RAPPORT dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 92/79/KEE, 92/80/KEE u 95/59/KE dwar l-istruttura u r-rati ta’ dazju tas-sisa applikati fuq tabakk manifatturat

6.3.2009 - (COM(2008)0459 – C6‑0311/2008 – 2008/0150(CNS)) - *

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Zsolt László Becsey

Proċedura : 2008/0150(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0121/2009
Testi mressqa :
A6-0121/2009
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 92/79/KEE, 92/80/KEE u 95/59/KE dwar l-istruttura u r-rati ta’ dazju tas-sisa applikati fuq tabakk manifatturat

(COM(2008)0459 – C6‑0311/2008 – 2008/0150(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2008)0459),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 93 tat-Trattat KE, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6–0311/2008),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6–0121/2009),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skont l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE;

3.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Amendment  1

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2) Bil-għan li jkun żgurat it-tħaddim tajjeb tas-suq intern u, fl-istess ħin, livell għoli ta’ ħarsien tas- saħħa, kif rekwiżit mill-Artikolu 152 tat-Trattat tal-KE, meta jitqies li l-Komunità hija Parti għall-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC), bidliet differenti għandhom isiru fil-materja. Dawn il-bidliet għandhom iqisu l-qagħda prevalenti għal kull wieħed mill-prodotti tat-tabakk.

(2) Bil-għan li jkun żgurat it-tħaddim tajjeb tas-suq intern u, fl-istess ħin, livell għoli ta’ ħarsien tas- saħħa, kif rekwiżit mill-Artikolu 152 tat-Trattat tal-KE, meta jitqies li l-Komunità hija Parti għall-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC), bidliet differenti għandhom isiru fil-materja. Dawn il-bidliet, fejn xieraq, għandhom iqisu l-projbizzjoni tat-tipjip u l-qagħda prevalenti għal kull wieħed mill-prodotti tat-tabakk u għandhom ikunu kumplimentari għall-projbizzjoni dwar ir-reklamar tat-tabakk u għat-tnedija ta' kampanji edukattivi. Għandu jitqies ukoll il-bżonn li jkun miġġieled il-kuntrabandu minn pajjiżi terzi u l-kriminalità organizzata u l-istabbiliment u t-tkabbir taz-zona Schengen.

Ġustifikazzjoni

Hija esaġerata b'tali mod li t-tassazzjoni għandha influwenza qawwija fuq it-tnaqqis tat-tipjip. Elementi oħra bħall-edukazzjoni, il-projbizzjoni jew il-bidla fid-drawwiet soċjali jista' jkollhom influwenza importanti.

Prezzijiet baxxi f'pajjiżi ġirien li jkunu mal-fruntiera ta' Stati Membri ġodda jeħtieġu moderazzjoni fiż-żidiet tal-prezzijiet, li, 'il fuq minn livell minimu, se jkollhom effetti fuq is-suq intern. It-tħaddim adattat taz-zona Schengen ma għandux jiġi milqut mill-pulizija u l-kontrolli doganali f'reġjuni mal-fruntiera biex iħarsu biss il-konsum nazzjonali a spejjeż tal-konsum privat.

Emenda  2

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Premessa 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3) Dwar is-sigaretti, l-arranġamenti għandhom ikunu ssimplifikati sabiex jinħolqu kondizzjonijiet newtrali ta’ kompetizzjoni għall-manifatturi, biex inaqqsu s-separazzjoni tas-swieq tat-tabakk u jenfasizzaw l-għanijiet tas-saħħa. Għal dan il-għan, għandu jkun sostitwit il-kunċett tal-kategorija tal-prezz l-aktar popolari; ir-rekwiżit minimu relatat mal-prezz għandu jirreferi għall-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut, waqt li l-minimu monetarju għandu jkun applikabbli għas-sigaretti kollha. Għal raġunijiet simili, il-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut għandu jservi wkoll bħala referenza għall-kejl ta’ l-importanza ta’ dazju tas-sisa speċifiku fil-piż totali tat-taxxa.

