Proċedura : 2008/2175(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0094/2009

Testi mressqa :

A6-0094/2009

Dibattiti :

PV 23/03/2009 - 21
CRE 23/03/2009 - 21

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2009 - 4.5
CRE 26/03/2009 - 4.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0191

RAPPORT     
24.2.2009
PE 413.955v01-00 A6-0094/2009

dwar il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa

(2008/2175(INI))

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

Rapporteur: Katerina Batzeli

ERRATA/ADDENDA
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa

(2008/2175(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2008, bl-isem "Il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa" (COM(2008)0821),

–   wara li kkunsidra l-istudju tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2007, dwar "Id-differenza bejn il-prezzijiet tal-produtturi u l-prezzijiet li jħallas il-konsumatur",

–   wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2006, bl-isem "Il-Kompetittività tal-Industrija Ewropea tal-Ikel. Evalwazzjoni ekonomika u legali",

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2008, bl-isem "Nindirizzaw l-isfidi taż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-ikel - Direzzjonijiet għall-azzjoni tal-UE" (COM(2008)0321),

-    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu bil-miktub 0088/2007, dwar l-investigazzjoni u r-rimedju għall-abbuż tal-poter mis-supermarkits il-kbar li joperaw fl-Unjoni Ewropea(1),

–   wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-settur kbir tal-bejgħ - tendenzi u impatti fuq il-bdiewa u l-konsumaturi(2),

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar ir-Restrizzjonijiet Vertikali(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2007, dwar prezzijiet tal-għalf u tal-ikel li qed jogħlew(4),

–   wara li kkunsidra l-"kontroll tas-saħħa" li għaddej bħalissa tal-Politika Agrikola Komuni,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A6-0094/2009),

A. billi l-Ewropa u d-dinja dan l-aħħar għaddew minn volatilità għolja tal-prezzijiet tal-ikel, kultant b’żidiet sinifikanti fil-prezz u b’effetti ambigwi fuq is-settur tal-agrikoltura, b'uħud jaqilgħu miż-żieda fil-prezzijiet, filwaqt li oħrajn - l-aktar l-irziezet għat-trobbija tal-bhejjem u l-kumpaniji tal-ipproċessar tal-ikel - daħlu fi spejjeż ħafna akbar,

B.  billi kien hemm ukoll żieda konsiderevoli fl-ispejjeż tal-produzzjoni agrikola, b’konsegwenza taż-żieda tal-prezzijiet ta’ materjali bħall-fertilizzanti u prodotti fitosanitarji, u billi minkejja l-fatt li attwalment il-prezzijiet mis-sors waqgħu b’mod drastiku, din it-tendenza mhux qed tmur id f’id ma’ tnaqqis, ekwivalenti u matul l-istess perjodu, fl-ispejjeż tal-produzzjoni,

C. billi t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli, li mhux qed ikunu akkumpanjat minn tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni, qiegħed joħloq sitwazzjoni finanzjarja mhux sostenibbli għall-bdiewa, li ħafna minnhom qegħdin jieqfu jipproduċu minħabba n-nuqqas ta’ profitti,

D. billi sar magħruf li fl-Istati Membri varji, il-produtturi l-kbar stabbilixxew prezzijiet differenti ħafna għall-istess prodotti,

E.  billi kienu identifikati differenzi kbar fil-prezzijiet madwar l-Ewropa fir-rigward tal-firxa bejn il-prezzijiet għall-konsumaturi u dawk tal-produtturi, li f’ċerti każijiet ma jistgħux jiġu spjegati f’termini tal-ispejjeż involuti fl-ipproċessar, fid-distribuzzjoni u fil-bejgħ tal-prodotti,

F.  billi l-katina tal-provvista għandha tiġi kkunsidrata fit-totalità tagħha fl-analiżi tal-prezzijiet u tal-evoluzzjoni tagħhom; billi s-settur tal-ikel huwa frammentat u l-katina tal-provvista hija kumplessa ħafna, magħmula minn ħafna intermedjarji,

G. billi matul dawn l-aħħar snin, uħud mill-intrapriżi tal-ipproċessar ewlenin żiedu s-sehem tas-suq tagħhom,

H. billi s-sehem tas-suq ta’ produtturi kbar varji żdied f’dawn l-aħħar snin,

I.   billi f'dawn l-aħħar snin kien hemm tibdil sinifikanti fl-istruttura tal-kompetizzjoni fil-katina tal-provvista tal-ikel u żidiet fil-livell ta' konċentrazzjoni fost il-produtturi tal-ikel, il-bejjiegħa bl-ingrossa kif ukoll il-bejjiegħa bl-imnut,

J.   billi hemm provi minn madwar l-UE kollha li juru li s-supermarkits il-kbar qegħdin jużaw il-poter ta’ akkwist tagħhom biex ibaxxu l-prezzijiet li jitħallsu lill-fornituri għal livelli insostenibbli u biex jimponu fuqhom kundizzjonijiet inġusti; billi l-bejjiegħa l-kbar madwar l-Ewropa fi żmien qasir qegħdin isiru ‘l-għassiesa’ tas-settur u qegħdin jikkontrollaw l-aċċess li għandhom il-bdiewa u fornituri oħra għall-konsumaturi tal-UE,

K. billi l-prezzijiet tal-konsumatur fl-Ewropa bħala medja jlaħħqu sa ħames darbiet aktar mill-prezz nett tal-prodott meta joħroġ mill-farms; billi ħamsin sena ilu l-bdiewa fl-Ewropa kienu jieħdu bejn wieħed u ieħor nofs il-prezz bl-imnut għall-ikel filwaqt li llum dak il-proporzjon – flimkien ma’ żieda sinifikanti fil-livell ta’ pproċessar tal-ikel - niżel b'mod drammatiku,

L.  billi, minkejja li l-finanzjament tal-CAP tul is-snin ikkontribwixxa biex jiġu żgurati prezzijiet baxxi għall-konsumaturi, wieħed josserva li l-dawn għadhom għoljin jew mhux qed jonqsu minkejja t-tnaqqis fil-prezzijiet fis-settur agrikolu,

M. billi strateġikament huwa mixtieq livell għoli ta’ awtosuffiċjenza Ewropea; billi f’dan ir-rigward għandhom isiru sforzi biex tintlaħaq pożizzjoni b’saħħtiha għall-produtturi primarji Ewropej bħala dawk li biex jipprovdulna l-ikel,

N. billi l-iżbilanċ fis-saħħa tan-negozjar bejn il-produtturi agrikoli u l-kumplament tal-katina tal-provvista rriżulta fi pressjoni qawwija kostanti fuq il-marġnijiet tal-produttur fis-settur agrikolu,

1.  Iqis li, f’konformità mat-Trattat, huwa fl-interess pubbliku Ewropew li jinżamm livell xieraq tal-prezzijiet tal-produtturi u tal-konsumatur u li tiġi ggarantita kompetizzjoni ġusta, b'mod speċjali fir-rigward tal-prodotti strateġiċi bħal dawk agrikoli u tal-ikel;

2.  Jemmen li jekk il-kompetizzjoni tipprovdi lill-konsumaturi b’ikel bi prezzijiet kompetittivi, jeħtieġ li l-bdiewa jiġu pprovduti bi dħul stabbli permezz ta’ prezzijiet li jkopru l-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom u remunerazzjoni ġusta għal xogħolhom, dan kollu anki sabiex tiġi garantita s-sigurtà ta’ provvista ta' ikel ta' kwalità tajba;

