RAKKOMANDAZZJONI dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa, u l-Istati tal-CARIFORUM, fuq in-naħa l-oħra

    4.3.2009 - (5211/2009 – COM(2008)0156 – C6‑0054/2009 – 2008/0061(AVC)) - ***

    Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
    Rapporteur: David Martin
    (*) Kumitati Assoċjati – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura


    Proċedura : 2008/0061(NLE)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    A6-0117/2009

    ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa, u l-Istati tal-CARIFORUM, fuq in-naħa l-oħra

    (5211/2009 – COM(2008)0156 – C6‑0054/2009 – 2008/0061(AVC))

    (Proċedura ta' kunsens)

    Il-Parlament Ewropew,

    –   wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa, u l-Istati tal-CARIFORUM, fuq in-naħa l-oħra (COM(2008)0156) ,

    –   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, fuq naħa, u l-l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra (5211/2009),

    –   wara li kkunsidra t-talba għal kunsens magħmula mill-Kunsill skont l-Artikoli 57(2), 133(1) u (5) u 181, flimkien mal-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 300(3) tat-Trattat KE (C6-0054/2009),

    –   wara li kkunsidra l-Artikoli 75 u 83(7) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    –   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0117/2009),

    1.  Jagħti l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehima;

    2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Istati tal-CARIFORUM.

    NOTA SPJEGATTIVA

    Fis-sena 2000 l-ACP u l-UE qabblu li jikkonkludu ftehimiet ġodda ta' kummerċ li jkunu kompatibbli mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) biex jissostitwixxu s-sistema unilaterali ta' preferenzi kummerċjali, li f'dak iż-żmien l-UE kienet tagħti lill-importazzjonijiet li ġejjin mill-ACP.

    In-negozjati tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs) ingħataw bidu fl-2002 bil-għan li jiġu konklużi sal-31 ta' Diċembru 2007, bl-għarfien li, fl-1 ta' Jannar 2008 kienet se tintemm id-deroga tad-WTO li tkopri l-ftehimiet eżistenti ta' kummerċ bejn l-ACP u l-UE. Peress li l-għan tal-EPAs huwa li jevolvu u jissaħħu l-proċessi reġjonali ta' integrazzjoni fl-ACP, in-negozjati twettqu fil-livell reġjonali b'sitt gruppi reġjonali awtoddikjarati.

    Il-proċess ta' negozjazzjoni tal-EPA involva l-livelli kollha tal-pajjiżi tal-ACP biex jiġu ddeterminati temi wiesgħa u trasversali ta' interess, filwaqt li l-kwistjonijiet speċifiċi ta'interess tan-negozjati kienu, u għadhom, jiġu ddeterminati fil-livell nazzjonali u reġjonali.

    L-iskadenza tal-31 ta' Diċembru 2007 wasslet sabiex l-EPAs tfasslu b'għaġġla, u wasslu biex il-kalendarji ta' liberalizzazzjoni jvarjaw ħafna mil-lat ta' pajjiż jew 'subreġjonali' fi ħdan ħafna mir-reġjuni tal-EPA. Ikun ferm diffiċli li dawn il-kalendarji jinġiebu aktar uniformi b'mod koerenti mil-lat ta' reġjun.

    Il-Karibew kien l-uniku wieħed mis-sitt gruppi ta' negozjaturi tal-ACP li ffirma, fis-16 ta' Diċembru 2007, EPA "sħiħ" fiż-żmien li kien iffissat fil-bidu. 13-il Stat Membru tal-CARIFORUM iffirmaw EPA mal-Komunità Ewropea fil-15 ta' Ottubru 2008, filwaqt li l-Guyana ffirmatu fl-20 ta' Ottubru 2008. Il-gvern tal-Haiti, li qed jindirizza prijoritajiet nazzjonali ta' rkupru mill-effetti tal-uragan, talab għal aktar żmien biex jeżamina l-EPA. Il-KE wieġbet u laqgħet it-talba tal-gvern tal-Haiti biex b'hekk il-pajjiż għandu sal-2010 biex jiffirma l-EPA. Bħala pajjiż fost l-anqas żviluppati, il-Haiti jgawdi minn preferenzi unilaterali għas-suq tal-UE fil-qafas tal-Inizjattiva 'Kollox ħlief Armi'.

