RAPPORT dwar Ftehima ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Indja

12.3.2009 - (2008/2135(INI))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Sajjad Karim

Proċedura : 2008/2135(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0131/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar Ftehima ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Indja

(2008/2135(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt għal Sħubija Strateġika bejn l-Indja u l-UE tas-7 ta' Settembru 2005 u b'mod partikulari s-sezzjoni dwar l-iżvilupp tal-kummerċ u l-investiment, u l-verżjoni riveduta tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta tad-29 ta’ Novembru 2003 tar-Raba Samit Kummerċjali bejn l-UE u l-Indja u speċjalment l-Inizjattiva Konġunta bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indja sabiex jittejjeb il-kummerċ u l-investiment,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tad-Disa Laqgħa Round Table bejn l-Indja u l-UE f'Hyderabad bejn it-18 u l-20 ta' Settembru 2005,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kummerċ bejn l-UE u l-Indja ppreżentat lis-Seba' Samit bejn l-UE u l-Indja li sar f'Ħelsinki fit-13 ta' Ottubru 2006,

–   wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta tad-29 ta' Settembru 2008 tad-Disa' Samit bejn l-UE u l-Indja li sar f'Marsilja,

   wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta tat-30 ta' Settembru 2008 tad-Disa' Samit Kummerċjali bejn l-UE u l-Indja li sar f'Pariġi,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar il-Ftehima dwar Aspetti Kummerċjali tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (TRIPS) u dwar is-Saħħa Pubblika adottata fid-29 ta’ Novembru 2005,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar il-proposta għal-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-obbligu tal-liċenzjar tal-privattivi relatati mal-manifattura ta' prodotti farmaċewtiċi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi bi problemi ta' saħħa pubblika[1],

–   wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Fehim dwar il-koperazzjoni bilaterali bejn l- Office of the Controller General of Patents, Designs and Trade Marks (l-Uffiċċju tal-Kontroll Ġenerali tal-Privattivi, Disinni u Trade Marks) u l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, iffirmat fis-29 ta’ Novembru 2006,

–   wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) dwar Intrapriżi Multinazzjonali u d-Dikjarazzjoni Tripartita tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tat-22 ta' Marzu 2006 tal-Kummissjoni bit-titolu "L-Implimentazzjoni tas-Sħubija għat-Tkabbir u l-Impjiegi: Nagħmlu l-Ewropa pilastru ta' eċċellenza fir-rigward tar-Responsabilità Soċjali tal-Intrapriżi” (COM(2006)136),

–   wara li kkunsidra l-Istatistika tal-Impjiegi tal-OECD tal-2008/2007,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-5 ta' Frar 2008 tal-Kummissjoni bit-titolu “Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna ta' l-UE” (COM(2008)0055),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima tal-2004 bit-titolu "Il-Pass li jmiss lejn Sħubija Strateġika", milħuqa bejn l-Indja u l-Istati Uniti, u l-Ftehima dwar l-Użu Ċivili għall-Enerġija Nukleari, negozjata waqt iż-żjara statali tal-President George W. Bush fl-Indja fit-2 ta’ Marzu 2006,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ April 2006 dwar il-valutazzjoni tar-Rawnd ta’ Doħa wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Hong Kong[2],

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Ministri tar-Raba' Konferenza Ministerjali tad-WTO, adottata fl-14 ta' Novemberu 2001 f'Doħa u b'mod partikulari l-paragrafu 44 tagħha rigward Trattament Speċjali u Differenzjali (SDT),

–   wara li kkunsidra s-Samit dwar l-Enerġija bejn l-UE u l-Indja li sar f' New Delhi fis-6 ta' April 2006,

–   wara li kkunsidra t-Tielet Laqgħa dwar l-Enerġija bejn l-UE u l-Indja tal-20 ta’ Ġunju 2007,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2005 dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indja: Sħubija Strateġika[3],

–   wara li kkunsidra l-istudju dwar il-Klawsoli tad-Drittijiet tal-Bniedem u tad-Demokrazija fil-Ftehimiet tal-UE kkummissjonati mis-Sottokumitat tal-Parlament dwar id-Drittijiet tal-Bniedem[4],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2006 bit-titolu “Ewropa Globali li tikkompeti fid-dinja - Kontribut lill-Istrateġija tal-UE għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi” (COM(2006)0567),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-qabdiet mid-Dwana ta’ oġġetti ffalsifikati fil-fruntieri esterni tal-UE ppubblikat fid-19 ta’ Mejju 2008,

–   wara li kkunsidra l-analiżi kwalitattiva ta’ Ftehima potenzjali ta’ Kummerċ Ħieles (FTA) bejn l-UE u l-Indja miċ-Ċentru għall-Analiżi ta’ Integrazzjoni Reġjonali f’Sussex,

–   wara li kkunsidra l-Analiżi Ekonomika tal-15 ta’ Marzu 2007 dwar l-impatt ekonomiku ta’ ftehima potenzjali ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Indja kkummissjonata mis-Centre d'études prospectives et d'informations internationales (CEPII) u mis-Centre d'initiatives et de recherches européennes en Méditerrannée (CIREM),

   wara li kkunsidra ir-rapport dwar l-Analiżi Globali u l-Abbozz tar-Rapport Interim dwar l-Evalwazzjoni tal-Impatt tas-Sostenibilità Kummerċjali tal-FTA bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indja, imwettqa minn ECORYS,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ Settembru 2006 dwar “Ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali tal-Unjoni Ewropea mal-Indja”[5],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 dwar “Il-Ftehima TRIPS u l-aċċess għall-mediċini”[6]

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2006 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-klawsola tad-demokrazija fil-ftehimiet tal-Unjoni Ewropea[7],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Frar 2007 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tad-Daliti fl-Indja[8],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2007 dwar "Ewropa Globali - aspetti esterni tal-kompetittività"[9],

   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2008 dwar il-Kummerċ tas-Servizzi[10],

   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Lulju 2008 dwar l-allegazzjoni ta’ oqbra tal-massa fl-inħawi tal-Kashmir amministrati mill-Indja[11],

   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Settembru dwar il-preparazzjoni għas-Samit bejn l-UE u l-Indja (Marsilja, 29 ta' Settembru 2008)[12],

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta Strateġija tal-Pajjiż li jikkonċerna l-Indja (2007-2013),

–   wara li kkunsidra ż-żjara f’New Delhi mid-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew f’Novembru 2008,

–   wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bil-mod wisq mal-Awtoritajiet Indjani meta mqabbel ma’ dawk li għaddejjin mar-Repubblika tal-Korea u saħansitra dawk mal-Assoċjazzjoni tal-Pajjiżi tax-Xlokk tal-Ażja (ASEAN),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar il-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0131/2009),

A. billi l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tagħti prijorità lil sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, stabbilita permezz tad-WTO, li toffri l-aħjar prospetti għal kummerċ internazzjonali ġust u ekwu billi tistabbilixxi regoli xierqa u tassigura konformità magħhom,

B.  billi l-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doħa (DDA) hija ta’ importanza kruċjali kemm għall-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-Indja,

C. billi r-relazzjonijiet politiċi mal-Indja huma bbażati fuq is-Sħubija Strateġika tal-2004, fuq il-Pjan ta' Azzjoni Konġunt tal-2005 adottat fis-Samit bejn l-UE u l-Indja f’Settembru 2005 u rivedut fid-9 Samit bejn l-UE u l-Indja f’Marsilja u fuq il-Ftehima ta' Koperazzjoni tal-1994; billi l-FTA għandha tibni u tespandi fuq il-koperazzjoni diġà prevista fl-Artikolu 24 tal-Ftehima ta' Koperazzjoni,

D. billi l-Unjoni Ewropea hija l-akbar sors ta’ Investiment Barrani Dirett (FDI) għall-Indja, b' EUR 10.9 biljun investiti fl-2007; u l-Unjoni Ewropea tirrappreżenta 65% tal-flussi kollha tal-FDI fl-Indja fl-2007; u billi l-FDI tal-Indja fl-Unjoni Ewropea żdied minn 500 miljun fl-2006 għal EUR 9.5 biljun fl-2007,

E.  billi l-Indja kienet is-17-il sieħba kummerċjali l-aktar importanti tal-Unjoni Ewropea fl-2000 u telgħat fid-disa' post fl-2007; billi bejn l-2000 u l-2006, il-kummerċ fi prodotti bejn l-UE u l-Indja kiber b’madwar 80%,

F.  billi fl-2008 l-Bank Dinji kklassifika lill-Indja fil-122 post (minn 178 ekonomiji) f’termini ta’ “faċilità sabiex isir il-kummerċ”,

G. billi kif iddikjarat fir-Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem għall-2007/2008 tal-programm taż-Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Indja tikklassifika fil-128 post fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem (minn 177 pajjiż), 35% tal-popolazzjoni Indjana tgħix b’anqas minn dollaru (US) kuljum u 80% b'inqas minn żewġ dollari (US) kuljum; billi l-Indja tikklassifika fit-62 post fl-indiċi tal-faqar tal-bniedem għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw fost il-108 pajjiżi li qed jiżviluppaw li għalihom kien ikkalkulat l-indiċi; u billi l-Indja għandha waħda mill-ogħla rati ta’ tfal li jaħdmu,

H. billi l-iżbilanċi ekonomiċi bejn l-Istati tal-Indja, u għalhekk id-distribuzzjoni żbilanċjata tal-ġid u tad-dħul nazzjonali jeħtieġu l-adozzjoni ta’ politiki ekonomiċi kumplamentari u sodi, fosthom l-armonizzazzjoni tat-taxxa u l-iffukar tal-isforzi biex tinbena l-kapaċità fuq l-ifqar Stati, sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu użu mill-fondi,

