RAPPORT dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali
17.2.2009 - (2008/2180(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Manuel Medina Ortega
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar il-kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali (COM(2007)0769),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001[1],
– wara li kkunsidra x-xogħol li għaddej fuq il-Konferenza tal-Aja dwar l-operat prattiku tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-18 ta' Marzu 1970 dwar il-Kumpilazzjoni ta' Xhieda Barra mill-Pajjiż f'Materji Ċivili jew Kummerċjali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0000/2009),
A. billi r-Regolament (KE) Nru 1206/2001 ma ġiex infurzat b’mod effettiv daqs kemm seta’ jkun, u għalhekk hemm bżonn ta’ aktar miżuri biex titjieb il-kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri għall-iskop tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda u biex tiżdied l-effikaċja tar-regolament,
B. billi r-Regolament (KE) Nru 1206/2001 jipprova jtejjeb, jissimplifika u jaċċellera l-kooperazzjoni bejn il-qrati dwar il-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali,
C. billi l-Kummissjoni stqarret li organizzat id-distribuzzjoni ta' total ta’ 50,000 kopja tal-gwida prattika lill-Istati Membri lejn l-aħħar tal-2006 jew il-bidu tal-2007, iżda dan sar tard wisq, u għalhekk għandhom jittieħdu aktar miżuri, biex dawk involuti fil-proċeduri, b’mod partikolari l-qrati u l-avukati, jiġu infurmati aħjar dwar ir-Regolament,
D. billi l-Kummissjoni sabet madankollu li l-limitu ta' 90 ġurnata biex wieħed ikun konformi mat-talbiet għall-kumpilazzjoni ta' xhieda stabbilit fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament inqabeż f'"numru sinifikanti ta' każi" u li "f'xi każi jkunu meħtieġa anke iktar minn 6 xhur";
E. billi attwalment numru żgħir biss ta’ Stati Membri għandhom faċilitajiet għall-vidjokonferenzi, u għalhekk l-użu ta’ din it-teknoloġija huwa insuffiċjenti; billi, barra minn hekk, l-Istati Membri mhux qed jaħdmu biżżejjed biex jintroduċu t-teknoloġiji moderni ta’ komunikazzjoni, u lanqas il-Kummissjoni m'hi qed tipproponi rimedji speċifiċi f'dan ir-rigward,
1. Jikkundanna l-fatt li r-rapport tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq tressaq tard, meta skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1206/2001, kellu jitressaq sal-1 ta’ Jannar 2007, iżda fil-fatt tressaq biss fil-5 ta’ Diċembru 2007;
2. Jaqbel mal-Kummissjoni li għandhom isiru sforzi akbar mill-Istati Membri biex iressqu r-Regolament b'mod suffiċjenti għall-attenzjoni tal-imħallfin u l-prattikanti fl-Istati Membri sabiex jinkoraġġixxu kuntatti diretti bejn il-qrati, minħabba li l-kumpilazzjoni diretta ta' xhieda li hija prevista fl-Artikolu 17 tar-Regolament uriet potenzjal biex tissimplifika u taċċellera l-kumpilazzjoni ta' xhieda, mingħajr ma tikkawża ebda problema partikolari;
3. Iqis li huwa essenzjali li wieħed iżomm f'moħħu li l-korpi ċentrali previsti fir-Regolament għad għandhom irwol importanti fis-superviżjoni tax-xogħol tal-qrati li għandhom ir-responsabilità biex jittrattaw it-talbiet skont ir-Regolament u biex isolvu l-problemi meta dawn jinqalgħu; jindika li n-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew jista' jgħin biex jissolvew problemi li ma ġewx riżolti mill-korpi ċentrali u li r-rikors għal dawn il-korpi jista' jitnaqqas jekk il-qrati li qed jagħmlu t-talba jsiru iktar konxji mir-Regolament; huwa tal-opinjoni li l-assistenza pprovduta mill-korpi ċentrali jistgħu jkunu kritiċi għal qrati lokali żgħar li jiffaċċjaw problemi dwar il-kumpilazzjoni ta' xhieda f'kuntest transkonfinali għall-ewwel darba;
4. Huwa favur l-użu estensiv tal-informatika u tal-vidjokonferenzi, flimkien ma' sistema sikura biex wieħed jibgħat u jirċievi l-imejls, li għandha eventwalment issir il-mezz ordinarju ta' kif wieħed jittrażmetti talbiet għall-kumpilazzjoni ta' xhieda; jinnota li, fir-risposti tagħhom għal kwestjonarju li ntbagħat mill-Konferenza tal-Aja, xi Stati Membri isemmu problemi marbutin mal-kompatibilità ta' kollegamenti bil-vidjow, u jikkunsidra li dan għandu jiġi trattat fl-Istrateġija Ewropea dwar il-Ġustizzja Elettronika;
