RAPPORT dwar il-White Paper: Azzjonijiet ta' riżarċiment tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust

9.3.2009 - (2008/2154(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Klaus-Heiner Lehne

Proċedura : 2008/2154(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0123/2009
Testi mressqa :
A6-0123/2009
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Dwar il-White Paper: Azzjonijiet ta' riżarċiment tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust

(2008/2154(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-2 ta' April 2008 bit-titlu "Azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust" (COM(2008)0165) (White Paper),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ April 2007 dwar il-Green Paper dwar Azzjonijiet ta’ riżarċiment tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust[1],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Marzu 2007 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Politika tal-Konsumatur 2007-2013: Responsabbiltajiet akbar għall-konsumatur - titjib tal-benessri tagħhom, u l-ħarsien effettiv tagħhom" (COM(2007)0099),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat[2], ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta' April 2004 dwar il-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE[3] u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (KE-Regolament tas-Sħubija)[4],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-multi f’każijiet ta’ kartell[5] kif ukoll Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2008 tat-30 ta' Ġunju 2008 għall-emenda tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 fir-rigward ta’ kif jitmexxew il-proċeduri għar-riżolviment f’każi ta’ kartelli[6],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6‑0123/2009),

A. billi l-politika tal-kompetizzjoni żżid l-effikaċja kummerċjali tal-Unjoni Ewropea u tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija ta' Liżbona,

B.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ddeċidiet li, sabiex ikun żgurat li l-Artikolu 81 tat-Trattat KE ikun effettiv għal kollox, individwi u l-intrapriżi jkunu jistgħu jressqu proċeduri ta’ riżarċiment tad-danni li jkunu sarulhom minħabba xi ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE,

C. billi l-azzjonijiet ta’ riżarċiment tad-danni huma element wieħed biss minn sistema effettiva ta’ infurzar privat, u billi l-mekkaniżmi alternattivi ta’ sejbien ta’ soluzzjoni għal tilwim li ma jkunux ibbażati fuq il-qrati, f’ċirkostanzi xierqa, joffru soluzzjoni ġusta u rapida barra mill-qorti, u għandhom ikunu nkoraġġuti,

D. billi l-kwistjonijiet indirizzati fil-White Paper jikkonċernaw il-kategoriji kollha ta’ vittmi, it-tipi kollha ta’ ksur tal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE u s-setturi kollha tal-ekonomija,

E.  billi kwalunkwe prosta għandha takkumpanja, u mhux tieħu post, il-forom alternattivi ta’ protezzjoni li diġà jeżistu f’xi Stati Membri (bħal azzjonijiet rapreżentattivi u każijiet ta' prova),

F.  billi l-għan tat-talbiet għar-riżarċiment tad-danni skont id-dritt privat hu l-kumpens sħiħ tal-vittma għad-danni mġarrba, u billi għandhom jiġu rispettati l-prinċipji ta’ responsabilità mhux kuntrattwali li jimpedixxu li wieħed jistagħna b’mod inġust kif ukoll il-gwadann multiplu tal-kumpens, kif ukoll il-prinċipju li jiġu evitati danni punittivi,

G. billi l-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri jagħmel parti mid-dritt pubbliku u billi l-għadd ta’ każijiet privati li ttellgħu quddiem il-qrati nazzjonali huma relattivament żgħir, minkejja li diversi Stati Membri adottaw jew ser jadottaw miżuri sabiex jiffaċilitaw il-prosekuzzjoni ta’ talbiet għad-danni minn individwi privati fil-każ ta' ksur tar-regoli Ewropej dwar il-kompetizzjoni,

H. billi t-tressiq ta’ azzjonijiet legali privati għandu jikkumplementa u jsostni, iżda ma jistax jieħu post, l-infurzar tal-liġi tal-kartell min-naħa tal-awtoritajiet, u billi l-kapaċitajiet tal-istaff u dawk finanzjarji tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom jingħataw spinta sabiex ikun hemm il-possibiltà ta’ prosekuzzjoni tal-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni aktar effettiva,

I.   billi irrispettivament minn kif tiġi riżolta kawża, huwa essenzjali li jiġu stabbiliti proċeduri u salvagwardji biex ikun żgurat li l-partijiet kollha jirċievu trattament ġust filwaqt li jkun żgurat li ma jsirux abbużi mis-sistema, bħalma ġara f’sistemi legali oħra, u b’mod partikolari fl-Istati Uniti;

J.   billi għal kull proposta li ma tkunx fil-kompetenza esklużiva tal-Komunità, il-Kummissjoni trid tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità,

1.  Jilqa b'sodisfazzjon il-White Paper u jenfasizza li r-regoli tal-KE dwar il-kompetizzjoni, u b’mod partikolari l-infurzar effettiv tagħhom, jesiġu li l-vittmi tal-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE għandu jkollhom dritt għal riżarċiment tad-danni mġarrba;

2.  Jinnota li l-Kummissjoni s'issa għadha ma speċifikatx bażi legali għall-miżuri proposti, u li għandu jingħata aktar qies għall-identifikazzjoni ta’ bażi legali għall-interventi ppjanati fil-proċeduri nazzjonali dwar danni mhux kuntrattwali u l-liġi proċedurali nazzjonali;

3.  Huwa tal-fehma li diversi ostakli għal kumpens effettiv għall-vittmi tal-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, bħal għadd kbir ta’ danni f’daqqa u danni mifruxa, l-iżbilanċi tal-informazzjoni u problemi oħra li jitfaċċaw fil-prosekuzzjoni tat-talbiet ta’ riżarċiment tad-danni, ma jseħħux biss fil-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni, imma wkoll f'oqsma oħra, bħal pereżempju fir-responsabbilizzazzjoni għal prodotti u kwistjonijiet oħra relatati mal-konsumaturi;

4.  Ifakkar li l-konsumaturi individwali imma anki n-negozji ż-żgħar, speċjalment dawk li sofrew minn danni mifruxa u ta’ valur relattivament baxx, ta’ spiss jiġu skoraġġuti milli jibdew azzjonijiet individwali ta’ riżarċiment tad-danni minħabba l-ispejjeż, id-dewmien, l-inċertezzi, ir-riskji u l-piżijiet involuti; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li l-kumpens kollettiv, li jippermetti l-aggregazzjoni tat-talbiet individwali tal-vittmi ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE u jtejjeb il-ħila tagħhom li jiksbu aċċess għall-ġustizzja, huwa deterrent importanti; jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan ir-rigward, il-proposti tal-Kummissjoni dwar mekkaniżmi li għandhom jiġu stabbiliti sabiex jittejjeb il-kumpens kollettiv filwaqt li tiġi evitata litigazzjoni eċċessiva;

