RAPPORT bi proposta għal rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar is-Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil

25.2.2009 - (2008/2288(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Maria Eleni Koppa

Proċedura : 2008/2288(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0062/2009

PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW LILL-KUNSILL

dwar is-Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil

(2008/2288(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill magħmula minn Véronique De Keyser f'isem il-Grupp PSE dwar is-Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil (B6-0449/2008),

–   wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Qafas ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federali tal-Brażil¹,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Qafas ta' Koperazzjoni Interreġjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar u l-Istati Membri tiegħu, min-naħa l-oħra²,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2001 dwar sħubija globali u strateġija komuni għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina³,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 t'April 2006 dwar sħubija msaħħa bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina4,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Lejn Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Brażil" (COM(2007)0281),

–   wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta tal-ewwel Samit bejn l-UE u l-Brażil, li sar f'Liżbona, fl-4 ta' Lulju 2007,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 t'April 2008 dwar il-Ħames Samit bejn l-Amerika Latina, il-Karibew u l-Unjoni Ewropea f'Lima5,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Lima waqt il-Ħames Samit bejn l-Amerika Latina, il-Karibew u l-Unjoni Ewropea f'Lima, il-Peru', fis-16 ta' Mejju 2008,

–   wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta tat-tieni Samit bejn l-UE u l-Brażil, li sar f’Rio de Janeiro, fit-22 ta' Diċembru 2008,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 114(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0062/2009),

A. billi l-Brażil sar reġjun u protagonista globali dejjem aktar sinifikanti u wera li hu interlokutur prinċipali għall-UE,

B.  billi l-Brażil u l-Unjoni Ewropea huma sħab li jħarsu lejn id-dinja bl-istess mod, u jistgħu jippromwovu bidliet u soluzzjonijiet mad-dinja kollha,

C. billi l-ewwel Samit bejn l-UE u l-Brażil nieda s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Brażil, abbażi ta' rabtiet storiċi, kulturali u ekonomiċi mill-qrib tal-partijiet, u t-tieni Samit bejn l-UE u l-Brażil adotta Pjan ta’ Azzjoni Konġunt biex ikun il-qafas għal azzjoni fis-Sħubija Strateġika tagħhom fuq perjodu ta’ tliet snin,

D. billi s-sieħba għandhom l-istess valuri u prinċipji fundamentali bħad-demokrazija, l-istat ta' dritt, u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-ekonomija tas-suq u l-koeżjoni soċjali, li jikkostitwixxu l-kundizzjonijiet bażiċi sabiex tiġi żviluppata s-Sħubija Strateġika,

E.  billi l-prijoritajiet fuq l-aġendi taż-żewġ reġjuni nbidlu minħabba, inter alia, il-proċessi ta’ integrazzjoni politika u ekonomika, ir-rata dejjem ikbar ta’ globalizzazzjoni ekonomika u l-importanza tad-dibattitu dwar id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent,

F.  billi l-Brażil kien minn ta’ quddiem fl-integrazzjoni tal-Amerika t'Isfel permezz tat-twaqqif tal-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerika t'Isfel (UNASUR),

G. billi s-Sħubija Strateġika se tipprovdi spinta sinifikanti biex sas-sena 2012 tiġi stabbilita zona ta' sħubija globali interreġjonali Ewro-Latina Amerikana proposta mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2006,

H. billi t-twaqqif tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Latina Amerikana (EuroLat) kien pass deċiżiv lejn it-tisħiħ tal-leġittimità demokratika u d-dimensjoni politika tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina, u filwaqt li l-adeżjoni futura għal din l-Assemblea tal-Parlament Mercosur se ssaħħaħ lill-EuroLat fl-irwol tiegħu bħala forum permanenti għad-djalogu politiku bejn iż-żewġ reġjuni,

1.  Jippreżenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill:

(a)    is-Sħubija Strateġika għandha tkun parti mill-approċċ bireġjonali, u mill-perspettiva globali, tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea, l-Amerika Latina u l-Karibew, li huma l-bażi tal-Assoċjazzjoni Strateġika Bireġjonali li ġiet deċiża fis-Samits bejn l-UE, l-Amerika Latina u l-Karibew (LAC);

(b)    il-mekkaniżmi privileġġati għad-djalogu politiku li jiġu mis-Sħubija Strateġika għandhom jipprovdu spinta għar-relazzjonjiet ma' u bejn il-bosta proċessi ta' integrazzjoni reġjonali, bil-għan li jiġu salvagwardati l-valuri tas-Sħubija Strateġika u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet multilaterali fir-relazzjonijiet internazzjonali;

(c)    is-Sħubija Strateġika għandha tipprovdi spinta ġdida għall-konklużjoni tal-Ftehima ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur, objettiv strateġiku tal-UE għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali, kif ukoll l-espansjoni tad-djalogu politiku u l-koperazzjoni bejn iż-żewġ reġjuni;

(d)    is-Sħubija Strateġika għandha tipprovdi valur miżjud reali kemm fir-rigward tal-Ftehima ta' Qafas ta' Koperazzjoni attwali mal-Brażil, il-Ftehima ta' Qafas ta' Koperazzjoni attwali mal-Mercosur, kif ukoll il-Ftehima ta' Assoċjazzjoni futura mal-Mercosur;

(e)    l-iffukar tal-aġenda politika tas-Sħubija Strateġika għandu jinkludi l-promozzjoni ta' strateġiji konġunti li jindirizzaw l-isfidi globali, inklużi inter alia l-paċi u s-sigurtà, id-demokrazija u d-drittitjiet tal-bniedem, il-bidla fil-klima, il-kriżi finanzjarja, id-diversità bijoloġika, is-sigurtà tal-enerġija, l-iżvilupp sostenibbli kif ukoll il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni;

(f)     multilateraliżmu effettiv iffukat fuq is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) huwa l-aktar mod effiċjenti li bih jiġu indirizzati l-kwistjonijiet globali; is-sieħba għandhom ifittxu li jallinjaw il-pożizzjonijiet tagħhom permezz ta' koperazzjoni mill-qrib u b'konsultazzjoni sistematika qabel il-laqgħat tan-NU u ta' dawk ta' entitajiet internazzjonali oħra (eż. l-Organizzazzjoni tal-Kummerċ Dinji (WTO)) kif ukoll il-fora (eż. il-G20);

(g)    is-Sħubija Strateġika għandha tenfasizza l-importanza dwar l-implimentazzjoni tal-proċess ta' riforma adottat mis-Samit tan-NU fl-2005, inkluża r-riforma tal-entitajiet prinċipali tagħha;

