RAPPORT dwar l-integrità tal-logħob tal-ażżard onlajn

17.2.2009 - (2008/2215(INI))

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Rapporteur: Christel Schaldemose

Proċedura : 2008/2215(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0064/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-integrità tal-logħob tal-ażżard onlajn

(2008/2215(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 49 tat-Trattat KE,

–    wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità mehmuża mat-Trattat KE,

–    wara li kkunsidra l-każistika żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej[1],

–    wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar servizzi fis-suq intern[2] (id-Direttiva dwar is-Servizzi),

–    wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televixin[3] (Id-Direttiva dwar is-servizzi tal-midja awdjoviżiva).

–    wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, b'mod partikulari l-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku)[4],

–    wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu[5],

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Mejju 2008 dwar il-'White Paper' dwar l-Isport[6],

–    wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur lill-Kummissjoni tas-16 ta' Ottubru 2006 dwar il-logħob tal-ażżard u l-imħatri fuq l-isports fis-Suq Intern[7] u d-dibattitu li ġej fil-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Komsumatur fl-14 ta' Novembru 2006, u t-tweġiba mogħtija mill-Membru tal-Kummissjoni,

–    wara li kkunsidra d-dokument informattiv dwar il-logħob tal-ażżard onlajn, li jiffoka fuq l-integrità u l-kodiċi ta' kondotta għal dan il-logħob, ippreparat għall-Parlament Ewropew mill-Europe Economics Research Ltd,

–    wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizzi tal-Logħob tal-Ażżard fis-Suq Intern tal-Unjoni Ewropea bid-data tal-14 ta' Ġunju 2006, ippreparat għall-Kummissjoni mill-Istitut Żvizzeru tal-Liġi Komparattiva (SICL),

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A6-0064/2009),

A.  billi bħalissa, il-logħob tal-ażżard, li jiswa EUR 2 sa 3 biljun fi dħul gross tal-logħob tal-2004, jilħaq bejn wieħed u ieħor 5% tas-suq totali tal-logħob fl-UE, kif ġie indikat mill-istudju msemmi hawn fuq mill-SICL, u l-iżvilupp rapidu jidher inevitabbli,

B.   billi d-dħul iġġenerat mill-gvern u l-attivitajiet tal-logħob awtorizzati mill-gvern huwa bil-bosta l-aktar sors importanti ta’ dħul għall-organizzazzjonijiet sportivi f’ħafna Stati Membri ,

C.  billi l-attivitajiet tal-logħob huma tradizzjonalment irregolati b'mod riġidu mill-Istati Membri kollha fuq il-bażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, sabiex il-konsumaturi jiġu protetti mid-dipendenza u mill-frodi, jiġi evitat il-ħasil tal-flus u reati finanzjarji oħra, bħal-logħob mixtri, u tinżamm l-ordni pubblika; billi l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja taċċetta restrizzjonijiet tal-libertà tal-istabbilitment u tal-libertà tal-għoti tas-servizzi fid-dawl ta' għanijiet ta' interess ġenerali, jekk dan isir b'mod proporzjonat u mhux diskriminatorju,

D.  billi l-Istati Membri kollha ddivrenzjaw tali restrizzjonijiet skond it-tip ta’ servizz ta’ logħob tal-ażżard ikkonċernat, bħal ma huma logħob fil-każinò, imħatri fuq l-isport, lotteriji jew imħatri fuq tiġrijiet taż-żwiemel; billi l-maġġoranza tal-Istati Membri jipprojbixxu l-operazzjoni – inkluż minn operaturi lokali - ta’ logħob tal-każinò fuq l-internet, u numru sinifikanti jipprojbixxu bl-istess mod l-operazzjoni tal-imħatri fuq sport fuq l-internet u lotteriji fuq l-internet,

E.   billi l-attivitajiet tal-logħob kienu esklużi mill-ambitu tad-Direttivi 2006/123/KE (Direttiva dwar is-Servizzi), 2007/65/KE (Direttiva dwar is-servizzi tal-midja awdjoviżiva) u 2000/31/KE (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), u l-Parlament Ewropew wera t-tħassib tiegħu dwar it-tneħħija possibbli tar-regolazzjoni tal-logħob tal-ażżard fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Mejju 2008 fil-White Paper dwar l-Isport,

F.  billi Stati Membri rregolaw s-swieq tradizzjonali tal-logħob tal-ażżard bil-għan li jipproteġu l-konsumatur kontra d-dipendenza, il-frodi, il-ħasil tal-flus u l-logħob mixtri; billi dawn l-oġġettivi ta’ politika huma aktar diffiċli li jintlaħqu fis-settur tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet,