3.  Iqis li hemm sensiela wiesgħa ta' fatturi li tinfluwenza l-mekkaniżmu tat-trażmissjoni tal-prezzijiet u d-differenza bejn il-prezzijiet tal-produtturi u tal-konsumaturi; u jsemmi dawn il-fatturi, l-imġiba fis-swieq tal-operaturi fil-katina tal-provvista, inklużi l-produtturi, il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-bejjiegħa bl-imnut, il-sehem tal-ispejjeż li m'għandhomx x'jaqsmu mal-agrikoltura (bħall-enerġija u x-xogħol), l-oqfsa leġiżlattivi u regolatorji, il-fatt li l-prodotti jiddeterjoraw, il-livell tal-ipproċessar, tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-immaniġġjar tal-prodotti jew il-preferenzi tax-xiri tal-konsumaturi;

4.  Iqis li fost il-fatturi li jinfluwenzaw l-aktar il-mekkaniżmu ta' trażmissjoni tal-prezzijiet u d-differenza bejn il-prezzijiet tal-konsumaturi u tal-produtturi, il-konċentrazzjoni li qiegħda tikber tul il-katina tal-provvista tal-ikel kollha, il-livell ta' pproċessar u ż-żidiet fil-prezzijiet b’rabta ma’ fatturi ta’ spejjeż esterni oħra, kif ukoll l-ispekulazzjoni bil-prodotti agrikoli għandhom irwol determinanti; għaldaqstant, jikkonferma mill-ġdid l-importanza tal-istrumenti tar-regolamentazzjoni tas-suq, li fil-kuntest attwali huma meħtieġa iktar minn qatt qabel;

5.  Jaqbel mal-Kummissjoni li t-tendenzi tal-provvista u d-domanda kif ukoll in-nuqqasijiet tal-operat fil-katina tal-provvista tal-ikel għandhom irwol sinifikanti fiż-żieda tal-prezzijiet tal-ikel; madankollu, jenfasizza li l-ispekulazzjonijiet fis-swieq finanzjarji wkoll kellhom irwol sinifikanti u ħolqu tgħawwiġ fil-mekkaniżmu tal-kalkolu tal-prezzijiet;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni biex mill-aktar fis possibli tniedi investigazzjoni f’għamla ta’ studju dwar id-distribuzzjoni tal-marġnijiet tal-qligħ fil-katina tal-produzzjoni u f’dik tad-distribuzzjoni, kif stipulat fil-baġit 2009, fuq il-bażi ta’ proposta li kienet saret aktar kmieni mill-Kumitat tiegħu għall-Biedja u l-Iżvilupp Rurali matul il-proċedura baġitarja; iqis dan bħala l-ewwel pass lejn żieda fit-trasparenza ta’ din il-katina;

7.  Jiddeplora t-tneħħija kontinwa tal-miżuri ta’ intervenzjoni tal-Komunità fis-suq agrikolu, minħabba li din qiegħda tikkontribwixxi b’mod deċiżiv għall-volatilità qawwija tal-prezzijiet; jemmen li jinħtieġ li jiddaħħlu miżuri ġodda ta’ mmaniġġjar tas-suq biex tiġi garantita stabilità ikbar għad-dħul tal-produtturi u biex jiġu offruti prezzijiet aċċettabbli lill-konsumaturi;

8.  Jemmen li, fil-qafas tal-CAP, jinħtieġu miżuri għall-ġestjoni tas-suq biex tiġi pprovduta stabilità fis-settur agrikolu u fis-suq agroalimentari, u sabiex tinżamm produzzjoni agrikola Ewropea sostenibbli bi prezzijiet raġonevoli, filwaqt li jiġi evitat l-effett ta’ “ċaqlembuta” kemm fil-prezzijiet tal-bejgħ kif ukoll fil-fatturi ta’ produzzjoni;

9.  Jemmen li minkejja li l-paragun li qiegħda tagħmel il-Kummissjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika f’termini ta’ produttività huwa wieħed xieraq, dan ma jistax iservi bħala l-bażi assoluta għal-kejl ideali tal-produttività fis-settur tal-ikel (b’mod partikulari fil-qasam agrikolu u dak tal-ipproċessar) tal-UE; jenfasizza li l-industrija agrikola u tal-ikel fl-UE hija differenti ħafna minn dik tal-Istati Uniti tal-Amerika f’termini ta’ prodotti kif ukoll fir-rigward tas-setturi koperti u l-kundizzjonijiet u l-liġijiet li jirregolawha;

10. Huwa tal-fehma li t-tisħiħ tal-kompettività u tal-qawwa innovattiva tas-settur agrikolu primarju għandu jiġi aġevolat, għaliex iwassal għal aktar possibiltajiet ta’ diversifikazzjoni fl-operat tal-produtturi primarji u titnaqqas id-dipendenza fuq parteċipanti oħrajn fil-katina tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni;

11. Jemmen li l-konċentrazzjoni tal-provvista tal-produzzjoni agrikola permezz tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-koperattivi jew permezz ta’ korpi oħrajn simili, tippermetti li l-bilanċ tal-poter fil-katina tal-ikel jiċċaqlaq, billi tiżdied is-saħħa tan-negozjar tal-bdiewa, filwaqt li jingħata valur miżjud ikbar lill-prodotti tagħhom u l-linji tal-kummerċjalizzazzjoni jkunu iktar qrib tal-konsumaturi;

Imperfezzjonijiet fis-suq tal-ikel

12. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li poter tas-suq kbir huwa ta' vantaġġ fis-settur agroalimentari, minħabba n-nuqqas ta' elastiċità tal-prezzijiet tal-provvisti agrikoli fuq naħa waħda u d-domanda tal-konsumatur min-naħa l-oħra;

13. Huwa mħasseb bil-prattiki tal-kummerċjalizzazzjoni, bħall-bejgħ ta' prodotti bi prezzijiet orħos minn kemm jiswew, sabiex tiġi ġġenerata żieda fiż-żjarat tal-konsumaturi fis-supermarkits; jappoġġja l-projbizzjoni tal-bejgħ tal-ikel bi prezzijiet orħos minn kemm jiswa, kif ukoll lill-Istati Membri li diġà daħħlu miżuri bħal dawn; jixtieq jara lill-Ewropa tieħu aktar azzjonijiet kontra miżuri dwar prezzijiet li jkunu daqstant aggressivi, kif ukoll kontra kwalunkwe prattika oħra li tmur kontra l-kompetittività bħall-abbinar tal-prodotti jew kwalunwe abbuż ieħor tad-dominanza tas-suq;

14. Jemmen li prezzijiet aktar baxxi mill-ispejjeż, billi fihom innifishom mhumiex sostenibbli għall-ebda intrapriża, jistgħu jiġu pprattikati biss mill-intrapriżi l-kbar (b’diversifikazzjoni) għal żmien qasir u bil-għan li jkeċċu mis-suq lill-kompetitturi tagħhom; jemmen li fit-tul tali prattika ma tagħmilx ġid la lill-konsumatur u lanqas lis-suq inġenerali;

15. Huwa mħasseb ukoll b'każijiet oħra fejn in-negozju jagħmel użu mill-poter tas-suq tiegħu; inklużi l-perjodi eċċessivi għall-iskadenza tal-pagament, spejjeż biex prodotti jiġu stokkjati, biex jidhru fuq l-ixkafef, theddid li jitneħħew mill-istokk, skontijiet b'lura fuq prodotti diġà mibjugħa, kontribuzzjonijiet mhux ġustifikati għal spejjeż ta' promozzjoni min-naħa tal-bejjiegħ jew l-insistenza għal provvista esklużiva;

16. Jenfasizza li, f'xi Stati Membri, kemm in-naħa tax-xiri kif ukoll dik tal-bejgħ tas-suq għandhom ix-xejra li jkunu kkonċentrati bl-istess mod, u b'hekk jikber il-periklu tal-effett distorsiv fis-suq;

