RAPPORT dwar Il-Multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni

24.2.2009 - (2008/2225(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur: Vasco Graça Moura

Proċedura : 2008/2225(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0092/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar Il-Multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni

(2008/2225(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-Artikoli 149 u 151 tat-Trattat KE,

–    wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2003 għas-Salvagwardja tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli,

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2008 bit-titolu ‘Il-Multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni’ (COM(2008)0566) u d-dokument ta’ ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni (SEC(2008)2443, SEC(2008)2444, SEC(2008)2445) li jakkompanja dik il-komunikazzjoni,

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ April 2007 bit-titolu ‘Qafas għall-istħarriġ Ewropew dwar il-kompetenzi lingwistiċi’ (COM(2007)0184),

–    wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Novembru 2007 bit-titolu Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni “Nippromwovu t-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika” (COM(2007)0554), u d-dokument ta’ ħidma tal-istaff (SEC(2007)1222) li jakkompanjah,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ April 2008 dwar aġenda Ewropea għall-kultura f’dinja li qed issir globalizzata[1],

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2006 dwar strateġija ta’ qafas ġdida għall-multilingwiżmu[2],

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ April 2006 dwar miżuri biex jippromwovi l-multilingwiżmu u t-tagħlim tal-lingwi fl-Unjoni Ewropea: Indikatur Ewropew tal-Kompetenza Lingwistika[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2003 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-ilsna reġjonali u dawk inqas użati Ewropej — l-ilsna tal-minoranzi fl-UE — fil-kuntest tat-tkabbir u tad-diversità kulturali[4],

–    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1934/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 dwar is-Sena Ewropea tal-Lingwi 2001[5],

–    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona tal-15 u s-16 ta’ Marzu 2002,

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Kultura tal-21 u t-22 ta’ Mejju 2008, b’referenza speċifika għall-multilingwiżmu,

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet ta’ Novembru 2008 tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar il-promozzjoni tad-diversità kulturali u tad-djalogu interkulturali fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha[6],

–    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-multilingwiżmu tat-18 u d-19 ta’ Ġunju 2008[7] u l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta’ Settembru 2008 dwar il-multilingwiżmu,

–    wara li kkunsidra r-Regola 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A6-0092/2009),

A.  billi d-diversità lingwistika u kulturali għandha impatt sinifikanti fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea minħabba l-penetrazzjoni tal-midja, filwaqt li żżid il-mobilità u l-migrazzjoni u tavvanza l-globalizzazzjoni,

B.   billi l-kisbai ta’ firxa diversa ta’ kompetenzi lingwistiċi hija kkunsidrata bħala kapaċità tal-ikbar importanza għaċ-ċittadini kollha tal-UE, peress li tippermetti li dawn jieħdu benefiċċju ekonomiku, soċjali u kulturali sħiħ mill-moviment liberu fl-Unjoni u mir-relazzjonijiet tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi,

C.  billi l-multingwiżmu huwa ta’ importanza dejjem akbar fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ bejn l-Istati Membri, il-konvivenza fis-soċjetajiet multikulturali tagħna, u fil-politiki komuni tal-Unjoni,

D.  billi l-evalwazzjoni tal-multilingwiżmu teħtieġ li tkun validata minn strumenti rikonoxxuti, bħal m’hu l-Qafas Ewropew ta' Referenza Komuni għall-Ilsna (CEFR) u oħrajn,

E.   billi ċerti lingwi Ewropej jiffurmaw pont vitali fir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u bejn popli u nazzjonijiet mir-reġjuni l-aktar diversi tad-dinja,

F.   billi d-diversità lingwistika hija rikonoxxuta bħala dritt taċ-ċittadin fl-Artikoli 21 u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u l-multilingwiżmu għandu jkollu wkoll il-għan li jinkoraġġixxi r-rispett għad-diversità u t-tolleranza, sabiex jiġi evitat li tinqala’ l-possibilità ta’ konflitti, sew jekk attivi u sew jekk passivi, bejn il-komunitajiet lingwistiċi differenti fl-Istati Membri,

1.   Jilqa’ b’sodisfazzjon it-tressiq tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-multilingwiżmu u l-attenzjoni mogħtija lilha mill-Kunsill;

