RAPPORT dwar il-linji gwida għall-proċedura baġitarja 2010

17.2.2009 - (2009/2004(BUD))

Taqsima I                      –  Parlament Ewropew
Taqsima II                     –  Kunsill
Taqsima IV                   –  Qorti tal-Ġustizzja
Taqsima V                    –  Qorti tal-Awdituri
Taqsima VI                   –  Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Taqsima VII                  –  Kumitat tar-Reġjuni
Taqsima VIII                 –  Ombudsman Ewropew
Taqsima IX                   –  Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Vladimír Maňka

Proċedura : 2009/2004(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0057/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-linji gwida għall-proċedura baġitarja 2010, Taqsima I – Parlament Ewropew, Taqsima II – Kunsill, Taqsima IV – Qorti tal-Ġustizzja, Taqsima V – Qorti tal-Awdituri, Taqsima VI – Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Taqsima VII – Kumitat tar-Reġjuni, Taqsima VIII – Ombudsman Ewropew, Taqsima IX – Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta

(2009/2004(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 272 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja solida[1],

- –   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad-29 ta' Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej[2],

- wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[3],

- wara li kkunsidra r-rapport annwali mis-Segretarji Ġenerali tal-Istituzzjonijiet dwar ix-xejriet fl-intestatura 5 tal-prospettivi finanzjarji ta' Mejju 2006,

- wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2007, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet[4],

- wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A6-0057/2009),

A.  billi f'dan l-istadju tal-proċedura annwali, il-Parlament Ewropew qed jistenna l-estimi tal-istituzzjonijiet l-oħra u l-proposti tal-Bureau tiegħu għall-baġit tal-2010,

B.   billi ġie propost li jitkompla l-eżerċizzju pilota dwar il-koperazzjoni mtejba u r-relazzjonijiet imsaħħa bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Bagits għal sena oħra matul il-proċedura baġitarja għall-2010,

C.  billi l-limitu massimu tal-intestatura 5 fl-2010 hu ta' EUR 8,088,000,000, (li jirrapreżenta żieda ta' EUR 311,000,000, jew + 4% meta mqabbel mal-2009, inklużi 2% għall-inflazzjoni),

D.  billi l-baġit tal-Parlament Ewropew għall-2009 jammonta għal EUR 1,529,970,930, li jirrapreżenta 19.67 % tal-intestatura 5 din is-sena,

Parlament Ewropew

Il-Qafas Ġenerali

1.  Ma jistax jenfasizza biżżejjed il-prinċipju fundamentali li l-Membri kollha għandhom jiġu pprovduti b’mod ugwali b'servizzi sħaħ u ta' kwalità li jippermettulhom li jaħdmu u li jesprimu ruħhom u li jirċievu dokumenti fil-lingwa nativa tagħhom sabiex ikunu jistgħu jaġixxu f’isem l-elettorat tagħhom bl-aħjar mod possibbli; iqis il-mandat parlamentari l-ġdid bħala opportunità li tiżgura li dan iseħħ u jaqbel li, f’dan is-sens, "aċċess ugwali u l-aħjar possibbli għal faċilitajiet tal-lingwi għall-Membri" se jkun waħda mil-linji gwidi kruċjali għall-baġit 2010;

2.  Iqis, l-istess bħal fil-pożizzjoni preċedenti tiegħu, li għandha tingħata l-istess enfasi għall-aspetti kollha li jirrigwardaw l-irwol leġiżlattiv tal-Parlament. b'mod partikulari, l-allinjament prijoritarju tal-istaff u tar-riżorsi relatati għandu jqis qabel kollox ix-xogħol parlamentari u x-xogħol tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-qasam tad-deċiżjonijiet konġunti;

3.   Jisħaq li s-sena 2010 se tkun sena meta l-Parlament, wara l-elezzjonijiet Ewropej tal-2009 u l-bidliet fil-kompożizzjoni tiegħu li dawn se jġibu, jerġa’ jassumi b’mod gradwali l-attività sħiħa tiegħu matul is-sena u jinnota li dan jimplika ċertu numru ta' aġġustamenti baġitarji; jinnota wkoll li ħafna punti relatati b’mod speċifiku mas-sena elettorali 2009 mhux se jkun hemm bżonnhom iktar;

