Proċedura : 2008/2240(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0055/2009

Testi mressqa :

A6-0055/2009

Dibattiti :

PV 10/03/2009 - 13
PV 10/03/2009 - 15
CRE 10/03/2009 - 13
CRE 10/03/2009 - 15

Votazzjonijiet :

PV 11/03/2009 - 5.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0119

RAPPORT     
PDF 141kWORD 73k
16.2.2009
PE 414.008v02-00 A6-0055/2009

dwar l-integrazzjoni tal-interessi ambjentali fil-qasam tat-trasport u l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni

(2008/2240(INI))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Rapporteur: Georg Jarzembowski

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-integrazzjoni tal-interessi ambjentali fil-qasam tat-trasport u l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni

(2008/2240(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 2008 bit-titolu 'Nagħmlu t-trasport aktar ekoloġiku' (COM(2008)0433),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 2008 bit-titolu 'Strateġija għat-twettiq tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni' (COM(2008)0435),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 2008 bit-titolu 'Miżuri għat-tnaqqis tal-istorbju ferrovjarju maħsuba għall-flotta eżistenti' (COM(2008)0432),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2007 bit-titolu "Inżommu lill-Ewropa miexja - Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna"(1),  

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar politika Ewropea tat-trasport sostenibbli li tqis il-linji politiċi Ewropej dwar l-enerġija u l-ambjent(2),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0055/2009),

A. billi l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea huma li tnaqqas il-gassijiet b'effett ta' serra b’20%, iżżid l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli għal 20% u tnaqqas il-konsum tal-enerġija b’20%, kollha sal-2020,

B.  billi, rigward l-għan li t-trasport isir iktar ekoloġiku, il-Kummissjoni pproponiet sensiela ta' suġġerimenti bl-objettiv li jiġġieldu kontra l-bidla fil-klima, iżda, meta tiġi biex tieħu l-azzjoni meħtieġa, m'għamlitx ħlief komunikazzjoni dwar l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, komunikazzjoni dwar it-tnaqqis tal-ħsejjes ferrovjarji, u proposta leġiżlattiva speċifika waħda għar-reviżjoni tal-ħlasijiet għall-użu tat-toroq minn vetturi tal-ġarr tal-merkanzija tqal,

C. billi l-Artikolu 11, paragrafu 3, tad-Direttiva tal-Eurovignette(3), stipula, fl-2006, li: 'Mhux iktar tard mill-10 ta' Ġunju 2008 l-Kummissjoni, wara li tkun eżaminat l-għażliet kollha, inklużi spejjeż marbuta mal-ambjent, mal-ħsejjes, mal-konġestjoni u mas-saħħa, għandha tippreżenta mudell applikabbli b'mod ġenerali, trasparenti u komprensibbli għall-valutazzjoni tal-ispejjeż esterni kollha sabiex iservi bħala l-bażi għall-kalkolu fil-ġejjieni tal-ħlasijiet għall-infrastruttura. Dan il-mudell għandu jkun akkumpanjat minn analiżi tal-impatt tal-internalizzazzjoni ta' spejjeż esterni għall-modi kollha ta' trasport u minn strateġija għal implimentazzjoni fi stadji tal-mudell għall-modi kollha ta' trasport.

Ir-rapport u l-mudell għandhom ikunu akkumpanjati, fejn ikun xieraq, minn proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal reviżjoni ulterjuri ta' din id-Direttiva',

D. billi l-Kummissjoni ddeskriviet b’mod konvinċenti l-impatt negattiv fuq is-saħħa pubblika tal-istorbju tal-ferroviji, iżda madankollu, bħala l-pedament għall-inizjattiva tagħha għat-tnaqqis tal-istorbju ferrovjarju, qiegħda sempliċiment tistipula rekwiżit biex il-vetturi tal-merkanzija jkunu 'mgħammra bi blokok tal-brejkijiet ta' storbju baxx',

Trasport iktar ekoloġiku

1.  Jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar trasport iktar ekoloġiku bħala pass inizjali importanti lejn approċċ iktar komprensiv li jagħmel it-trasport, fil-ħafna modi varjati tiegħu, iktar rispettuż tal-ambjent, u wkoll bħala rikonoxximent tal-importanza u l-ħtieġa li t-trasport isir iktar effiċjenti fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima;