(h)    is-sieħba għandhom ifittxu li jsaħħu l-prevenzjoni tal-kunflitti u l-kapaċitajiet ta' mmaniġġjar tal-kriżijiet fin-NU, f'organizzazzjonijiet reġjonali u fil-livell bilaterali, kif ukoll jikkoordinaw l-isforzi fl-operazzjonijiet tan-NU għaż-żamma tal-paċi u ta' stabilizzazzjoni;

(i)     is-Sħubija Strateġika għandha tkun għodda li tippromwovi d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba fil-livell globali; is-sieħba għandhom jikkoperaw ukoll fil-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u fit-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU biex jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha;

(j)     is-sieħba għandhom ikomplu jaħdmu biex tissaħħaħ is-sistema tal-kummerċ multilaterali fil-livell tad-WTO. bil-kriżi finanzjarja globali attwali, u r-rabtiet mill-qrib bejn il-finanzi u l-kummerċ, il-protezzjoniżmu għandu jiġi evitat; is-sieħba għandhom jikkoperaw bil-għan li jikkontribwixxu għall-konklużjoni b'suċċess tan-negozjati tal-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha;

(k)    is-Sħubija Strateġika għandha tintuża biex tippromwovi l-koperazzjoni bejn is-sieħba f'fora internazzjonali oħra, bħall-Bank Dinji, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-G20, lejn is-sejba ta' soluzzjonijiet għall-kriżi finanzjarja globali attwali, li wriet il-bżonn urġenti li tkun riformata l-istruttura finanzjarja internazzjonali;

(l)     l-opinjoni li ngħatat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2008 bit-titolu "Il-Multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni"(COM(2008)0566), li tenfasizza l-valur strateġiku għall-UE tad-"dimensjoni esterna tal-multilingwiżmu" fid-dinja globalizzata tal-lum, għandha tkun imsaħħa; il-fatt li "ċerti lingwi tal-UE huma mitkellma f'numru kbir ta' Stati mhux Membri f'kontinenti differenti", li "jikkostitwixxu rabta importanti bejn il-popli u n-nazzjonijiet" u "għodda ta' komunikazzjoni siewja għan-negozju" b'mod partikolari fi "swieq ġodda bħall-Brażil", u għandu jkun affermat li huma għodda ta' siwi rilevanti għall-koperazzjoni u l-iżviluppp ukoll;

(m)   is-sieħba għandhom jaħdmu flimkien biex jindirizzaw l-isfidi l-aktar urġenti fil-livell dinji fil-qasam tal-paċi u tas-sigurtà, inkluż inter alia, id-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi, speċjalment dawk nukleari, kimiċi u bijoloġiċi u l-mezzi li bihom jitwasslu, il-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata transnazzjonali u, b'mod speċifiku t-traffikar tad-droga, il-ħasil tal-flus, it-traffikar tal-armi żgħar, l-armi ħfief u l-munizzjoni, it-traffikar tan-nies kif ukoll it-terroriżmu; huma għandhom juru impenn sħiħ fil-Mekkaniżmu dwar id-Drogi tal-UE-LAC;

(n)    is-sieħba għandhom jaħdmu mill-qrib biex jippromwovu u jimplimentaw l-Għanijiet ta' Żvilupp għall-Millennju biex jindirizzaw il-problema tal-faqar u l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali fil-livell globali; huma għandhom isaħħu l-koperazzjoni fil-qasam tal-għajnuna għall-iżvilupp, inkluża l-għajnuna triangolari, u għandhom jaħdmu flimkien ukoll kontra t-terroriżmu internazzjonali, it-traffikar tad-droga u l-kriminalità;

(o)    l-isforzi tal-Brażil biex jilħaq l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) għandhom jintlaqgħu b'sodisfazzjon, u għandu jiġi kkongratulat u għall-iżviluppi pożittivi f’oqsma bħal ma huma t-tnaqqis tal-faqar, it-tnaqqis ta' nutrizzjoni ħażina lit-tfal, u l-edukazzjoni bażika; għandu jkun enfasizzat li l-Brażil għad għandu bżonn jagħmel sforzi konsiderevoli biex jilħaq l-MDGs kollha sal-2015, pereżempju billi jiżgura kwalità suffiċjenti fl-edukazzjoni bażika għall-bniet u s-subien kollha u jkompli jnaqqas il-mortalità tat-tfal taħt il-ħames snin; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi hija dritt fundamentali u strument għall-kisba tal-MDGs li jeħtieġ li jkun preżenti fis-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Brażil;

(p)    għandu jkun innutat li, minkejja l-iżvilupp ekonomiku u l-akkumulazzjoni tal-ġid, il-Brażil għad għandu numru kbir ta’ nies foqra; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi appoġġjat il-gvern Brażiljan fl-isforzi tiegħu biex jindirizza l-faqar fl-ifqar reġjuni u fl-ifqar livelli tas-soċjetà, filwaqt li jitqies il-fatt li 65% tal-ifqar Brażiljani huma suwed jew b’etniċità mħallta, filwaqt li 86% ta’ dawk fl-aktar klassi privileġġjata huma bojod;

(q)    is-Sħubija Strateġika għandha tinkludi forum għad-dibattitu u għall-iskambju tal-aħjar prattiki tas-sieħba dwar il-koeżjoni soċjali u reġjonali; f'dan ir-rigward, l-impatt verament pożittiv tal-programm Brażiljan "Bolsa Familia" fit-tnaqqis tal-faqar tal-pajjiż u ż-żieda tal-indikaturi fil-qasam tal-iżvilupp uman għandu jiġi rikonoxxut;

(r)     djalogu miftuħ dwar l-immigrazzjoni għandu jkun stabbilit, bl-għoti ta' prijorità għall-kwistjonijiet ta' migrazzjoni regolari u irregolari, flimkien mal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem tal-immigranti u l-faċilità biex jintbagħtu l-flus;

(s)     is-sieħba għandhom jaħdmu flimkien f'fora internazzjonali għall-avvanz tat-taħditiet bil-għan li fl-2009 tiġi ffirmata ftehima globali u komprensiva għal wara l-2012, dwar il-bidla tal-klima, ibbażata b'mod partikolari fuq il-prinċipju tar-responsabilitajiet komuni iżda differenzjati;

(t)     is-sieħba għandhom ukoll jaħdmu mill-qrib għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u għall-kisba tal-mira tal-bijodiversità għall-2010;

(u)    is-sieħba għandhom isaħħu l-koperazzjoni internazzjonali dwar il-konservazzjoni u l-immaniġġjar sostenibbli tat-tipi kollha ta' foresti, inkluża l-foresta tal-Amażonja; huma għandhom iwettqu skambji tal-aħjar prattiki dwar l-immaniġġjar tal-foresti sostenibbli u l-infurzar tal-liġi dwar il-foresti;