I.   billi l-Indja hija l-akbar benefiċjarju tal-iskema tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (GSP); billi l-importazzjonijiet preferenzjali tal-Unjoni Ewropea mill-Indja laħqu valur ta’ EUR 11.3 biljun fl-2007 meta mqabbla mad-EUR 9.7 biljun fl-2006,

J.   billi ż-żewġ partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għat-tnaqqis tat-tariffi, għal aktar liberalizzazzjoni ta’ stabbiliment u għall-kummerċ fis-servizzi; billi l-investiment għandu jsir b’mod prudenti, bir-reqqa u għandu jiġi evalwat b’attenzjoni,

K. billi l-aċċess għas-suq għandu bżonn ikun akkumpanjat b’regoli u standards trasparenti u xierqa li jassiguraw li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tkun ta’ benefiċċju,

L.  billi għandhom jitqiesu aktar u kif xieraq l-elementi dwar għarfien, protezzjoni xierqa u effettiva, implimentazzjoi u infurzar tad-Drittitjiet tal-Proprjetà Intellettwali (IPRs), inklużi privattivi, trade marks jew service marks, id-dritt tal-awtur u drittijiet simili, indikazzjonijiet ġeografiċi (inklużi tikketti ta’ oriġini), disinn industrijali u topografija taċ-ċirkwiti integrati,

M. billi l-Indja hija waħda mill-akbar għejun ta’ mediċini ffalsifikati li jinqabdu mis-servizzi tad-dwana tal-Istati Membri (madwar 30% tat-total); billi mediċini ffalsifikati u ta’ standards baxxi jiffavorixxu r-reżistenza għall-mediċini, u jżidu l-morbożità u l-mortalità,

N. billi l-Artikolu 1(1) tal-Ftehima ta’ Koperazzjoni jipprevedi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi; billi dan jikkonstitwixxi element essenzjali tal-ftehima,

O. billi skont l-Indiċi tal-Ġuħ Globali tal-2008, l-Indja tinsab fis-66 post minn 88 pajjiż (pajjiżi li għadhom jiżviluppaw u pajjiżi li jinsabu fi tranżizzjoni), billi skont l-Indiċi tal-Ġuħ tal-Indja l-ebda Stat Indjan ma jidħol fil-kategoriji ta’ "ftit ġuħ" jew "ġuħ moderat"; tnax-il Stat jidħol fil-kategorija "allarmanti" u erba’ Stati – il-Punjab, Kerala, Haryana u Assam – jidħlu fil-kategorija ta’ "ġuħ serju",

P.  billi l-FTA għandha tinkludi impenji li jorbtu u li jista' jiġu infurzati dwar standards soċjali u ambjentali u dwar żvilupp sostenibbli u implimentazzjoni effettiva tal-istandards internazzjonali miftehma fil-qasam soċjali u ambjentali bħala kundizzjoni neċessarja biex tkun appoġġjata l-promozzjoni ta’ xogħol diċenti permezz ta’ implimentazzjoni domestika effettiva tal-istandards ewlenin tax-xogħol tal-ILO,

Q. billi l-Indja ma ffirmatx it-Trattat ta’ Non-Proliferazzjoni; billi l-Grupp tal-Fornituri Nukleari neħħa l-embargo fuq il-kummerċ nukleari tal-Indja u billi l-Kungress tal-Istati Uniti approva l-Ftehima ta’ Koperazzjoni Nukleari bejn l-Istati Uniti u l-Indja,

R.  billi waqt id-Disa' Samit bejn l-UE u l-Indja f’Marsilja ġiet iffirmata Ftehima Orizzontali dwar l-Avjazzjoni u billi l-Indja kklassifikat fil-ħdax-il post f’termini ta’ traffiku ta’ passiġġieri bejn il-pajjiżi tal-UE u pajjiżi terzi; Billi l-Unjoni Ewropea u l-Indja adottaw Pjan ta’ Azzjoni rivedut li estenda s-sħubija strateġika tal-2005 sabiex tkopri setturi oħra, u billi ġie stabbilit Ċentru Ewropew għan-Negozju u t-Teknoloġija fl-Indja,

Kwistjonijiet Ġenerali

1.  Jemmen li l-FTA għandha tkun bilanċjata u kumpatibbli mar-regoli u l-obbligi tad-WTO; iqis li l-prijorità kummerċjali tal-Unjoni Ewropea għadha s-suċċess tal-Aġenda ta’ Doħa għall-Iżvilupp, u li n-negozjati mal-Indja dwar l-FTA għandhom għalhekk ikunu kumplamentari għar-regoli multilaterali;

2.  Ifakkar li s-Sħubija Strateġika bejn l-Indja u l-UE hija bbażata fuq prinċipji komuni u valuri maqsuma, kif riflessa fil-Ftehima ta’ Koperazzjoni tal-1994 bejn il-KE u l-Indja u fil-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt tal-2005; l-FTA l-ġdida bbażata fuq il-kompetittività għandha tikkumplimenta l-Ftehima ta' Koperazzjoni tal-1994 li magħha għandha tiġi marbuta legalment u istituzzjonalment;

3.  Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżultat tad-Disa' Samit bejn l-UE u l-Indja u l-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt rivedut; ifakkar fl-impenn tal-Unjoni Ewropea u tal-Indja sabiex iħaffu t-taħdidiet tal-FTA; iħeġġeġ lill-partijiet fin-negozjati sabiex jassiguraw li jittieħed biżżejjed żmien għal konsultazzjonijiet aktar fil-fond mal-partijiet interessati ewlenin inklużi membri parlamentari fl-Indja kif ukoll fl-Unjoni Ewropea, sabiex jiġi assigurat ftehim bilanċjat li jqis l-interessi u l-perspettivi tal-partijiet kollha interessati milquta;

4.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet statali u federali tal-Indja sabiex jissinkronizzaw politiki u proċeduri sabiex jippermettu li jkun massimizzat il-gwadann kollu li jista’ jkun hemm;

5.  Jirrimarka, filwaqt li jibbaża fuq il-komplimentarjetajiet taż-żewġ ekonomiji, dwar il-potenzjal fil-ġejjieni ta’ żieda fil-kummerċ u l-investiment bejn l-UE u l-Indja u ta’ opportunijiet enormi ta’ kummerċ li joħorġu mill-FTA; iqis li l-FTA bejn l-UE u l-Indja huwa ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat iżda jirrakkomanda li titwettaq evalwazzjoni tad-diffikultajiet eżistenti speċifiċi għas-settur; jenfasizza, barra minn hekk, li l-FTA għandha tiżgura li din iż-żieda fil-kummerċ bilaterali ġġib magħha benefiċċji lill-akbar numru ta’ nies u tikkontribwixxi sabiex l-Indja tilħaq l-Għanijiet tagħha taż-Żvilupp għall-Millennju (MDGs), inkluża l-prevenzjoni tad-degradazzjoni ambjentali;

6.  Iħeġġeġ lill-partitjiet biex jindirizzaw ukoll l-iżvantaġġi potenzjali tal-FTA u l-modi kif l-iżvilupp tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi jistgħu jintlaqtu ħażin minħabba l-ftuħ imgħaġġel tas-swieq; jirrikonoxxi d-dritt tal-gvernijiet li jżommu 'l-ispazju tal-politika' neċessarju u l-kapaċitajiet regolatorji biex jitfasslu l-politiki ekonomiċi u soċjali li jaqdu lill-aktar nies vulnerabbli fis-soċjetà tagħhom, inklużi miżuri kummerċjali biex iħarsu l-atturi ekonomiċi dgħajfa;

7.  Jenfassiza li FTA għandha tinkludi sistema ta’ monitoraġġ kontinwu u ta’ evalwazzjoni komprensiva, sabiex jiġi ddeterminat l-impatt soċjo-ekonomiku tal-ftehima; jappella biex id-dispożizzjonijiet tal-FTA ikunu aġġustati skont il-konklużjoni ta’ din l-evalwazzjoni;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi kapitlu dwar żvilupp sostenibbli ambizzjuż bħala parti essenzjali tal-FTA u suġġetta għall-mekkaniżmu standard tas-soluzzjoni tat-tilwim;

Kummerċ tal-Prodotti

9.  Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżultati ta’ ħafna simulazzjonijiet ta’ kummerċ ħieles li juru li l-FTA twassal għal żieda fl-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet globali kemm għall-UE kif ukoll għall-Indja; jenfasizza li bir-rata medja attwali ta’ tkabbir, il-kummerċ bilaterali huwa mistenni li jaqbeż EUR 70.7 biljun sal-2010 u EUR 160.6 biljun sal-2015;

10. Jinnota li l-Indja naqqset it-tariffi medji applikati għal livelli li issa jistgħu jitqabblu ma’ ta’ pajjiżi oħra fl-Ażja, b’mod partikulari t-tariffa medja applikata tal-Indja li issa hija ta’ 14.5% meta mqabbla mal-medja tal-UE ta’ 4.1%;

11. Iqis li huwa importanti li l-FTA tikkonferma d-dispożizzjonijiet tal-Ftehima dwar Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ u tal-Ftehima dwar is-Sanità u il-Fitosanità; jistieden lill-Kummissjoni sabiex f’dan ir-rigward tindirizza kwistjonijiet pendenti bħall-benesseri tal-annimali;

