Proċedura : 2008/2211(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0089/2009

Testi mressqa :

A6-0089/2009

Dibattiti :

PV 01/04/2009 - 23
CRE 01/04/2009 - 23

Votazzjonijiet :

PV 02/04/2009 - 9.24
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0216

RAPPORT     
PDF 155kWORD 105k
23.2.2009
PE 416.575v01-00 A6-0089/2009

dwar tħassib relatat mas-saħħa assoċjati mal-kampijiet elettromanjetiċi

(2008/2211(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Rapporteur: Frédérique Ries

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar preokkupazzjonijiet relatati mas-saħħa assoċjati mal-kampijiet elettromanjetiċi

(2008/2211(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 137, 152 u 174 tat-Trattat tal-KE, li jimmiraw għal livell għoli ta' saħħa għall-bniedem, ta' ħarsien tal-ambjent u ta' ħarsien tas-saħħa u tas-sikurezza tal-ħaddiema,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 1999/519/KE tat-12 ta’ Lulju 1999 dwar il-limitazzjonijiet tal-espożizzjoni tal-pubbliku għal kampijiet elettromanjetiċi(1) u r-rapporti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni relatati magħha tal-1 ta’ Settembru 2008 (COM(2008)532),

–   wara li ikkunsidra d-Direttiva 2004/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-ħtiġijiet minimi għas-saħħa u s-sikurezza fir-rigward tal-espożizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jiġu minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi)(2),

–   wara li ikkunsidra d-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità(3) tagħhom u tal-istandards ta’ sikurezza armonizzati rispettivi għat-telefowns ċellulari u stazzjonijiet bażi,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu f'ċerti limiti tal-voltaġġ(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Settembru 2008 dwar “l-evalwazzjoni ta’ nofs il-perjodu tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Ambjent u s-Saħħa 2004-2010(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 1999 dwar il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-limitazzjonijiet tal-espożizzjoni tal-pubbliku għal kampijiet elettromanjetiċi bejn 0 Hz u 300 GHz(6),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel (A6-0089/2009),

A. billi l-kampijiet elettromanjetiċi (EMFs) jeżistu fin-natura u għalhekk dejjem kienu preżenti fid-dinja; billi, madanakollu, fl-aħħar għexieren ta' snin, l-espożizzjoni ambjentai għal sori ta' EMF magħmula mill-bniedem dejjem kiber, minħabba t-talba għall-elettriku, teknoloġiji bla fili dejjem aktar speċjalizzati, u bidliet fl-organizzazzjoni tas-soċjetà; billi l-effett aħħari huwa li kull individwu issa qed jiġi espost għal taħlita kkumplikata ta' kampijiet elettriċi u manjetiċi ta' frekwenzi differenti, kemm ix-xogħol u kif ukoll id-dar,

B.  billi t-teknoloġija ta’ tagħmir bla fili (telefowns ċellulari, Wi-Fi/WiMAX, Bluetooth, telefown fuq bażi fissa “DECT”) tarmi kampijiet elettromanjetiċi (EMF) li jista’ jkollhom effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem,

C. billi l-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej, b’mod partikolari ż-żgħażagħ ta’ bejn 10 u 20 sena, jużaw telefown ċellulari, li huwa oġġett utilitarju, funzjonali u tal-moda, u billi għad hemm xi inċertezzi rigward ir-riskji li jistgħu jeżistu għas-saħħa, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ li l-imħuħ għadhom qed jiżviluppaw

D. billi l-kontroversja fi ħdan il-komunità xjentifika marbuta mar-riskji possibbli għas-saħħa b’riżultat tal-EMFs kibret mit-12 ta’ Lulju 1999 'l hawn, meta ġew iffissati l-limiti tal-espożizzjoni għall-EMFs bejn 0Hz u 300 GHz skont ir-Rakkomandazzjoni 1999/519/KE,

E.  billi n-nuqqas ta’ konklużjonijiet formali mill-komunità xjentifika ma żammx lura lil ċerti gvernijiet nazzjonali jew reġjonali, fiċ-Ċina, l-Iżvizzera u r-Russja, kif ukoll mill-inqas f'disa’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, milli jiffissaw limiti ta’ espożizzjoni msejħa 'preventivi' u għalhekk inferjuri għal dawk proposti mill-Kummissjoni u mill-kumitat xjentifiku indipendenti tagħha u mill-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji tas-Saħħa Emerġenti u li Nstabu dan l-Aħħar (SCENHIR)(7),

F.  billi azzjonijiet li jillimitaw l-espożizzjoni tal-pubbliku ġenerali għal kampijiet elettromanjetiċi għandhom ikunu bbilanċjanti bit-titjib fil-kwalità tal-ħajja, f’dik li hi sikurezza u sigurtà, li jirriżulta mit-tagħmir li jittrażmetti kampijiet elettromanjetiċi,