(v)    is-sieħba għandhom jiżviluppaw tekonoloġiji tal-enerġija b'użu baxx ta' karbonju u jiżguraw il-produzzjoni sostenibbli kif ukoll jużaw l-enerġiji rinnovabbli, inklużi l-bijofjuwils sostenibbli li ma jaffettwawx il-produzzjoni tal-prodotti tal-ikel u l-bijodiversità; huma għandhom iżidu l-perċentwal tal-enerġiji rinnovabbli fl-enerġija globali tagħhom, jippromwovu l-effiċjenza tal-enerġija u l-aċċess għall-enerġija u jiksbu sigurtà ikbar tal-enerġija;

(w)   koperazzjoni fir-riċerka nukleari għandha tissaħħaħ sabiex il-Brażil ikun jista’ jipparteċipa fil-proġett ITER (Reattur Esperimentali Internazzjonali Termonukleari) li jikkonċerna l-ġenerazzjoni tal-enerġija termonukleari;

(x)    jagħti l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Brażil biex jikkumbatti l-AIDS b'mediċini rħas, u jistieden lill-UE biex tkompli tinvestiga dwar il-liċenzji obbligatorji għal mediċini maħsuba għal mard pandemiku traskurat li jbatu minnu n-nies foqra;

(y)    l-ammont disponibbli fil-qafas tal-Istrument ta' Koperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) għall-Brażil għandu jintuża għal miżuri li jappoġġjaw il-Brażil fil-ġlieda tiegħu kontra l-faqar u għall-kisba tal-MDGs u miżuri oħra li jistgħu jitqiesu bħala għajnuna ġenwina għall-iżvilupp, bħal fil-qasam ambjentali;

(z)     id-djalogi eżistenti għandhom jissaħħu, u djalogi ġodda għandhom jitnedew b'mod partikolari għall-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli, l-enerġija, it-trasport, is-sigurtà tal-ikel, ix-xjenza u t-teknoloġija, is-soċjetà tal-informazzjoni, l-impjiegi u l-kwistjonijiet soċjali, il-finanzi u l-makroekonomija, l-iżvilupp reġjonali, il-kultura u l-edukazzjoni;

(aa)   is-Sħubija Strateġika għandha tinkoraġġixxi kuntatti bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fora għall-imsieħba kummerċjali u soċjali, u għandha tippromwovi l-iskambji fuq livell edukattiv u kulturali;

(ab)  azzjonijiet favur is-sħubija bejn l-UE u l-Brażil, għarfien u ftehim reċiproku u programmi ta' skambju għandhom jiġu ffinanzjati minn strument apparti mid-DCI;

(ac)   is-Sħubija Strateġika għandha tipprovdi għat-twaqqif ta’ djalogu regolari strutturat bejn il-Membri tal-Kungress Nazzjonali Brażiljan u dak tal-Membri tal-Parlament Ewropew;

(ad)  għandu jsir provvediment għall-istituzzjonijiet tal-UE u l-Gvern Brażiljan biex il-Parlament Ewropew u l-EuroLat jiġu pprovduti b'tagħrif regolari u dettaljat dwar il-qagħda tas-Sħubija Strateġika;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għall-informazzjoni, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll lill-President u l-Kungress Nazzjonali tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil.

NOTA SPJEGATTIVA

1.       Id-djalogu bejn l-UE u l-Brażil twettaq primarjament fil-kuntest tal-Ftehima ta' Qafas ta' Koperazzjoni mal-Brażil, tal-Ftehima ta' Qafas ta' Koperazzjoni mal-Mercosur u n-negozjati bejn l-UE u l-Mercosur. Il-Brażil kien l-aħħar pajjiż tal-BRIC li involva ruħu f'Samit mal-UE.

2.   Apparti l-intensifikazzjoni u d-diversifikazzjoni tar-relazzjonijiet tagħhom, u anki meta jitqies l-irwol ekonomiku u politiku emerġenti li għandu l-Brażil fil-livell reġjonali u globali, fl-I Samit bejn l-UE u l-Brażil, li sar f'Liżbona fl-4 ta' Lulju 2007, iż-żewġ naħat qablu li jsaħħu r-relazzjoni bilaterali twila tagħhom billi jniedu Sħubija Strateġika komprensiva.

Dan il-pass il-ġdid lejn relazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Brażil huwa bbażat fuq ir-rabtiet storiċi, kulturali u ekonomiċi tagħhom u l-valuri u twemmin komuni, inklużi inter alia, id-demokrazija, l-istat ta' dritt, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-ekonomija bbażata fuq is-suq u l-koeżjoni soċjali, it-tħassib dwar il-bidla fil-klima u t-tfittxija għall-iżvilupp sostenibbli u l-ġustizzja soċjali.

Is-Sħubija Strateġika għandha tipprovdi ambitu komprensiv u tħares 'il quddiem, u għalhekk tipprovdi valur miżjud veru kemm fir-rigward tal-Ftehima ta' Qafas ta' Koperazzjoni preżenti mal-Brażil, il-Ftehima ta' Qafas ta' Koperazzjoni mal-Mercosur, kif ukoll il-Ftehima ta' Assoċjazzjoni futura mal-Mercosur.

Għalhekk, Sħubija Strateġika bħal din timplika djalogu politiku wiesa', sabiex tinkludi l-kwistjonijiet globali kollha ta' interess komuni, it-tisħiħ tal-koperazzjoni bilaterali u l-kontribuzzjoni għall-integrazzjoni reġjonali billi tkun iffaċilitata l-konklużjoni tal-Ftehima ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur.

3.   Is-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Brażil għandha timpenja ruħha biex issaħħaħ ir-relazzjoni bejn l-UE-Mercosur u l-EU-LAC fi ħdan il-qafas tal-Assoċjazzjoni Strateġika Bi-Regjonali stabbilita fis-Samits bejn l-UE u l-LAC.

Meta jitqies l-irwol ċentrali li l-Brażil għandu fil-proċessi ta' integrazzjoni tal-Amerika Latina u l-interess tal-UE li ssaħħaħ id-djalogu ma' dan ir-reġjun, l-UE tilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi meħuda mill-Brażil biex tippromwovi l-integrazzjoni politika u ekonomika bejn il-pajjiżi tal-Amerika Latina. L-irwol kruċjali li għandu l-Brażil bħala l-promotur prinċipali tal-Unjoni tan-Nazzjonjiet Amerikani tan-Nofsinhar (il-UNASUR) stabbilita dan l-aħħar jixraq li jiġi rikonoxxut b'mod ċar.