2.  Jirrimarka li l-mobilità toffri benefiċċji kbar għall-kwalità tal-ħajja personali, għat-tkabbir u għall-impjiegi fl-UE, għall-koeżjoni soċjo-ekonomika, għall-kummerċ ma' pajjiżi mhux membri tal-UE, u għall-intrapriżi u l-impjegati involuti direttament jew indirettament fil-qasam tat-trasport u tal-loġistika;

3.  Jirrikonoxxi li, minbarra li jkollha effetti pożittivi u li tkun indispensabbli għall-iżvilupp ekonomiku tal-Unjoni Ewropea u l-koeżjoni ekonomika-soċjali u territorjali, il-mobilità għandha wkoll effetti negattivi fuq l-ambjent naturali u fuq il-bnedmin, u għalhekk isostni li l-politika tat-trasport Ewropea – mingħajr ma tinjora l-interessi leġittimi tal-individwi u tal-industrija fejn tidħol il-mobilità – għandha tkompli tfittex li tagħmel iktar ekoloġiku l-qasam tat-trasport sabiex telimina, jew tal-inqas tnaqqas, l-effetti ta' ħsara, skont l-objettivi tal-Unjoni fil-ġlieda kontra t-tisħin globali sal-2020;

4.  Jilqa’ l-fatt li fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għamlet 'inventarju' tal-miżuri meħuda s'issa mill-UE biex tippromwovi politika ta’ trasport sostenibbli;

5.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni naqset li tipproduċi pjan integrat sabiex it-trasport isir aktar ekoloġiku, jiġifieri pjan li jkopri kull qasam tat-trasport, iżda josserva li l-Kummissjoni ħadet inizjattivi preliminari li finalment għandhom iwasslu għal strateġija komprensiva għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-modi kollha ta' trasport; u li minflok s'issa illimitat ruħha:

-          għall-adozzjoni ta' approċċ frammentarju billi l-ewwel issottomettiet sett bażiku ta' linji gwida għall-istima tal-ispejjeż esterni tat-trasport u għall-internalizzazzjoni tagħhom f'oqsma individwali (ara l-manwal għall-istima tal-ispejjeż esterni fil-qasam tat-trasport),

-          għall-għażla mill-ġdid ta' soluzzjoni gradwali l-ewwel bil-preżentazzjoni ta' proposta speċifika għall-applikazzjoni immedjata ta' ħlasijiet għall-użu tat-toroq minn vetturi tal-merkanzija tqal bl-emenda tad-Direttiva tal-Eurovignette, li hija intiża biex tippermetti lill-Istati Membri li jeżiġu ħlas għal spejjeż esterni, u anke din kellha tapplika biss fl-Istati Membri li xtaqu jagħmlu dan, u,

-         fir-rigward tat-tnaqqis tal-ħsejjes ferrovjarji, li tagħmel lista ta' għażliet u miżuri futuri;

6.  Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex, għall-mezzi kollha ta' trasport, tagħmel dispożizzjoni għall-miżuri u l-istrumenti neċessarji biex it-trasport ikompli jsir iktar ekoloġiku, waqt li tqis il-konvenzjonijiet internazzjonali fis-seħħ u l-miżuri li diġà ttieħdu fis-setturi differenti tat-trasport, b'referenza għal dawk il-proposti, twettaq evalwazzjonijiet tal-impatt xjentifikament effikaċi tal-miżuri individwali u tal-konsegwenzi tagħhom fuq il-kompetizzjoni f'termini ta' modi kif ukoll tal-impatt tagħhom fuq l-ispejjeż tal-mobilità u tal-kompettitività; u biex, fuq din il-bażi, tippreżenta pjan integrat għal trasport iktar ekoloġiku, flimkien ma' proposti leġiżlattivi speċifiċi;

L-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni

7.  Jinnota li fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-istrateġija għat-twettiq tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, il-Kummissjoni naqset li tissodisfa l-obbligu impost fuqha mill-Parlament u mill-Kunsill, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Eurovignette, ladarba ma fasslitx u ma ressqitx – kif ammettiet hi stess – mudell applikabbli b’mod ġenerali, trasparenti u komprensibbli għall-valutazzjoni globali tal-ispejjeż esterni, ma analizzatx l-impatt fuq il-modi kollha ta’ trasport u, fil-livell prattiku, ipproduċiet fir-rigward tal-vetturi tqal biss l-ewwel pass ta' strateġija għall-implementazzjoni gradwali tal-mudell għall-modi kollha;