G.  billi l-Kummissjoni fetħet proċeduri ta' ksur ta’ regolamenti kontra għaxar Stati Membri sabiex tivverifika jekk il-miżuri nazzjonali li jillimitaw il-forniment bejn il-fruntieri tas-servizzi tal-logħob tal-ażżard onlajn, b'mod partikulari l-imħatri fuq l-isports, humiex kompatibbli mil-liġi tal-Komunità, billi, kif enfassizat il-Kummissjoni, dawn il-proċeduri ma jolqtux l-eżistenza ta’ monopolji jew lotteriji nazzjonali bħala tali, lanqas ma għandhom xi implikazzjoni fuq il-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-logħob tal-ażżard in ġenerali,

H. billi għadd dejjem jiżdied ta’ kwistjonijiet preliminari dwar każi relatati mal-logħob tal-ażżard qed ikunu riferuti lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, li juru b’mod ċar nuqqas ta’ ċarezza dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja fir-rigward tal-logħob tal-ażżard,

I.    billi l-integrità fil-kuntest ta’ din ir-riżoluzzjoni dwar il-logħob tal-ażżard onlajn tfisser impenn biex jiġu evitati mhux biss il-frodi u r-reati imma wkoll il-problemi tal-logħob tal-ażżard u tal-logħob fost persuni taħt l-età, permezz ta' konformità mal-ħarsien tal-konsumatur u l-liġijiet kriminali, u l-ħarsien tal-kompetizzjonijiet sportivi minn influwenza mhux xierqa assoċjata mal-imħatri fuq l-isports,

J.    billi l-logħob tal-ażżard onlajn jgħaqqad ħafna fatturi ta' riskju relatati mal-problema tal-logħob, bħal fost l-oħrajn aċċess faċli għal-logħob, id-disponibilità ta' varjetà ta' logħob u inqas limitazzjonijiet soċjali[8],

K.  billi attivitajiet ta’ mħatri fuq l-isports u logħob fuq l-internet ieħor żviluppaw malajr u b'mod mhux ikkontrollata (partikularment fuq livell transkonfinali fuq l-Internet), u t-theddida dejjem eżistenti tal-logħob mixtri u l-fenomenu ta’ “lay bets” fuq avvenimenti sportivi speċifiċi jagħmel l-isports partikulament vulnerabbli għall-imġiba ta’ imħatri llegali,

Suq trasparenti li jipproteġi l-interessi tal-pubbliku u tal-konsumatur

1.   Jenfasizza li, bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u mal-każistika kostanti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom interess u dritt li jirregolaw u jimmonitorjaw is-swieq tal-logħob skont it-tradizzjoni u l-kultura tagħhom sabiex jipproteġu l-konsumaturi mid-dipendenza, il-frodi, il-ħasil tal-flus u l-logħob mixtri fl-isport kif ukoll biex jipproteġu l-istrutturi ta’ finanzjament mibnija kulturalment li jiffinanzjaw attivitajiet sportivi u kawżi soċjali oħrajn fl-Istati Membri ; jenfasizza li l-partijiet interessati l-oħra kollha ukoll għandhom interess f'suq tal-logħob li jkun ikkontrollat tajjeb u rregolat; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-operaturi tal-logħob tal-ażżard onlajn għandhom jirrispettaw il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn jipprovdu s-servizzi tagħhom u fejn jgħix il-konsumatur;

2.   Jenfasizza li s-servizzi tal-logħob tal-ażżard għandhom jitqiesu bħala attività ekonomika ta’ natura speċjali ħafna minħabba l-ordni soċjali u pubbliku u aspetti tal-ħarsien tas-saħħa marbuta magħha, fejn il-kompetizzjoni ma twassalx għal allokazzjoni aħjar ta’ riżorsi, li hija r-raġuni għala l-logħob tal-ażżard jeħtieġ approċċ fuq diversi livelli; jenfasizza li approċċ pur ta’ Suq Intern mhuwiex xieraq f’dan il-qasam sensittiv ħafna u jitlob lill-Kummissjoni li tagħti attenzjoni partikulari lill-fehmiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni;

3.   Jappoġġja x-xogħol mibdi fil-Kunsill taħt il-Presidenza Franċiża, li jindirizza l-kwistjonijiet fil-qasam ta’ logħob tal-ażżard u tal-imħatri fuq l-internet u tradizzjonali; Jitlob lill-Kunsill biex ikompli jorganizza diskussjonijiet formali dwar soluzzjoni politika potenzjali rigward kif għandhom jiġu ddefiniti u indirizzati l-problemi kkawżati mil-logħob tal-ażżard fuq l-internet, u jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġja dan il-proċess u twettaq studji u tressaq proposti xierqa meqjusa pożittivi mill-Kunsill għall-kisba tal-objettivi komuni fil-qasam tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet;