4.   Jinnota li 1-2010 se tkun sena ta’ adattament kontinwu għall-Parlament f’dak li jikkonċerna t-titjib tal-metodi ta' xogħol u l-modernizzazzjoni tagħhom, u dan jimxu id f'id mar-responsabilitajiet politiċi u leġiżlattivi tiegħu u f'dak li jikkonċerna sensiela ta' inizjattivi pluriennali mnedija matul dawn l-aħħar ftit snin;

5.  Jikkonferma l-intenzjoni tiegħu li jieħu d-dispożizzjonijiet neċessarji fid-dawl ta' tkabbir eventwali tal-Unjoni fil-futur bid-dħul tal-Kroazja;

6.  Jinnota l-fatt li l-limitu massimu finanzjarju tal-intestatura 5, infiq amministrattiv, fit-teorija se jippermetti żieda ta’ 4% jew EUR 311,000,000; jinnota, għalhekk, li, bħala mezz ta’ kejl, is-sehem volontarju ta’ 20% tal-Parlament xorta jkun jista' jimplika spazju "awtomatiku" addizzjonali għall-manuvrar ta’ EUR 62,000,000 ikkalkulat fuq il-limitu massimu u EUR 87,000,000 meta mqabbel mal-baġit reali adottat għall-2009; jinnota madanakollu li hemm inċertezzi dwarl-evoluzzjoni tal-UE-GNI u ċ-ċirkustanzi li l-Parlament Ewropew jopera fihom;

7.   Qed jistenna li l-Bureau jissottometti talbiet realistiċi meta jippreżenta l-estimi, u hu lest li jeżamina l-proposti tiegħu fuq bażi prudenti u msejsa bis-sħiħ fuq il-bżonnijiet sabiex jiżgura funzjonament xieraq u effiċjenti tal-istituzzjoni;

8.  Hu tal-fehma li iktar milli tinħoloq riserva speċifika, għandu jinżamm marġni sinifikanti fl-estimi tal-baġit sabiex tkun imħarsa l-possibilità li l-Parlament il-ġdid jistipola l-prijoritajiet tiegħu huwa stess meta dan jitwaqqaf, jew li jadatta ruħu għall-bidliet fiċ-ċirkustanzi, mingħajr ma jonqos li jqis l-20% tal-ispiża aministrattiva kollha kemm hi;

9.   Jemmen li, fil-każ li jiġi ratifikat it-Trattat ta’ Liżbona, kwalunkwe adattament neċessarju li jkun jirrikjedi nfiq baġitarju għandu jiġi ttrattat f’dak iż-żmien skont il-proċeduri baġitarji fis-seħħ;

10.     Jitlob revizjoni ġenerali dettaljata u ċara ta’ dawk il-punti baġitarji li ma kenux implimentati biżżejjed fl-2008 u jistenna bil-ħerqa li janalizza r-raġunijiet għal dan; jixtieq ukoll li jingħata rendikont tat-trasferimenti kollha li tħallew għas-sena ta’ wara u l-użu tagħhom fl-2008, kif ukoll aġġornament dwar id-dħul finali assenjat imqabbel mal-ammonti li ngħataw fil-baġit;

11. Jilqa' d-deċiżjoni li l-eżerċizzju pilota dwar il-koperazzjoni msaħħa bejn il-Bureau tiegħu u l-Kumitat għall-Baġits jittawwal għal sena oħra, hekk li jippermetti li tiġi implimenta proċedura baġitarja simplifikata kif ukoll li tippermetti li jkun hemm konsultazzjoni aktar f'waqtha u trasparenti dwar il-kwistjonijiet parlamentari kollha b'implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti; jenfasizza li l-prattika rigward meta l-Bureau jikkonsulta l-Kumitat għall-Baġits dwar kwistjonijiet b'implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti tidher li hi pjuttost inkonsistenti u jixtieq jiċċara l-prattika kurrenti f’dan ir-rigward;

Aċċess ugwali għall-faċilitajiet tal-lingwi għall-Membri tal-Parlament Ewropew

12. Iqis li l-2010 għandha tkun sena meta għandu jsir l-ikbar sforz sabiex il-Membri tan-nazzjonalitajiet u l-lingwi kollha jiġu ttrattati b’mod ugwali f’dak li għandu x’jaqsam mal-possibilità tagħhom li jwettqu bil-lingwa tagħhom stess id-dmirijiet tagħhom u l-attività politika kollha li taqa' taħt ir-responsabilità tagħhom jekk huma jagħżlu li jagħmlu dan;