B'dan l-isfond, is-Sħubija Strateġika għandha ttejjeb id-djalogu dwar kwistjonijiet reġjonali, inkluż id-djalogu dwar it-tfixkil tal-paċi għal sorsi attwali u potenzjali fir-reġjun tal-LAC, u jista' jkollha rwol biex il-konflitti reġjonali jkunu evitati jew solvuti. Għandu jkun rikonoxxut li l-Brażil ilu jżomm l-irwol ta' medjatur b'suċċess fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti reġjonali tal-LAC, ibbażat fuq prinċipji ta' sovranità nazzjonali, bla interferenza u newtralità, b'effett pożittiv fuq l-istabilità politika fir-reġjun.

Il-Brażil huwa wkoll protagonista prinċipali fis-suċċess tan-negozjati bejn l-UE u l-Mercosur, meta wieħed iżomm f'moħħu l-objettiv strateġiku tal-UE li tiffinalizza Ftehima ta' Assoċjazzjoni mal-aktar inizjattiva ta' integrazzjoni reġjonali ta' suċċess fl-Amerika Latina sal-lum. Is-Sħubija Strateġika għandha tipprovdi spinta ġdida f'dan ir-rigward, bħala għodda għall-integrazzjoni ulterjuri tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali interreġjonali u intrareġjonali, kif ukoll għall-espansjoni tad-djalogu politiku u tal-inizjattivi ta' koperazzjoni.

Sfidi globali u multilateraliżmu

4.   L-UE u l-Brażil għandhom jiffukaw l-aġenda politika u d-djalogu tas-Sħubija għall-ħolqien ta' strateġiji konġunti mmirati biex jindirizzaw l-aktar sfidi globali urġenti jiġifieri l-paċi u s-sigurtà, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, il-kriżi finanzjarja, il-bidla fil-klima, il-bijodiversità, is-sigurtà tal-enerġija, l-iżvilupp sostenibbli, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni.

5.   L-UE u l-Brażil għandhom l-istess konvinzjoni li azzjoni multilaterali effettiva bbażata fuq is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti tkun l-aħjar mod biex ikunu affrontati dawn l-isfidi. Għal dan il-għan, għandu jkun hemm qbil u jiġi kkoordinat l-allinjament tal-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom u d-dispożizzjoni ta' appoġġ reċiproku dwar kwistjonijiet pendenti permezz ta' konsultazzjoni profonda qabel il-laqgħat u l-konferenzi tan-Nazzjonijiet Uniti u dawk ta' entitajiet internazzjonali oħra (eż. id-WTO) u l-fora (eż. il-G20)

6.   Fil-livell tan-NU, it-tmexxija Brażiljana tal-missjoni ta' żamma tal-paċi MINUSTAH f'Ħaiti, kif ukoll l-irwol tagħha bħala koordinatur tal-Kummissjoni għall-Bini tal-Paċi tan-NU (il-PBC) rigward il-Guinea-Bissau, turi d-disponibilità dejjem akbar tal-Brażil li jinvolvi ruħu attivament fl-inizjattivi tan-NU. Meta jitqies l-involviment qawwi tal-UE f'dawn il-pajjiżi, hemm lok għal iżjed koperazzjoni u koordinazzjoni tal-isforzi biex jissaħħu l-inizjattivi ta' paċi u stabilizzazzjoni min-naħa tal-UE kif ukoll tal-Brażil. L-UE u l-Brażil għandhom jinvolvu ruħhom ukoll biex isaħħu l-prevenzjoni tal-kunflitti u l-kapaċitajiet tal-immaniġġjar tal-kriżijiet fl-ambitu tan-NU, tal-organizzazzjonijiet reġjonali u fil-livell bilaterali.

7.   L-UE u l-Brażil huma impenjati sew biex jippromwovu u jħarsu d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, l-istat ta' dritt u t-tmexxija tajba.Is-Sħubija Strateġika għandha tintuża bħala għodda biex ikunu promossi u mħarsa dawn il-valuri fundamentali fil-livell internazzjonali. Is-sieħba għandhom jikkoperaw ukoll kemm fil-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU kif ukoll fit-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU biex jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha;

8.   L-UE u l-Brażil għandhom jenfasizzaw l-importanza tal-implimentazzjoni tal-proċess ta' riforma adottat mis-Samit tan-NU fl-2005, inkluża r-riforma tal-entitajiet prinċipali tagħha. Din ir-riforma għandha tagħti enerġija mill-ġdid lin-NU sabiex tissaħħaħ in-natura demokratika tagħha, ir-rappreżentattività, it-trasparenza, ir-responsabilità diretta u l-effiċjenza.

9.   L-UE u l-Brażil għandhom ikomplu jaħdmu biex tissaħħaħ is-sistema tal-kummerċ multilaterali fil-livell tad-WTO. Bil-kriżi finanzjarja internazzjonali attwali, u r-rabtiet mill-qrib bejn il-finanzi u l-kummerċ, il-protezzjoniżmu għandu jiġi evitat; għalhekk is-sieħba għandhom jikkoperaw aktar minn qatt qabel, bil-għan li jikkontribwixxu għall-konklużjoni b'suċċess tan-negozjati tal-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha.

10.  Is-Sħubija Strateġika għandha tkun punt ta' tluq għall-promozzjoni tal-koperazzjoni bejn is-sieħba f'fora internazzjonali oħra bħall-Bank Dinji, l-IMF u l-G20. Dan tal-aħħar, taħt il-presidenza Brażiljana fl-2008, huwa forum li jista' jkollu rwol importanti ħafna lejn il-kisba ta' soluzzjonijiet għall-kriżi finanzjarja globali attwali, li wriet il-bżonn urġenti għal riforma tal-istruttura finanzjarja internazzjonali. Wasal iż-żmien għal azzjoni fuq livell globali li tirrevedi l-irwol tal-istituzzjonijiet internazzjonali fis-sorveljanza u r-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji kif ukoll li l-istrutturi ta' governanza globali jiġu riformati sabiex ikunu evitati kriżijiet fil-ġejjieni.

11. Il-paċi u s-sigurtà dinjija huma fost l-aktar sfidi globali urġenti li jeħtieġu sforzi u kompromessi mir-reġjuni kollha tad-dinja. L-UE u l-Brażil iridu jaħdmu flimkien biex jaffrontaw id-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi, speċjalment l-armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi kif ukoll il-mod kif jintużaw. Apparti dan, il-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata transnazzjonali u, b'mod speċifiku, it-traffikar tad-drogi, il-ħasil tal-flus, it-traffikar tal-armi żgħar, l-armi ħfief u l-munizzjon, it-traffikar tan-nies kif ukoll it-terroriżmu għandhom jiġu diskussi fil-qafas tas-Sieħba Strateġiċi. Id-djalogu dwar kwistjonijiet illeċiti marbuta mad-drogi għandu jkun ibbażat fuq responsabilità reċiproka u għandu jimmira li jżid il-kapaċità tas-sieħba biex jaffrontaw il-problemi dinjija marbuta mad-drogi. Iż-żewġ sieħba għandhom juru impenn sħiħ lejn il-Mekkaniżmu ta' Koordinazzjoni u ta' Koperazzjoni dwar id-Droga bejn l-Unjoni Ewropea, l-Amerika Latina u l-Karibew;

L-Għanijiet għall-Iżvilupp tal-Millennju , il-qerda tal-faqar, il-koeżjoni soċjali u reġjonali

12.  Il-qerda tal-faqar hija sfida globali ewlenija. L-UE u l-Brażil għandhom isaħħu l-koperazzjoni bil-għan li jiksbu l-Għanijiet għall-Iżvilupp tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti qabel l-2015 u jimplimentaw il-pjan ta' azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali ta' Monterrey dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp.