    Il-Ftehima tidħol fis-seħħ b'mod uffiċjali ladarba l-Istati Membri jtemmu l-proċess ta' ratifika. Sa dakinhar, il-CARIFORUM u l-Komunità Ewropea se japplikaw l-EPA b'mod proviżorju.

    Il-ftehima komprensiva tinkludi obbligi "WTO-plus" f'oqsma bħall-investiment, il-politika ta' kompetizzjoni, l-akkwist pubbliku, il-bilanċ tal-ħlasijiet kurrenti, l-ambjent, l-aspetti soċjali, il-koperazzjoni kulturali, u l-ħarsien miżjud tal-proprjetà intellettwali, li huma inklużi fin-negozjati attwali tad-WTO u ma kellhomx għalfejn jkunu inklużi sabiex l-EPA tkun konformi mad-WTO.

    Diversi oqsma koperti mill-EPA għadhom ma ġewx definiti u għadhom ma ġewx implimentati bis-sħiħ fir-reġjun.

    Ir-rapporteur iqis li l-Parlament Ewropew għandu jagħtu l-kunsens tiegħu dwar il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, fuq naħa, u l-l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, jekk il-Kummissjoni u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ sabiex jiżguraw:

    - li, fl-applikazzjoni tal-EPA fil-pajjiżi firmatarji tal-CARIFORUM li huma membri tal-Komunità tal-Karibew, f'każ ta' kunflitt bejn l-EPA u t-Trattat Rivedut ta' Chaguaramas, it-tieni wieħed jirbaħ fuq tal-ewwel;

    - li, fi żmien ħames snin mid-data tal-firma, u, wara dan, f'intervalli ta' ħames snin, il-Ftehim isirlu reviżjoni komprensiva mandatorja sabiex jiġi determinat l-impatt tal-Ftehim, inklużi l-ispejjeż u l-konsegwenzi tal-implimentazzjoni; li d-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu mmodifikati u l-applikazzjoni tiegħu tiġi emendata fejn ikun meħtieġ; li jkun hemm negozjazzjoni komprensiva mill-ġdid tal-EPA wara l-ewwel perjodu ta' ħames snin;

    - li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' monitoraġġ indipendenti fi ħdan l-Istati tal-CARIFORUM li għandhom biżżejjed riżorsi biex iwettqu l-analiżi meħtieġa biex jiddeterminaw safejn l-EPA qiegħed jilħaq l-għanijiet tiegħu;

    - li l-applikazzjoni mill-Unjoni Ewropea tal-prinċipju tal-aktar nazzjon favorit (MFN) fost il-gruppi kollha subreġjonali tal-ACP;

    - li titneħħa l-applikazzjoni tat-trattament tal-aktar nazzjon favorit għall-Unjoni Ewropea mill-CARIFORUM u minn gruppi subreġjonali oħra;

    - li l-implimentazzjoni tal-impenji fl-oqsma li għandhom ma ġewx definiti skont is-Suq u l-Ekonomija Uniċi tal-CARICOM (CSME) jew għadhom mhux implimentati bis-sħiħ - inklużi s-servizzi finanzjarji u servizzi oħra, l-investiment, il-kompetizzjoni, l-akkwist pubbliku, il-kummerċ elettroniku, il-proprjetà intellettwali, iċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-prodotti, u l-ambjent - tkun posposta sakemm is-CSME f'dawn l-oqsma jiġu konklużi;

    - li minn kmieni jkun hemm determinazzjoni u provvista ta' parti ekwitabbli tar-riżorsi fil-qafas tal-istrateġija 'Għajnuna għall-Kummerċ' (Aid for Trade); li jkun hemm garanzija li dawn il-fondi jkunu f'forma ta' riżorsi ulterjuri u mhux biss ridefinizzjoni tal-fondi tal-EDF, li dawn il-fondi jkunu konformi mal-prijoritajiet tal-CARIFORUM u li l-provvista tagħhom tkun fil-ħin, tkun prevedibbli u skont il-kalendarji ta' eżekuzzjoni tal-pjanijiet ta' żvilupp strateġiku nazzjonali u reġjonali; li jkun hemm użu effiċjenti ta' dawn il-fondi biex jagħmlu tajjeb għat-telf tad-dħul mid-dwana;