17. Jisħaq fuq il-fatt li, fid-dawl tar-riforma tal-CAP u, b'mod partikulari, tas-separazzjoni (decoupling), id-deċiżjonijiet tal-bdiewa dwar x'għandhom jipproduċu se tkun influwenzata iktar mis-sinjali li jiġu mis-suq u li m’għandhomx jixxekklu minn livell għoli wisq ta’ konċentrazzjoni fin-negozju bl-imnut; jemmen li ż-żieda fl-importazzjoni tal-ikel fil-Komunità x'aktarx li tnaqqas il-prezzijiet tal-farms;

18. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-bejjiegħa jistgħu japprofittaw mit-tikketti, bħal dawk ta' "kummerċ ġust" sabiex iżidu l-marġni tal-qligħ; għalhekk, bil-għan li dawn il-prattiki jiġu limitati u l-użu ta’ dawn it-tikketti jkun ikkontrollat, jitlob strateġija biex jiġi appoġġjat u żviluppat il-kummerċ ġust madwar l-Ewropa;

19. Jirrikonoxxi li, għal perjodu qasir, l-effetti tal-konċentrazzjoni tas-suq fid-diversi livelli tal-katina tal-provvista tal-ikel jistgħu jwasslu għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-ikel, iżda għal żmien medju u fit-tul għandha tingħata attenzjoni biex ma ssirx ħsara lill-kompetizzjoni libera li minħabba fiha produtturi żgħar jitkeċċew ’il barra mis-suq u biex ma tiġix limitata l-għażla tal-konumaturi;

20. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ħafna SMEs fis-settur tal-ikel huma vulnerabbli ferm, b'mod speċjali, jekk jiddependu ħafna fuq operatur kbir wieħed; jinnota li operaturi kbar fil-katina tal-provvista tal-ikel sikwit iħaddmu kompetizzjoni abbużiva fil-prezzijiet bejn bosta fornituri u, biex jibqgħu fin-negozju, kumpaniji żgħar ikollhom jaqtgħu l-ispejjeż u l-marġni tal-qligħ, li tfisser pagamenti mnaqqsa lill-bdiewa, tnaqqis fl-aċċess għas-suq u fil-mezzi tad-distribuzzjoni għall-SMEs, anqas impjegati u prodotti ta' kwalità inferjuri għall-konsumaturi;

21. Huwa mħasseb bil-livell ta' spekulazzjoni li kulma jmur qiegħed jikber fuq l-ikel fis-swieq finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni biex tibda investigazzjoni fuq din il-kwistjoni; jistenna l-konklużjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija Agrikola tal-Ikel, u jinkoraġġixxi lil dan il-Grupp biex jipproponi miżuri effikaċi sabiex jiġu indirizzati l-iżbilanċi fis-suq;

22. Għandu r-riżervi tiegħu fir-rigward tal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-ispekulazzjoni fis-swieq finanzjarji ma kellhiex rwol importanti fil-proċess tal- iffissar tal-prezzijiet; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni jkollha tieħu inizjattivi biex issaħħaħ il-monitoraġġ fis-swieq għall-komoditajiet agrikoli futuri;

23. Jemmen li fil-preżent il-Kummissjoni tillimita ruħha għal interpretazzjoni preġudikata tad-dejta disponibbli, billi ma ttikkunsidrax l-effetti possibbli tal-investimenti minn spekulaturi f’kuntratti futuri, bħalma huma fost oħrajn:

– iż-żieda fil-prezzijiet għax-xerrejja finali (produtturi u konsumaturi) bħala konsegwenza tal-ħolqien ta’ aspettattivi foloz fir-rigward tal-evoluzzjoni tal-prezzijiet,

– il-ħolqien ta’ diżinċentivi u inċertezzi addizzjonali għall-intrapriżi tal-produzzjoni ġodda jew żgħar li jiddependu mill-prodotti agrikoli, li joħolqu ostakli għd-dħul u jxekklu l-proċess ta’ tisħiħ tal-kompetizzjoni f’ċerti swieq,

– ir-ridistribuzzjoni żleali (soċjali u ġeografika) taż-żejjed mill-bejgħ ta’ prodotti agrikoli għad-detriment tal-bdiewa/produtturi u favur l-intermedjarji u l-ispekulaturi;

24. Jisħaq fuq il-fatt li, għall-kuntrarju tal-istima tal-Kummissjoni, hemm ħtieġa aktar urġenti biex jiġu kkunsidrati dispożizzjonijiet regolatorji ġodda għas-swieq futuri, minħabba li hemm indikazzjonijiet li juru li l-fenomenu ta’ spekulazzjoni diġà qed joħloq problemi fl-ipprezzar tal-ikel bażiku u għalhekk anki għas-swieq u għall-intrapriżi tal-produtturi bbażati fuqhom;

25. Iqis li l-Kummissjoni, f'dawn l-aħħar ħames snin, tejbet is-superviżjoni tagħha fuq il-kartelli, kemm permezz tal-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni aħjar dwar il-kompetizzjoni kif ukoll permezz tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti; iqis li miżuri bħall-applikazzjonijiet tal-klemenza, il-proċedura tal-ftehim għal soluzzjoni u l-IT tal-forensika kellhom sehem importanti f'dan kollu; madankollu jqis li għad fadal bosta titjib x'jista' jsir dwar il-kontenut tagħhom u dwar l-implimentazzjoni min-naħa tal-Istati Membri;

26. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissarju Ewropew għall-Kompetizzjoni għad-Dikjarazzjoni adottata mill-Parlament dwar l-investigazzjoni u r-rimedju għall-abbuż mill-pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ supermarkits kbar li joperaw fl-Unjoni Ewropea; jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-fatt li l-Kummissjoni ma rrispondietx għat-talbiet inklużi fiha; jitlob, f’dan ir-rigward, investigazzjoni dwar il-konċentrazzjoni tas-suq u l-ħolqien ta’ kartelli fis-settur tal-bejgħ bl-imnut kif ukoll miżuri ta’ penali għal ksur tar-regoli;

27. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tanalizza, fir-rapporti annwali tagħha, id-distakk bejn il-prezzijiet tal-produttur u dawk tal-konsumatur, id-differenzi bejn il-prezzijiet fl-Istati Membri u d-differenzi fil-prezz bejn il-prodotti agrikoli varji;

28. Iqis li l-intrapriżi li jaħdmu fuq skala kbira jiġġeneraw vantaġġi ekonomiċi ċari u magħrufa (marbuta mal-kobor) li jnaqqsu l-ispejjeż u b’hekk anki l-prezzijiet; jisħaq fuq il-fatt li madankollu l-politika favur it-titjib tal-katina tal-provvista tal-ikel għandha tħeġġeġ il-ħolqien ta’ skemi funzjonali għall-isfruttar ta’ dawn il-vantaġġi mis-settur agrikolu (pereżempju, clusters, netwerks u organizzazzjonijiet intraprofessjonali) bl-għan li jiġu ffaċċjati l-pressjonijiet fuq il-marġnijiet tal-qligħ min-naħa tal-intrapriżi ta’ wara l-katina;