8.  Jinnota li fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni saru xi dikjarazzjonijiet rigward il-kalkolu tal-ispejjeż esterni għall-modi differenti ta' trasport, b'referenza għall-manwal imsemmi hawn fuq u l-annessi tekniċi, li, meta wieħed iqis in-natura diversa tal-kontribuzzjonijet inklużi, jiċċaraw biss numru ta' punti;

9.  Jinnota li l-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha, naqset milli tippreżenta ġustifikazzjonijiet xjentifikament koerenti għall-ħlas ta' spejjeż esterni individwali mill-mezzi differenti ta' trasport, u adottat dak li tiddeskrivi bħala 'approċċ prammatiku msejjes fuq l-ispiża medja'; jappoġġa b'mod ġenerali l-bażi magħżula mill-Kummissjoni tal-ipprezzar tal-ispejjeż soċjali marġinali, f'konformità mal-White Paper dwar it-Trasport tal-2001;

10. Huwa diżappuntat, li, minn barra dawn il-kontribuzzjonijiet, ma saritx riċerka sinifikanti dwar l-effetti pożittivi tat-trasport f'termini ta' tkabbir ekonomiku u kompetittività ('esternalitajiet pożittivi') u l-anqas ma kienu kkunsidrati fil-kalkoli tal-Kummissjoni, għall-kuntrarju tal-ispejjeż esterni li kienu s-suġġett ta’ xogħol estensiv; madankollu jirrikonoxxi l-irwol tal-'prinċipju li min iniġġes iħallas' u jistenna li l-Kummissjoni tieħu aktar passi sabiex tiżviluppa dan l-approċċ prammatiku; jirrikonoxxi l-kontribuzzjonijiet li ngħataw s'issa mid-diversi modi ta' trasport fil-forma ta' tassazzjoni ġenerali, taxxi fuq il-vetturi u ż-żejt, u ħlasijiet għall-użu tat-toroq sabiex jibbilanċjaw il-bini reali tal-infrastruttura u l-ispejjeż tal-manutenzjoni u jqis li dan huwa l-punt tat-tluq għal xogħol futur;

11. Jinnota l-fatt li l-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha, lanqas biss ippruvat tikkalkula, tevalwa u tiddeskrivi l-impatt li l-metodu ta’ internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni li qed tipproponi jista' jkollu fuq il-kompetizzjoni bejn il-modi differenti ta' trasport u fuq l-ispejjeż għall-mobilità u l-kompetittività u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel dan meta tressaq iktar proposti biex il-qasam tat-trasport isir aktar ekoloġiku;

12. Jiddispjaċih ukoll dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma pproponietx miżuri biex tnaqqas l-effetti ta’ żieda fid-distanza li tirriżulta mit-tkabbir tal-UE u ma għamlet ebda previżjonijiet dwar il-konsegwenzi tal-applikazzjoni tagħha, b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri li għandhom ostakoli ġeografiċi u għal dawk li s'issa għad m’għandhomx alternattivi multimodali; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tirrimedja dawn in-nuqqasijiet bħala parti mir-reviżjoni futura tan-netwerks tat-trasport trans-Ewropew (TENs);

13. Jinkoraġixxi lill-Kummissjoni, għal dan l-iskop, biex tissottometti proposta supplimentari għal kurituri għall-mobilità multimodali ('kurituri ekoloġiċi') bħala parti mir-reviżjoni tat-TENs, li tibbilanċja l-piżijiet imposti mill-proposta preżenti billi toffri aċċessibbiltà u mobilità mingħajr ostakli;

14. Jinnota li l-Kummissjoni qed taġixxu b'mod inkonsistenti f'diversi aspetti fejn, min-naħa, qed issostni li l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni għandha tapplika wkoll għall-karozzi, iżda l-anqas biss tforni kalkoli relatati, u tippreferi minflok li tmatni l-libertà tal-Istati Membri li jeżiġu ħlas mill-karozzi tal-passiġġieri kif jidhrilhom huma, għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni biex tippubblika metodoloġija għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni ta' vetturi individwali sabiex tipprovdi lill-Istati Membri b'linji gwida b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