    - li d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jintużawx biex ifixklu l-kompetizzjoni leġittima mill-fornituri tal-farmaċewtiċi ġeneriċi, u/jew biex ma jħallux li entitajiet tal-akkwist pubbliku tal-gvern jixtru prodotti ġeneriċi; li l-Parlament jiġi mgħarraf regolarment dwar l-impatt li s-sħubija fil-PCT jkollha fuq il-livell ta' applikazzjonijiet għal brevetti għal prodotti u proċessi farmaċewtiċi fil-pajjiżi tal-CARIFORUM, kif ukoll fuq l-ammont korrispondenti ta' litigazzjonijiet; li jkun hemm rapporti regolari dwar l-implimentazzjoni tal-impenji dwar it-trasferiment tat-teknoloġija previsti fil-ftehim; li ma jkunx hemm tentattiv biex jiġu imponuti standards armonizzati li jikkonċernaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li ma jkunux adegwati għal-livell ta' żvilupp tal-istati tal-CARIFORUM; li tingħata għajnuna lill-pajjiżi tal-CARIFORUM sabiex jimmoniterjaw kontra imġiba fis-settur tal-prodotti farmaċewtiċi li tkun kontra l-kompetizzjoni;

    - li jkun hemm kjarifiki dwar liema fondi huma supplimentari relatati mal-fondi tal-għaxar EDF; li d-dispożizzjonijiet kollha tal-koperazzjoni għall-iżvilupp, inkluż l-iffinanzjar tagħhom, jiġu applikati b'ħeffa u b'mod xieraq u effettiv.

    OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (16.2.2009)

    għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

    dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa waħda, u l-Istati CARIFORUM, fuq in-naħa l-oħra
    (COM(2008)0156 – C6‑0000/2008 – 2008/0061(AVC))

    Rapporteur għal opinjoni(*): Jürgen Schröder(*) Kumitat Assoċjat – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura

    AVC

    ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

    Ġustifikazzjoni

    Fl-Artikolu 36 tal-Ftehima ta' Sħubija ta' Cotonou, l-UE u l-pajjiżi tal-ACP qablu li jikkonkludu l-ftehimiet ġodda dwar il-kummerċ kompatibbli mad-WTO "biex jitneħħew l-ostakli għall-kummerċ ta' bejniethom b'mod progressiv u biex titħeġġeġ il-koperazzjoni fl-oqsma kollha rilevanti għall-kummerċ." L-Artikolu 37 jipprovdi li “l-ftehimiet dwar sħubija ekonomika għandhom jiġu negozjati matul il-perjodu preparatorju li għandu jintemm sal-31 ta' Diċembru 2007”.

    L-ewwel fażi tan-negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Grupp ACP bdiet fl-2002 u kienet dwar kwistjonijiet ta' interess ġenerali għall-pajjiżi kollha tal-ACP li ħadu sehem fil-ftehimiet, li kienet segwita minn negozjati separati ma' sitt reġjuni tal-ACP li ġew stabbiliti għan-negozjati EPA (il-Karibew, l-Afrika tal-Punent, l-Afrika Ċentrali, l-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar (ESA), l-SADC minus, il-Paċifiku). Fi tmiem in-negozjati fl-2007, il-Komunità Afrikana tal-Lvant (EAC) infirdet mill-grupp ta' negozjati tal-ESA.

    Il-Karibew biss qabel, wara ħames snin ta' negozjati fi tmiem l-2007, li jinizjala ftehima sħiħa ta' sħubija ekonomika, li tinkludi l-aspetti kollha tal-koperazzjoni ekonomika u l-iżvilupp. Fis-16 ta' Diċembru 2007, il-Kummissjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, u 15-il Stat tal-CARIFORUM (l-Antigwa u Barbuda, il-Baħamas, il-Barbados, il-Beliże, id-Dominika, ir-Repubblika Dominikana, il-Grenada, il-Guyana, il-Ħaiti, il-Ġamajka, St Kitts u Nevis, St Lucia, St Vincent u l-Grenadines, is-Surinam u Trinidad u Tobago) inizjalaw il-ftehima, li kienet iffirmata mill-UE u minn 13-il Stat tal-CARIFORUM fil-15 ta' Ottubru 2008, kif ukoll mill-Guyana fl-20 ta' Ottubru 2008. Il-Ħaiti ma ffirmax il-ftehima.