G. billi fost il-proġetti xjentifiċi li qajmu kemm interess kif ukoll polemika, insibu l-istudju epidemjoloġiku INTERPHONE, iffinanzjat mill-Unjoni bi spiża ta’ EUR 3,800 000, primarjament fi ħdan il-Ħames Progamm ta' Qafas RTD(8) u li l-konklużjonijiet tiegħu ilhom mistennija sa’ mill-2006,

H. billi, madankollu, ċertu punti jidher li hemm qbil ġenerali dwarhom, b’mod partikolari l-idea li r-reazzjoni għall-espożizzjoni tal-microwaves tvarja skont l-individwi, il-ħtieġa li, bħala prijorità għandhom isiru testijiet relatati mal-espożizzjoni fil-kundizzjonijiet attwali sabiex jiġu evalwati l-effetti mhux termali marbuta mal-kampijiet tal-Frekwenzi tar-Radju (RF) u l-vulnerabilità kbira tat-tfal f’każ ta’ espożizzjoni għall-kampijiet elettromanjetiċi(9),

I.   billi l-UE stipulat il-limiti ta' espożizzjoni sabiex tħares il-ħaddiema mill-EMFs; billi abbażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni dawn il-miżuri għandhom jittieħdu wkoll għall-partijiet tal-popolazzjoni kkonċernati, bħalma huma r-residenti u l-konsumaturi,

J.   billi r-Rapport Speċjali tal-Ewrobarometru dwar il-Kampijiet Elettromanjetiċi (Nru 272a ta’ Ġunju 2007) jindika li l-maġġoranza taċ-ċittadini ma jħossux li l-awtoritajiet pubbliċi jinfurmawhom b’mod adegwat dwar miżuri li jipproteġuhom kontra l-kampijiet elettromanjetiċi,

K. billi huwa neċessarju li jitkomplew l-investigazzjonijiet dwar frekwenzi intermedji u baxxi ħafna sabiex ikunu jistgħu joħorġu konklużjonijiet dwar l-effetti tagħhom fuq is-saħħa,

L.  billi l-użu ta’ Immaġini b’Reżonanza Manjetika (MRI) m’għandux jiġi mhedded mid-Direttiva 2004/40/KE peress li t-teknoloġija tal-MRI hija fuq quddiem nett fir-riċerka, id-dijanjosi u l-kura ta’ mard ta’ theddida għall-ħajja tal-pazjenti fl-Ewropa,

M. billi l-istandard tas-sikurezza tal-MRI IEC/EN 60601-2-33 jistabbilixxi valuri limitu għal kampijiet elettromanjetiċi li ġew stabbiliti biex jiġi eskluż kull periklu għall-pazjenti jew għall-ħaddiema.

1.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-bażi xjentifika u l-adegwatezza tal-limiti EMF skont ir-Rakkomandazzjoni 1999/519/KE u tirrapporta lill-Parlament. Ir-reviżjoni għandha ssir mix-SCENIHR;

2.  Jitlob li jiġu kkunsidrati b’mod partikolari l-effetti bijoloġiċi fl-evalwazzjoni tal-impatt potenzjali tar-radjazzjoni elettromanjetika fuq is-saħħa, speċjalment peress li xi studji wrew li l-akbar effetti ta’ ħsara jinsabu fil-livelli l-iktar baxxi; jitlob li ssir riċerka attiva sabiex tindirizza l-problemi potenzjali tas-saħħa permezz tal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet li jneħħu jew inaqqsu l-modulazzjoni pulsanti u l-modulazzjoni tal-amplitude tal-frekwenzi użati għal trasmissjoni;

3.  Jenfasizza li, b’mod parallel jew bħala alternattiva għal din l-emenda tal-limiti Ewropej ta;-EMFs, il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-esperti tal-Istati Membri u s-setturi industrijali konċernati (kumpaniji tal-elettriku, operaturi tat-telefonija u manifatturi ta’ apparat elettriku inklużi telefowns ċellulari), għandha tfassal gwida tal-possibiltajiet teknoloġiċi disponibbli li jgħinu fit-tnaqqis tal-espożizzjoni għall-frekwenzi elettromanjetiċi.

