Proċedura : 2005/0240(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0101/2009

Testi mressqa :

A6-0101/2009

Dibattiti :

PV 10/03/2009 - 12
CRE 10/03/2009 - 12

Votazzjonijiet :

PV 11/03/2009 - 5.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0109

RAPPORT     ***III
PDF 165kWORD 115k
25.2.2009
PE 418.356v01-00 A6-0101/2009

dwar it-test konġunt, approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ inċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u li temenda d-Direttivi 1999/35/KE u 2002/59/KE

(PE-CONS 3723/2008 – C6‑0046/2009 – 2005/0240(COD))

Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-Kumitat ta' Konċiljazzjoni

'Chairman' tad-delegazzjoni: Rodi Kratsa-Tsagaropoulou

Rapporteur: Jaromír Kohlíček

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 PROĊEDURA

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-test konġunt, approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ inċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u li temenda d-Direttivi 1999/35/KE u 2002/59/KE

(PE-CONS 3723/2008 – C6‑0046/2009 – 2005/0240(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: it-tielet qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni (PE-CONS 3723/2008 – C6‑0046/2009),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(1) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2005)0590),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fit-tieni qari(2) dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill(3),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-emendi tal-Parlament għall-pożizzjoni komuni (COM(2008)0827)(4),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(5) tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 65 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tad-delegazzjoni tiegħu għall-Kumitat ta' Konċiljazzjoni (A6-0101/2009),

1.  Japprova t-test konġunt;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 254(1) tat-Trattat KE;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu sabiex jiffirma l-att wara li jkun ivverifika li l-proċeduri ntemmu kif imiss u sabiex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 74E, 20.03.2008, p. 546.

(2)

Testi adottati, 24.9.2008, P6_TA(2008)0444.

(3)

ĠU C 184 E, 22.7.2008, p. 23.

(4)

Għadha mhux ippubblikata fil-ĠU.


NOTA SPJEGATTIVA

I. Sfond

I.1 It-Tielet Pakkett Marittimu

It-Tielet Pakkett Marittimu (magħruf ukoll bħala l-Pakkett Erika III) kien propost mill-Kummissjoni fi tmiem l-2005. Dan il-pakkett kien is-segwitu tal-Pakketti Erika I u Erika II li kienu ġew ippreżentati wara l-inċident tal-Erika tal-1999 'il barra mill-kosta Atlantika Franċiża. Kien ukoll is-segwitu tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-21.04.2004 imfassla mill-Kumitat Temporanju dwar it-titjib tas-sikurezza fil-baħar (MARE) li twaqqaf wara l-inċident tal-Prestige fl-2002.

L-għan ġenerali tat-Tielet Pakkett Marittimu hu li jkompli jsaħħaħ il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar is-sikurezza u li jittrasponi strumenti prinċipali internazzjonali fil-liġi Komunitarja. Is-seba' proposti tiegħu għandhom l-għan li jevitaw l-inċidenti (billi jtejbu l-kwalità tal-bnadar Ewropej, jirrevedu l-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll statali tal-portijiet u s-sorveljanza tat-traffiku tal-bastimenti u billi jtejbu r-regoli dwar is-soċjetajiet ta' klassifikazzjoni) u jiżguraw rispons effettiv f'każ ta' inċident (billi jiżviluppaw qafas armonizzat għall-investigazzjoni tal-inċident, jintroduċu regoli dwar kumpens għall-passiġġieri f'każ ta' inċident u billi jintroduċu regoli dwar ir-responsabilità tas-sidien tal-bastiment flimkien ma' skema mandatorja tal-assigurazzjoni).

I.2 Din il-proposta

Il-proposta għal direttiva li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni tal-inċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u li temenda d-Direttivi 1999/35/KE u 2002/59/KE ġiet adottata mill-Kummissjoni fit-23.11.2005. Bħall-proposti l-oħra tat-Tielet Pakkett Marittimu, din tinkludi rakkomandazzjonijiet magħmula mill-MARE li kienet marbuta b'mod partikolari mal-progress bil-mod ħafna tal-investigazzjonijiet wara l-inċident tal-Prestige. L-għan fundamentali ta' din il-proposta huwa li jiġu stabbiliti linji gwida ċari u li jorbtu fil-livell tal-UE dwar kif jitwettqu investigazzjonijiet tekniċi fl-inċidenti fit-tbaħħir u jipprovdu rispons biex jiġu evitati l-inċidenti fil-futur. Għal dan il-għan, huwa jinkludi, per eżempju, id-dispożizzjonijiet dwar l-obbligu li jitwettqu investigazzjonijiet tekniċi wara l-inċidenti, l-istatus u l-metodi ta' investigazzjonijiet bħal dawn, ir-rappurtaġġ, bażi ta' data Ewropew dwar id-diżgrazzji marittimi u rakkomandazzjonijiet ta' sigurtà biex iservu bħala rispons biex jiġu evitati aktar inċidenti.