    Sa mill-bidu tal-2008, beda jiġi applikat l-aċċess mingħajr dazju u kwoti għall-prodotti tal-CARIFORUM fis-suq tal-UE, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 tal-20 ta' Diċembru 2007, li japplika l-arranġamenti għal prodotti li joriġinaw f'ċerti stati li jagħmlu parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP), u li hemm dispożizzjoni għalihom fi ftehimiet li jistabilixxu, jew li jwasslu biex jistabilixxu, Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs) (ĠU L 348, 31.12.2007, p.1). Minnufih wara l-firma, il-Kummissjoni nnotifikat lid-WTO bil-ftehima, biex b'hekk turi li s-sistema ta' importazzjoni tal-UE għal prodotti mill-Istati tal-ACP li jkunu ffirmaw l-EPAs tikkonforma mar-regoli tad-WTO.

    Waqt in-negozjati u wara l-inizjalar, feġġew xi diffikultajiet kbar, b'mod partikulari meta reġa' fetaħ id-dibattitu fil-Guyana. Il-Guyana kienet tippreferi tiffirma biss "il-parti tal-prodotti" tal-ftehima. Filwaqt li din it-talba ma ntlaqgħetx, id-dispożizzjonijiet fil-protokoll mehmuż mal-ftehima jeżiġu evalwazzjoni tal-impatt fi żmien ħames snin li twassal għall-possibilità ta' emendi. Ir-rapporteur jilqa' dawn id-dispożizzjonijiet, minħabba li evalwazzjoni b'mod regolari jaf tkun strument importanti biex tiġi żgurata implimentazzjoni favur l-iżvilupp tal-EPA. L-UE għandha turi approċċ flessibbli u li jempatizza mal-implimentazzjoni u għandha tkun lesta li tirranġa d-dispożizzjonijiet tal-ftehima, jekk ir-reviżjoni turi dan.

    Minbarra d-diffikultajiet ta' sustanza, deher ċar li t-ton u t-tattika tan-negozjaturi tal-Kummissjoni heddew in-negozjati bejn l-UE u l-Karibew, li tradizzjonalment ikunu tajbin. Ir-rapporteur jikkundanna dan bil-qawwa, u jilqa' b'mod ċar il-bidla fit-ton tal-Kummissjoni Ewropea wara li nbidel il-Kummissarju għall-Kummerċ. Madankollu, ir-rapporteur għandu raġunijiet biżżejjed biex jifraħ lill-Istati tal-CARIFORUM għar-riżultat tan-negozjati u għad-deċiżjoni tagħhom li jiffirmaw l-EPA.

    Il-Ħaiti, bħala l-uniku Pajjiż l-Anqas Żviluppat (LDC) tal-grupp tal-CARIFORUM, ma ffirmax l-EPA. Bħala Pajjiż l-Anqas Żviluppat, jista' jibbenefika mill-Iskeda Eveything But Arms taħt is-Sistema Ġenerali tal-Preferenzi (GSP). Għalhekk, il-ħtieġa immedjata biex jinkiseb l-aċċess liberu għas-suq tal-UE permezz tal-EPA ma teżistix. Minħabba l-qagħda politika u ekonomika diffiċli tal-pajjiż, il-Ħaiti m'għandu jiġi magħfus, iżda għandu jingħatalu ż-żmien li jeħtieġ biex jiddeċiedi.

    L-EPA mal-CARIFORUM jaf ikollha impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tal-pajjiżi tal-Karibew. Fil-fehma tar-rapporteur, proċess ta' ratifika u ta' implimentazzjoni mgħaġġel, flimkien mar-riformi meħtieġa, huma kundizzjonijiet li joħorġu l-impatt pożittiv tal-EPA. Ma jistax jiġi traskurat il-fatt li aċċess aħjar għas-suq tal-prodotti, l-investiment u s-servizzi jista' jinħataf aktar faċilment mill-kumpaniji tal-UE fil-Karibew milli mill-kumpaniji tal-Karibew fl-Ewropa minħabba fin-nuqqas ta' kapaċità. Dan jaf iwassal għal riżultat żbilanċjat - li jiddependi ħafna minn kif tkun implimentata l-ftehima.

    L-implimentazzjoni tal-EPA u r-riformi jistgħu jaħdmu tajjeb jekk l-EPA tkun akkumpanjata minn pakketti konsiderevoli ta' Aid for Trade (AfT) biex ipattu għat-telf nett mid-dazju u sabiex tikber l-attività ekonomika fl-istati tal-CARIFORUM. Madankollu, l-artikoli dwar il-koperazzjoni għall-iżvilupp fil-ftehima ma jorbtux lill-UE biex tagħti aktar assistenza finanzjarja f'konnessjoni mal-EPA.

