RAPPORT dwar ir-Rapporti Annwali għall-2007 tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp

13.3.2009 - (2008/2155(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur għal opinjoni: Gay Mitchell

Proċedura : 2008/2155(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0135/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapporti Annwali għall-2007 tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp

(2008/2155(INI))

Il-Parlament Ewropew,

- wara li kkunsidra r-Rapport Annwali għall-2007 tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI),

- wara li kkunsidra r-Rapport Annwali għall-2007 tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERI),

- wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 266 u 267 tat-Trattat KE u l-Protokoll Nru. 11 dwar l-Istatut tal-BEI,

- wara li kkunsidra l-Ftehima li Stabbiliet il-BERI tad-29 ta' Mejju 1990,

- wara li kkunsidra l-Artikoli 230 u 232 tat-Trattat KE dwar l-irwol tal-Qorti tal-Ġustizzja,

- wara li kkunsidra l-Artikolu 248 tat-Trattat KE dwar l-irwol tal-Qorti tal-Awdituri,

- wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE tad-19 ta’ Diċembru 2006 li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti barra mill-Komunità[1],

- wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Novembru 2008 dwar il-bażi legali tad-Deċiżjoni 2006/1016/KE[2],

- wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/847/KE tal-4 ta' Novembru 2008 dwar l-eliġibilità tal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali skont id-Deċiżjoni 2006/1016/KE li tagħti garanzija Komunitarja lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti barra mill-Komunità[3],

- wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/135/KE tas-17 ta' Frar 1997 li tipprevedi li l-Komunità Ewropea għandha tissottoskrivi għal aktar ishma b’riżultat tad-deċiżjoni li jkun irduppjat il-kapital tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp[4],

- wara li kkunsidra r-Reviżjoni tar-Riżorsi Kapitali (CRR3) attwali tal-BERI fl-2006 biex tkopri l-perjodu 2006-2010,

- wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta’ teħid u għoti b’self tal-Komunitajiet Ewropej fl-2007 (COM(2008)0590),

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2008 dwar ir-rapport annwali 2006 tal-Bank Ewropew tal-Investiment[5],

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2007 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ewropew tal-Investiment (EIB) għall-2005[6],

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2003 dwar l-attivitajiet tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERI)[7],

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-6 ta' Ġunju 2008 dwar il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp: sieħeb importanti għall-bidla fil-pajjiżi fi tranżizzjoni,

- wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmaw f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000[8] (il-Ftehima ta' Cotonou),

- wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fil-Kunsill, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-Iżvilupp: 'Il-Kunsens Ewropew'[9],

- wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2008 dwar Qafas ta' Investiment favur il-Balkani tal-Punent: it-tisħiħ tal-koerenza ta' strumenti finanzjarji eżistenti għar-reġjun biex jiġu sostnuti t-tkabbir u l-istabbiltà,

- wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni tal-21 ta' Mejju 2008 għal regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (COM(2008)0095),

- wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 2003, rigward is-setgħa tal-Uffiċċju Ewropew għal Kontra l-Frodi (OLAF) li jinvestiga lill-BEI[10],

- wara li kkunsidra l-Ftehima Tripartitika li ġiet konkluża bejn il-Qorti tal-Awdituri, il-BEI u l-Kummissjoni rigward il-modalitajiet ta' kontroll eżerċitati mill-Qorti tal-Ġustizzja, prevista fl-Artikolu 248(3) tat-Trattat KE u mġedda f'Lulju 2007,

- wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Ftehim bejn il-Kummissjoni, il-BEI u l-BERI tal-15 ta' Diċembru 2006 dwar il-koperazzjoni fl-Ewropa tal-Lvant u l-Kawkasu tan-Nofsinhar fir-Russja u fl-Asja Ċentrali,

- wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Ftehim iffirmat fis-27 ta' Mejju 2008 bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment bl-għan li jżid il-koordinazzjoni tal-politiki ta' self estern tal-Unjoni Ewropea,

- wara li kkunsidra l-Memorandum iffirmat fis-16 ta' Settembru 2008 marbut mal-parteċipazzjoni fiċ-ċentru ta' għarfien espert (EPEC) għas-sħubiji pubbliċi-privati Ewropej (PPP) bejn il-BEI, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti,

- wara li kkunsidra l-Pjan Operazzjonali tal-Korporazzjoni tal-BEI għall-2008-2010 kif approvat mill-Bord tad-Diretturi fl-20 ta' Novembru 2007,

- wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet pubbliċi mill-BEI fl-2008 dwar id-Dikjarazzjoni ta' Prinċipji u Standards Ambjentali u Soċjali tiegħu,

- wara li kkunsidra l-Politika Ambjentali u Soċjali tal-BERI kif approvata mill-Bord tad-Diretturi fit-12 ta' Mejju 2008,

- wara li kkunsidra l-politika dwar l-enerġija tal-BERI kif approvata mill-Bord tad-Diretturi fil-11 ta' Lulju 2006,

- wara li kkunsidra l-eżami tal-qasam tal-enerġija tal-BEI kif approvat mill-Bord tad-Diretturi fil-31 ta' Jannar 2006,

- wara li kkunsidra n-nota ta' tagħrif tal-BEI dwar il-kontribut imsaħħaħ tal-BEI għall-Politika dwar l-Enerġija tal-UE, tal-5 ta' Ġunju 2007, kif approvata mill-Bord tal-Gvernaturi f'Ġunju 2007,

- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew li ltaqa’ fi Brussell fil-11 u t-12 ta’ Diċembru 2008, rigward kwistjonijiet ekonomiċi u finanzjarji,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-BEI bit-titolu "Konsultazzjoni mal-SMEs 2007/2008 - is-Sejbiet u l-Konklużjonijiet' tal-BEI u l-immodernizzar u t-tisħiħ sussegwenti tal-appoġġ tal-Grupp tal-BEI għall-SMEs Ewropej,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-BEI dwar il-Prinċipji u l-Istandards Ambjentali u Soċjali tat-18 ta' Marzu 2008,

-  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ecofin tas-7 ta' Ottubru 2008 u tat-2 ta' Diċembru 2008 dwar l-irwol tal-BEI fl-appoġġ għall-SMEs,

- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ottubru 2008 bit-titolu "Minn kriżi finanzjarja għal irkupru: Qafas Ewropew għall-azzjoni " (COM(2008)0706),

- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2008 bit-titolu "Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku" (COM(2008)0800),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

- wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6‑0135/2009),

A. billi l-BEI twaqqaf fl-1957 mit-Trattat ta' Ruma u billi s-sidien tal-ishma tiegħu huma l-Istati Membri, li jissottoskrivu kapital ta' EUR 165 biljun,

B.  billi l-BEI ilu jagħmel operazzjonijiet barra l-Komunità b'appoġġ għall-politiki esterni tal-Komunità mill-1963,

C. billi l-BERI twaqqaf fl-1991 u s-sidien tal-ishma tiegħu huma 61 pajjiż terz, il-Komunità Ewropea, u l-BEI, li jissottoskrivu kapital totali ta' EUR 20 biljun,

D. billi l-Istati Membri, il-Komunità Ewropea u l-BEI flimkien jgħaqqdu 63% tas-sjieda tal-ishma tal-BERI,

E.  billi l-għan statutorju tal-BEI huwa li jikkontribwixxi, billi jkollu rikors għas-suq kapitali u billi jutilizza r-riżorsi proprji, għall-iżvilupp bilanċjat u kostanti tas-suq intern fl-interess tal-Komunità,