5.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li d-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Saħħa u għall-Konsumatur fl-aħħar tal-2008 ippubblika r-riżultati ta' żewġ studji dwar l-istrumenti kollettivi għall-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri u l-ostakli possibbli għas-suq intern li jirriżultaw minn leġiżlazzjonijiet differenti fl-Istati Membri; jindika wkoll li l-Kummissjoni ppubblikat green paper dwar l-għażliet possibbli tal-Komunità għal azzjoni fil-qasam tal-liġi tal-ħarsien tal-konsumatur u ħabbret il-pubblikazzjoni ta’ dokument tal-politika ieħor fl-2009; jenfasizza li l-miżuri fil-livell Komunitarju m'għandhomx iwasslu għall-frammentazzjoni tal-arbitrarja u mhux meħtieġa tal-liġijiet ta' proċedura nazzjonali, u għaldaqstant, għandu jitqies bir-reqqa, jekk għandux jintgħażel, u sa liema punt, aproċċ orizzontali jew integrat sabiex jiffaċilita soluzzjonijiet barra mill-qrati u l-prosekuzzjoni ta’ talbiet għal riżarċiment tad-danni; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, li twettaq eżami tal-bażijiet legali possibbli u kif tipproċedi b’mod orizzontali jew integret għalkemm mhux neċessarjament permezz ta’ strument orizzontali wieħed, u biex jastjenu, fil-frattemp, milli jippreżentaw kwalunkwe mekkaniżmu ta’ rimedju kollettiv għall-vittmi ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE mingħajr ma tippermetti lill-Parlament biex jieħdu sehem fl-adozzjoni tagħhom bil-proċedura ta' kodeċiżjoni;

6.  Jinnota li t-talbiet għal danni li jirriżultaw minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE għandhom jiġu ttrattati konsistentement ma’ talbiet oħra mhux kuntrattwali safejn ikun possibbli, huwa tal-fehma li approċċ orizzontali jew integrat jista' jkopri r-regoli proċedurali li huma komuni għal mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv f’oqsma differenti tal-liġi, u jisħaq li dan l-approċċ m'għandux jittardja jew iwaqqaf l-iżvilupp ta' proposti u miżuri identifikati bħala neċessarji għall-infurzar sħiħ tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE; jinnota, madankollu, l-analiżi aktar avvanzata tal-kumpens f’ambitu ċivili marbuta mal-liġi tal-kompetizzjoni u l-qafas avvanzat tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, inkluż in-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni, u jqis li, għallinqas rigward ċerti kwistjonijiet, dan jiġġustifika avvanz b’pass mexxej, filwaqt li jitqies li wħud mill-miżuri maħsuba jistgħu jiġu estiżi għal oqsma mhux relatati mal-kompetizzjoni; Hu tal-fehma li tali regoli settorjali diġà jistgħu jiġu proposti fir-rigward tal-kumplessitajiet u d-diffikultajiet partikulari li jiffaċċjaw il-vittmi ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni;

7.  Jinnota li l-kisba ta’ ftehim ‘darba għal dejjem’ għall-konvenuti hija mixtieqa sabiex jitnaqqsu l-inċertezza u l-effetti ekonomiċi eżaġerati li jista’ jkollhom impatt fuq l-impjegati, il-fornituri, is-subkuntratturi u partijiet innoċenti oħrajn; jitlob għall-introduzzjoni possibbli ta' proċedura ta’ ftehim għal għadd kbir ta’ talbiet li jirriżultaw minn azzjonijiet kollettivi li jistgħu jiġu inizjati jew mill-partijiet qabel ma jieħdu azzjoni legali jew li jistgħu jiġu ordnati mill-qorti li l-azzjoni tkun tressqet quddiemha, bil-għan li jintlaħaq ftehim barra mill-qorti billi wieħed ifittex li jkun hemm approvazzjoni ġudizzjarja ta’ ftehim ta’ soluzzjoni li jkun jista’ jiġi ddikjarat vinkolanti għall-vittmi kollha li jkunu pparteċipaw fil-proċedura li permezz tagħha jintlaħaq ftehim; jenfasizza li obbligu bħal dan ma jridx jinvolvi ll l-proċeduri jitwalu żżejjed, u lanqas m’għandu jippromwovi l-ftehim inġust tat-talbiet; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tfittex modi ta' kif tikseb aktar ċertezza inkluż valutazzjoni dwar jekk kwalunkwe persuna li sussegwentament tagħmel klejm għandhiex normalment tkun mistennija li ma teħux aktar mir-riżultat tas-soluzzjoni kollettiva;

8.  Huwa tal-opinjoni li xerrejja diretti jew indiretti għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, għall-prosekuzzjoni tat-talbiet iżolati (stand-alone) jew ta’ segwitu (follow-up) tagħhom, talbiet individwali, kollettivi jew rappreżentattivi, li jistgħu jitressqu wkoll fil-form ta’ każ ‘ta’ prova’, imma li biex jiġu evitati azzjonijiet multipli minn parti waħda għall-istess kawża ta’ azzjoni, l-għażla ta’ kawża ta’ azzjoni għandha tipprekludi lil xi parti milli tuża kawża oħra ta’ azzjoni, kemm simultanjament kif ukoll sussegwentement; fil-każ li partijiet differenti jniedu proċeduri separati, għandhom isiru tentattivi sabiex dawn jiġu magħquda jew jitqiegħdu f’sekwenza;

9.  Huwa tal-opinjoni, li sabiex tiġi evitata litigazzjoni abbużiva, is-setgħa ta’ prosekuzzjoni f’azzjonijiet rappreżentattivi għandha tingħata mill-Istati Membri lil korpi statali bħall-Ombudsman jew lil entitajiet kwalifikati bħal assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar l-inġunzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumatur[7] , u li l-għoti ta' awtorizzazzjoni ad hoc għat-twettiq ta’ azzjonijiet tali għandu jitqies prinċipalment għal assoċjazzjonijiet kummerċjali li jorganizzaw il-proċeduri tat-talbiet għal riżarċiment tad-danni għall-intrapriżi;

10. Jitlob li grupp ta' nies delimitat b'mod ċar biss iridu jitħallew jieħdu sehem fl-azzjonijiet kollettivi, u li l-identifikazzjoni tal-membri ta' dak il-grupp fil-każ ta' talba ta’ opt-in kollettiva u l-identifikazzjoni fil-każ ta' azzjonijiet rappreżentattivi mressqa minn entitajiet kwalifikati li jkunu nominati minn qabel jew awtorizzati ad hoc għandhom isiru f’perjodu ta' żmien ċar mingħajr dewmien żejjed filwaqt li jirrispettaw il-leġiżlazzjoni eżistenti li tipprevedi data aktar tard; jenfasizza li d-dannu li wieħed ikun ġarrab tassew biss jista' jiġi riżarċit; jinnota li fil-każ li talba tkun ta' suċċess, ir-riżarċiment tad-danni għandu jitħallas lill-grupp identifikat jew lil persuna nnominata minnhom u lill-entità kkwalifikata tista' tikseb biss ir-rimborż tal-ispejjeż li jkunu saru matul il-prosekuzzjoni tat-talba u ma tistax tkun, la direttament u lanqas indirettament, il-persuna nnominata biex tirċievi r-riżarċiment tad-danni;