4.   Jitlob lill-Istati Membri biex jikkoperaw mill-qrib sabiex isolvu l-problemi soċjali u ta’ ordni pubbliku li joħorġu mil-logħob tal-ażżard transkonfinali fuq l-internet, bħal ma huma d-dipendenza fuq il-logħob tal-ażżard u l-użu ħażin tad-data personali jew tal-kards ta’ kreditu; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jikkoperaw mill-qrib mal-Istati Membri fil-ġlieda kontra s-servizzi mhux awtorizzati jew illegali kollha ta' logħob tal-ażżard li jiġu offruti fuq l-internet, u biex iħarsu lill-konsumaturi u jevitaw il-frodi; jenfasizza l-ħtieġa ta' pożizzjoni komuni dwar kif dan għandu jsir;

5.   Jisħaq li r-regolaturi u l-operaturi għandhom jikkoperaw mill-qrib mal-partijiet l-oħra interessati li joperaw fil-qasam tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet, eż. operaturi tal-logħob tal-ażżard, regolaturi, organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, organizzazzjonijiet tal-isport, assoċjazzjonijiet tal-industrija u l-midja, li jaqsmu bejniethom responsabiltà konġunta għall-integrità tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet u biex jinfurmaw lill-konsumaturi dwar il-konsegwenzi negattivi possibbli tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet;

It-trattament ta' frodi u mġiba kriminali oħra

6.   Jinnota li attivitajiet kriminali, bħal ma huma l-ħasil tal-flus u ekonomiji suwed, jistgħu jkunu assoċjati ma’ attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard u jħallu impatt fuq l-integrità ta’ avvenimenti sportivi; iqis li t-tħeddida għall-integrità ta’ l-isport u l-kompetizzjonijiet sportivi tħalli impatt fuq il-parteċipazzjoni fil-livell taċ-ċittadin, kontributur ewlieni għas-saħħa pubblika u l-integrazzjoni soċjali; huwa tal-fehma li, jekk sport jitqies bħala suġġett ta’ manipulazzjoni għall-qligħ finanzjarju għal plejers, uffiċjali jew partijiet terzi aktar milli jitlagħab skont il-valuri u r-regoli tiegħu u għat-tgawdija tad-dilettanti tiegħu, dan jista' jwassal għat-telf tal-fiduċja pubblika ;

7.   Huwa tal-fehma li ż-żieda fil-logħob tal-ażżard fuq l-internet tipprovdi iżjed opportunitajiet għal prattiki korrotti bħal ma huma l-frodi, il-logħob mixtri, il-kartelli tal-imħatri illegali u l-ħasil tal-flus, għax il-logħob tal-ażżard fuq l-internet jista’ jitwaqqaf u jiżżarma b’mod mgħaġġel ħafna u minħabba l-proliferazzjoni tal-operaturi offshore; jistieden lill-Kummissjoni, l-Europol u istituzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali oħra biex jimmonitorjaw mill-qrib u jirrapportaw dwar sejbiet f’dan il-qasam;

8.   Iqis li l-protezzjoni tal-integrità tal-avvenimenti u l-kompetizzjonijiet sportivi jeħtieġu kooperazzjoni bejn is-sidien tad-drittijiet tal-isports, l-operaturi tal-imħatri onlajn u l-awtoritajiet pubbliċi fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE u dak internazzjonali;

9.   Jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-organizzaturi tal-kompetizzjonijiet sportivi, l-operaturi tal-imħatri u r-regolaturi jikkoperaw fuq miżuri biex jindirizzaw ir-riskji marbuta mal-imġiba illegali rigward l-imħatri u l-logħob mixtri fl-isport u jesploraw it-twaqqif ta' qafas regolatorju ekwu, sostenibbli u li jaħdem biex jipproteġi l-integrità tal-isport;

10. Jenfasizza li l-imħatri tal-isport huma forma ta' esplojtazzjoni kummerċjali tal-kompetizzjonijiet sportivi, u jirrakkomanda li l-Istati Membri jipproteġu l-kompetizzjonijiet tal-isport minn kwalunkwe użu kummerċjali mhux awtorizzat, b'mod partikulari billi jirrikonxxu d-drittjiet tal-organizzaturi tal-isport, u jimplimentaw arranġamenti biex jiżguraw profitti finanzjarji ġusti għall-benefiċċju tal-livelli kollha tal-isport professjonali jew amateur; jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina jekk hux possibbli li l-organizzaturi tal-kompetizzjonijiet jingħataw dritt tal-proprjetà intellettwali (xi tip ta' "dritt tar-ritratti persunali") fuq il-kompetizzjonijiet tagħhom;

Il-prevenzjoni tal-ħsara lill-konsumatur

11.  Iqis li l-opportunità potenzjali dejjem preżenti pprovduta mill-Internet biex tilgħab l-ażżard fuq l-internet fil-privatezza b’riżultati immedjati u bil-possibiltà li jintlagħbu somom kbar ta’ flus, toħloq potenzjal ġdid għad-dipendenza fuq il-logħob tal-ażżard,; jinnota, madankollu, li l-impatt sħiħ fuq il-konsumaturi tal-forom speċifiċi tas-servizzi tal-logħob tal-ażżard offruti fuq l-internet għadu mhux magħruf u għandu jiġi rriċerkat f'aktar dettall;