15. Jitlob lill-Kummissjoni biex l-ewwel nett tieħu passi mingħajr dewmien sabiex tipproduċi proposti konkreti għall-modi kollha ta' trasport, u t-tieni nett, biex twettaq il-kompitu li joħroġ mill-Artikolu 11, it-tielet paragrafu, tad-Direttiva tal-Eurovignette tal-2006 billi tressaq pjan komprensiv għall-kalkolu u l-ħlas tal-ispejjeż esterni u ta’ evalwazzjoni tal-impatt tagħhom fuq il-bażi ta' mudell komprensibbli;

Tnaqqis tal-istorbju ferrovjarju

16. Jirrikonoxxi li fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-miżuri għat-tnaqqis tal-istorbju ferrovjarju maħsuba għall-flotta eżistenti, il-Kummissjoni tirrispondi għall-bżonn tat-tnaqqis tat-fastidju mill-ħsejjes, b’mod partikulari mill-vaguni tal-merkanzija, għan-nies li jgħixu qrib il-linji ferrovjarji;

17. Jenfasizza li l-adattament ta’ vaguni bi prezz raġonevoli jippresupponi r-riżoluzzjoni tal-ostakli tekniċi eżistenti malajr kemm jista’ jkun u qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe miżura leġiżlattiva vinkolanti;

18. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal direttiva bl-għan li tintroduċi ħlasijiet għall-aċċess għal-linji ferrovjarji għal-lokomottivi u l-vaguni marbuta mal-istorbju sabiex tipprovdi inċentivi kemm jista' jkun malajr għall-impriżi ferrovjarji biex jarmaw mill-ġdid il-flottot tagħhom b'vetturi li jagħmlu ftit ħoss billi jissostitwixxu l-blokok tal-brejkijiet; iqis li, jekk u kull fejn huwa neċessarju, miżuri għal perjodu ta' żmien qasir jistgħu jkunu kkunsidrati wkoll u li l-ebda miżura leġiżlattiva m’għandu jkollha impatt negattiv fuq is-settur ferrovjarju f’kompetizzjoni intermodali;

19. Jistenna mill-Kummissjoni li fil-proposta tagħha tipprovdi metodu prattikabbli li, permezz tal-allokazzjoni tad-dħul, jiggarantixxi li dan it-tip ta' titjib ma jsirx biss fil-vetturi li huma proprjetà tal-impriżi ferrovjarji, iżda jkun estiż ukoll għall-vaguni ta' kumpanniji oħra li jiġu trasportati minn intrapriżi ferrovjarji;

                                                                            o

                                                                 o                    o

20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU C 175E, 10.7.2008, p. 556.

(2)

Testi Adottati, P6_TA(2008)0087.

(3)

Id-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi (ĠU L 187, tal-20.7.1999, p. 42).


NOTA SPJEGATTIVA

Ir-rapporteur iddeċieda deliberatament li ma jippreżentax nota spjegattiva miktuba. Dan ir-rapport fuq inizjattiva proprja jrid ikun jinftiehem u loġiku hekk kif inhu, ladarba l-Parlament ma jivvutax dwar u l-anqas ma jippublika n-noti spjegattivi.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.2.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

16

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Albertini, Etelka Barsi-Pataky, Paolo Costa, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Arūnas Degutis, Christine De Veyrac, Petr Duchoň, Saïd El Khadraoui, Robert Evans, Emanuel Jardim Fernandes, Francesco Ferrari, Brigitte Fouré, Mathieu Grosch, Georg Jarzembowski, Stanisław Jałowiecki, Timothy Kirkhope, Jaromír Kohlíček, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Sepp Kusstatscher, Jörg Leichtfried, Bogusław Liberadzki, Erik Meijer, Josu Ortuondo Larrea, Reinhard Rack, Ulrike Rodust, Gilles Savary, Renate Sommer, Dirk Sterckx, Michel Teychenné, Silvia-Adriana Ţicău, Yannick Vaugrenard, Armando Veneto, Roberts Zīle

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Johannes Blokland, Armando França, Lily Jacobs, Elisabeth Jeggle, Eleonora Lo Curto, Ari Vatanen, Corien Wortmann-Kool

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Samuli Pohjamo

Avviż legali - Politika tal-privatezza