2.   Itenni l-pożizzjonijiet li ddefenda maż-żmien dwar il-multilingwiżmu u d-diversità kulturali;

3.   Jinsisti fuq il-ħtieġa li jkun hemm rikonoxximent tal-parità ta’ bejn il-lingwi uffiċjali tal-UE fl-aspetti kollha tal-attività pubblika;

4.   Iqis li d-diversità lingwistika tal-Ewropa tikkostitwixxi valur kulturali mill-akbar u jkun żbaljat li l-Unjoni Ewropea tirrestrinġi lilha nnifisha għal lingwa ewlenija waħda;

5.   Jenfasizza l-irwol kruċjali li għandhom l-istituzzjonijiet tal-UE biex jiżguraw ir-rispett għall-prinċipju tal-parità lingwistika, fir-relazzjonijiet ta’ bejn l-Istati Membri u fl-istituzzjonijiet tal-UE infushom, kif ukoll fir-relazzjonijiet taċ-ċittadini tal-UE ma’ amministrazzjonijiet nazzjonali u mal-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji u internazzjonali;

6.   Ifakkar li l-importanza tal-multilingwiżmu mhix limitata għall-aspetti ekonomiċi u soċjali u li għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-ħolqien u t-trażmissjoni kulturali u xjentifika u lill-importanza tat-traduzzjoni, kemm letterarja kif ukoll teknika, fil-ħajja taċ-ċittadini u għall-iżvilupp fuq medda twila ta' żmien tal-UE; u fl-aħħar iżda mhux l-inqas, l-irwol li għandhom il-lingwi fit-tiswir u t-tisħiħ tal-identità;

7.   Jenfasizza li l-multilingwiżmu huwa kwistjoni trasversali li għandha impatt mill-akbar fuq il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex jinkludu l-multilingwiżmu wkoll f'politiki oħra minbarra tal-edukazzjoni, bħal m’huma dawk tat-tagħlim matul il-ħajja kollha, tal-inklużjoni soċjali, tal-impjiegi, tal-midja u tar-riċerka;

8.   Jenfasizza l-importanza vitali tal-ħolqien ta’ programmi speċifiċi biex jappoġġjaw it-traduzzjoni u l-importanza tat-twaqqif ta’ netwerks ta’ bażijiet tad-dejta ta’ terminoloġija multilingwa;

9.   Ifakkar li t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għandhom jintużaw biex ikun promoss il-multilingwiżmu u għalhekk jisħaq fuq l-irwol u l-użu tal-istandard internazzjonali xieraq (ISO 10646) - li jippermetti li jkunu rrappreżentati l-alfabeti tal-lingwi kollha - fis-sistemi amministrattivi u l-midja Ewropej u tal-Istati Membri;

10. Jipproponi l-introduzzjoni ta’ Jum Ewropew tat-Traduttur u l-Interpretu jew li jitqiesu dawn il-professjonijiet u tiżdied l-attenzjoni fuqhom waqt il-Jum Ewropew tal-Lingwi, iċċelebrat fis-26 ta’ Settembru ta’ kull sena;

11. Jenfasizza l-importanza vitali li għandu l-fatt li tinżamm għaddejja l-possibbiltà li l-ġenituri u l-gwardjani jagħżlu l-lingwa uffiċjali li biha t-tfal tagħhom għandhom ikunu edukati f’pajjiżi b’iktar minn lingwa uffiċjali jew reġjonali waħda;

12. Iwissi kontra l-iżball li tiġi promossa lingwa waħda għad-detriment tad-drittijiet ta’ min jitkellem b’lingwa oħra, jew billi tintuża xi forma ta’ ġegħil jew diskriminazzjoni li tinjora jew tikser dawn id-drittijiet;

13. Isostni li huwa vitali li jiġi ssalvagwardjat il-multilingwiżmu fil-pajjiżi jew ir-reġjuni fejn jeżistu flimkien żewġ lingwi uffiċjali jew aktar u li jkun żgurat li dawn il-lingwi kollha jintużaw bħala lingwi tat-tagħlim f’kull livell tal-edukazzjoni;

14.     Jenfasizza l-bżonn li, fl-Istati Membri li jkollhom iktar minn lingwa uffiċjali waħda, tkun żgurata intelliġibbiltà reċiproka totali bejn dawk il-lingwi, speċjalment fir-rigward ta’ ċittadini anzjani u tas-sistema legali, is-saħħa, l-amministrazzjoni u l-impjiegi;

15. Jinkoraġġixxi li dawk l-uffiċjali li jiġu f’kuntatt maċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra fix-xogħol tagħhom jitgħallmu lingwa oħra tal-Unjoni Ewropea minn;