13.  Filwaqt li l-UE għandha esperjenza twila fil-provvista ta' għajnuna għall-iżvilupp għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-Brażil ilu jżid is-sehem attiv tiegħu fil-koperazzjoni bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar, b'mod partikulari fir-rigward tal-pajjiżi ġirien tiegħu, il-pajjiżi Afrikani fejn jiġi mitkellem il-Portugiż u t-Timor tal-Lvant. Il-Brażil kien ukoll attiv fit-tnedija ta' inizjattivi multilaterali, bħall-"Azzjoni Globali kontra l-Ġuħ u l-Faqar" tan-NU.

14. Is-Sħubija Strateġika tista' tippromwovi t-tnedija ta' inizjattivi komuni rigward il-koperazzjoni għall-iżvilupp, inkluża l-koperazzjoni triangulari. Fid-dawl tar-rabtiet sodi kulturali u storiċi li għandhom mal-Afrika, l-UE u l-Brażil jistgħu jqisu li jesploraw toroq għall-koperazzjoni triangulari, pereżempju ma' pajjiżi interessati oħra li qed jiżviluppaw fejn jiġi mitkellem il-Portugiż, bl-użu tal-Memorandum ta' Ftehim iffirmat bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Komunità tal-pajjiżi fejn jiġi mitkellem il-Portugiż (CPLP).

15. Is-Sħubija Strateġika għandha tisħaq ukoll fuq l-impenn tas-sieħba għall-koeżjoni soċjali u reġjonali u tafferma mill-ġdid li dan l-għan fil-fatt huwa kompatibbli ma' ekonomija bbażata fuq is-suq u li dawn huma forzi kumplimentari. Is-Sħubija Strateġika għandha tipprovdi forum għad-dibattitu u l-iskambju ta' fehmiet dwar l-aħjar prattiki rigward il-koeżjoni soċjali u reġjonali għall-benefiċċju taż-żewġ reġjuni.

Il-migrazzjoni, ftehima dwar it-tneħħija tal-ħtieġa ta' viża għal żjara qasira

16.  Il-migrazzjoni hija u se tibqa' kwistjoni ewlenija fid-dibattitu tal-politika interreġjonali, filwaqt li jitqiesu żviluppi u inizjattivi futuri tal-politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni. Is-Sħubija Strateġika għandha, fid-dawl tad-Dikjarazzjoni ta' Lima, tippromwovi djalogu wiesa' dwar il-migrazzjoni, li jkopri l-migrazzjoni regolari u irregolari, l-iffaċilitar tal-proċess biex jintbagħtu l-flus, u, fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem għall-migranti.

17.  Il-Parlament Ewropew jilqa' t-tnedija ta' negozjati għal ftehim dwar it-tneħħija tal-ħtieġa ta' viża għal żjara qasira bejn il-Komunità Ewropea u l-Brażil u jistenna bil-ħerqa li dan il-ftehim jintlaħaq malajr. Ftehim ta' dan it-tip għandu jiżgura trattament indaqs għaċ-ċittadini kollha tal-UE u vvjaġġar li jkun ħieles b'mod sħiħ u reċiproku mill-ħtieġa ta' viża, kemm għaċ-ċittadini Ewropej kif ukoll għal dawk Brażiljani. Skont il-Protokoll 4 anness mat-Trattat ta' Amsterdam, ir-Renju Unit u l-Irlanda m'għandhomx ikunu marbuta bi ftehima ta' dan it-tip għat-tneħħija tal-viża. L-iffirmar ta' ftehim dwar it-tneħħija tal-ħtieġa ta' viża għal żjarat qosra jista' jitqies bħala pass lejn l-iffaċilitar tal-moviment tal-persuni, bil-għan li jinkiseb l-iskop aħħari tal-iffirmar ta' Ftehima ta' Sħubija Interreġjonali Globali li tipprovdi għall-moviment ħieles tal-persuni.

L-iżvilupp sostenibbli: l-ambjent, il-bidla fil-klima, il-bijodiversità u l-enerġija

18.  Is-Sħubija Strateġika għandha ssaħħaħ il-koperazzjoni interreġjonali għall-ħarsien tal-ambjent. L-UE u l-Brażil għandhom jagħmlu ħilithom flimikien għal azzjoni internazzjonali akbar fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u d-diforestazzjoni u għall-ħarsien tal-bijodiversità.

Rigward il-bidla fil-klima, is-sieħba għandhom jgħaqqdu l-isforzi tagħhom f'fora internazzjonali għall-avvanz tat-taħditiet bil-għan li fl-2009 jiġi ffirmat ftehim globali u komprensiv għal wara l-2012, ibbażat b'mod partikulari fuq il-prinċipju ta' responsabilitajiet komuni iżda ddivrenzjati.

Is-sieħba għandhom ukoll jaħdmu mill-qrib għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u għall-kisba tal-mira tal-bijodiversità għall-2010. Barra minn hekk, għandhom jagħmlu ħilithom biex jindirizzaw kwistjonijiet globali, bħall-ħarsien tal-foresti, b'mod partikolari l-Amażonja, ir-riżorsi tal-ilma (filwaqt li titqies, fost fatturi oħra, l-Inizjattiva dwar l-Ilma tal-UE għall-Amerika Latina), it-tniġġis bil-merkurju u metodi mhux sostenibbli ta' konsum u produzzjoni.

19.  L-UE u l-Brażil għandhom jikkoperaw biex jiżguraw il-produzzjoni u l-użu sostenibbli tal-enerġija li tiġġedded, inklużi l-bijofjuwils sostenibbli, u biex jiġu żviluppati teknoloġiji tal-enerġija b'livell baxx ta' karbonju. is-sieħba għandhom itejbu kemm l-effiċjenza tal-enerġija u kemm l-aċċess għall-enerġija, u jiksbu sigurtà ogħla rigward l-enerġija. Għandhom ukoll iżidu l-persentaġġ ta' enerġija li tiġġedded fit-taħlita globali tagħhom ta' enerġija.

Relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali

20.  Ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn is-sieħba diġà huma intensi, billi l-Brażil huwa d-destinazzjoni ewlenija għall-esportazzjoni Ewropea għall-Amerika Latina u billi l-UE hija l-aktar sieħba kummerċjali importanti għall-Brażil. Madankollu, meta wieħed iqis il-livell relattivament għoli ta' protezzjoni attwali fis-suq tal-prodotti u s-servizzi Brażiljani, is-sieħba għandhom ikomplu jesploraw il-potenzjali għall-kummerċ interreġjonali kemm fl-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp u kemm fin-negozjati bejn l-UE u l-Mercosur.

21.  L-UE u l-Brażil għandhom jieħdu passi sabiex jiżguraw li aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ u ffaċilitar tal-investiment iħeġġu t-tkabbir ekonomiku u l-ġid għar-reġjuni tagħhom. Għalhekk huma għandhom jikkoperaw b'mod attiv għall-konklużjoni b'suċċess tar-Rawnd tal-Aġenda tal-Iżvilupp ta' Doha tad-WTO, bil-għan li jissaħħu l-flussi tal-kummerċ fost u bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw u jiġu promossi regoli kummerċjali effettivi.

22.  Is-sieħba huma tal-fehma li l-ftehimiet kummerċjali reġjonali jikkomplementaw b'mod importanti s-Sistema Kummerċjali Multilaterali. Għalhekk, sabiex jitwessgħu u jissaħħu l-flussi interreġjonali tal-kummerċ u tal-investiment, l-UE u l-Brażil għandhom jaħdmu flimkien biex fi żmien qasir jiffirmaw il-Ftehima ta' Sħubija bejn l-UE u l-Mercosur, għan strateġiku li ma nkisibx minħabba nuqqas ta' progress fin-negozjati tal-kapitolu kummerċjali tiegħu.

23.  Meta wieħed iqis l-importanza dejjem tikber tal-Brażil fl-ekonomija globali, l-irwol ċentrali tiegħu f'fora internazzjonali bħall-G20 u l-grupp ta' ħidma tal-G8, u l-kriżi finanzjarja globali attwali, is-Sħubija Strateġika għandha tipprovdi lok għal djalogu dwar kwistjonijiet finanzjarji u makro-ekonomiċi. Djalogu ta' dan it-tip, minbarra li jindirizza l-kwistjonijiet finanzjarji u ekonomiċi li għadhom mhux solvuti, għandu jagħti lok ukoll għal dibattitu dwar ir-riformi strutturali mmirati lejn it-tkabbir sostenibbli u l-koeżjoni soċjali.

24.  L-appoġġ tal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-proġetti ta' żvilupp sostenibbli tal-Brażil u l-koperazzjoni mal-Bank Nazzjonali Brażiljan tal-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (BNDES) ukoll għandhom jiġu mħeġġa mis-sieħba.

Koperazzjoni u djalogi fil-qasam tal-Politika Settorjali

25.  Is-Sħubija Strateġika għandha tagħti kontribut fit-tisħiħ tad-djalogi eżistenti u t-tnedija ta' djalogi ġodda rigward il-politiki settorjali, fosthom dwar l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli, l-enerġija, it-trasport, is-sigurtà tal-ikel, ix-xjenza u t-teknoloġija, is-soċjetà tal-informazzjoni, l-impjieg u l-kwistjonijiet soċjali, l-iżvilupp reġjonali, il-kultura u l-edukazzjoni;

26.  Rigward ix-xjenza u t-teknoloġija, għandha tiġi enfasizzata l-ispinta għall-koperazzjoni fil-fond mogħtija mill-ftehima relevanti bejn l-UE u l-Brażil li ilha fis-seħħ mill-2006. L-UE għandha l-ħsieb ukoll li twaqqaf sħubija mal-Brażil fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni. Għal dan il-għan, f'Lulju 2008, ingħatat awtorizzazzjoni mill-Kunsill sabiex il-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati dwar ftehima ta' koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika u l-Brażil.

Il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, is-sieħba kummerċjali u soċjali, l-iskambji edukattivi u kulturali

27.  Jeħtieġ li jkun hemm kuxjenza u ftehim taż-żewġ kulturi u ż-żewġ soċjetajiet fuq bażi reċiproka, sabiex tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn l-UE u l-Brażil. Dan jimplika li jitħeġġu l-kuntatti bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-għaqdiet kummerċjali u l-fora tas-sieħba soċjali (inklużi t-trejdjunjins) u l-iskambji fuq livell edukattiv u kulturali. Pereżempju, is-Sħubija Strateġika għandha tappoġġja l-espansjoni tal-koperazzjoni bejn l-UE u l-Brażil fl-edukazzjoni għolja billi tintensifika l-iskambji universitarji fil-qafas ta' Erasmus Mundus u skemi oħra binazzjonali u bireġjonali, bħaz-Zona Komuni tal-Edukazzjoni Għolja ALCUE. Barra minn hekk, għandha tiġi żviluppata l-koperazzjoni fil-qafas tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Ħarsien u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali.

PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI LILL-KUNSILL (B6-0449/2008) (18.9.2008)

imressqa skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli ta’ Proċedura,

minn Véronique De Keyser

f’isem il-Grupp PSE

dwar Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Qafas ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federali tal-Brażil[1],

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Qafas ta' Koperazzjoni Interreġjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar u l-Istati Membri tiegħu, min-naħa l-oħra[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2001 dwar Assoċjazzjoni Globali u Strateġija Komuni għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina[3],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ April 2006 dwar Assoċjazzjoni msaħħa bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina[4],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem 'Lejn Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Brażil' (COM(2007)281 finali, tat-30 ta' Mejju),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-I Samit bejn l-UE u l-Brażil, li sar f'Liżbona fl-4 ta' Lulju 2007,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2008 dwar il-V Samit bejn l-Amerika Latina, il-Karibew u l-Unjoni Ewropea f'Lima[5],

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Lima waqt il-V Samit bejn l-Amerika Latina, il-Karibew u l-Unjoni Ewropea f'Lima, il-Peru', fis-16 ta' Mejju 2008,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 114(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-I Samit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil sar f'Liżbona fl-4 ta' Lulju 2007, u introduċa s-Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil, fuq il-bażi tar-rabtiet storiċi, kulturali u ekonomiċi mill-qrib tagħhom,

B.  billi ż-żewġ imsieħba għandhom l-istess valuri u prinċipji fundamentali bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-ekonomija tas-suq, li jikkostitwixxu l-prekundizzjonijiet bażiċi sabiex tiġi żviluppata s-Sħubija Strateġika,

C. billi l-introduzzjoni tas-Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil se tfisser spinta sinifikanti biex sas-sena 2012 tiġi stabbilita Żona ta' Sħubija Globali Interreġjonali Ewro-Latinamerikana mressqa mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2006,