(3) Dwar is-sigaretti, l-arranġamenti għandhom ikunu ssimplifikati sabiex joħolqu kundizzjonijiet newtrali ta’ kompetizzjoni għall-manifatturi, biex inaqqsu s-swieq tat-tabakk, sabiex ikun żgurat trattament ugwali tal-Istati Membri kollha, ta' dawk li jkabbru t-tabakk u tal-industrija tat-tabakk jenfasizzaw l-għanijiet tas-saħħa, u biex jikkonformaw mal-għanijiet makroekonomiċi, bħall-mira tal-inflazzjoni baxxa, fid-dawl tat-tkabbir taz-zona euro u l-konverġenza tal-prezzijiet. Għal dan il-għan, għandu jkun sostitwit il-kunċett tal-kategorija tal-prezz l-aktar popolari; ir-rekwiżit minimu tad-dazju tas-sisa għall-prodotti kollha tat-tabakk fl-Istati Membri kollha għandu, sal-1 ta' Jannar 2012, ikun espress biss bħala kompenent speċifiku impost fuq kull unità ta' tabakk. Il-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut għandu jservi biss bħala referenza għall-kejl tal-importanza ta’ dazju tas-sisa speċifiku fil-piż totali tat-taxxa. Stati Membri b'livell għoli ta' dazji tas-sisa fuq prodotti tat-tabakk għandhom jadottaw politika ta' moderazzjoni fir-rigward żieda fit-taxxa, billi jżommu f'moħħhom l-importanza tal-konverġenza tal-livell tat-taxxa fis-suq intern.

Ġustifikazzjoni

Huwa meħtieġ li jitneħħa l-perjodu tranżitorju wara l-adeżjoni tal-hekk imsejħa Stati Membri ġodda kif ukoll b'mod adattat il-possibilità ta' prattiki diskriminatorji mill-hekk imsejħa Stati Membri qodma fil-każ ta' trasferiment transkonfinali ta' prodotti tat-tabakk għal raġunijiet privati. Fil-każ ta' żieda drammatika tad-dazju tas-sisa u kif xieraq il-prezzijiet legali tal-konsumatur f'dawn l-Istati Membri, il-produzzjoni u kif xieraq il-forniment ta' tabakk fl-istat naturali se jitlaq mill-UE u jkun użat fl-istati ġirien.

Emenda  3

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Premessa 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5) Dwar it-tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti, il-limiti minimi tal-Komunità għandhom jiġu espressi b’tali mod li jinkisbu effetti simili għal dak fil-qasam tas-sigaretti. Għal dan il-għan, għandu jkun ipprovdut li livell ta' tassazzjoni nazzjonali għandu jikkonforma mal-minimu espress bħala perċentwal tal-prezz bl-imnut u ieħor espress bħala ammont fiss.

(5) Dwar it-tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti, il-limiti minimi tal-Komunità għandhom jiġu espressi b’tali mod li jinkisbu effetti simili għal dak fil-qasam tas-sigaretti. Għal dan il-għan, għandu jkun ipprovdut li l-livelli ta' tassazzjoni nazzjonali għandhom jikkonformaw mal-minimu espress bħala ammont fiss impost fuq kull unità ta' tabakk sal-1 ta' Jannar 2012.

Ġustifikazzjoni

Kemm għas-sigaretti u t-tabakk imqatta’ fin il-bidla fil-livell minimu tad-dazju tas-sisa espress f'Euro jagħmilha inutli li tkun stabbilita l-inċidenza tas-sisa minima espressa bħala perċentwal tal-prezz bl-imnut.

Emenda  4

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7) Konverġenza akbar tgħin ukoll biex tiżgura livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem. Il-livell ta’ tassazzjoni huwa fattur ewlieni fil-prezz tal-prodotti tat-tabakk, li min-naħa tiegħu jinfluwenza d-drawwiet tat-tipjip tal-konsumatur. Il-frodi u l-kuntrabandu jimminaw il-livelli tal-prezz ikkaġunati mit-taxxa tas-sigaretti u tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti u għalhekk jipperikolaw il-kisba tal-għanijiet tal-kontroll fuq it-tabakk.

(7) Konverġenza akbar tgħin ukoll biex tiżgura livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem. Il-frodi u l-kuntrabandu jimminaw il-livelli tal-prezz ikkaġunati mit-taxxa tas-sigaretti u tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti u għalhekk jipperikolaw il-kisba tal-għanijiet tal-kontroll fuq it-tabakk.

Ġustifikazzjoni

Ara l-emenda 1

Emenda  5

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Premessa 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(8) Bil-għan li tinkiseb konverġenza akbar u jitnaqqas il-konsum, il-livelli minimi Komunitarji ta’ tassazzjoni fuq is-sigaretti u t-tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim ta’ sigaretti għandhom jiżdiedu.

