Proċedura : 2008/2237(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0074/2009

Testi mressqa :

A6-0074/2009

Dibattiti :

PV 09/03/2009 - 18
CRE 09/03/2009 - 18

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2009 - 8.19
CRE 10/03/2009 - 8.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0100

RAPPORT     
18.2.2009
PE 413.994v01-00 A6-0074/2009

dwar l-Att tan-Negozji Żgħar

(2008/2237(INI))

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

Rapporteur għal opinjoni: Edit Herczog

Rapporteur għal opinjoni (*):

Gunnar Hökmark, Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Martí Grau i Segú, Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

(*) Kumitati assoċjati – Artikolu 47 tar-Regoli ta’ Proċedura

ERRATA/ADDENDA
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
 OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali
 OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
 RESULT OF FINAL VOTE IN COMMITTEE

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Att tan-Negozji Żgħar

(2008/2237(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ġunju 2008 bl-isem “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" - "Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa (COM(2008)0394) u magħha d-dokumment ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tal-impatt (SEC(2008)2102),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-30 ta' Novembru 2006 dwar 'Wasal iż-żmien li ningranaw - Noħolqu Ewropa ta' intrapreditorija u tkabbir'(1) tad-19 ta' Jannar 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-Karta Ewropea għall-Intrapriżi Żgħar(2),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-2715-il Kunsill dwar il-politika għat-tkabbir u l-impjiegi għall-SMEs u l-Konklużjonijiet tal-2891-il Kunsill tal-1 u 2 ta' Diċembru 2008,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-12 ta' Frar 2009,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-14 ta' Jannar 2009,

–   wara li kkunsidra l-għażla ta’ prattika tajba tal-2008 tal-Karta Ewropea għal Intrapriżi Żgħar,

–   wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tas-Servizzi tal-Kummissjoni intitolat kodiċi Ewropea tal-aħjar prattiki li jiffaċilitaw l-aċċess ta’ SMEs għal kuntratti ta’ akkwisti pubbliċi (SEC(2008)2193),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-8 ta’ Ottubru 2007 intitolata Żgħar, nodfa u kompetittivi – Programm biex jgħin intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ambjentali(3),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2008 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għal Konsum u Produzzjoni Sostenibbli u Politika Industrijali Sostenibbli (COM(2008)0397),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2008 bl-isem Strateġija għall-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Industrijali (COM(2008)0465),

–   wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Group ta’ Esperti ta’ Livell Għoli ta' Partijiet Interessati Indipendenti dwar it-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi tal-10 ta’ Lulju 2008 fil-qasam prijoritarju tal-liġi tal-kumpaniji, u tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar ir-riforma tar-regoli dwar il-fatturar fid-Direttiva 2006/112/KE (Direttiva tal-VAT),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0074/2009),

A. billi t-23 miljun intrapriża żgħira u ta’ daqs medju (SMEs) fl-UE, li jirrappreżentaw madwar 99% tal-intrapriżi kollha u li jipprovdu iktar minn 100 miljun impjieg, għandhom irwol fundamentali b’rabta mal-għoti ta’ kontribuzzjoni għall-iżvilupp ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u l-ħolqien tal-impjiegi, huma sors maġġuri ta’ innovazzjoni u huma vitali għaż-żamma u t-tkabbir tal-impjiegi,

B.  billi l-SMEs iridu jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-politiki kollha tal-Komunità dwar il-kompetittività sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw u jadattaw ruħhom għat-talbiet tal-globalizzazzjoni, jipparteċipaw fit-trijangolu tal-għarfien u jadattaw ruħhom għal sfidi ambjentali u tal-enerġija,

C. billi fil-qasam tan-negozju tal-SMEs ftit intwera titjib, jew titjib li bil-kemm huwa evidenti, minkejja inizjattivi li ttieħdu iktar kmieni mill-Unjoni Ewropea sa mis-sena 2000,

D. billi l-maġġoranza assoluta tal-SMEs huma mikrointrapriżi, negozji tal-familja, ta' ħaddiema tas-snajja' u koperattivi li huma l-inkubaturi naturali tal-kultura intraprenditorjali u, għaldaqstant, iwettqu rwol importanti fit-tisħiħ tal-inklużjoni soċjali u tal-impjiegi indipendenti,

E.   billi l-SMEs m’għandhomx biżżejjed appoġġ biex jiddefendu ruħhom minn prattiki kummerċjali transkonfinali mhux ġusti, bħal ma huma dawk ta’ kumpaniji tad-direttorji kummerċjali qarrieqa,

F.  billi, minkejja d-differenzi tagħhom, l-SMEs tal-Ewropa jaffrontaw ħafna mill-istess sfidi fil-ksib tal-potenzjal sħiħ tagħhom, f’oqsma bħall-ispejjeż amministrattivi u ta’ konformità li huma relattivament ogħla minn ta’ impriżi ikbar minnhom, aċċess għall-finanzi u s-swieq, l-innovazzjoni u l-ambjent,

G. billi, bħala kontribuzzjoni ewlenija għall-ksib ta’ ambjent li jħares l-SMEs, il-perċezzjoni tal-irwol tal-intraprendituri u t-teħid tar-riskju trid tinbidel: l-intraprenditorija u d-disponibiltà assoċjata magħha li jrid jittieħed riskju għandhom ikunu mfaħħra mill-mexxejja politiċi u l-midja, u appoġġjati mill-amministrazzjonijiet,

H. billi l-SMEs, meta jibdew il-proċessi tal-internazzjonalizzazzjoni tagħhom, ikollhom jittrattaw problemi speċifiċi, bħan-nuqqas ta’ esperjenza internazzjonali, l-iskarsezza ta’ riżorsi umani b’esperjenza, qafas regolatorju internazzjonali kumpless ħafna u l-ħtieġa li jdaħħlu tibdiliet fl-organizzazzjoni u l-kultura tan-negozju,

I.   billi l-Parlament ta' spiss innota b’dispjaċir li n-nuqqas ta’ forza ġuridika vinkolanti tal-Karta Ewropea għall-Impriżi ż-Żgħar li pperikolat l-implimentazzjoni ġenwina tagħha u li l-għaxar rakkomandazzjonijiet tagħha fil-maġġoranza tagħhom baqgħu injorati; billi għalhekk talab lill-Kunsill biex jistħarreġ dik il-kwistjoni fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2006, imsemmija hawn fuq,

Ġenerali

1.  Jappoġġja bil-qalb il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni diġà msemmija hawnhekk tal-25 ta’ Ġunju 2008, bil-għan ta’ ġestjoni ta’ aġenda politika ambizzjuża għall-promozzjoni tat-tkabbir tal-SMEs permezz tal-għaxar prinċipji ta’ gwida u ta’ stabbiliment tal-approċċ “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” fit-tfassil tal-politika fil-livelli kollha;

2.  Jiddispjaċih, madankollu, li l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (Small Business Act - SBA) mhuwiex strument vinkolanti ġuridikament; iqis li l-aspett tabilħaqq innovattiv tiegħu jinsab fl-intenzjoni li jqiegħed fil-qalba tal-politiki Ewropej il-prinċipju ta' "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir"; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jingħaqdu mal-Parlament fl-isforzi tiegħu biex jistabbilixxi dan il-prinċipju bħala regola vinkolanti f'xi forma li għad trid tiġi stabbilita, sabiex jiżgura l-implimentazzjoni tiegħu fil-leġiżlazzjoni Komunitarja kollha tal-futur;

3.  Jenfasizza l-ħtieġa assoluta li jiġu implimentati l-għaxar prinċipji gwida fil-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjunali; jitlob għalħekk lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jimpenjaw ruħhom bil-qawwa sabiex jiżguraw implimentazzjoni xierqa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jaħdmu f'koperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati kollha relevanti sabiex jiddefinixxu l-prijoritajiet u jimplimentaw b'urġenza, b'mod partikulari fil-livell nazzjonali, il-Pjan ta' Azzjoni tal-SBA adottat mill-Kunsill għall-Kompetittività fl-1 ta' Diċembru 2008, sabiex jiġi żgurat li l-partijiet kollha involuti jiksbu pussess effettiv ta’ dawn il-prinċipji ta’ gwida;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli ssaħħaħ il-viżibiltà u l-għarfien ta’ azzjonijiet politiċi relatati mal-SMEs billi jinġabru flimkien l-istrumenti u l-fondi Komunitarji eżistenti għall-SMEs taħt titolu separat fil-baġit tal-UE;

5.  Huwa konvint bis-sħiħ li huwa vitali li jkun introdott mekkaniżmu ta’ segwitu għall-immoniterjar tal-implimentazzjoni korretta u ta' malajr ta’ dawk l-inizjattivi politiċi li diġà tnedew; għalhekk, jistieden lill-Kunsill sabiex idaħħal l-azzjonijiet li jridu jittieħdu fil-livell tal-Istati Membri bħala parti mil-proċess ta’ Liżbona u biex jinforma kull sena lill-Parlament dwar il-progress li jkun sar;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi sistema ta’ eżaminanazzjoni għall-immoniterjar tal-progress li jsir wara l-implimentazzjoni tal-10 prinċipji gwida mill-Kummissjoni u l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi kriterji standard ta' evalwazzjoni biex jassessjaw il-progress li jsir; jistieden lill-Istati Membri biex jinkorporaw l-ewwel rapport dwar il-progress magħmul fir-rapporti annwali li jmiss dwar il-programmi ta' riforma nazzjonali;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa li ssir enfasi partikolari fuq l-impriżi tas-snajja, tal-familja, impriżi mikro u individwali fil-livell tal-UE u dak nazzjonali u reġjonali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iwettqu miżuri regolatorji, amministrattivi, fiskali u ta’ tagħlim għal tul il-ħajja li jkunu mmirati speċifikament għal dawn l-impriżi; jitlob ukoll li jkun hemm għarfien tal-karatteristiċi speċifiċi ta' membri tal-professjonijiet liberali u tal-ħtieġa li dawn jiġu ttrattati bl-istess mod bħal SMEs oħra ħlief meta dan jikkontradixxi l-liġi eżistenti li tirregola dawn il-professjonijiet; jenfasizza l-irwol importanti tal-assoċjazzjonijiet tal-SMEs għan-negozjanti, il-ħaddiema tas-snajja’ u l-membri ta' professjonijiet liberali oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien biex itejbu l-ambejnt tan-negozju għall-dawn l-industriji u l-qafas legali għall-assoċjazzjonijiet professjonali u industrijali tagħhom;

8.  Iqis li l-proposti tal-Kummissjoni jonqoshom strateġija ċara għall-persuni li jaħdmu għal rashom biex dawn ikunu jistgħu jtejbu l-istejtus u d-drittijiet legali tagħhom, b’mod partikolari jekk il-pożizzjoni tagħhom titqabbel ma' dik tal-impjegati salarjati; jitlob lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi lill-persuni li jaħdmu għal rashom id-dritt li jiftiehmu dwar tariffi standard, li jorganizzaw irwieħhom, li jikkonkludu ftehimiet kollettivi, jekk il-kontroparti tagħhom tkun prinċipal kbir b'pożizzjoni dominanti, sakemm dan ma jkunx ta' ħsara għal klijenti potenzjali anqas b'saħħithom u ma jġibx distorsjonijiet fis-suq;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, biex jipprovdu miżuri selettivi u mmirati u appoġġ individwali bħal informazzjoni, pariri u l-possibiltà ta’ aċċess għall-kapital riskjuż minn negozji li għadhom qed jibdew fis-settur tal-SMEs;

10. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat mudell soċjali u ekonomiku li joħloq netwerk ta’ sikurezza adegwata għal impriżi innovattivi li huma żgħar jew ta’ daqs medju fejn ta' spiss jinstabu kundizzjonijiet ta' xogħol li mhumiex stabbli.

11. Jinnota b'dispjaċir li n-nisa jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet biex jiftħu u jżommu negozji minħabba fatturi bħal nuqqas ta' tagħrif, nuqqas ta' kuntatti u ta' aċċess għan-netwerks, id-diskriminazzjoni u l-isterjotipi rigward is-sess, ididisponibilità fqira jew inflessibbli ta' faċilitajiet għall-kura tat-tfal, id-diffikultajiet biex jinstab bilanċ bejn l-obbligi tan-negozju u dawk tal-familja, kif ukoll id-differenzi fl-approċċ lejn l-intraprenditorija bejn in-nisa u l-irġiel;

12. Japprova l-introduzzjoni proposta ta’ netwerk ta’ rappreżentanti intraprendituri nisa, skemi ta’ istruzzjoni għan-nisa sabiex jistabbilixxu n-negozji tagħhom stess, u l-promozzjoni tal-intraprenditorija fost nisa gradwati; madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ħafna impriżi għadhom segregati mill-aspett ta’ ġens, li hija, u se tibqa’ għal medda twila ta’ żmien, problema serja ħafna, minħabba li sakemm in-nisa jibqgħu ddiskriminati fis-suq tax-xogħol, l-UE tkun qed titlef ħaddiema u intraprendituri kapaċi u bħala konsegwenza, titlef il-flus; għaldaqstant, jemmen li għandhom ikunu investiti saħansitra aktar fondi fi proġetti favur intraprendituri nisa;

13. Jenfasizza li l-intraprenditorija fost in-nisa jgħin biex jiġbed lin-nisa lejn is-suq tax-xogħol kif ukoll biex jitjieb l-istejtus ekonomiku u soċjali tagħhom; jiddispjaċih madankollu, li f'dan is-settur għad hemm distakk bejn in-nisa u l-irġiel, b'mod speċjali fis-salarji, minkejja l-interess qawwi muri għan-nisa, u li n-numru ta' intraprendituri nisa fl-UE għadu baxx, sa ċertu punt minħabba l-kontribut mhux rikonoxxut (pereżempju, mhux imħallas) għalkemm importanti tan-nisa fit-tmexxija ta' kuljum tal-SMEs tal-familja;

14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu s-settur kulturali u kreattiv bħala l-mutur tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali fl-UE - b'sehem ta' 2.6% għall-PGD u b'2.5% tal-ħaddiema tal-UE; jenfasizza l-importanza tal-SMEs biex jistimulaw is-settur tal-ICT u l-industrija kreattiva;

15. Jenfasizza li s-settur kulturali u ekonomiku huwa dominat minn SMEs u huwa importanti b’mod partikolari għall-protezzjoni tal-impjiegi sostenibbli fil-livell reġjonali;

16. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-introduzzjoni ta' direttiva mill-Kummissjoni rigward ir-rati mnaqqsa tal-VAT għal servizzi fornuti lokalment u li jinvolvu xogħol qawwi, li primarjament huma fornuti mill-SMEs; jenfasizza madankollu li dan m'għandux iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u ma jridx ikun hemm ambigwità dwar liema servizzi huma koperti;

17. Jinnota l-ħtieġa li jkun żgurat li l-SMEs ikollhom il-kapaċità li jixtru "żgħir", jixtru "aħdar" u jixtru lokalment, biex b’hekk jipproteġu aktar il-klima u jsiru aktar effiċjenti;

18. Jilqa' l-adozzjoni rapida tal-eżenzjoni ġenerali sħiħa fir-rigward tal-għajnuna mill-istat, u tal-miżuri dwar l-istatut għalkumpanija privata Ewropea u dwar ir-rati tal-VAT imnaqqsa;

19. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li jitnaqqsu r-rati tal-VAT għal servizzi fornuti lokalment; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu aktar passi biex trattab ir-regoli ta’ għajnuna mill-istat biex tinkoraġġixxi l-forniment ta’ opportunitajiet ta’ akkwist pubbliku lil kumpaniji lokali, b’mod partikolari lill-SMEs lokali;

20. Jappoġġja l-idea li tkun estiża sal-2012 l-eżenzjoni attwali mir-regoli ta' kompetizzjoni tal-UE għall-għajnuna statali għall-produzzjoni tal-films u jqis li dan huwa appoġġ qawwi għal SMEs kreattivi;

21. Jappoġġja r-regoli l-ġodda tal-għajnuna statali stabbiliti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta' Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta' għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni fl-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (Regolament ta’ Eżenzjoni Sħiħa Ġenerali)(4) li jeżentaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-SMEs mir-regoli ta' notifika.