12. Jiġbed l-attenzjoni għat-tħassib li qed jiżdied dwar il-ħila ta’ persuni żgħażagħ li jsibu opportunitajiet ta’ logħob tal-ażżard fuq l-internet, kemm legali kif ukoll illegali, u jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm kontroll aktar effettiv tal-età u sabiex ikun evitat li lagħba taħt l-età jilagħbu f'wirjiet b’xejn fuq il-websajts;

13. Jirrimarka li ż-żgħażagħ, b'mod partikulari, jistgħu ma jagħmlux differenza faċilment bejn il-kunċetti ta' xorti, destin, riskju u probabiltà; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-fatturi ta’ riskju ewlenin li jistgħu jżidu l-probabiltà li persuna (żagħżugħa) tiżviluppa problema ta’ logħob tal-ażżard, u sabiex isibu għodod li jimmiraw lejn dawk il-fatturi;

14.  Huwa mħasseb dwar ir-rabta li dejjem tikber bejn it-televixin interattiv, il-mowbajls u s-siti tal-internet biex joffru logħob remot jew logħob tal-ażżard fuq l-internet immirat b'mod partikulari għall-minorenni; iqis li dan l-iżvilupp se jwassal għal sfidi ġodda regolatorji u rigward il-ħarsien soċjali;

15.  Huwa tal-fehma li l-logħob tal-ażżard onlajn għandu t-tendenza jwassal għal riskji għall-konsumatur u li l-Istati Membri jistgħu għalhekk jirristrinġu b'mod leġittimu l-libertà li jiġu provduti servizzi għal-logħob tal-ażżard onlajn sabiex jiġu protetti l-konsumaturi;

16. Jenfassiza li l-ġenituri għandhom ir-responsabiltà li jipprevjenu logħob tal-ażżard minn persuni taħt l-età u d-dipendenza tal-minorenni fuq il-logħob tal-ażżard;

17.  Fl-istess ħin jitlob lill-Istati Membri biex jallokaw fondi adegwati għar-riċerka dwar il-problemi marbuta mal-logħob tal-ażżard onlajn u l-prevenzjoni u t-trattament tagħhom;

18. Jikkunsidra li l-profitt mil-logħob tal-ażżard għandu jintuża għall-benefiċċju tas-soċjetà, li jinkludi l-iffinanzjar kontinwu għall-edukazzjoni, is-saħħa, l-isport professjonali u tad-dilettanti u l-kultura;

19.  Jappoġġja l-iżvilupp ta' standards għal-logħob tal-ażżard fuq l-internet rigward l-età, projbizzjoni tal-iskemi tal-kreditu u tal-bonus biex jitħarsu l-lagħba vulnerabbli, l-informazzjoni dwar il-konsegwenzi possibbli tal-logħob, l-informazzjoni dwar fejn tista’ tinstab l-għajnuna f’każ ta’ dipendenza, id-dipendenza potenzjali ta’ ċertu logħob, u oħrajn;

20. Jistieden lill-partijiet interessati biex jindirizzaw ir-riskju ta’ iżolament soċjali kkawżat minn dipendenza fuq logħob tal-ażżard fuq l-internet;

21.  Iqis li l-awtoregolazzjoni dwar ir-reklamar, il-promozzjoni u l-provvista tal-logħob onlajn mhijiex effettiva biżżejjed u għalhekk jenfasizza l-ħtieġa kemm ta' koregolazzjoni kif ukoll ta' koperazzjoni bejn l-industrija u l-awtoritajiet;

22.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkoperaw fil-livell tal-UE biex jieħdu miżuri kontra kwalunkwe reklamar jew kummerċjalizzazzjoni aggressiva minn kwalunkwe operatur pubbliku jew privat tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet, inklużi l-wirjiet bla ħlas ta' logħob, biex b'mod partikulari jipproteġu lagħba u konsumaturi vulnerabbli, bħal ma huma t-tfal u ż-żgħażagħ;

23. Jissuġġerixxi li tkun studjata l-possibiltà li jkun introdott ammont massimu li persuna tista’ tuża għall-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard kull xahar jew li l-operaturi tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet ikunu obbligati li jużaw kards imħallsa qabel għal-logħob tal-ażżard fuq l-internet u li għandhom jinbigħu mill-ħwienet;

Kodiċi ta' Kondotta

24. Jinnota li Kodiċi ta' Kondotta jista' tkun għodda utli biex jintlaħqu xi objettivi pubbliċi (u privati) u jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi, tibdiliet fil-preferenzi tal-konsumatur jew l-iżviluppi fl-istrutturi tas-suq;