29. Jesprimi tħassib qawwi minħabba l-fatt li fl-istħarriġ tal-Kummissjoni dwar il-prattiki ewlenin li jikkawżaw problemi ta’ kompetizzjoni fil-katina tal-provvista tal-ikel, l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq dwar il-Prezzijiet tal-Ikel fl-Ewropa ma tinkludix l-abbuż minn pożizzjoni dominanti li jiġi osservat fil-fażi tal-bejgħ bl-imnut u anki f’dik tal-bejgħ bl-ingrossa; iqis li l-prattiki antikompetittivi li jinħaddmu mill-intrapriżi b’sehem kbir fis-suq, bħall- ftehimiet esklużivi ta’ provvista, ix-xiri abbinat eċċ., ixekklu b’mod serju l-kompetizzjoni funzjonali fil-katina tal-provvista tal-ikel;

L-irwol tal-UNJONI EWROPEA

Ir-reazzjoni għall-iżbilanċi tas-suq

30. Jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li toħloq Sistema Ewropea effiċjenti ta' monitoraġġ tas-suq, li tkun tista' tirreġistra x-xejriet tal-prezzijiet u l-ispejjeż tal-inputs tul il-katina tal-provvista kollha kemm hi; jemmen li din is-sistema għandha tiżgura t-trasparenza u tippermetti t-tqabbil transkonfinali ta’ prodotti simili; iqis li din is-sistema għandha tiġi stabbilita bil-koperazzjoni mill-qrib mal-Eurostat u mal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika kif ukoll għandha taħdem man-netwerk taċ-Ċentri tal-Konsumaturi Ewropej (ECC); jiġbed ukoll l-attenzjoni għall-prinċipju li l-ispejjeż u l-piżijiet addizzjonali għandhom jinżammu f’limiti raġonevoli;

31. Jitlob lill-Kummissjoni twaqqaf qafas legali Komunitarju li jinkludi, fost miżuri oħra, ir-reviżjoni fil-fond tad-Direttiva 2000/35/KE, u li jiffavorixxi relazzjonijiet bilanċjati bejn id-diversi aġenti tal-katina tal-ikel, filwaqt li tiġi evitata kull prattika abbużiva u bil-promozzjoni tat-tqassim iktar ġust tal-marġni kummerċjali;

32. Jistieden lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fil-livell nazzjonali u f’dak Ewropew biex jinvestigaw u jevalwaw il-prezzijiet għall-konsumatur fl-UE kollha sabiex jiġi żgurat li r-regoli tal-kompetizzjoni qegħdin ikunu osservati u tiġi determinata r-responsabiltà tad-diversi operaturi li jiffurmaw il-katina tal-valur; jenfasizza l-fatt li ċ-ċaqliq ’l isfel fil-prezzijiet għandu jiġi trażmess lill-konsumaturi mingħajr dewmien, waqt li l-produtturi għandhom jibbenefikaw miż-żidiet aktar malajr;

33. Jistqarr li tista' tinkiseb trasparenza akbar fl-istruttura tal-prezz permezz tal-ħolqien ta' bażi tad-data għall-Ewropa kollha li tkun aċċessibbli faċilment għaċ-ċittadini, u li tinkludi prezzijiet ta' referenza għal prodotti u provvisti kif ukoll informazzjoni dwar spejjeż tal-enerġija, remunerazzjonijiet, krejja, ħlasijiet u taxxi fl-Ewropa kollha; jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal pjanijiet għal sistema elettronika bħal din, li tkun ibbażata fuq mudelli nazzjonali eżistenti, bħall-observatoires des prix Franċiżi; iqis ukoll li jkun neċessarju li jinħoloq osservatorju internazzjonali, bil-koperazzjoni tal-FAO, tal-prezzijiet ta' prodotti, input u ikel agrikoli sabiex din id-data tkun tista' tiġi mmonitorjata fil-livell internazzjonali;

34. jistieden lil dawk kollha involuti fil-katina tal-produzzjoni u dik tad- distribuzzjoni biex flimkien ifasslu l-aħjar prattiki jew għamla ta’ “tabelli tal-progress” bl-għan li tiġi promossa t-trasparenza tal-prezzijiet fil-qasam tal-prodotti agrikoli;

35. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jipprovdu riċerka u analiżi dettaljati fit-trażmissjoni tal-prezzijiet u l-marġnijiet li japplikaw bejn il-prezz li joħroġ mill-farms u dak finali għall-konsumatur kif ukoll analiżi tal-qagħda u tal-għadd ta’ supermarkits u tal-ammont tal-prodotti li jbigħu kif ukoll tal-ispejjeż speċifiċi li jonfqu fuq il-loġistika u l-enerġija; jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jeżaminaw jekk il-kriterji biex tad-determinazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti f’suq għadhomx adegwati meta wieħed iqis l-iżviluppi fis-suq bl-imnut; jitlob biex tinħatar task force tal-Kummissjoni fil-katina tal-provvista tal-ikel, li taħdem flimkien mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali;

36. Josserva li waħda mill-kawżi tad-differenzi tal-prezzijiet fil-bidu u fl-aħħar huwa l-iżbilanċ fil-katina tal-ikel u li minkejja dan, l-UE m’għandhiex biżżejjed miżuri għall-promozzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi permezz ta’ koperattivi jew organizzazzjonijiet oħra biex jippromwovu l-konċentrazzjoni tal-provvista; jitlob lill-Kummissjoni biex twaqqaf miżuri, kemm fi ħdan il-CAP kif ukoll f’politiki Ewropej oħra, għall-promozzjoni tal-organizzazzjonijiet imsemmija, li tissarraf f’aktar organizzazzjoni tas-suq u f’żieda tal-poter negozjattiv tal-produtturi fil-konfront tal-bqija tal-ħoloq tal-katina tal-ikel;

37. Jipproponi li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali, li għandhom rwol wiesa' fil-leġiżlazzjoni Komunitarja rigward il-monitoraġġ tal-kompetizzjoni fil-fażijiet kollha tal-katina tal-provvista tal-ikel, isaħħu l-koperazzjoni taħt il-koordinazzjoni tal-Kummissjoni, permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, dwar il-monitoraġġ tal-ispejjeż tal-produzzjoni u l-kummerċ, sabiex ikun iggarantit li s-suq intern jaħdem kif suppost;

38. Iqis li, peress li l-bejgħ bl-imnut jiġi influwenzat fuq kollox minn karatteristiċi legali, ekonomiċi, politiċi u kulturali nazzjonali, ikun xieraq li fil-qafas tan-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni (ECN) isiru aktar skambju ta’ informazzjoni u, fejn ikun xieraq, investigazzjoni koordinata bejn l-Istati Membri fuq prattiki antikompetittivi minn intrapriżi li joperaw f’livell Interkomunitarju;

39. Jitlob li fil-qafas tal-Istrateġija ta’ Liżbona jiġu appoġġjati l-pjani nazzjonali favur it-tnaqqis jew it-tneħħija ta’ interventi regolatorji mhux ġustifikati fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, li jillimitaw il-kompetizzjoni u l-funzjonalità tal-katina tal-provvista tal-ikel għad-detriment tal-konsumaturi;

40. Iqis li wieħed għandu jibbenifika, f’livell kemm nazzjonali u kemm Komunitarju, mill-programm tal-applikazzjoni tal-klemenza, sabiex l-awtoritajiet risponsabbli għal-Kompetizzjoni jkunu jistgħu jsiru jafu b’ aktar prattiki antikompetittivi fil-katina tal-provvista tal-ikel;

41. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li barra r-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji jeżistu ħafna politiki oħrajn f’livell Ewropew li jirregolaw in-negozju bl-imnut u li fost oħrajn jinkludu l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-suq intern u l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-konsumatur; jisħaq fuq il-fatt li dawn il-politiki kollha għandhom ikunu konsistenti ma’ xulxin u jiġu kkoordinati b’mod ċentrali f’livell Ewropew, bl-għan li jintlaħqu l-aħjar riżultati possibbli fir-rigward tal-prezzijiet għall-konsumaturi; ·