13. Jirrikonoxxi li f'bosta ċirkustanzi u b'mod parikulari fl-istadji ta' kumitati jew gruppi, skadenzi restrittivi jkabbru l-importanza li jkun hemm negozjati bejn il-parteċipanti prinċipali; jenfasizza, madankollu, il-prinċipju ta' leġittimità demokratika tal-Membri kollha fil-kompożizzjoni tiegħu u d-dritt tagħhom għal servizz sħiħ ta' multilingwiżmu; iqis, għalhekk, li dan il-baġit jista’ u għandu jintuża biex jaħdem għal dan il-għan u sabiex jinstab bilanċ tajjeb bejn ir-restrizzjonijiet tal-multilingwiżmu u t-twettiq bla xkiel tal-proċeduri leġiżlattivi;

14. Għandu interess kbir fil-kwistjoni tal-multilingwiżmu u jitlob lis-servizzi biex jesponu s-sitwazzjoni attwali u l-iżviluppi li hemm previsti għall-2010, inklużi l-applikazzjoni tal-“Kodiċi” u l-possibilitajiet għal iktar titjib prattiku, il-proġett pilota dwar l-interpretazzjoni ad personam, inklużi l-kriterji u l-utilità tiegħu għall-Membri li jkunu ġejjin minn ambjenti lingwistiċi differenti, u jagħtu wkoll ħarsa ġenerali dwar kif biż-żmien jistgħu jiġu eliminati l-"ostakli materjali" għat-trattament ugwali (pereżempju, in-nuqqas ta' kmamar adatti għal-laqgħat, kabini eċċ.); jixtieq li jiġi żgurat dwar kif il-Parlament il-ġdid se jkun mgħammar aħjar f'dawn il-kwistjonijiet kollha meta mqabbel mas-sitwazzjoni meta ġew il-Membri tal-aħħar tkabbir;

15. Hu wkoll tal-opinjoni li għandu jsir kull sforz sabiex tiżdied il-flessibilità fl-interpretazzjoni bħala pass kruċjali biex jiġu żgurati prattiki tajbin ta’ xogħol u jinnota li, f’ħafna każi, jistgħu jiġu evitati l-problemi u l-ħela finanzjarju jekk ikun hemm il-possibilità li jinbidlu l-lingwi b’avviż fi żmien qasir fuq il-bażi tal-attendenza attwali għall-laqgħat, iktar milli fuq il-bażi tal-attendenza ppjanata;

L-aħjar użu tar-riżorsi biex jitjib ix-xogħol leġiżlattiv tal-Parlament Ewropew

16. Jenfasizza li għandha tingħata l-akbar attenzjoni sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi globali baġitarji u r-risorsi għall-persunal li jkunu għad-dispożizzjoni tal-Parlament jintużaw bl-aktar mod effiċjenti fir-rigward tal-ispiża sabiex l-istituzzjoni u l-Membri tagħha jkunu jistgħu jaqdu b’suċċess il-missjoni leġiżlattiva finali tagħhom; itenni li dan jimplika ppjanar u organizzazzjoni bir-reqqa tal-metodi ta' ħidma tiegħu u, meta jkun possibbli, li jingħaqdu flimkien funzjonijiet u strutturi biex ikunu evitati l-burokrazija mhux neċessarja, ix-xogħol funzjonali doppju u l-irduppjar tal-isforzi

17. Jenfasizza li s-setgħat ta' kodeċiżjoni li dejjem qed jikbru qed iżidu l-piż fuq is-servizzi tal-Parlament li għandhom x'jaqsmu max-xogħol leġiżlattiv u ser tkun meħtieġa effiċjenza qawwija u li l-persunal u r-riżorsi relatati jitqassmu skont il-prijoritajiet sabiex il-Membri jkunu jistgħu jwettqu xogħolhom kif suppost;

18. Ifakkar li fl-2009 kien hemm qbil dwar żieda sinifikanti fil-livelli tal-persunal għalkemm, fl-istess ħin, kien hemm qbil b’mod ġenerali li r-riżorsi għall-persunal issa kienu daħlu f'fażi ta' konsolidazzjoni u li t-tqassim mill-ġdid tal-persunal għandu jkun proċess kontinwu wara ż-żidiet sinifikanti ħafna li saru bit-tkabbir riċenti; itenni t-talba tiegħu lis-servizzi u lill-gruppi politiċi kollha biex jipprovdu ġustifikazzjonijiet sħaħ għat-talbiet tagħhom sa mill-bidu tal-proċedura;