F.  billi fit-taqlib finanzjarju attwali, b’nuqqas kbir ta’ likwidità u kreditu għall-kumpaniji, il-BEI għandu jkollu rwol prinċipali fil-pjanijiet ta’ rkupru ekonomiku Ewropej u tal-Istati Membri,

G. billi l-għan statutorju tal-BEI huwa li jikkontribwixxi għall-progress ekonomiku u r-rikostruzzjoni u jrawwem it-tranżizzjoni lejn ekonomiji miftuħa orjentati lejn is-suq u jippromwovi l-inizjattiva privata u intraprenditorjali fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant li ħadu impenn li josservaw u li qed japplikaw il-prinċipji ta' demokrazija b'ħafna partiti, il-pluraliżmu u l-ekonomija tas-suq,

H. billi l-irwol tal-BEI bħala dak li joħroġ Bonds Triple A bi klassifikazzjoni għolja għas-swieq kapitali internazzjonali għandu jiġi enfasizzat u msaħħaħ,

I.   billi skont l-Artikolu 11 tal-Ftehima li tistabbilixxi l-BERI, dan huwa obbligat li jagħmel iktar minn 60% tal-investimenti tiegħu fis-settur privat,

J.   billi l-ftehima li tistabbilixxi l-BERI tispeċifika li l-Bord tal-Gvernaturi jirrevedi, f'perijodi mhux itwal minn ħames snin, l-istokk tal-kapital tal-BERI, u li r-reviżjoni li jmiss hija prevista għall-2010,

K. billi Kumitat ta' Tmexxija magħmul minn disa' persuni għorrief twaqqaf fl-1 t'Ottubru 2008 biex jissorvelja u jimmaniġġja l-evalwazzjoni ta' nofs il-perjodu tal-mandat ta' self estern tal-BEI, kif previst fid-Deċiżjoni 2006/1016/KE,

L.  billi dak l-eżami ta' nofs it-terminu għandu jitwettaq b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Parlament, fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 2006/1015/KE,

M. billi d-Deċiżjoni 2006/1016/KE dwar il-mandat ta' self estern tal-BEI tipprovdi għal EUR 25.8 biljuni ta’ self disponibbli għall-perjodu 2007-2013, li għandu jitqassam skont ir-reġjun kif ġej: il-pajjiżi fl-istadju ta’ qabel l-adeżjoni, inklużi l-Kroazja u t-Turkija: EUR 8,7 biljun; il-pajjiżi tal-Mediterran EUR 8,7 biljun; l-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-Federazzjoni Russa EUR 3.7 biljun; l-Amerika Latina EUR 2.8 biljun; l-Asja EUR 1 biljun; u r-Repubblika tal-Afrika t’Isfel EUR 0.9 biljun,

N. billi s-self mogħti mill-EIB fl-2007 b'appoġġ għall-objettivi tal-politika tal-UE ammonta għal EUR 47,8 biljun, inklużi EUR 41,4 biljun fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u tal-EFTA u EUR 6,4 biljun f'pajjiżi sħab u li sejrin jaderixxu,

O. billi l-attività ta' self tal-BEI fl-2007 barra l-UE, skont ir-reġjun ġeografiku, twettqet kif ġej: l-Asja u l-Amerika Latina EUR 925 miljun, l-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu tan-Nofsinhar u r-Russja EUR 230 miljun, il-pajjiżi tal-Mediterran EUR 1 438 miljun, il-pajjiżi fl-istadju ta’ qabel l-adeżjoni EUR 2 870 miljun; il-pajjiżi tal-AKP EUR 756 miljun; u l-Afrika t'Isfel EUR 113 miljun,

P.  billi l-volum ta' negozju annwali tal-BERI ammonta għal EUR 5,6 biljun fl-2007, inklużi 353 proġett f'29 pajjiż fl-Ewropa Ċentrali u l-Istati Baltiċi[11], fl-Ewropa tax-Xlokk[12], fis-CIS tal-Punent u l-Kawkasu[13], fir-Russja u l-Asja Ċentrali[14],

Q. billi l-investimenti tal-BERI fir-Russja fl-2007 żdiedu sabiex laħqu EUR 2.3 biljun (bil-pakkett totali fir-Russja jitla' sa EUR 5.7 biljun) u jkopru 83 proġett u jammontaw għal 42% tal-impenji annwali tal-BERI (imqabbla ma’ 38% fl-2006),

R.  billi l-investimenti kapitali tal-BERI fl-2007 żdiedu minn EUR 1 biljun fl-2006 għal EUR 1.7 biljun fl-2007 u s-sehem azzjonarju tal-volum ta' negozju annwali tal-BERI żdied minn 20% fl-2006 għal 30% fl-2007,

S.  billi l-Bord tal-Gvernaturi tal-BERI ddeċieda fit-28 Ottubru 2008 li jaċċetta t-Turkija bħala reċipjent tal-investimenti tal-BERI u billi l-BERI jantiċipa investiment ta' EUR 450 miljun sa tmiem l-2010,

T.  billi l-BEI ilu jiffinanzja proġetti fit-Turkija mill-1965 u investa madwar EUR 10 biljun fis-setturi ewlenin kollha tal-ekonomija ta' dak il-pajjiż,

U. billi skont il-Ftehima ta' Cotonou, il-BEI, flimkien mas-self mir-riżorsi tiegħu stess, jiffinanzja wkoll operazzjonijiet fil-pajjiżi AKP minn faċilità ta' investiment li ġġorr riskju li l-fondi tagħha huma pprovduti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp,

V. billi l-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-pajjiżi msieħba fil-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP), kif ukoll l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFI's) u dawk reġjonali u bilaterali Ewropej bħalissa qed jikkoperaw fil-qafas ta' Faċilità ta' Investiment għall-Viċinat (NIF) għall-fondi addizzjonali għall-proġetti infrastrutturali l-iktar fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport u l-ambjent fit-territorji kollha koperti mill-ENP,

W. billi l-Grupp tal-BEI għadu jappoġġja b’mod attiv lill-SMEs kemm b’self kif ukoll b’kapital għal proġetti ta’ riskju u garanziji għal self, f’dawn iż-żewġ attivitajiet tal-aħħar permezz tal-Fond Ewropew tal-Investiment,

L-objettivi u l-operazzjonijiet tal-BEI

1.  Jilqa' r-Rapport Annwali għall-2007 tal-BEI, l-iktar rigward l-operazzjonijiet ta' finanzjament tiegħu ġewwa l-Unjoni Ewropea li jiffukaw fuq sitt prijoritajiet tal-politika: l-iżgurar (tal-koeżjoni ekonomika u soċjali; l-implimentazzjoni tal-inizjattiva Innovazzjoni 2010; l-iżvilupp ta' netwerks ta' trasport u aċċess trans-Ewropej; l-appoġġ għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju; il-protezzjoni u t-titjib tal-ambjent; u l-iżgurar ta' enerġija sostenibbli, kompetittiva u sikura) u wkoll fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-mandat ta' self estern tal-BEI fil-pajjiżi terzi;

2.  Jinnota li l-BEI huwa l-unika istituzzjoni finanzjarja bbażata fuq Trattat u li l-maġġoranza tal-operazzjonijiet tiegħu huma kkonċentrati fuq proġetti fl-Istati Membri, filwaqt li għandu rwol dejjem iżjed importanti fil-pajjiżi terzi, kif previst fid-Deċiżjoni 2006/1016/KE;

