għal reviżjoni ġuridika.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (20.1.2009)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar linjigwida għal proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini
(2008/2169(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Carlos Carnero González(Inizjattiva – Artikolu 39 tar-Regoli ta’ Proċedura)
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi huwa importanti li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Liżbona marbuta mal-Inizjattiva taċ-Ċittadini, li huma mfassla biex iċ-ċittadini Ewropej ikun jista' jkollhom sehem dirett aktar importanti biex jinfluwenzaw atti leġiżlattivi Ewropej li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni tat-Trattati,
B. billi d-dritt li titressaq petizzjoni ilu jeżisti mit-Trattat ta’ Maastricht, u billi l-Parlament żviluppa sensiela ta’ proċeduri mfassla biex jirreaġixxu għal dan id-dritt importanti taċ-ċittadini u r-residenti Ewropej kollha, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda kwistjonijiet li jeffettwaw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE minn awtoritajiet lokali u nazzjonali u l-impatt ta’ din il-leġiżlazzjoni fuq l-individwi u l-komunitajiet lokali tagħhom,
1. Jitlob li r-regolament dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt f’dan ir-rigward, għandu jkun ċar, sempliċi u ħafif biex jinftiehem, u jinkludi elementi prattiċi marbuta mat-tifsira ta’ Inizjattiva taċ-Ċittadini sabiex ma titħallatx mad-dritt tal-petizzjoni;
2. Jesprimi t-tħassib tiegħu li, skont il-proposti li għaddejjin bħalissa minn dawk li jappoġġjaw l-Inizjattiva taċ-Ċittadini, ħafna eżempji prattiċi li qegħdin jidhru huma sewwasew petizzjonijiet attwali b'xejra ta' kampanja, li wħud minnhom huma diġà reġistrati fil-Parlament bħala petizzjonijiet, u li m'għandhomx x'jaqsmu mal-Inizjattiva taċ-Ċittadini kif imfissra fit-Trattat;
3. Għalhekk, jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li għandu jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu jafu tajjeb din id-distinzjoni, minħabba li d-dritt tal-petizzjoni hu indirizzat lill-Parlament Ewropew filwaqt li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini hi indirizzta lill-Kummissjoni;
4. Jinnota, barra minn hekk, li l-Parlament, meta jeżerċita d-dritt tiegħu għall-inizjattiva leġiżlattiva, jista’ jiddeċiedi li jniedi din il-proċedura u li jaġixxi fuq rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq petizzjonijiet li jaslu għand il-kumitat kompetenti tiegħu;
5. Jitlob li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandha tingħatalu r-responsabilità li jissorvelja l-implimentazzjoni tar-regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini billi jiżgura li l-proposti li jsiru miċ-ċittadini jiġu kkunsidrati fil-laqgħat tiegħu li għalihom jiġu mistiedna kumitati oħra relatati li jkollhom responsabilità settorjali għall-qasam ta’ politika kkonċernat kif ukoll il-Kummissjoni biex tagħti l-opinjoni tagħha;
6. Jemmen li miżuri bħal dawn jistgħu jiżguraw li jkun hemm kompatibilità akbar bejn il-proposti indirizzati lill-Kummissjoni fl-ewwel lok miċ-ċittadini u l-prijoritajiet u l-proposti tal-Parlament Ewropew approvati b'mod demokratiku;
7. Iqis li l-Parlament għandu jkollu s-setgħa li jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-adattabilità tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini, marbuta mas-suġġerimenti u r-rakkomandazzjonijiet li jkunu saru, qabel ma l-Kummissjoni tipproċedi bil-ħidma dettaljata fuq test leġiżlattiv ibbażat fuq l-Inizjattiva taċ-Ċittadini;
8. Jirrikonoxxi li jeħtieġ li jkunu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ eliġibilità, u f’dan il-kuntest iqis li għandha tintwera flessibilità rigward x'jikkostitwixxi sewwasew id-“diversi Stati Membri” li minnhom għandhom jinġabru aktar minn miljun firma; bl-istess mod, b'konformità mal-prattika użata għall-petizzjonijiet, iqis li l-possibilità ta' appoġġ għal Inizjattiva taċ-Ċittadini għandha tkun miftuħa għaċ-ċittadini kollha tal-UE.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
19.1.2009 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
21 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Sir Robert Atkins, Margrete Auken, Inés Ayala Sender, Victor Boştinaru, Simon Busuttil, Alexandra Dobolyi, Glyn Ford, Cristina Gutiérrez-Cortines, David Hammerstein, Marian Harkin, Carlos José Iturgaiz Angulo, Marcin Libicki, Miguel Angel Martínez Martínez, Manolis Mavrommatis, Mairead McGuinness, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Nicolae Vlad Popa, Kathy Sinnott |
|||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Carlos Carnero González, Marie-Hélène Descamps, Henrik Lax |
|||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
22.1.2009 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
15 4 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Richard Corbett, Jean-Luc Dehaene, Andrew Duff, Anneli Jäätteenmäki, Aurelio Juri, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Timothy Kirkhope, Jo Leinen, Íñigo Méndez de Vigo, Ashley Mote, József Szájer, Riccardo Ventre, Johannes Voggenhuber, Bernard Wojciechowski |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Costas Botopoulos, Klaus-Heiner Lehne, Gérard Onesta, Sirpa Pietikäinen, Mauro Zani |
|||||