12. Jinnota li l-Indja hija mħassba dwar in-nuqqas ta' armonizzazzjoni tal-istandards mikro-bijoloġiċi fl-UE, tal-implikazzjonijiet tar-REACH, ta' ċertifikati li jiswew il-flus biex jiġi esportat il-frott lejn l-UE, u ta' proċeduri ta' konformità għall-marka EC li jiswew il-flus, u jenfasizza li dawn il-kwistjonijiet għandhom ikunu solvuti fl-FTA; jistieden liż-żewġ partijiet biex jiżguraw li r-regolamentazzjoni u l-ostakoli mhux tariffarji għall-kummerċ (NTBs) jitmexxew b’mod li l-kummerċ globali ma jkunx imxekkel; jistieden kemm lill-Unjoni Ewropea kif ukoll lill-Indja biex jaħdmu aktar mill-qrib fil-gruppi differenti ta’ ħidma tagħhom lejn qafas aktar trasparenti għal regolamenti u standards tekniċi; barra minn hekk jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi għajnuna teknika biex tappoġġja produtturi Indjani fl-isforzi tagħhom biex jilħqu l-istandards tal-UE, b’mod partikolari fejn jidħlu d-dimensjonijiet ta’ saħħa, dawk ambjentali u soċjali tal-produzzjoni, u b’hekk jinħolqu sitwazzjonijiet fejn minnhom jiggwadanja kulħadd;

13. Jirrikonoxxi li l-iskema tal-istandards tal-Indja għadha qed tiżviluppa; jistieden lill-Bureau tal-Istandards Indjani u l-Organizzazzjoni Ċentrali ta’ Kontroll Standard tal-Mediċini (CDSCO) biex jgħolli l-istandards tagħhom b'konformità mal-istandards internazzjonali u biex iżidu t-trasparenza billi jtejbu l-proċeduri tagħhom ta' testing u ta’ ċertifikazzjoni; huwa mħasseb dwar l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-miżuri u l-istandards sanitarji u fitosanitarji; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ xieraq biex issaħħaħ il-kapaċità u r-riżorsi umani kwalifikati fi ħdan l-entitajiet regolatorji Indjani;

14. Jenfasizza li l-FTA għandha tinkludi mekkaniżmu vinkolanti għas-soluzzjoni ta' kwistjonijiet bejn żewġ stati, dispożizzjonijiet ta' medjazzjoni dwar NTBs u dwar anti-dumping u miżuri dwar dazji tas-sisa protettivi u klawsola ta' eċċezzjoni ġenerali bbażata fuq l-Artikoli XX u XXI tal-Ftehima Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT);

15. Jappella sabiex tingħata prijorità lit-tnaqqis tat-tariffi fil-Kummerċ Ġust u fuq prodotti sostenibbli billi jsiru l-emendi xierqa tal-kodiċi tad-dwana tal-UE;

16. Bil-volumi li qed jiżdiedu ta’ prodotti ffalsifikati li jidħlu fl-Unjoni Ewropea, jitlob lill-awtoritajiet Indjani biex jippermettu lill-ispetturi tad-dwana tal-UE josservaw u jagħmlu monitoraġġ ta’ vapuri li jaslu fil-portijiet Indjani u li jkunu ddestinati għall-Unjoni Ewropea;

Il-Kummerċ tas-Servizzi, u l-Istabiliment

17. Jirrikonoxxi li s-servizzi huma l-iktar parti tal-ekonomija Indjana li qed tikber b'rata mgħaġġla; jinnota li l-Indja għandha interessi offensivi fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tal-Mode 1 tal-Ftehima Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS); l-Unjoni Ewropea tixtieq tikkonkludi l-liberalizzazzjoni tal-aċċess għas-suq u t-trattament nazzjonali f'Mode 3 f'ħafna mis-servizzi;

18. Jiġbed l-attenzjoni li l-liberalizzazzjoni tas-servizzi bl-ebda mod m’għandha tfixkel id-dritt biex jiġu regolati s-servizzi, u speċjalment biex jinżammu u jiġu żviluppati servizzi pubbliċi sodi, element essenzjali għall-iżvilupp, il-ġustizzja soċjali u d-demokrazija;

19. Jiġbed l-attenzjoni li skont il-Federazzjoni Indjana tal-Kmamar tal-Kummerċ u l-Industrija sal-2015 il-kummerċ tas-servizzi huwa mistenni li jaqbeż l-EUR 246.8 biljun sa meta l-FTA fis-Servizzi tiġi implimentata;

20. Jinnota li l-kummerċ fis-servizzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indja huwa relattivament żbilanċjat; l-UE tesporta 1.5% tas-servizzi tagħha lejn l-Indja, filwaqt li l-Indja tesporta 9.2% tal-esportazzjoni totali tagħha lejn l-Unjoni Ewropea;

21. Iħeġġeġ lill-Indja sabiex tiżviluppa leġiżlazzjoni xierqa dwar il-protezzjoni tad-data li tippermetti li l-Indja tilħaq l-istejtus ta’ pajjiż b’livell adegwat ta’ protezzjoni jew li tippermetti t-trasferiment ta’ data personali mill-Unjoni Ewropea fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni Ewropea, u f’konformità magħha;

22. Jinnota li l-Indja hija l-ħames l-akbar suq fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet fid-dinja u li s-suq tat-telekomunikazzjoni kiber b’madwar 25% fis-sena fl-aħħar 5 snin; fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, jilqa’ r-rilassament tar-restrizzjonijiet dwar is-sjieda barranija iżda jiddispjaċih li għad baqa' restrizzjonijiet għall-politika domestika; jappella għalhekk li jkun hemm tnaqqis tar-restrizzjonijiet tal-liċenzji fuq il-fornituri tas-servizzi; u li titneħħa l-inċertezza politika fis-sistemi ta’ tariffi u interkonnessjonijiet u jenfasizza l-ħtieġa li jinbidlu l-liġijiet antiki li jirregolaw is-settur b’leġiżlazzjoni ġdida li tħares 'il quddiem u li tinkorpora liġijiet dwar iċ-ċibernetika u sistema ġdida ta’ licenzjar;

23. Fir-rigward is-settur tas-satelliti, jistieden lill-Indja biex twettaq djalogu u tiftaħ is-suq tagħha għal kumpaniji tal-UE sabiex:

(a) tappoġġja aħjar l-għanijiet ta’ żvilupp nazzjonali u biex tlaħħaq mad-domanda domestika li dejjem qed tikber għal Televiżjoni Direct-To-Home u servizzi tal-broadband, u

(b) tegħleb it-tħassib dwar sigurtà rigward servizzi bis-satellita fil-qasam tal-mowbajls b’soluzzjonijiet tekniċi ġodda li jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali b’kontroll ferm xieraq tal-komunikazzjonijiet tal-mowbajl bis-satellita;

24. Jieħu nota tal-impenn tal-Indja sabiex tippermetti kumpaniji legali barranin joperaw fl-Indja; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tesplora mal-awtoritajiet Indjani l-opportunità u l-ambitu tal-liberalizzazzjoni tas-servizzi legali fl-FTA;

25. Jinnota li l-ambizzjoni sħiħa tal-FTA ma tistax tintlaħaq mingħajr impenji f’Mode 4; jenfasizza li hemm benefiċċji kbar ħafna konnessi mal-akkreditazzjoni nazzjonali u fl-UE kollha tal-kwalifiki professjonali u ftehimiet dwar l-għarfien reċiproku u r-rekwiżiti tal-liċenzjar fi ħdan is-servizzi professjonali kemm fl-UE kif ukoll fl-Indja, li jistgħu jkunu koperti faċilment mill-FTA; minkejja dan jitlob li ssir analiżi bir-reqqa tal-qagħda li tikkonċerna l-Istati Membri individwali tal-Unjoni Ewropea;

26. Jitlob lill-Indja biex tadotta approċċ aktar miftuħ fl-għoti ta’ viżi lil ċittadini u professjonisti tan-negozju u politiċi mill-Istati Membri tal-UE, bi dħul multiplu u b’tul taż-żjara ta’ mill-inqas sena;

Investiment

27. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkorpora kapitolu dwar l-investiment fl-FTA li jista’ jipprevedi sistema ta’ punt uniku għall-informazzjoni għall-investituri;

28. Jilqa’ b’sodisfazzjoni l-istabbiliment taċ-Ċentru Ewropew għan-Negozju u t-Teknoloġija fi New Delhi li għandu l-għan li jtejjeb il-koperazzjoni bejn in-negozji u fit-teknoloġija bejn l-Indja u l-Istati Membri;

29. Ifakkar li l-investimenti jeħtieġ li jkunu akkumpanjati b’regoli u regolamenti mfassla tajjeb; jafferma mill-ġdid, f’dan il-kuntest, ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2007 dwar “ir-responsabilità soċjali tal-intrapriżi: sħubija ġdida”[13] u jitlob lill-Kummissjoni tassigura li l-kumpaniji transnazzjonali bbażati fl-UE u li għandhom faċilitajiet ta’ produzzjoni fl-Indja jirrispettaw l-istandards ewlenin tal-ILO, il-patti soċjali u ambjentali u ftehimiet internazzjonali biex jinkiseb bilanċ dinji bejn it-tkabbir ekonomiku u standards soċjali u ambjentali ogħla;

30. Jirriknoxxi li l-kapitoli ta’ investiment tal-FTA ta’ spiss jiġu akkumpanjati b’impenji biex jiġu liberalizzati l-movimenti ta’ kapital u jiġi rrinunzjat il-kontroll fuq il-kapital; jitlob lill-Kummissjoni biex ma tibqax tinkludi klawsoli bħal dawn, meta titqies l-importanza tal-kontrolli ta’ kapital – speċjalment għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw – biex inaqqsu l-impatt tal-kriżi finanzjarja;