3.  Jinnota li, fl-operazzjonijiet tiegħu f'pajjiżi terzi, il-BEI s'issa implimenta l-objettivi tal-politika kif stipulati mill-Kunsill; jemmen li l-attività ta' self tal-BEI trid tkun konsistenti, fl-oqsma tal-kompetenza tiegħu, madwar il-pajjiżi; sempliċità tal-approċċ fost il-varji atturi u strumenti Ewropej; flessibilità f'termini ta' kif l-Unjoni Ewropea tkun tista' tirrispondi għaċ-ċirkustanzi diverġenti bil-kbir tal-pajjiżi differenti; koerenza mal-kisba tal-Għanijiet għall-Millenju; u responsabilità kemm pubblikament u kemm lejn il-Parlament għall-użu u l-effiċjenza tal-fondi li ntefqu li jkunu ġejjin mill-UE;

4. Huwa tal-fehma li l-attivitajiet tal-BEI għandhom ukoll jirriflettu l-objettivi u l-impenji tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti (bħall-Protokoll ta’ Kyoto); jistieden lill-BEI, għalhekk, biex jirrapporta kull sena lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-UE u tan-NU fl-operat tiegħu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

5.  Jinnota b'sodisfazzjon is-segwitu sistematiku tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament li sar mill-BEI f'dawn l-aħħar snin; jirrakkomanda li dak is-segwitu jkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali fil-kuntest tar-Rapport Annwali tal-BEI;

6.  Rigward is-superviżjoni tal-BEI:

(a)  ifakkar li l-BEI, li l-kompiti tiegħu huma definiti politikament, mhux suġġett għas-superviżjoni prudenzjali tradizzjonali; iqis li s-superviżjoni tal-metodi ta' ħidma tal-BEI hija, madankollu, meħtieġa;

(b)  jipproponi li l-Kumitat ta' Verifika tal-BEI jiġi imsaħħaħ permezz taż-żieda ta' żewġ membri impjegati mill-awtoritajiet ta' superviżjoni nazzjonali mat-tliet membri u t-tliet osservaturi eżistenti fil-Kumitat;

(c)  jilqa' b'sodisfazzjon il-koperazzjoni teknika bejn il-BEI u l-awtorità nazzjonali ta' superviżjoni fil-Lussemburgu, iżda jitlob li din il-koperazzjoni tkun imsaħħa;

(d)  jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jesploraw il-possibiltajiet ta' reviżjoni usa' tal-arranġamenti għas-superviżjoni tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-BEI, li tista' titwettaq minn sistema ta' superviżjoni prudenzjali Ewropea futura, sabiex tkun issorveljata l-kwalità tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-BEI u biex ikun żgurat li rriżultati tagħha jkunu mkejla b'mod preċiż u li r-regoli ta' kondotta tajba tal-professjoni qed ikunu rrispettati.

7.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-iżvilupp u l-pubbikazzjoni tal-politiki tal-operat settorjali tal-BEI fis-setturi tal-enerġija, it-trasport u l-ilma li seħħew fl-2007 u jirrikonoxxi li kienu pass importanti lejn iż-żieda fit-trasparenza tal-operazzjonijiet ta’ self tal-BEI;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni tal-politika ta' żvelar pubbliku tal-BEI sabiex jitqiesu d-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regolament ta' Aarhus[15]; jilqa' b'sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-BEI għall-2007 dwar ir-Rendikont tal-Evalwazzjonijiet tal-Operazzjonijiet u jinkoraġġixxi lill-BEI biex ikompli jiżviluppa l-attivitajiet tad-dipartiment tal-Evalwazzjoni tal-Operazzjonijiet tiegħu;

9.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni tad-Dikjarazzjoni tal-BEI dwar il-Prinċipji u l-Istandards Ambjentali u Soċjali; huwa tal-fehma li l-BEI għandu jalloka riżorsi biżżejjed għall-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni riveduta u jipproduċi rapport dwar it-tħaddim tagħha;

10. Jenfasizza li l-BEI għandu jsegwi politika ta' tolleranza żero fir-rigward tal-frodi u l-korruzzjoni u jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, ir-reviżjoni tal-politika tiegħu kontra l-frodi u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; huwa mħasseb, madankollu, dwar il-fatt li jidher li dik il-politika baqgħet essenzjalment passiva; itenni l-appell tiegħu lill-BEI sabiex jinkludi, fl-adozzjoni tal-politika u l-proċeduri tiegħu għall-ġlieda kontra l-frodi, miżuri mmirati lejn:

(a)  mekkaniżmu amministrattiv ta' esklużjoni għall-kumpaniji li jinstabu ħatja ta' korruzzjoni mill-BEI u minn banek oħra ta' żvilupp multilaterali;

(b)  politika li tħares lil min jikxef reat (whistleblower); kif ukoll

(c)  tisħiħ tal-funzjoni investigattiva tiegħu u t-titjib tal-irwol preventiv u ta' tkixxif ta' dik il-funzjoni;

11. Jilqa' b'sodisfazzjon l-eżistenza ta' kumitat ad hoc dwar l-etika (li essenzjalment jara kwistjonijiet ta' wara l-impjieg) u ta' uffiċjal indipendenti għall-konformità; jitlob, madankollu, li jkun infurmat dwar l-istatus u x-xogħol fil-prattika ta' dan tal-aħħar;

12. Jifraħ lill-BEI għall-iffirmar f'Washington f'Ottubru 2007 ta' 'dikjarazzjoni ta' approċċ' dwar it-tmexxija korporattiva fil swieq emerġenti; jinnota 'd-dikjarazzjoni ta' approċċ' kienet iffirmata wkoll mill-istituzzjonijiet għall-finazjament tal-iżvilupp u li tqieghed il-governanza korporattiva fuq quddiem nett tal-aġenda tagħhom favur l-iżvilupp sostenibbli għas-swieq emerġenti;

13. Huwa sodisfatt bl-approvazzjoni mill-Kumitat ta' Ġestjoni tal-BEI tal-Politika dwar il-Mekkaniżmu għat-trattament tal-Ilmenti tal-BEI; itenni madankollu s-sejħa tiegħu lill-BEI sabiex jirrevedi l-mekkaniżmu intern għall-ilmenti u biex joħroġ linji gwidi ġodda rigward il-mekkaniżmu ta' appell estiżi għall-operazzjonijiet kollha ffinanzjati mill-BEI;

14. Jinnota l-opinjoni favorevoli tal-verifika esterna u l-konklużjonijiet tar-rapport annwali tal-Kumitat tal-Verifika; itenni, fid-dawl tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali, is-sejħa tiegħu sabiex il-BEI jkun suġġett għall-istess regoli prudenzjali bħall-istabbilimenti ta' kreditu u għal kontroll prudenzjali reali.