D. billi t-twaqqif tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana (EuroLat) kien pass deċiżiv lejn it-tisħiħ tal-leġitimità demokratika u d-dimensjoni politika tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina, u billi l-adeżjoni futura għal din l-Assemblea tal-Parlament tal-Mercosur se ssaħħaħ dan tal-aħħar fl-irwol tiegħu bħala forum permanenti għad-djalogu politiku bejn iż-żewġ reġjuni,

1.  Jippreżenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill:

     a) Is-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Brażil għandha tkun parti mill-approċċ bireġjonali lejn u l-ħarsien globali tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea, l-Amerika Latina u l-Karibew, li hija l-bażi tal-Assoċjazzjoni Strateġika Bireġjonali li ġiet deċiża fis-Samits bejn l-UE, l-Amerika Latina u l-Karibew;

     b) Il-mekkaniżmi speċjali għal djalogu politiku li tqajmu mis-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Brażil għandhom jagħtu spinta qawwija għar-relazzjonijiet ma' u bejn il-proċessi varji ta' integrazzjoni reġjonali, il-ħarsien tal-valuri u l-punti li jikkonċernaw l-Assoċjazzjoni Strateġika u t-tisħiħ tal-multilateraliżmu fl-isfera tar-relazzjonijiet internazzjonali;

     c) Is-Sħubija Strateġika għandha tipprovdi valur miżjud reali sew fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehima ta' Qafas ta' Koperazzjoni attwali mal-Brażil, il-Ftehima ta' Qafas ta' Koperazzjoni mal-Mercosur, kif ukoll il-Ftehima ta' Assoċjazjoni futura mal-Mercosur;

     d) Is-Sħubija Ekonomika għandha tibda topera mill-aktar fis billi tadotta pjan ta' azzjoni konġunt fis-Samit li jmiss bejn l-UE u l-Brażil, skedat għal Diċembru 2008;

     e) Il-kwistjonijiet ċentrali li fuqhom se jiffokaw l-aġenda politika u d-djalogu politiku tas-Sħubija għandhom jiġu identifikati, inkluża l-promozzjoni tal-istrateġiji konġunti biex isolvu l-isfidi fuq livell dinji, b'mod speċjali rigward il-paċi u s-sigurtà, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, il-bidla fil-klima, id-diversità bijoloġika, is-sigurtà tal-enerġija u l-iżvilupp sostenibbli, u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni;

     f) Għandu jiġi enfasizzat li l-aħjar mod kif jingħelbu l-kwistjonijiet dinjija huwa l-multilateraliżmu effettiv iffukat fuq is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti; iż-żewġ sieħba għandhom jippruvaw iqarrbu l-pożizzjonijiet tagħhom lejn xulxin b'koperazzjoni aktar mill-qrib u konsultazzjoni sistematika qabel il-laqgħat tan-Nazzjonijiet Uniti u dawk tal-korpi internazzjonali l-oħra;

     g) Iż-żewġ sieħba għandhom jaħdmu flimkien biex jegħlbu l-isfidi l-aktar urġenti fil-livell dinji fil-qasam tal-paċi u tas-sigurtà u dwar kwistjonijiet bħad-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi, il-kriminalità organizzata transnazzjonali u b'mod speċifiku t-traffikar tad-droga, il-ħasil tal-flus, it-traffikar tal-armi żgħar, l-armi ħfief u l-munizzjon, it-traffikar tan-nies, u t-terroriżmu; is-sieħba għandhom juru inpenn sħiħ lejn il-Mekkaniżmu ta' Koordinazzjoni u ta' Koperazzjoni dwar id-Droga tal-Unjoni Ewropea, l-Amerika Latina u l-Karibew;

     h) is-sieħba għandhom jerġgħu jaffermaw l-impenn tagħhom biex jikkollaboraw aktar mill-qrib dwar il-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-Għanijiet għall-Iżvilupp tal-Millennju u t-tisħiħ tal-koperazzjoni fil-qasam tal-għajnuna għall-iżvilupp, inkluża l-koperazzjoni triangulari; is-sieħba jeħtieġ li jiġġieldu l-faqar u jagħmlu progress fid-dibattitu dwar il-koeżjoni soċjali fi ħdan il-qafas tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerika Latina u l-Karibew;

     i) Għandu jsir djalogu b'firxa wiesgħa dwar il-migrazzjoni, li fih il-kwistjonijiet dwar l- immigrazzjoni illegali u l-possibilitajiet għal migrazzjoni legali għandhom jiġu fuq quddiem, flimkien mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-migrazzjoni tal-ħaddiema;

     j) Id-djalogi eżistenti għandhom jissaħħu, u djalogi ġodda għandhom jitnedew b'mod partikolari għall-politiki tas-setturi dwar l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli, l-enerġija, it-trasport, is-sigurtà tal-ikel, ix-xjenza u t-teknoloġija, is-soċjetà tal-informazzjoni, l-impjieg u l-kwistjonijiet soċjali, l-iżvilupp reġjonali, il-kultura u l-edukazzjoni;

     k) Għandu jkun hemm dispożizzjonijiet sabiex l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Brażil jipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana b'informazzjoni regolari u dettaljata dwar l-istat tas-Sħubija Strateġika u l-implimentazzjoni tax-xogħol li qed isir fi ħdan is-Sħubija;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għall-informazzjoni, lill-Kummissjoni, u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

  • [1]  ĠU L 262, 1.11.1995, p. 54.
  • [2]  ĠU L 69 tal-19.3.1996, p. 4.
  • [3]  ĠU C 140 E, 13.6.2002, p. 569.
  • [4]  ĠU C 296 E, 13.6.2002, p. 123.
  • [5]  Testi Adottati, P6_TA(2008)0117.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (22.1.2009)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

           dwar proposta għal rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar is-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Brażil
(2008/2288(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Juan Fraile Cantón

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa’ l-irwol dejjem akbar tal-Brażil fix-xena internazzjonali, it-tkabbir tal-ekonomija tiegħu u r-relazzjonijiet ekonomiċi b'saħħithom bejn l-UE u l-Brażil;

2.  Iqis l-ewwel Samit bejn l-UE u l-Brażil li sar f’Liżbona fl-4 ta’ Lulju 2007, li fih il-Brażil u l-UE qablu biex isaħħu r-relazzjoni bilaterali tagħhom, li għandha tradizzjoni antika, u jinvolvu rwieħhom fi sħubija strateġika, bħala pass politiku ta' importanza kbira;