4.  Jispeċifika li l-partijiet industrijali interessati kif ukoll il-maniġers tal-infrastruttura u l-awtoritajiet kompetenti rilevanti diġà jistgħu jinfluwenzaw ċerti fatturi, bħal, pereżempju, il-ħolqien ta’ dispożizzjonijiet fir-rigward tad-distanza bejn is-sit konċernat u t-tagħmir ta' trażmissjoni jew l-għoli tas-sit meta mqabbel mal-għoli tal-istazzjoni bażi, jew id-direzzjoni tal-antenna li titrażmetti meta kkunsidrati l-ambjenti li fihom jgħix n-nies, u tabilħaqq, għandhom jagħmlu dan, ovvjament, sabiex jassiguraw u jħarsu aħjar lin-nies li jgħixu viċin dan it-tagħmir; jappella għall-aħjar ippożizzjonar ta’ arbli u tat-tagħmir li jitrażmetti u jitlob ukoll li l-arbli u t-tagħmir ta' trażmissjoni mqiegħda b’dan il-mod jiġu kondiviżi bejn il-fornituri tas-servizz sabiex titnaqqas il-proliferazzjoni ta’ arbli u ta' tagħmir ta' trażmissjoni ppożizzjonati ħażin. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu gwida adegwata;

5.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex joħolqu punt uniku ta' servizz (one-stop shop) għall-awtorizzazzjoni biex jiġu installati antenni u repetituri, u biex jinkludu pjan reġjonali għall-antenni bħala parti mill-pjanijiet tagħhom tal-iżvilupp urban;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet responsabbli mill-awtorizzazzjoni ta’ siti għal antenni tat-telefowns ċellulari biex jilħqu ftehim, flimkien mal-operaturi f’dan is-settur, dwar il-kondiviżjoni tal-infrastruttura, biex jitnaqqsu l-ammont ta' kampijiet elettromanjetiċi u l-espożizzjoni tal-pubbliku għalihom ;

7.  Jirrikonoxxi l-isforzi tat-teknoloġiji tal-komunikazzjonijiet mobbli u teknoloġiji oħra bla fili li jittrażmettu l-EMF biex jevitaw li jagħmlu ħsara ambjentali, u b’mod partikolari biex jindirizzaw t-tibdil fil-klima;

8.  Iqis li minħabba ż-żieda fin-numru ta’ kawżi fil-qorti u fin-numru ta' miżuri minn awtoritajiet pubbliċi li għandhom effett ta' moratorju fuq l-installazzjoni ta' tagħmir li jitrażmetti l-EMFs, huwa fl-interess ġenerali li jiġu inkoraġġuti soluzzjonijiet ibbażati fuq negozjati bejn il-partijiet industrijali interessati, l-awtoritajiet pubbliċi, l-awtoritajiet militari u l-assoċjazzjonijiet tar-residenti fir-rigward tal-kriterji tal-installazzjoni ta’ antenni GSM ġodda jew ta’ kejbils b’vultaġġ għoli, u li tal-inqas jiġi żgurat li l-iskejjel, il-kindergartens, id-djar tal-mistrieħ għall-anzjani u l-istituzzjonijiet tas-saħħa jinżammu mbiegħda, b'distanzi speċifiċi stabbiliti minn kriterji xjentifiċi, minn dan it-tip ta’ tagħmir;

9.  Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, flimkien mal-operaturi fis-settur, mapep li juru l-espożizzjoni għal kejbils ta' vultaġġ għoli, frekwenzi tar-radju u microwaves, u speċjalment dawk ġenerati minn arbli ta’ telekomunikazzjonijiet, repetituri tar-radju u antenni tat-telefowns. Jitlob li dik l-informazzjoni tintwera fuq sit elettroniku sabiex il-pubbliku jkun jista’ jikkonsultaha faċilment, u li din tkun imxerrda fil-midja;

10. Jipproponi li l-Kummissjoni tikkunsidra l-possibiltà tal-użu ta’ finanzjament min-Netwerks tal-Enerġija Trans-Ewropej biex jiġu investigati l-effetti tal-EMF fuq frekwenzi baxxi ħafna, u b’mod partikolari f’kejbils tal-elettriku,

11. Jappella lill-Kummissjoni biex matul il-leġiżlazzjoni 2009-2014 tibda programm ambizzjuz ta’ bijokompatibilità elettromanjetika bejn il-mewġ maħluq b’mod artifiċjali u l-mewġ li joħroġ b’mod naturali mill-ġisem tal-bniedem, u eventwalment jiġi identifikat jekk il-microwaves għandhomx konsegwenzi mhux mixtieqa għas-saħħa tal-bniedem;

12. Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport annwali dwar il-livell ta’ radjazzjoni elettromanjetika fl-UE, is-sorsi tagħha, u l-azzjonijiet meħuda fl-UE għal protezzjoni aħjar tas-saħħa tal-bnedmin u tal-ambjent;

13. Jitlob lill-Kummissjoni ssib soluzzjoni sabiex tiġi aċċelerata l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/40/KE u għalhekk tassigura li l-ħaddiema jkunu tabilħaqq imħarsa mill-EMFs, bħalma diġà huma mħarsa, permezz ta’ żewġ atti Komunitarji oħra, mill-istorbju(10) u l-vibrazzjonijiet(11) u tintroduċi deroga għall-Immaġini b’Reżonanza Manjetika skont l-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva.