L-objettivi u l-operazzjonijiet tal-BERI

15. Jilqa' r-Rapport Annwali għall-2007 tal-BERI, b'mod partikulari rigward il-fatt li l-attivitajiet ta' investiment tal-BERI kienu ffukati fuq pajjiżi fi stadju bikri jew intermedju ta' tranżizzjoni u jilqa' l-progress li għamel fl-iffinanzjar tal-proġetti skont l-inizjattiva għall-Enerġija Sostenibbli tiegħu, għal liema l-proġetti tal-enerġija li l-UE għandha interess fihom għandhom jingħataw prijorità;

16. Jinnota li l-BERI jopera primarjament f'pajjiżi terzi, iżda li xi operazzjonijiet għadhom ukoll importanti f'xi Stati Membri;

17. Jinnota, barra minn hekk, li l-kuntest internazzjonali u reġjonali tal-irwol tal-BERI issa huwa differenti ħafna minn dak li kien fl-1991 u li l-mandat tal-BERI jrid jiġi applikat f'dak l-ambjent il-ġdid, hekk kif il-BERI jirrispondi għall-kundizzjonijiet tas-suq u jaħdem aktar fin-Nofsinhar u fil-Lvant;

18. Jirrikonoxxi wkoll li l-ambjent tal-operazzjonijiet qed jippreżenta sfida dejjem ikbar hekk kif l-ambjent tan-negozju sar iktar diffiċli minħabba t-tendenza li l-esperjenza tal-kontropartijiet lokali tonqos u t-tħassib dwar l-integrità jiżdied;

19. Iqis li l-BERI għandu jsaħħaħ l-assistenza teknika u l-attivitajiet ta' konsultazzjoni tiegħu biex jippromwovi standards ta’ governanza tajba u jiżgura mmaniġġjar adegwat tal-proġetti fil-livell lokali fil-pajjiżi ġirien tal-UE;

20. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress imwettaq mill-BERI bl-introduzzjoni tal-integrazzjoni tas-sessi fl-2008; iħeġġeġ liż-żewġ banek biex isaħħu l-integrazzjoni tas-sessi fl-istrutturi istituzzjonali u fil-politiki esterni tagħhom;

Il-Koperazzjoni bejn il-BEI u l-BERI, u ma' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, reġjonali u nazzjonali oħra

21. Jinnota li l-BEI u l-BERI qiegħdin dejjem iktar jiffinanzjaw operazzjonijiet fl-istess reġjuni ġeografiċi barra l-Unjoni Ewropea, bħal fl-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu tan-Nofsinhar, ir-Russja, il-Balkani tal-Punent, u fil-futur qrib, ukoll fit-Turkija;

22. Jirrimarka li fil-pajjiżi fejn it-tnejn joperaw, bħalissa hemm tliet tipi differenti ta' koperazzjoni bejn il-BEI u l-BERI; għall-Ewropa tal-Lvant hemm Memorandum ta' Ftehim li jqiegħed lill-BERI fit-tmun u jipprovdi għall-investiment konġunt bħala regola ġenerali; fil-Balkani tal-Punent hemm iktar koperazzjoni permezz tal-ġbir tal-fondi flimkien u inqas kompetizzjoni jew operazzjonijiet paralleli; u, dan l-aħħar, kif ġara fil-każ tal-koperazzjoni mat-Turkija, hemm ftehim ibbażat fuq id-definizzjoni ta' oqsma speċifiċi u komuni ta' kompetenza, bil-bank fit-tmun ikun iddeterminat fuq bażi ta' każ b'każ;

23. Jinnota li l-objettivi, l-għarfien espert u l-modus operandi taż-żewġ banek huma differenti, u li ma tistax sempliċiment tinqata' linja bejn l-operazzjonijiet ta' self għall-oqsma pubbliċi u dawk privati; jirrimarka li qed ikun hemm, dejjem iktar, oqsma komuni li fihom iż-żewġ banek jiżviluppaw ħiliet bħall-iffinanzjar tal-SMEs, l-enerġija u l-bidla fil-klima, u proġetti ta' sħubija pubblika-privata (PPP); jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-bżonn ta' koperazzjoni mtejba;

24. Huwa tal-fehma li l-attivitajiet tal-BEI u l-BERI fil-pajjiżi ta' operazzjoni komuni m'għandhomx jikkompetu, iżda għandhom pjuttost ikunu komplementari fuq il-bażi tal-vantaġġi komparattivi ta' kull bank, u għandhom jevitaw l-ispejjeż tad-duplikazzjoni għall-klijent;

25. Jirrakkomanda, għalhekk, sabiex ikun hemm koperazzjoni strutturata aħjar bejn il-BEI u l-BERI fil-pajjiżi ta' operazzjoni komuni, li:

(a) iż-żewġ banek itejbu l-qsim tax-xogħol mil-lat funzjonali permezz ta' speċjalizzazzjoni akbar sabiex jiffukaw fuq il-ħiliet u l-punti ta' saħħa rispettivi tagħhom;

(b) il-BEI jispeċjalizza iktar f'investimenti fuq skala ikbar ta' proġetti ta' infrastruttura pubbliċi u privati, inklużi l-investimenti fil-PPP u investiment barrani dirett mill-kumpaniji tal-UE, u li l-BERI jispeċjalizza iktar f'investimenti fuq skala iżgħar, fil-bini ta' istituzzjonijiet, fil-privatizzazzjoni, fil-faċiltazzjoni tal-kummerċ, fis-swieq finanzjarji, u investimenti diretti ta' ekwità, sabiex ikunu promossi standards ta' governanza korporattiva;

(c) ikunu definiti t-tipi ta' proġetti, setturi u prodotti li huma ta' interess potenzjali għaż-żewġ banek u fejn dawn jistgħu jtejbu l-fondi komuni ta' għarfien u riżorsi, bħall-finanzjament tal-SMEs, u t-titjib tal-investiment fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, pereżempju bl-inkoraġġiment ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli u fit-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra; ikun adottat approċċ prammatiku fuq bażi ta' każ b'każ f'dawn l-oqsma ta' interess komuni, b'istituzzjoni fit-tmexxija ta' kull proġett ta' ko-finanzjament, bl-objettiv li tkun evitata d-duplikazzjoni, u fuq il-bażi tal-prerekwiżit tar-rikonoxximent reċiproku tal-proċeduri; jitqiesu l-istandards tal-UE f'dan il-kuntest mill-proġetti li jirċievu l-finanzjament, pereżempju rigward il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima jew fir-rispett tad-drittijiet soċjali, irrispettivament jekk hux il-BERI jew il-BEI l-bank li qed imexxi;

(d) jiġu implimentati mekkaniżmi ta' koperazzjoni fiż-żewġ istituzzjonijiet, kemm fil-ġerarkija u kemm fil-kamp;

(e) iż-żewġ banek iressqu proposta konkreta għal koperazzjoni iktar konsistenti, inkluża riflessjoni dwar standards komuni, għall-benefiċċju tas-sidien tal-ishma tagħhom, tal-partijiet interessati u tal-pajjiżi li jibbenefikaw minn ghandhom;

(f)  iż-żewġ banek jirrappurtaw regolarment lill-Kummissjoni dwar il-koperazzjoni tagħhom;

(g) il-Kummissjoni tirrapporta kull sena lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni tal-impatt u l-effettività tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI u tal-BERI kif ukoll il-kontribuzzjoni rispettiva tagħhom għar-realizzazzjoni tal-objettivi tal-politika esterna tal-Unjoni Ewropea, u dwar il-koperazzjoni reċiproka bejniethom kif ukoll ma' istituzzjonijiet finanzjarji oħra; kif ukoll

(h) ikun organizzat kull sena smigħ fil-Parlament tal-Presidenti taż-żewġ banek flimkien mal-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji.