42. Jenfasizza l-fatt li r-reazzjonijiet għall-kriżi tal-ikel attwali għandhom isiru wkoll fil-livell internazzjonali; jitlob għall-ħolqien ta' netwerk internazzjonali madwar l-FAO biex ikun iggarantit li jkun hemm ħażniet tal-ikel biżżejjed fid-dinja kollha;

43. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehima mad-WTO li tħalli spazju suffiċjenti lis-settur agrikolu biex ikun jista’ jikkompeti mal-pajjiżi terzi; iqis li l-inklużjoni ta’ tħassib mhux kummerċjali hawnhekk hija ta’ importanza kritika sabiex jinżammu u jitħarsu l-istandards ta’ produzzjoni Ewropej;

44. Jitlob biex jitwaqqfu ħażniet u riżervi ta’ kriżi fil-livell Komunitarju, b’mod simili għall-prodotti tal-żejt;

45. Jitlob l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi għal kontra l-ispekulazzjoni osservata fis-swieq finanzjarji fil-prodotti agrikoli u l-istrumenti finanzjarji bbażati fuq dawn il-prodotti; jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li teżamina liema miżuri jistgħu jittieħdu li jikkontribwixxu għat-tnaqqis fl-instabiltà tal-prezzijiet fis-swieq tal-prodotti agrikoli;

46. Jitlob għal miżuri ta' appoġġ għall-koperazzjoni bejn il-produtturi agrikoli żgħar sabiex ikunu jistgħu jikkompetu ma' produtturi, proċessuri u bejjiegħa akbar minnhom; iqis li l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea jeħtiġilhom jiggarantixxu l-eżistenza ta' forom differenti ta' kummerċ u jevitaw il-liberalizzazzjoni totali tas-suq tal-ikel, li twassal għal konċentrazzjoni akbar; jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi Green Paper dwar it-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, kunċetti effiċjenti b’rabta mal-katina kollha kemm hi u l-kwistjoni tas-saħħa tas-suq tal-bejjiegħa l-kbar;

47. Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-monitoraġġ tal-importazzjoni ta’ prodotti tal-ikel, b’mod partikulari fir-rigward tal-osservazzjoni tal-istandards iġjeniċi u ambjentali Ewropej, sabiex il-konsumaturi tal-UE ma jiġux esposti għal riskji akbar minħabba l-prodotti importati;

48. Iqis li jeħtieġ titħeġġeġ konċentrazzjoni ikbar tal-provvista agrikola permezz tal-appoġġ tad-diversi ftehimiet ġuridiċi assoċjativi, bl-għan li jinkiseb bilanċ mill-ġdid bejn l-influwenzi fil-katina tal-ikel, jingħata valur miżjud lill-produzzjoni tal-bdiewa, u jiżdied il-poter negozjattiv fil-konfront tal-bqija tal-aġenti kummerċjali;

49. Jitlob li jerġa’ jiddaħħal Servizz ta' Konsultazzjoni Ewropew għall-Produtturi tal-Ikel li jagħti pariri lill-bdiewa u lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi dwar it-tqassim tal-prodotti, is-suq tal-bejgħ bl-imnut u l-opportunitajiet għall-produzzjoni ta' prodotti speċifiċi;

50. Jitlob għall-ħolqien ta' linja tat-telefon diretta għall-konsumaturi u l-produtturi agrikoli, biex ikunu jistgħu jirrappurtaw każijiet ta' abbuż u biex ikunu jistgħu jieħdu tagħrif dwar it-tqabbil ta' prodotti u prezzijiet fl-UE kollha; iqis li din għandha tiġi stabbilita u għandha taħdem maċ-Ċentri tal-Konsumaturi Ewropej nazzjonali;

51. Jilqa' b'sodisafzzjon id-dħul tat-Tabella tas-Suq għall-Konsumatur bħala għodda biex isir monitoraġġ aħjar tas-suq intern u biex jingħata aktar tagħrif lill-konsumatur;

52. Huwa mħasseb dwar l-influwenza tal-intermedjarji fil-prezz aħħari għall-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi analiżi dwar il-katina tal-provvista sabiex isir magħruf aħjar ir-rwol ta’ kull operatur fi ħdan il-katina fil-proċess għall-kalkolu tal-prezzijiet;

Biex il-produttur joqrob lejn il-konsumatur

53. Jitlob l-introduzzjoni ta' politiki li jħeġġu l-kuntatt aktar wiesa' u dirett bejn il-produtturi u l-konsumaturi, bħall-Programm għat-Tqassim tal-Frott fl-Iskejjel li ġie adottat reċentement, minħabba li dan jista' jagħti lill-produtturi sehem aktar rilevanti fis-suq, filwaqt li l-konsumaturi jkollhom għażla ta' prodotti aħjar u aktar wiesgħa; fost dawn il-politiki ta’ min isemmi pereżempju l-ħolqien u l-promozzjoni ta’ possibiltajiet għall-kummerċjalizzazzjoni diretta tal-prodotti mill-produtturi stess;

54. Jitlob lill-Kummissjoni tieħu azzjoni li tiffaċilita l-għaqda u l-koperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, bħall-koperattivi, sabiex jiġu evitati l-piżijiet burokratiċi u żvantaġġi oħra, bl-għan li tiżdied id-dimensjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi biex jadattaw ruħhom għall-kundizzjonijiet tal-provvista li jeħtieġ is-suq globalizzat;

55. Iqis li huwa ta’ importanza kbira, biex tinġib klima ta’ fiduċja fis-sistema, li jingħata tagħrif aktar wiesa’ u aħjar għall-konsumaturi u għandhom isiru l-isforzi kollha biex il-konsumatur jiġi edukat, mgħarraf tajjeb u fornut b’informazzjoni newtrali;

56. Jitlob li fit-tagħrif għall-konsumatur issir enfasi speċjali fuq l-isforzi li twettqu mill-produtturi Komunitarji biex jitħarsu r-regoli tal-Komunità fil-qasam ambjentali, tas-sigurtà tal-ikel u tal-benessri tal-annimali;

57. Jisħaq dwar il-fatt li l-politika tal-ħarsien tal-konsumatur tinkludi mhix biss il-prezzijiet, imma wkoll il-garanzija ta’ varjetà u kwalità tal-ikel; għal din ir-raġuni jipproponi investigazzjoni mill-Kummissjoni dwar taħt liema kundizzjonijiet il-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel, b’mod partikolari ħolqa tal-bejgħ, jippreżenta fenomeni ta’ tnaqqis fil-kwalità u l-varjetà tal-prodotti;

58. Jinnota l-valur miżjud tal-ħwienet lokali li jbigħu bl-imnut, li jagħtu kontribut importanti sabiex jonqos id-distakk bejn il-produtturi u l-konsumaturi, u wkoll biex titjieb l-kwalità tal-ħajja fiz-zoni rurali bil-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ xogħol u t-tisħiħ tar-rabtiet soċjali eżistenti;

59. Iqis li għandha ssir promozzjoni mifruxa dwar l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda u l-internet; jenfasizza li t-teknoloġiji l-ġodda jistgħu jintużaw biex jagħtu aktar tagħrif dwar il-post, il-prezz u l-karatteristiċi tal-varjetatjiet ta' prodotti differenti; jemmen li dan jista' jgħin id-domanda ta' swieq aktar speċifiċi u joffri għażla akbar lill-konsumatur; hu favur l-użu tal-fondi għall-iżvilupp rurali Ewropew, tal-kompetittività u ta' koeżjoni biex il-produttur ikollu aċċess eħfef għas-suq permezz tat-teknoloġija moderna u l-internet;