14. Jiddeplora l-fatt li, minħabba li l-konklużjonijiet tal-INTERPHONE ġew posposti diversi drabi mill-2006 'l hawn, dawn għad iridu jiġu ppubblikati, meta l-għan ta' dan l-istudju epidemjoloġiku internazzjonali huwa li jistudja jekk hemmx rabta bejn l-użu tat-telefown ċellulari u ċerti tipi ta’ ċancer, b’mod partikolari dawk tal-moħħ, tan-nerv tas-smigħ u tal-glandola parotida (parotid gland);

15. Jenfasizza f’dan il-kuntest is-sejħa għall-prudenza mill-koordinatriċi tal-istudju INTERPHONE, Elisabeth Cardis li, fuq il-bażi tal-konklużjonijiet attwali, tirrikmanda li t-tfal li jagħmlu użu raġonevoli mill-mowbajl u li jagħtu preferenza lit-telefown fiss;

16. Iqis madankollu li hija l-Kummissjoni, li kkontribwiet b'mod sostanzjali għall-iffinanzjar ta’ dan l-istudju globali, li għandha titlob lil dawk li għandhom il-proġett f'idejhom ir-raġunijiet il-għala ma ġew ippubblikati ebda sejbiet definittivi u, li jekk tirċievi risposta għandha tinforma b’mod immedjat lill-Parlament u lill-Istati Membri;

17. Jissuġġerixxi wkoll lill-Kummissjoni, bil-ħsieb li jkun hemm effiċjenza politika u baġitarja, li l-iffinanzjar Komunitarju allokat għall-istudji dwar l-EMFs jinbidel parzjalment sabiex jiffinanzja kampanja globali wiesgħa ta’ ħolqien ta’ kuxjenza fost iż-żgħażagħ Ewropej b’rabta ma’ prattiki tajba fir-rigward tal-użu tat-telefown ċellulari, bħal ngħidu aħna l-użu ta’ hands free kits, telefonati qosra, it-tifi ta' ċellulari meta ma jkunux qed jintużaw (pereżempju waqt il-lezzjonijiet) u l-użu taċ-ċellulari f’żoni li għandhom reception tajba.

18. Dawn il-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni għandhom jiffamiljarizzaw ukoll liż-żgħażagħ Ewropej mar-riskji tas-saħħa assoċjati ma’ apparat fid-dar u mal-importanza li dan l-apparat jintefa pjuttost milli jitħalla mixgħul fuq ‘stand-by’;

19. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-iffinanzjar tar-riċerka u l-iżvilupp (R&D) tal-evalwazzjoni tal-effetti negattivi potenzjali fit-tul tal-frekwenzi tar-radju tat-telefonija ċellulari ; Jitlob ukoll li jiżdiedu s-sejħiet tal-appalt pubbliċi għal proposti ta’ investigazzjoni tal-effetti ħżiena ta’ espożizzjoni multipla għal sorsi differenti ta’ EMFs, b’mod partikolari fejn jirrigwarda lit-tfal;

20. Jipproponi li mal-mandat tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda (EGE) tiżdied missjoni ta’ evalwazzjoni tal-integrità xjentifika sabiex tgħin lill-Kummissjoni tipprevjeni possibilitajiet eventwali ta’ sitwazzjonijiet riskjużi, ta’ kunflitti ta’ interess, jew kif ukoll possibilitajiet ta’ frodi f’kuntest ta’ kompetizzjoni dejjem tiżdied għar-riċerkaturi;

21. Jitlob lill-Kummissjoni, bħala rikkonoximent tat-tħassib pubbliku f’ħafna Stati Membri, biex taħdem mal-partijiet interessati rilevanti kollha, bħal esperti nazzjonali, għaqdiet mhux governattivi u setturi industrijali, biex jitjiebu d-disponibilità ta' informazzjoni aġġornata li tinftiehem minn kulħadd, kif ukoll ta' l-aċċess għal din l-informazzjoni, li tirrigwarda t-teknoloġija bla fili u l-istandards li jagħtu protezzjoni;

22. Jitlob lill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien kontra r-Raġġi Mhux Jonizzati (ICNIRP) u lill-WHO biex ikunu iktar trasparenti u disponibbli għad-djalogu mal-atturi kollha fit-tfassil tal-istandards;