26. Jirrakkomanda li, f'perspettiva ta' perjodu ta' żmien twil, l-azzjonisti tal-BEI jikkunsidraw żieda fis-sjieda mill-BEI tal-BERI, pereżmpju fil-kuntest ta' żieda fil-kapital, jew, jekk azzjonist tal-BERI qed jikkunsidra li jirtira, tas-sjieda min-naħa tiegħu tal-bank; iqis li fuq perjodu ta’ żmien twil dan jista' jkun ta' appoġġ għal koerenza ikbar fil-politiki u l-ispeċjalizzazzjoni taż-żewġ banek, kemm mil-lat funzjonali kif ukoll mil-lat ġeografiku;

27. Huwa tal-fehma li proliferazzjoni tal-istrumenti ta' għajnuna esterna tal-Unjoni Ewropea għandha tkun evitata; jitlob koperazzjoni aħjar mal-istituzzjonijiet ta' żvilupp reġjonali u nazzjonali jew l-aġenziji fl-Unjoni Ewropea, sabiex ikun ipprovdut iffinanzjar effiċjenti billi jiġu evitati azzjonijiet li jkopru l-istess affarijiet u duplikazzjonijiet u biex ikun żgurat approċċ koerenti u viżibilità ikbar tal-impatt tal-UE; jappoġġa l-possibilità ta' proċeduri ta' delegazzjoni u rikonoxximent reċiproċi f'dan ir-rigward;

28. Ifakkar fl-importanza tal-ftehima stipulata fil-"Kunsens Ewropew" li tipprevedi li jkun hemm tisħiħ tas-sinerġiji bejn il-programmi appoġġati mill-BEI u istituzzjonijiet finanzjarji oħra u dawk iffinanzjati mill-Komunità sabiex jiġi garantit l-ikbar impatt għall-pajjiżi benefiċjarji; jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu b'mod partikulari l-interessi tal-benefiċjarji meta jsir dan;

29. Jirrikonoxxi li l-BEI u l-BERI jridu jaħdmu flimkien ma' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u reġjonali oħra, bħall-Bank Dinji, il-Bank Asjatiku għall-Iżvilupp, u l-Bank Afrikan għall-Iżvilupp, sabiex ikun hemm effett ikbar fir-reġjuni iktar imbiegħda mill-Unjoni Ewropea kif ukoll biex jiġu evitati azzjonijiet li jkopru l-istess affarijiet u duplikazzjonijiet fl-attivitajiet ta’ finanzjament li mhumiex mixtieqa; iqis, madankollu, li l-BEI għandu jkollu rwol predominanti fir-rigward tal-promozzjoni tal-objettivi ambjentali, soċjali u ta' żvilupp tal-Unjoni Ewropea fost il-banek multinazzjonali u l-istituzzjonijiet għall-iżvilupp;

30. Jinnota dawk il-banek multinazzjonali u l-istituzzjonijiet għall-iżvilupp li għandhom impatt pożittiv fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iqis li huwa neċessarju li jkun analizzat iktar l-impatt tagħhom kif ukoll li jiġu kkunsidrati azzjonijiet ulterjuri fil-kuntest tal-objettivi u l-operazzjonijiet tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF); jissuġġerixxi li l-finanzjament tas-sjieda tal-art bil-kundizzjoni ta' għanijiet ambjentali u soċjali jista’ jkun spiża ta' investiment eliġibbli, skont il-mandat estern tal-BEI, ladarba din hija kwistjoni fundamentali għall-iżvilupp endoġenu, b'mod partikulari fil-pajjiżi Afrikani.

It-taqlib finanzjarju globali u l-implikazzjonijiet għall-BEI u l-BERI

31. Jenfasizza l-irwol importanti li l-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku assenja lill-BEI, speċjalment rigward il-finanzjament imtejjeb għall-SMEs, l-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u t-trasport nadif; jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni għaż-żieda tal-volum ta’ self mill-BEI bi 30% (EUR 15-il biljun) fl-2009 u fl-2010 u d-deċiżjoni għaż-żieda tal-kapital sottoskritt tal-BEI b'EUR 67 biljun għal EUR 232 biljun, skont l-Istrateġija ta' Liżbona; jenfasizza li dawn il-fondi addizzjonali għandu jkollhom l-objettiv li jħallu effett fuq perjodu ta' żmien twil; iqis li iktar responsabilitajiet jeħtieġu riżorsi kemm umani u kemm finanzjarji xierqa u iktar trasparenza u responsabilità fl-operazzjonijiet tal-BEI;

32. Iħeġġeġ it-tisħiħ ta' arranġamenti ta' qsim tar-riskju bejn il-banek kummerċjali u l-BEI fil-provvediment ta’ finanzjament għall-SMEs; jitlob, madankollu, li jkun hemm viġilanza rigward l-użu li jsir mis-self tal-BEI minn banek kummerċjali u jitlob li jkun hemm kodiċi ta' kondotta bejn il-banek kummerċjali u l-BEI f'dan ir-rigward; jinnota wkoll li l-lista tal-BEI tal-banek intermedjari għandha bżonn tkun aġġornata;

33. Huwa tal-fehma li l-BEI u l-Kummissjoni għandhom jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-proġetti f’dawk l-Istati Membri kif ukoll fis-setturi li qed ikunu affettwati l-aktar mill-kriżi; f'dak ir-rigward iqis li huwa importanti li jiġi mmobilizzat l-għarfien espert tal-programmi ta’ assistenza teknika bħal Jaspers, Jeremie, Jessica u Jasmine, sabiex titħaffef id-distribuzzjoni tal-għajnuna strutturali;

34. Jinnota li l-Unjoni Ewropea talbet lill-BEI biex jaċċellera l-appoġġ għall-PPP bħala reazzjoni għall-kriżi finanzjarja; iħeġġeġ lill-BEI u lill-BERI biex iwettqu dawn il-proġetti biss meta jkunu bi prezz li jista’ jintlaħaq u jwasslu għal benefiċċji reali; iqis, f’dan ir-rigward, li jeħtieġ isir titjib fl-iżvelar tal-informazzjoni, ir-rapport bejn l-ispiża u r-riżultati u l-prattiki ta’ evalwazzjoni tal-affordabilità;

35. Jistieden lill-Istati Membri biex jisfruttaw b'mod sħiħ l-istrumenti tal-kapital għal proġetti ta’ riskju, is-self globali u l-faċilitajiet ta’ mikrokreditu offruti mill-programmi u l-faċilitajiet tal-BEI;  36. Jinnota li l-attività ta’ teħid u għoti ta’ self kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni Ewropea żdiedet b’mod progressiv u llum tikkostitwixxi l-għodda ewlenija fil-livell tal-UE għall-attività ta’ teħid u għoti ta' self; jinnota, barra minn hekk, li kien hemm talba kbira, inkluża mill-Asja, għall-bonds maħruġa mill-BEI; jistieden lill-BEI u lill-gvernaturi tiegħu, għaldaqstant, li jimmassimizzaw il-potenzjal tas-self permezz tal-ħruġ, b'mod partikolari, ta' bonds iddenominati f’euro fis-suq globali sabiex jappoġġjaw l-objettivi fuq perjodu ta' żmien twil u jimmitigaw it-tnaqqis fl-attività ekonomika kemm ġewwa l-Unjoni Ewropea u kemm fil-pajjiżi ġirien tagħha bħala bank pubbliku b'orjentazzjoni politika;

37. Jistieden bil-qawwa lill-Kummissjoni u lill-BEI biex jinvestigaw b’mod konġunt kif tista’ tiġi megħluba l-kriżi tal-kreditu fl-ekonomija reali bl-għajnuna ta’ strumenti finanzjarji ġodda u innovattivi;

38. Jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-BERI li jżid il-volum ta’ negozju annwali tiegħu fl-2009 b'madwar 20% għal bejn wieħed u ieħor EUR 7 biljun sabiex jimmitiga l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali u jinnota li nofs il-biljun ta' nfiq żejjed fl-2009 huwa allokat għall-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant;

39. Jenfasizza li fil-perjodu attwali ta' kundizzjonijiet diffiċli għal kreditu, l-irwol taż-żewġ banek huwa enfasizzat kemm ġewwa u kemm barra l-Unjoni Ewropea; jistieden liż-żewġ banek sabiex iżommu l-impenji tagħhom fir-rigward tal-pajjiżi terzi anke fi żminijiet ta’ diffikultà ekonomika;