22. Jinnota li, minkejja l-impenn ċar magħmul fil-Karta Ewropea għall-Impriżi ż-Żgħar, il-vuċi tal-SMEs għadha siekta fl-ambitu tad-djalogu soċjali; iħeġġeġ li dan in-nuqqas ikun formalment ikkoreġut bi proposti adattati fl-ambitu tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar;

23. Jara l-bżonn li fil-qafas tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar isir iktar enfasi fuq il-qasam tal-liġi tax-xogħol, speċjalment b’kunsiderazzjoni tal-kunċett tal-flessigurtà, li jgħin b'mod partikulari lill-SMEs biex jirreaġixxu aktar malajr għat-tibdiliet fis-suq u, għalhekk, biex jiġi garantit livell ogħla ta' impjieg u l-kompetittività tal-kumpaniji, inkluża l-kompetittività internazzjonali, filwaqt li titqies il-protezzjoni soċjali meħtieġa; f’dan l-ambitu jirreferi għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ Novembru 2007 dwar il-flessigurtà(5);

24. Jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza tal-liġi tax-xogħol, speċjalment b’kunsiderazzjoni ta’ kif l-applikazzjoni tagħha tista’ tiġi ottimizzata, pereżempju permezz ta’ pariri aħjar jew permezz tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi, u jitlob lill-Istati Membri biex jiddedikaw attenzjoni speċjali lill-SMEs b’rabta mal-approċċi speċifiċi li jadottaw għall-flessigurtà, anke permezz ta’ politiki attivi dwar is-suq tal-impjiegi, peress li l-SMEs kapaċi jkollhom flessibilità interna u esterna ikbar minħabba l-livelli baxxi tagħhom ta' persunal, imma għandhom bżonn ukoll ta' sigurtà ikbar għalihom u għall-ħaddiema tagħhom; iqisha ħaġa essenzjali li l-liġi tax-xogħol, bħala waħda mill-pilastri tal-flessigurtà, tipprovdi bażi legali li l-SMEs ikunu jistgħu joqogħdu fuqha, minħabba l-fatt li dawk in-negozji spiss ma jkunux jistgħu jaffordjaw li jkollhom dipartament legali jew dipartament għall-immaniġġjar tar-riżorsi umani; jinnota l-fatt li skont l-Eurostat, 91.5% tal-kumpaniji Ewropej kienu jimpjegaw anqas minn 10 persuni fl-2003;

25. Iqis li jeħtieġ li jiddaħħlu miżuri li jikkumbattu x-xogħol mhux iddikjarat, li bla dubju hu sors ta' kompetizzjoni inġusta għall-SMEs li x-xogħol tagħhom jiddependi ħafna fuq il-ħaddiema;

26. Jistieden lill-Istati Membri biex iżiedu fl-ekonomija prinċipali l-inklużjoni ta' SMEs li s-sidien tagħhom huma l-minoritajiet etniċi sottorappreżentati permezz tal-iżvilupp ta' programmi favur diversità tal-fornituri li jkollhom l-għan li jiggarantixxu opportunitajiet ugwali għan-negozji sottorappreżentati li qed jikkompetu għall-kuntratti ma' intrapriżi akbar;

27. Jenfasizza l-importanza li jkun hemm Statut għal Kumpanija Privata Ewropea bħala forma legali ġdida u addizzjonali, basta dan ikun iffokat fuq l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju li għandhom il-ħsieb li jidħlu f'attivitajiet u ma jkunx jista jiġi abbużat minn kumpaniji akbar biex jevitaw id-dispożizzjonijiet legali fl-Istati Membri li jħaddnu sistema ta' governanza korporattiva li tqis l-interessi ta' kulmin hu mdaħħal fis-settur;

28. Jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi, abbażi tal-prinċipju li l-aċċess għat-tagħrif huwa prekundizzjoni għall-ksib tat-tagħrif innifsu u - meta wieħed jikkunsidra l-importanza tal-Internet bħala mezz għal dan - biex ikunu ssimplifikati kemm jista’ jkun il-websajts istituzzjonali biex jippermettu li utenti jsibu u jifhmu aħjar il-mekkaniżmi ta’ appoġġ li jiġu offruti;

Żieda fl-R&D u fl-innovazzjoni

29. Jenfasizza l-importanza tal-innovazzjoni għall-SMEs u d-diffikultajiet biex jiksbu vantaġġ minn opportunitajiet ta’ riċerka; iqis li akkademji nazzjonali tax-xjenza u istituti tar-riċerka jistgħu jkollhom sehem biex jixprunaw l-innovazzjoni u jnaqqsu l-ostakoli għar-riċerka għall-SMEs; jemmen li l-mira m’għandhiex tkun biss fuq l-innovazzjoni tat-teknoloġija avvanzata, iżda għandha tkun ikkunsidrata wkoll teknoloġija u innovazzjoni informali ta' livell baxx u medju; iqis li l-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija jista’ jkollu rwol importanti biex tingħata spinta lir-R&D u l-innovazzjoni għall-SMEs; jistieden lill-Istati Membri biex jimmultiplikaw l-inizjattivi li jbaxxu l-limitu għall-SMEs biex ikollhom aċċess għar-riċerka; huwa konvint li l-programmi kollha tal-Komunità għar-riċerka u t-teknoloġija għandhom ikunu mfassla b'mod li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni transkonfinali tal-SMEs;

30. Jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li ttejjeb l-aċċess għas-Seba’ Programm ta' Qafas għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta' dimostrazzjoni (2007-2013)(6);

31. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jimplimentaw kondizzjonijiet ta’ qafas aħjar li jkunu mmirati lejn il-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-innovazzjoni mill-SMEs, b’mod partikolari permezz tal-introduzzjoni ta’ mezzi għat-titjib tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u għall-ġlieda aktar effetiva kontra l-iffalsifikar u l-frodi fl-Unjoni Ewropea kollha, jemmen li regoli bilanċjati tajjeb għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, filwaqt li jiżguraw il-fluss u l-iskambju ta' informazzjoni u idejat, jistgħu joffru protezzjoni; jenfasizza li l-SMEs jeħtieġu għajnuna biex jaċessjaw protezzjoni ta' drittijiet intellettwali, biex jiddefendu dawn id-drittijiet bl-għajnuna tal-awtoritajiet relevant rigward proprjetà intellettwali, kif ukoll biex jużaw il-protezzjoni ta' proprjetà intellettwali biex jattiraw finanzi;

32. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jitolbu li l-imsieħba kummerċjali tagħhom japplikaw b’mod aktar strett il-Ftehima tad-WTO dwar l-Aspetti relatati mal-Kummerċjalizzazzjoni tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali (TRIPS), kif ukoll biex jagħmlu l-isforzi kollha neċessarji għall-adozzjoni ta’ ftehimiet bilaterali, reġjonali u multilaterali biex jiġġieldu l- falsifikazzjoni u l-piraterija, bħalma hi l-Ftehima ACTA (Anti-Counterfeiting Trade Agreement);

33. Huwa tal-fehma li l-potenzjal sħiħ tal-kummerċ elettroniku għall-SMEs għadu mhux sfruttat b’mod sħiħ u għad baqa’ ħafna xi jsir biex jinkiseb Suq Elettroniku Uniku Ewropew għall-prodotti u s-servizzi fejn l-SMEs jistgħu jkollhom irwol ewlieni għal aktar integrazzjoni tas-swieq Ewropej;

34. Iqis li l-parteċipazzjoni tal-SMEs fi gruppi jrid ikun promoss biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u tiżdied il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE; għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti appoġġ lit-titjib tal-ġestjoni tal-gruppi, l-aktar permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiċi u programmi ta’ taħriġ, biex ikunu ddisinjati u mxerrda l-għodda għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-gruppi, biex tkun promossa l-koperazzjoni bejn il-gruppi, u biex ikunu ssimplifikati aktar il-proċeduri amministrattivi għall-parteċipazzjoni tal-gruppi fil-programmi tal-UE;

35. Jitlob li l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar iqis l-arranġamenti kooperattivi fost l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju (il-gruppi ta' xiri u ta’ tqegħid fis-suq), peress li gruppi bħal dawn urew li għandhom anqas riskju ta’ insolvenza minn intrapriżi individwali;

36. Huwa konvint bis-sħiħ li l-brevetti għandhom irwol importanti fl-innovazzjoni u fil-prestazzjoni ekonomika minħabba li jippermettu li innovaturi jiksbu profitt minn investimenti innovattivi u jipprovdu s-sigurtà neċessarja għall-investiment, l-ishma u s-self; għaldaqstant huwa tal-opinjoni li għandha ssir mingħajr dewmien ftehima dwar Brevett Komunitarju li jiżgura protezzjoni ġuridika li ma tkun għolja ħafna, li tkun effiċjenti u ta’ kwalità għolja, kif ukoll dwar sistema Ewropea armonizzata ta’ litigazzjoni rigward brevetti;

37. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ promozzjoni ta' akkwist pubbliku innovattiv u ta' qabel il-kummerċjalizzazzjoni minħabba li dan iwassal għal valur miżjud għall-awtoritajiet kontraenti, għaċ-ċittadini, u għall-intrapriżi parteċipattivi; jistieden lill-Istati Membri biex iżiedu s-sehem tagħhom fl-akkwist pubbliku innovattiv u l-parteċipazzjoni ta' proċeduri innovattivi ta' akkwist pubbliku ta' SMEs; jistieden lill-Kummissjoni biex tiffaċilita t-tixrid tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam, pereżempju dwar il-kriterji għat-tfigħ ta' offerti u l-proċeduri u l-arranġamenti biex jinqasam ir-riskju u l-għarfien;

38. Huwa tal-fehma li għall-akkwist pubbliku internazzjonali - fejn teknoloġiji ġodda jippermettu l-kummerċ elettroniku transkonfinali - forom ġodda ta’ pereżempju irkanti kombinati għal konsorzja ta’ SMEs u l-pubblikazzjoni u r-riklamar fuq l-Internet ta’ sejħiet għall-offerti. jippermettu żidiet sinifikanti fil-kummerċ ta’ akkwist mhux biss fl-Unjoni Ewropea imma globalment biex ikun inkoraġġit il-kummerċ elettroniku transkonfinali;

39. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jkun hawn biżżejjed persunal tekniku u tas-sengħa; għaldaqstant, jemmen li huwa meħtieġ li jsir iktar investiment fl-edukazzjoni u li għandhom jissaħħu r-rabtiet bejn istituzzjonijiet edukattivi u SMEs sabiex il-promozzjoni tax- xogħol li wieħed jagħmlu għal rasu, il-kultura tal-intraprenditorija u l-għarfien tad-dinja tan-negozju jkunu inklużi fil-livelli kollha tar-kurrikula nazzjonali tal-edukazzjoni; jinkoraġġixxi iktar estensjoni ta’ skemi ta’ mobiltà individwali bħall-"Erasmus għal intraprendituri żgħażagħ” u l-"Erasmus għall-apprendisti”, b'mod partikolari fir-rigward tal-parteċipazzjoni tan-nisa; appoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex testendi l-ambitu tal-programm Leonardo da Vinci u l-ħolqien ta' Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET); iħeġġeġ lill-Istati Membri, f’kollaborazzjoni mal-imsieħba soċjali u l-fornituri tat-taħriġ, biex jistabbilixxu programmi vokazzjonali bbażati fuq ix-xogħol u t-taħriġ vokazzjonali (mill-ġdid) u programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja mfassla speċifikament għall-ħtiġijiet tal-SMEs li jkunu kkofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni biex tiffaċilità l-iskambju tal-aħjar prattika fit-taħriġ innovattiv u miżuri favur is-sejba ta' bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja u sabiex tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi;

40. Jenfasizza l-importanza li l-intraprendituri żgħażagħ u l-intraprendituri nisa jiġu mħeġġa permezz ta', fost affarijiet oħra, l-introduzzjoni ta' programmi ta’ taħriġ individwali u ta' gwida personali u pariri; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li numru dejjem jikber ta' intraprendituri nisa u żgħażagħ jaħdmu fl-SMEs, anke jekk dawn jinsabu l-aktar fin-negozji ż-żgħar (il-mikronegozji), u huma vulnerabbli għall-effetti negattivi tal-istereotipi u l-preġudizzji rigward trasferiment u s-suċċessjoni fin-negozju, partikolarment fil-każ ta' negozji tal-familja; jitlob għalhekk lill-Istati Membri biex, filwaqt li jqisu l-impatt tal-popolazzjoni li qed tixjiħ, jimplimentaw politiki u mekkaniżmi adatti, partikolarment billi jintroduċu għodda ta' dijanjostiċi, informattivi, konsultattivi u ta' appoġġ għat-trasferimenti fin-negozju;

41. Jenfasizza li s-Seba’ Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fih mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni tar-riskju finanzjarju li għandu jippermetti li jitħaffef l-aċċess għal self mill-Bank Ewropew tal-Investiment (EIB) għal proġetti kbar ħafna; jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-użu mill-SMEs ta’ dak il-mekkaniżmu u konsegwentement tintroduċi proposti meħtieġa li jista' jkun hemm;

42. Jilqa’ b’sodisfazzjon it-tnedija ta’ netwerk Ewropew uniku li jintegra s-servizzi attwalment fornuti miċ-Ċentri ta’ Tagħrif dwar l-Ewro (EIC) u ċ-Ċentri Relay għall-Innovazzjoni (IRC) biex jingħata appoġġ lill-SMEs fil-ħidmiet kollha tagħhom ta’ innovazzjoni u kompetittività permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ servizzi;

43. Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-Programm ta' Qafas tal-Innovazzjoni u l-Kompetittività(7) u biex tressaq kwalunkwe proposti meħtieġa;

Żgurar tal-finanzjament u tal-aċċess għall-finanzi

44. Jinnota li s-sors ewlieni ta’ finanzjament għall-SMEs fl-Ewropa ġej mill-attività tagħhom stess u mill-kreditu u self mogħtija lilhom mill-istituzzjonijiet finanzjarj; jinnota li l-SMEs huma kkunsidrati bħala li huma ta' riskju akbar li fixkel l-aċċess tagħhom għall-finanzjament; għaldaqstant, jitlob li jkun hemm sforz konġunt mill-istituzzjonijiet finanzjarji, il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jiżguraw l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament u biex joffrulhom il-possibbiltà li jikkonsolidaw il-kapital tagħhom billi jinvestu mill-ġdid il-qligħ tagħhom fil-kumpanija; jemmen li m’għandux jintalab il-ħlas ta’ tariffi qabel ma l-SMEs jibdew l-attività, biex ikun żgurat li huma jkunu kapaċi jiżviluppaw il-fondi u r-riżorsi tagħhom stess; f'dan il-kuntest, jindika l-urġenza tas-sitwazzjoni finanzjarja attwali u l-bżonn li tittieħed azzjoni immedjata;

45. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom ħalli jippromwovu u jfornu tagħrif dwar l-eżistenza ta’ fondi Ewropej u għajnuniet tal-Istat maħsuba għall-SMEs u sabiex jagħmlu dawn iż-żewġ strumenti aktar aċċessibbli kif ukoll li jinftiehmu aktar faċilment;

46. Jistieden lill-Istati Membri biex joħolqu kundizzjonijiet aħjar li jipperemettu lill-SMEs li jinvestu fit-taħriġ tas-snajja’, mhux anqas permezz ta’ tnaqqis fit-taxxi diretti u arranġamenti ta’ kumpens bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u l-Unjoni Ewropea;

47. 12. Jirrikonoxxi li s-sistema tat-tassazzjoni tal-Istati Membri tista’ tkun ħaġa li tiskoraġġixxi t-trasferiment ta’ negozji, b’mod partikolari negozji ta’ familji, filwaqt li żżid ir-riskju ta’ likwidazzjoni jew għeluq tal-kumpanija; għaldaqstant, jistieden lill-Istati Membri sabiex jirrivedu b’attenzjoni l-qafas legali u fiskali tagħhom sabiex itejbu l-kondizzjonijiet għat-trasferiment ta’ negozji, b'mod specjali f'każijiet fejn is-sidien jirtiraw jew jimirdu; huwa konvint li titjib bħal dan jiffaċilita l-kontinwazzjoni tal-attivitajiet tan-negozji, partikolarment in-negozji tal-familja, il-ħarsien tal-impjiegi u l-investiment mill-ġdid tal-profitt;

48. 13. Huwa sodisfatt ħafna bl-alinjament reċenti bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-Istrateġija ta’ Liżbona’; jemmen li billi l-fondi reġjonali jkunu mmirati iktar lejn l-intraprenditorija, ir-riċerka u l-innovazzjoni, jistgħu jkunu disponibbli fondi konsiderevoli f’livell lokali għat-tisħiħ tal-potenzjal ta’ negozji;

49. Jisħaq li s-swieq finanzjarji dinamiċi huma essenzjali għall-finanzjament ta' intrapriżi ta' daqs żgħir u medju u jenfasizza l-bżonn li s-swieq Ewropej tal-kapital ta' riskju jinfetħu billi tittejjeb id-disponibilità tal-kapital ta' riskju, tal-kapital intermedjarju u tal-mikrokreditu u l-aċċess għalihom; iqis, għal din ir-raġuni, li f’ċirkostanzi normali l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju għandu jkollhom aċċess għall-krediktu provdut mill-atturi fis-swieq kapitali li jkunu jistgħu jevalwaw il-prospetti tagħhom u jkopru l-bżonnijiet tagħhom b’mod iktar effettiv;

50. Jappoġġja d-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill u mill-Bank Ewropew għall-Investiment li tiġi adottata sensiela ta' riformi biex jitwessgħu l-prodotti finanzjarji għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju mill-grupp tal-BEI kif ukoll li jiġi offrut żvilupp sostanzjali tas-self globali tiegħu lill-imsieħba bankarji tiegħu, kemm f'termini kwantitattivi kif ukoll f'termini kwalitattivi;