11. Jenfasizza li fil-każ ta' talba iżolata li tirnexxi, mhix eskluża prosekuzzjoni sussegwenti mill-awtoritajiet għall-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE; itenni wkoll li biex l-impriżi jiġu nkoraġġuti jagħtu kumpens malajr u bl-aktar mod effettiv possibbli lill-vittmi ta’ aġir illeċitu, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni huma mitluba jqisu l-kumpens imħallas jew li għandu jitħallas meta jiddeterminaw il-multa li għandha tkun imposta fuq l-impriża konvenuta; jinnota li dan, madankollu, mgħandux jinterferixxi mad-dritt tal-vittmi għal kumpens sħiħ tad-danni mġarrba jew bil-ħtieġa li jżommu l-objettiv ta’ deterrent tal-multi, u m’għandux jirriżulta f’inċertezza twila fir-rigward tal-finalità tal-ftehim għall-kumpaniji; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex b’mod espliċitu jinkorporaw il-prinċipji tar-Regolament (KE) 1/2003 dawn il-prinċipji dwar il-multi u sabiex itejbu u jispeċifikaw aktar dawn il-prinċipji sabiex ikun hemm konformità mal-prinċipji legali ġenerali;

12. Josserva li g]andu jkun hemm stadju preliminari fejn issir xi valutazzjoni prima facie tal-merti ta' azzjoni kollettiva, u jenfasizza li min jagħmel talba b'mod kollettiv ma jridx ikun f'pożizzjoni aħjar jew agħar minn min jagħmilha individwalment; jitlob għall-applikazzjoni, fil-kuntest ta' mekkaniżmi kollettivi ta’ kumpens, tal-prinċipju li l-parti li tagħmel it-talba trid tipprovdi evidenza għat-talba tagħha, sakemm il-liġi nazzjonali applikabbli ma tipprevidix it-tħaffif tal-oneru tal-prova jew l-iffaċilitar tal-aċċess għall-informazzjoni u għall-evidenza li jkollu f’idejh il-konvenut;

13. Jitlob li l-Kummissjoni tkun meħtieġa, fis-segwitu ta’ investigazzjoni, li tippermetti aċċess għall-informazzjoni meħtieġa lill-vittmi ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni għall-eżerċitar ta’ azzjonijiet ta’ riżarċiment tad-danni, u jenfasizza li l-Artikolu 255 tat-Trattat KE u r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jiddefinixxi dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, li jistgħu jiċħdu l-aċċess biss fil-kundizzjonijiet stipulati f’dak ir-Regolament, u b’mod partikolari fl-Artikolu 4 tiegħu; iqis, għaldaqstant, li l-Kummissjoni trid tinterpreta r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 b’dan il-mod, jew inkella tipproponi emenda għalih; jenfasizza li, meta l-awtoritajiet jagħtu aċċess għad-dokumenti, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u tal-kumpaniji tal-konvenut jew ta’ partijiet terzi, u jinnota li huma meħtieġa linji gwida dwar it-trattament ta’ applikazzjoni għal klemenza;

14. Jemmen li qorti nazzjonali m’għandhiex tintrabat b'deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ta' Stat Membru ieħor, mingħajr preġudizzju għar-regoli li jipprevedu l-effett vinkolanti ta’ deċiżjonijiet adottati minn membru tan-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni, permezz tal-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat u b’relazzjoni mal-istess kawża tal-azzjoni; josserva li l-programmi ta’ taħriġ u ta’ skambju għandhom iwasslu għal konverġenza ta’ deċiżjonijiet sabiex l-aċċettazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ssir in-norma;

15. Jenfasizza li att intenzjonat dejjem għandu jkun prerekwiżit għal talba ta’ riżarċiment tad-danni, u li l-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE jrid ikun sar, għall-inqas, b'negliġenza, sakemm ma jkunx hemm il-preżunzjoni, jew il-preżunzjoni konfutabbli ta’ ħtija fil-liġi nazzjonali fil-każ ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE, li tiżgura infurzar konsistenti u koerenti tal-liġi tal-kompetizzjoni;

16. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li r-riżarċiment hu imfassal b'mod li jagħmel tajjeb għat-telf u għall-profitt mitluf, inklużi l-ammonti miżmuma eċċessivi u l-interessi, u jitlob li din id-definizzjoni tad-danni tiġi stabbilita għall-mekkaniżmi kollettivi għall-infurzar tal-liġi fil-livell Komunitarju;

17. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tal-Kummissjoni fuq qafas ta' gwida mhux vinkolanti għall-kalkolu tad-danni, li jista’ jinkludi, b’mod li jkun siewi, gwida dwar l-informazzjoni meħtieġa sabiex isir il-kalkolu u l-applikazzjoni ta’ kalkoli bħal dawn għall-mekkaniżmi alternattivi ta’ riżoluzzjoni tal-kawżi, kull fejn ikun possibbli;

18. Jinnota li l-iżvilupp ta’ appoċċ Komunitarju komuni dwar it-trasferiment tad-danii fih mertu, u japprova l-ammissibiltà tad-difiża tat-trasferiment tad-danni bħal difiża, li l-evidenza għal din id-difiża trid dejjem tkun pprovduta mill-konvenut, u li l-qrati għandhom l-għażla li jirrikorru għal regoli nazzjonali stabbiliti dwar ir-rabta bejn il-kawżalità u r-responsabilizzazzjoni sabiex jaslu għal deċiżjonijiet ġusti fil-każijiet individwali; jissuġġerixxi li jiġu suġġeriti linji gwida dwar il-punt safejn ix-xerrej indirett u b’mod partiluarli l-aħħar xerrej indirett jista’ jiddependi fuq il-preżunzjoni konfutabbli li l-ammont ta’ ħlas żejjed mitlub illegalment ikun ġie mgħoddi lilhom kollu kemm hu, sal-livell tiegħu;

19. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li fil-każ ta' ksur kontinwu jew ripetut, il-perjodi ta' preskrizzjoni jibdew fil-ġurnata meta jieqaf il-ksur jew meta l-vittma tista’ tkun b'mod raġonevoli mistennija li tkun saret taf bil-ksur, skont liema tiġi wara; jenfasizza li r-regoli fuq il-perjodi ta' preskrizzjoni jservu wkoll biex joħolqu ċ-ċertezza legali u li fil-każ li ma titressaqx azzjoni pubblika jew privata, għandu japplika perjodu ta' preskrizzjoni ta' ħames snin; jilqa' b'sodisfazzjon ukoll il-fatt li l-perjodu ta' preskrizzjoni għal talbiet individwali għandu jkun ibbażat fuq il-liġi nazzjonali, u jitlob li dan għandu japplika għal kawżi mressqa b'referenza għal sentenzi preċedenti wkoll; jinnota li l-liġijiet tal-Istati Membri li jirregolaw is-sospensjoni jew l-interruzzjoni tal-perjodu ta’ preskrizzjoni m’għandhomx ikunu affettwati;

20. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Istati Membri se jiddeterminaw ir-regoli tagħhom dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż; iħalliha f’idejn l-Istati Membri sabiex jevalwaw jekk għandhomx jiżguraw li l-assimetrija tar-riżorsi bejn il-kwerelant u l-konvenut fi proċeduri logali ykunx deterrent għat-tressiq ta' azzjoniijiet fondati għad-danni, u josserva li l-aċċess għall-ġustizzja jrid ikun ukoll ibbilanċjat permezz ta' miżuri b'saħħithom sabiex ikun evitat l-abbuż permezz ta', fost l-oħrajn, azzjonijiet frivoli, vessatorji jew ta’ rikatt;

21. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-applikazzjoni tal-programm ta' klemenza hi ta' kontribut kbir biex jinkixfu l-kartelli, u b'hekk qabel xejn jippermetti l-possibilità li jsiru prosekuzzjonijiet privati, u jitlob biex ikunu eżaminati mezzi biex tkun sostnuta l-attrazzjoni tal-applikazzjoni għall-programmi ta' klemenza; jenfasizza li minkejja l-importanza tal-applikazzjoni tal-programm ta’ klemenza, l-eżenzjoni sħiħa ta’ xhieda li jikkoperaw minn responsabiltà konġunta u solidali tmur kontra s-sistema u tiċħad kategorikament eżenzjoni tali għaliex hi dannuża għal bosta vittmi tad-danni;

22. Jistieden lill-Kummissjoni, sabiex ma ddgħajjifx id-dritt tal-vittmi li jressqu azzjonijiet għad-danni, anzi li jiffaċilitawhom, bħala prijorità, biex jiġi evitat li proċeduri relatati ma’ kartelli u kompetizzjoni jiġu abbandunati, u biex dawk il-każijiet li huma sinifikanti jiġu konklużi permezz ta’ deċiżjoni ċara;

23. Jinsisti li l-Parlament Ewropew għandu jkun involut fil-qafas tal-proċedura tal-kodeċiżjoni f'kull inizjattiva leġiżlattiva fil-qasam tar-rimedju kollettiv;

24. Jitlob li kull proposta leġiżlattiva tkun preċeduta minn analiżi indipendenti tal-benefiċċjimeta mqabbla mal-ispejjeż.

25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lis-sieħba soċjali fil-livell Komunitarju.

  • [1]     ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 653.
  • [2]     ĠU L 1. 4.1.2003, p. 1.
  • [3]     ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18.
  • [4]     ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.
  • [5]     ĠU C 298, 8.12.2006, p. 17.
  • [6]     ĠU L 171, 1.7.2008, p.3
  • [7]  ĠU L 166, 11.6.1998, p. 51.

NOTA SPJEGATTIVA

Ir-rapporteur jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni, fil-White Paper tagħha, żammet id-distanza minn għadd kbir ta' proposti tal-Green Paper tagħha tal-2005 li kellha twassal għal "Amerikanizzazzjoni" tal-infurzar tal-liġi privata fl-Ewropa. Ir-rapporteur, fl-ifformular ta' dan ir-rapport, ibbaża ruħu fuq il-premessa: kull min sofra xi dannu għandu jkollu d-dritt li jirċievi riżarċiment għad-danni li jkun sofra; għalkemm min jagħmel xi azzjoni kollettiva m'għandux ikun f'pożizzjoni aħjar minn min jagħmel azzjoni individwali.

Ir-rapporteur jiddubita jekk il-mekkaniżmi tal-infurzar tal-liġi privata humiex sottożviluppati fl-Istati Membri, minħabba li ħafna mill-Istati Membri saħħew il-"private enforcement" wara l-ġuriżdizzjoni relevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Iżda l-infurzar regolatorju tal-liġi għall-kompetizzjoni tal-KE għandu jibqa' fuq ta' quddiem, minħabba li l-awtoritajiet tal-kartell għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom strumenti investigattivi tal-liġi pubblika li ma jistgħux jintużaw mill-privat; sadattant l-infurzar privat jibqa' jkollu effett kumplimentari.

Ir-rapporteur jiddubita wkoll mill-kumpetenza tal-Kummissjoni dwar il-proposti tagħha. Żgur li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża l-miżuri tagħha fuq il-qasam tad-danni nazzjonali u fuq il-liġi tal-proċess skont l-Artikolu 83 tat-Trattat. Jekk u sa liema punt l-Artikoli 95 jew 65 tat-Trattat jistgħu jittieħdu bħala bażi legali hija kwestjoni li għad trid tiġi eżaminata fid-dettal.

Il-kwestjoni tal-kompetenza titqajjem ukoll fil-każ ta' strument orizzontali. Ir-rapporteur jissuġġerixxi li wieħed jistenna l-komunikazzjoi mid-DĠ għall-Protezzjoni tal-Konsumatur dwar il-kwestjoni tal-mekkaniżmi għall-infurzar kollettiv qabel ma jidħol f'diskussjoni dwar l-istrument orizzontali għall-istrumenti tal-infurzar kollettiv. Il-komunikazzjoni se tkun ibbażata fuq żewġ studji li għandhom jipprovdu l-informazzjoni dwar il-mekkaniżmi attwali għall-infurzar kollettiv fl-Istati Membri u l-ostakoli li jistgħu jinqalgħu fis-suq intern, li jirriżultaw minn leġiżlazzjoni nazzjonali differenti. Il-problemi deskritti mill-Kummissjoni dwar il-liġi tal-kompetizzjoni jinsabu wkoll f'oqsma oħra, għalhekk jidher xieraq li ma jiddaħħlux arranġamenti settorali. Minnflok, għandu jiġi kkunsidrat bir-reqqa jekk u kemm, approċċ orizzontali għandux jintagħżel biex jitjiebu l-possibilitajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Ewropa. L-għan ta' kull miżura fuq livell Ewropew għandu jkun li tiġi evitata l-frammentazzjoni tar-regoli ta' proċedura.

