RAPPORT dwar l-istudji artistiċi fl-Unjoni Ewropea

24.2.2009 - (2008/2226(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur: Maria Badia i Cutchet

Proċedura : 2008/2226(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0093/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-istudji artistiċi fl-Unjoni Ewropea

(2008/2226(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 149 u 151 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2006/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi fundamentali biex wieħed jitgħallem tul il-ħajja kollha[1],

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1350/2008/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward is-Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni (2009)[2],

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 u l-25 ta’ Mejju 2007 dwar il-kontribut tas-settur kulturali u dak kreattiv għall-ilħuq tal-objettivi ta’ Liżbona u tal-21 u t-22 ta’ Mejju 2008,

–   wara li kkunsidra r-rapport konġunt dwar il-progress tal-2008 tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma 2010 dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ - L-għoti tat-tagħlim tul il-ħajja għall-għarfien, il-kreattività u l-innovazzjoni[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istejtus soċjali tal-artisti[4],

–   wara li kkunsdra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ April 2008 dwar l-aġenda Ewropea għall-kultura f’dinja li qiegħda ssir waħda globalizzata[5],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ April 2008 dwar l-industriji kulturali fl-Ewropa[6],

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet fil-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali tal-20 ta’ Ottubru 2005,

–   wara li kkunsidra r-Regola 45 tar-Regoli ta’ Proċedura,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A6-0093/2009),

A. billi l-Unjoni Ewropea, fidila lejn il-motto tagħha “L-Għaqda fid-Diversità”, għandha tirrikonoxxi l-istorja komuni tagħha, u billi tista’ tagħmel dan permezz tal-istorja tal-Arti Ewropea minħabba n-natura universali intrinsika tagħha,

B.  billi l-iskejjel għandhom għal darba oħra jsiru l-post ewlieni biex ikun demokratizzat l-aċċess għall-kultura,

C. billi l-edukazzjoni artistika u kulturali, li minnha tifforma parti l-edukazzjoni dwar l-immaġini, hija element essenzjali tas-sistema edukattiva tal-Istati Membri,

D. billi l-edukazzjoni artistika u kulturali hija komponent essenzjali fl-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ, minħabba li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-volontà ħielsa, is-sensitività u l-aċċettazzjoni tal-oħrajn; billi hija kwistjoni ewlenija fl-opportunitajiet indaqs u prekundizzjoni biex l-aċċess għall-kultura jkun verament demokratizzat,

E.  billi biex niffaċċjaw l-isfida tad-demokratizzazzjoni tal-aċċess għall-kultura, jeħtieġ li nippromwovu kuxjenza artistika fil-livelli kollha u għall-etajiet kollha, li nagħrfu l-importanza tal-attivitijiet artistiċi ta’ gruppi u tad-dilettanti u li nippromwovu l-aċċess għall-edukazzjoni fid-diversi friegħi tal-arti,

F.  billi, b’dispjaċir, l-Istati Membri sikwit iħossuhom imġiegħlin minn obbligi ekonomiċi li jnaqqsu l-importanza mogħtija lid-diversi friegħi tal-arti fil-politika tal-edukazzjoni in ġenerali,

G. billi l-edukazzjoni artistika hija l-bażi għat-taħriġ professjonali fil-qasam tal-arti u tippromwovi l-kreattività, kif ukoll l-iżvilupp fiżiku u intellettwali f’din l-isfera, filwaqt li tinkoraġġixxi relazzjonijiet iktar mill-qrib u li jagħtu aktar frott bejn l-edukazzjoni, il-kultura u l-arti,

H. billi l-iskejjel u ċ-ċentri tal-edukazzjoni għall-arti u d-disinn jgħinu fl-iżvilupp ta’ filosofiji, iex jinħolqu stili u movimenti artistiċi ġodda u biex jinfetħu dinjiet kulturali differenti, ħaġa li ssaħħaħ l-immaġni tal-Unjoni Ewropea fid-dinja,

I.   billi t-taħriġ huwa importanti ħafna għas-suċċess tal-professjonisti fis-settur artistiku u kreattiv,

J.   billi l-istudji artistiċi li jiffukaw fuq l-iżvilupp ta’ karriera u professjoni jitolbu mill-istudenti, minbarra t-talent, bażi kulturali soda li tista’ tiġi akkwistata biss permezz ta’ taħriġ multidixxiplinari u sistematiku; billi dan iżid l-opportunitajiet għall-aċċess għall-impjieġi fis-settur, sakemm jipprovdi edukazzjoni ġenerali, metodoloġija tar-riċerka, ħiliet intraprenditorjali u għerf tan-negozju, kif ukoll ħiliet f’diversi oqsma ta’ attività li huma relevanti għall-arti kontemporanja,