25. Jisħaq fuq il-fatt li, fl-aħħar mill-aħħar, Kodiċi ta’ Kondotta jibqa’ approċċ awtoregolatorju mmexxi mill-industrija u għalhekk jista’ jservi biss bħala żieda mal-leġiżlazzjoni, u mhux bħala sustitut;

26. Jenfasizza wkoll li l-effettività ta' Kodiċi ta' Kondotta tiddependi ħafna mir-rikonoxximent tiegħu mir-regolaturi nazzjonali u l-konsumaturi, kif ukoll mill-infurzar tiegħu;

L-immonitorjar u r-riċerka

27.  Jitlob lill-Istati Membri biex jiddokumentaw il-firxa u t-tkabbir tas-swieq tagħhom tal-logħob tal-ażżard onlajn, kif ukoll l-isfidi li joħorġu mil-logħob tal-ażżard onlajn;

28.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tibda riċerka dwar il-logħob tal-ażżard onlajn u r-riskju li tiżviluppa dipendenza fuq il-logħob, per eżempju kif ir-reklamar jinfluwenza d-dipendenza fuq il-logħob, jekk huwiex possibbli li tinħoloq kategorizzazzjoni Ewropea komuni tal-logħob skont il-potenzjal tad-dipendenza, u miżuri preventivi u rimedjali possibbli;

29. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina b’mod partikulari l-irwol tar-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni (inklużi logħob ta’ dimostrazzjoni bla ħlas, fuq l-internet) li direttament jew impliċitament iħeġġu persuni żgħażagħ taħt l-età jilagħbu l-ażżard;

30. Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Europol u l-awtoritajiet nazzjonali biex jiġbru u jiskambjaw informazzjoni dwar il-firxa tal-frodi u mġiba kriminali oħra fis-settur tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet per eżempju fost l-atturi involuti fis-settur;

31.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, f'koperazzjoni mill-qrib mal-gvernijiet nazzjonali, tistudja l-effetti ekonomiċi u mhux ekonomiċi tal-provvista tas-servizzi tal-logħob transkonfinali f'relazzjoni mal-integrità, ir-responsabilità soċjali, il-protezzjoni tal-konsumatur u kwistjonijiet relatati mat-taxxa;

32. Jisħaq fuq l-importanza li l-Istat Membru tar-residenza tal-konsumatur ikun kapaċi li jikkontrolla, jillimita u jissorvelja b’mod effettiv is-servizzi tal-logħob tal-ażżard provduti fit-territorju tiegħu;

33. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiċċaraw il-post ta’ tassazzjoni tal-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet;

° °

34.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  Schindler 1994 (C-275/92), Läärä 1999 (C-124/97), Zenatti 1999 (C-67/98), Anomar 2003 (C-6/01), Gambelli 2003 (C-243/01), Lindman 2003 (C-42/02), Placanica 2007 (C-338/04), Unibet 2007 (C- 432/05), UNIRE 2007 (C– 260/04).
  • [2]  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.
  • [3]  ĠU L 332, 18.12.2007, p. 27.
  • [4]  ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.
  • [5]  ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.
  • [6]  Testi adottati, P6_TA(2008)0198.
  • [7]  O-0118/2006.
  • [8]  Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Bot tal-14 ta’ Ottubru 2008 fil-każ C-42/07; ara wkoll l-istudju msemmi hawn fuq mill-SICL f’paġna1450; Professor Gill Valentine, Literature review of children and young people’s gambling (Ikkummissjonata mill-Kummissjoni tal-Ingilterra għal-Logħob tal-Ażżard ), Settembru 2008.

NOTA SPJEGATTIVA

I. Introduzzjoni

L-attivitajiet ta' logħob jinvolvu mħatri b'valur monetarju f'logħob tax-xorti, inklużi lotteriji u tranżazzjonijiet ta' logħob tal-ażżard.

Il-logħob tal-ażżard onlajn ilu jeżisti mill-1996, fejn l-ewwel logħba kienet saret disponibbli fil-Finlandja. Minn dak iż-żmien 'l hawn, is-suq għal-logħob tal-ażżard onlajn kiber ġmielu. Fl-2003, ġie stmat li s-suq kummerċjali tal-logħob tal-ażżard onlajn fl-UE 25 iġġenera Dħul Gross tal-Logħob (il-gwadann tal-operatur wara li jitneħħew il-pagamenti tal-premjijiet) ta' €51.5 biljun fl-2003. Fil-preżent, il-logħob onlajn permezz tal-Internet, il-mowbajls jew it-TV interattiv jagħmel bejn wieħed u ieħor 5% tas-suq tal-logħob tal-ażżard totali fl-UE, li fl-2004 jiswa minn € 2 sa 3 biljuni fi Dħul Gross tal-Logħob. Is-suq Ewropew tal-logħob tal-ażżard onlajn huwa mistenni li jikber b'rata minima ta' 8.4 fil-mija fis-sena (fl-Awstrija u l-Ungerija) għal massimu ta' 17.6 fil-mija (fl-Italja)[1].