60. Jitlob biex jitwaqqfu miżuri li jagħtu aktar impetu lill-kunċett ta' "ikel lokali", b’mod partikulari miżuri li jħeġġu l-bejgħ u joffru tagħrif lill-konsumaturi fuq il-karatteristiċi partikulari ta’ dawk il-prodotti u l-effetti pożittivi relatati kemm fuq is-saħħau kemm f’livell ekonomiku, kif ukoll għal appoġġ għas-swieq u l-metodi tal-kummerċjalizzazzjoni tradizzjonali, li permezz tagħhom il-produtturi jiltaqgħu direttament mal-konsumaturi;

61. Jitlob li l-oqsma bijoloġiċi jkunu appoġġjati aktar mill-Unjoni u mill-Istati Membri; barra minn hekk, jitlob li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal prodotti ta’ kwalità bi prezzijiet raġonevoli, u dan, permezz ta’ politika ta’ inċentivi finanzjarji ambizzjuża mmirata għal din it-tip ta’ produzzjoni agrikola;

62. Iħeġġeġ it-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn il-produtturi permezz tal-format tradizzjonali tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew bid-dħul ta’ forom ġodda ta’ koperazzjoni fl-operat tas-swieq ta’ bdiewa;

63. Jitlob aktar promozzjoni biex toħroġ id-differenza fil-prodotti agrikoli bħala kunċett ta' kummerċjalizzazzjoni, li jħalli l-wisa' għal prezzijiet differenti, skont il-kwalità;

64. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li s-saħħa tan-negozjar tal-produtturi tal-ikel għad-detriment tal-bejjiegħa bl-imnut, bħala riżultat tal-marka (brand-name) qawwija jew id-diversifikazzjoni tal-prodott, fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq dwar il-Prezzijiet tal-Ikel fl-Ewropa, kisbet tifsira sproporzjonatament negattiva meta mqabbla ma’ fatturi wisq aktar importanti, bħal pereżempju n-nuqqas ta’ kompetizzjoni jew il-prattiki oligopolistiċi/monopolistiċi; huwa tal-fehma li l-ħolqien ta’ marka b’saħħitha jew id-diversifikazzjoni, u huma prattiki aċċettabbli, bl-eċċezzjoni tal-abbuż tal-pożizzjoni li tista’ tirriżilta minnhom u li tikkostitwixxi prattika inġusta;

65. Jitlob it-tisħiħ u r-razzjonalizzazzjoni tal-politiki tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħarsien tal-indikazzjonijiet tal-oriġini u tar-reġjuni ġeografiċi kif ukoll ta' ċertifikazzjonijiet oħra, li joħorġu d-differenza bejn il-prodotti agrikoli; f'dan ir-rigward jilqa' b'sodisfazzjon id-dibattitu mniedi bil-ħruġ tal-Green Paper fil-15 ta' Ottubru dwar il-Kwalità tal-Prodott Agrikolu;

66. Iqis neċessarju li l-possibilità ta' tikketta speċjali fuq il-prodotti agrikoli Ewropej tiġi studjata aktar fil-fond, fuq il-bażi ta' mudelli eżistenti; iqis li din it-tikketta għandha tiggarantixxi li qegħdin ikunu osservati l-istandards tal-UE tal-produzzjoni, bħal pereżempju fir-rigward tat-trattament ġust tal-parteċipanti fis-swieq matul il-katina tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni kollha kemm hi; iqis ukoll li tali tiketta tħeġġeġ lill-konsumaturi biex jikkunsmaw aktar prodotti Komunitarji u b’hekk jissaħħu l-produtturi tal-Komunità;

67. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tevalwa l-ispejjeż li jerfgħu l-produtturi biex jissodisfaw ir-regoli Komunitarji dwar it- transkonformità kif ukoll biex tara kemm dawn ivarjaw bejn l-Istati Membri, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu lidawn ir-regoli huma aktar stretti minn dawk applikabbli għall-prodotti importati;

o

o       o

68. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

Testi adottati, P6_TA(2008)0054.

(2)

NAT/262 “Is-settur kbir tal-bejgħ – tendenzi u impatti fuq il-bdiewa u l-konsumaturi”, OPINJONI tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, 7 ta' April, 2005

(3)

Green Paper dwar ir-Restrizzjonijiet Vertikali fil-Politika tal-Kompetizzjoni tal-KE" COM (96) 721 finali, 22 ta' Jannar 1997

(4)

ĠU C 263E, 16.10.2008, p.621


NOTA SPJEGATTIVA

Il-kwistjoni tad-differenza bejn il-prezzijiet tal-produttur u l-konsumatur waslet f'punt li fih hu mistenni li tittieħed azzjoni mill-istituzzjonijiet Ewropej. Bil-kriżi fis-sigurtà tal-ikel ta' bħalissa, ġew identifikati differenzi kbar fil-prezzijiet fl-Ewropa kollha, mhux biss f'termini assoluti imma wkoll għal dik li hi d-differenza bejn il-prezzijiet għall-konsumatur u għall-produttur, filwaqt li ġew innutati varjazzjonijiet sinifikanti fost is-setturi.

L-Ewropa u d-dinja dan l-aħħar għaddew minn qabża 'l fuq sinifikanti fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli u tal-ikel, b'effetti ambigwi fuq is-settur tal-agrikoltura, b'uħud jaqilgħu miż-żieda fil-prezzijiet, filwaqt li oħrajn - l-aktar dawk fis-settur tal-ipproċessar tal-ikel - daħlu fi spejjeż ħafna akbar. Il-kriżi kellha impatt negattiv fuq il-konsumaturi, b'żieda ġenerali fl-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel f'bosta Stati Membri tal-UE. Dan effettwa l-aktar lill-familji bi dħul baxx, fejn l-akbar proporzjon tal-ispiża tmur għall-ikel, iżda ġew effettwati wkoll bosta impriżi tal-ipproċessar tal-ikel żgħar u ta' daqs medju.

Kemm minħabba sensiela ta' fatturi strutturali, imma l-aktar minħabba d-difetti fis-suq tal-ikel, ġiet irreġistrata differenza bejn il-prezzijiet għall-produttur u għall-konsumatur li kulma tmur kompliet tikber.

Fost il-fatturi li jinfluwenzaw il-mekkaniżmu tat-trażmissjoni tal-prezzijiet u d-differenza bejn il-prezzijiet għall-produtturi u għall-konsumaturi, ir-rapporteur identifikat l-imġiba tal-bejjiegħa fis-swieq, il-parteċipazzjoni aktar qawwija tal-intermedjarji, l-ispekulazzjoni fuq l-ikel bħala prodott, il-proporzjon akbar tal-ispejjeż mhux agrikoli (l-aktar l-enerġija u x-xogħol), l-oqfsa leġiżlattivi u regolatorji nazzjonali, imma wkoll fatturi li jmorru 'l hinn mill-isrumenti tal-politiki, bħan-natura deterjorabbli tal-prodott, il-grad tal-immaniġġjar tal-prodott, il-ħażna u l-ipproċessar jew il-preferenzi tax-xiri tal-konsumatur.

Fattur kostanti fl-investigazzjoni tar-rapporteur dwar il-kwistjoni kien il-grad tal-konċentrazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni u t-tqassim tal-ikel. Bosta studji wrew li f'dawk l-Istati Membri fejn instabet l-ogħla konċentrazzjoni tas-suq, hemm differenza akbar bejn il-prezzijiet għall-produttur u dawk għall-konsumatur.