L-akkwist pubbliku

31. Jinnota li l-Indja mhix lesta li tinkludi l-akkwist pubbliku fl-FTA;

Il-Politika dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali, l-Industrija u l-Kummerċ

32. Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn li jkun hemm skema IPR b'saħħitha u favur l-użu ta’ flessibiltajiet tal-ftehima TRIPS biex ilaħħqu mal-obbligi pubbliċi tas-saħħa, l-aktar fir-rigward tal-aċċess għall-mediċini; jenfasizza li dawn in-negozjati għandhom ikunu kompatibbli mal-ħarsien tal-bijodiversità u l-għarfien tradizzjonali; jitlob lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet Indjani kkonċernati biex jikkoordinaw azzjonjiet li jindirizzaw b’mod effettiv il-ġlieda kontra l-iffalsifikar u, b’mod partikolari, kontra l-iffalsifikar tal-mediċini;

33. Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Indja biex jiżguraw li l-impenji skont l-FTA ma jeskludux l-aċċess għal mediċini essenzjali waqt li l-Indja qed tiżviluppa l-kapaċità tagħha minn industrija ġenerika għal waħda bbażata fuq ir-riċerka;

34.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Indja biex iżżid il-kwota tagħha ta’ nfiq pubbliku għas-saħħa u jinkoraġġixxi din ix-xejra bil-għan li jiġi assigurat aċċess xieraq għal servizzi tal-kura tas-saħħa effettivi, partikolarment fiż-żoni rurali;

35. Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Indja biex flimkien jiffinanzjaw u jappoġġjaw miżuri u inizjattivi bħal fondi bi premju, l-użu ta’ privattivi minn iktar minn kumpanija waħda u mekkaniżmi alternattivi oħra, sabiex jappoġġjaw l-aċċess u l-innovazzjoni fil-mediċini, partikolarment għal mard li jiġi traskurat;

Il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli

36. Jirrikonoxxi li kapitolu dwar l-iżvilupp sostanzjali huwa parti essenzjali ta’ kull FTA u suġġett għall-mekkaniżmu standard dwar it-tilwim;

37. Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Indja biex jiżguraw li l-kummerċ u l-FDI ma jitħeġġux billi jiddgħajfu l-istandards u l-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-ambjent, tal-ħaddiema u dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol; filwaqt li jqis li huwa indispensabbli li jiġu ggarantiti l-mezzi adegwati biex jiġu mmoniterjati s-suq tax-xogħol u l-iżviluppi ambjentali, inkluża l-osservanza ta’ dawn l-istandards;

38.  Jappella biex jiġu rratifikati u applikati b’mod effettiv il-konvenzjonijiet bażiċi tal-ILO;

39. Huwa mħasseb dwar l-użu tax-xogħol mit-tfal fl-Indja, li ħafna drabi huma sfruttati f’kundizzjonijiet mhux sikuri u ħżiena għas-saħħa; jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza l-kwistjoni matul in-negozjati dwar l-FTA u jitlob lill-gvern Indjan biex jimmassimizza l-isforzi tiegħu biex ineħħi dak li l-kawżi fundamentali, sabiex dan il-fenomenu jintemm;

40. Jirrikonoxxi l-introduzzjoni ta’ liġi ġdida Indjana dwar ix-xogħol mit-tfal implimentata fl-2006 li tipprojbixxi li tfal taħt l-14-il sena jaħdmu bħala sefturi domestiċi jew fi ‘stands’ tal-ikel, u jistieden lill-Unjoni Ewropea sabiex tkompli tħeġġeġ lill-Indja sabiex tirratifika l-Konvenzjoni 182 tal-ILO dwar l-Agħar Forom ta’ Xogħol tat-Tfal u l-Konvenzjoni 138 dwar l-età minima biex wieħed jibda jaħdem u l-Konvenzjoni 98 dwar id-dritt li l-ħaddiema jorganizzaw ruħhom u jinnegozjaw b’mod kollettiv, li jkun ifisser pass pożittiv lejn l-abolizzjoni eventwali tax-xogħol tat-tfal;

41. Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel pressjoni fuq il-gvern Indjan sabiex jindirizza l-kwistjoni tax-xogħol li jsir biex jitħallas id-dejn (‘bonded labour’), li jaffettwa miljuni ta' persuni – il-biċċa l-kbira mill-komunitajiet tad-Dalit u tal-Adivasi – fl-Indja; jinnota li huwa mifhum li din il-kwistjoni mhux qed tiġi indirizzata kif jixraq minħabba nuqqas ta’ rieda amministrattiva u politika;

42. Iħeġġeġ lill-UE sabiex tinkludi dispożizzjoni fil-FTA tagħha mal-Indja li tiżgura li l-kumpaniji tal-UE li jagħmlu użu minn Żoni Ekonomiċi Speċjali ma jkunux jistgħu jiġu eżentati milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tax-xogħol jew drittijiet oħra tax-xogħol ibbażati fuq il-Konvenzjonijiet tal-ILO li ġew ratifikati mill-Indja;

43. Jemmen li għandu jitwaqqaf mekkaniżmu li permezz tiegħu organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw talbiet għal azzjoni, li jiġu ttrattati f’perjodu speċifiku ta’ żmien, u li jistgħu jirriżultaw f’dispożizzjonijiet ta’ segwitu u evalwazzjoni kontinwi, sabiex tinżamm il-pressjoni kontra l-ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema;

44. Jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem u l-klawsoli tad-demokrazija jikkostitwixxu element essenzjali tal-FTA; jinsab imħasseb dwar il-persekuzzjoni li qed titkompla ta' minoranzi reliġjużi, ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Indja, u d-drittijiet tal-bniedem attwali u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-inħawi tal-Kashmir amministrati mill-Indja;

45. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u l-Indja biex jiżguraw li l-FTA ma tkunx ta’ ħsara għal gruppi żvantaġġjati bħad-Dalits u l-Adivasis u li l-benefiċċji potenzjali tal-FTA jilħqu l-membri kollha tas-soċjetà;

46. Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenji magħmula mill-Unjoni Ewropea u mill-Indja biex jikkoperaw fir-riċerka nukleari ċivili; jinnota li l-Indja mhix firmatarja tat-Trattat dwar in-Non Proliferazzjoni (NPT) u ngħtat deroga mill-Grupp tal-Fornituri Nukleari; jistieden lill-Indja biex tiffirma t-Trattat dwar in-Non Proliferazzjoni;

47. Jenfasizza li Stati b’soċjetajiet u ekonomiji kumplessi, li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar jgħaddu minn ftehimiet ta’ kummerċ bilaterali għal relazzjonijiet kummerċjali bilaterali aktar sofistikati għandhom jassiguraw ambjent ġenerali stabbli u sikur; huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta’ sigurtà fl-Indja; jistieden lill-Indja biex tieħu aktar bis-serjetà d-diversi attakki, kemm dawk żgħar kif ukoll dawk aktar gravi, minn diversi gruppi politiċi;

48. Jitlob li fir-rawnd li jmiss tan-negozjati l-Kummissjoni tqajjem mal-awtoritajiet Indjani l-kwistjoni tal-kummerċ illegali kontinwu fil-ġlud tat-tigri mat-Tibet, li qed jhedded l-estinzjoni tat-tigra Indjana;

L-irwol tal-Parlament Ewropew

49. Jistenna li l-Kunsill u l-Kummissjoni jippreżentaw FTA biex tkun approvata mill-Parlament skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 300(3) tat-Trattat KE;

50. Jitlob lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jikkonfermaw l-impenn tal-Indja biex tinnegozja FTA bejn l-UE u l-Gvern il-ġdid Indjan wara l-Elezzjonijiet Ġenerali li jmiss;

Kunsiderazzjonijiet oħra

51. Jinnota ż-żieda mgħaġġla tal-inflazzjoni fl-Indja; jirrikonoxxi li, sabiex l-Indja tibqa' kompetittiva bħala sieħba dejjem tikber tan-negozju mal-Unjoni Ewropea, hija teħtieġ investiment sostanzjali fl-infrastruttura u żieda kbira ħafna fil-kapaċità li tiġġenera l-enerġija; jilqa' b'sodisfazzjon il-pjan tal-gvern li jonfoq 500 biljun Dollaru Amerikan f'dan il-qasam fil-ħames snin li ġejjin, u jitlob lill-entitajiet privati u pubbliċi biex jikkooperaw bis-sħiħ f'dan il-proġett kbir;

52. Jilqa' b'sodisfazzjoni il-ftuħ, mill-Prim Ministru Indjan, tal-linja ġdida tal-ferrovija Srinagar bejn Baramulla u Qazigund, li tipprovdi ħafna eluf ta' impjiegi ġodda għan-nies tal-lokal; jemmen li inizjattivi ekonomiċi bħal din ikabbru l-prospettivi ta' ġejjieni iktar prosperu u paċifiku għan-nies Kashmiri;

53. Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress ta' kif l-Indja qed issir donatur kif ukoll benefiċjarju tal-għajnuna għall-iżvilupp;

54. Jgħożż il-progress fil-kooperazzjoni fir-riċerka u l-iżvilupp, inkluż dak li jsir permezz tal-Programm tal-Qafas iffinanzjat mill-UE; jilqa' b'sodisfazzjon in-numri kbar ta' studenti Indjani li qed jistudjaw f'universitajiet Ewropej permezz tal-programm Erasmus Mundus;

55. Jinnota li, jekk il-kooperazzjoni ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indja hija bbażata fuq is-sistema tal-Unjoni ta' valuri universali, tista' toħloq standard għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi oħrajn;