23. Jikkundnanna ċerti kampanji ta’ kummerċjalizzazzjoni partikolarment aggressivi min-naħa ta' operaturi tat-telefown qabel il-Milied u f'okkażjonijiet speċjali, inklużi pereżempju, telefowns ċellulari indirizzati b’mod esklussiv lejn tfal jew offerti ta' 'ħin b'xejn fuq it-telefown' immirati lejn iż-żgħażagħ;

24. Jipproponi li l-UE tinkludi fil-politika tagħha dwar il-kwalità tal-arja ta' ġewwa, l-istudju ta’ tagħmir domestiku “bla fili” bħall-Wi-Fi għall-aċċess tal-Internet u d-digital enhanced cordless telecommunications “DECT”, li dawn l-aħħar snin saru komuni ħafna fil-postijiet pubbliċi u fir-residenzi, u li kontinwament jesponu liċ-ċittadini għall-microwaves;

25. Jitlob, dejjem bil-ħsieb li jtejjeb it-tagħrif disponibbli għall-konsomaturi, li jkunu emendati l-istandards tekniċi tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika b’mod li jimponu obbligu ta’ tikkettar li juri l-qawwa tal-emissjoni u li fil-każ ta’ kwalunkwe tagħmir li jaħdem “bla fili” jkunu jindikaw li jarmi microwaves.

26. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri u l-Kumitat tar-Reġjuni, biex iħeġġu t-twaqqif ta’ standard uniku sabiex jimminimizza l-espożizzjoni tar-residenti f’każ li tiġi estiża n-netwerk tal-kejbils b’vultaġġ għoli;

27. Jinsab imħasseb sew dwar kif il-kumpaniji tal-assikurazzjoni għandhom it-tendenza li jeskludu l-kopertura tar-riskji marbuta mal-EMF mill-poloz tar-responsabiltà ċivili, li għaldaqstant ifisser li l-assikuraturi Ewropej diġà qegħdin jinfurzaw il-verżjoni tagħhom tal-prinċipju ta’ prekawzjoni;

28. Jistieden lill-Istati Membri biex isegwu l-eżempju tal-Iżvezja u jirrikonoxxu persuni li jbatu minn elettroipersensittività bħala nies b’diżabbiltà sabiex jingħataw protezzjoni xierqa kif ukoll opportunitajiet indaqs;

29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni , lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-WHO.

(1)

ĠU L 199, 30.7.1999, p. 59.

(2)

ĠU L 159, 30.4.2004, p. 1.

(3)

ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10.

(4)

ĠU L 374, 27.12.2006, p. 10.

(5)

Testi Addottati, P6_TA(2008)0410

(6)

ĠU C 175, 21.6.1999, p. 129.

(7)

Opinjoni tal-21 ta’ Marzu 2007 adottata waqt is-16-il sessjoni plenarja.

(8)

Programm għall-Kwalità tal-Ħajja bin-numru tal-kuntratt QLK4-1999-01563.

(9)

Studju ta’ STOA ta’ Marzu 2001 dwar “l-effetti fiżjoloġiċi u ambjentali tar-radjazzjoni elettromanjetika mhux jonizzanti” PE n° 297.574.

(10)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/10/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Frar 2003 dwar il-ħtiġijiet minimi ta’ saħħa u sikurezza li jirrigwardaw l-esposizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (ħoss) (ĠU L 42, 15.2.2003, p. 38)

(11)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/44/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Frar 2003 dwar il-ħtiġijiet minimi ta’ saħħa u sikurezza li jirrigwardaw l-esposizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (vibrazzjoni) (ĠU L 177, 6.7.2002, p. 13)


NOTA SPJEGATTIVA

L-impatt tal-kampijiet elettromanjetiku fuq is-saħħa: x'inhi l-kwistjoni?

Fost is-sorpriżi li jirriservalna l-ġisem tal-bniedem, waħda mill-iktar oriġinali ċertament hija l-kapaċità tiegħu li jarmi b’mod naturali kampijiet elettriċi prinċipalment minħabba l-funzjonament bijoloġiku tagħna. Huwa għalhekk li l-attività elettrika tal-qalb u tal-moħħ tista’ tiġi rreġistrata rispettivament permezz ta’ elettrokardjogramm u elettroenċefalogramm. Din l-attività elettrika naturali tirrelata mal-kampijiet elettromanjetiċi ġġenerati mill-attività umana? Il-ġisem tal-bniedem kif jassorbi l-kampijiet elettromanjetiċi li joħorġu minn daqstant tipi ta’ tagħmir bħar-radju, it-televiżjoni, il-microwave, it-telefown ċellulari, l-antenni relay jew il-kejbils b’vultaġġ għoli?