51. Jenfasizza li l-abiltà limitata tal-SMEs b’rabta mal-aċċess għall-finanzi hija ostaklu maġġuri għall-ħolqien u t-tkabbir tagħhom; f'dan ir-rigward jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jżid b' EUR 30 000 miljun il-finanzjament disponibbli mill-Bank Ewropew tal-Investiment (EIB) għal garanziji u għal strumenti finanzjarji oħrajn għall-SMEs; jistieden lill-EIB biex joħloq forom godda ta' strumenti finanzjarji u soluzzjonijiet ġodda tanġibbli biex jingħelbu l-ostakli li jippreżenta l-kollateral għall-aċċess għall-kreditu, jistieden lill-Istati Membri, fid-dawl tal-kriżi ekonomika attwali, biex jinkoraġġixxu lill-banek biex jassiguraw l-aċċess tal-SMEs għal kreditu b’kundizzjonijiet raġjonevoli;

52. Ifaħħar l-inizjattiva reċenti tal-Azzjoni Konġunta għall-Appoġġ tal-Istituzzjonijiet ta' Mikro-finanza fl-Ewropa (JASMINE) li se tkun ta' benefiċċju għall-fażijiet ta' bidu tan-negożji u se tippromwovi b'mod partikulari l-intraprenditorija fost żgħażagħ u nisa; jistieden lill-Istati Membri biex, b'koperazzjoni ma' organizzazzjonijiet tal-SMEs u istituzzjonijiet ta' self, jassumu rwol proattiv fl-għoti ta' informazzjoni dwar aċċess u applikazzjoni għall-mikrokrediti u possibiltajiet oħrajn ta’ finanzjament;

53. Jenfasizza l-irwol importanti tal-EIB u l-Fond Ewropew tal-Investiment (EIF) għat-titjib tal-finanzjament disponibbli għall-SMEs, b’mod partikolari, minħabba l-inkwiet finanzjarju attwali u r-riperkussjonijiet tiegħu fuq is-suq tal-kreditu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex ikomplu jinvestigaw kif jistgħu jittejbu r-regoli bankarji attwali u regolamenti finanzjarji oħrajn, inkluża t-trasparenza ta' klassifikazzjonijiet ta' kredtu, sabiex ikun faċilitat l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament; jistieden lill-Kummissjoni biex bil-koperazzjoni tal-Istati Membri u l-EIB jistabbilixxu kondizzjonijiet ta’ qafas aħjar għall-iżvilupp ta' suq pan-Ewropew tal-kapital ta’ riskju;

54.      Isostni li l-falliment ta’ waħda minn kull erba' SMEs hu dovut għal ħlas tard, ħafna drabi min-naħa tal-amministrazzjoni pubblika; jenfasizza li l-'credit cruch' attwali jista' jeffettwa b'mod disproporzjonat lill-SMES billi l-klijenti l-kbar jeżerċitaw pressjoni fuq fornituri iżgħar sabiex jikkonċedu kundizzjonijiet itwal ta' pagament; f'dan ir-rigward jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tirrevedi d-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali(8) u jistieden lill-Istati Membri biex itejbu l-kultura tal-ħlas fl-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom; iħeġġeġ il-ħolqien fil-livell Komunitarju ta’ limitu ta’ żmien armonizzat għall-ħlasijiet li, jekk ikun possibbli, ikun iqsar għal ħlasijiet għall-SMEs, u multi għal meta jinqabeż dan il-limitu;

55. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-miżuri proposti fl-SBA li jippruvaw itejbu l-forniment ta' kapital għall-SMEs; jistieden, b’mod partikolari fid-dawl tal-kriżi finanzjarja, biex jiżdiedu u/jew jitkomplewi l-programmi kredibbli ta’ appoġġ statali għall-SMEs u biex l-appoġġ tagħhom ikun estiż għall-intermedjarji finanzjarji;

56. Jinnota l-potenzjal enormi tal-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni tal-UE biex ikunu kkoreġuti l-fallimanenti tas-suq fil-finazjament tal-SMEs, fil-promozzjoni tal-ekoinnovazzjoni u fl-appoġġ għall-kultura ta’ intraprenditorija;

Titjib tal-aċċess għas-suq

57. Jenfasizza li l-istandardizzazzjoni tista’ twassal għall-innovazzjoni u l-kompetittività billi tiffaċilita l-aċċess għas-swieq u billi tippermetti l-operabiltà; jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb l-aċċess għal standards għall-SMEs u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess ta’ standardizzazzjoni; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex tkompli tippromwovi standards Komunitarji b’mod internazzjonali;

58. Jenfasizza l-importanza tal-involviment, bl-aktar mod sħiħ possibbli, tan-Netwerk Impriża Ewropa, l-awtoritajiet ta’ tmexxija ta’ proġetti nazzjonali, il-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija u l-awtoritajiet pubbliċi fil-promozzjoni fil-livell lokali tal-opportunitajiet offruti mill-programmi tal-UE għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u mill-Fondi Strutturali tal-UE, inkluża l-inizjattiva Komunitarja rigward l-Azzjoni Konġunta għall-Appoġġ tal-Istituzzjonijiet ta' Mikro-finanza fl-Ewropa (JEREMIE);

59. Jinnota li l-akkwist pubbliku jkopri madwar 17% tal-GDP tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-aċċess tal-SMEs għall-akkwist pubbliku u l-parteċipazzjoni tagħhom fih permezz tal-opportunitajiet ippreżentati fil-kodiċi tal-aħjar prattiċi msemmi hawnfuq li jiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għall-kuntratti għall-akkwisti pubbliċi billi, inter alia;

–   jsir aktar użu ta' akkwist pubbliku elettroniku (e-procurement),

–   jsir adattament fid-daqs tal-kuntratti,

   jittaffa l-piż amministrattiv u finanzjarju tat-tfigħ tal-offerti,

–   jingħataw kriterji ta' kwalifikazzjoni li jkunu relevanti u proporzjonati għal sejħiet għall-offerti speċifiċi,

–   jissaħħaħ l-aċċess tal-SMEs għal tagħrif dwar offerti pubbliċi;

    isir standardizzazzjoni tad-dokumenti li jkunu meħtieġa;

60. Iħeġġeġ barra minn hekk lill-Istati Membri biex jieħdu dawn il-passi:

–    jeżiġu li l-awtoritajiet kontraenti jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ qsim tal-kuntratti;

–    jestendu l-possibiltà ta’ rispons bħala konsorzju għal sejħiet pubbliċi għat-tfigħ ta’offerti;

–   jagħmlu li l-ħlas ta' parti mis-somma bil-quddiem għall-kuntratti kollha ta’ akkwist pubbliku isir prattika ġenerali;

61. Jinnota li hemm il-ħtieġa ta' sistema ta’ servizz ta’ konsulenza li jgħin l-operat ta’ kuljum tal-SMEs matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollha tagħhom bil-għan li jottimizzaw l-investimenti tagħhom;

62. Jikkunsidra li applikazzjonijiet avvanzati tan-negozju elettroniku, ibbażati fuq l-implimentazzjoni ta’ firem u ċertifikati ta’ awtentifikazzjoni elettroniċi interoperabbli, huma forza kruċjali għall-kompetittività tal-SMEs u għandhom ikunu inkoraġġiti mill-Kummissjoni u l-Istati Membri;

63. Jenfasizza l-importanza tas-suq intern għall-SMEs u jgħid li l-promozzjoni tal-aċċess tal-SMEs għas-suq intern għandha tkun prijorità;

64. Jirrikonoxxi li għad hemm ċerti restrizzjoniijiet fil-possibbiltà tal-SMEs li jagħmlu użu sħiħ mill-vantaġġi li joffri s-Suq Intern; għalhekk iqis li kemm il-qafas legali kemm dak politiku tas-Suq Intern iridu jitjiebu biex jiffaċilitaw l-operazzjonijiet transkonfinali tal-SMEs; jgħid ukoll li ambjent regolatorju ċar jkun jista’ joffri lill-SMEs aktar inċentivi għall-kummerċ fis-Suq Intern; iqis li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu punti ta’ kuntatt uniċi u portali web;

65. Jenfasizza li informazzjoni msaħħa dwar l-aċċess għas-suq u l-opportunitajiet tal-esportazzjoni fis-Suq Uniku hija essenzjali kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fl-UE; jistieden għalhekk lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex isaħħu l-informazzjoni u s-servizzi konsultattivi, b'mod partikolari, in-netwerk li jsolvi l-problemi SOLVIT;

66. Jappoġġja t-talba għall-provediment ta’ servizzi ta’ konsulenza minn Stati Membri biex jgħinu lill-SMEs jiddefendu rwieħhom minn prattiki kummerċjali inġusti, bħal dawk ta’ kumpaniji ta’ direttorju kummerċjali qarrieqa, liema servizzi jinkoraġġixxu l-SMEs fil-kummerċ transkonfinali tagħhom; jenfasizza l-importanza tal-irwol tal-Kummissjoni kemm biex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni ta’ dawn is-servizzi ta’ konsulenza kemm biex jikkoperaw magħhom biex jiġi żgurat li l-ilmenti transkonfinali jiġu ttrattati b’mod adegwat u effiċjenti; jinsisti, minkejja dan, li fil-każ li dawn il-miżuri ħfief ma jagħtux riżultati, il-Kummissjoni għandha tkun lesta tagħti l-bidu għall-modifiki leġiżlattivi neċessarji li jipprovdu lill-SMEs bi protezzjoni simili għall-konsumaturi meta jkunu l-parti d-dgħajfa f’dawn it-tranżazzjonijiet;

67. Jenfasizza li 8% biss tal-SMEs kollha huma involuti f'attivitajiet transkonfinali, fattur li jillimita l-possibiltajiet ta' tkabbir; iqis li huwa essenzjali li tingħata spinta lis-suq intern; jemmen li l-Istati Membri għandhom jikkoperaw fl-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti amministrattivi li jaffettwaw attivitajiet intra-Komunitarji; jistieden lill-Istati Membri sabiex jittrasponu u jimplimentaw malajr id-Direttiva tas-Servizzi(9) filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lill-interessi tal-SMEs u jinkoraġġixxi l-adozzjoni mħeffa tal-istatut għal Kumpanija Privata Ewropea;

68. Jemmen li għandu jkun hemm bażi kkonsolidata komuni għat-tassazzjoni tal-kumpaniji; jitlob li tiġi stabbilita vetrina unika (one-stop-shop) għall-VAT sabiex ikun possibbli għall-intraprendituri li jissodisfaw ir-responsabilitajiet tagħhom fil-pajjiż tal-oriġini tan-negozju;

69. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ b'mod kontinwu r-rekwiżiti ta' qafas għall-aċċess tal-SMEs għas-swieq barranin u sabiex tappoġġja l-provvista ta’ informazzjoni; jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta’ ċentri Ewropej ta’ appoġġ għan-negozji fiċ-Ċina u fl-Indja, u fis-swieq kollha li qed jitfaċċaw, b’koperazzjoni mill-qrib ma’ ċentri nazzjonali ta’ appoġġ għan-negozji li diġà joperaw hemmhekk; minħabba li parteċipazzjoni baxxa mill-SMEs fl-attivitajiet transkonfinali tista’ tkun spjegata wkoll min-nuqqas ta’ ħiliet fil-lingwi u kompetenzi multikulturali, huma meħtieġa mezzi ta’ azzjoni akbar biex tingħeleb din l-isfida; madankollu, ifakkar li l-SMEs jeħtieġu aċċess aħjar għat-tagħrif u l-pariri kwalifikati fil-pajjiż tagħhom stess;

70. Jenfasizza l-importanza li jsir progress fin-negozjati kummerċjali li jistgħu jnaqqsu aktar ostakoli regolatorji għall-kummerċ, ħaġa li taffettwa lill-SMEs b'mod sproporzjonat;

71. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi fil-programm tax-xogħol tagħha l-inkorporazzjoni ta’ trattamment ugwali għall-SMEs fir-regoli tad-WTO dwar l-aċċess għall-kuntratti ta’ akkwist pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari lill-problemi li jiltaqgħu magħhom l-SMEs minħabba l-formalitajiet tad-dwana, b’mod partikolari billi tħaffef l-adattament tas-sistemi tal-informatika tagħhom, bi prezz irħis kemm jista’ jkun, ma’ dawk użati mill-awtoritajiet nazzjonali tad-dwana, u bis-simplifikazzjoni tal-arranġamenti għall-aċċess tal-istatus ta’ operatur ekonomiku;

Il-ġlieda kontra l-burokrazija u proċeduri amministrattivi dewwemin

72. Jemmen li teżisti ħtieġa urġenti li kull meta jkun possibbli jitnaqqsu għall-anqas b’25% l-proċeduri amministrattivi dewwemin u li titqiegħed fis-seħħ amministrazzjoni moderna adattata għall-ħtiġijiet ta’ SMEs; għaldaqstant, jinkoraġġixxi l-promozzjoni fost l-SMEs tal-għarfien tal-informatika, b'mod partikolari fost intraprendituri żgħażagħ u intraprendituri nisa, u użu aħjar tat-teknoloġija diġitali li jippermettilhom li jiffrankaw il-ħin u l-flus u jkunu jistgħu jiddedikaw ir-riżorsi li jirriżultaw għall-iżvilupp tagħhom stess; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iwettqu inizjattivi biex isir skambju u promozzjoni tal-aħjar prattiċi amministrattivi, jistabbilixxu punti ta’ referenza u jelaboraw u jippromwovu linji gwida u standards għall-prattiċi amministrattivi faverevoli għall-SMEs; huwa konvint li huwa urġenti wkoll li fil-ġejjieni qarib jiġu implimentati l-proposti tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli rigward it-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi bil-għan li jinkisbu l-miri ta’ tnaqqis mingħajr ma jirriskjaw l-aċċess għall-finanzji mill-SMEs;

73. Jemmen li l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, u b’mod partikolari l-mikrointrapriżi, għandhom ikunu ntaxxati b'mod li kemm jista’ jkun inaqqas l-isforzi amministrattivi, b'tali mod li tkun faċilitata l-fażi inizjali ta' negozju u li jitħeġġu l-innovazzjoni u l-investiment tul l-eżistenza tagħhom;

74. Jenfasizza l-importanza fundamentali tal-evalwazzjoni tal-impatt ta’ inizjattivi leġiżlattivi futuri fuq SMEs; għaldaqstant, jitlob li jitwaqqfu evalwazzjonijiet mandatorji sistematiċi tal-impatt u mmirati għall-SMEs, l-hekk imsejjaħ ‘test tal-SMEs’ li r-riżultati tagħhom għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni indipendenti li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-korpi leġiżlattivi tal-UE; jemmen li attenzjoni speċifika għandha tingħata lill-impatt, inkluż lill-piż amministrattiv, fuq l-impriżi żgħar u l-mikroimpriżi ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tapplika t-test tal-SMes għall-proposti ġodda kollha tal-leġiżlazzjoni tal-UE li jeffettaw in-negozju, inklużi simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u rtirar ta' proposti pendenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jintroduċu testitijiet tal-SMEs simili fil-livell nazzjonali;

75. Hu tal-fehma li kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida, pereżempju dwar il-prevenzjoni ta' dewmien fl-oqsma tal-pagamenti, id-drittijiet tal-awtur, il-liġi tal-kumpaniji jew il-liġi dwar il-kompetizzjoni (bħalma huma r-regoli adottati biex jiġi ffaċilitat l-ksib tad-dejta f'litigazzjoni dwar imġiba antikompetittiva jew dwar litigazzjoni li tirriżulta mir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa għall-għajnuna Statali), għandha tkun ifformulata b'tali mod li mhux biss ma tiddiskriminax kontra l-SMEs, imma tappoġġja lilhom u l-forniment tas-servizz tagħhom fis-suq intern kollu;

76. Jenfasizza l-ħtieġa ta' involviment xieraq u filwaqt tal-SMEs fit-tfassil ta' politiki; għalhekk, huwa tal-fehma li l-perjodu ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni għandu jiġi estiż għal tal-anqas 12-il ġimgħa mid-data meta l-konsultazzjoni tkun disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE; jirrikonoxxi l-irwol essenzjali u prezzjuż tal-organizzazzjonijiet tan-negozju rappreżentattivi, għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni biex, meta jkun rilevanti, iddaħħal direttament lill-SMEs u lir-rappreżentattivi tagħhom fil-kumitati konsultattivi ta’ esperti u l-gruppi ta’ livell għoli tagħhom;

77. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tistimula s-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-liġi tal-kumpaniji u, b’mod partikolari, tar-regoli tal-kontabilità fis-suq intern sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-SMEs u tiżdied it-trasparenza għal kulmin hu imdaħħal fis-settur; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippromwovi bil-qawwi l-użu ta' teknoloġija ġdida bħalma hi l-XBRL (eXtensible Business Reporting Language) billi tippreżenta pjan direzzjonali għall-introduzzjoni tal-irrapurtar bl-XBRL fl-Unjoni Ewropea, sabiex dan isir obbligatorju f’perjodu ta’ żmien raġjonevoli u li jkun promoss u appoġġjat użu wiesa' ta' dan l-istandard miftuħ;

78. Jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta’ “btala statistika” għal mikrointrapriżi, li tikkonċedilhom eżenzjonijiet temporanji minn servejs mandatarji tal-istatistika, l-applikazzjoni wiesgħa tal-prinċipju ‘darba biss’ b’rabta mal-informazzjoni pprovduta mill-intrapriżi lill-awtoritajiet pubbliċi, u iktar żvilupp tal-gvern elettroniku;