Ir-rapporteur jiddeduċi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li x-xerrejja indiretti għandhom ikunu intitolati li jressqu azzjonijiet ukoll. Dwar il-prosekuzzjoni tat-talbiet, azzjonijiet konġunti u/jew rappreżentattivi huma possibbli taħt forma ta' talbiet iżolati (stand-alone) jew kawżi ta' segwitu (follow-up).

Entitajiet kwalifikati jistgħu jingħataw azzjonijiet rappreżentattivi. Ir-rapporteur huwa tal-opinjoni li entità kwalifikata għandha tkun speċifikata skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/27/KE dwar l-inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumatur. Din hija importanti biex jiġu esklużi l-possibilitajiet ta' prosekuzzjonijiet mhux xierqa. Awtorizzazzjonijiet ad-hoc għandhom qabel kollox jitqiesu għall-assoċċjazzjonijiet li jagħmlu azzjonijiet legali għad-danni għal kumpaniji li sfaw vittma ta' ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. L-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju b'mod partikolari huma affettwati wkoll mill-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE daqs kemm huma l-konsumaturi.

Iżda r-rapporteur jitlob biex ikun hemm grupp ta' nies li jkun identifikat b'mod ċar li jieħdu sehem f'azzjoni rappreżentattiva; mhux biżżejjed identifikazzjoni. Barra min hekk irid jiġi ċċarat li l-identifikazzjoni tkun kompluta meta titressaq it-talba. Il-White Paper tissuġġerixxi li l-azzjoni rapreżentattiva għandha tieħu l-forma ta' mudell ta' opt-out, li tkun impossibbli f'ħafna Stati Membri għal raġunijiet kostituzzjonali. L-identifikazzjoni hija neċessarja fir-rigward tal-livell tal-allegati danni u fit-tqassim tagħhom.

Id-danni li jkunu saru fil-verità għandhom jiġu kkumpensati. Id-dutrina ta' cy-pres meħuda mil-liġi komuni (it-tqassim li jkun preċiż kemm jista' jkun) jikkontradixxi dan il-prinċipju, minħabba li d-danni li jkunu saru fil-verità ma jitħallsux. Partijiet mid-danni mressqa lanqas m'għandhom jitħallew f'idejn l-assoċċjazzjoni rappreżentattiva minħabba li jistgħu jagħtu inċentiv lill-assoċċjazzjoni biex tressaq talbiet li possibilment ma jkunux fundati u minħabba li tmur kontra l-kunċett ta' kumpens. L-ispejjeż tal-prosekuzzjoni jistgħu jiġu riżarċiti.

Ir-rapporteur jitkellem ukoll favur il-permess għal azzjoni ta' opt-out kollettiva. Il-Kummissjoni għad trid tqiegħed il-kriterji preċiżi, pereżempju li l-opt-out għandha ssir qabel iż-żmien meta titressaq it-talba. Barra minn hekk l-għażla ta' strument għandha teskludi l-għażla ta' strumenti oħra sabiex ma jkunux jistgħu jitressqu talbiet multipli kontra l-konvenut.

Bil-proposta tagħha, il-Kummissjoni tixtieq titbiegħed mill-prinċipju li jinsab ukoll f'Artikolu 2 tar-Regolament 1/2003, fejn persuna li tkun qed tallega ksur għandha tipprova tali ksur. Iżda mhux meħtieġ mill-konvenut li jipprovdi evidenza lill-attur. Tassew teżisti asimetrija ta' informazzjoni bejn l-attur u l-konvenut, iżda din tiġri l-ħin kollu fir-relazzjonijiet tal-liġi proċedurali. Eżatt fil-kwestjoni tal-aċċess għall-evidenza li huwa ta' importanza deċiżiva li l-atturi kollettivi m'għandhomx ikunu f'pożizzjoni aħjar mill-pożizzjoni tal-atturi individwali. Minnflok ma jiġu introdotti rekwiżiti ta' żvelar ta' informazzjoni fil-livell Ewropew, l-Istati Membri għandhom ikomplu jirregolaw l-aċċess għal evidenza skont il-prinċipji tal-liġi nazzjonali. Dan l-approċċ jevita l-periklu ta' forum shopping (it-tfittxija għal qorti li tista' taqta' s-sentenza favorevoli) minħabba li r-rekwiżiti għall-iżvelar estensiv ta' informazzjoni jżidu sew l-ispejjeż tal-litigazzjoni u jservu ta' deterrent għat-tressieq tat-talbiet. Fil-każ ta' każijiet ta' segwitu, il-vittmi għandu jingħatalhom il-permess li jkollhom aċċess għad-dokumenti tal-Kummissjoni, sakemm l-interessi li jkollhom bżonn ta' protezzjoni b'mod urġenti ma jiġux ipperikolati fil-proċess. Ir-rapporteur huwa tal-opinjoni li dan id-dritt joħroġ mill-Artikolu 255 KE u mir-Regolament għat-Trasparenza 1049/2001, u li mhux limitat mill-proposta għall-emenda (2008) 229.

Ir-rapporteur jinnota li l-effett vinkolanti tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet għall-kompetizzjoni nazzjonali (NCAs) għandu x'jaqsam biss mal-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE. L-eżistenza ta' każwalità, eċċ. għandha tingħaraf mill-qorti li quddiemha jitressaq l-appell. L-effett vinkolanti tad-deċiżjonijiet mill-Kummissjoni jinsab f'Artikolu 16 tar-Regolament 1/2003. Il-Kummissjoni wkoll għarfet l-abbozz tar-Regolament 1/2003 (COM 2000 (582)) li "id-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet għall-kompetizzjoni nazzjonali ... m'għandhomx ikollom effetti barra mit-territorju tal-Istat Membru tagħhom". M'hemmx raġunijiet ċari biex wieħed jitbiegħed mill-prinċipju li deċiżjoni amministrattiva ta' Stat tista' tkun valida biss fit-territorju sovran tiegħu. Id-deċiżjonijiet tal-NCAs għalhekk jista' jkollhom biss status legali vinkolanti intern. L-Istati Membri jistgħu, madankollu, ikomplu jirrikonoxxu l-effetti legali vinkolanti tad-deċiżjonijiet ta' NCAs barranin.

Ir-rapporteur qiegħed jagħmel talba għallinqas fil-każ ta' ksur negliġenti tal-kompetizzjoni. M'hemmx raġuni għaliex wieħed għandu jitlaq mir-rekwiżit tan-negliġenza li, barra minn hekk, iġib miegħu multa li għandha tiġi imposta skont l-Artikolu 23 tar-Regolament 1/2003.