Għalhekk l-Istati Membri m'għandhomx għażla ħlief li jadattaw u jiżviluppaw regolament sabiex ilaħħqu mal-preferenzi tal-konsumatur u mas-servizzi tal-fornituri. In-natura speċifika tal-logħob onlajn tikkawża ċertu diffikultajiet għal-leġiżlaturi fl-Istati Membri. L-ewwel nett, il-logħob onlajn jinvolvi element transkonfinali li jagħmilha possibbli għall-operaturi tal-logħob onlajn li jipprovdu s-servizzi tagħhom lil konsumaturi fi Stati Membri oħra apparti dak li jkunu bbażati fih. Għalhekk il-konsumaturi jistgħu ma jkunux jafu f'liema pajjiż ikun ibbażat il-fornitur tagħhom tas-servizz. It-tieni nett, il-logħob onlajn joħloq riskju miżjud li l-fornituri tal-logħob onlajn ma jkunux kapaċi jivverifikaw l-identità tal-konsumatur ladarba l-persuna li tkun qed tuża kard ta' kreditu taf ma tkunx il-propja sid ta' din il-kard. It-tielet nett, is-siti tal-logħob onlajn jistgħu jitwaqqfu b'mod mgħaġġel u għalhekk l-operaturi mhux onesti jistgħu jitfaċċaw u jisparixxu f'perjodu qasir ta' żmien. Ir-raba' nett, huwa diffiċli għall-operaturi tal-logħob onlajn li jissorveljaw il-klijenti tagħhom b'differenza għal-logħob konvenzjonali fejn hu possibbli li wieħed jara jekk konsumatur ikunx taħt l-età, huwiex fis-sakra jew b'modi oħra intossikat jew jekk ikunx qed iġib ruħu b'mod suspettuż. Ladarba wkoll l-aċċess għas-servizzi tal-logħob tal-ażżard onlajn huwa faċli u jista' jsir b'mod iżolat, il-kontrolli u l-limitazzjonijiet soċjali li jistgħu jsiru bil-preżenza ta' oħrajn huma neqsin.

II. Regolazzjoni

Is-swieq Ewropej tal-logħob tal-ażżard onlajn huma rregolati b'mod nazzjonali bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Għalhekk, l-oqfsa regolatorji għas-suq tal-logħob (konvenzjonali u onlajn) fl-UE huma pjuttost eteroġeni. Il-logħob tal-ażżard onlajn huwa permess f'għoxrin Stat Membru, filwaqt li seba' Stati Membri pprojbixxew il-logħob onlajn. Tlettax-il Stat Membru għandhom suq liberalizzat, filwaqt li sitta għandhom monopolji statali u Stat Membru ta permess għal monopolju privat[2].

L-Istati Membri li pprojbixxew il-logħob onlajn għal kollox jew li jippermettu biss li jeżisti taħt kundizzjonijiet ta' monopolju jiddiskutu li dawn il-limitazzjonijiet huma ġġustifikati minħabba l-ordni soċjali u pubblika. Madankollu, kien hemm diskussjonijiet kbar dwar l-hekk imsejħa monopolji nazzjonali tal-logħob tal-ażżard. Numru kbir ta' lmenti ntbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea mill-kumpaniji tal-logħob tal-ażżard, minn persuni privati u mill-organizzazzjonijiet tal-midja li jħossu li ċertu Stati Membri qed jipproteġu s-swieq tagħhom tal-logħob tal-ażżard u d-dħul li jidħol mill-monopolji tagħhom b'mod mhux legali. B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni bdiet proċeduri ta' ksur ta’ regolamenti kontra għaxar Stati Membri sabiex tivverifika jekk il-miżuri nazzjonali li jillimitaw il-forniment bejn il-fruntieri tas-servizzi tal-logħob tal-ażżard onlajn humiex kompatibbli mal-liġi tal-Komunità[3].

Il-kwistjoni tar-regolazzjoni tas-swieq tal-logħob tal-UE, kemm jekk huma konvenzjonali jew onlajn, hija sensittiva ħafna. Imma hemm bżonn ċar ta' kjarifika dwar l-ambjent regolatorju li jikkonċerna l-logħob tal-ażżard onlajn. Fil-preżent, bosta mill-każijiet pendenti fil-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea bħalissa huma marbuta mal-logħob tal-ażżard. Din is-sitwazzjoni mhijiex sodisfaċenti għall-Qorti kif ukoll għall-Istati Membri, il-konsumaturi u l-fornituri tal-logħob tal-ażżard onlajn.