56. Jilqa’ b’sodisfazzjon it-tnedija tal-azzjoni speċjali għall-koperazzjoni kulturali bejn l-UE u l-Indja għall-perjodu 2007-2009, b’mod speċjali fil-qasam tal-edukazzjoni, l-iskambji tal-istudenti, it-taħriġ u d-djalogu interkulturali;

57. Jesprimi tħassib dwar iż-żieda dinjija fil-prezzijiet tal-materja prima u dwar l-effett ta’ din iż-żieda fuq l-ifqar popolazzjonijiet, anke fl-Indja, li tippreżenta sfida għat-tkabbir stabbli u żżid l-inugwaljanzi dinjin; tistieden lill-UE u lill-Indja sabiex jikkoordinaw strateġija komprensiva biex jindirizzae din il-kwistjoni b’mod integrat;

58. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Indja għamlet progress konsiderevoli lejn l-edukazzjoni primarja universali, filwaqt li tejbet l-eradikazzjoni tal-faqar u żiedet l-aċċess għall-ilma li hu tajjeb għax-xorb; jinnota, madankollu, li l-Indja għadha ‘l bogħod milli tilħaq ħafna mill-MDGs li huma relatati mas-saħħa, bħall-mortalità tat-tfal, is-saħħa materna, in-nutrizzjoni tat-tfal u t-tnaqqis tal-malarja, it-tuberkolożi u l-HIV/AIDS; huwa mħasseb dwar il-fatt li d-Dalit u l-Adivasi (tribujiet u popli indiġeni) jesperjenzaw l-inqas progress lejn l-ilħuq tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp, u għadhom qed jaffaċċjaw diskriminazzjoni fir-rigward tal-akkomodazzjoni, l-impjiegi u l-aċċess għall-kura tas-saħħa u servizzi oħra;

59. Jinnota li minkejja tkabbir ekonomiku kontinwu, għadhom jeżistu inugwaljanzi kbar, u aktar minn 800 miljun persuna jgħixu b’inqas minn żewġ dollari (US) kuljum; jinsab partikolarment imħasseb dwar is-sitwazzjoni tas-sezzjonijiet żvantaġġati tal-popolazzjoni, b'mod partikolari n-nisa, it-tfal, il-gruppi marġinalizzati u l-vittmi ta’ diskriminazzjoni bħad-Dalit u l-Adivasi, u l-popolazzjoni rurali: jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-FTA ma tillimitax is-setgħat meħtieġa mill-Gvern Indjan biex jindirizza l-faqar u l-inugwaljanza; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaħdmu flimkien mal-gvern Indjan sabiex itejbu s-sitwazzjoni ta' dawk il-gruppi u biex jikkunsidraw il-koperazzjoni ġejjiena fir-rigward tal-kontribuzzjoni tagħhom biex tintemm id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneri u tal-kasti b’referenza għar-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tad-Dalit fl-Indja;

60. Jenfasizza li l-qerda ambjentali li qed tiżdied fl-Indja hija problema li qed tikber kontinwament b’konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali mhux immaġinabbli, partikolarment għan-numru kbir ta’ Indjani li jgħixu fil-faqar, u għalhekk jenfasizza l-bżonn partikolari li titkompla l-koperazzjoni tal-UE mal-Indja f’dan il-qasam;

61. Huwa impressjonat bl-effetti tat-tkabbir ekonomiku fuq l-iżvilupp f'xi reġjuni tal-Indja, u jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja riċerka u x-xejriet ewlenin u l-politiki nazzjonali u subnazzjonali bażiċi li huma responsabbli għal effetti bħal dawn, sabiex jiġu ffaċilitati it-tagħlim u l-aħjar prattiki transreġjonali;

62. Iqis li l-UE għandha tagħti attenzjoni speċjali lill-SMEs fl-Indja, u għalhekk jissuġġerixxi li fil-programmi kollha ta' koperazzjoni għall-iżvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indja, l-SMEs jistgħu jiġu msaħħa permezz ta' miżuri li jgħinu sabiex jiġu ffinanzjati proġetti lokali mmexxija mis-suq proposti miċ-ċittadini;

63. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li madwar l-Indja kollha qed tinxtered is-sistema tal-mikrokreditu, sistema li rebħet rikonoxximent bħala mezz effettiv ta' kif jinħoloq żvilupp immexxi mill-poplu;

o

o o

64. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Indja.

  • [1]     ĠU C 285 E, 22.11.2006, p. 79.
  • [2] .ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 155.
  • [3]  ĠU C 227 E, 21.9.2006. 589.
  • [4]  DGExP/B/PolDep/Study/2005/06.
  • [5]  ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 399.
  • [6]  ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 591.
  • [7]  ĠU C 290 E, 29.11.2006. p. 107.
  • [8]  ĠU C 250 E, 25.10.2007, p. 87.
  • [9]  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 128.
  • [10]  Testi adottati, P6_TA(2008)0407.
  • [11]  Testi adottati, P6_TA(2008)0366.
  • [12]  Testi adottati, P6_TA(2008)0455.
  • [13]  ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 45.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

L-Indja minħabba d-daqs tagħha, ir-rata ta' tkabbir fil-popolazzjoni ta' 2% u t-tkabbir ekonomiku dinamiku (8.8% pa) fl-aħħar għoxrin sena, qed tidher bħala innovatur ewlieni, żviluppatur kif ukoll produttur u esportatur ta' oġġetti u servizzi ta' teknoloġija għolja u waħda mill-qawwiet nukleari dinjija li tista' tinfluwenza l-progress tal-ekonomija globali u s-sigurtà, fatt li jagħti lill-Indja responsabilità ikbar f'fora multilaterali bħan-Nazzjonijiet Uniti (NU), l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) jew l-Aġenzija Internazzjonali dwar l-Enerġija Atomika u f'organizzazzjonijiet reġjonali fl-Ażja.

L-Unjoni Ewropea hija l-ikbar blokk ekonomiku fid-dinja u l-Indja hija t-tieni l-ikbar pajjiż fid-dinja f’termini ta’ popolazzjoni. L-UE hija l-ikbar investitur barrani fl-Indja u l-ikbar sieħba kummerċjali. It-tnejn għandhom ħafna filosofiji u objettivi ekonomiċi komuni. Għalhekk, huwa essenzjali għat-tnejn li huma li jiffurmaw alleanza ekonomika. Il-pjan ta' azzjoni Indja - UE jirrikonoxxi dan il-fatt importanti tar-relazzjoni tagħhom u, għal dak il-għan, l-Indja u l-UE qed isegwu b'suċċess inizjattivi komuni li jippromwovu l-koperazzjoni f'numru ta' oqsma importanti li jinkludu l-kummerċ u l-investiment.

Kwistjonijiet ġenerali

Wara r-rakkomandazzjoni tal-Grupp Kummerċjali ta' Livell Għoli fl-2006, l-Unjoni Ewropea u l-Indja, f'Ġunju 2007, niedu negozjati għal Ftehima dwar Kummerċ Ħieles (FTA).

L-FTA mal-Indja jifforma parti mill-Istrateġija tal-Kummissjoni Ewropa Globali u flimkien ma' negozjati simili li jinvolvu lill-Korea u lill-pajjiżi ASEAN, isservi ta' mezz, u mhux ta' ostakolu, għal-liberalizzazzjoni multilaterali.

Dan ir-Rapport jitlob li tiġi konkluża Ftehima ta’ Kummerċ Ħieles komprensiva, ambizzjuża u bilanċjata li ttejjeb l-aċċess għas-suq għall-prodotti u s-servizzi, tkopri sostanzjalment il-kummerċ kollu, inklużi dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza regulatorja f’oqsma relevanti għall-kummerċ reċiproku u l-investiment, inklużi l-istandards u l-valutazzjoni tal-konformità, l-SPS, l-IPR inklużi l-infurzar, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u d-dwana, l-akkwist pubbliku, il-kummerċ u l-kompetizzjoni, kif ukoll il-kummerċ u l-iżvilupp u klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem bħala element essenzjali tal-Ftehima ta’ Kummerċ Ħieles.

Hija tirrikonoxxi wkoll li kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Indja għandhom ikomplu jagħtu prijorità lil sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, stabbilita permezz tad-WTO, li toffri l-aħjar prospetti għal kummerċ internazzjonali ġust u ekwu billi tistabbilixxi regoli xierqa u tassigura konformità magħhom.

Kummerċ tal-Prodotti

Bejn l-2000 u l-2007, il-valuri tal-kummerċ tal-UE fi prodotti mal-Indja iktar milli rduppjaw; l-esportazzjonijiet żdiedu minn €13.7 biljun għal €29.5 biljun filwaqt li l-importazzjonijiet żdiedu minn €12.8 biljun għal €26.3 biljun. Fl-2007, 2.4% tal-esportazzjonijiet tal-UE u 1.8% tal-importazzjonijiet kienu ġejjin mill-Indja filwaqt li l-Indja kienet id-disa' l-iktar sieħba kummerċjali importanti tal-UE.

Huwa importanti li l-FTA tikkonferma d-dispożizzjonijiet tal-Ftehima tad-WTO dwar Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ, tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw aċċess għas-swieq ta' xulxin u tinkludi dispożizzjonijiet dwar l-adozzjoni ta' standards internazzjonali rikonoxxuti b'referenza għall-prinċipji ġenerali bħall-proporzjonalità, ir-restrizzjonijiet bla bżonn, it-trasparenza u non-diskriminazzjoni.

Il-ftehima għandha tinkludi wkoll dispożizzjonijiet li jirreferu għall-prinċipji ġenerali tal-Ftehima tad-WTO dwar l-Applikazzjoni ta' miżuri Sanitarji u Fitosanitarji.