40. Jissuġġerixxi li, wara li l-effetti tal-kriżi finanzjarja fuq l-ekonomija reali jiġu studjati bir-reqqa, il-BEI jista’ jkun mistieden biex isaħħaħ l-appoġġ tiegħu għall-Istati Membri l-ġodda; barra minn hekk, jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-involviment tas-settur privat biex dawn l-ekonomiji jerġgħu jiġu stabblizzati; jilqa' b'sodisfazzjon l-attivitajiet imtejba tal-BERI fl-Istati Membri l-ġodda u l-Pjan ta' Azzjoni Konġunta tal-Istituzzjoni Finanzjarja Istituzzjonali reċenti b'appoġġ għas-Sistemi Bankarji u s-Self għall-Ekonomija Reali fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, mill-BERI, mill-BEI, mill-Fond Ewropew għall-Investiment (EIF) u mill-Grupp tal-Bank Dinji b'appoġġ għas-sistema bankarja u l-ekonomija reali fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant; jirrakkomanda, madankollu, li fi żmien xieraq issir reviżjoni tad-definizzjoni ta' 'pajjiżi fi tranżizzjoni' u evalwazzjoni tal-irtirar tal-attivitajiet tal-BERI ġewwa l-Unjoni Ewropea;

41. Jinnota b'sodisfazzjon li l-BEI u l-BERI ma tantx kienu esposti għat-taqlib finanzjarju, għalkemm il-BERI rreġistra l-ewwel telf f'dawn l-aħħar għaxar snin fl-2008, wara li waqgħu s-swieq tal-ishma;

L-implikazzjonijiet tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-mandat estern tal-BEI

42. Jilqa' s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Novembru 2008 dwar il-bażi legali tad-Deċiżjoni 2006/1016/KE;

43. Jirrakkomanda li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jilħqu ftehim malajr wara s-sentenza f'dak il-każ, bl-għan li jiggarantixxu, min-naħa, li l-prerogattivi tal-Parlament ikunu rrispettati bis-sħiħ, u min-naħa l-oħra l-kontinwità tal-operazzjonijiet finanzjarji esterni tal-BEI; jenfasizza għalhekk li dan il-ftehim rapidu għandu jservi ta' soluzzjoni temporanja li ma tibqax effettiva wara data preċiża, sar-reviżjoni ta' nofs il-perjodu fl-2010;

44. Huwa tal-fehma li hija vitali l-adozzjoni ta' deċiżjoni li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 2006/1016/KE skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u jirrikonoxxi li r-reviżjoni ta' nofs il-perijodu attwali tal-attività ta' self estern tal-BEI u tal-arranġamenti ta' koperazzjoni, li trid titlesta fl-2010, għandha tipprovdi opportunità għal dibattitu ġenwin u wiesa' dwar l-objettivi tal-Unjoni u r-riżorsi li jitqiegħu għad-dispożizzjoni tal-BEI, fejn il-Parlament, bħala koleġiżlatur, se jwettaq il-parti tiegħu bis-sħiħ; jistieden lill-Kummissjoni biex tqis bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet espressi f'din ir-riżoluzzjoni meta tfassal abbozz ta' proposta ġdid għal deċiżjoni dwar il-mandat ta' self estern tal-BEI wara r-reviżjoni ta' nofs il-perijodu;

45. Jirrakkomanda li l-Kumitat ta' Tmexxija jiffinalizza xogħlu fil-bidu tal-2010 u jistieden liċ-Chairperson tal-Kumitat biex ftit wara jirrapporta dwar il-konklużjonijiet tal-Kumitat lill-Parlament u lill-Kunsill; jistenna bil-ħerqa l-konkużjonijiet tal-Kumitat ta' Tmexxija u jitlob lill-Kumitat biex iqis ir-rakkomandazzjonijiet inklużi f'din ir-riżoluzzjoni u fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament; jitlob li l-Kumitat ta' Tmexxija jinforma lill-Parlament bil-progress tiegħu b'mod regolari;

°

° °

46. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Bank Ewropew tal-Investiment, lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

  • [1]       ĠU L 414, 30.12.2006, p. 95.
  • [2]       Każ C-155/07, Il-Parlament Ewropew v l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, għadha mhix ippublikata fir-Rapporti tal-Qorti Ewropea.
  • [3]       ĠU L 301, 12.11.2008, p. 13.
  • [4]       ĠU L 52, 22.2.1997, p. 17.
  • [5]       Testi adottati, P6_TA(2008)0132.
  • [6]       ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 544.
  • [7]       ĠU C 38 E, 12.2.2004, p. 313.
  • [8]       ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
  • [9]       ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
  • [10]     Każ C-11/00, Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej v Bank Ewropew tal-Investiment [2003] ECR I-7141.
  • [11]     Il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Repubblika Slovakka u s-Slovenja.
  • [12]     L-Albanija, il-Bosnia u l-Ħerzegovina, il-Bulgarija, l-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, ir-Rumanija u s-Serbja.
  • [13]     L-Armenja, l-Azerbajġan, il-Belarus, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukrajna.
  • [14]     Il-Każakistan, ir-Repubblika tal-Kirgiżtan, il-Mongolja, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan.
  • [15]             Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13).

NOTA SPJEGATTIVA

Din hija l-ewwel darba li l-Parlament fassal rapport dwar l-attivitajiet tal-BEI u tal-BERI flimkien. Minħabba li l-BEI huwa istituzzjoni mwaqqfa minn Trattat, il-Parlament jadotta rapport dwar l-attivitajiet tiegħu kull sena, filwaqt li rapport dwar il-BERI jkun adottat biss okkażjonalment, bħal fl-2002.

Hemm tliet raġunijiet ewlenin li jispjegaw l-importanza li jkun adottat rapport dwar iż-żewġ banek flimkien:

1)   Iż-żieda fin-numru ta' attivitajiet ta' finanzjament tal-BEI u l-BERI li jkopru l-istess oqsma

Il-BEI u l-BERI qiegħdin dejjem iktar jiffinanzjaw operazzjonijiet fl-istess reġjuni ġeografiċi barra l-Unjoni Ewropea, bħal fl-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu tan-Nofsinhar, ir-Russja, il-Balkani tal-Punent, u fil-futur qrib, ukoll fit-Turkija.

Il-figuri li ġejjin jirrappreżentaw is-self tal-BEI barra l-UE fl-2007: Asja u Amerika Latina EUR 925 miljun, Ewropa tal-Lvant, Kawkasu tan-Nofsinhar u r-Russja EUR 230 miljun, il-pajjiżi sieħba tal-Mediterran EUR 1438 miljun, il-Pajjiżi fl-istadju qabel l-adeżjoni EUR 2870 miljun, il-pajjiżi AKP EUR 756 miljun u l-Afrika t'Isfel EUR 113 miljun.

Il-volum annwali tan-negozju tal-BERI ammonta għal EUR 5.6 biljun fl-2007. Dan inkluda 353 proġett f'29 pajjiż fl-Ewropa Ċentrali u l-Istati Baltiċi, fl-Ewropa tax-Xlokk, fis-CIS tal-Punent u l-Kawkasu, fir-Russja u l-Asja Ċentrali.