79. Jenfasizza l-ħtieġa għall-introduzzjoni ta’ dati komuni li fihom jingħata bidu għal leġiżlazzjoni tal-Komunità ġdida li taffettwa l-SMEs; jistieden lill-Istati Membri u l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs biex jinfurmaw lill-SMEs b’mod konċiż u komprensiv rigward il-bidliet fil-leġiżlazzjoni li taffettwahom;

80. Iħeġġeġ lill-Istati Membri, b'koperazzjoni ma' organizzazzjonijiet tal-SMEs, sabiex fuq is-sisien ta' strutturi eżistenti bħan-Netwerk Impriża Ewropa u l-uffiċċji tal-Europe Direct, jistabbilixxu punti dedikati ta’ kuntatt nazzjonali - fiżiċi jew elettronikċi - għal fini ta' informazzjoni, u aġenziji ta’ appoġġ għall-SMEs, li jkunu msejsa fuq il-prinċipju ta' one-stop-shops u joffru aċċess għal sorsi varji ta’ informazzjoni u serviżżi ta' appoġġ, strutturati skont iċ-ċiklu tal-ħajja tan-negozju,

81. Jirrikonoxxi d-diffikultà tat-twaqqif ta' negozji ġodda minħabba d-diversità tas-sistemi stabbiliti fl-Istati Membri diversi; għalhekk iqis li jeħtieġ li tinħoloq sistema unifikata biex jiġi stabbilit negozju fejn il-proċess isir pass wara pass, u fejn jista’ jinħoloq negozju fi żmien 48 siegħa;

82. Itenni li r-regoli finanzjarji li jirregolaw programmi Komunitarji ta’ sikwit għadhom iwasslu għal proċeduri burokratiċi mhux neċessarji u li jkunu twal u jiswew il-flus, b’mod partikolari għall-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni biex terġa' tqajjem fuq tiegħu l-Ossevatorju ta' SMEs Ewropej, tippubblika l-parteċipazzjoni tagħhom f'kull programm Komunitarju flimkien ma' analiżi tal-benefiċċju li jinkiseb, u skont ir-riżultati, tressaq proposti biex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ l-irwol u l-viżibiltà tar-rappreżentanti maħturin tal-SMEs fl-oqsma ta' politiki differenti; barra minn hekk, jinkoraġġixxi l-inizjattivi kollha li jippermettu l-iżvilupp ta’ "l-iSpirtu tal-SMEs" fit-tfassil tal-politika fi ħdan awtoritajiet pubbliċi, bħalma huma il-Programm ta’ Esperjenza f’Impriża tal-Kummissjoni li jippermetti li s-Servizz Ċivili Ewropew jiffamiljarizza ruħu mal-SMEs;

83. Jiddeplora l-prattika ta' 'gold plating' tal-Istati Membri - li hija ta' ħsara partikulari għall-SMEs - u jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga x'miżuri oħrajn jistgħu jittieħdu biex dan jiġi evitat; jitlob segwitu għall-evalwazzjoni ta' impatt li tanalizza kif qegħdin fil-fatt jiġu implimentati d-deċiżjonijiet fl-Istati Membri u f'livell lokali;

84. Jistieden li ssir websajt speċjali tal-UE għall-SMEs li jkun fiha tagħrif u formoli tal-applikazzjoni għal proġetti tal-UE, numri tat-telefown nazzjonali, rabtiet ma’ imsieħba, tagħrif dwar il-kummerċ, tagħrif dwar proġetti ta’ riċerka, kif ukoll konsultazzjoni, laqgħat għall-għoti ta’ tagħrif u tagħrif rigward regolamenti ġodda permezz tal-Internet;

85. Jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf grupp ta' ħidma li fih l-Istati Membri jistgħu jaqsmu bejniethom il-prattiċi nazzjonali tagħhom imfassla bl-aħjar mod għall-interessi tal-SMEs, partikolarment fir-rigward tal-arranġamenti għall-ksib ta’ appoġġ biex ikunu evitati d-diffikulatjiet;

86. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-Premju għall-Aħjar Idea li Tnaqqas il-Burokrazija għall-awtoritajiet pubbliċi li fornew miżuri innovattivi li jnaqqsu l-burokrazija fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali;

87. Jistieden li jsir ħlas fi żmien 30 jum mill-fondi ta’ koeżjoni tal-UE għal proġetti diġà approvati, biex jiġu żgurati t-tkomplija tal-progress, is-sovravivenza u l-effetti ta’ dawn il-proġetti;

Bdil tas-sostenibiltà f’negozju

88. Jirrikonoxxi li l-isforzi għat-titjib tas-sostenibiltà jistgħu jsiru sors importanti ta’ (eko) innovazzjoni u vantaġġ ewlieni għall-kompetittività tal-industrija; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-SMEs ta’ sikwit ma jkunux konxji biżżejjed minn soluzzjonijiet ġodda effiċjenti f’termini tal-enerġija u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent jew ma jkollhomx ir-riżorsi finanzjarji neċessarji sabiex ikunu jistgħu jiksbuhom; għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinvestiga kif il-Komunità tista’ tgħin lill-SMEs biex isiru iktar effiċjenti f’termini tar-riżorsi u tal-enerġija;

89. Itenni l-importanza mogħtija lir-responsabilità soċjali korporattiva ta' negozji fuq skala żgħira li jeħtieġu rabtiet, netwerks u servizzi orizzontali; iqis bħala ħaġa bla ebda effett li ssir referenza għaċ-ċertifikazzjoni tas-sistema Ewropea ta' Mmaniġġjar u Verifika Ambjentali, kemm minħabba li din tagħmel ħsara liċ-ċertifikati eżistenti, kif wkoll għaliex din hija limitata biss għal isfidi ambjentali;

90. Jilqa’ b’sodisfazzjon inizjattivi reċenti li jgħinu lill-SMEs sabiex jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ambjentali billi, fost affarijiet oħrajn, dawn jingħataw tnaqqis fil-ħlasijiet tal-aġenziji, billi jkun żgurat l-aċċess tagħhom għal informazzjoni dwar standards ambjentali jew billi jiġu introdotti eżenzjonijiet speċifiċi mil-leġiżlazzjoni Komunitarja:

o

o       o

91. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

             ĠU C 316 E, 22.12.2006, p. 378.

(2)

              ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 258.

(3)

              ĠU C 4, 9.1.2008, p. 13.

(4)

ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3.

(5)

ĠU C 297 E, 20.11.2008, p. 174..

(6)

ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

(7)

Deċizjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi programm ta' qafas dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni (ĠU L 15, 9.11.2006, p.15)

(8)

ĠU L 200, 8.8.2000, p. 35.

(9)

Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċemrbu 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).


NOTA SPJEGATTIVA

L-irwol tal-SMEs fl-Ewropa

Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), għal xi żmien, kienu rikonoxxuti bħala s-sinsla tal-ekonomija tal-UE, billi kienu jimpjegaw xi 70% tal-forza tax-xogħol tagħha u billi kienu jiġġeneraw kważi 58% tal-valur miżjud tan-negozju. Billi l-SMEs huma l-iktar dinamiċi u għandhom l-ogħla kapaċità ta' innovazzjoni u tkabbir u, għaldaqstant, jgħinu f’li jkunu ssodisfati l-objettivi ta’ Liżbona, dawn ġabu magħhom il-ħtieġa li jingħataw tabilħaqq prijorità fil-politika tal-UE.

Il-potenzjal ostakolat tal-SMEs Ewropej

Madankollu, l-SMEs fl-Ewropa jagħtu prestazzjoni anqas tajba meta mqabbla mal-kontropartijiet Amerikani tagħhom u ma’ kumpaniji ikbar, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-livelli ta’ produttività, tkabbir u innovazzjoni. Ir-raġunijiet jinkludu nuqqas ta’ kultura intraprenditorjali, b’60% tal-Ewropej li jsostnu li qatt ma kkunsidraw l-idea li jistabbilixxu n-negozju tagħhom stess, filwaqt li dawk li ħadu s-sogru jsibu li restrizzjonijiet regolatorji u finanzjarji ma jippermettux lin-negozji tagħhom li javvanzaw. Jeżisti nuqqas ieħor li trid tinstab soluzzjoni għalih, flimkien ma’ ħtieġa qawwija għal konsulenza prattika u għajnuna konkreta, kemm mill-Istat kif ukoll mill-UE, dwar kif dawn jistgħu jiżviluppaw aħjar in-negozju tagħhom u l-prospetti ta' tali negozju.

Sejbien ta’ soluzzjoni komprensiva – miżuri bikrin ...

Kien għalhekk li fl-2005, bħala parti integrali tas-Sħubija ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi(1), ġew żviluppati politiki speċifiċi sabiex tinstab soluzzjoni għal ħafna mill-problemi eżistenti. Fl-istess ħin li ttieħdu azzjonijiet fil-livell tal-UE, l-Istati Membri (MSs) ħadu passi importanti sabiex jintegraw miżuri speċifiċi għall-SMEs fil-programmi ta' riforma tagħhom ta' Liżbona. Il-benefiċċji maġġuri tal-progress attwali jinkludu l-ħolqien ta’ ambjent superjuri operattiv ta’ negozju għall-SMEs, inkluża kultura regolatorja iktar effettiva li trabbi l-għeruq tagħha fl-Ewropa kollha. Dan il-fattur diġà kellu effett pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku.

Madankollu, ir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Term tal-2007(2) tal-Politika Moderna għall-SMEs ikkonkludiet li għad fadal lok għal iktar titjib. Bħalissa, hemm xi problemi li mhix qiegħda tinstab soluzzjoni għalihom jew li nstabet għalihom soluzzjoni inadegwata biss u teżisti ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar tal-politiki eżistenti.

... ... l-approċċ komplet – l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar

Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni adottat f’Ġunju 2008 komunikazzjoni dwar Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (SBA)(3) sabiex toffri l-possibiltà ta' tkabbir mhux ristrett tal-SMEs billi tistabbilixxi fis-sod il-prinċipju ‘Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir’ fit-tfassil tal-politika fil-livelli kollha. Akkumpanjat minn sensiela ta’ proposti leġiżlattivi u impenji politiċi mill-UE u mill-MSs tagħha, l-SBA ifittex li joħloq il-kondizzjonijiet amministrattivi, regolatorji u finanzjarji neċessarji għall-iżvilupp ta’ dawn l-unitajiet ewlenin tal-ekonomija tal-UE.

Kienu proposti għaxar prinċipji bħala gwida għall-ħolqien u l-implimentazzjoni ta’ politiki (kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri) bil-għan li:

1. Joħolqu ambjent li fih jistgħu jirnexxu l-intraprendituri u n-negozji ta’ familji u tkun ippremjata l-intraprenditorija

2. Jiżguraw li intraprendituri onesti li jkunu affrontaw il-falliment jingħataw malajr kemm jista’ jkun opportunità oħra

3. Ifasslu regoli skont il-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir"

4. Iwasslu sabiex amministrazzjonijiet pubbliċi jibdew iwieġbu għall-ħtiġijiet tal-SMEs

5.  L-għodod tal-politika pubblika jiġu adattati għall-ħtiġiet tal-SMEs: tkun faċilitata l-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-akkwist pubbliku u jintużaw aħjar il-possibbiltajiet tal-Għajnuna mill-Istat għall-SMEs

6. Jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi u jiżviluppaw ambjent legali u tan-negozju li jinkoraġġixxi ħlasijiet fil-ħin fi tranżazzjonijiet kummerċjali

7.  Jgħinu lill-SMEs sabiex jibbenefikaw iktar mill-opportunitajiet offruti mis-Suq Uniku

8. Jippromwovu t-titjib tal-ħiliet fl-SMEs u l-forom kollha ta’ innovazzjoni

9. Jippermettu lill-SMEs li jibdlu l-isfidi ambjentali f’opportunitajiet

10. Jinkoraġġixxu u jappoġġjaw lill-SMEs sabiex jibbenefikaw mit-tkabbir tas-swieq

Hemm inklużi wkoll sett ta’ proposti leġiżlattivi ġodda li jippreżentaw azzjoni konkreta sabiex tingħata għajnuna għall-qagħda finanzjarja tal-SMEs. Dawn jinkludu:

· Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni Kollettiva dwar Għajnuniet Statali

· Regolament li jipprovdi għal Statut għal Kumpanija Privata Ewropea

· Direttiva dwar rati mnaqqsin tal-VAT

· Proposta għal iktar modernizzar, simplifikar u armonizzar tar-regoli dwar il-bgħit ta’ fatturi tal-VAT

· Emenda tad-Direttiva 2000/35/KE dwar ħlasijiet tard

Il-fehma tar-rapporteur

Ir-rapporteur temmen li l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għandu jkun indirizzat lill-SMEs kollha. Madankollu, għandhom jiġu kkunsidrati d-diversità, l-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet varjati tagħhom. Is-sitwazzjoni partikolari u l-lok fil-katina tal-valur tal-kategoriji separati tal-SMEs, bħas-snajja', mikrointrapriżi, intrapriżi ta' familji, ħaddiema indipendenti, professjoni liberali u s-setturi l-oħrajn kollha, għandhom jiġu kkunsidrati kif xieraq. Hija tenfasizza wkoll li l-SBA m’għandux ikun immirat biss lejn inizjattivi fil-livell tal-UE, iżda li dawk għandhom ikunu appoġġjati b’mod ferm minn miżuri konkreti kemm f’livell tal-Istati Membri kif ukoll f’dak reġjonali.

F’dan ir-rigward, ir-rapporteur tappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tressaq proposti dwar Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni Kollettiva dwar Għajnuniet Statali, Regolament ġdid dwar Statut għal Kumpanija Privata Ewropea, Direttiva ġdida dwar rati mnaqqsin tal-VAT għal servizzi provduti lokalment, u emenda tad-Direttiva dwar ħlasijiet tard. L-azzjonijiet proposti huma maħsubin li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida Integrati ta’ Liżbona u tal-Programm Komunitarju ta’ Liżbona, billi jittraduċu l-Istrateġija ta’ Liżbona f’azzjonijiet konkreti favur l-SMEs. Barra minn hekk, ir-rapporteur tilqa’ b’sodisfazzjon żewġ inizjattivi oħrajn mill-Kummissjoni: l-istabbiliment ta' portal Ewropew għall-SMEs u l-ewwel avveniment ta' din ix-xorta - il-ġimgħa Ewropea tal-SMEs ippjanata għal Mejju 2009.

Żvilupp importanti ieħor b’appoġġ wiesa’ huwa ż-żieda mħabbra fil-volum tas-self tal-Bank Ewropew tal-Investiment (EIB) għall-SMEs u l-miżuri ppjanati għall-immodernizzar u l-integrazzjoni ta’ prodotti tal-EIB. Fost xi wħud mill-miżuri ewlenin insibu:

· l-inizjattiva li tikkonċerna l-mikrokreditu għall-perjodu 2008-2011;

· il-ħolqien ta’ strument għal finanzjament mezzanin, b’mod notevoli, għal SMEs innovattivi u li jiżviluppaw b’pass mgħaġġel;

· b’rabta ma’ self tal-EIB għall-SMEs - l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi finanzjarji għat-tqassim tar-riskju flimkien mal-banek kummerċjali għall-ammonti dovuti lilhom mill-SMEs;

Huwa essenzjali l-għoti ta’ inkoraġġiment b’mod sħiħ għal iktar appoġġ għall-investiment fl-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi ġodda, iżda wkoll l-introduzzjoni ta’ proċessi ġodda ta’ produzzjoni, il-ksib ta' liċenzji u drittijiet oħrajn tal-proprjetà intellettwali, il-bini ta' netwerks ta' distribuzzjoni fis-swieq nazzjonali jew barranin u l-finanzjament ta’ bidla fil-ġenerazzjoni fi ħdan kumpanija.

Id-ditti ta’ familji, kemm jekk ikunu żgħar kif ukoll jekk ikunu medji jew kbar, jirrappreżentaw proporzjon għoli ta’ impjiegi fl-Ewropa. Tali ditti jistimulaw kultura intraprenditorjali fl-Ewropa u jipprovdu bażi ta’ taħriġ għall-intraprendituri tal-futur. Għandhom etika intraprenditorjali b’saħħitha, li tgħaqqad flimkien strateġija għall-futur imbiegħed għan-negozji mal-għarfien tar-responsabiltà ambjentali u soċjali. Dawn jadottaw istint intraprenditorjali fil-livell tal-familja, u ta’ sikwit jaġixxu bħala inkubaturi għal kumpaniji ġodda.

Programmi u miżuri fil-qasam tal-politika edukattiva għandhom jibqgħu taħt ir-responsabiltà tal-Istati Membri. Il-potenzjal ta’ ksib ta’ impjieg għandu jkun l-objettiv ewlieni u ċentrali. L-esperjenza li tinkiseb minn pajjiżi barranin hija ta’ importanza vitali għal intraprendituri żgħażagħ fil-kuntest tal-iskemi attwali ta’ promozzjoni għall-SMEs u, għal din ir-raġuni, dan l-objettiv għandu jkun segwit f’livell Ewropew ukoll. Sabiex ikun żgurat li dan il-programm il-ġdid ta’ mobiltà għall-apprendisti u ż-żgħażagħ jikseb suċċess, jeħtieġ li tkun stabbilita koperazzjoni stabbli għall-futur imbiegħed bejn intrapriżi, ċentri ta' taħriġ u korpi intermedji (bħal organizzazzjonijiet professjonali, kmamar, imsieħba soċjali eċċ.).