F'dan ir-rigward, ir-rapporteur jitlob lill-Kummissjoni biex tindirizza kwistjonijiet pendenti bħall-benesseri tal-annimali. Ir-rapporteur jiġbed l-attenzjoni li miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa u restrizzjonijiet sanitarji u fitosanitarji ma għandhomx jintużaw biex jipproteġu produtturi domestiċi ta' prodotti agrikoli mill-kompetizzjoni ekonomika.

Ir-rapporteur jirrikonoxxi li r-reġim ta' standards tal-Indja qed jiżviluppa u l-Bureau tal-Istandards Indjani għamel progress kbir iżda jenfasizza li l-ħidma tiegħu għad trid titjieb billi jgħolli l-istandards b'konformità mal-istandards internazzjonali u billi jtejjeb it-trasparenza.

Il-Kummerċ tas-Servizzi, u l-Istabiliment

Is-servizzi huma l-iktar parti tal-ekonomija Indjana li qed tikber b'rata mgħaġġla. L-Indja għandha interessi offensivi, b'mod partikolari fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tal-Mode 1 (call centres, l-aspetti kollha tal-inġinerija tal-informatika) u tal-Mode 4 (visas tan-negozju, inġiniera tas-softwer, akkawtents, avukati fiż-żewġ direzzjonijiet) tal-GATS, u li l-UE tixtieq tikkonkludi l-liberalizzazzjoni tal-aċċess għas-suq u t-trattament nazzjonali f'Mode 3 f'ħafna mis-servizzi, it-tneħħija tal-approvazzjoni FIPB u l-possibilità ta' sussidjarji ta' sjieda sħaħ fis-settur finanzjarju.

B'mod ġenerali, is-servizzi tal-Indja jsofru minn sensiela ta' ostakoli orizzontali bhal ligijiet arkajki u ghalhekk l-isfida ghall-FTA mhix biss li tithaffef il-liberalizzazzjoni fis-settur tas-servizzi tal-Indja, iżda wkoll li tiffaċilità l-implimentazzjoni ta' sensiela ta' riformi kumplimentarji maħsuba biex itejbu l-kwalità tar-regolament.

Is-settur tas-servizzi tal-Indja jista' jkun miġbur fi tliet kategoriji - l-ewwel, is-setturi li għaddew minn liberalizzazzjoni sostanzjali u li ma jridu jħabbtu wiċċhom ma’ l-ebda ostakoli espliċiti (servizzi relatati mal-kompjuters u t-telekomunikazzjonijiet), it-tieni, is-setturi li huma liberali b’mod moderat u li ftit għandhom ostakoli espliċiti (il-kostruzzjoni, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-assikurazzjoni, id-distribuzzjoni, is-servizzi bankarji u servizzi finanzjarji oħra), u t-tielet, is-servizzi li għadhom magħluqa għall-barranin (servizzi legali u kontabilità).

L-Indja tinsab fuq quddiem fl-esportazzjoni ta' firxa wiesgħa ta' servizzi permezz ta' Mode 1 u barra minn hekk, hija fornitur ewlieni tas-Servizzi tradizzjonali tal-IT. L-Indja issa qed issir esportatur ewlieni tas-servizzi BPO. Ir-rapporteur jiġbed l-attenzjoni wkoll li f'Mode 1 diġà saru impenji f'servizzi professjonali u tal-kompjuter u servizzi relatati mas-saħħa u l-edukazzjoni, it-turiżmu, it-trasferiment tad-data finanzjarja u servizzi tan-negozju oħra.

Ir-rapporteur iqis li l-Indja għalhekk tista' tkun qed tikkunsidra li żżid il-kopertura ta' sottosetturi għar-riċerka u l-iżvilupp, għas-setturi relatati mas-saħħa u mas-saħħa tas-snien u mas-setturi bbażati fuq it-telefon.

Skont studju riċenti mill-Boston Consulting, sal-2020 se jinħolqu 6 miljun impjieg u dħul b'valur ta' €109.2 biljun permezz ta' Mode 1. Dan jirrifletti l-importanza ta' dan il-Mode ta' forniment ta' servizzi għall-Indja u li din il-kwistjoni għandha tkun indirizzata fl-FTA.

Ir-rapporteur jiġbed l-attenzjoni li l-ambizzjoni sħiħa tal-FTA ma tistax tinkiseb mingħajr il-Mode 4 - li bħalissa qed jaffaċċja sensiela ta' ostakoli bħal formalitajiet tal-viżas, projbizzjonijiet, kundizzjonijiet dwar l-ugwaljanza tas-salarji, trattatment diskriminatorju u nuqqas ta' għarfien ta' kwalifiki professjonali. L-eliminazzjoni ta' dawn l-impedimenti se jibbenefikaw minnha mhux biss l-Indja iżda wkoll l-Istati Membri importaturi tal-UE (MS). Ir-rapporteur iħeġġeġ lill-Istati Membri li f'Mode 4 il-kwistjoni hija li jkun possibbli li jkun hemm aċċess effettiv, l-għarfien reċiproku ta' kwalifiki u rekwiżiti ta' liċenzjar, kif ukoll il-kopertura settorjali li qed tiżdied f'Mode 4, l-ammont ta' żmien li ddum u l-evitar tat-taxxa doppja fuq il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali tas-servizzi professjonali Indjani barra l-pajjiż. Ir-rapporteur iqis li din hija kwistjoni sensittiva għall-Istati Membri tal-UE li probabbilment ma tantx se tagħti riżultati, għalkemm jenfasizza li fiha benefiċċji kbar.

Investiment

L-UE hi sors importanti ta’ investiment barrani dirett (FDI) għall-Indja, li jammonta għal madwar 20 % tal-flussi totali tal-FDI tal-Indja, u li l-investimenti kumulattivi diretti tal-Indja f’intrapriżi konġunti u f’sussidjarji ta’ sjieda Indjana fl-UE (minn April 1996 sal-2006/2007) ammontaw għal EUR 4315.87 miljun, u dan jagħmel lill-UE l-akbar destinazzjoni ta’ investiment barrani għall-Indja; il-flussi ta' investiment bejn l-UE u l-Indja qed jogħlew minkejja l-fatt li l-iskema ta' investiment tal-Indja għadha żżomm lura lil ħafna kumpaniji Ewropej milli jinvestu fl-Indja.

Ir-rapporteur jinnota wkoll li l-Indja diġà ffirmat Ftehimiet ta' Investiment u Protezzjoni bilaterali ma' 18-il Stat Membru tal-UE.

Hu jistieden lill-Kummissjoni biex tinkorpora kapitolu dwar l-investiment fl-FTA minħabba li dan hu parti sinifikanti minnu iżda li mhux neċessarjament jissostitwixxi ftehimiet bilaterali eżistenti u b'hekk il-Kummissjoni tippermetti li l-proċess ta' investiment fis-swieq ta' xulxin ikun mingħajr ħafna diffikultajiet billi l-ftehimiet ta' investiment ikunu promossi u protetti. Ir-rapporteur jipproponi li ftehima ta' investiment bħal din tista' tipprovdi t-twaqqif ta' sistema ta' informazzjoni minn sors wieħed (single point information) għall-investituri taż-żewġ ekonomiji, sistema li tispjegalhom id-differenzi fir-regoli u l-prattiki tal-investiment u li tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti legali kollha.

L-akkwist Pubbliku

Għal kuntrarju tal-UE, l-Indja mhix firmatarja tal-Ftehima attwali dwar l-Akkwist tal-Gvern u għalhekk mhix suġġetta għad-dixxiplini ta' dan tal-aħħar, madanakollu mhix kontra ftehima dwar trasparenza fl-akkwisti pubbliċi. Hemm xi oqsma ta' tħassib għall-Indja bħar-rekwiżit tat-"trattament nazzjonali", id-definizzjoni u l-iskop tal-akkwist pubbliku u l-kwistjoni tal-metodi tal-akkwist. Ir-rapporteur iqis li huwa importanti li l-FTA tinkludi sett ta' regoli li jorbtu inklużi dispożizzjonijiet adegwati ta' trasparenza li jappoġġjaw it-twaqqif ta' sistemi ta' akkwist effettivi u trasparenti.

Kummerċ u Kompetizzjoni

Ir-rapporteur jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Indja għadha kemm adottat liġi ġdida dwar il-kompetizzjoni, li t-test tagħha intlaqa' tajjeb ħafna iżda jenfasizza li ma tistax issir evalwazzjoni tal-infurzar tagħha minħabba li għada ma ġietx implimentata. Huwa jemmen li l-UE għandha tinkorpora test ibbażat fuq l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE fl-FTA biex ikun żgurat impenn għall-politika ta' kompetizzjoni. Huwa jinnota wkoll li skema ta' kompetizzjoni effettiva u trasparenti u l-ftehima ta' koperazzjoni jistgħu jkunu utli biex ikun trattat l-abbuż ta' dominanza eżerċitat minn kumpaniji diġà fil-post.

Il-Politika dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali, l-Industrija u l-Kummerċ

L-Indja saħħet l-iskema tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħha f'dawn l-aħħar snin u għandha stabbiliti liġijiet konformi mal-Ftehima dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali Relatati mal-Kummerċ. L-Indja wriet ukoll impenn qawwi biex tiżgura li jkun hemm reġim IPR b'saħħtu. Madanakollu għad hemm xi kontroversji dwar xi ftit mid-dispożizzjonijiet IPR u xi tħassib dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-reġim.

Jeħtieġ li jkunu żgurati l-implimentazzjoni tal-liġijiet IPR, it-taħriġ u l-bini tal-kapaċità tal-uffiċjali IPR, l-għoti tas-setgħa lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u lill-ġudikatura biex jipprevjenu u jikkastigaw ksur tal-IPR u l-immodernizzar tal-uffiċċji tal-IPR.