Din il-koperazzjoni bejn iż-żewġ banek żviluppat fuq bażi reġjonali, b'hekk, il-mod kif jikkoperaw hija organizzata b'mod differenti skont ir-reġjun. Fil-pajjiżi fejn it-tnejn joperaw, bħalissa hemm tliet metodi differenti ta' koperazzjoni bejn il-BEI u l-BERI; il-Memorandum ta' Ftehim għall-Ewropa tal-Lvant bil-BERI fit-tmun u investiment konġunt bħala regola ġenerali; fil-Balkani tal-Punent hemm bidla minn operazzjonijiet "kompetittivi"/paralleli għal forom ġodda ta' koperazzjoni billi jingħaqdu l-finanzi; u, dan l-aħħar, hemm ftehim ibbażat fuq id-definizzjoni ta' oqsma ta' kompetenza speċifiċi u komuni u metodi flessibbli ta' koperazzjoni bħal fil-każ ta' operazzjonijiet ta' finanzjament fit-Turkija.

Dan mhuwiex żvilupp sodisfaċenti. Pjuttost ikun aktar utli jekk tkun organizzata reviżjoni komprensiva, li l-għan bażiku tagħha jkun kif il-koperazzjoni bejn iż-żewġ banek u partijiet rilevanti oħra tista' tittejjeb, b'mod li jqis l-interessi tal-UE u tal-pajjiżi li jibbenefikaw.

Jidher ċar mill-ewwel li l-objettivi, l-għarfien espert u l-modus operandi taż-żewġ banek huma differenti. Barra minn hekk, il-qsim tax-xogħol u l-koperazzjoni bejn iż-żewġ banek ma tistax sempliċiment tkun immaniġġjata fuq bażi reġjonali jew billi tinqata' linja bejn is-self lis-settur pubbliku u dak lis-settur privat.

Dan ir-rapport jiffoka fuq l-identifikazzjoni ta' oqsma fejn iż-żewġ banek jistgħu jaħdmu flimkien b'mod iktar effiċjenti sabiex jagħtu valur miżjud lis-sidien tal-ishma tagħhom, tal-partijiet interessati u tal-pajjiżi li jibbenefikaw minn għandhom.

Dawn li ġejjin huma rakkomandazzjonijiet konkreti għal koperazzjoni ikbar:

(a) iż-żewġ istituzzjonijiet għandhom itejbu ta' qsim tax-xogħol mil-lat funzjonali permezz ta' speċjalizzazzjoni akbar, sabiex jiffukaw fuq il-ħiliet u l-punti ta' saħħa rispettivi tagħhom, bħall-kapaċità ta' finanzjament fuq skala kbira mill-BEI u l-preżenza u l-għarfien fil-livell lokali mill-BERI;

(b) il-BEI għandu jispeċjalizza iktar fil-finanzjament ta' infrastrutturi u proġetti privati u pubbliċi fuq skala kbira, inklużi l-investimenti minn sħubija pubblika-privata (PPP) kif ukoll investimenti barranin diretti minn kumpaniji tal-UE; il-BERI għandu jispeċjalizza iktar fuq investimenti fuq skala żgħira, bini ta' istituzzjonijiet, privatizzazzjoni, faċilitazzjoni tal-kummerċ, swieq finanzjarji, u investimenti diretti f’ishma sabiex jippromwovi l-istandards ta' governanza tal-korporazzjonijiet;

(c) id-definizzjoni tat-tipi ta' proġetti, setturi u prodotti li huma ta' interess potenzjali għaż-żewġ banek u fejn dawn jistgħu itejbu fondi komuni ta' għarfien u riżorsi, bħall-finanzjament tal-SMEs, u t-titjib tal-investiment fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, pereżempju f'riżorsi ta' enerġija rinnovabbli u fit-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra; F'dawn l-oqsma ta' interess komuni, jitlob approċċ pragmatiku ta' każ b'każ, b'istituzzjoni fit-tmexxija ta' kull proġett ta' ko-finanzjament, bl-objettiv li tkun evitata d-duplikazzjoni, u bil-prerekwiżit tar-rikonoxximent reċiproku tal-proċeduri;

(d) l-implimentazzjoni ta' kultura ta' koperazzjoni fiż-żewġ istituzzjonijiet, kemm fil-ġerarkija u kemm fil-kamp;

(e) li ż-żewġ banek iressqu proposta globali għal koperazzjoni iktar konsistenti, inkluża riflessjoni dwar standards komuni, għall-benefiċċju tas-sidien tal-ishma tagħhom, tal-partijiet interessati u tal-pajjiżi li jibbenefikaw minn għandhom;

(f)  li ż-żewġ banek jirrapurtaw regolarment lill-Kummissjoni dwar il-koperazzjoni tagħhom;

(g) li l-Kummissjoni tirrapporta kull sena lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni tal-impatt u l-effettività tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI u tal-BERI kif ukoll il-kontribuzzjoni rispettiva tagħhom għar-realizzazzjoni tal-objettivi tal-politika esterna tal-UE, u dwar il-koperazzjoni reċiproka bejniethom kif ukoll ma' istituzzjonijiet finanzjarji oħra; kif ukoll

(h) l-organizzazzjoni kull sena ta' smigħ mill-Parlament Ewropew tal-Presidenti taż-żewġ banek flimkien mal-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji.

2)   Il-kriżi tal-kreditu żżid l-importanza tax-xogħol taż-żewġ banek

Fil-perjodu attwali ta' kundizzjonijiet diffiċli għal kreditu, l-operazzjonijiet finanzjarji u r-rikonoxximent reċiproku taż-żewġ banek huma ta' importanza ikbar, f'termini tal-forniment tal-kreditu li tant hemm bżonnu fis-settur pubbliku u dak privat. Pereżempju, il-finanzjament tal-SMEs huwa kritiku kemm ġewwa u kemm barra l-UE. Pereżempju, is-settur bankarju jinsab magħfus serjament fir-reġjuni tal-viċinat tal-UE. Huwa importanti wkoll li ż-żewġ banek ikunu attivi fil-promozzjoni tal-proġetti maħsuba għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u t-trawwim ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli.

3)   Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-mandat ta' self estern tal-BEI jeħtieġ li tkun implimentata

Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Novembru 2008 dwar il-bażi legali tad-Deċiżjoni 2006/1016/KE hija indikazzjoni f'waqtha tal-irwol importanti li l-Parlament se jkollu fil-proċedura ta' kodeċiżjoni rigward il-mandat ta' self estern tal-BEI.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE li tkopri garanzija lill-BEI għall-operazzjonijiet finanzjarji f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u pajjiżi terzi oħra hija bbażata fuq l-Artikolu 181a KE (koperazzjoni ekonomika ma' pajjiżi terzi) biss.

Il-Parlament Ewropew sfida din id-Deċiżjoni għaliex fil-fehma tiegħu l-Artikolu 179 KE (koperazzjoni għall-iżvilupp) għandu jiżdied bħala t-tieni bażi legali. Il-kwistjoni hija importanti għall-involviment tal-Parlament ladarba l-Artikolu 179 KE jipprevedi l-proċedura ta' kodeċiżjoni waqt li l-Artikolu 181a KE jipprevedi biss il-konsultazzjoni.

Il-Qorti qieset li d-Deċiżjoni, permezz ta' koperazzjoni finanzjarja mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, tfittex ukoll li tikseb l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 177 KE. Għalhekk, sakemm id-Deċiżjoni tikkonċerna l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, skont it-tifsira tat-Titolu XX Trattat KE, din taqa' taħt dak it-titolu u għaldaqstant taħt l-Artikolu 179KE.

Finalment, il-Qorti qieset li teżisti relazzjoni komplementari bejn it-Titoli XX u XXI tat-Trattat, u għalhekk bejn l-Artikoli 179 u 181a KE rispettivament u li l-proċeduri stipulati f'dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jitqiesu inkompatibbli. Il-Qorti ddeċidiet li l-proċedura ta' kodeċiżjoni għandha tapplika.