II. Il-proċedura leġiżlattiva qabel il-konċiljazzjoni

II. 1 It-Tielet Pakkett Marittimu fl-ewwel u t-tieni qari

Għall-Parlament il-Pakkett Marittimu kien dejjem jidher bħala pakkett sħiħ u għal din ir-raġuni il-fajls individwali tiegħu kienu dejjem ittrattati flimkien. L-ewwel qari dwar is-seba' proposti sar f'Marzu/April 2007. Il-Kunsill laħaq ftehimiet politiċi dwar sitta mit-tmin proposti (fajl minnhom kien maqsum f'direttiva u f'regolament) waqt il-laqgħat tiegħu f'Ġunju u f'Novembru 2007. Żewġ fajls (dwar l-obbligi tal-bandiera tal-istati u r-responsabilità ċivili), madankollu, baqgħu mblukkati minħabba li l-Istati Membri ma kinux lesti jadottaw din il-leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE. Tentattiv li sar f'April 2008 biex jiżblokka l-fajls ma kellux suċċess.

L-Istati Membri fittxew li jagħmlu pressjoni fuq il-Parlament biex ikompli l-proċedura leġiżlattiva tas-sitta billi jittrażmetti l-pożizzjonijiet komuni. Il-Parlament eventwalment qabel ma' dan il-metodu sabiex isir progress.

Wara t-tressiq tal-pożizzjonijiet komuni f'Ġunju 2008 il-Parlament madankollu kompla jagħmel pressjoni fuq il-Kunsill biex isir progress fiż-żewġ fajls li kien baqa' (magħrufa bħala "it-tnejn in-nieqsa"). Dan sar bl-inkorporazzjoni, permezz ta' emendi, tas-sustanza ta' dawn iż-żewġ fajls f'partijiet tal-fajls leġiżlattivi attivi tal-pakketti.

Negozjati paralleli dwar is-sitt fajls fit-tieni qari ma kellhomx suċċess. Id-destin "tat-tnejn in-nieqsa", kif ukoll diffikultajiet f'xi fajls, wasslu għal deċiżjoni li ma jintlaħaqx ftehim fit-tieni qari dwar l-ebda fajl. Fil-plenarja il-Parlament reġa' daħħal l-emendi tal-ewwel qari tiegħu fil-fajls kollha, kif ukoll l-emendi li kienu jinkorporaw "it-tnejn in-nieqsa". Is-sitt fajls sussegwentement marru għall-konċiljazzjoni.

II.2. Din il-proposta fl-ewwel u t-tieni qari

Fl-ewwel qari tiegħu l-Parlament kien adotta 24 emenda li jkopru kwistjonijiet bħad-differenzjazzjoni ta' investigazzjonijiet ta' inċidenti minn dawk kriminali, in-nuqqas ta' żvelar ta' rekords, il-protezzjoni tax-xhieda, l-indipendenza u l-poteri tal-korp investigattiv, l-involviment tal-EMSA, l-iskadenza għall-bidu tal-investigazzjonijiet, l-evitar ta' investigazzjonijiet paralleli, il-komitoloġija, it-trattament ġust tal-baħħara u l-mekkaniżmi ta' rispons.

Il-pożizzjoni komuni inkludiet biss ftit mill-emendi tal-PE, b'mod partikulari dwar il-komitoloġija.

Barra minn hekk, inkludiet elementi ġodda bħall-limitazzjoni tal-ambitu għal inċidenti serji ħafna u metodoloġija aktar flessibbli li tobbliga lill-Istati Membri biss li jsegwi l-"prinċipji" ta' metodoloġija komuni.

Bħal fir-rigward tal-fajls l-oħra, saru negozjati waqt it-tieni qari. Għal dan il-fajl sar trijalogu wieħed li għamel xi progress dwar xi punti sekondarji.