3.  Jappoġġja l-opinjoni li ngħatat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2008 bit-titlu "il-Multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni"(COM(2008)0566), li jenfasizza l-valur strateġiku għall-UE tad-"dimensjoni esterna tal-multilingwiżmu" fid-dinja globalizzata tal-lum; itenni l-fatt li "ċerti lingwi tal-UE huma mitkellma f'numru kbir ta' Stati mhux Membri f'kontinenti differenti", li jikkostitwixxu ħolqa importanti bejn il-popli u n-nazzjonijiet" u "għodda ta' komunikazzjoni siewja għan-negozju" b'mod partikolari fi "swieq ġodda bħall-Brażil", u li huma għodda ta' siwi rilevanti għall-koperazzjoni u l-iżviluppp ukoll;

4.  Jinnota li, minkejja l-iżvilupp ekonomiku u l-akkumulazzjoni tal-ġid, il-Brażil għad għandu numru kbir ta’ nies foqra; Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi appoġġjat il-gvern Brażiljan fl-isforzi tiegħu biex jindirizza l-faqar fl-ifqar reġjuni u fl-ifqar livelli tas-soċjetà, filwaqt li jitqies il-fatt li 65% tal-ifqar Brażiljani huma suwed jew b’etniċità mħallta, filwaqt li 86% ta’ dawk fl-aktar klassi privileġġjata huma bojod;

5.  Jilqa’ l-isforzi tal-Brażil biex jilħaq l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs), u jifraħlu għall-iżviluppi pożittivi f’oqsma bħal ma huma t-tnaqqis tal-faqar u tal-għadd tat-tfal b’nuqqas ta’ ikel sustanzjuż, u l-edukazzjoni bażika; Jenfasizza li l-Brażil għad għandu bżonn jagħmel sforzi konsiderevoli biex jilħaq l-MDGs kollha sal-2015, pereżempju billi jiżgura kwalità suffiċjenti fl-edukazzjoni bażika għall-bniet u s-subien kollha u jkompli jnaqqas il-mortalità tat-tfal taħt il-ħames snin; Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi hija dritt fundamentali u strument għall-kisba tal-MDGs li jeħtieġ li jkun preżenti fis-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Brażil;

6.  Ifakkar fil-problemi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Brażil li għad ma nstabulhomx tarf u jistieden kemm lill-awtoritajiet Brażiljani kif ukoll lill-Unjoni Ewropea biex iżidu u jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex iwaqqfu x-xogħol imjassar, b'mod partikulari fil-produzzjoni tal-kannamieli taz-zokkor;

7.  Jagħti l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Brażil biex jikkumbatti l-AIDS b'mediċini rħas, u jistieden lill-UE biex tkompli tinvestiga dwar il-liċenzji obbligatorji għal mediċini maħsuba għal mard pandemiku traskurat li jbatu minnu n-nies foqra;

8.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-diforestazzjoni u l-espansjoni tal-biedja fuq skala kbira wasslu għal telf ta' bijodiversità f'żoni kbar; jinnota li l-bidla globali fil-klima u d-diforestazzjoni jistgħu jwasslu għal konsegwenzi katastrofiċi għall-foresta tropikali u r-reġjun kollu u għalhekk jisħaq fuq l-importanza tal-integrazzjoni tal-bidla tal-klima globali fl-istrateġiji ta' koperazzjoni filwaqt li jiżgura d-drittijiet u l-parteċipazzjoni tal-indiġeni u ta' popli oħra dipendenti mill-foresta;

9.  Jitlob lill-awtoritajiet Brażiljani biex iżommu bilanċ bejn is-sorsi ta' enerġija li tiġġedded u s-sigurtà globali tal-ikel; jenfasizza, għalhekk, li jeħtieġ li l-pajjiż ikun involut fi strateġija fuq medda ta' żmien twil għall-iżvilupp sostenibbli u l-produzzjoni ta' agrofjuwils avvanzati għall-konsum lokali, billi jiġu evitati l-monokulturi li jkollhom effetti qerrieda fuq l-ambjent;

10.  Jinsisti li l-ammont disponibbli fil-qafas tal-Istrument ta' Koperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) għall-Brażil għandu jintuża għal miżuri li jappoġġjaw il-Brażil fil-ġlieda tiegħu kontra l-faqar u għall-kisba tal-MDGs u miżuri oħra li jistgħu jitqiesu bħala għajnuna ġenwina għall-iżvilupp, pereżempju fil-qasam ambjentali;

11.  Iqis li azzjonijiet favur is-sħubija bejn l-UE u l-Brażil, għarfien u ftehim reċiproku u programmi ta' skambju għandhom jiġu ffinanzjati minn strument apparti mid-DCI.RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.1.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Thijs Berman, Josep Borrell Fontelles, Danutė Budreikaitė, Marie-Arlette Carlotti, Thierry Cornillet, Corina Creţu, Koenraad Dillen, Beniamino Donnici, Fernando Fernández Martín, Juan Fraile Cantón, Alain Hutchinson, Filip Kaczmarek, Maria Martens, Luisa Morgantini, José Ribeiro e Castro, Toomas Savi, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Feleknas Uca, Anna Záborská, Jan Zahradil, Mauro Zani

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Berger, Raymond Langendries, Miguel Angel Martínez Martínez, Manolis Mavrommatis, Anne Van Lancker

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.2.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

56

4

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Sir Robert Atkins, Angelika Beer, Bastiaan Belder, André Brie, Colm Burke, Véronique De Keyser, Giorgos Dimitrakopoulos, Michael Gahler, Jas Gawronski, Georgios Georgiou, Alfred Gomolka, Richard Howitt, Jana Hybášková, Anna Ibrisagic, Ioannis Kasoulides, Metin Kazak, Maria Eleni Koppa, Helmut Kuhne, Joost Lagendijk, Willy Meyer Pleite, Francisco José Millán Mon, Pasqualina Napoletano, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Vural Öger, Janusz Onyszkiewicz, Ria Oomen-Ruijten, Ioan Mircea Paşcu, João de Deus Pinheiro, Hubert Pirker, Samuli Pohjamo, Pierre Pribetich, Raül Romeva i Rueda, Libor Rouček, Christian Rovsing, Flaviu Călin Rus, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Marek Siwiec, Hannes Swoboda, Konrad Szymański, Charles Tannock, Inese Vaidere, Kristian Vigenin, Andrzej Wielowieyski, Jan Marinus Wiersma, Zbigniew Zaleski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Alexandra Dobolyi, Árpád Duka-Zólyomi, Martí Grau i Segú, Milan Horáček, Aurelio Juri, Alexander Graf Lambsdorff, Marios Matsakis, Yiannakis Matsis, Nickolay Mladenov, Alexandru Nazare, Doris Pack, Athanasios Pafilis, Jean Spautz

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Emine Bozkurt, Ioannis Gklavakis, José Albino Silva Peneda, Antonios Trakatellis, Nikolaos Vakalis