Daqstant mistoqsijiet li jqajmu ħafna inċertezzi xjentifiċi u l-awtoritajiet pubbliċi għadhom ma ħadux il-miżuri kollha meħtieġa. Dan huwa l-għan ta’ dan ir-rapport ta’ inizjattiva li huwa kompletament indipendenti u li ma jidħolx fil-kontroversja xjentifika relatata mas-suġġett tal-kampijiet elettromanjetiċi. Rapport, li permezz ta’ għadd ta’ proposti konkreti, għandu bħala għan ewlieni li jagħti tweġibiet liċ-ċittadini, kemm jekk huma sempliċement utenti ta’ dan it-tagħmir u/jew residenti fejn antenni relay jew kejbils b’vultaġġ għoli. Qiegħed ikun hemm dejjem iktar ċittadini li jesprimu t-tħassib tagħhom fir-rigward tal-impatt ta’ din l-espożizzjoni kontinwa għal microwaves fuq is-saħħa tagħhom.

Xi Rakkomandazzjonijiet Ewropej li ftit huma segwiti mill-Istati Membri.

Minħabba l-kompetenzi mogħtija mit-trattati, l-ebda liġi Ewropea ma tobbliga lill-Istati Membri jieħdu miżuri fil-qasam tal-mewġ bi frekwenza baxxa jew baxxa ħafna, dawk li llum huma prinċipalment imxerrdin mill-antenni tat-telefonija ċellulari u t-teknoloġiji bla fili.

Huwa għalhekk li fil-livell tal-UE, l-istandards tal-espożizzjoni huma stabbiliti minn Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 1999 dwar il-limitazzjonijiet tal-espożizzjoni tal-pubbliku għal kampijiet elettromanjetiċi (minn 0Hz sa 300 GHz).

Huma jsegwu eżattament l-istandards rakkomandati mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien kontra r-Raġġi Mhux Jonizzati (ICNIRP), organizzazzjoni mhux governattiva rikonoxxuta uffiċjalment mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO), li tevalwa r-riżultati xjentifiċi tad-dinja kollha.

Ir-Rakkomandazzjoni msemmija qabel tal-Kunsill tal-UE tistabbilixxi l-valuri limitu li ġejjin:

1.  GSM (900 MHz): 41.25 Volts/metri

2.  DCS (1800 MHz): 58.33 Volts/metri

3.  UMTS (2100 MHz): 61 Volts/metru.

Min-naħa l-oħra xejn ma jxekkel lill-Istati Membri li jadottaw standards ta’ protezzjoni aktar severi: mhux inqas minn 9 Stati Membri fuq livell nazzjonali jew reġjonali diġà għamlu dan fosthom il-Greċja, il-Polonja u iktar riċenti l-Belġju.

Fil-Lussemburgu, pajjiż li r-Rapporteur jaf tajjeb, il-Gvern iddeċieda li mit-tmiem tas-sena 2000 japplika l-prinċipju ta' prekawzjoni: il-valur massimu ta' kamp elettromanjetiku, jekk it-tagħmir ta' trażmissjoni jkun jinsab viċin in-nies, huwa ta' 3 Volts/metru. Il-popolazzjoni tal-Lussemburgu prattikament hija 14-il darba iktar imħarsa mill-kampijiet elettromanjetiċi miċ-ċittadini l-oħra tal-UE.

Fil-livell tal-Unjoni Ewropea, dan in-nuqqas ta’ koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali dwar dan is-suġġett mhuwiex xi ħaġa tajba. Ir-rapporteur iqis li huwa r-rwol tal-Kummissjoni li tistipola politika ċara fil-qasam tal-kampijiet elettromanjetiċi (li jiġbor fih il-kompetittività, l-innovazzjoni, is-saħħa u t-tagħrif għal-konsumaturi) li ma tistax tillimita ruħha fuq l-ammont żgħir ta’ ftit proġetti ffinanzjati mid-DĠ għar-Riċerka.

Għar-rapporteur, f’dan l-istadju, hemm soluzzjoni waħda ċara: il-verità ċertament tinsab f’soluzzjoni politika fejn il-valuri limitu stabbiliti jkunu aġġustati b’mod regolari (skont it-teknoloġiji l-ġodda li jitqiegħdu fis-suq u skont ir-riżultati ta’ studji ġodda epidemjoloġiċi) u li jkunu jiżguraw livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumaturi, u tat-tfal b’mod partikolari, bla madankollu ma jxekklu l-funzjonament tan-netwerks tat-telefonija ċellulari.