K. billi l-potenzjal ekonomiku u l-potenzjal f’dawk li huma impjiegi li huma rrappreżentati minn kumpaniji u industriji kreattivi, kulturali u artistiċi fl-Unjoni Ewropea jinfluwenzaw fil-biċċa l-kbira l-iżvilupp tas-settur artistiku,

L.  billi r-rivoluzzjoni teknoloġika rriżultat f'żieda fil-kompetittività fil-pajjiżi u anki bejniethom, u li dan il-fatt kien ifisser li l-ħiliet intellettwali u l-kreattività jokkupaw post dominanti fl-Istrateġija ta’ Liżbona,

M. billi l-bidliet rapidi u li l-ħin kollu għaddejjin li qed iseħħu fi ħdan is-soċjetajiet tagħna jitolbu aktar adattabilità, flessibilità, kreattività, innovazzjoni u komunikazzjoni bejn in-nies fl-isfera tax-xogħol; billi dawn il-kwalitajiet għandhom ikunu promossi mis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fid-diversi Stati Membri, skont l-objettivi tal-programm ‘Edukazzjoni u Taħriġ 2010' msemmi hawn fuq,

N. billi għandu jitqies il-fatt li jeżistu disparitajiet sinifikanti bejn il-mudelli tal-edukazzjoni artistika li jeżistu fid-diversi Stati Membri,

O. billi għandu jitqies il-fatt li, bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u ż-żieda fil-mobilità taċ-ċittadini, kif ukoll it-tkabbiriet suċċessivi tal-Unjoni Ewropea, l-edukazzjoni dwar il-kultura u fid-diversità tagħha hija element importanti għall-preservazzjoni tal-identità u l-promozzjoni tal-fehim interkulturali u interreliġjuż, billi l-objettivi tas-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali li titqajjem kuxjenza dwar il-kultura u li l-kultura tkun promossa għandhom ikomplu lil hinn mill-2008,

1.  Iqis li l-edukazzjoni artistika għandha tkun element obbligatorju fis-sillabi edukattivi fil-livelli kollha tal-iskola, biex tkun promossa d-demokratizzazzjoni tal-aċċess għall-kultura;

2.  Jenfasizza l-importanza li hemm kemm fil-kurrikuli tal-iskejjel u fit-taħriġ vokazzjonali kif ukoll fil-programmi ta’ tagħlim għal matul il-ħajja kollha tal-korsijiet li jkomplu għaddejjin biex tkun promossa u żviluppata l-kreattività fl-etajiet kollha bħala parti mill-proċess ta’ tagħlim ta’ matul il-ħajja kollha;

3.  Ifakkar li waħda mill-miri tal-edukazzjoni artistika u kulturali hija li jkun hemm kontribut għall-edukazzjoni ċivika u li wieħed mill-irwoli tagħha huwa t-tisħiħ tal-kapaċità li għandna li naħsbu u li nikkontribwixxu għall-iżvilupp personali mil-lat intellettwali, emozzjonali u fiżiku;

4.  Jirrikonoxxi l-irwol tal-arti bħala kontributriċi importanti għall-innovazzjoni fis-soċjetà u l-ekonomija fis-Sena Ewropea għall-Kreattività u l-Innovazzjoni 2009;

5.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill u tal-Istati Membri lejn l-irwol li l-kultura Ewropea u d-diversità tagħha għandhom bħala fattur fl-integrazzjoni, u l-importanza tal-edukazzjoni artistika u kulturali f’livell Ewropew, inkluża s-salvagwardja tal-valuri kulturali tradizzjonali f’reġjuni differenti;

6.  Jinnota l-għadd li kulma jmur dejjem jikber ta’ studenti ta’ suġġetti tal-arti li huma interessati li jmorru jistudjaw fi Stat Membru li ma jkunx tagħhom u, għaldaqstant, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkoordinaw il-politiki tagħhom fir-rigward tal-edukazzjoni artistika fil-livell tal-Unjoni Ewropea, biex jiskambjaw l-aħjar prattiki u biex iżidu l-mobiltà kemm tal-istudenti u kemm tal-għalliema f’dan is-settur;