    Ir-raġuni ewlenija għad-deċiżjoni li jidħol l-Artikolu 36 fil-Ftehima ta' Cotonou kienet in-nuqqas ta' kompatibilità mar-regoli tad-WTO għall-aċċess liberu ta' prodotti mill-pajjiżi kollha tal-ACP fl-UE, bit-Trattati ta' Lomé. Għalhekk, l-akbar parti tal-EPA tittratta dwar il-kummerċ tal-prodotti. Madankollu, sa mill-bidu, il-partijiet kollha għamluha ċara li l-għanijiet tal-ftehima kellhom ikunu konformi mal-għanijiet tal-Ftehima ta' Sħubija ta' Cotonou, li hija l-bażi tal-EPA bejn il-KE u l-CARIFORUM.

    L-EPA stess (Artikolu 1) titkellem dwar "it-tnaqqis u eventwalment il-qerda tal-faqar permezz tat-twaqqif ta' sħubija ta' kummerċ li tkun konsistenti mal-għan tal-iżvilupp sostenibbli, mal-Għanijiet tal-Iżvilupp għall-Millennju u mal-Ftehima ta' Cotonou" bħala l-ewwel għan tagħha, segwit mill-"promozzjoni tal-integrazzjoni reġjonali, il-koperazzjoni ekonomika u l-governanza tajba, biex b'hekk jiġi stabbilit u implimentat qafas regolatorju effikaċi, prevedibbli u trasparenti għall-kummerċ u l-investiment bejn il-Partijiet u r-reġjun tal-CARIFORUM."

    L-EPA mal-CARIFORUM hija marbuta mill-qrib b'modi differenti mal-Ftehima ta' Cotonou. Hija "bbażata fuq il-Prinċipji Fundamentali kif ukoll fuq l-Elementi Essenzjali u Fundamentali tal-Ftehima ta' Cotonou. Tibni fuq id-dispożizzjonijiet tal-Ftehima ta' Cotonou u l-Ftehimiet ta' Sħubija preċedenti bejn l-ACP u l-KE [jiġifieri, l-erba' Ftehimiet ta' Lomé u l-Ftehimiet preċedenti ta' Yaoundé] fil-qasam tal-koperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali, kif ukoll f'dak tal-koperazzjoni ekonomika u kummerċjali".

    Il-ftehima fiha regoli dettaljati dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' prodotti. L-UE taċċetta li ma tapplikax dazju u kwoti mill-1 ta' Jannar 2008, ħafna mill-Istati tal-CARIFORUM se jiftħu s-swieq tagħhom ftit ftit għal madwar 87% tal-prodotti importati mill-UE u li joriġinaw fl-UE fil-25 sena li ġejjin. Dan iwassal għal telf nett fid-dħul mid-dazju, iżda l-Istati tal-CARIFORUM għandhom żmien biex jadattaw ruħhom u se jkollhom l-għajnuna tal-Aid for Trade. Hu ttamat li r-riforma meħtieġa fis-settur tad-dwana u t-tassazzjoni tkun ta' benefiċċju għall-iżvilupp tas-sistema finanzjarja pubblika tal-Istati tal-CARIFORUM b'mod ġenerali.

    L-EPA fiha dispożizzjonijiet għall-Kummerċ fis-Servizzi, l-investiment, il-kompetizzjoni, l-innovazzjoni, il-propjetà intellettwali u l-akkwist pubbliku. Dawn l-oqsma kollha ġew eżaminati bi tħassib mill-parteċipanti fl-Istati tal-CARIFORUM kif ukoll fl-UE. Joħorġu obligazzjonijiet konsiderevoli minn dawn id-dispożizzjonijiet, iżda jiftħu opportunitajiet ukoll għal żvilupp ekonomiku. Huwa diffiċli li tbassar l-impatt ta' dawn il-kapitoli fuq l-iżvilupp tal-Istati tal-CARIFORUM. Madankollu, hemm salvagwardji inklużi, kif ukoll miżuri li jmorru magħhom sabiex id-dispożizzjonijiet jirnexxu għal dak li hu l-iżvilupp tal-pajjiżi kkonċernati. L-UE għandha turi flessibilità massima rigward is-salvagwardji użati mill-CARIFORUM b'mod speċjali fid-dawl tal-ispejjeż ta' implimentazzjoni u l-impatt inċert tal-iżvilupp.