Dan għandu implikazzjonijiet sinifikanti għall-Parlament Ewropew li issa għandu rwol ħafna ikbar fid-deċiżjonijet dwar il-mandat estern tal-BEI. Is-sentenza tipprovdi lill-Parlament bil-bażi legali meħtieġa biex jikkoordina mal-Kunsill dwar kif il-BEI għandu jopera barra l-UE. Dan huwa żvilupp neċessarju ħafna.

Il-Qorti ordnat li l-effetti tad-Deċiżjoni 2006/1016/KE jinżammu biss fir-rigward ta' arranġamenti ta' finanzjament mill-BEI li daħlu fis-seħħ fil-perjodu ta' 12-il xahar mid-data tas-sentenza tal-Qorti.

Din l-iskeda se tkun sfida kbira biex tkun implimentata fil-prattika u huwa rari ħafna li l-Qorti tinkludi ordni bħal din fis-sentenzi tagħha rigward il-proċedura ta' kodeċiżjoni bejn l-istituzzjonijiet. Din hija sfida anke ikbar meta wieħed iqis li se jkun hemm l-elezzjonijiet Parlamentari s-sena d-dieħla.

Sabiex il-BEI ikun jista' jkompli l-attivitajiet ta' self tiegħu barra l-UE kemm jista' jkun mingħajr problemi, għall-benefiċċju tal-partijiet kollha, b'mod partikulari l-pajjiżi li jibbenefikaw, huwa rakkomandat it-twaqqif ta' grupp inter-istituzzjonali bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Dan il-grupp għandu jiddiskuti x'passi jridu jittieħdu fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti (C-155/1016/EC).

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit  (21.1.2009)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar ir-Rapporti Annwali għall-2007 tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp
(2008/2155(INI))

Rapporteur: Gabriele Stauner

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għandu jsegwi politika ta' "tolleranza żero" fir-rigward tal-frodi u l-korruzzjoni u jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, ir-reviżjoni tal-politika tiegħu kontra l-frodi u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; madankollu jinsab imħasseb mill-fatt li jidher li din il-politika baqgħet essenzjalment passiva; itenni l-appell tiegħu lill-Bank Ewropew tal-Investiment sabiex jinkludi, fil-politika u l-proċeduri tal-ġlieda kontra l-frodi, li jadotta miżuri mmirati lejn l-objettivi li ġejjin:

a.  mekkaniżmu amministrattiv ta' esklużjoni għall-kumpaniji li jinstabu ħatja ta' korruzzjoni mill-BEI u minn banek oħra ta' żvilupp multilaterali;

b.  politika li tħares lil min jikxef reat (Whistleblowers); kif ukoll

c.  ir-rinforz tal-funzjoni investigattiva tiegħu u t-tisħiħ tal-irwol preventiv u ta' tkixxif ta' din il-funzjoni;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-eżistenza ta' kumitat ad hoc dwar l-etika (li essenzjalment jara kwistjonijiet ta' wara l-impjieg) u ta' uffiċjal indipendenti għall-konformità; jitlob, madankollu, li jkun infurmat dwar l-istatus u x-xogħol fil-prattika ta' dan tal-aħħar;

Jifraħ lill-Bank Ewropew tal-Investiment talli, f'Washington f'Ottubru 2007, kien wieħed mill-firmatarji tad-'dikjarazzjoni ta' approċċ' dwar il-governanza korporattiva fis-swieq emerġenti, li ġiet iffirmata wkoll mill-istituzzjonijiet għall-finanzjament tal-iżvilupp, li tagħti l-prijorità lill-governanza korporattiva fl-aġenda tagħhom favur l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi emerġenti;

4.  Huwa sodisfatt bl-approvazzjoni mill-Kumitat ta' Ġestjoni tal-BEI għall-Politka ta' Mekkaniżmu tal-Ilmenti tal-BEI; itenni madankollu t-talba tiegħu lill-BEI biex jirrevedi l-mekkaniżmu intern tiegħu dwar l-ilmenti u biex joħroġ linji gwida ġodda dwar il-mekkaniżmu ta' appell li jiġu estiżi għall-operazzjonijiet kollha ffinanzjati mill-EIB;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni tal-politika ta' żvelar pubbliku tal-BEI sabiex jitqiesu d-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regolament ta' Aarhus[1]; jilqa' b'sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-2007 dwar ir-Rendikont tal-Evalwazzjonijiet tal-Operazzjonijiet u jinkoraġġixxi lill-BEI biex ikompli jiżviluppa l-attivitajiet tad-dipartiment tiegħu tal-Evalwazzjoni tal-Operazzjonijiet;

6.  Jinnota l-opinjoni favorevoli tal-verifika esterna u l-konklużjonijiet tar-rapport annwali tal-Kumitat tal-Verifika; itenni, fid-dawl tal-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi attwali, is-sejħa tiegħu lill-BEI li jkun suġġett għall-istess regoli prudenzjali bħall-istabbilimenti ta' kreditu u għal kontroll prudenzjali reali;

7.  Jenfasizza l-bżonn urġenti li tiġi stabbilita missjoni indipendenti regolatorja biex tissorvelja l-kwalità tal-qagħda finanzjarja tal-Bank Ewropew tal-Investiment u biex tiżgura l-kejl preċiż tar-riżultati u li r-regoli dwar il-kondotta tajba tal-professjoni jitħarsu; jirrakkomanda wkoll li jissaħħaħ aktar il-Kumitat tal-Verifika tal-BEI; sakemm jinħoloq regolatur bankarju Ewropew uffiċjali; jipproponi li jiġi maħsub kull xenarju possibbli, li jinkludi, pereżempju, l-involviment ta' regolatur nazzjonali, jew ta' numru ta' regolaturi nazzjonali b'sistema ta' rotazzjoni annwali, jew riferiment lill-Kunsill mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 105(6) tat-Trattat KE;

8.  Jiddispjaċih li l-Bank Ewropew tal-Investiment mhuwiex se jkun is-suġġett ta' rapport partikolari tal-Parlament, minħabba r-rabta diretta li teżisti bejn dan il-bank u l-Istati Membri li huma l-uniċi azzjonisti tiegħu, bil-maqlub tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, li għandu bħala azzjonisti lil diversi pajjiżi li mhumiex fl-UE bħall-Iżvizzera, l-Iżrael, it-Turkija, ir-Russja, il-Kanada, ir-Repubblika tal-Korea, l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Messiku.

RIŻULTAT FINALI TAL-VOTAZZJONI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.1.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

11

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Inés Ayala Sender, Herbert Bösch, Paulo Casaca, Esther De Lange, James Elles, Nils Lundgren, José Javier Pomés Ruiz, Bart Staes, Søren Bo Søndergaard

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Christopher Heaton-Harris

  • [1]  Regolament No 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għal Informazzjoni, Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-KE (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13).

RIŻULTAT FINALI TAL-VOTAZZJONI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

9.3.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Paolo Bartolozzi, Zsolt László Becsey, Pervenche Berès, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Jonathan Evans, Elisa Ferreira, José Manuel García-Margallo y Marfil, Jean-Paul Gauzès, Donata Gottardi, Benoît Hamon, Gunnar Hökmark, Sophia in ‘t Veld, Othmar Karas, Wolf Klinz, Kurt Joachim Lauk, Hans-Peter Martin, Gay Mitchell, Sirpa Pietikäinen, John Purvis, Bernhard Rapkay, Eoin Ryan, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Peter Skinner, Margarita Starkevičiūtė, Ivo Strejček, Cornelis Visser

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Harald Ettl, Margaritis Schinas, Eva-Riitta Siitonen