7.  Jissuġġerixxi li tittejjeb il-mobilità tal-professjonisti fis-settur artistiku billi tingħata aktar attenzjoni lill-kwistjoni tar-rikonoxximent tal-kwalifiki. Dan għandu jsir billi istituzzjonijiet ta’ taħriġ u dawk li jħaddmu jkunu inkuraġġiti jifhmu l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK), biex kompetenzi u kwalifiki fis-settur ikunu jistgħu jitqabblu fil-livell Ewropew;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni f’dan r-rigward li taħdem flimkien mal-Istati Membri fit-twaqqif ta’ qafas ta’ mobilità għall-Ewropej li jwettqu attività artistika u kreattiva, b’enfasi partikulari fuq il-mobilità għall-artisti żgħażagħ u studenti ta’ suġġetti tal-arti;

9.  Iqis li, filwaqt li jirrikonoxxi li din hija kwistjoni għall-Istati Membri, il-politiki rigward l-edukazzjoni artistika jmisshom jiġu kkoordinati f’livell tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikulari f’dak li jirrigwarda:

- id-deskrizzjoni tan-natura, tal-kontenut u tat-tul tal-istudji artistiċi, għat-tipi ta’ “pubbliku” differenti tiegħu,

- ir-rabta bejn l-edukazzjoni artistika, il-kreattività u l-innovazzjoni,

- l-effiċjenza tal-politiki tal-edukazzjoni artistika mill-perspettiva tal-impatt soċjoekonomiku tagħhom,

- il-kisba ta’ bilanċ bejn studju teoretiku u bidu prattiku, biex ikun żgurat li l-edukazzjoni artistika ma tkunx astratta,

- l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-metodi u l-istrateġiji tal-edukazzjoni artistika, b’konformità mal-ħtiġijiet tas-soċjetà tal-informazzjoni,

- it-taħriġ ta’ għalliema speċjalizzati u t-taħriġ ta’ ‘inġiniera artisti’ tal-midjum il-ġdid flimkien ma’ dak tal-għalliema speċjalizzati tradizzjonali;

10. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex:

- jirrikonoxxu l-importanza tal-promozzjoni tal-edukazzjoni artistika u l-kreattività fil-kuntest ta’ ekonomija bbażata fuq il-għerf, f'konformità mal-Istrateġija ta’ Liżbona,

- jiddefinixxu l-irwol tal-edukazzjoni artistika bħala għodda pedagoġika essenzjali biex issaħħaħ il-valur tal-kultura f’dinja globalizzata u multikulturali,

- jistabbilixxu strateġiji komuni għall-promozzjoni ta’ politiki ta’ edukazzjoni artistika u politiki għat-taħriġ tal-għalliema li jispeċjalizzaw f’din id-dixxiplina,

- jirrikonoxxu l-irwol importanti tal-artisti fis-soċjetà u l-ħtieġa li jistabbilixxu kompetenzi speċifiċi għall-edukazzjoni artistika fil-proċess edukattiv,

- jinkoraġġixxu lir-rappreżentanti nazzjonali fil-Grupp ta’ Ħidma għall-Edukazzjoni u l-Kultura li twaqqaf dan l-aħħar fil-qafas tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK) għall-Kultura biex jiddiskutu l-funzjoni tal-arti f’kuntesti differenti tal-edukazzjoni (formali, informali u mhux formali) u fil-livelli edukattivi kollha (minn qabel il-primarja sat-taħriġ professjonali u lil hinn minnu fl-edukazzjoni għolja fl-arti) kif ukoll it-taħriġ meħtieġ għall-għalliema speċjalisti,

- jinkoraġġixxu lir-rappreżentanti nazzjonali fil-Gruppi ta’ Ħidma tal-MMK dwar l-Industriji Kulturali biex jindirizzaw it-taħriġ professjonali u l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-artisti, maniġers, għalliema, faċilitaturi u professjonisti oħra fis-settur kulturali bħala tema ċentrali,

- jistiednu lill-partijiet interessati relevanti fis-soċjetà ċivili biex jaqsmu dak kollu li jafu u l-kompetenza esperta tagħhom f’dan il-qasam fir-rigward tal-proċess li qed iseħħ fil-MMK;

- itejbu l-provvediment tat-taħriġ professjonali fis-settur artistiku billi jagħrfu l-edukazzjoni għolja fl-arti f’kull wieħed mit-tliet livelli kif indikat fil-proċess tad-Dikjarazzjoni ta' Bolonja (Baċellerat, Master, Dottorat), u b’hekk itejbu l-mobilità tal-artisti fi ħdan l-UE,

–   jintroduċu arranġamenti speċjali biex tkun promossa l-edukazzjoni artistika fil-kuntest tal-programm kulturali pluriennali,