Wara l-falliment tan-negozjati l-Parlament fit-tieni qari tal-24.9.2008 reġa' daħħal il-parti l-kbira tal-emendi tiegħu mill-ewwel qari u ċaħad il-parti l-kbira tal-elementi l-ġodda fil-pożizzjoni komuni, billi dawn ippruvaw ibiddlu d-direttiva għal sempliċi rakkomandazzjoni li ma tkunx torbot.

III. Konċiljazzjoni

III. 1 It-Tielet Pakkett Maritimmu fil-konċiljazzjoni

Wara l-vot tat-tieni qari tal-24.9.2008 u minħabba r-rieda politika li tiġi konkluża l-konċiljazzjoni taħt il-Presidenza Franċiża, fis-7.10.2008 twaqqfet malajr delegazzjoni tal-Parlament dwar il-konċiljazzjoni, immexxija mis-Sra Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, MPE.

B'mod parallel il-pressjoni li għamel il-Parlament fuq il-Kunsill biex isib ftehim dwar "it-tnejn in-nieqsa" beda jħalli r-riżultati. Wara laqgħa informali tal-Kunsill li ddiskutiet il-kwistjoni fil-preżenza taċ-Chairperson tat-TRAN Paolo Costa, fid-9.10.2008 ntlaħqu ftehimiet politiċi dwar iż-żewġ fajls.

Il-Parlament u l-Kunsill kellhom żewġ trijalogi (fl-4.11. u fit-2.12) u laqgħa informali dwar l-aktar dossiers diffiċli bi preparazzjoni għall-kumitat ta' konċiljazzjoni tat-8.12 li kkonkluda n-negozjati. Id-delegazzjoni tal-Parlament iltaqgħet darbtejn (5.11. u 3.12.) minbarra l-laqgħat tat-tim ta' negozjaturi li b'mod eċċezzjonali inkluda - minħabba d-daqs tal-pakkett - lill-koordinaturi tat-TRAN.

Fit-8.12 ntlaħaq ftehim dwar l-aħħar kwistjonijiet tad-dossier l-aktar diffiċli (tas-Sur Costa). F'dik il-lejla l-Parlament ukoll ta lill-Presidenza ittri li jikkonfermaw ir-rieda tiegħu li jikkonkludi minn kmieni l-ftehimiet tat-tieni qari dwar "it-tnejn in-nieqsa" u b'hekk jippermetti lill-Kunsill li jadotta ż-żewġ pożizzjonijiet komuni fil-laqgħa tiegħu tad-9.12.

Fil-kumitat ta' konċiljazzjoni il-Kunsill kien rappreżentat mis-Sur BUSSEREAU, President fil-Kariga tal-Kunsill u Segretarju tal-Istat għat-Trasport ta' Franza. Il-Viċi-President Tajani rrapreżenta l-Kummissjoni. Dan wera għal darb'oħra li, f'każ ta' negozjati li huma ferm diffiċli, l-involviment tal-ogħla livell politiku u d-dinamika ta' lejla ta' konċiljazzjoni tista' tagħmel differenza biex jintlaħaq ftehim.

Ir-riżultat ġenerali ta' konċiljazzjoni kien pożittiv ferm għall-Parlament. Mhux biss "it-tnejn in-nieqsa" kienu konklużi b'mod parallel imma kien hemm diversi titjib fit-testi miftiehma fil-konċiljazzjoni. Dan seħħ prinċipalment minħabba l-qbil bejn il-Membri li ma ppermettewx li xi fajl ikun konkluż mingħajr ma jkun hemm ftehim ġenerali fuq kull wieħed minnhom.

Iċ-ċirkustanzi speċjali tal-Pakkett Marittimu wrew, madankollu, li mhijiex sitwazzjoni ideali li l-istess Presidenza tkun responsabbli għan-negozjati fit-tieni u t-tielet qari. Fil-Coreper, deher ferm diffiċli għall-Presidenza li tikkonvinċi lill-Istati Membri li jagħmlu sforz ieħor minħabba li n-negozjati kien ilhom għaddejjin għal żmien twil wisq. Għall-Parlament, fuq in-naħa l-oħra, inbdiet fażi kompletament ġdida bil-konċiljazzjoni, imma fil-Kunsill, bl-istess Presidenza, din kienet meqjusa bħala kontinwazzjoni tal-istess fażi.