16. Jemmen li hu neċessarju u xieraq li jinħolqu opportunitajiet għat-tagħlim ta’ lingwi barranin fl-età adulta, permezz ta’ programmi ta’ tagħlim vokazzjonali u ta’ tagħlim għal tul il-ħajja kollha, bil-għan li jkun hemm żvilupp personali u professjonali;

17. Jenfasizza l-bżonn vitali li tingħata edukazzjoni bil-lingwa materna, mhux biss għas-suċċess edukattiv in ġenerali iżda wkoll b’mod partikulari għall-ksib ta’ livelli aċċettabbli ta’ kompetenza f’lingwi oħra, u jilqa’ bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni li tippromwovi 'lingwa materna + 2’ fl-edukazzjoni; jenfasizza, għal dik ir-raġuni, li l-ebda tifel jew tifla tal-iskola m’għandhom jiġu mċaħħda minn edukazzjoni bil-lingwa uffiċjali tal-istat;

18. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma waqqfitx programm pluriennali dwar id-diversità lingwistika u t-tagħlim tal-lingwi jew xi Aġenzija Ewropea dwar id-diversità lingwistika u t-tagħlim tal-lingwi, kif kienet mistiedna tagħmel fir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq adottata b’maġġoranza kbira mill-Parlament fl-4 ta’ Settembru 2003;

19. Jenfasizza, ukoll, l-importanza li wieħed ikun jaf sewwa l-lingwi uffiċjali tal-pajjiż ospitanti għall-integrazzjoni sħiħa tal-immigranti u tal-familji tagħhom u jenfasizza li l-gvernijiet nazzjonali għandhom jippromwovu b’mod effettiv korsijiet speċjali tal-lingwa, partikolarment għan-nisa u persuni anzjani; jistieden lill-Istati Membri biex jaġixxu b’mod responsabbli vis-à-vis l-immigranti, jipprovdu lill-immigranti bil-mezzi neċessarji biex jitgħallmu l-lingwa u l-kultura tal-pajjiż ospitanti, filwaqt li jippermettulhom u jħeġġuhom iżommu l-lingwa tagħhom proprja;

20. Ifakkar li għal dawn ir-raġunijiet huwa vitali li wieħed jiżgura l-kwalità f’dan il-kuntest, inkluż it-taħriġ relevanti tal-għalliema;

21. Jenfasizza l-bżonn li tingħata importanza suffiċjenti fil-livell ta’ qabel l-iskola lit-tagħlim tal-lingwi, u fuq kollox il-lingwa nazzjonali tal-pajjiż fejn it-tfal jattendu l-iskola;

22. Hu tal-fehma li, qabel jibdew jattendu l-iskola, it-tfal, fl-interess tagħhom stess, iridu jkunu kapaċi jitkellmu l-lingwa tal-pajjiż li jgħixu fih biex ikun żgurat li ma jkunux suġġetti għal diskriminazzjoni matul iż-żmien tal-edukazzjoni tagħhom jew matul it-taħriġ sussegwenti tagħhom u li jkunu kapaċi jieħdu sehem fl-attivitajiet kollha fuq bażi ugwali;

23. Jissuġġerixxi lill-Istati Membri li jeżaminaw il-possibbiltà ta’ skambji ta’ għalliema f’livelli edukattivi differenti, bil-għan li jgħallmu suġġetti skolastiċi differenti b’lingwi differenti, u jemmen li din il-possibbiltà tista’ tiġi sfruttata, b’mod partikolari, fir-reġjuni ta’ mal-fruntieri u b’hekk jittejbu l-mobbiltà tal-ħaddiema u l-għarfien li ċ-ċittadini jkollhom tal-lingwi;

24. Jemmen li huwa vitali li ssir il-promozzjoni tal-mobilità u l-iskambju ta’ għalliema u studenti tal-lingwi; ifakkar li l-moviment fluwidu tal-għalliema tal-lingwi fl-Unjoni Ewropa se jgħin biex ikun żgurat kuntatt effettiv għal għadd kbir kemm jista’ jkun minn dawk il-professjonisti mal-ambjent nattiv tal-lingwi li jgħallmu;

25. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-mobilità professjonali għall-għalliema u l-kooperazzjoni bejn l-iskejjel u pajjiżi differenti fit-twettiq ta' proġetti ta' tagħlim li jkunu teknoloġikament u kulturalment innovattivi;