- jirrikonoxxu l-importanza ta’ attivitajiet artistiċi ta’ gruppi u ta’ dilettanti;

11. Jinsisti li t-tagħlim tal-istorja tal-arti għandu jinvolvi wkoll laqgħat ma’ artisti u żjarat f’postijiet ta’ kultura, biex titqanqal il-kurżità u titħeġġeġ ir-riflessjoni min-naħa tal-istudenti;

12. Jenfasizza l-importanza li jintużaw ir-riżorsi pprovduti minn teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u l-Internet bħala mezzi għal tagħlim modern immirati lejn prattiki kontemporanji meta fil-kurrikuli skolastiċi tkun qed tiddaħħal dimensjoni artistika;

13. Jenfasizza f’dan ir-rigward il-kontribut essenzjali ta' intrapriżi bħal m’hi l- Europeana, il-librerija diġitali Ewropea;

14. Jirrakkomanda li jiġi żviluppat b’mod konġunt portal Ewropew għall-edukazzjoni artistika u kulturali u li l-edukazzjoni artistika tkun inkluża fil-kurrikuli edukattivi tal-Istati Membri, biex ikunu salvagwardjati l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-mudell kulturali Ewropew, li huwa speċjalment apprezzat internazzjonalment;

15. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimmoniterjaw il-progress li jsir fl-inkorporazzjoni tal-edukazzjoni artistika fil-kurrikuli tal-iskejjel; jissuġġerixxi b’mod partikulari lill-Kummissjoni li tippromwovi studji meħtieġa biex joħroġ tagħrif ta’ min joqgħod fuqu dwar l-impatt li jkollu tagħlim bħal dan fuq il-livell tal-edukazzjoni u l-kompetenza tal-istudenti fl-Unjoni Ewropea;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

L-edukazzjoni artistika hija universalment meqjusa bħala element vitali tal-edukazzjoni fil-kunċett tradizzjonali tagħha. Attwalment, minkejja li huwa suġġett obbligatorju f’ħafna sistemi edukattivi fl-Istati Membri differenti, jibqgħu jeżistu differenzi sinifikanti bejn il-mudelli ta’ edukazzjoni artistika fl-UE.

Filwaqt li, mil-lat storiku l-istudji artistiċi kienu marbuta mal-edukazzjoni ta’ matul is-snin tat-tfulija u taż-żgħożija, attwalment, l-approċċ tat-tagħlim tul il-ħajja kollha u l-iżvilupp tat-teknoloġiji l-ġodda tal-komunikazzjoni u tal-informatika (ICT) kabbru l-ispazju li tradizzjonalment kien iddedikat għall-arti u għall-kultura, u nisslu forom ġodda ta’ aċċess u ta’ manifestazzjoni għas-settur.

Fid-dinja globalizzata, kumplessa u interdipendenti li ngħixu fiha, l-avvanz kostanti tal-ICT ġab ukoll il-promozzjoni ta’ ekonomija bbażata fuq l-għerf, fejn il-ħiliet intelletwali u l-kreattivtà jokkupaw post preeminenti..

Barra minn hekk, is-soċjetajiet eteroġeni tagħna u ta’ karattru multikulturali taw importanza lir-rwol tal-kultura u tar-rikkezza tad-diversità tagħha, fundamentali biex itejbu l-eżistenza bejn il-popolazzjonijiet u l-kulturi differenti. Għaldaqstant, f’kuntest ikkaratterizzat minn mobiltà ikbar taċ-ċittadini, l-edukazzjoni kulturali saret element importanti għall-preservazzjoni tal-identità u l-promozzjoni tal-fehim interkulturali u interreliġjuż, kif kien enfasizzat mis-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali 2008, bil-għanijiet tagħha li tippromwovi l-kultura u tqajjem kuxjenza dwarha.

L-edukazzjoni artistika, min-naħa l-oħra, tagħti lin-nazzjonijiet il-mezz biex jiżviluppaw ir-riżorsi umani meħtieġa għall-isfruttament tal-ġid tal-wirt kulturali tagħhom. L-arti hija fl-istess ħin wirja tal-kultura u mezz ta’ komunikazzjoni tal-għerf f’dan il-qasam. U f’dan is-sens, il-programmi ta’ edukazzjoni artistika jgħinu lill-persuni jiskopru d-diversità tal-espressjonijiet kulturali, jiżviluppaw is-sensittività tagħhom lejhom, u jikkontribwixxu biex jiskopru l-pjaċir għall-arti u l-kultura. Barra minn hekk, isaħħu l-identitajiet u l-valuri individwali u kollettivi, u jipproteġu d-diversità kulturali. Ma jistax jintesa li l-arti u d-disinn huma element tal-iżvilupp tas-soċjetà, peress li jgħinu biex ikunu żviluppati filosofiji u biex jinħolqu stili u movimenti artistiċi ġodda, li jsaħħu l-immaġni tal-Unjoni Ewropea fid-dinja, billi jippermettulha li tkun magħrufa internazzjonalment, lil hinn mill-madwar qrib tagħha.