(8) Bil-għan li tinkiseb konverġenza akbar u jitnaqqas il-konsum, il-livelli minimi Komunitarji ta’ tassazzjoni fuq is-sigaretti u t-tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim ta’ sigaretti għandhom jiżdiedu b'mod moderat.

Ġustifikazzjoni

Kemm għas-sigaretti u t-tabakk imqatta’ fin il-bidla fil-livell minimu tad-dazju tas-sisa espress f'Euro jagħmilha inutli li tkun stabbilita l-inċidenza tas-sisa minima espressa bħala perċentwal tal-prezz bl-imnut.

Emenda  6

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Premessa 10

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(10) Fl-interess ta’ tassazzjoni uniformi u ġusta, id-definizzjoni ta’ sigaretti, sigarri u sigarri żgħar u ta’ tabakk tat-tipjip ieħor għandha tkun adattata sabiex, rispettivament, rombli tat-tabakk li skond it-tul tagħhom jistgħu jiġu kkunsidrati żewġ sigaretti jew aktar għal skop ta’ sisa; tip ta’ sigarru li huwa simili f’ħafna karatteristiċi għas-sigarett huwa trattat bħala sigarett għal għanijiet ta’ sisa; u tabakk tat-tipjip li huwa simili b’ħafna modi għat-tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim ta’ sigaretti huwa ttrattat bħala tabakk imqatta’ fin għal għan ta’ sisa.

(10) Fl-interess ta’ tassazzjoni uniformi u ġusta, id-definizzjoni ta’ sigaretti u ta’ tabakk tat-tipjip ieħor għandha tkun adattata sabiex, rispettivament, rombli tat-tabakk li skont it-tul tagħhom jistgħu jiġu kkunsidrati żewġ sigaretti jew aktar fil-kuntest tas-sisa u tabakk tat-tipjip li huwa simili b’ħafna modi għat-tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim ta’ sigaretti huwa ttrattat bħala tabakk imqatta’ fin għal għan ta’ sisa.

Ġustifikazzjoni

Il-kategorizzazzjoni għandha tkun stabbilita fuq il-kontenut attwali tal-prodott tat-tabakk minflok fl-għamla tiegħu jew il-mod ta' produzzjoni.

Emenda  7

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1

Direttiva 92/79/KEE

Artikolu 2 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dazju tas-sisa (dazju speċifiku u dazju ad valorem) fuq is-sigaretti jirrapreżenta ta' l-anqas 57 % tal-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut tas-sigaretti mibjugħa. Dak id-dazju tas-sisa ma jkunx inqas minn EUR 64 għal kull 1,000 sigarett irrispettivament mill-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut.

1. Sal-1 ta' Jannar 2012, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dazju tas-sisa ma jkunx anqas minn EUR 64 għal kull 1 000 sigarrett għat-tipi kollha ta' sigaretti.

Madankollu, l-Istati Membri li jimponu dazju tas-sisa ta’ mill-anqas EUR 101 għal kull 1,000 sigarett fuq il-bażi tal-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut ma jeħtiġilhomx li jikkonformaw mar-rekwiżit tas-57 % indikat fl-ewwel subparagrafu.

 

Ġustifikazzjoni

Fis-suq intern il-livell minimu għandu jkun speċifikat biss bħala ammont fiss għal kull unità ta' tabakk. (Ara l-emenda 3.)

Emenda  8

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1

Direttiva 92/79/KEE

Artikolu 2 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Mill-1 ta’ Jannar 2014, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dazju tas-sisa (dazju speċifiku u dazju ad valorem) fuq is-sigaretti jirrapreżenta ta' l-anqas 63 % tal-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut tas-sigaretti mibjugħa. Dak id-dazju tas-sisa ma jkunx inqas minn EUR 90 għal kull 1,000 sigarett irrispettivament mill-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut.

2. Mill-1 ta’ Jannar 2014, l-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li d-dazju tas-sisa fuq kull kategorija ta' sigaretti ma jkunx anqas minn EUR 75 għal kull 1,000 sigarett jew EUR 8 iżjed mil-livell tal-1 ta' Jannar 2010.

Madankollu, l-Istati Membri li jimponu dazju tas-sisa ta’ mill-anqas EUR 122 għal kull 1 000 sigarett fuq il-bażi tal-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut ma jeħtiġilhomx li jikkonformaw mar-rekwiżit tas-63 % indikat fl-ewwel subparagrafu.