Fl-aħħar għaxar snin, il-bejjiegħa l-kbar spiċċaw biex iddominaw is-swieq Ewropej tal-ikel. Pereżempju, il-grad ta' konċentrazzjoni kiber minn medja ta' 21.7% fl-1993 għal waħda ta' aktar minn 70% llum fl-Ewropa tal-15. Hemm provi li juru li s-supermarkits il-kbar qegħdin jabbużaw mill-poter tagħhom tax-xiri biex ibaxxu l-prezzijiet lill-fornituri (kemm dawk ibbażati fl-UE kif ukoll dawk barra minnha) għal livelli insostenibbli u biex jimponu fuqhom kundizzjonijiet inġusti. Il-bejjiegħa l-kbar kull ma jmorru qegħdin isiru "l-għassiesa" tas-settur, u qegħdin jikkontrollaw l-uniku aċċess li għandhom il-bdiewa u fornituri oħra għall-konsumaturi tal-UE.

Fl-istess waqt, il-prezz aħħari għall-konsumatur fl-Ewropa jinsab bejn darba u ħames darbiet dak kif joħroġ mill-farms. Il-bdiewa fl-Ewropa kienu jieħdu bejn wieħed u ieħor nofs il-prezz bl-imnut tal-ikel ħamsin sena ilu. Illum dak il-proporzjon niżel għal perċentwalijiet ħafna aktar baxxi, bħal 7% fir-Renju Unit u 18% fi Franza minn ras għal ras. Fil-każ tal-ħobż, il-firxa tal-prezzijiet bl-imnut tista' tkun sa 30 darba l-prezz kif joħroġ mill-farms, bil-bdiewa jieħdu, b'mod ġenerali, madwar 8% tal-prezz aħħari.

Madankollu, irridu ninnutaw li jkun hemm ċaqliq fil-prezzijiet aktar sikwit u f'aktar wisa' fil-livell tal-produttur agrikolu primarju milli fil-livell tal-konsumatur, l-aktar minħabba li jidħlu bosta fatturi tal-produzzjoni fil-prezz aħħari għall-konsumatur, il-possibilità tal-ħażna, l-istrateġiji tal-produzzjoni u tas-swieq fil-livelli tal-ipproċessar jew tal-bejgħ, u li lkoll jippermettu li l-aħħar bejjiegħ ikollu flessibilità akbar.

Meta wieħed iqis dawn il-fatturi kollha, ir-rapporteur temmen li huwa fl-interess tal-pubbliku Ewropew li jinżamm livell xieraq tal-prezzijiet u li tiġi ggarantita l-kompetizzjoni ġusta, b'mod speċjali rigward il-prodotti strateġiċi bħal dawk agrikoli u tal-ikel. L-Ewropa għandha tipprovdi lill-konsumaturi b'ikel bi prezzijiet raġonevoli u lill-bdiewa bi dħul stabbli. Fl-istess waqt, il-bdiewa għandhom jitħallsu prezzijiet raġonevoli biex ikunu jistgħu jiggarantixxu provvista kontinwa ta' ikel ta' kwalità tajba, prodott skont kundizzjonijiet ambjentali u ta' sikurezza Ewropej.

DIFETTI FIS-SUQ TAL-IKEL

Ir-rapport fih lista ta' nuqqasijiet li ġew identifikati fis-settur tal-kummerċjalizzazzjoni u t-tqassim tal-ikel. Jibda mir-rikonoxximent tal-fatt li f'dawk l-Istati Membri fejn instabet l-ogħla konċentrazzjoni tas-suq, hemm differenza akbar bejn il-prezzijiet għall-produttur u dawk għall-konsumatur.

Ir-rapporteur identifikat sensiela ta' prattiki tas-suq komuni li jgħawġu l-kompetizzjoni libera fis-settur tal-ikel u jikkontribwixxu biex tikber id-differenza bejn il-qligħ tal-bejjiegħa u tal-bdiewa. Każijiet ta' bejgħ ta' prodotti bi prezz orħos milli mixtrija, theddid li jitneħħew mill-istokk, taxxi speċjali tas-supermarkits biex ċerti marki ta' prodotti jitqiegħdu fuq l-ixkafef, spejjeż biex prodotti jiġu stokkjati, perkaċċi biex prodotti jidhru fuq l-ixkafef, skontijiet b'lura fuq prodotti diġà mibjugħa jew kontribuzzjonijiet għolja mhux ġustifikati għal spejjeż ta' promozzjoni min-naħa tal-bejjiegħ kif ukoll l-insistenza għal provvista esklużiva huma kollha msemmijin fir-rapport. Ir-rapporteur qiegħed jitlob li tittieħed azzjoni koordinata Ewropea u nazzjonali għal dawn il-prattiki, kif ukoll miżuri speċifiċi kontrihom.

Barra minn hekk, ir-rapport jisħaq fuq l-effetti li l-konċentrazzjoni u l-gwerer tal-prezzijiet fost il-bejjiegħa l-kbar għandhom fuq l-impjiegi fis-setturi agrikoli u tal-produzzjoni, permezz tal-kompetizzjoni iebsa biex jorħsu l-prezzijiet u t-tnaqqis fl-ispejjeż tax-xogħol jew it-tneħħija tar-regolamenti dwar il-ħinijiet tal-ftuħ jew ix-xogħol fi tmiem il-ġimgħa. Instab ukoll li l-kompetizzjoni aggressiva tal-prezzijiet wasslet għal kwalità tal-prodott aktar fqira, bi prodotti li jkollhom anqas valur nutrittiv, kif ukoll għal tħarbit fil-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix staġonali.

Filwaqt li jista' jkun li l-konċentrazzjoni tas-suq tista' twassal għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-ikel, jista' jkun hemm ukoll effetti negattivi għal żmien medju u fit-tul billi ssir ħsara lill-kompetizzjoni libera u billi n-negozji ż-żgħar kif ukoll il-produtturi diretti jitkeċċew 'il barra mis-suq. Għalhekk, ir-rapporteur tisħaq fuq il-fatt li ħafna SMEs fis-settur tal-ikel huma vulnerabbli ferm, b'mod speċjali, jekk jiddependu ħafna minn stabbiliment tal-bejgħ kbir wieħed. Dan minħabba li l-bejjiegħa sikwit iħaddmu kompetizzjoni abbużiva fil-prezzijiet bejn bosta fornituri żgħar li, biex jibqgħu fin-negozju, ikollhom inaqqsu l-ispejjeż u l-marġni tal-qligħ.

Barra minn hekk, fil-kuntest tar-riforma tal-CAP u, b'mod partikulari, tas-separazzjoni (decoupling), id-deċiżjonijiet tal-bdiewa dwar x'għandhom jipproduċu se tkun influwenzata iktar mis-sinjali li jiġu mis-settur tal-bejgħ għal dawk li huma prezzijiet u domanda.

Fl-aħħar nett, ir-rapport jittratta wkoll dwar il-kwistjoni tal-ispekulazzjoni bl-ikel bħala prodott negozjabbli, li kulma tmur qiegħda tikber. Il-Kummissjoni Ewropea hija mistiedna tiftaħ investigazzjoni fuq l-ispekulazzjoni bl-ikel; barra minn hekk, ir-rapporteur tixtieq tara li jitressqu miżuri effikaċi mill-Grupp ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar il-Kompetittività tal-industrija agrikola tal-ikel, sabiex jinstab tarf tal-iżbilanċi fis-suq tal-ikel.

IR-RISPONSI TAL-EWROPA

Ir-rapporteur qiegħda tipproponi sett doppju ta' miżuri li jistgħu jittieħdu mill-istituzzjonijiet Ewropej: wieħed li jirreaġixxi għad-difetti tass-suq imsemmija hawn fuq u l-ieħor ta' miżuri mfassla biex jiġu promossi b'mod proattiv ir-relazzjonijiet diretti bejn il-konsumatur u l-produttur.