Dan huwa l-approċċ magħżul mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, li tinsab Kopenħagen, li b’mod kuraġġuż f’Settembru 2007 stiednet lill-awtoritajiet pubbliċi tas-27 Stat Membri biex jipproteġu aħjar lill-pubbliku billi jieħdu: “Azzjonijiet xierqa, prekawzjonarji u proporzjonati ... sabiex jiġi evitat... theddid serju'. Dan huwa żvilupp importanti, li jammonta għal talba biex tittieħed azzjoni li tikkontrasta dak li tgħid il-WHO, li titlob għal status quo. Id-WHO fil-fatt lidher li qed tkaxkar saqajha biex tiggwadanja l-ħin: id-data tagħha sabiex tevalwa b’mod komplet l-impatt tal-mewġ elettromanjettiku fuq il-bniedem hija l-2015!

Votazzjonijiet tal-10 ta’ Marzu 1999 u tal-4 ta’ Settembru 2008: il-Parlament Ewropew jippersisti u jiffirma.

Għaxar snin ilu l-Parlament bagħat messaġġ ta’ prudenza fir-rigward tal-istandards stabbiliti mill-Ewropa sabiex iħarsu liċ-ċittadini mill-microwaves. Il-kritika tiegħu fil-konfront tal-Kummissjoni u tal-Kunsill ma tantx kienet moħbija: ir-rapporteur Gianni Tamino, wera ruħu b'mod espliċitu favur il-prinċipju ta’ prekawzjoni u ta’ 'Alara' (baxx kemm jista’ jkun), skont liema prinċipju l-espożizzjoni għar-radjazzjoni għandha tkun baxxa kemm jista’ jkun possibbli.

Orjentazzjoni ċara, li l-Parlament Ewropew dwar dan is-suġġett delikat, ikkonferma b’mod globali l-valuri limitu ta’ espożizzjoni waqt il-votazzjoni tiegħu tal-4 ta’ Settembru li għadda dwar l-Evalwazzjoni f’nofs il-perjodu tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew fil-qasam tal-Ambjent u tas-Saħħa 2004-2010.

Fuq il-bażi tar-riżultat b'saħħtu tal-votazzjoni li kienet kważi unanima (ir-riżoluzzjoni ġiet adottata b'522 vot kontra 16), il-Parlament talab lill-Kunsill “biex jimmodifika r-rakkomandazzjoni tiegħu 1999/519/KE sabiex jikkunsidra l-aħjar prattiki nazzjonali u biex b’dan il-mod jistabbilixxi valuri limiti ta’ espożizzjoni aktar stretti għall-apparat kollu li jarmi raġġi elettromanjetiċi bi frekwenzi bejn 0.1 MHz u 300 GHz

Ir-rapporteur huwa konxju li l-kwistjoni ta’ limiti taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri u tar-reġjuni u hawn jippreferi jinsisti fuq l-alternattivi li għandhom l-industrijalisti biex jipprevjenu kwalunkwe riskju għas-saħħa: isegwu l-awtoritajiet Awstrijaki per eżempju, li għollew l-antenni relay sabiex il-frekwenza tal-emissjoni titqassam aħjar.

U fil-fatt ma nistgħux ma nammettux li matul dawn l-aħħar għaxar snin, l-ambjent li jgħixu fih ta’ kuljum iċ-ċittadini Ewropej inbidel b’mod sostanzjali meta l-użu tat-teknoloġiji bla fili infirex ħafna (telefown fuq bażi fissa “DECT”, telefowns ċellulari, emissjonijiet UMTS-Wifi-Wi max-Bluetooth u baby-phones eċċ.). Ir-rikonoxximent tal-benefiċċji ta’ dawn it-teknoloġiji ġodda kif ukoll l-omnipreżenza tagħhom fuq il-post tax-xogħol, fil-librerija kif ukoll fid-djar privati, iffisser ukoll li wieħed jaċċetta l-ħtieġa li dan it-tagħmir kien sottomess għal ewalvazzjoni qabel jitpoġġa fis-suq u li, b’mod aktar ġenerali, li jiġu stabbiliti limiti minimi relatati mal-livell ta’ espożizzjoni għall-microwaves f’postitjiet abitati. Jekk dan ma jsirx inkunu daqs li kieku qed niċaħdu l-għajnuna lil konsumatur fil-periklu!

Bħalissa hija din il-klima ta’ fiduċja li hija nieqsa u li jeħtieġ li terġa’ tidħol fis-snin li ġejjin fost iċ-ċittadini u l-abitanti kif ukoll fi ħdan il-komunità xjentifika nnifisha. Ir-rapporteur apposta għażel li ma jikkwota l-ebda studju jew dokument diġà ppubblikat, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li ġejjin mill-Parlament Ewropew, minħabba li dwar is-suġġett tal-kampijiet elettromanjettiċi u r-riskji possibbli għas-saħħa, il-komunità xjentifika għadha maqbuda f’diżgwid persistenti.