26. Jinkoraġġixxi u jappoġġja l-introduzzjoni tal-lingwi materni lokali u barranin tal-minoranzi fuq bażi mhux obbligatorja fil-programmi tal-iskejjel u/jew fil-kuntest tal-attivitajiet ekstrakurrikulari miftuħa għall-komunità;

27.     Itenni li ilu żmien impenjat għall-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi, il-multilingwiżmu u d-diversità lingwistika fl-Unjoni Ewropa, inklużi l-lingwi reġjonali u tal-minoranzi, minħabba li dawn huma wirt u ġid kulturali li għandhom jiġu mħarsa u mħeġġa; iqis li l-multilingwiżmu huwa essenzjali għall-komunikazzjoni effettiva u jirrappreżenta mezz kif tkun iffaċilitata l-komprensjoni bejn l-individwi u b’hekk tkun iffaċilitata wkoll l-aċċettazzjoni tad-diversità tal-minoranzi;

28. Jirrakkomanda li l-kurrikuli akkademiċi tal-Istati Membri jkunu jinkludu l-istudju mhux obbligatorju tat-tielet lingwa barranija, li jkun jibda fil-livell tal-iskola sekondarja;

29. Jenfasizza l-importanza tal-istudju tal-lingwi tal-pajjiżi ġirien bħala mod biex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni u jissaħħaħ il-fehim reċiproki fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li tissaħħaħ il-Komunità;

30. Jirrakkomanda l-appoġġ għat-tagħlim tal-lingwi ta’ pajjiżi u reġjuni ġirien, speċjalment fir-reġjuni ta’ mal-fruntieri;

31. Itenni l-importanza li jkun promoss u appoġġjat l-iżvilupp ta’ mudelli u approċċi pedagoġiċi innovattivi għat-tagħlim tal-lingwi sabiex jitħeġġeġ il-ksib ta’ ħiliet lingwistiċi kif ukoll biex jitqajmu l-kuxjenza u l-motivazzjoni fost iċ-ċittadini;

32. Jipproponi li f’kull livell tal-edukazzjoni, u jkun xi jkun l-ambjent ġeografiku, għandu jkun hemm għalliema tal-lingwi barranin ikkwalifikati, iċċertifikati u pprattikati fl-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;

33. Jirrakkomanda li ssir konsultazzjoni tal-federazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-għalliema tal-lingwi moderni dwar il-programmi u l-metodoloġiji li għandhom ikunu applikati;

34. Jinsisti fuq il-bżonn ta’ politiki biex ikun stimulat il-qari u titħeġġeġ il-kitba kreattiva bil-għan li jintlaħqu dawn il-għanijiet;

35. Jilqa' b'sodisfazzjon il-pjanijiet tal-Kummissjoni li tniedi kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni rigward il-benefiċċji tat-tagħlim tal-lingwi permezz tal-mezzi tax-xandir u t-teknoloġiji l-ġodda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti każ tal-konklużjonijiet tal-konsultazzjonijiet dwar it-tagħlim tal-lingwi għat-tfal migranti u t-tagħlim fl-Istat Membru ospitanti tal-lingwa u l-kultura tal-pajjiż ta' oriġini;

36. Jirrakkomanda u jinkoraġġixxi l-użu tal-ICT bħala strument indispensabbi fit-tagħlim tal-lingwi;

37. Jisħaq fuq il-prijorità politika tiegħu tal-ksib ta’ ħiliet lingwistiċi permezz tat-tagħlim ta’ lingwi oħra tal-UE, li waħda minnhom għandha tkun il-lingwa ta’ pajjiż ġar u l-oħra tkun “lingwa franka” internazzjonali: iqis li din il-ħaġa tkun tagħti liċ-ċittadini kompetenzi u kwalifiki biex jieħdu sehem fis-soċjetà demokratika f’dik li hi ċittadinanza attiva, impjegabbiltà u għarfien ta’ kulturi oħra;

38. Jissuġġerixxi li livell adegwat ta’ multilingwiżmu għandu jkun żgurat fil-midja u fil-kontenut tal-Internet, u b’mod l-aktar partikolari fil-politika tal-lingwa ta’ siti u portali Ewropej u ta’ oħrajn li huma marbuta mal-Unjoni Ewropea, fejn il-multilingwiżmu Ewropew għandu jiġi rrispettat għal kollox, għall-inqas sa fejn għandhom x’jaqsmu t-23 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