Ir-rapporteur jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li telf bħal profitti mitlufa għandhom jiġu rimborżati bl-interessi. Imma m'għandux jingħata kumpens żejjed. Dan ukoll m'għandux ikun biss standard minimu u għandu jkun stabbilit fl-Ewropa kollha sabiex ikun evitat il-forum shopping. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ Manfredi, irrikonoxxiet l-ammissibilità tad-dispożizzjonijiet interni dwar id-danni punittivi, imma din is-sentenza tapplika biss fin-nuqqas ta' regoli tal-Komunità dwar il-kwistjoni. Din is-sentenza tapplika biss fin-nuqqas ta' regoli tal-Komunità dwar il-kwistjoni. Il-leġiżlaturi Komunitarji għalhekk jistgħu jeskludu l-possibilità tal-ħlas ta' danni punittivi għall-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE.

Għall-kalkolu tad-danni, ikun ta' siwi qafas ta' linji gwida li ma jorbotx. Madankollu, il-kalkolu tad-danni fil-prattika żgur joħloq problemi konsiderevoli, billi jkunu jridu jintużaw mudelli ekonomiċi kkumplikati bħala referenza.

Il-kwistjoni tal-ammissibilità li wieħed jgħaddi l-ispejjeż żejda fuq ħaddieħor ma jistax ikollha soluzzjoni waħda għall-każijiet kollha, billi n-nuqqas ta' tagħrif dwar il-katina tad-distribuzzjoni jfisser li l-partijiet fil-każ se jsibuha iebsa li jagħtu provi tal-mogħdija tal-ispejjeż għad-danni. Ir-rapporteur jaqbel li mhux aċċettabbli li wieħed jagħmel din ix-xorta ta' difiża, imma jirrifjuta r-regola ta' preżunzjoni konfutabbli proposta mill-Kummissjoni, li biha d-dannu jitqies li jkunu għadda kollu fuq ix-xerrej indirett. It-tħaffif tal-oneru tal-prova jista' jkun previst biss f'ċirkustanzi eċċezzjonali, li s'issa l-Kummissjoni għad ma rnexxilihiex tipprova. Bil-maqlub, m'hemm l-ebda evidenza xjentifika li tissuġġerixxi li d-dannu bħala regola ġenerali jgħaddi fuq ix-xerrej indirett. Barra minn hekk, jekk il-mogħdija tal-ispejjeż żejda ma tkunx tista' tiġi ppruvata, hemm ir-riskju li l-akkużat jinżamm responsabbli fuq għadd ta' kapi ta' akkuża, billi jkun obbligat li jħallas id-danni lix-xerrej indirett fuq il-bażi tar-regola tas-suppożizzjoni kif ukoll lix-xerrej dirett fil-każ li ma jkunx jista' jipprova l-mogħdija tal-ispejjeż żejda. Madankollu, id-danni doppji (mill-inqas) hija sanzjoni li l-awtoritajiet pubbliċi biss jistgħu jimponu. Il-prinċipju għalhekk għandu jinżamm li min jagħmel it-talba għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jiġġustifika t-talba. Dan l-approċċ jaqbel mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li kulħadd għandu jkollu d-dritt għal kumpens għad-danni. Il-kliem "fil-prinċipju" jiżgura li l-qrati nazzjonali jżommu l-għażla f'każijiet individwali li jaġixxu fuq is-suppożizzjoni li l-ispejjeż tassew jgħaddu fuq ħaddieħor (pereżempju, fil-każ ta' kuntratti cost-plus). Barra minn hekk, kif tgħid il-Kummissjoni fid-dokument ta' ħidma taħt l-intestatura "Remoteness" (paragrafu 205), il-qrati għandhom iżommu l-possibilità li jtejbu l-għoti tal-kumpens f'każijiet individwali fuq il-bażi tar-regoli stabbiliti mil-liġi kriminali nazzjonali.

Ir-rapporteur jaqbel mal-Kummissjoni li fil-każ ta' infrazzjonijiet kontinwi jew ripetuti, il-perjodi ta' limitazzjoni jibdew fil-ġurnata meta tieqaf l-infrazzjoni jew meta l-vittma jkun raġonevolment mistenni li jkun sar jaf bl-infrazzjoni. Madankollu, wieħed għandu jżomm f'moħħu li talba qatt ma tista' tiskadi jekk ma jkun hemm għarfien tagħha. Din ma tistax tkun l-intenzjoni, billi l-perjodu ta' limitazzjoni huwa intiż biex joħloq iċ-ċertezza legali. Għal din ir-raġuni, għandu jiġi stabbilit perjodu assolut ta' limitazzjoni ta' għaxar snin. Ir-rapporteur jaqbel mal-prinċipju tal-perjodu ta' limitazzjoni fil-każ ta' talbiet iżolati bbażati fuq il-liġi nazzjonali. Fil-każ ta' talbiet follow-on ma hemmx raġunijiet ċari biex jiġi stabbilit perjodu ta' limitazzjoni ta' mill-inqas sentejn, u għalhekk din il-limitazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-liġi nazzjonali. Fl-aħħar nett, huwa suffiċjenti li jiġi sospiż il-perjodu ta' limitazzjoni waqt il-proċedimenti pubbliċi u mhux meħtieġ li l-perjodu jerġa' jibda mill-bidu. Is-sospensjoni ma tikkawżax it-telf ta' drittijiet għall-vitmmi, anzi żżid iċ-ċertezza u l-paċi legali.

Ir-rapporteur, bħall-Kummissjoni, ma jixtieqx ibiddel ir-regoli nazzjonali dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż, billi l-prinċipju stabbilit sew fl-Istati Membri li t-tellief iħallas iservi ta' inċentiv biex ma jsirux talbiet bla bżonn. Għalhekk, il-Kummissjoni m'għandha lanqas tuża l-istrumenti tal-liġijiet li ma jorbtux sabiex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jaġġustaw ir-regoli tagħhom dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż. Il-Kummisjjoni m'għandhiex tfassal xi linji ta' gwida dwar il-finanzjament għal talbiet għad-danni, billi dan joħloq industrija ta' talbiet bla bżonn.

Ir-rapporteur jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ta' programm ta' klemenza jagħti kontribut importanti biex jinkixef il-ksur tal-liġi tal-kartell, billi qabel xejn ikunu jistgħu jsiru prosekuzzjonijiet privati. Għal din ir-raġuni għandhom jiġu eżaminati modi għaż-żamma tal-attrazzjoni tal-applikazzjoni għall-programm ta' klemenza fuq l-isfond tal-prinċipju tal-kumpens. Il-komplikazzjoni ta' din il-kwistjoni m'għandhiex twassal għal konklużjonijiet mgħaġġla. Wieħed għad irid jara kif il-proposti tal-White Paper se jidħlu fil-proċedura ta' konċiljazzjoni ġdida proposta.

OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (3.12.2008)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar il-White Paper dwar Azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust
(2008/2154(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Corina Creţu

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jistieden lill-Kummissjoni, bl-iskop li jintlaħaq livell ogħla ta' ċertezza legali u joktor il-ħarsien tal-konsumatur, sabiex tikkunsidra li tipproponi taħlita xierqa ta' miżuri kemm leġiżlattivi u kemm mhux leġiżlattivi b'regoli u mekkaniżmi komuni li se jippermettu aċċess għal kumpens sħiħ għal kull individwu li jsofri danni bħala riżultat ta' ksur ta' xi liġi tal-kompetizzjoni;

2.   Jilqa' b'sodisfazzjon it-taħlita ta' proposti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-azzjonijiet rappreżentattivi mressqa minn entitajiet ikkwalifikati, bħal m'huma l-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur, korpi statali u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ, flimkien mal-possibilità ta' azzjonijiet kollettivi parteċipattivi, li għandhom jgħinu sabiex jiġi żgurat il-kumpens tal-biċċa l-kbira tal-vittmi; madankollu, iqis li għandha tingħata aktar konsiderazzjoni għall-azzjonijiet kollettivi, li għandhom il-mertu li jipproduċu "ftehim ta' darba għal dejjem" għall-konvenut u b'hekk titnaqqas l-inċertezza;

3.   Jappoġġja l-idea li azzjonijiet rappreżentattivi u azzjonijiet kollettivi parteċipattivi għandhom jikkumplementaw lill-xulxin b'tali mod li jinkiseb bilanċ ċar bejn il-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi individwali u ta' gruppi ta' konsumaturi;

4.   Jappoġġja l-użu ta' azzjonijiet kollettivi parteċipattivi, imma jenfasizza l-bżonn li jkun żgurat li dejjem għandha tibqa' l-għażla ħielsa tal-konsumatur jekk iridx jipparteċipa jew le, mingħajr indħil barrani mhux mixtieq f'dik id-deċiżjoni;

5.   Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida ulterjuri f'livell ta' Komunità għal dak li għandu x'jaqsam mal-kwantifikazzjoni tad-danni; ma jaċċettax dawk li jissejħu danni ta' kastig, peress li d-danni mogħtija m'għandhomx ikunu ogħla mid-danni li fil-fatt ikunu ġew sofferti;

6.   Iqis li, fir-rigward ta' azzjonijiet kollettivi, għandu jkun hemm żewġ kundizzjonijiet ċari preċedenti qabel ma dawn l-azzjonijiet ikunu jistgħu jinbdew:

(a)    għandu jkun hemm xi forma ta' evalwazzjoni jew test tal-merti applikata minn korp ta' awtorizzazzjoni nazzjonali xieraq, li jista' jkun imħallef nazzjonali, ombudsman jew personaġġ simili;

(b)    għandu jkun hemm xi tentattiv jew rakkomandazzjoni preliminari għall-partijiet sabiex jilħqu ftehim permezz tal-ADR;

huwa tal-fehma li l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma għandha ddewwem bla bżonn il-proċeduri u lanqas ma għandha tippreġudika l-partijiet;

7.   Jappoġġja l-fehma li l-ispejjeż tal-proċeduri legali ma għandhomx jiskuraġġixxu lil min jagħmel talba milli jressaq azzjonijiet imsejsa tajjeb u għalhekk jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa, bħalma huma li jippermettu eċċezzjonijiet jew inkella li jillimitaw kemm jiġu jiswew l-ispejjeż ġudizzjarji, bl-iskop li jitnaqqsu l-ispejjeż marbutin ma' azzjonijiet għal danni ta' antitrust; madankollu, jemmen li l-Kummissjoni għandha bżonn tkompli taħdem aktar fl-eżami tagħha ta' kif eżattament dawn l-azzjonijiet jistgħu jiġu ffinanzjati minn min jagħmel it-talba u għandha bżonn ukoll li tistudja mudelli varji ta' finanzjament biex ikun żgurat l-aċċess għall-ġustizzja;

8.   Iqis li r-regoli dwar l-aċċess għall-evidenza għal min iressaq talba għandhom jissaħħu sabiex ikun possibbli għal min iressaq talba li jkollu l-aċċess meħtieġ għall-fajls miżmuma mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu stmati d-danni b'mod preċiż kemm jista' jkun, sakemm dan l-aċċess ma jqiegħedx l-investigazzjonijiet tal-awtoritajiet fil-periklu;

9.   Iqis li l-Kummissjoni għandha tħeġġeġ arrangamenti biex isiru ftehimiet barra mill-qorti, bil-għan li jitħaffu l-proċeduri tal-arbitraġġ u jitnaqqsu l-ispejjeż;

10.  Jappoġġja l-proposta li l-piż tal-prova jinqaleb, għall-benefiċċju tax-xerrejja indiretti, abbażi tal-preżunzjoni li huma jġorru l-ispejjeż żejda kollha ġġenerati mill-prattiki illegali kkonċernati;

11. Iqis li, ladarba jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 81 jew 82 tat-Trattat KE, ir-rekwiżit tal-ħtija jiġġenera diffikultajiet għall-vittmi u ma jħallihomx jiksbu l-kumpens xieraq għad-dannu li jkunu ġarrbu; għalhekk jappoġġja l-proposta li d-deċiżjonijiet finali tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jingħataw effet ta' rabta fl-UE kollha;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni taddotta approċċ konsistenti bejn ir-regoli tar-rimedju kollettiv fir-rigward tal-liġi tal-kompetizzjoni u r-regoli kkontemplati fil-qafas ġenerali tal-ħarsien tal-konsumatur.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

1

14

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriela Creţu, Mia De Vits, Janelly Fourtou, Evelyne Gebhardt, Martí Grau i Segú, Małgorzata Handzlik, Malcolm Harbour, Christopher Heaton-Harris, Anna Hedh, Edit Herczog, Eija-Riitta Korhola, Alexander Graf Lambsdorff, Lasse Lehtinen, Toine Manders, Catiuscia Marini, Arlene McCarthy, Catherine Neris, Bill Newton Dunn, Zita Pleštinská, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Leopold Józef Rutowicz, Salvador Domingo Sanz Palacio, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Eva-Britt Svensson, Marianne Thyssen, Jacques Toubon, Barbara Weiler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Emmanouil Angelakas, Wolfgang Bulfon, Brigitte Fouré, Joel Hasse Ferreira, Anja Weisgerber