Jaqbel li jiġi indikat li l-partikolarità tal-mudell kulturali Ewropew, jiġifieri, ir-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha, hija analizzata fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (Artikolu 151), fl-objettivi fundamentali tal-Unjoni, u li mit-18 ta’ Marzu 2007 daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali.

Minn perspettiva oħra, il-bidliet rapidi u kostanti li qed iseħħu fis-soċjetajiet tagħna jeħtieġu adattabilità, flessibilità, kreattività, innovazzjoni u komunikazzjoni ikbar bejn in-nies fil-qasam tax-xogħol, hekk kif juri wkoll il-programm “Edukazzjoni u Taħriġ 2010”. Miegħu tingħaqad il-ħtieġa li qiegħda tikber tal-kompetittività f’ħafna oqsma, li tispjega l-prijorità mogħtija lill-bosta sistemi edukattivi biex jippromwovu l-iżvilupp tal-kreattività fil-kurrikuli skolastiċi, permezz ta’ programmi edukattivi żviluppati minn metodi pedagoġiċi adegwati, li għandhom effett kbir fuq l-inserzjoni sussegwenti tal-istudent fis-settur artistiku u kreattiv tas-suq. U f’dan is-sens, huwa importanti t-tkabbir tal-kontenuti tat-taħriġ artistiku sabiex jitjieb id-dħul fid-dinja tax-xogħol f’dan is-settur, kif ukoll il-potenzjal tal-attività artistika fl-era diġitali l-ġdida.

Fil-fatt, l-attività artistika tinvolvi l-kontroll tal-kompetenzi, l-għerf u l-materjali li għandhom, minn ħafna żmien, relazzjoni mill-qrib mal-avvanzi tax-xjenza u t-teknoloġija. Għaldaqstant, matul l-istorja, l-arti użat it-teknoloġiji l-iktar avvanzati ta’ żmienha, u għadd kbir ta’ teoriji estetiċi ġew influwenzati minn konsiderazzjonijiet xjentifiċi. Min-naħa tagħhom, il-kompetenzi u ċerti dixxiplini artistiċi ħolqu wkoll avvanzi tekniċi, filwaqt li kkontribwew għall-proċess ta’ konoxxenza dejjem akbar u għat-trasformazzjoni tad-dinja mill-umanità. Minkejja li l-ħolqien artistiku ma jistax jitniżżel għall-applikazzjoni stretta tal-għarfien xjentifiku jew teknoloġiku, it-teknoloġiji jistgħu jkunu utli għall-arti mingħajr ma jkunu maħluqa b’dan l-għan, u l-arti tista’ tqajjem ukoll l-investigazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku, filwaqt li jiġu koperti oqsma oħra lil hinn mill-attività artistika. Fi ftit kliem, l-edukazzjoni artistika tiffavorixxi relazzjonijiet iktar mill-qrib u ta’ frott bejn l-edukazzjoni, il-kultura, l-ITC u l-arti, fl-era tas-seklu XXI.

Dawn huma xi konsiderazzjonijiet li juru l-importanza biex jintlaħaq kunsens biex tiġi stabbilita koordinazzjoni f'livell Ewropew tat-tagħlim artistiku.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.2.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Badia i Cutchet, Giovanni Berlinguer, Guy Bono, Nicodim Bulzesc, Marie-Hélène Descamps, Věra Flasarová, Milan Gaľa, Claire Gibault, Vasco Graça Moura, Lissy Gröner, Luis Herrero-Tejedor, Ruth Hieronymi, Ramona Nicole Mănescu, Adrian Manole, Manolis Mavrommatis, Ljudmila Novak, Doris Pack, Christa Prets, Karin Resetarits, Pál Schmitt, Hannu Takkula, Helga Trüpel

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Gyula Hegyi, Iosif Matula, Christel Schaldemose, Ewa Tomaszewska

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Raül Romeva i Rueda, Salvador Domingo Sanz Palacio, Alejo Vidal-Quadras