Ir-rapporteur tenfasizza n-neċessità ta’ iktar promozzjoni u appoġġ għal attivitajiet transkonfinali ta’ SMEs fi ħdan is-Suq Uniku Ewropew. Tista' sseħħ żieda sinifikanti f’"negozji ta’ esportazzjoni" l-iktar fi ħdan is-swieq Ewropej.

Intrapriżi żgħar jeħtieġu protezzjoni effiċjenti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR) sabiex jadottaw l-isforzi tagħhom ta’ innovazzjoni u sabiex tipproteġihom minn kompetizzjoni mhux ġusta barra mill-Unjoni Ewropea. L-UE għandha tintensifika kemm l-iskambju ta’ informazzjoni kif ukoll il-koperazzjoni teknika u politika flimkien ma’ pajjiżi problematiċi f’dan ir-rigward (iċ-Ċina, l-Indja, il-Vjetnam eċċ.). Min-naħa tal-SMEs, teżisti ħtieġa kbira ħafna għal informazzjoni, li jeħtieġ li tkun konkreta ħafna. Minħabba li l-biċċa l-kbira tal-SMEs li huma attivi f’pajjiżi barranin m’għandhomx rappreżentant hemmhekk, huwa essenzjali li l-SMEs ikollhom aċċess għall-informazzjoni neċessarji li tikkonċerna protezzjoni barranija tal-IPR fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom. Madankollu, il-problemi ewlenin li jaffrontaw l-SMEs fil-ksib ta’ brevetti huma l-ispejjeż għoljin għall-għoti u l-litigazzjoni ta’ brevetti.

Fl-Ewropa jeżistu numru ta’ ostakli b’rabta mal-użu tal-brevetti mill-SMEs. L-SMEs huma, bejn wieħed u ieħor, ħames darbiet anqas inklinati li japplikaw għal brevett minn kumpaniji kbar, u huma stmati li jirrappreżentaw anqas minn 20% tal-applikazzjonijiet għal brevetti minn ditti tal-UE fl-Uffiċċju Ewropew tal-Brevetti. Ostaklu maġġuri għall-SMEs huwa l-ispiża tal-applikazzjonijiet għal brevetti u, b’mod partikolari, il-ħlasijiet ta’ tiġdid. Din hija problema partikolari meta l-SMEs jiżviluppaw qasam ta’ teknoloġija. F’dawk il-każijiet, huma tipikament ikunu jeħtieġu li jżidu n-numru ta’ brevetti sabiex jipproteġu użijiet ġodda u raffinar tat-teknoloġija, u li jżidu l-ambitu ġeografiku tal-protezzjoni tal-brevetti tagħhom sabiex ikunu jistgħu jwettqu attivitajiet internazzjonali. Dan kollu jġib miegħu spejjeż sostanzjali għal intrapriżi iżgħar. Għaldaqstant, ir-rapporteur hija tal-fehma li l-SBA jeħtieġ li jinkludi wkoll proposta ġdida sabiex tinstab soluzzjoni għall-istaġnar eżistenti fit-tul b'rabta ma' Brevett Komunitarju, inkluża l-proposta għal lingwa waħda tax-xogħol, jiġifieri l-Ingliż.

Billi l-SMEs ta’ sikwit ibatu minn piż amministrattiv sproporzjonat, aċċess inadegwat għall-informazzjoni u ambjent regolat iżżejjed tan-negozju, ir-rapporteur temmen li jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni tkun ċara u mhux ambigwa. Il-gvernijiet nazzjonali, kemm jista’ jkun, għandhom iżommu lura milli “jadottaw miżuri mhux neċessarji sabiex jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE”, fattur li jostakola wkoll l-iżvilupp tan-negozju transkonfinali.

L-aħħar iżda mhux l-anqas, abbażi tal-prinċipju li l-iktar fattur ta’ benefiċċju għat-tfassil tal-politika huwa li tali politika tkun qrib kemm jista’ jkun tal-isfera u tal-atturi li taffettwa, ir-rapporteur tilqa’ b’sodisfazzjon programm mill-Kummissjoni Ewropea li jippermetti lill-ħaddiema taċ-ċivil tagħha li jiksbu esperjenza f’SMEs Ewropej. Tali inizjattiva għandha tinxtered f’awtoritajiet nazzjonali u reġjonali.

(1)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Li timplimenta l-programm Komunitarju ta’ Liżbona – Politika moderna tal-SMEs għat-tkabbir u l-impjiegi, (COM(2005)0551).

(2)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Reviżjoni ta’ nofs it-term tal-Politika Moderna għall-SMEs, (COM(2007)0592).

(3)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: ""L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir": “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa (COM(2008)0394).


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (15.12.2008)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar

(2008/2237(INI))

Rapporteur għal opinjoni(*): Gunnar Hökmark

(*) Kumitati Assoċjati - Artikolu 47 tar-Regoli ta’ Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jenfasizza li l-applikazzjoni tal-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" fil-livell Komunitarju, nazzjonali u lokali tirrikjedi l-implimentazzjoni konsistenti tar-regoli dwar is-suq intern u tad-Direttiva dwar is-Servizzi(1)1 u segwitu effiċjenti u speċifiku mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri bħala parti mir-rapporti annwali dwar l-Istrateġija ta' Liżbona sabiex ikun żgurat li jiġi eliminat ix-xkiel kollu bi qbil ma' dawk ir-regoli u skont il-ħtiġiet tal-intrapriżi ż-żgħar; u jitlob li jitwettaq stħarriġ orizzontali dwar il-kondizzjonijiet għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju (SMEs), li jkun jikkorrispondi għall-mistoqsijiet dwar is-settur magħmula mill-Kummissjoni dwar diversi setturi tan-negozju, bl-intenzjoni li tiġi ffaċilitata l-kompetizzjoni ġusta u miftuħa għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fl-Ewropa kollha, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom; f'dan is-sens, jenfasizza li l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar idaħħal linji gwida, li huma mfassla biex jaġixxu ta' punti prattiċi ta’ referenza komparattiva, iktar milli ta’ regoli vinkolanti;

2.   Jenfasizza l-irwol prinċipli tal-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju fit-tessut ekonomiku u soċjali tal-Ewropa u l-ħtieġa vitali li dawn jibbenefikaw mill-opportunitajiet offruti mis-suq intern, mill-bidla demografika u teknoloġika, u l-isfidi tal-ambjent u l-globalizzazzjoni, bl-għan li jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija ta' Liżbona;

3.   Jenfasizza l-fatt li politika xierqa ta' simplifikazzjoni leġiżlattiva, it-tnaqqis fl-ispejjeż ġenerali ta' tmexxija, l-eliminazzjoni tal-ispejjeż amministrattivi, l-introduzzjoni ta' teknoloġija ġdida u l-iffaċilitar operattiv għandhom jgħinu biex iżidu l-effiċjenza tal-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju u tal-mikrointrapriżi, kif ukoll biex jippromwovu kompetizzjoni aktar ġusta fis-suq intern;

4.   Jemmen li l-informazzjoni li għandha tingħata mill-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju u mill-mikrointrapriżi lill-amministrazzjonijiet, lill-pubbliku u lis-suq għandha tkun konformi mal-kriterji ta’ interess ġenerali u ta’ proporzjonalità stretta;

5.   Jenfasizza l-ħtieġa li jkunu promossi l-kultura intraprenditorjali u klima favorevoli fin-negozju bl-għan li jinkiseb il-potenzjal sħiħ tal-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju;

6.   Jitlob li jiżdiedu l-isforzi fl-implimentazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku sabiex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet transkonfinali tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju; jemmen li għandu jkun hemm bażi kkonsolidata komuni għat-tassazzjoni tal-kumpaniji; jitlob li tiġi stabbilita vetrina unika (one-stop-shop) għall-VAT sabiex ikun possibbli għall-intraprendituri li jissodisfaw ir-responsabilitajiet tagħhom fil-pajjiż tal-oriġini tan-negozju;

7.   Jemmen li l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, u b’mod partikolari l-mikrointrapriżi, għandhom ikunu intaxxati b'mod li kemm jista’ jkun inaqqas l-isforzi amministrattivi, b'tali mod li tkun iffaċilitata l-fażi inizjali ta' negozju u li jitħeġġu l-innovazzjoni u l-investiment matul ħajjithom;

8.   Jemmen li t-trasferiment tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju għandu jsir eħfef, speċjalment f’każi ta’ rtirar jew ta’ mard tas-sid u trasferiment lill-qraba jew werrieta;

9.   Jitlob li l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju jkollhom aċċess aħjar għall-akkwist pubbliċi permezz ta’ offerti mfassla b’tali mod li jagħmlu l-aħjar użu minn kumpaniji żgħar kif ukoll li, fejn ikun possibbli, jinfetħu servizzi għall-offerti pubbliċi filwaqt li jinżamm l-interess ġenerali u l-prinċipju ta’ sussidjarjetà;

10. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ dawn l-elementi li ġejjin sabiex tkun iffaċilitata l-parteċipazzjoni tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fl-akkwisti pubbliċi: kriterji ta' kwalifika relevanti u proporzjonati fl-offerta speċifika, it-tqassim tal-offerti f'unitajiet iċken, u l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-offerti sabiex tiżdied it-trasparenza tal-proċeduri tal-offerti;

11. Jirrikonoxxi li l-użu mifrux ta’ pagamenti tardivi, anke minn korpi ffinanzjati pubblikament, joħloq problema fuq skala kbira għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju peress li huma vulnerabbli għall-varjazzjonijiet fil-fluss tal-flus;

12. Jilqa' r-reviżjoni li għaddejja bħalissa tad-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali(2) u jinsisti li l-perspettiva tal-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju għandha titqies bis-sħiħ, filwaqt li t-tnaqqis tal-għadd ta' pagamenti tardivi u l-abbuż minnhom jiffaċilita bil-bosta l-użu mill-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju tal-potenzjal sħiħ tas-suq intern;

13. Jenfasizza l-importanza li jkun hemm Statut għal Kumpanija Privata Ewropea bħala forma legali ġdida u addizzjonali, basta dan ikun iffokat fuq l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju li għandhom il-ħsieb li jidħlu f'attivitajiet transkonfinali u ma jkunx jista’ jintuża ħażin minn kumpaniji akbar biex idgħajfu u jduru madwar id-dispożizzjonijiet legali fl-Istati Membri li jħaddnu sistema ta' governanza korporattiva li tqis l-interessi ta' kulmin hu mdaħħal fis-settur;

14. Jitlob li jiżdied il-finanzjament għall-innovazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Programm ta' Qafas għall-Kompettività u l-Innovazzjoni u li jkun żgurat aċċess aħjar għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju għall-finanzjament ta' dan it-tip permezz tal-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tnaqqas b'mod sinifikattiv il-burokrazija fi ħdan is-Seba' Programm ta' Qafas sabiex ikun żgurat aċċess aħjar għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju;

15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu aktar fondi reġjonali għar-riċerka u l-iżvilupp u biex jinkludu aktar intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju fil-programmi rispettivi;

16. Jisħaq li s-swieq finanzjarji dinamiċi huma essenzjali għall-finanzjament ta' intrapriżi ta' daqs żgħir u medju u jenfasizza l-bżonn li s-swieq Ewropej tal-kapital ta' riskju jinfetħu billi tittejjeb id-disponibilità tal-kapital ta' riskju, tal-kapital intermedjarju u tal-mikrokreditu u l-aċċess għalihom; iqis, għal din ir-raġuni, li f’ċirkostanzi normali l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju għandu jkollhom aċċess għall-krediktu provdut mill-atturi fis-swieq kapitali li jkunu jistgħu jevalwaw il-prospetti tagħhom u jkopru l-bżonnijiet tagħhom b’mod iktar effettiv;

17. Jinnota li ma saret l-ebda analiżi fil-livell Komunitarju biex jitkejjel l-impatt tal-forom varji tal-finanzjament Komunitarju tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju u tal-benefiċċji li kisbu l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju minn dak il-finanzjament; itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni twettaq analiżi ta' dan it-tip; iqis li hija ħaġa fundamentali li r-regoli u l-proċeduri li jirregolaw l-aċċess tad-diversi kategoriji ta' intrapriżi ta' daqs żgħir u medju għal forom bħal dawn ta' finanzjament u għall-programmi relevanti jkunu ssimplifikati kemm jista' jkun; jitlob, għal dan il-għan, lill-Kummissjoni biex tagħmel taħditiet mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fi sforz li jiġu eliminati l-ostakli li dawn iħabbtu wiċċhom magħhom;

18. Jappoġġja d-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill u mill-Bank Ewropew għall-Investiment li tiġi adottata sensiela ta' riformi biex jitwessgħu l-prodotti finanzjarji għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju mill-grupp tal-BEI kif ukoll li jiġi offrut żvilupp sostanzjali tas-self globali tiegħu lill-imsieħba bankarji tiegħu, kemm f'termini kwantitattivi kif ukoll f'termini kwalitattivi;

19. Jitlob lill-Kummissjoni biex issib mezzi xierqa biex timmoniterja b’mod iktar effettiv l-użu li jsir minn korpi finanzjarji, bankarji jew amministrattivi intermedjarji mill-finanzjament Komunitarju maħsub għall-intrapriżi żgħar u għall-mikrointrapriżi, u biex tiżgura li l-finanzjament kollu kkonċernta jilħaq dawk l-intrapriżi, fi żmien raġonevoli;

20. Hu tal-fehma li kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida, pereżempju biex jiġi evitat d-dewmien fl-oqsma tal-pagamenti, tad-drittijiet tal-awtur, tal-liġi korportattiva jew tal-liġi dwar il-kompetizzjoni (bħalma huma r-regoli adottati biex jiġi ffaċilitat l-ksib tad-dejta f’kawżi privati miftuħin kontra l-imġiba antikompetittiva jew dawk ġejjin mir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa għall-għajnuna statali(3)), għandha tkun ifformulata b'tali mod li mhux talli ma tiddiskriminax kontra l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, imma tappoġġja lilhom u lill-provvista tas-servizz tagħhom fis-suq intern kollu;

21. Iqis li l-proposti tal-Kummissjoni jonqoshom strateġija ċara għall-persuni li jaħdmu għal rashom biex ikunu jistgħu jtejbu l-istatus u d-drittijiet legali tagħhom, b’mod partikolari jekk il-pożizzjoni tagħhom titqabbel ma' tal-impjegati salarjati; jitlob lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi lill-persuni li jaħdmu għal rashom id-dritt li jaqblu ma' tariffi standard, li jorganizzaw irwieħhom, li jikkonkludu ftehimiet kollettivi, jekk il-kontroparti tagħhom tkun prinċipal kbir b'pożizzjoni dominanti, sakemm dan ma jkunx ta' ħsara għal klijenti potenzjali anqas b'saħħithom u ma jġibx distorsjonijiet fis-suq;

22. Jenfasizza l-importanza tal-progress fin-negozjati kummerċjali li jnaqqsu aktar ix-xkiel regolatorju għall-kummerċ, ħaġa li taffettwa lill-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju b'mod sproporzjonat;

23. Hu tal-fehma li l-leġiżlazzjoni kollha li tirrigwarda l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju għandha tkun ta' appoġġ għall-iżvilupp tagħhom u m’għandhiex toħloq limiti artifiċjali għall-kapaċità tagħha li jkollhom irwol mexxej fl-iżvilupp tal-ekonomija Ewropea; jenfasixxa, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li titqies id-diversità tagħhom, b’mod partikolari d-diversità tal-intrapriżi tal-artiġjanat u tal-intrapriżi ż-żgħar li jagħmlu madwar 98% tal-ekonomija tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li tinkiseb l-għajnuna mill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u jiġu provduti reazzjonijiet mfassla apposta għall-ħtiġiet speċifiċi tagħhom; jitlob, għalhekk, biex il-prova tal-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju tinkorpora proċeduri bħalma huma l-analiżi dwar l-ispiża f’relazzjoni mal-benefiċċju jew il-konsultazzjoni regolari mal-gruppi ta' interess;

24. Jitlob lill-Kummissjoni biex tistimula s-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-liġi korporattiva u, b’mod partikolari, tar-regoli tal-kontabilità fis-suq intern sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju u tiżdied it-trasparenza għal kulmin hu imdaħħal fis-settur; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippromwovi bil-qawwi l-użu tat-teknoloġija l-ġdida bħalma hi l-XBRL billi tippreżenta pjan direzzjonali għall-introduzzjoni tal-irrapurtar bl-XBRL fl-Unjoni Ewropea bil-ħsieb li dan isir obbligatorju f’perjodu ta’ żmien raġonevoli u li jkun promoss u appoġġjat użu wiesa' ta' dan l-istandard miftuħ;