5. Iqis li l-fatt li f’bosta Stati Membri l-faċilitajiet għall-vidjokonferenzi għadhom mhumiex disponibbli, flimkien mas-sejba tal-Kummissjoni li mezzi moderni ta' komunikazzjoni huma 'anke issa użati pjuttost rarament', jikkonferma l-għaqal tal-pjanijiet tal-Istrateġija Ewropea dwar il-Ġustizzja Elettronika li ġiet rakkomandata dan l-aħħar mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiddedikaw iktar riżorsi biex jiġu installati faċilitajiet moderni ta' komunikazzjoni fil-qrati u biex l-imħallfin jitħarrġu fl-użu tagħhom, u jitlob lill-Kummissjoni tagħmel proposti speċifiċi li jkollhom l-għan li tittejjeb is-sitwazzjoni attwali; huwa tal-fehma li għajnuna u appoġġ finanzjarju tal-UE għandhom jiġu pprovduti kemm jista’ jkun malajr u fl-ammont meħtieġ;
6. Huwa tal-opinjoni li għandhom isiru sforzi fil-kuntest tal-Istrateġija tal-Ġustizzja Elettronika sabiex il-qrati jiġu mgħejjuna biex jilħqu d-domanda għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni li ġġib magħħa l-kumpilazzjoni ta' xhieda transkonfinali fl-Unjoni Ewropea mkabbra;
7. Jinnota, bi tħassib konsiderevoli, is-sejba tal-Kummissjoni li l-limitu ta' 90 ġurnata biex wieħed ikun konformi mat-talbiet għall-kumpilazzjoni ta' xhieda, kif stabbilit fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament, inqabeż f'"numru sinifikanti ta' każi" u li "f'xi każi jkunu meħtieġa anke iktar minn 6 xhur"; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti speċifiċi kemm jista’ ikun malajr dwar miżuri biex tissolva din il-problema, possibilment bit-twaqqif ta’ uffiċċju għall-ilmenti jew punt ta’ kuntatt fi ħdan in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew;
8. Jikkritika l-fatt li, billi saret il-konklużjoni li l-kumpilazzjoni ta' xhieda ttejbet f'kull rispett bħala riżultat tar-Regolament (KE) Nru 1206/2001, ir-rapport tal-Kummissjoni jippreżenta stampa li mhix eżatta tas-sitwazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tipprovdi appoġġ prattiku, fost affarijiet oħrajn fil-kuntest tal-Istrateġija dwar il-Ġustizzja Elettronika, u tagħmel sforzi ikbar sabiex jintlaħaq il-potenzjal veru tar-Regolament biex itejjeb l-operat tal-ġustizzja ċivili għaċ-ċittadini, in-negozji, il-prattikanti u l-imħallfin;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] ĠU L 174, 27.6.2001, p. 1
NOTA SPJEGATTIVA
Jidher mir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001 li, f'termini ġenerali, ir-Regolament kiseb l-għanijiet li jissimplifika l-kumpilazzjoni ta' xhieda fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.
Ir-rapporteur jikkunsidra li, sabiex titħeġġeġ l-effiċjenza u għalhekk tiġi evitata l-ħela bla bżonn ta' ħin u flus, għandhom jitħeġġu il-kuntatti diretti bejn il-qrati u l-kooperazzjoni sħiħa bejniethom. Madankollu, huwa jixtieq jenfasizza l-irwol importanti li l-korpi ċentrali għad għandhom, filwaqt li jindika l-għajnuna li jista' jipprovdi n-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew.
Ir-rapporteur japprezza l-isforzi tal-Kummissjoni biex tqajjem kuxjenza dwar ir-Regolament u jikkunsidra li għad irid isir iktar mill-Istati Membri sabiex jgħinu lill-qrati nazzjonali jkunu konformi mal-limitu ta' 90 ġurnata stipulat fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament. Huwa jikkunsidra li parti mir-risposta tista' tkun li jkun hemm iktar taħriġ għall-imħallfin.
Ir-rapporteur jemmen bis-sħiħ li għandu jsir iktar użu tal-informatika, b'mod partikolari komunikazzjonijiet sikuri bl-imejl u l-vidjokonferenzi. Ir-rapport tal-Kummissjoni juri li talbiet bl-imejl huma aċċettati fil-qrati ta' 13-il Stat Membru biss u li żewġ Stati Membri lanqas biss jaċċettaw talbiet bil-fax. Faċilitajiet għall-vidjokonferenzi.jinstabu fil-qrati ta' 11-il Stat Membru biss. Ir-rapporteur jilqa' b'sodisfazzjon dak li qed isir f'dan il-qasam fil-kuntest tal-programm tal-Ġustizzja elettronika u jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rapport reċenti dwar il-Ġustizzja elettronika mfassal mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data tal-adozzjoni |
12.2.2009 |
|
|
|
||
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
19 0 0 |
||||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alin Lucian Antochi, Marek Aleksander Czarnecki, Bert Doorn, Giuseppe Gargani, Klaus-Heiner Lehne, Alain Lipietz, Manuel Medina Ortega, Aloyzas Sakalas, Diana Wallis, Rainer Wieland, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka |
|||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Sharon Bowles, Mogens Camre, Jean-Paul Gauzès, Kurt Lechner, Arlene McCarthy, Georgios Papastamkos, Jacques Toubon |
|||||
|
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Michael Cashman, Helga Trüpel |
|||||