Numru ta' każijiet rigward il-logħob tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, li ftit minnhom diġà nqatgħu (il-każistika t'hawn taħt) u ħafna oħrajn għadhom pendenti. Il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tikkonsisti mill-każijiet li ġejjin: Schindler 1994 (C-275/92), Läärä 1999 (C-124/97), Zenatti 1999 (C-67/98), Anomar 2003 (C-6/01), Gambelli 2003 (C-243/01), Lindman 2003 (C-42/02), Placanica 2007 (C-338/04), Unibet 2007 (C – 432/05) u UNIRE 2007 (C – 260/04).

F'dawn il-każijiet il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ddikjarat li l-libertà tal-moviment (l-Artikolu 49 tat-Trattat UE) tapplika għas-servizzi tal-logħob tal-ażżard. Madankollu, il-qorti ddikjarat ukoll li l-logħob jista' jkollu ċertu aspetti morali, reliġjużi u kulturali, jinvolvi riskju għoli ta' reati jew frodi u jista' jkollu konsegwenzi individwali u soċjali ta' ħsara[4].

Ir-restrizzjonijiet jistgħu għalhekk ikunu ġġustifikati jekk ikunu neċessarji għall-protezzjoni tal-konsumatur, għaż-żamma tal-ordni pubblika (prevenzjoni ta' frodi u reati), għaż-żamma tal-ordni soċjali (kultura u morali) u għall-prevenzjoni tal-logħob milli jsir sors ta' profitt privat[5]. Madankollu, ir-restrizzjonijiet iridu jservu biex jillimitaw l-attivitajiet tal-imħatri b'mod konsistenti u sistematiku, iridu jiġu applikati b'mod mhux diskriminatorju u ma jridux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan previst[6].

Għandu jkun innotat ukoll li fl-14 ta' Novembru 2006, il-Kummissarju McCreevy wieġeb għall-Mistoqsija Orali dwar il-Logħob tal-Ażżard imressqa minn Arlene McCarthy, President tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, matul is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu. Hawnhekk il-Kummissarju ddikjara li, fil-preżent, l-armonizzazzjoni fl-UE kollha tal-leġiżlazzjoni li tirregola l-logħob mhijiex possibbli.

III. L-integrità

L-objettiv ta' dan ir-rapport huwa li jiffoka fuq l-integrità tal-logħob tal-ażżard onlajn. L-integrità hija l-ewwel nett meqjusa bħala sett ta' valuri li jimmiraw li jevitaw il-frodi: min-naħa tal-operaturi tal-logħob onlajn kontra l-konsumaturi jew mill-konsumaturi kontra l-operaturi tal-logħob onlajn jew mill-konsumaturi kontra konsumaturi oħra. L-integrità tinkludi wkoll, f'dan is-sens, il-mezzi kollha biex jiġu evitati l-attivitajiet kriminali bħal ma huma l-ħasil tal-flus. F'dan ir-rapport, l-integrità hija wkoll meqjusa bħala l-imġiba tal-operaturi tal-logħob tal-ażżard onlajn. Għalhekk, dan ir-rapport ikopri wkoll il-logħob tal-ażżard li jaf ikun hemm dipendenza fuqu u ta' taħt l-età.

Ħafna mill-konsumaturi huma kapaċi jilagħbu mingħajr ma jirriskjaw dipendenza psikoloġika, imma madankollu numru żgħir imma sinifikanti ta' individwi jirriskjaw li jsiru lagħba problematiċi. Il-WHO tiddefinixxi l-logħob problematiku bħala kwalunkwe logħob eċċessiv li jwassal għal problemi finanzjarji, soċjali u/jew psikoloġiċi[7]. Ir-riskju ta' dipendenza fuq il-logħob ġeneralment imur għall-agħar bid-disponibilità permanenti tal-opportunità tal-logħob, bil-frekwenza tar-rebħiet, bin-natura eċitanti u attraenti tal-logħob, bil-possibilità li jintrebħu somom kbar, bid-disponibilità ta' kreditu biex jintlagħab, billi l-logħob jitqiegħed f'postijiet fejn in-nies jistgħu jilagħbu b'mod impulsiv, u l-fatt li m'hemmx kampanja tal-informazzjoni rigward ir-riskji tal-logħob tal-ażżard[8].

Il-logħob onlajn jgħaqqad numru ta' fatturi ta' riskju bħal dawn relatati mal-logħob problematiku. Per eżempju, l-operaturi onlajn huma kapaċi joffru varjetà kbira ta' logħob (imħatri, roulette, poker, magni tal-logħob, eċċ.) u jintroduċu logħob ġdid b'mod regolari, bl-użu ta' promozzjoni u tekniki ta' mira ġodda, li jinvolvu l-aħħar teknoloġija għar-riċerka tad-data dwar l-imġiba tal-konsumaturi (l-infiq), li jżommu lill-konsumatur imwaħħal mal-iskrijn. Aspett ta' tħassib huwa r-rabta li dejjem tikber bejn is-siti multimedjali, bħat-televixin, is-servizzi tal-mowbajls u tal-SMS u s-siti tal-internet biex joffru logħob remot jew onlajn, li jagħmluha faċli u soċjalment aċċettabbli li wieħed jipparteċipa f'dak il-logħob, speċjalment għal persuni aktar żgħażagħ.