19. Jistenna bil-ħerqa s-suġġerimenti mill-gruppi ta’ ħidma dwar is-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u jemmen li l-iffrankar mill-ispejjeż għandu jkun konsegwenza naturali tal-implimentazzjoni sussegwenti tagħha;

20. Jitlob ukoll li t-talbiet tal-gruppi politiċi jkunu jistgħu jiddaħħlu fl-istadju tal-Estimi fir-rebbiegħa;

21. Jemmen li, bħal fl-organizzazzjonijiet kbar kollha, kultant tkun meħtieġa analiżi dwar kif ir-riżorsi qed jintużaw u kif inhu organizzat ix-xogħol, imma dan jista’ jkun ta’ benefiċċju biss jekk jiġi ttrattat b’mod korrett u jekk il-problemi jkunu identifikati b'mod ċar u l-objettivi tal-eżami li jkun irid jitwettaq ikunu speċifikati, ikunu jistgħu jitkejlu u mmirati biżżejjed; jemmen li fl-2010 xi setturi speċifiċi jistgħu jkunu identifikati u wieħed jista’ jħares lejhom b’dan il-mod; ifakkar, fl-istess waqt, fl-importanza tal-eżerċizzju ta' kontroll li seħħ fl-2008; jixtieq li dan l-eżerċizzju jitkompla u jidħol aktar fil-fond sabiex ikun jista' jiġi kkunsidrat meta tkun se tittieħed id-deċiżjoni dwar l-estimi tal-2010; ifakkar li jridu jitqiesu wkoll iċ-ċirkostanzi li qegħdin jinbidlu tal-Parlament ġdid elett, is-setgħat ta' kodeċiżjoni akbar, kif ukoll bidliet oħrajn;

22. Jiġbed l-attenzjoni tal-Bureau lejn il-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-persuni impjegati mill-kuntratturi li joperaw fil-Parlament; jitlob lill-Bureau, f’dan ir-rigward, biex jiżgura li dawn il-kumpaniji josservaw bis-sħiħ u b’mod komplut il-leġiżlazzjoni tax-xogħol applikabbli;

It-tixrid ta' informazzjoni lill-Membri;

23. Jenfasizza li mir-riforma maġġuri “Raising the Game” li tnediet xi snin ilu, mill-inqas ġew stabbiliti, jew qed jiġi stabbiliti, tliet proġetti sinifikanti sabiex tiġi pprovduta informazzjoni kemm jista’ jkun kompluta u relevanti f’relazzjoni mal-ħidma parlamentari; jinnota d-dipartimenti tal-politika tal-kumitati, is-servizzi analitiċi tal-librerija, u sistema ta’ ġestjoni tal-għarfien sabiex ikun faċilitat l-aċċess għal dawn u għal ħafna servizzi oħra disponibbli; jinnota wkoll ki hemm numru ta’ sorsi oħra fil-Parlament, bħal pereżempju l-“osservatorju leġiżlattiv”; jilqa’ dawn l-isforzi sabiex il-Parlament isir iktar professjonali fil-mod kif jassisti lill-Membri imma jqis li huwa neċessarju li ssir evalwazzjoni tal-istokkijiet funzjonali u baġitarji;

24. Iqis li hu importanti li l-proċedura tal-2010 tiċċara s-sitwazzjoni għall-benefiċċju tal-Membri kollha, inklużi dawk li jitrattaw l-aspetti baġitarji, sabiex ikunu definiti b’mod iktar ċar ir-responsabilitajiet differenti u kif dawn l-inizjattivi jistgħu jiġu arranġati bl-aħjar mod u bl-iktar mod effiċjenti; jilqa’, għalhekk, seduta ta' tal-Kumitat għall-Baġits dwar kif dawn għandhom jintużaw, il-ħsieb kurrenti dwar l-elementi differenti, u kif dawn jirrelataw ma' xulxin; jinsisti li l-amministrazzjoni għandha tiżgura wkoll li l-Membri li jkunu għadhom kif ġew eletti jkollhom informazzjoni kompluta dwar is-servizzi li huma intitolati għalihom;