Ir-rispons reattiv Ewropew

Ir-rispons reattiv Ewropew jikkonsisti minn miżuri mfassla biex tinkiseb aktar trasparenza, biex ikun hemm regolamentazzjoni aħjar tas-suq kif ukoll sistema ta' monitoraġġ tan-nefqa u l-prezz b'mod aktar effikaċi.

Sabiex ikun hemm trasparenza akbar tal-istruttura tal-prezzijiet u tal-marġni tal-qligħ tal-bejjiegħa, il-proċessuri u l-produttri ewlenin, ir-rapporteur qiegħda tistieden lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni eżistenti fil-livell nazzjonali u Ewropew sabiex jinvestigaw u jevalwaw il-prezzijiet għall-konsumatur fl-Ewropa kollha sabiex jiġi żgurat li l-kompetizzjoni qiegħda tkun osservata biżżejjed fil-Komunità kollha. Fost il-miżuri konkreti li ġew proposti għal dan il-għan, insibu:

· Bażi tad-data għall-Ewropa kollha li tkun aċċessibbli b'mod faċli għaċ-ċittadini, b'listi ta' prezzijiet ta' referenza tal-prodotti fl-Ewropa kollha;

· Task force tal-Kummissjoni fil-katina tal-provvista tal-ikel, li taħdem flimkien mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali;

· Il-Kummissjoni Ewropea għandha tniedi Green Paper fuq il-kwistjoni tas-saħħa tax-xiri tal-bejjiegħa l-kbar;

· Li l-konsumatur ikun mgħarraf aħjar u li jsiru sforzi biex il-konsumatur jiġi edukat u mgħarraf tajjeb;

· Servizz ta' Konsultazzjoni Ewropew għall-Produtturi tal-Ikel li jagħti pariri lill-bdiewa u lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi dwar it-tqassim tal-prodotti, is-suq tal-bejgħ bl-imnut u l-opportunitajiet għall-produzzjoni ta' prodotti speċifiċi;

· It-tisħiħ tas-sehem taċ-Ċentri tal-Konsumaturi Ewropej li jeżistu diġà fi kważi l-Istati Membri kollha; in-netwerk tal-ECC għandu jingħatalu aktar setgħat, kif ukoll baġit li jkun aktar konsistenti mal-azzjonijiet tiegħu;

· Linja tat-telefon diretta għall-konsumaturi u l-produtturi agrikoli, biex ikunu jistgħu jirrappurtaw każijiet ta' abbuż u biex ikunu jistgħu jieħdu tagħrif dwar it-tqabbil ta' prodotti u prezzijiet fl-UE kollha tista' tkun disponibbli, sabiex titwaqqaf u taħdem maċ-Ċentri tal-Konsumaturi;

· Jilqa' b'sodisfazzjon l-introduzzjoni tat-Tabella tas-Suq għall-Konsumatur;

· It-twaqqif, bil-koperazzjoni mal-FAO, ta' osservatorju internazzjonali tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli, tal-prezzijiet tal-input u tal-prezzijiet tal-ikel sabiex ikun hemm monitoraġġ aħjar ta' din id-data;

Rigward l-isforzi biex isir monitoraġġ aħjar, ir-rapporteur tixtieq li jkun hemm Sistema Ewropea effiċjenti ta' monitoraġġ tas-suq, li tkun tista' tirreġistra x-xejriet tal-prezzijiet u l-ispejjeż tal-inputs. Din is-sistema għandha tiggarantixxi t-trasparenza u tippermetti tqabbil bejn prodotti simili u għandha tiġi stabbilita bil-koperazzjoni mill-qrib mal-Eurostat, kif ukoll taħdem mill-qrib man-netwerk taċ-Ċentri tal-Konsumaturi Ewropej (ECC).

Fl-aħħar nett, ir-rapporteur tistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tniedi analiżi u tippromwovi miżuri li jnaqqsu s-sehem tal-intermedjarji fil-kalkolu tal-prezzijiet u biex jitjieb l-aċċess dirett tal-bdiewa Ewropej għa-suq.

Ir-rispons proattiv Ewropew

Dak li jitfisser b'rispons proattiv Ewropew hu sett ta' miżuri mfassla biex iħaffu l-aċċess dirett u l-kuntatt bejn il-produttur agrikolu u l-konsumatur. Ir-rapporteur temmen li dan jista' joffri sehem akbar lill-produtturi fis-suq, billi jitneħħa l-poter tal-intermedjarji u l-bejjiegħa l-kbar, filwaqt li fl-istess ħin il-konsumaturi jkollhom għażla aħjar u aktar wiesgħa ta' prodotti.

Fost il-miżuri proposti, l-użu tat-teknoloġiji ġodda u l-internet huwa fost l-aktar importanti. Ir-rapporteur temmen li t-teknoloġiji l-ġodda jistgħu jintużaw biex jagħtu aktar tagħrif dwar il-post, il-prezz u l-karatteristiċi tal-varjetatjiet differenti ta' prodotti agrikoli u tal-ikel. Għal dan il-għan, ir-rapporteur tipproponi li l-fondi tal-programmi għall-iżvilupp rurali, iżda wkoll il-kompetittività u l-fondi ta' koeżjoni għandhom ikunu disponibbli sabiex il-produttur ikollu aċċess eħfef għas-suq bis-saħħa tat-teknoloġija moderna u l-internet.

Barra minn hekk, ir-rapporteur qiegħda titlob biex jitwaqqfu miżuri li jagħtu aktar impetu lill-kunċett ta' "ikel lokali", kif ukoll għal appoġġ akbar għas-swieq tal-ikel tradizzjonali. Jeħtieġ li jissaħħu l-politiki tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħarsien tal-indikazzjonijiet tal-oriġini u tar-reġjuni ġeografiċi kif ukoll ta' ċertifikazzjonijiet oħra. F'dan ir-rigward, ir-rapporteur issellem lid-dibattitu li fetaħ fil-15 ta' Ottubru bis-saħħa tal-ħruġ tal-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-Kwalità tal-Ikel. Fl-aħħar imma mhux l-inqas, qiegħda tiġi proposta tikketta speċjali għall-prodotti agrikoli Ewropej, ibbażata fuq il-mudell tal-prodotti tal-kummerċ ġust; din it-tikketta għandha tiggarantixxi t-trattament ġust matul il-katina tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni kollha kemm hi.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.2.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Vincenzo Aita, Niels Busk, Luis Manuel Capoulas Santos, Giovanna Corda, Albert Deß, Constantin Dumitriu, Michl Ebner, Carmen Fraga Estévez, Lutz Goepel, Friedrich-Wilhelm Graefe zu Baringdorf, Esther Herranz García, Lily Jacobs, Elisabeth Jeggle, Heinz Kindermann, Vincenzo Lavarra, Stéphane Le Foll, Véronique Mathieu, Mairead McGuinness, Rosa Miguélez Ramos, James Nicholson, María Isabel Salinas García, Sebastiano Sanzarello, Agnes Schierhuber, Willem Schuth, Czesław Adam Siekierski, Alyn Smith, Petya Stavreva, Donato Tommaso Veraldi

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Katerina Batzeli, Esther De Lange, Ilda Figueiredo, Béla Glattfelder, Wiesław Stefan Kuc, Roselyne Lefrançois, Astrid Lulling, Catherine Neris, Maria Petre, Markus Pieper, Struan Stevenson

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Hélène Goudin, Mieczysław Edmund Janowski, Ewa Tomaszewska

Avviż legali - Politika tal-privatezza