 

Emenda  9

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1

Direttiva 92/79/KEE

Artikolu 2 – paragrafu 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3. Il-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut għandu jkun determinat fl-1 ta’ Jannar ta’ kull sena, b’referenza għas-sena n-1, fuq il-bażi tar-rilaxxi kollha għall-konsum, u l-prezzijiet inklużi t-taxxi kollha.

3. Il-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut għandu jkun determinat fl-1 ta’ Marzu ta’ kull sena, b’referenza għas-sena n-1, fuq il-bażi tal-volum totali mqiegħed fis-suq u l-prezzijiet li jinkludu t-taxxi kollha.

Ġustifikazzjoni

Minħabba ż-żmien meħtieġ biex tinġabar id-dejta, l-1 ta' Jannar huwa kmieni wisq biex ikun ikkalkulat il-prezz medju peżat għas-sena ta' qabel (Jannar sa Diċembru). Għalhekk nirrakkomandaw li d-data tkun l-1 ta' Marzu ta' kull sena. Dan se jagħti xahrejn żmien lill-Istati Membri biex jikkonformaw mad-dejta tas-suq.

Emenda  10

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1

Direttiva 92/79/KEE

Artikolu 2 – paragrafu 5

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

5. L-Istati Membri għandhom iżidu b’mod gradwali d-dazji tas-sisa bil-għan li jilħqu r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 fid-dati indikati fil-paragrafi 2 u 4 rispettivament.

5. L-Istati Membri għandhom iżidu b'mod gradwali d-dazji tas-sisa bil-għan li jilħqu r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 sal-1 ta' Jannar 2012.

 

L-Istati Membri li fihom id-dazju tas-sisa ġie applikat fl-1 ta' Jannar 2009 għal kull kategorija tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut li jkun ogħla minn EUR 64 għal kull 1000 sigarrett ma għandhomx inaqqsu l-livell tad-dazju tas-sisa.

Ġustifikazzjoni

Biex ikun evitat kull abbuż bit-tneħħija tal-inċidenza tas-sisa minima espressa bħala perċentwal tal-prezz bl-imnut, u żieda aktar moderata fir-rata minima tad-dazju tas-sisa kif ukoll tkun evitata żieda ulterjuri fid-differenzi tal-prezzijiet bejn l-Istati Membri ġirien, l-introduzzjoni ta' dawn il-miżuri hija essenzjali.

Emenda  11

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 1

Direttiva 92/79/KEE

Artikolu 2 – paragrafu 6 – subparagrafu 1 a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Il-Kummissjoni għandha tikkalkula u tippubblika, fl-istess okkażjoni u għal raġunijiet ta' informazzjoni, il-prezz l-aktar baxx għas-sigaretti fl-Ewropa, espress f'euro u fil-muniti nazzjonali, biż-żieda tad-dazju tas-sisa u l-VAT imposta fuq pakkett nominali ta' sigaretti ta' valur ta' EUR 0 qabel it-taxxa.

Ġustifikazzjoni

It-trasparenza u l-interessi tal-pubbliku, tal-operaturi u tal-Istati Membri jeħtieġu li l-livell ta' tassazzjoni minima Ewropea fuq is-sigaretti jkun ippubblikat uffiċjalment b'mod ċar u sempliċi.

Emenda  12

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 2

Direttiva 92/79/KEE

Artikolu 2a

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-Artikolu 2a jinbidel b’dan li gej:

imħassar

“Artikolu 2a

 

1. Fejn bidla fil-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut isseħħ fi Stat Membru, u b’hekk iġġib id-dazju tas-sisa taħt il-livelli indikati fil-paragrafi 1 u 2 ta’ l-Artikolu 2 rispettivament, l-Istat Membru kkonċernat jista’ ma jaġġustax dak id-dazju sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar tat-tieni sena wara dik li fiha seħħet il-bidla.

 

2. Fejn Stat Membru jżid ir-rata tat-taxxa tal-valur miżjud fuq is-sigaretti, huwa jista’ jnaqqas id-dazju tas-sisa sa ammont li, espress bħala perċentwal tal-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut, huwa ugwali għaż-żieda fir-rata tat-taxxa tal-valur miżjud, espressa wkoll bħala perċentwal tal-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut, anke jekk aġġustament bħal dan għandu l-effett li jonqos id-dazju tas-sisa sa taħt il-livelli, espress bħala perċentwal tal-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut, stipulat fil-paragrafi 1 u 2 ta’ l-Artikolu 2 rispettivament.