Nikkomunikaw il-Parlament liċ-ċittadin

25. Jinnota r-referenza tal-Bureau għat-tliet proġetti maġġuri fil-qasam tal-politika ta’ komunikazzjoni - il-europarlTV, iċ-Ċentru tal-Viżitaturi u ċ-ċentru l-ġdid awdjoviżiv fil-bini JAN - li t-tkomplija u l-konsolidazzjoni tagħhom tirrappreżenta titjib kwalitattiv fl-istrumenti ta’ komunikazzjoni li huma għad-dispożizzjoni tal-istituzzjoni; iġedded l-impenn tiegħu li jimmoniterja mill-qrib l-iżvilupp ta’ dawn l-istrumenti u biex iżid sal-massimu l-impatt reali fuq l-opinjoni pubblika;

26. Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Bureau dwar id-“Dar tal-Istorja Ewropea” u jenfasizza l-bżonn li jkun hemm konsultazzjoni sħiħa u trasparenti mal-Kumitati kompetenti dwar il-kunċett, il-kontenut u l-aspetti baġitarji tagħha bi qbil mal-proġett pilota dwar il-koperazzjoni msaħħa bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits;

Bini

27. Ifakkar li dan is-settur għandu importanza kbira għall-Parlament, kemm f'dak li jirrigwarda l-bżonnijiet kurrenti u futuri tiegħu ta' proprjetà bħala istituzzjoni, kif ukoll rigward l-aħjar ġestjoni possibbli tal-proprjetà li għandu; iqis li l-avvenimenti fl-2008, għalkemm jidher ċar li wħud ma kenux prevedibbli, jitfgħu dawl fuq il-bżonn li jkun hemm titjib f’dan il-qasam meta jitqies ir-rapport estern indipendenti dwar il-manutenzjoni tal-bini; jistenna wkoll li jirċievi informazzjoni dwar il-proposti għal riorganizzazzjoni potenzjali tad-DG INLO minħabba l-isfidi li dejjem qed jiżdiedu għall-Parlament Ewropew bħala sid magguri ta' proprjetà;

28. Itenni, f’dan ir-rigward, it-talba tiegħu li jara rapport speċifiku u kwalunkwe rakkomandazzjoni eventwali dwar spejjeż ta' manutenzjoni, tiġdid u xiri għoljin bla bżonn relatati mal-bini tal-UE, inklużi dawk tal-Parlament; jixtieq xorta li dan ikun sforz transversali biex jiġu stabbiliti l-kawżi fundamentali, sew jekk ikunu marbuta ma' suq ristrett fi kwalunkwe mod, ma’ piżijiet imposti mir-Regolament Finanzjarju u mat-tfigħ ta' offerti, jew inkella ma’ kwalunkwe fattur relevanti ieħor; jitlob konferma li r-regola li titlob li dawk il-kumpaniji li jkunu ressqu spejjeż għolja bla bżonn jitniżżlu f'lista sewda tiġi inforzata;

29. Jistenna li jirċievi l-karta strateġika għal tul ta' żmien medju u għal tul itwal ta' żmien dwar il-politika tal-bini kif kien intalab diġà s-sena l-oħra sabiex jieħu d-deċiżjonijiet relevanti fl-ewwel qari;

Il-kontinwazzjoni ta’ aspetti diversi tal-proċedura tal-2009

30. Jilqa’ l-intenzjoni tal-Bureau li jkompli jtejjeb l-appoġġ leġiżlattiv, lingwistiku u tekniku għall-Membri, ħaġa li ovvjament hija marbuta mill-qrib ma’ numru ta’ kwistjonijiet indikati hawn fuq;

31. Jaqbel li l-implimentazzjoni fl-ewwel sena tal-Istatut il-ġdid tal-Membri u tal-Istatut tal-Assistenti se jkun hemm bżonn li jiġu segwiti mill-qrib u jqis li dawn għandhom jiġu konsolidati bl-aħjar mod possibbli, b’aġġornament kontinwu tal-implikazzjonijiet u l-previżjonijiet finanzjarji;