  • [1]  Global Entertainment and Media Outlook: 2008-2012, p. 623 ta' PricewaterhouseCoopers. L-iżvilupp huwa kkalkulat bħala ż-żieda akkumulata fid-dħul tal-logħob tal-ażżard annwali.
  • [2]  Il-Logħob tal-Ażżard Onlajn, dokument informattiv għall-Parlament Ewropew, Europe Economics, XX ta' Ottubru 2008
  • [3]  http://ec.europa.eu/internal_market/services/gambling_en.htm
  • [4]  Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fis-sentenza Schindler, C-275/92
  • [5]  SICL (2006), p. xxvi
  • [6]  Is-sentenza Gambelli C-243/01
  • [7]  WHO (1992) The ICD-10 Classification of mental and behavioural disorders, Ġinevra. Termini oħra użati b'mod komuni jinkludu l-logħob patoloġiku, kompulsiv, diżordnat, eċċessiv u dipendenti.
  • [8]  Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Bot tal-ECJ, l-14 ta' Ottubru 2008 fil-każ C-42/07; ara wkoll SICL (2006), p. 1450

OPINJONI TAL-MINORANZA

imressqa skont l-Artikolu 48(3) tar-Regoli ta' Proċedura

Malcolm Harbour, Colm Burke, Charlotte Cederschiöld, Giles Chichester, Bill Newton Dunn, Małgorzata Handzlik, Christopher Heaton-Harris, Zita Pleštinská, Salvador Domingo Sanz Palacio, Andreas Schwab, Marian Zlotea.

Ninsabu mħassbin li l-kontenut tar-rapport imur lil hinn mill-ambitu tal-inizjattiva li kellha l-għan li tiffoka fuq it-trasparenza tas-suq tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet, l-integrità tal-operaturi tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet u l-ħsara li jista' jġarrab il-konsumatur minħabba l-industrija tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet.

Aħna tal-fehma li r-rapport inaqqas l-importanza ta' uħud mill-prinċipji tas-Suq Waħdieni, li xi aspetti ewlenin tas-suq tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet jistgħu jinftiehmu ħażin u li r-rapport ma jirriflettix b'mod adegwat il-qagħda fl-Istati Membri kollha. F'uħud mill-Istati Membri diġà jeżistu swieq li jaħdmu sew u li huma rregolati sew, u li jagħtu ċ-ċans lill-konsumaturi li jilgħabu f'ambjent ta' sigurtà u ta' sikurezza fuq l-internet.

Aħna naċċettaw li l-miġja tal-internet tippreżenta sfidi rigward il-ħarsien tal-konsumatur fuq medda ta' żmien twila, iżda dawn jistgħu jiġu rregolati b'mod effettiv, mingħjar projbizzjoni; jinnota l-ħidma li diġà twettqet mill-operaturi Ewropej responsabbli sabiex itejbu l-istandards u jiżguraw is-sikurezza tal-konsumaturi.

Nixtiequ nenfasizzaw l-avvanzi li diġà twettqu minn xi ġurisdizzjonijiet fl-iżvilupp ta' sistemi regolatorji u l-benefiċċji potenzjali ta' swieq aktar miftuħa iżda rregolati b'mod effettiv; jinnota wkoll il-limitazzjonijiet prattiċi u legali ta' metodi proposti biex tiġi mblukkata l-provvista tas-servizz fuq l-internet.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.2.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

10

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mogens Camre, Charlotte Cederschiöld, Gabriela Creţu, Janelly Fourtou, Evelyne Gebhardt, Martí Grau i Segú, Małgorzata Handzlik, Malcolm Harbour, Anna Hedh, Edit Herczog, Pierre Jonckheer, Kurt Lechner, Lasse Lehtinen, Toine Manders, Catiuscia Marini, Arlene McCarthy, Nickolay Mladenov, Catherine Neris, Bill Newton Dunn, Zita Pleštinská, Karin Riis-Jørgensen, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Leopold Józef Rutowicz, Salvador Domingo Sanz Palacio, Christel Schaldemose, Eva-Britt Svensson, Jacques Toubon, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Emmanouil Angelakas, André Brie, Colm Burke, Giles Chichester, Joel Hasse Ferreira, Filip Kaczmarek, Andrea Losco, Manuel Medina Ortega, José Ribeiro e Castro

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Hannan, Alexandru Nazare, Giovanni Rivera