 

Madankollu, l-Istat Membru għandu jerġa’ jżid id-dazju sabiex jilħaq tal-anqas dawk il-livelli mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar tat-tieni sena wara dik li fiha jkun seħħ it-tnaqqis."

 

Ġustifikazzjoni

Iż-żmien biex ikun aġġornat l-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut ara emenda 7.

Emenda  13

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 2 – punt 1

Direttiva 92/80/KEE

Artikolu 3 – paragrafu 1– subparagrafi 8 u 9

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Mill-1 ta’ Jannar 2010, l-Istati Membri għandhom japplikaw dazju tas-sisa fuq tabakk tat-tipjip imqatta' fin intiż għall-brim ta’ sigaretti ta’ mill-anqas 38 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut inklużi t-taxxa kollha, u ta' l-anqas EUR 43 kull kilogramm.

Sa mill-1 ta' Jannar 2014, l-Istati Membri għandhom japplikaw dazju tas-sisa fuq tabakk tat-tipjip imqatta' fin intiż għall-brim ta’ sigaretti ta’ mill-anqas EUR 50 għal kull kilogramma jew 6% aktar mill-livell tal-1 ta' Jannar 2012.

“Mill-1 ta’ Jannar 2014, l-Istati Membri għandhom japplikaw dazju tas-sisa fuq tabakk tat-tipjip imqatta' fin intiż għall-brim ta’ sigaretti ta’ mill-anqas 42 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut inklużi t-taxxa kollha, u ta' l-anqas EUR 60 kull kilogramm.

Sa mill-1 ta' Jannar 2012, l-Istati Membri għandhom japplikaw dazju tas-sisa fuq tabakk tat-tipjip imqatta' fin intiż għall-brim ta’ sigaretti ta’ mill-anqas EUR 43 għal kull kilogramma jew 20% aktar mill-livell fl-1 ta' Jannar 2010.

Emenda  14

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 2 – punt 1

Direttiva 92/80/KEE

Artikolu 3 – paragrafu 1– subparagrafi 10 u 11

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-Istati Membri għandhom iżidu b'mod gradwali d-dazji tas-sisa biex jilħqu r-rekwiżiti minimi msemmija fid-disa' subparagrafu fl-1 ta' Jannar 2014.

L-Istati Membri għandhom iżidu b'mod gradwali d-dazji tas-sisa biex jilħqu dawk ir-rekwiżiti minimi.

Mill-1 ta’ Jannar 2010, id-dazju tas-sisa espress bħala perċentwal, bħala ammont għal kull kilogramm jew għal għadd iffissat ta’ oġġetti għandu jkun ta’ l-anqas ekwivalenti għal li ġej:

Sa mill-1 ta’ Jannar 2012, id-dazju tas-sisa espress bħala ammont għal kull kilogramma jew għal għadd iffissat ta’ oġġetti għandu jkun tal-anqas ekwivalenti għal li ġej:

(a) fil-każ ta’ sigarri u sigarri żgħar, 5 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut inklużi t-taxxi kollha jew EUR 12 għal kull 1,000 oġġett jew għal kull kilogramm;

(a) fil-każ tas-sigarri jew sigarri żgħar, EUR 12 għal kull 1 000 oġġett jew għal kull kilogramma;

(b) fil-każ tat-tabakk tat-tipjip, li mhuwiex tabakk tat-tipjip mqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti, 20 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut inklużi t-taxxi kollha, jew EUR 22 għal kull kilogramm."

(b) fil-każ tat-tabakk tat-tipjip, li mhuwiex tabakk tat-tipjip mqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti, EUR 22 għal kull kilogramma.

Emenda  15

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 3 – punt 4 a (ġdid)

Direttiva 95/59/KE

Artikolu 9 – paragrafu 1 – subparagrafu 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(4a) Fl-Artikolu 9(1), it-tielet subparagrafu jiġi mibdul b’dan li ġej:

"It-tieni subparagrafu ma jistax, madankollu, ifixkel l-implimentazzjoni tas-sistemi nazzjonali [...] rigward il-kontroll tal-livelli tal-prezzijiet, l-osservanza tal-prezzijiet imposti jew l-implimentazzjoni mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ta' miżuri li għandhom x'jaqsmu mal-livelli tal-prezzijiet applikabbli, fil-kuntest tal-politika tas-saħħa pubblika ta' dak l-Istat Membru, sabiex ma jinkoraġġux il-konsum tat-tabakk, speċjalment minn dawk li għadhom żgħar, sakemm ikunu kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità."