L-istudju INTERPHONE: każ tipiku.

Ir-rapporteur jaf perfettament li l-fatt li jeżistu kontroversji dwar is-suġġett, jagħmel parti normali mill-proċess tax-xjenza: il-polemika li firdet l-opinjoni għal snin twal dwar it-tibdil fil-klima u l-kawżi tagħha hija eżempju ċar!

Madankollu, huwa diffiċli li wieħed jaċċetta li l-istudji “jitpoġġew fuq l-ixkafa” minħabba li l-esperti mhumiex kapaċi jaqblu fuq konklużjoni, l-aktar meta hemm fin-nofs flus pubbliċi Ewropej.

L-istudju INTERPHONE f’dan ir-rigward huwa tabilħaqq każ tipiku. Wara li ssemma' l-ewwel darba fl-1988, l-istudju inbeda fl-2000; fuq kollox, l-istudju tħabbar bħala l-aktar proġett xjentifiku wiesa', minħabba li kien igawdi mill-involviment ta' mhux inqas minn 12-il Stat minn madwar id-dinja kollha u minn protokoll eżemplari, u b'hekk kien meqjus l-aktar studju li jista' jaċċerta liema riskji ta’ ċerti tipi ta’ kanċer jeżistu. Madanakollu ur-riżultati għadhom mistennija mill-2006. Għalhekk huwa leġittimu li wieħed jistaqsi jekk xi darba għadx ikun hemm risposta ċara.

Ir-rapporteur huwa konxju mill-pressjoni estrema li ssir fuq ix-xjenzjati u għalhekk jixtieq jappoġġjahom f’mument meta l-kompetizzjoni saret aktar intensiva u fejn skoperta ma tiswa xejn sakemm ma tinbidilx f'innovazzjoni u ma tkunx ippubblikata fir-rivisti xjentifiċi l-iktar importanti. Hija tqis li għanu jkun hemm metodi ġodda ta' ħidma għall-kumitati xjentifiċi li jagħtu parir lill-Kummissjoni.:

Jeżistu żewġ modi sempliċi biex dan isir: l-ewwelnett li jiġi żgurat li l-partijiet interessati kollha, u b'hekk anke l-NGOs u l-għaqdiet tal-konsumaturi, jkunu rappreżentati b'mod ġust. It-tieni, sabiex ikun hemm skrutinju trasparenti u effettiv, għandu jiġi propost li l-EGE tingħata l-kompitu addizzjonali li tevalwa l-integrità xjentifika. Dan it-tip ta’ kontroll, diġà implimentat fi ħdan istituzzjonijiet xjentifiċi nazzjonali, għandu jkun ta’ għajnuna kbira għall-Kummissjoni sabiex tipprevjeni kwalunkwe possibilità ta’ sitwazzjonijiet riskjużi, ta’ kunflitti ta’ interess jew frodi li jista’ jinħolqu fis-settur tar-riċerka.

Bħala konklużjoni, ir-rapporteur jixtieq jisħaqq fuq l-għadd kbir ta’ dokumenti li ltaqa’ magħhom u li kienu jispeċifikaw li l-kumpaniji tal-assikurazzjoni ġeneralment jirrifjutaw li jkopru r-riskju f’dik li hi responsabiltà ċivili relatata mal-kampijiet elettromanjetiċi. Peress li konxji mill-kapaċità tal-assikuraturi li jevalwaw kull tip ta’ riskju u li jazzardaw fuq il-ġejjieni, għalhekk għandna dritt li nistaqsu dwar ir-raġunijiet li jimmotivawhom japplikaw il-prinċipju ta’ prekawzjoni.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.2.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

1

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Adamos Adamou, Margrete Auken, Liam Aylward, Irena Belohorská, Maria Berger, John Bowis, Hiltrud Breyer, Martin Callanan, Dorette Corbey, Magor Imre Csibi, Avril Doyle, Mojca Drčar Murko, Jill Evans, Christofer Fjellner, Elisabetta Gardini, Matthias Groote, Satu Hassi, Christa Klaß, Holger Krahmer, Urszula Krupa, Peter Liese, Marios Matsakis, Linda McAvan, Roberto Musacchio, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Vittorio Prodi, Frédérique Ries, Dagmar Roth-Behrendt, Guido Sacconi, María Sornosa Martínez, Thomas Ulmer, Anja Weisgerber, Åsa Westlund, Anders Wijkman, Glenis Willmott

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Kathalijne Maria Buitenweg, Philip Bushill-Matthews, Jutta Haug, Johannes Lebech, Caroline Lucas, Hartmut Nassauer, Justas Vincas Paleckis, Alojz Peterle, Lambert van Nistelrooij

Avviż legali - Politika tal-privatezza