39. Jappoġġja l-użu tas-sottotitoli bil-lingwi nazzjonali fi programmi televiżivi, minflok id-doppjaġġ u l-voiceovers, sabiex ikunu ffaċilitati t-tagħlim u l-prattika tal-lingwi tal-UE u l-fehim aħjar tal-isfond kulturali tal-produzzjonijiet awdjoviżivi;

40. Jirrakkomanda lill-Istati Membri li l-programmi tat-TV, u partikolarment il-programmi tat-TV tat-tfal, ikunu sottotitolati, aktar milli ddoppjati;

41. Jinkoraġġixxi lill-UE tibbenefika mill-vantaġġi potenzjali offruti mil-lingwi Ewropej fir-relazzjonijiet esterni tagħha, u jitlob li jkun hemm żvilupp akbar ta’ dan il-vantaġġ fid-djalogu kulturali, ekonomiku u soċjali mal-bqija tad-dinja bil-għan li jissaħħaħ l-irwol tal-UE u jingħatalu valur miżjud fix-xena internazzjonali u bil-għan li jibbenefikaw pajjiżi terzi, fl-ispirtu tal-politika tal-iżvilupp promossa mill-UE;

42.     Jemmen li fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja kollha, għandu jkun ipprovdut appoġġ suffiċjenti biex iċ-ċittadini ta’ kull grupp ta’ etajiet ikunu jistgħu jiżviluppaw u jtejbu l-ħiliet lingwistiċi tagħhom fuq bażi kontinwa billi jingħataw aċċess għal tagħlim xieraq tal-lingwi jew faċilitajiet oħra għal komunikazzjoni aktar faċli, inkluż it-tagħlim tal-lingwi f’età żgħira, bil-għan li jittejbu l-inklużjoni soċjali, il-prospetti ta’ impjieg u l-benesseri tagħhom;

43. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu miżuri li jiffaċilitaw it-tagħlim tal-lingwi min-nies li jinsabu f'sitwazzjoni ta' żvantaġġ, nies li huma parti minn minoranzi nazzjonali u migranti, sabiex jgħinu lil dawn in-nies jitgħallmu l-lingwa jew lingwi tal-pajjiż u/jew reġjun ospitanti ħalli tintlaħaq l-integrazzjoni soċjali u tiġi miġġielda l-esklużjoni soċjali; jenfasizza li huwa neċessarju li l-migranti jkunu jistgħu jużaw l-ilsien prinċipali tagħhom biex jiżviluppaw il-ħiliet lingwistiċi tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, biex jinkoraġġixxu l-użu tal-lingwa prinċipali tal-persuna kif ukoll li dak li jkun jitgħallem il-lingwa jew lingwi nazzjonali;

44. Huwa favur appoġġ akbar biex il-lingwi Ewropej jiġu pprojettati internazzjonalment madwar id-dinja kollha, peress li dawn jikkostitwixxu vantaġġ għall-proġett Ewropew, fid-dawl tal-importanza ewlenija tar-rabtiet lingwistiċi, storiċi u kulturali ta’ bejn l-UE u l-pajjiżi terzi u fl-ispirtu tal-promozzjoni tal-valuri demokratiċi f’dawk il-pajjiżi;

45. Jemmen li l-kumpaniji fl-UE, u speċjalment l-SMEs, għandhom ikunu pprovduti appoġġ xieraq għall-istruzzjoni u l-użu tal-lingwa, biex b’hekk ikun faċilitat l-aċċess tagħhom għas-swieq dinjin u speċjalment għas-swieq il-ġodda;

46. Jiġbed attenzjoni partikulari għall-perikli li jista’ jkun hemm fid-distakk ta’ komunikazzjoni li jeżisti bejn individwi bi sfond kulturali differenti u fid-diskrepanza soċjali li teżisti bejn nies multilingwi u dawk monolingwi; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li f’ħafna Stati Membri n-nuqqas ta' ħiliet fil-lingwi għadu ostaklu serju għall-integrazzjoni soċjali u fis-suq tax-xogħol ta’ ħaddiema li ma jkunux mill-pajjiż; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri sabiex jitnaqqas id-distakk li hemm bejn in-nies multilingwi, li għandhom aktar opportunitajiet fl-Unjoni Ewropea, u n-nies monolingwi li huma esklużi minn ħafna opportunitajiet;