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda għandha l-għan li tallinja l-politiki għall-prevenzjoni tat-tabakk kif deskritt fir-Rakkomandazzjoni 2003/54/KE tal-Kunsill mad-Direttiva 95/59 sabiex ittejjeb il-kontroll fuq it-tabakk.

Emenda  16

Proposta għal direttiva – att li jemenda

Artikolu 3 – punt 5

Direttiva 95/59/KE

Artikolu 16 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Il-komponent speċifiku tad-dazju tas-sisa ma jistax ikun inqas minn 10 % u aktar minn 75 % ta' l-ammont tal-piż tat-taxxa totali li jirriżulta mill-aggregazzjoni ta' li ġej:

1. Il-komponent speċifiku tad-dazju tas-sisa ma jistax ikun inqas minn 10 %, sa mill-1 ta' Jannar 2012, u aktar minn 55 % tal-ammont tal-piż tat-taxxa totali li jirriżulta mill-aggregazzjoni ta' li ġej:

(a) dazju speċifiku tas-sisa;

(a) dazju speċifiku tas-sisa;

(b) id-dazju tas-sisa proporzjonali u t-taxxa fuq il-valur miżjud imposta fuq il-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut.

(b) id-dazju tas-sisa proporzjonali u t-taxxa fuq il-valur miżjud imposta fuq il-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut.

Il-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut għandu jkun determinat fl-1 ta’ Jannar ta’ kull sena, b’referenza għas-sena n-1, fuq il-bażi tar-rilaxxi kollha għall-konsum, u l-prezzijiet inklużi t-taxxi kollha.

Il-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut għandu jkun determinat fl-1 ta’ Marzu ta’ kull sena, b’referenza għas-sena n-1, fuq il-bażi tar-rilaxxi kollha għall-konsum, u l-prezzijiet inklużi t-taxxi kollha.

 

1a. Il-komponent speċifiku tad-dazju tas-sisa ma jistax ikun inqas minn 10 %, sa mill-1 ta' Jannar 2014, u aktar minn 60 % tal-ammont tal-piż tat-taxxa totali li jirriżulta mill-aggregazzjoni ta' li ġej:

 

(a) dazju speċifiku tas-sisa; kif ukoll

 

(b) id-dazju tas-sisa proporzjonali u t-taxxa fuq il-valur miżjud imposta fuq il-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut.

 

Il-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut għandu jkun determinat fl-1 ta’ Marzu ta’ kull sena, b’referenza għas-sena n-1, fuq il-bażi tar-rilaxxi kollha għall-konsum, u l-prezzijiet inklużi t-taxxi kollha.

Ġustifikazzjoni

Bl-iffissar tas-sehem minimu u massimu tal-komponent speċifiku tad-dazju tas-sisa ta' 10% u 55% tal-ammont tal-piż totali tat-taxxa, rispettivament, nistgħu nilħqu żewġ objettivi: (1) il-kisba ta' konverġenza moderata tal-istruttura tas-sisa; u (2) iż-żamma tad-dazju tas-sisa ta' żewġ komponenti fl-Istati Membri kollha u tkun evitata l-bidla fil-qagħda kompetittiva bejn il-produtturi tas-sigaretti.

NOTA SPJEGATTIVA

Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

Il-proposta tal-Kummissjoni hi ppreżentata bħala emenda tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar id-dazju tas-sisa fuq it-tabakk. L-abbozz ta' Direttiva tipprevedi żieda gradwali fil-livelli minimi ta' taxxa tal-UE dwar is-sigaretti u t-tabakk imqatta' fin sal-2014. Hi ukoll taġġorna d-definizzjonijiet tat-tipi differenti ta' prodotti tat-tabakk. Skont il-Kummissjoni, din il-proposta se tnaqqas id-differenzi bejn il-livelli ta' taxxa fuq it-tabakk tal-Istati Membri u tgħin biex ikun indirizzat il-kuntrabandu tas-sigaretti fi ħdan l-UE. Bil-proposta tagħha, il-Kummissjoni tistenna wkoll li jsir kontribut biex jonqos il-konsum tat-tabakk b'10% fil-ħames snin li ġejjin.