32. Ikompli jenfasizza li t-titjib fis-settur tat-teknoloġija tal-informazzjoni m’għandux iwassal biss għal kapaċità ikbar biex jiġu ġestiti internament aspetti kruċjali, imma wkoll biex jintwera potenzjal ikbar sabiex dan il-qasam jiġi organizzat b'mod iktar effiċjenti fir-rigward tal-ispiża; jitlob li jsir rapport li jiċċara s-sitwazzjoni u l-prospetti attwali dwar l-internalizzazzjoni tal-esperti tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-governanza xierqa; jitlob lill-Bureau biex jistabbilixxi strateġija ċara għall-approċċ tal-Parlament dwar it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni - inklużi sinerġiji mal-gruppi politiċi - qabel ma jittieħdu passi ulterjuri f'dan il-qasam;

33. Jilqa’ l-fatt li l-miri ambjentali jissemmew fid-dokument tal-Bureau u, wara il-proċess preċedenti tal-EMAS u l-ħidma fuq “l-impatt tal-karbonju”, iqis li s-sena 2010 se tipprovdi opportunità biex dawn l-isforzi jitkomplew inter alia permezz tal-adozzjoni futura ta' pjan ta' azzjoni dwar id-CO2 mill-Bureau;

Istituzzjonijiet oħra

34. Jilqa’ l-koperazzjoni kostruttiva mal-istituzzjonijiet l-oħra matul l-aħħar proċedura u, bħas-sena l-oħra, iħeġġiġhom biex jippreżentaw talbiet baġitarji li jkunu realistiċi u bbażati fuq l-ispiża u li jikkunsidraw bis-sħiħ il-bżonn li jiġu mmaniġġjati bl-aħjar mod ir-riżorsi skarsi;

35. Jixtieq jesplora iktar il-possibilità li r-riżorsi jinqasmu aħjar bejn l-istituzzjonijiet kollha, speċjalment fejn jista’ jkun hemm kapaċità ħielsa f’qasam wieħed li, jekk tkun organizzata tajjeb, wieħed ikun jista' jieħu vantaġġ minnha u jużaha f'qasam u/jew istituzzjoni oħrajn;

36. Jistieden lir-rapporteur tiegħu għall-2010 biex iwettaq żjarat individwali lill-Kunsill, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, sabiex jisma' mingħandhom qabel l-istadju tal-estimi u jirraporta lura lill-Kumitat għall-Baġits tiegħu;

0

0 0

37. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta.

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]  ĠU L 253, 7.10.2000, p.42.
  • [3]  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
  • [4]  ĠU C 286, 10.11.2008, p. 1.

PROĊEDURA

Titolu

-Linji gwida għall-proċedura baġitarja 2010, Taqsima I - Parlament Ewropew, Taqsima II - Kunsill, Taqsima IV - Qorti tal-Ġustizzja, Taqsima V - Qorti ta'l-Awdituri, Taqsima VI - Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Taqsima VII - Kumitat tar-Reġjuni, Taqsima VIII(A) - Ombudsman Ewropew, Taqsima VIII(B) - Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tal-Informazzjoni

Numru tal-proċedura

2009/2004(BUD)

Kumitat responsabbli

BUDG

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ALL

 

 

 

 

Rapporteur(s)

  Data tal-ħatra

Vladimír Maňka

14.1.2009

Rapporteur(s) preċedenti

Janusz Lewandowski

Date of decision to draw up report

14.1.2009

Eżami fil-kumitat

21.1.2009

10.2.2009

 

 

 

Data tal-adozzjoni

11.2.2009

Riżultat tal-votazzjoni finali:

+:

–:

0:

39

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Richard James Ashworth, Reimer Böge, Costas Botopoulos, Simon Busuttil, Paulo Casaca, Daniel Dăianu, Vasilica Viorica Dăncilă, Valdis Dombrovskis, Brigitte Douay, James Elles, Göran Färm, Hynek Fajmon, Vicente Miguel Garcés Ramón, Salvador Garriga Polledo, Lutz Goepel, Ingeborg Gräßle, Nathalie Griesbeck, Catherine Guy-Quint, Jutta Haug, Sergej Kozlík, Wiesław Stefan Kuc, Janusz Lewandowski, Vladimír Maňka, Mario Mauro, Gérard Onesta, Gianni Pittella, Margaritis Schinas, Esko Seppänen, Nina Škottová, Theodor Dumitru Stolojan, László Surján, Gary Titley, Helga Trüpel, Kyösti Virrankoski, Ralf Walter

Sostitut preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Rübig, Gianluca Susta, Peter Šťastný

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Data tat-tressiq

16.2.2009

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

 

...