III.2 Din il-proposta fil-konċiljazzjoni

Id-diskussjonijiet dwar dan il-fajl ġew konklużi proviżorjament wara ż-żewġ trijalogi tal-4.11. u t-2.12. u laqgħa informali fit-13.11. Sar ukoll progress kbir wara proposti ġodda mill-Coreper u skambji ta' proposti ta' kompromess mis-servizzi tal-Kummissjoni u r-rapporteur qabel dawn il-laqgħat. Il-kwistjoni tal-kunfidenzjalità tar-rekords ġiet solvuta wara konsultazzjoni informali tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) mir-rapporteur. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu ġew aċċettati kemm mill-Parlament u kemm mill-Kunsill.

IV. Punti ewlenin tal-ftehim milħuq

Matul il-konċiljazzjoni nstabu kompromessi dwar ħafna mill-kwistjonijiet pendenti li jsaħħu u jtejbu konsiderevolment id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Il-punti ewlenin tal-ftehim milħuq huma:

· L-Ambitu: Wara l-irtirar tal-emendi li kellhom l-għan li jinkludu sinjali ta' allarm fl-ambitu tad-Direttiva (Emendi 3, 7, 8, 10, 14, 17, 20), il-Parlament irnexxielu jikkonvinċi lill-Kunsill biex joħloq obbligu li ssir evalwazzjoni preliminari fil-każijiet kollha ta' diżgrazzja serja (Emendi 9, 13, 14, 18, 28). Fil-każ li xi entità investigattiva tiddeċiedi li ma tagħmilx investivazzjoni sħiħa dwar is-sikurezza, ir-raġunijiet għal dan għandhom jiġi rreġistrati u deskrizzjoni qasira tagħhom għandha tiġi inkluża fil-bażi tad-data Ewropew dwar id-diżgrazzji marittimi. Il-possibiltà ta' rapport simplifikat wara investigazzjoni ta' disgrazzja serja ġiet eskluża.

· Metodoloġija għall-investigazzjoni tal-inċidenti (l-aktar Emenda 15): Il-Parlament seta' jikkonvinċi lill-Kunsill biex jaċċettaw li l-ħidma tal-investigaturi tkun ibbażati fuq metodoloġija komuni u mhux biss il-prinċipji ta' metodoloġija komuni. Dan kien possibbli wara ftehim dwar meta l-investigatur jista' jitbiegħed mill-metodoloġija komuni. Ġie stipulat li dan kien possibbli biss f'każ speċifiku u suġġett għal ċerti kondizzjonijiet. Il-Parlament kompla jsaħħaħ il-metodoloġija komuni billi ħassar id-dispożizzjoni li titlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżviluppaw linji gwida biex jintużaw għall-implimentazzjoni tal-metodoloġija komuni.

· Deċiżjoni dwar l-investigazzjoni (l-aktar Emendi 16, 18, 19, 20): L-ewwel il-Parlament kien ippropona li jiġu evitati investigazzjonijiet paralleli minn diversi Stati Membri rigward l-istess inċident permezz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni. Matul in-negozjati l-Parlament aċċettat li f'każijiet eċċezzjonali u ġustifikati kif xieraq (per eżempju minħabba n-nazzjonalità tal-vittmi, il-post fejn seħħ l-inċident jew il-bandiera tal-vapur) jistgħu jitwettqu investigazzjonijiet paralleli. Il-Parlament irnexxielu, madankollu, isaħħaħ il-prinċipju ta' investigazzjoni waħda u jiddefinixxi l-possibbiltà għall-investigazzjonijiet paralleli b'mod ristrett ħafna. Barra minn hekk, il-Kunsill aċċetta l-emenda tal-Parlament li tirrikjedi li tinbeda investigazzjoni fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn xahrejn wara l-inċident.

· Trattament ġust tal-baħħara (Emendi 1, 33): L-istess testi kif miftiehma fil-każ ta' M. Sterckx dwar il-monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti ġew inklużi hawn. Hemm premessa li tispjega l-importanza tat-trattament ġust tal-baħħara fil-każ ta' inċident għas-sikurezza marittima u artikolu li jirrikjedi li l-Istati Membri jqisu d-dispożizzjoni rilevanti tal-linji gwida tal-IMO dwar din il-kwistjoni.

