RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera li jemenda l-Anness 11 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli

6.3.2009 - (15523/2008 – COM(2008)0685 – C6‑0028/2009 – 2008/0202(CNS)) - *

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Béla Glattfelder

Proċedura : 2008/0202(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0122/2009
Testi mressqa :
A6-0122/2009
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera li jemenda l-Anness 11 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli

(15523/2008 – COM(2008)0685 – C6‑0028/2009 – 2008/0202(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2008)0685)[1],

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera li jemenda l-Anness 11 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ ta' prodotti agrikoli

(15523/2008),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 37, 133 u 152(4)(b) tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 300(3), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat KE, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6‑0028/2009),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 51 u 83(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A6‑0122/2009),

1.  Japprova l-konklużjoni tal-Ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Konfederazzjoni Żvizzera.

  • [1]  Għadha mhix ippubblikata fil-ĠU.

NOTA SPJEGATTIVA

Ir-rapport japprova d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar f’isem il-Komunità u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera li jemenda l-Anness 11 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli.

Il-Ftehim Attwali

Ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżvizzera huma rregolati minn pakkett ta' seba' ftehimiet kummerċjali settorjali ffirmati fil-21 ta' Ġunju 1999, irratifikati fil-bidu tal-2002, u implimentati mill-1 ta' Ġunju 2002.

Il-Ftehim dwar l-Agrikoltura ppermetta liberalizzazzjoni parzjali miż-żewġ naħat f'uħud mill-oqsma agrikoli filwaqt li żamm l-ostakoli għaċ-ċereali, il-ħalib u l-laħam. Ippreveda wkoll li l-ostakoli mhux tariffarji (bħar-regolamenti dwar il-prodotti u r-rekwiżiti ta' dħul) kellhom jitnaqqsu permezz tar-rikonoxximent reċiproku tal-ekwivalenza tar-regolamenti. Saru l-isforzi meħtieġa sabiex ikunu ffinalizzati tali ftehimiet dwar prodotti bħall-inbid u l-ispirti, il-prodotti agrikoli bijoloġiċi, il-pjanti u ż-żrieragħ.

Kontenut tal-Anness 11 tal-Ftehim attwali

L-Anness finali tal-Ftehim (Anness 11) ittratta s-saħħa tal-annimali, is-saħħa pubblika veterinarja u l-miżuri żootekniċi li japplikaw għall-kummerċ tal-annimali ħajjin u tal-annimali domestiċi kif ukoll tal-prodotti mill-annimali. Sar progress mill-2002 'l hawn. L-ekwivalenza tar-regolamenti fil-qasam tal-iġjene għall-prodotti tal-ikel kollha li joriġinaw mill-annimali, kienet rikonoxxuta fi tmiem l-2006. Din l-ekwivalenza kopriet biss il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib kif ukoll il-ġlieda kontra l-mard epiżotiku. Dan fisser li l-prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali, bħall-ġobon, l-ispeċjalitajiet tal-laħam, il-bajd u l-għasel setgħu jkunu esportati mingħajr ċertifikat tas-saħħa.

Dan il-ftehim ġdid jemenda l-Anness 11 sabiex jitqiesu dawn il-bidliet. Rigward is-saħħa tal-annimali, il-Ftehim huwa bbażat fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent ta' "leġiżlazzjoni simili li twassal għal riżultat identiku" għas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-kummerċ tal-annimali ħajjin, tas-semen, tal-ova, tal-embriji u ta' prodotti oħra li joriġinaw mill-annimali, u huwa bbażat ukoll fuq regoli li japplikaw għall-kummerċ intrakomunitarju. Għalhekk il-konverġenza tal-liġijiet Żvizzeri u tal-UE dwar il-kwistjoni għandha twassal għat-tneħħija tal-kontrolli doppji.

Rigward is-saħħa pubblika veterinarja, il-Ftehim huwa bbażat fuq prinċipji ta' ekwivalenza, bil-għan li jkun iffaċilitat il-kummerċ ta' prodotti li joriġinaw mill-animali. L-annimali ħajjin, is-semen, l-ova u l-embriji li huma nnegozjati bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Iżvizzera, huma akkumpanjati biss minn ċertifikati kummerċjali intrakomunitarji dwar is-saħħa tal-annimali. Rigward il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, huma meħtieġa biss id-dokumenti kummerċjali kif previsti għall-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-UE. Kemm għall-annimali ħajjin kif ukoll għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali, hija applikata sistema simplifikata ta' kontroll veterinarju fil-fruntieri tal-UE.