    L-istrumenti finanzjarji disponibbli għall-koperazzjoni dwar l-iżvilupp se jiġu utilizzati mill-UE sabiex jakkumpanjaw l-EPA mal-CARIFORUM. L-għajnuna finanzjarja għandha tiġi mill-Programmi Indikattivi Reġjonali u Nazzjonali tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF), kif ukoll mill-programmi kollha tal-ACP. Barra minn hekk, il-CARIFORUM se tieħu s-sehem tagħha tal-assistenza marbuta mal-kummerċ ta' EUR 1 biljun mill-UE u EUR 1 biljun mill-Istati Membri kull sena. Madankollu, ftit hemm garanzija ta' finanzjament addizzjonali.

    Il-ftehima bejn il-KE u l-CARIFORUM kienet negozjata għall-bżonnijiet u l-interessi speċifiċi tal-pajjiżi Karibej tal-ACP. Fil-ġejjieni, EPAs ta' reġjuni oħra jaf jinkludu dispożizzjonijiet differenti konsiderevoli u jaf jinkludu għadd ta' oqsma differenti, jiddependi mill-iżvilupp ta' kull reġjun.

    ******

    Għeluq

    Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jipproponi li l-Parlament jagħti l-kunsens tiegħu, suġġett għar-ratifika mill-Istati tal-CARIFORUM u mill-parlamenti tagħhom fejn il-kostituzzjonijiet tagħhom jitolbu dan, dwar il-konklużjoni tal-Ftehima ta' Sħubija Ekonomika.

    PROĊEDURA

    Titolu

    Ftehima ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-KE u CARIFORUM

    Referenzi

    05211/2009 – C6-0054/2009 – COM(2008)01562008/0061(AVC)

    Data tat-talba tal-kunsens tal-PE

    11.2.2009

    Kumitat responsabbli

    INTA

    Opinjoni(jiet) mogħtija minn

           Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

    DEVE

     

     

     

    Rapporteur għal opinjoni

           Data tal-ħatra

    Jürgen Schröder

    27.5.2008

     

     

    Eżami fil-kumitat

    8.12.2008

     

     

     

    Data tal-adozzjoni

    21.1.2009

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    25

    3

    0

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Margrete Auken, Thijs Berman, Josep Borrell Fontelles, Danutė Budreikaitė, Marie-Arlette Carlotti, Thierry Cornillet, Corina Creţu, Koenraad Dillen, Alexandra Dobolyi, Beniamino Donnici, Fernando Fernández Martín, Juan Fraile Cantón, Alain Hutchinson, Madeleine Jouye de Grandmaison, Filip Kaczmarek, Maria Martens, Luisa Morgantini, José Ribeiro e Castro, Toomas Savi, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Feleknas Uca, Anna Záborská, Jan Zahradil, Mauro Zani

    Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

    Maria Berger, Raymond Langendries, Miguel Angel Martínez Martínez, Manolis Mavrommatis, Anne Van Lancker

    PROĊEDURA

    Titolu

    Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati tal-CARIFORUM

    Referenzi

    05211/2009 – C6-0054/2009 – COM(2008)01562008/0061(AVC)

    Data tat-talba għall-kunsens tal-PE

    11.2.2009

    Kumitat responsabbli

           Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

    INTA

    19.2.2009

    Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

           Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

    DEVE

    19.2.2009

     

     

     

    Kumitat(i) assoċjat(i)

           Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

    DEVE

    19.2.2009

     

     

     

    Rapporteur(s)

           Data tal-ħatra

    David Martin

    5.5.2008

     

     

    Eżami fil-kumitat

    4.12.2008

    20.1.2009

     

     

    Data tal-adozzjoni

    24.2.2009

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    15

    13

    0

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Kader Arif, Francisco Assis, Carlos Carnero González, Daniel Caspary, Christofer Fjellner, Glyn Ford, Béla Glattfelder, Jacky Hénin, Marusya Ivanova Lyubcheva, Erika Mann, Helmuth Markov, David Martin, Vural Öger, Georgios Papastamkos, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Peter Šťastný, Robert Sturdy, David Sumberg, Iuliu Winkler, Corien Wortmann-Kool

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Jean-Pierre Audy, Sebastian Valentin Bodu, Salvador Domingo Sanz Palacio, Zbigniew Zaleski

    Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

    Juan Fraile Cantón, Roger Helmer, Leopold Józef Rutowicz, Salvatore Tatarella, Rainer Wieland