25. Jenfasizza l-fatt li l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għandu jimmira li jnaqqas l-ostakli għan-negozji li jkunu fil-fażi inizjali tagħhom kif ukoll għall-intraprendituri li jaħdmu għal rashom filwaqt li, fl-istess ħin, jiffaċilita t-tkabbir u l-ħolqien ta' negozji ġodda, jipprovdi mezzi u opportunitajiet għal proċessi innovattivi u għall-kompettitività fl-industriji Ewropej;

26. Jisħaq li l-introduzzjoni ppjanata ta' direttiva dwar rati mnaqqsa tal-VAT għal servizzi li jinvolvu grad elevat ta' xogħol manwali u provduti lokalment m’għandhiex twall għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u m’għandhiex tkun ambigwa fir-rigward ta’ liema servizzi huma kkonċernati;

27. Jitlob lill-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri biex, fuq bażi kkoordinata, joħolqu uffiċċji li jagħmluha ta’ vetrini uniċi li joffru servizzi ta' appoġġ u l-iskambju tal-aħjar prattiki għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju;

28. Jitlob, għal dan il-għan, li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tkun abbozzata b'tali mod li tirrifletti l-ħtiġiet tal-maġġoranza tal-intrapriżi u li dan il-prinċipju jiġi stabbilit bħala regola vinkolanti, f'forma li għad trid tiġi determinata, imma li tkun tirrikjedi li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiżguraw li l-prijoritajiet inerenti fil-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" jiġu applikati b’mod xieraq fil-livell Kmunitarju; jitlob li l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi intermedjarji kkonċernati jkunu involuti direttament fil-proċessi leġiżlattivi fil-livelli kollha; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw dan il-prinċipju fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u reġjonali;

29. Jitlob li l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar iqis l-arranġamenti kooperattivi fost l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju (il-gruppi ta' xiri u ta’ tqegħid fis-suq), peress li gruppi ta’ dan it-tip urew li għandhom anqas riskju ta’ insolvenza minn intrapriżi individwali;

30. Jiddeplora l-prattika tal-Istati Membri tal-regolamentazzjoni żejda, li hija partikolarment dannuża għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju, u jitlob lill-Kummissjoni biex tinvestiga x'miżuri oħrajn jistgħu jittieħdu biex din tkun evitata, inkluża l-introduzzjoni ta' dritt ta' azzjoni diretta għaċ-ċittadini; jitlob li jkun hemm evalwazzjoni ta' segwitu dwar l-impatt, li tanalizza kif id-deċiżjonijiet fil-fatt qed jiġu implimentati fl-Istati Membri u fil-livell lokali;

31. Jitlob li, fuq bażi strutturata, jinħolqu l-mekkaniżmi għad-djalogu, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni bejn l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju u r-rappreżentanti tagħhom u l-awtoritajiet pubbliċi;

32. Jitlob lill-Kummissjoni biex tħejji rapport annwali dwar l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju, billi tippreżenta u tikkummenta sistematikament dwar id-dejta prinċipali għas-settur, bil-għan li tiġi stabbilita l-qagħda tal-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju, wara l-evoluzzjoni tagħhom, u li jiġi ddeterminat kemm dawn qed jilħqu l-objettivi ffissati għas-settur;

33. Jitlob lill-Kummissjoni biex iżżid skedi indikattivi għan-numru kbir ta' azzjonijiet proposti fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, sabiex jiġi rrapurtat annwalment dwar il-kisbiet li jkunu saru u b'hekk ikun żgurat li l-progress ikun immoniterjat b’mod xieraq;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Manuel António dos Santos, José Manuel García-Margallo y Marfil, Robert Goebbels, Donata Gottardi, Louis Grech, Benoît Hamon, Wolf Klinz, Christoph Konrad, Sirpa Pietikäinen, John Purvis, Bernhard Rapkay, Heide Rühle, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Margarita Starkevičiūtė, Ieke van den Burg, Sahra Wagenknecht

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Mia De Vits, Janusz Onyszkiewicz, Bilyana Ilieva Raeva, Theodor Dumitru Stolojan, Kristian Vigenin

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Michael Gahler, Monica Giuntini, Catiuscia Marini

(1)

1 Direttiva 2006/123/KE tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

(2)

ĠU C 200, 8.8.2008, p. 35.

(3)

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta' Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (ĠU L 215, 9.8.2008, p. 3).


OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (3.12.2008)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-Att għan-Negozji ż-Żgħar

(2008/2237(INI))

Rapporteur għal opinjoni(*): Martí Grau i Segú

(*) Kumitat assoċjat - Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  Billi l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jagħmlu aktar minn 99% tal-intrapriżi tal-UE u huma ta’ importanza assoluta biex jitwettqu l-objettivi tal-Istrateġija ta' Liżbona rigward it-tkabbir u l-impjiegi u għall-kompetittività u s-saħħa tal-ekonomija minħabba d-diversità u l-kapaċità tagħhom li jadattaw ruħhom malajr għall-kundizzjonijiet tas-suq,

B.   billi l-SMEs jagħtu kontribut essenzjali għall-koeżjoni soċjali, l-innovazzjoni, l-iżvilupp reġjonali u l-kapaċità tal-Ewropa li tikkompeti,

C.  billi l-SMEs m’għandhomx biżżejjed appoġġ biex jiddefendu ruħhom minn prattiki kummerċjali transkonfinali mhux ġusti, bħal ma huma dawk ta’ kumpaniji tad-direttorji kummerċjali qarrieqa,

1.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-Att għan-Negozji ż-Żgħar (SBA) bħala qafas għal strateġija politika komprensiva dwar l-SMEs, filwaqt li jirrispetta d-diversità tagħhom; jitlob madankollu għal aktar miżuri biex jiġi żgurat li l-SMEs ikunu jistgħu jibbenefikaw b'mod sħiħ mill-opportunitajiet offruti mis-Suq Uniku, speċjalment billi jipprovdi rispons progressiv biex tkun ikkunsidrata d-diversità tagħhom, speċjalment fir-rigward tal-industriji tas-snajja’ u n-negozji ż-żgħar;

2.   Jenfasizza l-importanza tas-Suq Uniku għall-SMEs u jgħid li l-promozzjoni tal-aċċess tal-SMEs għas-Suq Uniku għandha tkun prijorità;

3.   Jirrikonoxxi li għad hemm ċerti restrizzjoniijiet fil-possibbiltà tal-SMEs li jagħmlu użu sħiħ mill-vantaġġi li joffri s-Suq Intern; għalhekk iqis li l-qafas legali u dak politiku tas-Suq Intern għandhom jittejbu biex jiffaċilitaw l-operazzjonijiet transkonfinali tal-SMEs; jinnota wkoll li ambjent regolatorju ċar ikun jista’ joffri lill-SMEs aktar inċentivi għall-kummerċ fis-Suq Intern; iqis li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu Punti ta’ Kuntatt Uniċi u portali web;

4.   Jinsisti għar-rikonoxximent tas-sehem li għandhom l-organizzazzjonijiet intermedji tal-SMEs billi jiffaċilitaw l-aċċess tal-intrapriżi ż-żgħar u mikro għas-Suq Intern u l-vantaġġi li dan iġib miegħu; jitlob li jkun hemm miżuri ta’ appoġġ fl-SBA u fil-programmi kollha tal-Komunità għall-irwol ta’ akkumpanjament u konsultattiv li jwettqu dawn l-organizzazzjonijiet intermedji rappreżentattivi;

5.   Jirrikonoxxi li l-akkwist pubbliku prekummerċjali joffri vantaġġi sostanzjali lill-SMEs kemm biex jiffaċilita l-parteċipazzjoni tagħhom fil-prattiki tal-akkwist pubbliku kif ukoll biex jinkoraġġixxi l-involviment tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp;

6.   Ifakkar li l-SMEs jistgħu jibbenefikaw mill-akkwist prekummerċjali permezz tal-kondiviżjoni tar-riskji (minħabba li għandhom inqas possibbiltà ta’ investiment), permezz tat-tkabbir progressiv tagħhom (fid-daqs u l-esperjenza) f’kull stadju tal-proċess tar-riċerka u l-iżvilupp u permezz tal-proċess tal-offerti ta’ prezzijiet, li huwa aktar simplifikat meta jitqabbel mal-akkwist tradizzjonali;

7.   Jenfasizza l-importanza li jittieħdu miżuri adattati għall-ħtiġijiet reali tal-SMEs, u speċjalment għall-iżgħar fosthom, l-aktar fir-rigward tal-aċċess, l-ispejjeż u l-implimentazzjoni tal-istandards, li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u jitjiebu r-regolamentazzjoni u l-istabilità tad-dispożizzjonijiet legali; jiġbed ukoll l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu ssimplifikati l-proċeduri relatati mat-trasferiment tan-negozju u għall-importanza li d-diretturi tal-kumpaniji jkunu infurmati u appoġġjati f'dan il-proċess, biex jiġi evitat li jagħlqu n-negozji meta jirtiraw l-intraprendituri;

8.   Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-bżonn li tiżdied il-konsultazzjoni, fil-livell Ewropew, mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs intermedji rappreżentattivi, biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess leġiżlattiv; itenni t-talba tiegħu dwar il-bżonn li titjieb is-sistema tal-analiżi tal-impatt filwaqt li tiġi kkunsidrata wkoll ir-realtà tal-kategoriji differenti ta’ SMEs;

9.   Jenfasizza l-ħtieġa ta’ ambjent amministrattiv inqas ikkomplikat, iktar flessibbli u inqas burokratiku; minkejja dan, jitlob li jitfassal pjan ta’ simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi biex il-ġestjoni tkun waħda aktar flessibbli u biex tiġi eliminata l-burokrazija żejda;

10. Jenfasizza li huwa fundamentali li jingħata trattament speċjali lill-SMEs fil-politiki dwar taħriġ, u speċjalment fil-programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja, filwaqt li tiġi stabbilita diskriminazzjoni pożittiva li tiffaċilita l-integrazzjoni sħiħa tan-nisa f’dan is-settur u tiżgura bilanċ bejn il-ħajja fil-familja u l-impjieg;

11.  Huwa tal-fehma li hu essenzjali li jiġi pprovdut aċċess mill-aqwa sabiex jibda l-finanzjament u jdur fuq l-SMEs, speċjalment il-mikrokrediti;

12. Jirrikonoxxi d-diffikultà tat-twaqqif ta' negozji ġodda bħala riżultat tad-diversità fis-sistemi stabbiliti fl-Istati Membri diversi; għalhekk iqis li hu neċessarju li tiġi stabbilita sistema unifikata biex jiġu stabbiliti n-negozji fejn il-proċess isir pass pass u fejn jista’ jinħoloq negozju fi żmien 48 siegħa;

13. Isostni li l-falliment ta’ waħda minn kull erba' SMEs hu minħabba ħlas tard, ħafna drabi min-naħa tal-amministrazzjoni pubblika; għalhekk jirrakkomanda lill-Istati Membri biex jintroduċu mekkaniżmi li jiżguraw il-ħlas fiż-żmien stipulat u li jikkunsidraw bis-serjetà li japplikaw sanzjonijiet amministrattivi f’dan ir-rigward;

14. Isostni li l-SMEs huma partikolarment vulnerabbli fir-rigward tal-ksur tad-Drittijiet tal-Propjetà Intellettwali (IPRs); jisħaq fuq l-importanza li jinħoloq brevett Komunitarju li jsaħħaħ u jipproteġi l-innovazzjoni tal-SMEs Ewropej fir-rigward tal-kompetituri tagħhom;

15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-kompetittività tal-SMEs billi jagħtuhom aċċess akbar għall-programmi Ewropej ta' għajnuna għall-innovazzjoni u billi jagħtuhom il-mezzi biex jiġġieldu kontra l-falsifikazzjoni u l-frodi fis-Suq Intern b'mod aktar effikaċi, u biex jesiġu li s-sħab kummerċjali tagħhom japplikaw il-Ftehima dwar l-Aspetti relatati mal-Kummerċjalizzazzjoni tad-Drittijiet tal-Propjetà Intellettwali (TRIPS) b’mod aktar strett, kif ukoll biex jagħmlu l-isforzi kollha neċessarji għall-adozzjoni ta’ ftehimiet bilaterali, reġjonali u multilaterali biex jiġġieldu kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija, bħal ma hi l-Ftehima ACTA;

16. Jenfasizza li informazzjoni msaħħa dwar l-aċċess għas-suq u l-opportunitajiet tal-esportazzjoni fis-Suq Uniku hija essenzjali kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fl-UE; jistieden għalhekk lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex isaħħu l-informazzjoni u s-servizzi konsultattivi, b'mod partikolari, in-netwerk li jsolvi l-problemi SOLVIT;

17. Jappoġġja t-talba għall-għoti ta’ servizzi ta’ konsulenza minn Stati Membri biex jgħinu lill-SMEs jiddefendu ruħhom minn prattiki kummerċjali inġusti, bħal dawk ta’ kumpaniji ta’ direttorju kummerċjali qarrieqa, sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-SMEs fil-kummerċ transkonfinali tagħhom; jenfasizza l-importanza tal-irwol tal-Kummissjoni kemm biex tiffaċilita l-koordinazzjoni ta’ dawn is-servizzi ta’ konsulenza kif ukoll biex tikkopera magħhom biex jiġi żgurat li l-ilmenti transkonfinali jiġu ttrattati b’mod adegwat u effiċjenti; jinsisti, madankollu, li fil-każ li dawn il-miżuri ħfief ma jagħtux riżultati, il-Kummissjoni għandha tkun lesta biex tibda l-modifiki leġiżlattivi neċessarji li jipprovdu lill-SMEs bi protezzjoni simili għall-konsumaturi meta jkunu l-parti d-dgħajfa f’dawn it-tranżazzjonijiet;

18. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għal kuntratti pubbliċi, speċjalment bl-istandardizzazzjoni tad-dokumenti meħtieġa u tal-pjattaformi tal-internet differenti tal-kuntratti pubbliċi u billi jsir użu aktar sikwit ta' ħlasijiet f'fażijiet, sabiex jiġi ggarantit li l-SMEs jiksbu l-istess vantaġġi bħall-kumpaniji offerenti l-oħra, jibbenefikaw mis-soluzzjonijiet innovattivi u b'hekk jissalvagwardaw l-iżvilupp reġjonali tagħhom;

19. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iżidu l-ħidma tagħhom biex jippromwovu u jipprovdu informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ fondi Komunitarji u għajnuna mill-Istat, u biex jagħmlu dawn iż-żewġ strumenti mhux biss aktar aċċessibbli iżda wkoll aktar ċari għal kulħadd;

20.  Jinkoraġġixxi l-istimulazzjoni ta' kultura intraprenditorjali permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ u, b'mod partikolari permezz, inter alia, ta' kollaborazzjoni akbar bejn ir-riċerka u l-industrija; huwa tal-fehma li inizjattivi f'dan ir-rigward għandhom ukoll jiffokaw fuq l-importanza tal-SMEs li jkabbru l-koeżjoni soċjali, l-effiċjenza u l-protezzjoni ambjentali (eko-innovazzjonijiet); jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta pjan ta' azzjoni ta' kif tippromwovi l-intraprenditorija tan-nisa;

21. Jirrikonoxxi li l-involviment tal-SMEs fir-riċerka u l-iżvilupp huwa importanti kemm biex tiżdied il-kompetittività tal-SMEs fis-Suq Intern kif ukoll biex l-SMEs ikunu aktar attraenti; huwa tal-opinjoni li l-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni fil-Programmi tal-Qafas ta’ Riċerka fl-UE għadhom wisq burokratiċi u ma jinċentivawx l-SMEs;

22. Jitlob għas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti tal-SMEs biex jiksbu finanzjament fil-kuntest tal-akkwist pubbliku; hu tal-fehma li kemm l-istituzzjonijiet finanzjarji kif ukoll il-banek għandhom joħolqu programmi speċifiċi adattati għall-ħtiġijiet tal-SMEs;

23. Hu tal-fehma li l-Istati Membri għandhom japplikaw l-SBA u l-prinċipji tiegħu bħala prijorità, jissorveljaw l-implimentazzjoni tiegħu u jikkomplementaw dan il-monitoraġġ b’rapport annwali li jirrifletti l-progress magħmul minn kull Stat Membru;

24. Ifakkar li l-SBA m’għandux status li jorbot legalment u għalhekk jitlob impenn politiku sod mill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex japplikaw b’mod sistematiku l-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir"; jirrakkomanda lill-Istati Membri biex japplikaw il-prinċipji tal-SBA u l-prinċipju ‘Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir’ fil-livelli nazzjonali u reġjonali;

25. Jenfassizza l-importanza tal-kontribut tal-azzjonisti permezz ta’ konsultazzjoni pubblika mill-Kummissjoni, iżda jgħid li l-perjodu ta’ tmien ġimgħat għall-konsultazzjoni huwa ta’ ostaklu kbir għall-konsiderazzjoni tal-interessi tal-SMEs; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex terġa' tikkonsidra perjodu itwal ta’ konsultazzoni biex jintlaħqu l-objettivi tal-politiki kif ukoll biex jinkoraġġixxu l-involviment u r-rappreżentanza tal-SMEs;