Din il-proposta tinkludi wkoll bidliet fl-Anness 11 b'konformità mal-modifiki tal-appendiċi tiegħu li saru mill-Kumitat Veterinarju Konġunt, li m'għandux is-setgħa li jemenda l-Anness 11.

Approvazzjoni tal-ftehim li jemenda l-Anness 11

Il-ftehim li qed jitqies huwa pass pożittiv billi jiffaċilita l-kundizzjonijiet għall-kummerċ tal-annimali ħajjin u tal-prodotti mill-annimali. B'aktar emendi tal-Anness 11, iż-żewġ sħab qed jieħdu miżuri supplementari biex ikunu żgurati flussi sostenibbli u bla xkiel bejniethom ta' prodotti agrikoli. Tabilħaqq, minħabba l-adozzjoni gradwali mill-Iżvizzera tal-parti ewlenija tal-acquis komunitarju rigward kwistjonijiet marbuta mal-kummerċ ta' prodotti agrikoli u l-adozzjoni miż-żewġ naħat ta' prattiki komuni għall-kontrolli fuq l-importazzjonijiet, ma jagħmilx sens li jibqgħu jitqiegħdu obbligi addizzjonali fuq il-kummerċ ta' prodotti bħal dawn.

Ir-Rapporteur japprova dan il-ftehim u jixtieq jieħu din l-opportunità biex jenfasizza l-benefiċċji u l-isfidi li joriġinaw mill-kummerċ ta' prodotti agrikoli bejn l-UE u l-Iżvizzera. F'dan it-tip ta' kummerċ, l-Iżvizzera llum hija s-seba' sors ta' importazzjonijiet u t-tielet destinazzjoni ta' esportazzjonijiet għall-UE. Dan il-pajjiż għandu sehem importanti fl-iżgurar ta' forniment ġust ta' prodotti agrikoli fis-suq komuni Ewropew. L-iżvilupp lejn integrazzjoni akbar tas-suq fl-agrikoltura bejn l-UE u l-Iżvizzera huwa apprezzat ħafna.

Ftehimiet kummerċjali bilaterali fil-ġejjieni rigward il-prodotti agrikoli

Bosta negozjati, madankollu, għadhom meħtieġa biex ikun żgurat li l-bdiewa tal-UE jkollhom aċċess għas-suq importanti ferm tal-Iżvizzera. Minkejja sforzi eċċezzjonali, is-suq Żvizzeru għadu wieħed mill-aktar protetti fid-dinja, u dan ma jippermettix lill-produtturi Ewropej li jikkompetu b'kundizzjonijiet ġusti f'dak is-suq.

Riċentement, id-DĠ għall-Agrikoltura tal-Kummissjoni Ewropea nediet negozjati mad-Dipartiment Federali Żvizzeru tal-Affarijiet Ekonomiċi, bil-għan ta' liberalizzazzjoni sħiħa tal-kummerċ fl-agrikoltura bejn l-UE u l-Iżvizzera. Dawn it-taħditiet se jinkludu l-modi kif jistgħu jitneħħew l-ostakli mhux tariffarji (NTBs) bħall-istandards tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf jew l-istandards veterinarji u fitosanitarji; f'dawn it-taħditiet il-Kummissjoni Ewropea se tkun irrappreżentata mid-DĠ għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Konsumatur.

Sal-lum, il-prospett ta' FTA jidher pożittiv ferm għall-produtturi tal-UE. Il-livelli attwali tal-prezzijiet huma madwar 30% ogħla fl-Iżvizzera milli fl-UE. Għalhekk FTA jippermetti lill-UE li żżid is-sehem tagħha fis-suq Żvizzeru. L-UE diġà hija fornitur importanti taċ-ċereali għall-Iżvizzera. Qligħ akbar jista' jinkiseb mill-prodotti tal-ħalib, il-frott, il-ħaxix, l-inbejjed u l-ispirti. Rigward il-kummerċ tal-laħam, il-produtturi tal-UE qed jiffaċċjaw kompetizzjoni qawwija minn pajjiżi oħra, partikolarment mill-Brażil.