· Protezzjoni tax-xhieda/Kunfidenzjalità tar-rekords (Emendi 12., 22, 23, 25): Wara l-parir tal-EPDS l-Artikolu dwar il-kunfidenzjalità inkiteb mill-ġdid. Ġie ċċarat li d-direttiva dwar il-protezzjoni tad-data tapplika (ukoll bl-inklużjoni ta' premessa standard għal dak il-għan) u ġiet introdotta formulazzjoni ġdida sabiex din tkun konformi mad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data u l-aċċess għad-dokumenti. Dan ħoloq ukoll il-possibiltà li tiġi rtirata l-Emenda 25 dwar ir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi peress li kwalunkwe skambju ta' data ma' pajjiżi terzi issa għandu jkun suġġett għar-regoli tad-direttiva dwar il-protezzjoni tad-data . Finalment, ġiet introdotta premessa dwar il-protezzjoni tax-xhieda .

· Oħrajn: Instabu wkoll soluzzjonijiet aċċettabbli reċiprokament għal numru ta' emendi oħra, bħal pereżempju r-rappurtar u s-segwitu, l-obbligu li tingħata informazzjoni lill-investigaturi u r-responsabiltà tal-awtorità għall-indipendenza tal-investigazzjonijiet.

V. Konklużjoni:

Minħabba li l-ftehim milħuq imur lil hinn minn dak li kien possibbli fl-istadji bikrin tal-proċedura, id-delegazzjoni tirrakkomanda li l-Parlament japprova t-test konġunt tat-tielet qari.


PROĊEDURA

Titolu

Test konġunt, approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ inċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u li temenda d-Direttivi 1999/35/KE u 2002/59/KE

Referenzi

PE-CONS 3723/2008 – C6‑0046/2008 – 2005/0240(COD)

Chairperson tad-delegazzjoni: Viċi-chairperson

Rodi Kratsa-Tsagaropoulou

Kumitat responsabbli

  Chairperson:

TRANPaolo Costa

 

Rapporteur(s)

Jaromír Kohlíček

 

Proposta tal-Kummissjoni

COM(2005)0590 - C6-0056/2006

Data ta' l-1 qari tal-PE - Numru P

25.4.2007

P6_TA(2007)0147

Proposta modifikata tal-Kummissjoni

 

Pożizzjoni komuni tal-Kunsill

  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

5721/5/2008 – C6-0226/2008

19.6.2008

Pożizzjoni tal-Kummissjoni(Artikolu 251(2), it-tieni subparagrafu, it-tielet inċiż)

 

COM(2008)0206

Data tat-2 qari tal-PE - Numru P

24.9.2008

P6_TA(2008)0444

Opinjoni tal-Kummissjoni(Artikolu 251(2), it-tielet subparagrafu, punt (c))

 

COM(2008)0827

Data meta l-Kunsill irċieva t-tieni qari

10.10.2008

Data ta' l-ittra tal-Kunsill dwar ir-rifjut ta' l-emendi tal-PE

27.11.2008

Laqgħat tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni

8.12.2008

 

 

 

Data tal-votazzjoni tad-delegazzjoni tal-PE

8.12.2008

Riżultat tal-votazzjoni

+:

-:

0:

14

0

0

Membri preżenti

Paolo Costa, Emanuel Jardim Fernandes, Luis de Grandes Pascual, Georg Jarzembowski, Anne E. Jensen, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Rosa Miguélez Ramos, Gilles Savary, Brian Simpson, Dirk Sterckx, Silvia-Adriana Ţicău, Dominique Vlasto, Corien Wortmann-Kool

Sostitut(i) preżenti

Inés Ayala Sender, Renate Sommer

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Data tal-qbil fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni

8.12.2008

Qbil permezz ta' skambju ta' ittri

 

 

Data ta' meta l-ko-chairpersons stabbilixxew illi t-test konġunt ġie approvat u ntbagħat lill-PE u lill-Kunsill

3.2.2009

Data tat-tressiq 

25.2.2009

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)

ESTENSJONI TAl-PERJODI TA' SKADENZA

Skadenza għat-tieni qari tal-Kunsill

0.0.0000

Skadenza għas-sejħa tal-kumitat

Istituzzjoni li qed tagħmel it-talba – data

0.0.0000[

Kunsill] – 0.0.0000

Skadenza għax-xogħol fil-kumitat

  Istituzzjoni li qed tagħmel it-talba – data

3.2.2009

PE – 19.1.2009

Skadenza għall-adozzjoni ta' l-att

  Istituzzjoni li qed tagħmel it-talba – data

0.0.0000[

Kunsill] – 0.0.0000

Avviż legali - Politika tal-privatezza