Fil-qosor, il-Kummissjoni qed tipproponi:

- li tabolixxi l-benchmark tal-MPPC ("l-iktar kategorija tal-prezz popolari") bħala punt ta’ referenza għar-rekwiżiti minimi tal-UE fuq id-dazji tas-sisa u għall-kejl tal-importanza ta' dazju tas-sisa speċifiku fi ħdan it-toqol tat-taxxa totali. Skont il-Kummissjoni, l-MPPC, bħala punt ta’ referenza għar-rati minimi, mhuwiex konformi mal-għanijiet tas-Suq Intern għaliex jinvolvi qsim tas-swieq tat-tabakk tal-Istati Membri.

- Biex iżżid b’mod gradwali r-rekwiżit minimu għas-sigaretti konformi mal-objettivi tas-suq intern u kunsiderazzjonijiet dwar is-saħħa.

- biex tippermetti lill-Istati Membri aktar flessibilità li japplikaw taxxi speċifiċi u biex idaħħlu d-dazju tas-sisa minimu fuq is-sigaretti. Mandankollu, bil-għan li tkun evitata qagħda ta’ tassazzjoni purament speċifika fi Stat Membru u tassazzjoni purament ad valorem fi Stat Membru ġar, li tirriżulta fi fluss transkonfinali għal marki ewlenin mill-ewwel għat-tieni Stat Membru bil-marki bi prezzijiet l-aktar baxxi jimxu fid-direzzjoni opposta, hija mixtieqa xi forma ta' konsistenza fl-istrutturi tad-dazju tas-sisa. Għalhekk huwa propost li l-iskala tinfetaħ minn 5 % - 55 % għal 10 % - 75 % tal-piż totali tad-dazju.

- sabiex ir-rati minimi għat-tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti jinġabru gradwalment fl-istess livell tar-rata għas-sigaretti.

- biex ikunu aġġustati minħabba l-inflazzjoni r-rekwiżiti minimi għal prodotti tat-tabakk li mhumiex sigaretti u tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti. Ir-rata tal-inflazzjoni hi stmata mill-Kummissjoni għal madwar 2% fis-sena jew għal 8% tul il-perjodu sħiħ. Meta jiġi applikat dan il-perċentwal lill-ammonti speċifiċi minimi u meta ċ-ċifri jkunu mdawra sa l-eqreb unità joħorġu EUR 12 għas-sigarri u s-sigarri żgħar u EUR 22 għal tabakk ieħor għat-tipjip.

- biex tiġi emendata d-differenza eżistenti ta’ sigaretti, sigarri u tabakk ieħor għat-tipjip.

Evalwazzjoni u rakkomandazzjonijiet mir-rapporteur għal opinjoni

Waqt li jagħraf il-ħtieġa li jkunu segwiti għanijiet leġittimi ta' saħħa fl-oqsma kollha tal-internvent tal-UE, ir-rapporteur għal opinjoni jixtieq jenfasizza l-importanza li jkunu meqjusa, meta ssir leġiżlazzjoni fil-qasam tad-dazju tas-sisa, għanijiet oħra wkoll leġittimi tal-Unjoni. Kwalunkwe bidla f'dan il-qasam għandha tqis il-qagħda prevalenti għal kull wieħed mill-prodotti tat-tabakk u għandha tkun kumplimentari għall-projbizzjoni dwar ir-reklamar tat-tabakk u għat-tnedija ta' kampanji edukattivi. Għandu jitqies ukoll il-bżonn li jkun miġġieled il-kuntrabandu minn pajjiżi terzi u l-kriminalità organizzata u t-tkabbir taz-zona Schengen kif ukoll li tikber iz-zona euro.

Fir-rigward tas-sigaretti, ir-rapporteur għal opinjoni jaqsam l-istess ideat tal-Kummissjoni li l-arranġamenti għandhom ikunu simplifikati. Għal din ir-raġuni ir-rapporteur għal opinjoni qed jipproponi simplifikazzjoni sostanzjali tal-istruttura tad-dazju tas-sisa bil-għan li jintlaħqu dawn l-għanijiet:

- li jinħolqu kundizzjonijiet newtrali tal-kompetizzjoni għall-produtturi

- li jonqos il-qsim f'partijiet tas-swieq tat-tabakk

- li jkun żgurat trattament indaqs għall-Istati Membri kollha

- li tingħata importanza lill-objettivi tas-saħħa, u

- fl-aħħar imma mhux l-inqas, li jkun hemm konformità mal-objettivi makroekonomiċi, u partikolarment mal-miri tal-inflazzjoni.