47. Jemmen li għandu jiġi pprovdut appoġġ għat-tagħlim ta’ lingwi ta’ pajjiżi terzi, inklużi dawk fi ħdan l-UE;

48. Jenfasizza l-bżonn li l-lingwi internazzjonali ewlenin jintużaw f’zoni turistiċi, u partikolarment fil-punti ta’ informazzjoni għat-turisti, fuq is-sinjali għat-turisti u fuq is-sinjali tat-traffiku;

49. Jitlob bi dritt li l-kopertura tal-indikaturi tal-kompetenza lingwistika għandha tkun estiża malajr kemm jista’ jkun għal-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, bla ħsara għall-fatt li dawn ikunu estiżi wkoll għal lingwi oħra mitkellma u studjati fl-Ewropa;

50. Jirrakkomanda li l-indikaturi tal-kompetenza lingwistika għandhom ikunu estiżi wkoll għall-Grieg klassiku u għal-Latin klassiku, mhux biss għax dawn il-lingwi huma parti minn wirt Ewropew komuni li huwa ta’ importanza mill-akbar għall-kultura u ċ-ċiviltà tal-Ewropa, iżda wkoll għax it-tagħlim ta’ dawn il-lingwi jiffaċilita esperjenzi oħra ta’ tagħlim u jistimola r-riflessjoni fuq il-lingwa;

51. Iqis li l-ġbir tad-dejta għandu jinkludi l-ittestjar tal-erba’ ħiliet lingwistiċi, jiġifieri, il-fehim tal-lingwa miktuba, il-fehim tal-lingwa mitkellma, l-espressjoni miktuba u l-espressjoni orali;

52. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-kooperazzjoni ta’ bejn l-Istati Membri billi jutilizzaw il-metodu l-miftuħ ta' koordinazzjoni, sabiex jiffaċilitaw l-iskambju tal-esperjenza u tal-prattiki t-tajba fil-qasam tal-multilingwiżmu, filwaqt li jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-benefiċċji ekonomiċi, pereżempju f'impriżi multilingwi;

53. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.

  • [1]  Testi Addottati, P6_TA(2008)0124
  • [2]  ĠU C 314 E, 21.12.2006, p. 207.
  • [3]  ĠU C 296 E, 6.12.2006, p. 271.
  • [4]  ĠU C 76 E, 25.3.2004, p. 374.
  • [5]  ĠU L 232, 14.9.2000, p. 1.
  • [6]  ĠU C 320, 16.12.2008, p. 10.
  • [7]  ĠU C 257, 9.10.2008, p. 30.

NOTA SPJEGATTIVA

Peress li l-Parlament Ewropew diġà eżamina l-kwistjoni tal-multilingwiżmu f’okkażjonijiet preċedenti, hawnhekk hija meħtieġa biss nota spjegattiva qasira.

Ir-rapporteur japprova l-fehma tal-Kummissjoni li d-diversità lingwistika u kulturali tal-UE tikkostitwixxi vantaġġ kompetittiv enormi, filwaqt li jfakkar fil-bżonn ta’ appoġġ totali għat-tagħlim tal-lingwi u għall-programmi ta’ skambju, fl-isferi edukattivi u kulturali u kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni.

Peress li l-lingwa hija fattur ta’ inklużjoni soċjali, huwa importanti li jkunu żviluppati politiki li jappoġġjaw it-traduzzjoni, kemm letterarja kif ukoll teknika.

L-UE għandha bżonn tieħu benefiċċju massimu minn dan il-vantaġġ, kull fejn hu possibbli permezz ta’ djalogu ma’ reġjuni oħra tad-dinja, filwaqt li tingħata attenzjoni lill-konnessjonijiet speċifiċi li jeżistu f’dik li hi lingwa, storja u kultura bejn l-UE u pajjiżi terzi.

Il-promozzjoni tal-multilingwiżmu hija marbuta mill-qrib ukoll mas-settur awdjoviżiv, l-ICT u l-kunċetti l-ġodda ta’ aċċess għall-kultura u l-edukazzjoni, speċjalment permezz ta’ kontenut online. Dawn ix-xejriet kontemporanji fl-iskambju kulturali jiffaċilitaw it-tqarrib naturali tal-popli, u hawn ukoll il-multilingwiżmu għandu sehem importanti.