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Maddalena Calia

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (22.1.2009)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar il-White Paper dwar l-azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli kontra l-monopolju (regoli tal-antitrust) tal-KE
(2008/2154(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Francesco Enrico Speroni

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jilqa’ b’sodisfazzjon it-tfassil ta’ White Paper li tipproponi soluzzjoni fil-livell Komunitarju għall-problema tal-iżgurar tal-aċċess għall-ġustizzja għal min jagħmel klejm, u b’hekk ikunu qed jiġu segwiti objettivi ta’ politika ġenerali (speċifikament, li jiġi żgurat aċċess usa’ għall-ġustizzja permezz tal-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni u l-iskoraġġiment ta’ prattiki illegali min-naħa tal-intrapriżi), filwaqt li fl-istess ħin tiġi evitata l-litigazzjoni bla mertu u opportunistika;

2.  Iqis li kull proposta li jiddaħħlu mekkaniżmi kollettivi ta' rimedju għal ksur ta’ regoli Komunitarji ta’ kontra l-monopolju:

(a)  għandha tippermettu li l-vittmi tal-infrazzjonijiet ta’ dawk ir-regoli jkunu assenjati kumpens għad-dannu riżultanti mġarrab minnhom;

(b)  għandha takkumpanja, u mhux tieħu post, il-forom alternattivi ta’ protezzjoni li diġà jeżistu f’xi Stati Membri (bħal azzjonijiet rapreżentattivi u każijiet ta' prova);

(c)  għandha tkun ibbażata fuq mudell li jkun jista’ jiġi applikat ukoll għal tipi oħra ta’ tilwim sabiex tipprovdi protezzjoni ġudizzjarja għal konsumaturi f’każijiet simili; iqis f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni għandha teżamina jekk għandux jintgħażel approċċ orizzontali biex ikun eħfef li wieħed jafferma klejms legali għall-kumpens;

(d)  għandu jkollha regoli maħsuba sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi li rriżultaw f’sistemi legali oħra, partikolarment tal-Istati Uniti tal-Amerika;

3.  Iqis li kull mekkaniżmu kollettiv ta' rimedju:

(a)  għandu jeskludi l-possibilità li jiġu assenjati danni punittivi jew danni li huma sproporzjonati għad-dannu li fil-fatt ikun ġie mġarrab;

(b)  partikolarment fil-każ ta’ azzjonijiet kollettivi tat-tip issuġġerit mill-Kummissjoni, u mingħajr dewmien mhux xieraq tal-proċeduri, għandu jirrikjedi li l-merti tal-azzjonijiet ikunu ttestjati minn korp nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni (bħal imħallef nazzjonali jew ombudsman nazzjonali jew persuna simili) qabel ma jkunu jistgħu jinbdew;

(c)  partikolarment fil-każ ta’ azzjonijiet kollettivi tat-tip issuġġerit mill-Kummissjoni, u mingħajr dewmien mhux xieraq tal-proċeduri jew ħsara lill-partijiet, għandu jirrikjedi jew jirrakkomanda li l-partijiet jipprovaw jilħqu soluzzjoni permezz ta’ Ilħuq Alternattiv ta’ Soluzzjoni għat-Tilwim (Alternative Dispute Resolution –ADR) qabel ma jibdew xi azzjoni;

(d)  għandu jħaddan il-prinċipju li l-parti li ġġib il-klejm għall-ksur trid tipprovdi evidenza li ssostni l-klejm tagħha biex ikunu evitati “spedizzjonijiet ta’ sajd” sakemm l-Istati Membri ma’ jistipulawx li jitħaffef l-oneru tal-provi;

(e)  għandu jżomm il-prinċipju fundamentali li l-parti telliefa għandha tħallas l-ispejjeż sakemm Stat Membru ma jkunx stabbilixxa regoli differenti dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż;

(f)   għandu jobbliga lil dawk li jintrigaw mid-difiża fuq bażi ta’ ħlas ta’ kontinġenza li jagħtu lill-klijenti tagħhom tagħrif ċar dwar l-ispejjeż li jridu jħallsu fil-każ li l-azzjoni toħroġ bla suċċess, fejn l-Istat Membru li fih tinġieb l-azzjoni jipprovdi għall-possibilità li jsiru arranġamenti ta' ħlas ta' kontinġenza.

(g)  għandu jħalli l-possibilità li azzjonijiet ta’ 'opt-in' u azzjonijiet rappreżentattivi jinġiebu minn entitajiet kwalifikati;

4.  Iqis li l-qorti li tkun qed tieħu konjizzjoni għandu jkollha setgħat wiesgħa in limine litis sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-ammissibilità jew l-inammissibilità tal-każ u li, b’mod aktar ġenerali, il-qorti għandu jkollha setgħat wiesgħa sabiex tmexxi każijiet fuq bażi flessibbli sabiex il-proċedura tkun tista' tiġi adattata għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ ikkonċernat;

5.  Iqis li huwa xieraq li l-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur jew ir-rapprepreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-ħarsien tal-konsumatur jitħallew jipparteċipaw fi proċeduri kontra l-monopolju miġjuba mill-awtorità kompetenti;

6.   Iqis li t-tnaqqis tal-multa imposta għat-twettiq ta’ offiża jekk l-intrapriżi joffru soluzzjoni ġusta liċ-ċittadini li jkunu ġarrbu d-dannu, jista’ jġib miegħu vantaġġi kemm materjali u kemm proċedurali lil ċittadini bħal dawn, filwaqt li soluzzjoni obbligatorja m’għandhiex tkun mezz biex iżżomm lill-partijiet milli jieħdu azzjoni legali;

7. Jistenna li kull proposta leġiżlattiva tkun preċeduta minn analiżi indipendenti tal- benefiċċji/l-ispejjeż.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.1.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Carlo Casini, Bert Doorn, Monica Frassoni, Giuseppe Gargani, Neena Gill, Klaus-Heiner Lehne, Katalin Lévai, Antonio López-Istúriz White, Manuel Medina Ortega, Hartmut Nassauer, Aloyzas Sakalas, Eva-Riitta Siitonen, Francesco Enrico Speroni, Diana Wallis, Rainer Wieland, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Brian Crowley, Eva Lichtenberger, József Szájer, Jacques Toubon

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.3.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mariela Velichkova Baeva, Paolo Bartolozzi, Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Sharon Bowles, Manuel António dos Santos, Elisa Ferreira, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Donata Gottardi, Gunnar Hökmark, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Sophia in ‘t Veld, Gay Mitchell, Sirpa Pietikäinen, John Purvis, Eoin Ryan, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Margarita Starkevičiūtė

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Mia De Vits, Harald Ettl, Werner Langen, Klaus-Heiner Lehne, Gianni Pittella

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Françoise Castex, Hans-Peter Mayer