Barra minn hekk, meta jkunu ffissati r-rekwiżiti minimi tad-dazju tas-sisa, għandu jkun ikkunsidrat l-interess ta' dawk li jkabbru t-tabakk u tal-industrija tat-tabakk.

Għal dan il-għan, ir-rekwiżit minimu tad-dazju tas-sisa għall-prodotti kollha u għall-Istati Membri kollha għandu jkun espress biss bħala kompenent speċifiku impost fuq kull unità tal-prodott sal-1 ta' Jannar 2014. Minn din id-data, ir-rekwiżiti minimi tad-dazju tas-sisa espressi bħala perċentwali tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut għandhom għalhekk jitneħħew. Dazju tas-sisa minimu wieħed biss se jkun applikabbli għall-prodotti kollha u għall-Istati Membri kollha.

Fir-rigward tas-sigaretti, l-Istati Membri, li fihom id-dazju tas-sisa applikat fl-1 ta' Jannar 2009 għal kull kategorija tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut ikun ogħla minn EUR 64, dawn ma għandhomx jitħallew inaqqsu dan id-dazju tas-sisa. Sabiex iż-żieda fil-prezz tkun moderata f'pajjiżi b'taxxa għolja u sabiex titħeġġeġ il-konverġenza, ir-rapporteur għal opinjoni tagħkom jissuġġerixxi li d-dazju tas-sisa għandu jżomm il-forma ta' żewġ komponenti waqt li l-livell massimu tal-parti tal-ad valorem m'għandux ikun akbar minn 55% tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut. Għall-istess raġuni, it-tariffa tas-sisa minima (jekk teżisti) ma tistax tkun għola minn 100% tal-prezz medju peżat tal-bejgħ bl-imnut.

Dan hu sommarju tal-proposta tar-rapporteur għal opinjoni għad-dazju tas-sisa minimu, applikabbli għall-prodotti kollha li jaqgħu taħt l-istess kategorija ta' prodott u għall-Istati Membri kollha, mill-1 ta' Jannar 2014:

Sigaretti

EUR 64 għal kull 1000 sigarett

Tabakk tat-tipjip mqatta’ fin intiż għall-brim

EUR 43 għal kull kilogramma jew 12% aktar mil-livell tal-1 ta' Jannar 2010.

Mill-1 ta' Jannar 2010:

Sigarri u sigarri żgħar

EUR 12 kull 1000 unità jew kull kilogramma, imma massimu ta' 130% tal-livell nazzjonali fl-1 ta' Jannar 2010 sal-1 ta' Jannar 2014.

Tabakk tat-tipjip minbarra dak imqatta’ fin intiż għall-brim

EUR 22 kull kilogramma

Barra minn hekk, ir-rapporteur għal opinjoni jipproponi li ma jaċċettax il-bidla fid-definizzjoni fir-rigward ta' sigarri u sigarri żgħar, minħabba li hu mhux konvint li t-taxxa ta' prodott għandha tkun ibbażata fuq l-appararenza esterna viżibbli ta' prodott tat-tabakk aktar milli fuq il-kompożizzjoni attwali tiegħu.

PROĊEDURA

Titolu

L-istruttura u r-rati ta’ dazju tas-sisa applikati fuq tabakk manifatturat

Referenzi

COM(2008)0459 – C6-0311/2008 – 2008/0150(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

11.9.2008

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

23.9.2008

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ENVI

23.9.2008

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

ENVI

10.9.2008

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Zsolt László Becsey

24.9.2008

 

 

Eżami fil-kumitat

5.11.2008

2.12.2008

20.1.2009

 

Data tal-adozzjoni

2.3.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

16

2

9

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mariela Velichkova Baeva, Paolo Bartolozzi, Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Sharon Bowles, Manuel António dos Santos, Elisa Ferreira, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Donata Gottardi, Gunnar Hökmark, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Sophia in ‘t Veld, Gay Mitchell, Sirpa Pietikäinen, John Purvis, Eoin Ryan, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Margarita Starkevičiūtė

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Mia De Vits, Harald Ettl, Werner Langen, Klaus-Heiner Lehne, Gianni Pittella

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Françoise Castex, Hans-Peter Mayer

Data tat-tressiq

6.3.2009