L-indikaturi tal-kompetenza lingwistika għandhom ikunu estiżi malajr kemm jista’ jkun għal-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, bla ħsara għall-fatt li dawn ikunu estiżi wkoll għal lingwi oħra mitkellma u studjati fl-Ewropa.

Ir-rapporteur jemmen li huwa vitali li dawk l-indikaturi għandhom ikopru l-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (11.2.2009)

għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

dwar il-‘Multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni
(2008/2225(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Csaba Sógor

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jerġa' jenfasizza li ilu żmien impenjat għall-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi, il-multilingwiżmu u d-diversità lingwistika fl-Ewropa, inklużi lingwi reġjonali jew ta' minoranzi, billi dawn huma beni kulturali li għandhom jiġu mħarsa u mħeġġa; iqis li l-multilingwiżmu huwa essenzjali għal komunikazzjoni effettiva u li jirrappreżenta mezz li ta' kif l-individwi jifhmu lil xulxin aktar faċilment u b'hekk l-aċċettazzjoni tad-diversità u tal-minoranzi tiġi ffaċilitata;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-referenza tal-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha tat-18 ta' Settembru 2008 dwar il-Multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni (COM(2008)0566), għall-Karta Ewropea dwar l-Ilsna Reġjonali jew dawk ta' Minoranza adottata taħt l-awspiċju tal-Kunsill Ewropew fl-1992, u jitlob lill-Istati Membri li għadhom ma ffirmawhiex jew ma rratifikawhiex biex jagħmlu dan;

3.   Iqis li d-diversità lingwistika mhux biss hija element essenzjali tal-patrimonju kulturali iżda wkoll karatteristika kruċjali fil-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej, u karatteristika li tikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' valuri Ewropej, bħat-tolleranza u l-ftehim, u għall-iżvilupp ta' kuntatti personali;

4.   Jenfasizza li l-multilingwiżmu huwa kwistjoni trasversali li għandha impatt kbir fuq il-ħajjiet taċ-ċittadini Ewropej; għaldaqstant jitlob lill-Istati Membri biex jinkludu l-multilingwiżmu wkoll f'politiki li jmorru lilhinn mill-edukazzjoni, bħalma huma t-tagħlim matul il-ħajja, l-inklużjoni soċjali, l-impjiegi, il-midja, ir-riċerka eċċ.;

5.   Iqis li t-tagħlim ta' lingwi differenti, bħal dawk ta' pajjiżi ġirien, għandu jitħeġġeġ; barra minn dan, iqis li jkun ta' ġid li kieku r-residenti tal-fruntieri jew il-komunitajiet ta' maġġoranza/minoranza li jgħixu flimkien jitgħallmu l-lingwa ta' xulxin sabiex l-integrazzjoni soċjali u kulturali fi ħdan l-Euregios tissaħħaħ u l-mobilità transkonfinali tal-ħaddiema tiġi ffaċilitata;

6.   Jiġbed attenzjoni partikolari għall-perikli possibbli tad-distakk fil-komunikazzjoni bejn individwi bi sfondi kulturali differenti u tal-qasma soċjali bejn persuni multilingwi u dawk monolingwi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nuqqas ta' ħiliet tal-lingwi, f'ħafna Stati Membri għadu ostakolu serju għall-integrazzjoni soċjali u fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li mhumiex ċittadini tal-pajjiż fejn jaħdmu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri sabiex jonqos id-distakk bejn il-persuni multilingwi, li jista' jkollhom opportunitajiet aħjar fl-Unjoni Ewropea, u l-persuni monolingwi, li huma esklużi minn ħafna opportunitajiet;

7.   Jenfasizza li l-ħila fil-lingwi tippermetti liċ-ċittadini li jieħdu vantaġġ mil-libertà li jgħixu u jaħdmu fi Stat Membru ieħor u b'hekk tiffaċilita l-mobilità tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex, f'dan il-kuntest, iżidu l-isforz tagħhom biex jinkiseb l-objettiv ta' Barċellona li ċ-ċittadini jkunu kapaċi jikkomunikaw b'żewġ lingwi oħra minbarra l-lingwa tagħhom;

8.   Jenfasizza l-importanza ta' taħriġ kontinwu għall-għalliema tal-lingwi u għall-dawk involuti fit-tagħlim tal-lingwi u ta' miżuri li jinkoraġġixxu l-mobilità tagħhom bl-iskop li jtejbu l-ħiliet tagħhom tal-lingwi u dawk interkulturali;