F'dan ir-rigward, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tintroduċi TIDP II, bħala segwitu tat-TIDP (Proġett għall-Iżvilupp tal-Industrija u l-Kummerċ) hija inizjattiva pożittiva li fl-IPR għandha l-għan li tipprovdi taħriġ għat-tisħiħ tal-IPR u għal ħolqien ta' kuxjenza sabiex ikunu protetti n-negozji u l-konsumaturi.

Ir-rapporteur jilqa' b'sodisfazzjon il-programm ta' ħidma konġunt dwar koperazzjoni bejn il-partijiet fil-qasam tal-privattivi, b'mod partikolari l-konsultazzjonijiet regolari mal-esperti dwar il-proċedura tal-għoti ta' privattivi u t-taħriġ u l-iżvilupp tar-riżorsi umani.

Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli

Huwa importanti li l-ftehima ta' kummerċ ħieles tirrikonoxxi li l-iżvilupp sostenibbli huwa l-objettiv ewlieni tal-UE u tal-Indja u għandu l-għan li jiżgura u jiffaċilita ir-rispett tal-ftehimiet u l-istandards soċjali u ambjentali internazzjonali.

Kemm l-UE kif ukoll l-Indja għandhom jiżguraw li l-investiment barrani dirett ma jitħeġġiġx billi jiddgħajfu l-istandards u l-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent, ix-xogħol jew il-ħarsien tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, u s-sikurezza.

Id-drittijiet tal-bniedem u l-klawsoli tad-demokrazija jikkostitwixxu element essenzjali tal-FTA. Waqt is-Samit bejn l-UE u l-Indja li sar f'Marsilja, l-UE u l-Indja affermaw mill-ġdid l-impenji tagħhom li jsaħħu l-konsultazzjonijiet tagħhom mal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u li jżommu d-djalogu tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem bil-għan li tkun promossa l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem; Madanakollu għad fadal tħassib dwar il-persekuzzjoni li qed titkompla ta' minoranzi reliġjużi, ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Indja, u ta' qtil extraġudizzjarju u ta' oqbra tal-massa mhux immarkati fl-inħawi tal-Kashmir amministrati mill-Indja. Ir-rapporteur jistieden lill-Gvern Indjan biex jagħti aċċess lir-Rapporteurs Speċjali tan-NU biex jinvestigaw dawn l-oqbra tal-massa.

L-irwol tal-PE

Ir-rapporteur iqis li l-leġittimità u l-aċċettabilità pubblika ta' ftehima jeħtieġu li l-Parlament ikun involut mill-qrib f’kull stadju tan-negozjati u jingħata l-possibilità li jesprimi l-ħsieb tiegħu dwar l-aċċettabilità tat-test innegozjat. Huwa jistenna li l-Kummissjoni u l-Kunsill jippreżentaw il-ftehima f’forma li tkun teħtieġ il-kunsens tal-Parlament skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 300(3) tat-Trattat KE.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (9.12.2008)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar ftehima għal suq ħieles bejn l-UE u l-Indja
(2008/2135(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Charles Tannock

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Itenni l-importanza ta' sħubija strateġika bejn l-UE u l-Indja, sħubija bbażata fis-sod mhux biss fuq relazzjonijiet ekonomiċi mill-qrib imma wkoll fuq valuri komuni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, il-pluraliżmu, ir-regola tal-liġi u l-multilateraliżmu; jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Indja, li hu mħaddan ukoll mill-UE, li tikkumbatti t-terroriżmu u tippromwovi l-paċi u s-sigurtà internazzjonali; jikkundanna l-attakki orribbli li seħħew fis-26 ta' Novembru f'Mumbai, il-kapitali kummerċjali tal-Indja; jitlob lill-Indja biex tintroduċi immedjatament miżuri biex ittejjeb is-sigurtà taċ-ċittadini u l-viżitaturi barranin kollha tagħha u biex tressaq quddiem il-ġustizzja lil dawk kollha involuti f'din l-atroċità; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri kollha biex jikkooperaw mal-Indja fl-investigazzjoni dwar l-attakki;

2.   Jemmen li, fuq perjodu itwal, l-Indja tista' biss iżżid fl-attrazzjoni bħala msieħba tan-negozju u tkabbar l-importanza ġeopolitika tagħha; jilqa' b'sodisfazzjon, għaldaqstant, l-impenn, espress fid-disa' Samit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indja li seħħ f'Marsilja fid-29 ta' Settembru 2008, biex jiġu żviluppati skambji politiċi u kooperazzjoni bejn l-UE u l-Indja;

3.   Jinnota ż-żieda mgħaġġla tal-inflazzjoni fl-Indja; jirrikonoxxi li, sabiex l-Indja tibqa' kompetittiva bħala msieħba tan-negozju tal-UE li qed tikber, tirrikjedi investiment sostanzjali fl-infrastruttura u żieda kbira ħafna fil-kapaċità li tiġġenera l-enerġija; jilqa' b'sodisfazzjon il-pjan tal-gvern li jonfoq 500 biljun Dollaru Amerikan f'dan il-qasam fuq il-medda tal-ħames snin li ġejjin, u jitlob lill-korpi privati u pubbliċi biex jikkooperaw bis-sħiħ f'dan il-proġett immens;

4.   Jinnota li l-ftehima dwar sħubija nukleari ċivili bejn l-Indja u l-Istati Uniti tal-Amerika u ċ-ċediment tal-Grupp ta' Fornituri Nukleari ("Nuclear Suppliers Group"), li jippermettu lil nazzjonijiet oħra jikkooperaw mal-Indja fuq kwistjonijiet nukleari u jiftħu t-triq għal azjendi mill-Unjoni Ewropea biex jikkompetu fis-suq tal-enerġija nukleari tal-Indja; jenfasizza li dan iċ-ċediment jerġa' jisħaq l-impenn tal-Indja lejn il-kontroll tal-armi nukleari;

5.   Jilqa' b'sodisfazzjoni il-ftuħ, mill-Prim Ministru Indjan, tal-linja ġdida tal-ferrovija Srinagar bejn Baramulla u Qazigund, li tipprovdi ħafna eluf ta' xogħlijiet ġodda għan-nies lokali; jemmen li inizjattivi ekonomiċi bħal din ikabbru l-prospettivi ta' ġejjieni iktar prosperu u paċifiku għan-nies Kaxmiri;

6.   Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress ta' kif l-Indja qed issir donatur kif ukoll benefiċjarju tal-għajnuna għall-iżvilupp;

7.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-eżistenza ta' djalogu annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Indja imma jitħasseb dwar il-pass bil-mod li bih l-Indja qed timplimenta standards tax-xogħol tal-ILO, partikolarment fir-rigward ta' tħaddim tat-tfal u xogħol sfurzat; jitlob lill-Indja biex tħabrek iktar biex jitjieb it-trattament tan-nisa, u biex tittratta l-kwistjoni tal-piena kapitali u l-persekuzzjoni ta' minoranzi reliġjużi u d-diskriminazzjoni kontrihom, per eżempju t-trattament tal-Kristjani f'Orissa u postijiet oħra;

8.   Jgħożż il-progress fil-kooperazzjoni fir-riċerka u l-iżvilupp, inkluż dak li jsir permezz tal-Programm tal-Qafas iffinanzjat mill-UE; jilqa' b'sodisfazzjon in-numri kbar ta' studenti Indjani li qed jistudjaw f'universitajiet Ewropej permezz tal-programm Erasmus Mundus;

9.   Jitlob lill-Kummissjoni tagħti importanza xierqa fin-negozjati tagħha tal-FTA lill-kunsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, restrizzjonijiet nontariffarji fuq negozju internazzjonali, u restrizzjonijiet li għadhom qed isiru fuq l-investiment dirett barrani f'setturi importanti u fuq drittijiet dwar il-propjetà intellettwali;

10. Jinnota li, jekk il-kooperazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-Indja hija bbażata fuq is-sistema tal-Unjoni ta' valuri universali, tista' toħloq standard għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi oħrajn.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data adottata

2.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-vot finali

+:

–:

0:

43

2

5

Membri preżenti għall-vot finali

Angelika Beer, Bastiaan Belder, Elmar Brok, Colm Burke, Marco Cappato, Philip Claeys, Véronique De Keyser, Giorgos Dimitrakopoulos, Michael Gahler, Jas Gawronski, Klaus Hänsch, Jana Hybášková, Anna Ibrisagic, Ioannis Kasoulides, Maria Eleni Koppa, Joost Lagendijk, Vytautas Landsbergis, Johannes Lebech, Francisco José Millán Mon, Pasqualina Napoletano, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Vural Öger, Ria Oomen-Ruijten, Alojz Peterle, Tobias Pflüger, Samuli Pohjamo, Bernd Posselt, Raül Romeva i Rueda, Christian Rovsing, Flaviu Călin Rus, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Charles Tannock, Inese Vaidere, Geoffrey Van Orden, Ari Vatanen, Marcello Vernola, Jan Marinus Wiersma, Zbigniew Zaleski, Josef Zieleniec

Sostitut(i) preżenti għall-vot finali

Laima Liucija Andrikienė, Árpád Duka-Zólyomi, Martí Grau i Segú, David Hammerstein, Pierre Jonckheer, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Alexander Graf Lambsdorff, Erik Meijer

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (11.12.2008)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar Ftehima ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Indja
(2008/2135(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Filip Kaczmarek