26. Iqis li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom flimkien jiżguraw li fl-ambjent tan-negozju ma jkunx hemm x’ineħħi l-inċentivi, kemm jekk ikunu proċeduri tqal, diżinċentivi fiskali jew ostakli regolatorji, għal persuni b’xi speċjalizzazzjoni li jkunu jixtiequ jaħdmu għal rashom.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriela Creţu, Mia De Vits, Janelly Fourtou, Evelyne Gebhardt, Martí Grau i Segú, Małgorzata Handzlik, Malcolm Harbour, Christopher Heaton-Harris, Anna Hedh, Edit Herczog, Eija-Riitta Korhola, Lasse Lehtinen, Toine Manders, Catiuscia Marini, Arlene McCarthy, Catherine Neris, Bill Newton Dunn, Zita Pleštinská, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Leopold Józef Rutowicz, Salvador Domingo Sanz Palacio, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Eva-Britt Svensson, Marianne Thyssen, Jacques Toubon, Barbara Weiler

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Emmanouil Angelakas, Brigitte Fouré, Joel Hasse Ferreira, Anja Weisgerber

Sostitut (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Maddalena Calia


OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (3.12.2008)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar

(2008/2237(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Anja Weisgerber

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni waqqfet qafas politiku komprensiv biex tneħħi l-burokrazija għall-SMEs u b'hekk uriet biċ-ċar l-irwol elementari tal-SMEs fit-tkabbir ekonomiku, fl-impjiegi, fil-koeżjoni soċjali u fl-innovazzjoni fl-Ewropa; jenfasizza li, bħalissa, il-parti l-kbir tal-postijiet tax-xogħol li jinħolqu fl-Ewropa huma fl-SMEs, speċjalment fl-industriji tas-snajja’ u negozji żgħar, u li l-SMEs, għalhekk, huma wieħed mill-pedamenti biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija ta' Liżbona fir-rigward tal-kwantità u tal-kwalità tal-impjiegi;

2.   Jinnota li, minkejja l-impenn ċar li ttieħed permezz tal-Karta oriġinali dwar in-Negozji ż-Żgħar, il-vuċi tal-SMEs baqgħet msikkta fil-kuntest tad-djalogu soċjali; iħeġġeġ biex dan in-nuqqas ikun rettifikat b’mod formali permezz ta’ proposti xierqa fil-kuntest tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar;

3.   Jilqa' r-rabta diretta li saret mar-riforma attwali leġiżlattiva fil-livell Europew - il-kumpannija privata Ewropea, ir-reviżjoni tal-għajnuna statali, rata mnaqqsa tal-VAT, eċċ. - u ma' riformi li mitluba mill-Parlament Ewropew innifsu, bħal dik relatata mal-mikrokrediti;

4.   Jara l-bżonn li, fil-qafas tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, isir iktar enfasi fuq il-qasam tal-liġi tax-xogħol, speċjalment b’kunsiderazzjoni tal-kunċett tal-flessigurtà, li jgħin b'mod partikulari lill-SMEs biex jirreaġixxu aktar malajr għat-tibdiliet fis-suq u, għaldaqstant, biex jiġi garantit livell ogħla ta' impjieg u l-kompetittività tal-kumpannija, kif ukoll il-kompetittività internazzjonali, filwaqt li titqies il-protezzjoni soċjali meħtieġa; f’dan ir-rigward, jirreferi għar-Riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Novembru 2007 dwar il-Flessigurtà(1);

5.   Jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza tal-liġi tax-xogħol, speċjalment b’kunsiderazzjoni ta’ kif l-applikazzjoni tagħha tista’ tiġi ottimizzata, pereżempju permezz ta’ pariri aħjar jew permezz tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi, u jitlob lill-Istati Membri biex jiddedikaw attenzjoni speċjali lill-SMEs b’rabta mal-approċċi speċifiċi li jadottaw għall-flessigurtà, anke permezz ta’ politiki attivi dwar is-suq tal-impjiegi, peress li l-SMEs igawdu minn vantaġġi favur flessibilità interna u esterna ikbar minħabba l-livelli baxxi tagħhom ta' persunal imma għandhom bżonn ukoll ta' sigurtà ikbar għalihom u għall-ħaddiema tagħhom; iqisha ħaġa essenzjali li l-liġi tax-xogħol, bħala waħda mill-pilastri tal-flessigurtà, tipprovi bażi legali li l-SMEs ikunu jistgħu joqogħdu fuqha, minħabba l-fatt li dawk in-negozji spiss ma jkunux jistgħu jippermettu lilhom infushom li jkollhom dipartament legali jew dipartament għall-immaniġġjar tar-riżorsi umani; jirrimarka li 91.5% tal-kumpanniji Ewropej jimpjegaw anqas minn 10 persuni (sors: Eurostat, 2003);

6.   Jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jkun żgurat li d-diversità tal-SMEs tiġi kkunsidrata fir-reazzjonijiet adottati, anke fir-rigward tan-negozji ta' responsabilità limitata b'persuna waħda u/jew impriżi individwali li, minħabba l-istatut tagħhom, jiffaċċjaw problemi partikolari f’dak li hu żvilupp u fil-qasam ta' kwistjonijiet soċjali u fiskali u fl-aċċess għal finanzjament;

7.   Iqis li hu meħtieġ li jiddaħħlu miżuri li jikkumbattu kontra x-xogħol mhux iddikjarat, li bla dubju hu sors ta' kompetizzjoni inġusta għall-SMEs li x-xogħol tagħhom jiddependi ħafna fuq il-ħaddiema;

8.   Huwa mħasseb dwar in-nuqqas kontinwu ta’ ħaddiema kkwalifikati, u dwar il-pass bil-mod biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija ta' Liżbona b'referenza għall-kwalità u għat-tisħiħ tal-kapital soċjali u tat-taħriġ, ħaġa li tista' twassal għal iktar nuqqas ta' kwalifiki fis-suq tax-xogħol; jinnota li l-SMEs qed jikkompetu għall-ħaddiema kkwalifikati ma' negozji akbar minnhom u li għandhom ikunu appoġġjati permezz ta’ taħriġ, u partikolarment permezz ta’ taħriġ vokazzjonali, kif ukoll biex jakkwistaw, jiżviluppaw u jittrażmettu l-ħiliet tal-persunal tagħhom; jilqa', b’rabta ma’ dan, il-miżuri li ħabbret il-Kummissjoni fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-negozjanti żgħażagħ, għall-ħaddiema kwalifikati li jagħmlu xogħol għal ħaddieħor u għall-apprentisti (Erasmus), kif ukoll għall-ħolqien ta' Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET);

9.   Jitlob lill-awtoritajiet pubbliċi Ewropej u nazzjonali biex jipprovdu appoġġ qawwi għall-industriji tas-snajja' u għall-SMEs billi:

–    jfasslu soluzzjonijiet instituzzjonali finanzjarji għall-SMEs fuq livell lil hinn mill-intrapriża sabiex jgħinuhom jikkommettu ruħhom b'mod aktar attiv fit-taħriġ kontinwu u tul il-ħajja,

–    jistiednu lis-setturi li għandhom proporzjon kbir ta' SMEs biex jinvestu (jew ikomplu jinvestu) f'forom ta' taħriġ u ta' taħriġ mill-ġdid tax-xogħol speċifiku bl-għan li jikkontribwixxu għall-kontinwità fis-settur kif ukoll biex jegħlbu n-nuqqas potenzjali ta’ kwalifiki fis-suq tax-xogħol;

–    jiżguraw d-disponibilità fis-suq ta' taħriġ mfassal għal bżonnijiet partikolari li jkun jaqbel mar-rekwiżiti speċifiċi tal-SMEs bi prezzijiet raġjonevoli,

–    jappoġġjaw l-SMEs permezz ta’ miżuri laterali, bħal servizzi konsultattivi fil-qasam tal-flessibilità interna (dwar, pereżempju, mudelli ġodda għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol) jew dawk li jgħinu l-SMEs joffru kundizzjonijiet aħjar għar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja u tax-xogħol;

10. Jilqa’ l-istedina tal-Kummissjoni lill-Istati Membri biex jippromwovu l-impjieg indipendenti u l-intraprenditorija fl-edukazzjoni fl-iskola u fit-taħriġ professjonali, b'mod partikolari fl-edukazzjoni sekondarja ġenerali, sabiex jinkoraġġixxu atitudnijiet iktar pożittivi lejn l-intraprenditorija fis-soċjetà Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni biex takkumpanja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom permezz ta’ proċeduri "tal-aħjar prattika" għal taħriġ innovattiv u marbut ma' livelli ogħla ta' edukazzjoni u ta' riċerka;

11. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-miżuri li jippromwovu u jappoġġjaw l-intraprenditorija huma ta' importanza kbira fl-Istati Membri l-ġodda, fejn ħafna nies tilfu l-impjieg tagħhom minħabba bidliet ekonomiċi strutturali;

12. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li jkun xieraq li jippromwovu netwerks tan-negozju u ġabra flimkien tal-istess negozji, ibbażati fuq l-aħjar prattiki fl-Istati Membri, li jippermettu li tinżamm id-dimensjoni mixtieqa u jippermettu, pereżempju, l-iskambju ta' faċilitajiet, beni u servizzi;

13. Jaqbel, fil-kuntest tal-evalwazzjoni dwar l-impatt tal-proposti leġiżlattivi ġodda, mal-introduzzjoni ta' "test tal-SME" obbligatorju, u li r-riżultati tiegħu jiġu evalwati minn korp estern indipendenti; jistieden lill-Kummissjoni biex, b''rabta ma’ dan, tagħmel użu minn proċeduri bħalma huma l-analiżi tal-benefiċċju meta mqabbel mal-ispiża jew il-konsultazzjoni regolari tal-partijiet interessati; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti aktar ħin lill-assoċjazzjonijiet tal-SMEs biex jieħdu sehem f’konsultazzjonijiet relatati mal-proposti leġiżlattivi ġodda;

14. Jenfasizza l-importanza li l-intraprendituri żgħażagħ u l-intraprendituri nisa jiġu mħeġġa permezz ta', fost affarijiet oħra, l-introduzzjoni ta' programmi ta’ taħriġ individwali u ta' gwida u parir; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li numru dejjem jikber ta’ nisa u żgħażagħ jaħdmu fl-SMEs, anke jekk dawn jinsabu l-aktar fin-negozji ż-żgħar (il-mikronegozji), u huma suġġetti għall-effetti negattivi tal-istereotipi u l-preġudizzji b’rabta mat-trasferiment u s-suċċessjoni fin-negozju, partikolarment fil-każ ta' negozji tal-familja; jitlob, għalhekk, lill-Istati Membri biex, filwaqt li jqisu l-impatt tal-popolazzjoni li qed tixjiħ, jimplimentaw politiki u mekkaniżmi adatti, partikolarment billi jintroduċu għodda ta' dijanjosiċi, informattivi, konsultattivi u ta' appoġġ għat-trasferimenti fin-negozju;

15. Itenni l-importanza li jkun żgurat l-aċċess għall-kreditu, inkluż il-mikrokreditu, speċjalment fil-perjodu kurrenti ta' kriżi u ta' diffikultà fis-suq finanzjarju, u jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu u jkabbru miżuri politiċi tagħhom fl-appoġġ tal-SMEs, pereżempju billi jagħmlu iktar milli sempliċiment jagħtu opportunità oħra lill-intraprendituri onesti li jkunu fallew u billi jintroduċu fondi ta' garanzija u 'self fuq l-unur' biex ikunu żviluppati proġetti innovattivi orjentati lejn l-iżvilupp sostenibbli; jitlob, barra minn hekk, biex l-arranġamenti kooperattivi tal-SMEs jitqiesu fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, peress li huwa stabbilit li netwerks ta’ dan it-tip għandhom inqas riskju ta' insolvenza minn intrapriżi individwali;

16. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li l-kwistjoni tar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol mal-ħajja tal-familja, kemm tal-intraprendituri nisa kif ukoll irġiel, tkun indirizzata permezz ta' politiki u strumenti operattivi, b'referenza għall-maternità, il-paternità, il-liv tal-ġenituri u tal-familja u l-liv għat-taħriġ u għall-parteċipazzjoni fil-ħajja assoċjattiva, filwaqt li jkun provdut għal forom integrati ta' servizzi ta' appoġġ u ta' sostituzzjoni;

17. Jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu l-inklużjoni tal-SMEs li s-sidien tagħhom huma l-minoritajiet etniċi sottorappreżentati fl-ekonomija prinċipali permezz tal-iżvilupp ta' programmi dwar id-diversità tal-fornitur li jkollhom l-għan li jiggarantixxu opportunitajiet ugwali għan-negozji sottorappreżentati li qed jikkompetu għall-kuntratti ma' intrapriżi akbar;

18. Jappoġġja l-iżvilupp tal-mikrokrediti (sa EUR 25,000) permezz tal-Fond Mikrofinanzjarju sal-valur ta’ EUR 40 miljun, sabiex il-ħolqien ta' negozji ġodda b’mod partikolari jkun imħeġġeġ u jitlob lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex jiżgura l-implimentazzjoni mgħaġġla fil-livell reġjonali; jilqa' l-fatt li l-Fond Soċjali Ewropew jipprovdi wkoll għal miżuri biex jitħeġġeġ il-ħolqien tan-negozji, partikolarment biex jiġi promoss l-intraprenditorija femminili, u jitlob lill-Istati Membri biex jagħmlu użu tajjeb minn din il-possibilità;

19. Hu mħasseb dwar il-fatt li n-nuqqas attwali ta’ kreditu jista' jkollu effett negattiv sproporzjonat fuq il-likwidità għall-SMEs, minħabba li l-klijenti akbar jagħmlu pressjoni fuq il-fornituri iżgħar biex jagħtu termini estiżi ta' ħlasijiet; iħeġġeġ sabiex il-perjodu ta' konsultazzjoni relatat mal-impatt tad-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard(2) ikun riattivat fil-bidu tal-2009 sabiex l-aħħar xejriet ikunu jistgħu jiġu mmoniterjati u evalwati b’mod preċiż;

20. Jirrimarka li impenji diretti mill-Kummissjoni għandhom ikunu inkorporati fir-raba' ġabra ta’ miżuri politiċi proposti, mhux biss fir-rigwrad ta’ modi li bihom jitjieb l-aċċess għall-informazzjoni, kemm dwar ir-regolamenti relevanti, kif ukoll dwar possibilitajiet ta' ppjanar u ta' finanzjament, inkluż permezz ta' netwerk ta' uffiċċji li diġà qed joperaw, bħall-uffiċċji tal-Europe Direct;

21. Itenni l-importanza mogħtija lir-responsabilità soċjali korporattiva ta' negozji fuq skala żgħira, li teħtieġ rabtiet, netwerks u servizzi orizzontali; iqis li hija ħaġa ineffettiva li ssir referenza għaċ-ċertifikazzjoni tas-sistema Ewropea ta' mmaniġġjar u verifika ambjentali, kemm minħabba li din tagħmel ħsara liċ-ċertifikati eżistenti, u wkoll għaliex ir-rabta tagħha hija limitata biss għall-isfidi ambjentali;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Andersson, Edit Bauer, Iles Braghetto, Philip Bushill-Matthews, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Luigi Cocilovo, Jean Louis Cottigny, Jan Cremers, Proinsias De Rossa, Harald Ettl, Carlo Fatuzzo, Ilda Figueiredo, Stephen Hughes, Ona Juknevičienė, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Jan Tadeusz Masiel, Maria Matsouka, Juan Andrés Naranjo Escobar, Csaba Őry, Siiri Oviir, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Pier Antonio Panzeri, Rovana Plumb, Bilyana Ilieva Raeva, José Albino Silva Peneda, Jean Spautz, Gabriele Stauner, Ewa Tomaszewska, Anne Van Lancker

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriela Creţu, Petru Filip, Marian Harkin, Magda Kósáné Kovács, Sepp Kusstatscher, Jamila Madeira, Viktória Mohácsi, Csaba Sógor, Anja Weisgerber

(1)

ĠU C 297 E, 20.11.2008, p. 174.

(2)

Id-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU L 200, tat-8.8.2000, p. 35).