9.   Jemmen li, fil-kuntest tat-tagħlim matul il-ħajja kollha, għandu jingħata biżżejjed appoġġ liċ-ċittadini ta' kull età sabiex dawn jiżviluppaw il-ħiliet lingiwistiċi tagħhom b'mod kontinwu billi jingħataw aċċess għal tagħlim xieraq tal-lingwi jew għal faċilitajiet oħrajn li jiffaċilitaw il-komunikazzjoni, inkluż it-tagħlim ta' lingwa minn età żgħira, bil-għan li dawn itejbu l-kundizzjonijiet soċjali, il-possibilitjiet ta' impjieg u l-benesseri tagħhom;

10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu miżuri li jiffaċilitaw it-tagħlim tal-lingwi min-persuni f'sitwazzjoni ta' żvantaġġ, persuni li huma parti minn minoranzi nazzjonali u migranti, sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jitgħallmu l-lingwa jew il-lingwi tal-pajjiż u/jew tar-reġjun li jkun qed jospitahom sabiex tinkiseb l-integrazzjoni soċjali u tiġi miġġielda l-esklużjoni soċjali; jenfasizza li huwa neċessarju li l-migranti jkunu jistgħu jużaw l-ilsien ewlieni tagħhom biex jiżviluppaw il-ħiliet lingwistiċi tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex, għalhekk, iħeġġu l-użu tal-lingwa ewenija tal-persuna kif ukoll it-tagħlim tal-lingwa/lingwi nazzjonali;

11. Jitlob lill-Istati Membri biex joħolqu mekkaniżmi għall-komunitajiet lokali u għall-fornituri ta' servizzi biex jindirizzaw b'mod effiċjenti l-bżonnijiet taċ-ċittadini li jitkellmu lingwa differenti minn dik uffiċjali, u b'hekk tiġi faċilitata l-inklużjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol u fil-komunità;

12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-mobilità professjonali għall-għalliema u l-kooperazzjoni bejn l-iskejjel u pajjiżi differenti fit-twettiq ta' proġetti ta' tagħlim li jkunu teknoloġikament u kulturalment innovattivi;

13. Jistieden lill-Istati Membri biex, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, jippromwovu ġestjoni aħjar tad-diversità lingwistika fl-intrapriżi, pereżempju billi jinħolqu timijiet maniġerjali lingiwstikament imħallta fil-livelli korporattivi kollha, u bit-tħeġġiġ tal-implimentazzjoni ta' programmi ta' taħriġ għall-iżvilupp ta' ħiliet ta' komunikazzjoni multilingwali;

14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri billi jintuża l-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, sabiex jiffaċilitaw l-iskambju ta' esperjenzi u ta' prattiki tajba fil-qasam tal-multilingwiżmu, filwaqt li jittqiesu l-benefiċċji ekonomiċi, pereżempju f'intrapriżi multilingwali;

15. Jilqa' b'sodisfazzjon il-pjanijiet tal-Kummissjoni biex tniedi kampanji ta' informazzjoni u ta' kuxjenza rigward il-benefiċċji tat-tagħlim tal-lingwi permezz tal-mezzi tax-xandir u t-teknoloġiji ġodda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti każ tal-konklużjonijiet tal-konsultazzjonijiet dwar it-tagħlim tal-lingwi għal tfal migranti u t-tagħlim, fl-Istat Membru ospitanti, tal-lingwa u l-kultura ta' oriġini.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.2.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Andersson, Edit Bauer, Iles Braghetto, Philip Bushill-Matthews, Milan Cabrnoch, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Luigi Cocilovo, Jean Louis Cottigny, Jan Cremers, Harald Ettl, Richard Falbr, Carlo Fatuzzo, Ilda Figueiredo, Joel Hasse Ferreira, Stephen Hughes, Karin Jöns, Ona Juknevičienė, Jean Lambert, Bernard Lehideux, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Jiří Maštálka, Maria Matsouka, Elisabeth Morin, Csaba Őry, Siiri Oviir, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Pier Antonio Panzeri, Rovana Plumb, Elisabeth Schroedter, José Albino Silva Peneda, Kathy Sinnott, Jean Spautz, Gabriele Stauner, Ewa Tomaszewska, Anne Van Lancker, Gabriele Zimmer

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriela Creţu, Jamila Madeira, Adrian Manole, Ria Oomen-Ruijten, Csaba Sógor, Patrizia Toia

Sostitut (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pierre Jonckheer