Rigward l-NTBs, jidher li huwa meħtieġ l-adattament mill-Iżvizzera għar-regolamenti tal-UE, b'mod partikulari għar-regoli dwar il-kummerċjalizzazzjoni u s-saħħa tal-annimali. Il-fatt li jittieħed impenn min-naħa tagħhom li jippruvaw jadottaw regolamenti futuri tal-UE, preferibilment wara li jkunu ġew ikkonsultati matul il-proċess, ikun riżultat tajjeb ħafna għal dawn it-taħditiet.

Ir-Rapporteur iqis b'mod pożittiv dawn it-tentattivi ta' integrazjzoni akbar taż-żewġ swieq. Ftehim jikkontribwixxi biex tittejjeb il-produttività tal-qasam agrikoli taż-żewġ sħab kif ukoll biex il-prezzijiet tal-ikel ikunu f'livell ġust u relattivament stabbli għaċ-ċittadin.

Madankollu, iż-żewġ naħat għandhom jinnegozjaw b'attenzjoni fil-perspettiva ta' skambji kummerċjali liberalizzati għalkollox. Il-volum ta' kummerċ bilaterali huwa sinifikanti ħafna u l-impatt tat-tneħħija ta' tali ostakli jista' jkun kbir ħafna, speċjalment fuq l-ekonomija agrikola tal-pajjiżi tal-UE li huma ġirien tal-Iżvizzera kif ukoll fuq il-bdiewa Żvizzeri.

L-Iżvizzera bdiet dawn in-negozjati u tqis dan l-FTA bħala pass loġiku, konformi mar-riformi interni tagħha li twettqu sal-lum fil-qasam tal-biedja bil-għan li l-agrikoltura Żvizzera ssir aktar kompetittiva fis-swieq internazzjonali. Il-fatt li l-prezzijiet tal-ikel għolew ħafna riċentement seta' fetaħ opportunitajiet għall-produtturi agrikoli Żvizzeri biex jesportaw billi saru relattivament aktar kompetittivi iżda, strutturalment, iż-żieda tal-kompetittività tista' tkun żgurata biss billi s-suq jinfetaħ għall-kompetizzjoni barranija.

Il-ftuħ tas-suq għall-UE jnaqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni għall-bdiewa Żvizzeri u għall-industriji tal-ipproċessar u jtejjeb l-aċċess għas-swieq tal-UE. Madankollu, jista' saħansitra jkun ta' benefiċċju akbar għall-kumpaniji Żvizzeri tal-ikel u tal-ipproċessar agrikolu milli għall-bdiewa Żvizzeri, u dan jista' jxekkel il-progress lejn ftehim bilaterali. Fid-dawl ta' dawn l-ostakli potenzjali fin-negozjati, ir-Rapporteur jagħti twissija rigward konċessjonijiet mhux ġustifikati tal-UE lill-Iżvizzera, b'mod partikulari dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalment fuq il-ġobon.

Konklużjonijiet

Matul dawn in-negozjati futuri lejn FTA bilaterali fil-qasam tal-agrikoltura, il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħti attenzjoni partikulari lill-fatt li jintlaħaq ftehim li jkun ta' benefiċċju għall-produtturi taż-żewġ naħat filwaqt li jittejjeb l-aċċess tal-konsumaturi tal-UE għal diversità ta' prodotti agrikoli sikuri. Il-Parlament Ewropew se jsegwi dawn in-negozjati mill-qrib u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iħarsu d-drittijiet tiegħu fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali.

PROĊEDURA

Titolu

Approvazzjoni tal-Ftehima bejn il-KE u l-Iżvizzera dwar il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli

Referenzi

15523/2008 – COM(2008)06852008/0202(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

19.1.2009

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA

3.2.2009

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AGRI

3.2.2009

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

AGRI

1.12.2008

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Béla Glattfelder

4.12.2008

 

 

Eżami fil-kumitat

24.2.2009

 

 

 

Data tal-adozzjoni

5.3.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

11

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Kader Arif, Françoise Castex, Glyn Ford, Jacky Hénin, Marusya Ivanova Lyubcheva, Erika Mann, David Martin, Georgios Papastamkos, Peter Šťastný, Gianluca Susta

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Ole Christensen, Sajjad Karim, Zbigniew Zaleski

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

André Brie

Data tat-tressiq

6.3.2009