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (20.1.2009)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar "Att dwar in-Negozji ż-Żgħar"

(2008/2237(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Helga Trüpel

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu s-settur kulturali u kreattiv bħala l-mutur tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali fl-UE - b'sehem ta' 2.6% tal-PGD u 2.5% tal-forza tax-xogħol tal-UE; jenfasizza l-importanza tal-SMEs biex jistimulaw is-settur tal-ICT u l-industrija kreattiva;

2.   Ifakkar li s-"sens ta’ inizjattiva u intraprenditorija" huwa kompetenza ewlenija(1), u jistieden lill-Istati Membri biex jinkludu dan kemm fl-istrateġiji tagħhom tat-tagħlim matul il-ħajja kif ukoll fil-kurrikuli nazzjonali u biex jippromwovu sinerġija aħjar bejn l-impriżi tas-settur tal-kultura u l-iskejjel, u b’hekk ikunu qed isaħħu minn żmien bikri s-sehem importanti tal-kapaċitajiet u ħiliet intraprenditorjali; jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex testendi l-ambitu tal-programm Leonardo da Vinci;

3.   Jenfasizza li s-settur kulturali u ekonomiku huwa magħmul minn strutturi żgħar u ta’ daqs medju u li huwa importanti b’mod partikolari għall-protezzjoni tal-impjiegi fil-livell reġjonali li jdumu għall-perjodu twil;

4.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw il-mobilità tal-artisti, tal-intraprendituri u ta' dawk li jaħdmu għal rashom sabiex ikun iffaċilitat il-moviment ħieles tas-servizzi fis-settur kreattiv permezz tal-promozzjoni tal-armonizzazzjoni u t-trasparenza tar-regoli u l-aċċess faċli għall-permessi tax-xogħol u s-sistemi tas-sigurtà soċjali;

5.   Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, biex jipprovdu miżuri selettivi u mmirati u appoġġ individwali bħal informazzjoni, pariri u l-possibiltà ta’ aċċess għall-kapital riskjuż minn negozji li għadhom qed jibdew fis-settur tal-SMEs;

6.   Jissuġġerixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-iffinanzjar għall-SMEs minn stadju bikri u għal self-mikro kif ukoll għal garanziji tas-self; Jitlob għal sforzi kostanti biex id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u dawk tal-awturi jkunu mħarsa b'mod effettiv u l-SMEs ikunu jistgħu jużaw l-IP tagħhom biex jattiraw l-iffinanzjar;

7.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw sistema bbilanċjata sew ta' rati tal-VAT imnaqqsa għal prodotti ta' meritu li huma mixtieqa minn perspettiva soċjetarja, bħal prodotti kulturali, mingħajr ma jkunu injorati l-effetti fuq il-kummerċ intrakomunitarju u baġits nazzjonali;

8.   Jappoġġja l-idea li jkunu estiżi sal-2012 l-eżenzjoni attwali mir-regoli ta' kompetizzjoni tal-għajnuna statali għall-produzzjoni tal-films fir-rigward tal-films kulturali u jqis li dan huwa appoġġ qawwi għal SMEs kreattivi;

9.   Jappoġġja r-regoli l-ġodda tal-għajnuna statali stabbiliti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta' Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta' għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni fl-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (Regolament ta’ Eżenzjoni Sħiħa Ġenerali)(2) li jeżentaw, skont ċerti kundizzjonijiet, l-SMEs mir-regoli ta' notifika.

10. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat mudell soċjali u ekonomiku, li joħloq xibka ta’ ħarsien adegwata għal impriżi innovattivi li huma żgħar jew ta’ daqs medju, fejn wieħed jista’ jiltaqa’ frekwentement ma’ kundizzjonijiet tax-xogħol li mhumiex stabbli.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.1.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Badia i Cutchet, Ivo Belet, Guy Bono, Marie-Hélène Descamps, Věra Flasarová, Milan Gaľa, Vasco Graça Moura, Lissy Gröner, Luis Herrero-Tejedor, Ruth Hieronymi, Mikel Irujo Amezaga, Ramona Nicole Mănescu, Manolis Mavrommatis, Ljudmila Novak, Doris Pack, Zdzisław Zbigniew Podkański, Pál Schmitt, Hannu Takkula, Thomas Wise, Tomáš Zatloukal

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Gyula Hegyi, Nina Škottová, László Tőkés, Ewa Tomaszewska, Cornelis Visser

Sostitut (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Berger

(1)

Ir-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim matul il-ħajja (ĠU L 394, 30.12.2006, p 10).

(2)

ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (21.11.2008)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar

(2008/2237(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Othmar Karas

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  wara li kkunsidra, li l-istituzzjonijiet differenti tal-Unjoni Ewropea jagħrfu l-importanza tan-negozji ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs) għall-ekonomija Ewropea u jkomplu jisħqu fuq il-kontribut kbir tagħhom għall-koerenza soċjali kif ukoll għall-innovazzjoni, l-iżvilupp reġjonali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-kompetittività fl-Unjoni Ewropea, u dan b’mod partikolari speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi,

B.   wara li kkunsidra, li fil-qasam tan-negozju ftit li xejn sar titjib jew titjib li bil-kemm huwa evidenti minkejja inizjattivi li ttieħdu iktar kmieni mill-Unjoni Ewropea sa mis-sena 2000,

C.  wara li kkunsidra, li l-prinċipju tal-individwalità u l-prinċipju tal-proporzjonalità kif ukoll iċ-ċertezza legali għall-iżvilupp tal-SMEs huma kruċjali u li dawn għandhom ikunu parti integrali mil-liġijiet kollha fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea u fuq dak nazzjonali,

1.  Jistieden lill-Istati Membri, biex sal-aħħar tal-2009 jippreżentaw informazzjoni dwar kif u f’liema perjodu l-bażi tal-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” se jiġi traspost fil-qafas regolatorju nazzjonali;

2.  Jistieden lill-Istati Membri biex jinkorporaw, b’mod obbligatorju, il-progress tat-traspożizzjoni tal-bażi tal-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” fir-rapporti annwali dwar il-programmi nazzjonali ta’ riforma f’konformità mal-Istrateġija ta’ Liżbona, bħala kapitolu ġdid u indipendenti;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa kriterji uniformi li bihom tkun tista' tkejjel il-progress li jsir fl-implimentazzjoni tal-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika soluzzjonijiet, li bihom il-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” jista' jiġi stabbilit bħala komponent obbligatorju ta’ leġiżlazzjoni futura fuq livell Ewropew;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-evalwazzjoni tal-impatt ta’ abbozzi leġiżlattivi tkun supplimentata b’"SME-Test” obbligatorju, li jkun suġġett għal evalwazzjoni esterna u indipendenti; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel r-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni disponibbli għall-korpi leġiżlattivi;

6.  Jappoġġja l-pjan biex jitfassal Statut għal Kumpanija Privata Ewropea (SPE);

7.  Huwa tal-fehma, li r-riżultati tal-Grupp ta’ Livell Għoli fil-qasam tal-Liġi tal-Kumpaniji/Kontijiet Annwali tal-Kumpaniji, għandhom jiġu inklużi fl-implimentazzjoni tal-miżuri fl-Att tan-Negozji ż-Żgħar;

8.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel seduta ta’ smigħ quddiem il-Parlament Ewropew dwar il-politika Ewropea tal-SMEs għal kull bidla li ssir fil-Kummissjoni li tkun rilevanti għall-SMEs;

9.   Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea biex jagħrfu u jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi tal-SMEs fil-qasam tal-professjonijiet liberali, li jagħmlu wkoll kompiti pubbliċi marbut mal-interess pubbliku.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.11.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Carlo Casini, Bert Doorn, Monica Frassoni, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Othmar Karas, Klaus-Heiner Lehne, Antonio Masip Hidalgo, Manuel Medina Ortega, Aloyzas Sakalas, Diana Wallis, Rainer Wieland, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Paul Gauzès, József Szájer, Jacques Toubon, Ieke van den Burg


OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (4.12.2008)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar Att dwar in-Negozji ż-Żgħar

(2008/2237(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Anni Podimata

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi n-nisa, f'ħafna negozji żgħar tal-familja, minkejja l-kontribut tagħhom għall-attività, ma għandhomx l-istess status legali bħas-sħab tagħhom, billi jkunu ħaddiema jew impjegati tal-familja li ma jitħallsux filwaqt li s-sieħeb tagħhom ikun is-sid tal-fabbrika,

B.  billi n-nisa sikwit ma jitħallewx jiżviluppaw l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom minħabba nuqqas ta' netwerks soċjali u ekonomiċi li jistgħu jappoġġjaw l-inizjattivi tagħhom, kif ukoll minħabba l-evalwazzjoni differenti tal-ħtiġijiet ekonomiċi bejn in-nisa u l-irġiel u l-aggressività tal-ambjent tan-negozju,

C. billi n-nuqqas, jew il-livell imnaqqas, ta' ħarsien soċjali li huwa disponibbli għan-nisa li jaħdmu għal rashom huwa ostaklu sinifikanti għan-nisa li jiftħu n-negozji,

1.  Jifraħ lill-Kummissjoni talli kkunsidrat it-talbiet tal-Parlament fir-rigward tat-tħeġġiġ tal-intraprenditorija u tat-talent intraprenditorjali fost in-nisa, u jistedinha tintegra dan l-aspett fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva "Erasmus għaż-Żgħażagħ Intraprenditorjali";

2.  Jinnota b'dispjaċir li n-nisa jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet biex jiftħu u jżommu negozji minħabba fatturi bħad-differenza fit-tagħrif, in-nuqqas ta' kuntatti u ta' aċċess għan-netwerks, id-diskriminazzjoni u l-isterjotipi skont is-sess, il-provvista dgħajfa jew inflessibbli ta' faċilitajiet għall-kura tat-tfal, id-diffikultajiet biex jingħaqdu l-obbligi tan-negozju u l-familja, kif ukoll id-differenzi fl-approċċ bejn in-nisa u l-irġiel lejn l-intraprenditorija;

3.  Jifraħ lill-Kummissjoni għall-inizjattiva ġdida tagħha biex tirrevedi d-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE(1) dwar in-nisa li jaħdmu għal rashom u l-konjuġi nisa li jgħinu u jemmen li dan l-aġġustament minħabba ċ-ċirkostanzi ġodda se jgħin biex isaħħaħ l-intraprenditorija tan-nisa u biex iwessa' l-bażi ta' dawk li jaħdmu għal rashom;

4.  Jenfasizza li l-intraprenditorija tan-nisa tgħin sabiex in-nisa jidħlu fis-suq tax-xogħol u fit-titjib tal-istatus soċjo-ekonomiku tagħhom; jiddispjaċih madankollu li d-differenzi bejn is-sessi, b’mod partikulari fil-pagi, għadhom jippersistu f’dan il-qasam, minkejja l-interess qawwi muri rigward il-pożizzjoni tan-nisa, u barra minn hekk il-persentaġġ ta' nisa intraprendituri fl-Unjoni Ewropea baqa' baxxa, u dan huwa parzjalment dovut għan-nuqqas ta' rikonoxximent tal-kontribut tagħhom (pereżempju xogħol mhux imħallas) fil-ġestjoni ta’ kuljum ta’ impriżi żgħar jew ta' daqs medju familjali, li minkejja kollox huwa essenzjali;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni biex twaqqaf kemm jista' jkun malajr netwerk ta' intraprendituri nisa ambaxxaturi kif ukoll l-iskemi ta' tagħlim li jħeġġu lin-nisa joħolqu n-negozji propji tagħhom u jagħtu pariri ta' min hu involut b’mod dirett;

6.   Jistieden lill-Istati Membri:

- biex jiżviluppaw programmi edukattivi tal-intraprenditorija indirizzati b’mod partikulari għan-nisa u biex jippromwovu, permezz ta’ programmi nazzjonali u Ewropej, il-ġbir u t-tixrid tal-aħjar prattiki, l-ispirtu ta’ innovazzoni fiż-żgħażagħ, b’mod partikulari fit-tfajliet, u l-intraprenditorija;

- biex idaħħlu dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni tagħhom dwar it-twaqqif tal-Impriżi Żgħar u ta' daqs Medju li jistgħu jiggarantixxu l-istatus ta' sjieda legali ugwali għal dak tal-irġiel meta titwaqqaf impriża tal-familja;

- biex jippromwovu l-ħolqien ta' sħubijiet bejn l-intraprendisti tal-intrapriżi, ikun xi jkun is-sess tagħhom, sabiex titnaqqas id-diskriminazzjoni kontra n-nisa fl-ambjent tan-negozju;

7.  Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw strateġiji sistematiċi biex tissaħħaħ l-intraprenditorija femminili, kif ukoll miżuri konkreti li jiffaċilitaw l-aċċess tal-intraprendituri nisa għall-krediti u għas-servizzi bankarji, b'mod partikulari f'dak li għandu x'jaqsam mal-mikroself; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-kriżi finanzjarja attwali ma jkollhiex effett ħażin fuq l-impriżi żgħar jew ta' daqs medju, u b'mod partikulari fuq l-intraprenditorija femminili;

8.  Jitlob lill-Istati Membri biex jikkunsidraw regoli standard minimi dwar id-drittijiet ta' parteċipazzjoni tal-impjegati u l-programmi għall-ugwaljanza bejn is-sessi li jridu jimxu id f'id mal-istatut Ewropew tal-kumpaniji privati; biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema jiġu osservati, jipproponi li l-aktar strateġija xierqa tkun, bħal fil-każ tal-Kumpanija Ewropea u tas-Soċjetà Kooperattiva Ewropea, li toħroġ direttiva separata dwar id-drittijiet tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema li tkun tikkomplementa l-istatut Ewropew tal-kumpaniji privati;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni biex iżżid aktar rekwiżiti dettaljati, b'mod partikulari dwar id-dimensjoni transkonfinali ta' kumpanija privata Ewropea, ir-rekwiżit kapitali minimu tagħha, il-mod li bih l-entitajiet ta' tmexxija tagħha jkunu jistgħu jqisu l-parteċipazzjoni tal-impjegati u r-rappreżentanza tan-nisa kif ukoll it-trasparenza tal-operazzjonijiet tagħha;

10. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-intraprenditorija femminili fis-settur tal-Impriżi Żgħar jew ta' Daqs Medju billi jitwaqqfu strutturi u faċilitajiet xierqa għal pariri professjonali u finanzjarji biex jiġu aġġornati l-ħiliet tal-ħaddiema nisa li jqisu bis-sħiħ l-aspetti tad-differenzi bejn is-sessi fl-iżvilupp tal-impriżi u li jqisu l-irwoli aktar wesgħin tan-nisa fil-familji u/jew fil-komunitajiet tagħhom;

11. Jiġbed l-attenzjoni li l-użu ta' teknoloġiji ġodda jgħin b'mod partikulari lill-intraprendituri nisa żgħażagħ biex jiffrankaw l-ispejjeż amministrattivi;

12. Jistieden lill-Istati Membri biex jiġbdu l-attenzjoni dwar in-negozji li jieħdu l-passi biex iħeġġu l-ugwaljanza bejn is-sessi, b'mod partikulari rigward il-pagi u l-aċċess għall-impjiegi, u biex jiffaċilitaw il-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik privata;

13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu passi ħalli jneħħu l-inugwaljanzi marbuta mal-ħarsien soċjali (l-aktar il-ħarsien tal-maternità) għan-nisa li jaħdmu għal rashom;

14. Jirrikonoxxi li t-taħriġ, ir-riċerka u l-iżvilupp li jkollhom l-appoġġ tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex jippermettu lin-nisa, l-aktar dawk li jkunu għadhom qegħdin jieħdu ħsieb it-tfal, biex ifittxu l-ħtiġijiet individwali tagħhom f'dawk li huma ħinijiet tax-xogħol;

15. Jirrikonoxxi li kwalunkwe sistema ta' appoġġ offruta lill-intraprendituri, u b'mod partikulari lill-intraprendituri nisa, inklużi t-taħriġ fil-ħiliet u fl-amministrazzjoni tal-impriżi u l-aċċess iffaċilitat għar-riżorsi (fosthom it-tagħmir, il-post, it-trasport u l-kreditu) għandu jkun kontinwu sabiex jgħin lin-negozji jibqgħu jeżistu wara l-għajnuna tal-bidu;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

11

0

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Ilda Figueiredo, Věra Flasarová, Lissy Gröner, Urszula Krupa, Pia Elda Locatelli, Astrid Lulling, Siiri Oviir, Zita Pleštinská, Anni Podimata, Teresa Riera Madurell, Raül Romeva i Rueda, Anne Van Lancker, Corien Wortmann-Kool, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Donata Gottardi, Marusya Ivanova Lyubcheva

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Juan Andrés Naranjo Escobar

(1)

Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1986 dwar l-applikazzjoni tal-principju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f'attività, inkluża l-agrikoltura, b'kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom, u dwar il-protezzjoni ta' nisa li jaħdmu għal rashom waqt it-tqala u waqt li qegħdin irabbu t-tfal (ĠU L 359, 19.12.1986, p. 58).


RESULT OF FINAL VOTE IN COMMITTEE

Date adopted

12.2.2009

 

 

 

Result of final vote

+:

–:

0:

43

0

0

Members present for the final vote

Šarūnas Birutis, Jan Březina, Jerzy Buzek, Jorgo Chatzimarkakis, Giles Chichester, Dragoş Florin David, Pilar del Castillo Vera, Den Dover, Lena Ek, Nicole Fontaine, Adam Gierek, Norbert Glante, András Gyürk, Fiona Hall, David Hammerstein, Ján Hudacký, Romana Jordan Cizelj, Pia Elda Locatelli, Eluned Morgan, Antonio Mussa, Angelika Niebler, Reino Paasilinna, Anni Podimata, Miloslav Ransdorf, Vladimír Remek, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Paul Rübig, Andres Tarand, Britta Thomsen, Patrizia Toia, Catherine Trautmann, Claude Turmes, Nikolaos Vakalis, Adina-Ioana Vălean, Alejo Vidal-Quadras

Substitute(s) present for the final vote

Alexander Alvaro, Juan Fraile Cantón, Cristina Gutiérrez-Cortines, Gunnar Hökmark, Eija-Riitta Korhola, John Purvis, Vladimir Urutchev

Avviż legali - Politika tal-privatezza