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-UE u l-Indja impenjaw ruħhom li jsaħħu l-konsultazzjonijiet tagħhom fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u li jissoktaw bid-djalogu tagħhom bil-għan li jippromwovu l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem fid-disa’ Samit bejn l-UE u l-Indja tad-29 ta’ Settembru 2008, kif rifless fil-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt ippubblikat; jenfasizza l-importanza li r-relazzjonijiet kummerċjali li qed jiżviluppaw bejn l-UE u l-Indja ma jiġux separati mir-riformi tad-drittijiet tal-bniedem fl-Indja, u jaqbel li dawn għandhom jitwessgħu sabiex ikunu jinkludu r-riċerka u l-koperazzjoni fl-oqsma tax-xogħol diċenti, l-iżvilupp sostenibbli u l-bidla fil-klima;

2.   Jilqa’ b’sodisfazzjon it-tnedija tal-azzjoni speċjali għall-koperazzjoni kulturali bejn l-UE u l-Indja għall-perjodu 2007-2009, b’mod speċjali fil-qasam tal-edukazzjoni, l-iskambji tal-istudenti, it-taħriġ u d-djalogu interkulturali;

3.   Jesprimi tħassib dwar iż-żieda dinjija fil-prezzijiet tal-prodotti u dwar l-effett ta’ din iż-żieda fuq l-ifqar popolazzjonijiet, anke fl-Indja, xi ħaġa li tippreżenta sfida għat-tkabbir stabbli u żżid l-inugwaljanzi dinjija; tistieden lill-UE u lill-Indja sabiex jikkoordinaw strateġija komprensiva biex jitrattaw din il-kwistjoni b’mod integrat;

4.   Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Indja għamlet progress konsiderevoli lejn l-edukazzjoni primarja universali, filwaqt li tejbet l-eradikazzjoni tal-faqar u żiedet l-aċċess għall-ilma li hu tajjeb għax-xorb; jinnota, madankollu, li l-Indja għadha mhix fit-triq li tilħaq ħafna mill-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDGs) li huma relatati mas-saħħa, bħall-mortalità tat-tfal, is-saħħa materna u t-tnaqqis tal-malarja, it-tuberkolożi u l-HIV/AIDS; hu mħasseb dwar il-fatt li d-Daliti u l-Adivasi (tribujiet u popli indiġeni) jesperjenzaw l-inqas progress lejn l-ilħuq tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp, u għadhom qed jaffaċċjaw diskriminazzjoni fir-rigward tal-akkomodazzjoni, l-impjiegi u l-aċċess għall-kura tas-saħħa u servizzi oħra;

5.   Jinnota li minkejja tkabbir ekonomiku kontinwu, għadhom jeżistu inugwaljanzi kbar, u aktar minn 800 miljun persuna jgħixu b’inqas minn USD 2 kuljum; jinsab partikolarment imħasseb dwar is-sitwazzjoni tas-sezzjonijiet żvantaġġati tal-popolazzjoni, b'mod partikolari n-nisa, it-tfal, il-gruppi marġinalizzati u l-vittmi ta’ diskriminazzjoni bħad-Daliti u l-Adivasi, u l-popolazzjoni rurali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Ftehima ta’ Kummerċ Ħieles ma tillimitax is-setgħat meħtieġa mill-Gvern Indjan biex jindirizza l-faqar u l-inugwaljanza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jaħdmu flimkien mal-gvern Indjan sabiex itejbu s-sitwazzjoni ta' dawk il-gruppi u biex jikkunsidraw il-koperazzjoni ġejjiena fir-rigward tal-kontribuzzjoni tagħhom biex tintemm id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneri u tal-kasti b’referenza għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Frar 2007 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tad-Daliti fl-Indja;

6.   Jenfasizza li l-qerda ambjentali li qed tiżdied fl-Indja hija problema li qed tikber kontinwament b’konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali inimmaġinabbli, partikolarment għan-numru kbir ta’ Indjani li jgħixu fil-faqar, u għalhekk jenfasizza l-bżonn partikolari li titkompla l-koperazzjoni tal-UE mal-Indja f’dan il-qasam;

7.  Huwa impressjonat bl-effetti tat-tkabbir ekonomiku fuq l-iżvilupp f'xi reġjuni tal-Indja, u jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja riċerka u x-xejriet ewlenin u l-politiki nazzjonali u subnazzjonali bażiċi li huma responsabbli għal effetti bħal dawn, sabiex jiġu ffaċilitati it-tagħlim u l-aħjar prattiki transreġjonali;

8.   Iqis li l-UE għandha tagħti attenzjoni speċjali lis-settur tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) fl-Indja, u għalhekk jissuġġerixxi li fil-programmi kollha ta' koperazzjoni għall-iżvilupp bejn l-UE u l-Indja, l-SMEs jistgħu jiġu msaħħa permezz ta' miżuri li jgħinu sabiex jiġu ffinanzjati proġetti lokali mmexxija mis-suq proposti miċ-ċittadini;

9.   Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li madwar l-Indja kollha qed tinxtered is-sistema tal-mikrokreditu, sistema li rebħet rikonoxximent bħala mezz effettiv ta' kif jinħoloq żvilupp immexxi mill-poplu;

10. Jitlob li l-koperazzjoni bejn l-UE u l-Indja fil-qasam tal-impjiegi u l-politika soċjali tkun iffukata fuq il-problemi tad-diskriminazzjoni kontra n-nisa fil-qasam tax-xogħol, ix-xogħol sfurzat u x-xogħol li jsir mit-tfal – meta wieħed iqis il-fatt li l-Indja għandha wieħed mill-ogħla numri fid-dinja ta' tfal li jaħdmu, madwar 150 miljun – sabiex jiġu osservati l-istandards tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u sabiex jiġi evitat id-dumping soċjali;

11. Jirrikonoxxi l-introduzzjoni ta’ liġi ġdida Indjana dwar ix-xogħol mit-tfal implimentata fl-2006 li tipprojbixxi li tfal taħt l-14-il sena jaħdmu bħala sefturi domestiċi jew fi ‘stands’ tal-ikel, u jistieden lill-UE sabiex tkompli tinkoraġġixxi lill-Indja sabiex tirratifika l-Konvenzjoni 182 tal-ILO dwar l-Agħar Forom ta’ Xogħol tat-Tfal u l-Konvenzjoni 138 dwar l-età minima biex wieħed jibda jaħdem u l-Konvenzjoni 98 dwar id-dritt li l-ħaddiema jorganizzaw ruħhom u jinnegozjaw b’mod kollettiv, li jkun ifisser pass pożittiv lejn l-abolizzjoni eventwali tax-xogħol tat-tfal;

12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex fin-negozjati dwar il-Ftehima ta’ Kummerċ Ħieles tinsisti fuq kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli li jistabbilixxi standards minimi soċjali u ambjentali li jkunu jorbtu u li jistgħu jiġu infurzati b’mod legali;

13. Jenfasizza li l-UE għandha tagħmel pressjoni fuq il-gvern Indjan sabiex jindirizza l-kwistjoni tax-xogħol li jsir biex jitħallas id-dejn (‘bonded labour’), li jaffettwa miljuni ta' persuni – il-biċċa l-kbira mill-komunitajiet tad-Daliti u tal-Adivasi – fl-Indja. Hu mifhum li din il-kwistjoni mhux qed tiġi indirizzata kif jixraq minħabba nuqqas ta’ rieda amministrattiva u politika;

14. Iħeġġeġ lill-UE biex tippromwovi aktar responsabilità korporattiva fost il-kumpaniji bbażati fl-UE li jinvestu u jagħmlu l-kummerċ mal-Indja, inkluż l-obbligu tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tax-xogħol u tal-bniedem u li jipproteġu l-ambjent, u fl-istess ħin iħeġġeġ li jintlaħaq ftehim mal-gvern Indjan biex titwaqqaf sistema effettiva għall-monitoraġġ tad-drittijiet tal-ħaddiema, jitwaqqfu miżuri effettivi sabiex tkun żgurata n-nondiskriminazzjoni u jitnaqqas l-impatt ambjentali fil-ħidmiet kollha tan-negozju fejn huma involuti l-kumpaniji tal-UE fl-Indja;

15. Iħeġġeġ lill-UE sabiex tinkludi dispożizzjoni fil-Ftehima ta' Kummerċ Ħieles tagħha mal-Indja li tiżgura li l-kumpaniji tal-UE li jagħmlu użu minn Żoni Ekonomiċi Speċjali ma jkunux jistgħu jiġu eżentati milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tax-xogħol jew drittijiet oħra tax-xogħol ibbażati fuq il-Konvenzjonijiet tal-ILO li ġew ratifikati mill-Indja.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

8.12.2008

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

16

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Alessandro Battilocchio, Josep Borrell Fontelles, Danutė Budreikaitė, Marie-Arlette Carlotti, Nirj Deva, Fernando Fernández Martín, Juan Fraile Cantón, Alain Hutchinson, Glenys Kinnock, Maria Martens, Gay Mitchell, Horst Posdorf, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Johan Van Hecke

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Miguel Angel Martínez Martínez, Manolis Mavrommatis, Csaba Őry, Renate Weber

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Fernando Fernández Martín, Francesco Ferrari, Zita Gurmai, Emilio Menéndez del Valle, Ramona Nicole Mănescu, Justas Vincas Paleckis, Leopold Józef Rutowicz

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.3.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

9

3

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Kader Arif, Francisco Assis, Françoise Castex, Glyn Ford, Jacky Hénin, Marusya Ivanova Lyubcheva, Erika Mann, David Martin, Georgios Papastamkos, Peter Šťastný, Gianluca Susta

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Ole Christensen, Albert Deß, Sajjad Karim, Zbigniew Zaleski

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

André Brie, Timothy Kirkhope, László Surján