REPORT bi proposta għal rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar il-ftehima l-ġdida bejn l-UE u r-Russja
16.3.2009 - (2008/2104(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Janusz Onyszkiewicz
PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW LILL-KUNSILL
dwar il-ftehima l-ġdida bejn l-UE u r-Russja
Il-Parlament Ewropew,
- wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill minn Janusz Onyszkiewicz f'isem il-Grupp ALDE dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja (B6-0373/2007),
- wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni (PCA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri, fuq in-naħa l-waħda[1], u l-Federazzjoni Russa, fuq in-naħa l-oħra, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 1997 u skadiet fl-2007 iżda kienet estiża awtomatikament,
- wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2008 biex jinfetħu n-negozjati mal-Federazzjoni Russa dwar ftehima ġdida u t-tkomplija ta' dawk in-negozjati f'Diċembru 2008,
- wara li kkunsidra l-objettiv tal-UE u tar-Russja, stabbilit fid-dikjarazzjoni konġunta maħruġa wara s-Samit ta' San Pietruburgu fil-31 ta' Mejju 2003, biex jitwaqqaf spazju ekonomiku komuni, spazju komuni ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, spazju għal koperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u spazju għar-riċerka u l-edukazzjoni, inklużi l-aspetti kulturali u l-pjanijiet direzzjonali adottati sussegwentement,
- wara li kkunsidra l-ftehima tal-2006 bejn il-Federazzjoni Russa u l-Komunità Ewropea dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi u r-riammissjoni,
– wara li kkunsidra l-Karta Ewropea tal-Enerġija ffirmata fis-17 ta' Diċembru 1991 u t-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (ECT) sussegwenti, li kien miftuħ għall-firem fis-17 ta' Diċembru 1994 u li daħal fis-seħħ f'April 1998, u li jorbot legalment bejn il-Partijiet Kontraenti kollha li rratifikaw l-ECT u dawk li għażlu li ma japplikawx l-ECT provviżorjament sakemm jidħol fis-seħħ skont l-Artikolu 45(2), kif ukoll id-Djalogu dwar l-Enerġija UE-Russja mibdi fis-sitt Samit UE-Russja li sar f'Pariġi fit-30 ta' Ottubru 2000,
– wara li kkunsidra l-Protokoll dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali għall-Konvenzjoni tal-Espoo tal-UN/ECE tal-1991 dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali (“Espoo Convention”),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-8 ta’ Lulju 2008 dwar l-impatt ambjentali tas-sistema tal-pajpijiet tal-gass ippjanata fil-Baħar Baltiku biex tgħaqqad lir-Russja mal-Ġermanja[2],
– wara li kkunsidra l-interruzzjoni bla preċedenti tal-forniment tal-gass Russu lejn l-Unjoni Ewropea f’Jannar tal-2009,
- wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem u n-nuqqas ta' riżultati tanġibbli tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem (EHCR) u l-Protokolli annessi,
- wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar id-dħul tal-Federazzjoni Russa fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO),
- wara li kkunsidra l-ħafna rapporti kredibbli minn organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) Russi u internazzjonali dwar il-każi ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem li qed ikomplu jsiru fir-Russja, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem marbuta maċ-Ċeċnija u l-ħafna każi simili li huma pendenti quddiem il-Qorti,
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Federazzjoni Russa, inklużi b'mod partikolari dawk tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-attakki fuq persuni li qed jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u l-ġuri tal-qtil ta' Anna Politkovskaya[3], tat-13 ta' Marzu 2008 dwar ir-Russja[4], tal-10 ta' Mejju 2007 dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja li kellu jsir f'Samara fit-18 ta' Mejju 2007[5], tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja tas-26-27 ta' Ġunju 2008 f'Khanty-Manisysk[6], tal-25 ta' Ottubru 2006 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja wara l-qtil tal-ġurnalista Russa Anna Politkovskaya[7], tal-14 ta' Novembru 2007 dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja[8] u tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja tal-24 ta' Novembru 2006 f'Ħelsinki[9],
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2005 dwar ir-relazzjonijiet UE-Russja[10],
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Settembru 2008 dwar is-sitwazzjoni fil-Ġeorġja[11],
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Settembru 2007 bit-titolu "Lejn politika barranija Ewropea komuni fis-settur tal-enerġija"[12],
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-17 ta' Jannar 2008 dwar l-Approċċ Politiku Reġjonali għall-Baħar l-Iswed[13] u dwar il-Politika aktar effettiva tal-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu: mill-wegħdiet għall-azzjoni[14],
- wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill ta' Sħubija Permanenti UE-Russja tat-22 ta' Novembru 2007 dwar il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja,
- wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Assemblea Parlamentari tal-OSCE dwar l-elezzjonijiet għad-Duma Russa li saru fit-2 ta' Diċembru 2007,
- wara li kkunsidra l-Artikolu 114(3) u l-Artikolu 83(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
- wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A6-0140/2009),
A. billi r-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja huma ta’ importanza kruċjali sabiex tinżamm koperazzjoni pragmatika; billi r-Russja hija membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, membru tal-G8, it-tielet l-akbar imsieħba fil-kummerċ mal-UE, ir-raba' l-akbar imsieħba fil-kummerċ fiz-Zona tal-ewro u fornitur essenzjali ta’ enerġija lill-UE; billi l-UE taqsam mar-Russja mhux biss interessi ekonomiċi u kummerċjali iżda wkoll l-objettiv li taġixxi fix-xena internazzjonali, kif ukoll ir-responsabilità dwar kwistjonijiet globali u kwistjonijet li jikkonċernaw il-viċinat komuni Ewropew; billi l-koperazzjoni mtejba u r-relazzjonijiet ta' ġirien tajba bejn l-UE u r-Russja għandhom ikunu msejsa fuq ir-rispett reċiproku u l-valuri komuni tad-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt kif ukoll fuq il-koperazzjoni dwar kwistjonijiet internazzjonali u għadaqstant huma ta' importanza fundamentali għall-istabilità, is-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa kollha; billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja għandhom jissejsu fuq ir-rispett reċiproku kif ukoll fuq ir-rispett miż-żewġ’ partijiet tas-sovranità tan-nazzjonijiet fil-viċinat tagħhom,
B. billi l-UE hija msejsa fuq valuri komuni bħad-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt, u billi r-rispett sħiħ ta’ dawn il-valuri għandu jingħata prijorità assoluta fl-iżvilupp ta’ koperazzjoni mtejba ma’ kull stat terz,
C. billi l-koperazzjoni bejn l-UE u r-Russja hija ta’ ġid għall-istabilità internazzjonali; billi, barra minn hekk, ir-Russja għandha r-responsabilità li tikkontribwixxi għall-istabilità finanzjarja u politika u għal sens ta' sigurtà fl-Ewropa u fid-dinja, partikolarment billi tadotta u żżomm approċċ responsabbli u paċifiku fil-viċinat komuni tal-UE u r-Russja; billi l-UE diġà qed tikkopera mar-Russja fir-rigward tal-Afganistan, il-Lvant Nofsani u l-Balkani kif ukoll fin-NU u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) biex ikunu żviluppati ideat u approċċi komuni dwar kwistjonijiet fundamentali oħra ta’ sigurtà bħall-proliferazzjoni nukleari, il-kontroll tal-armamenti u d-diżarm, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-traffikar tad-drogi u l-kriminalità organizzata, il-bidla fil-klima, kif ukoll il-kriżi ekonomika u finanzjarja globali,
D. billi l-kontrattakk sproporzjonat tar-Russja, ikkawżat mid-dħul tat-truppi Ġeorġjani fl-Ossetia tan-Nofsinhar, kien estiż għat-territorji tal-Ġeorġja b'użu tal-armamenti u tal-qawwa tal-ajru kif ukoll b'azzjoni militari mhux provokata fl-Abkhazja filwaqt li l-portijiet Ġeorġjani ġew attakkati u okkupati wara r-rikonoxximent tal-Ossetia tan-Nofinhar u tal-Abkhazia, żewġ zoni li nfirdu, iqiegħed dubju dwar ir-rieda tar-Russja li, flimkien mal-UE, tibni spazju komuni ta' sigurtà fl-Ewropa; billi l-iżvilupp ulterjuri tas-sħubija tal-Ewropa mar-Russja jeħtieġ li jinkludi djalogu sinifikanti dwar is-sigurtà, ibbażat fuq l-impenji taż-żewġ imsieħba għall-valuri komuni tagħhom, ir-rispett tal-liġi internazzjonali u l-integrità territorjali u l-impenn u l-obbligi assunti taħt il-Konvenzjoni ta’ Ħelsinki,
E. billi n-negozjati dwar ftehima ġdida bil-għan li tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-UE u l-Federazzjoni Russja bl-ebda mod ma jilleġittimizzaw l-istatus quo attwali fil-Ġeorġja, filwaqt li jibqa' validu l-obbligu għar-Russja li timplimenta b'mod sħiħ il-ftehimiet iffirmati fit-12 ta' Awwissu u t-8 ta' Settembru 2008 fir-rigward tal-konflitt fl-Ossetia tan-Nofsinhar u l-Abkhazia, minħabba li l-konformità tagħha ma' dawn il-ftehimiet għandha tkun kundizzjoni indispensabbli għat-tkomplija b'suċċess tat-taħdidiet, flimkien ma’ assigurazzjonijiet tanġibbli min-naħa tar-Russja li mhix se tirrikorri għall-użu tal-vjolenza kontra l-ebda wieħed mill-ġirien tagħha,
F. billi, b’mod partikolari wara dak li seħħ fil-Ġeorġja, il-pożizzjonijiet tal-partijiet dwar il-Kosovo u l-Viċinat Komuni jinsabu aktar mbegħdin minn xulxin minn qabel,
G. billi l-konklużjoni ta' ftehima dwar koperazzjoni futura tibqa' importanti ħafna biex isir iktar żvilupp u tkun intensifikata l-koperazzjoni bejn iż-żewġ naħat; billi l-politika tal-UE fir-rigward tar-Russja trid tkun ibbażata fuq l-għaqda u s-solidarjetà u billi l-UE għandha tadotta approċċ komuni u titkellem b'vuċi waħda, billi l-Istati Membri tal-UE għandhom jinfurmaw u jikkonsultaw lill-Istati Membri l-oħra li jkunu potenzjalment ikkonċernati minn ftehimiet bilaterali u minn kwistjonijiet mar-Russja,
H. billi l-ftehima komprensiva ġdida mfassla biex tieħu post il-PCA attwali trid tirrapreżenta titjib fil-kwalità u tirrifletti l-firxa kollha tal-koperazzjoni, ir-realtajiet ġodda tas-seklu 21, kif ukoll il-konformità mal-prinċipji tar-relazzjonijiet internazzjonali u r-rispett għan-normi demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem,
I. billi l-aktar elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali reċenti fir-Russja saru f’ċirkostanzi konsiderevolment inferjuri mill-istandards Ewropej fir-rigward tal-aċċess għall-osservaturi elettorali internazzjonali, il-possibilitajiet tal-partiti tal-oppożizzjoni li jagħżlu kandidati u jorganizzaw il-kampanji tagħhom, l-imparzjalità u l-indipendenza tal-midja u n-newtralità tal-entitajiet pubbliċi, li wasslu biex ir-Russja tonqos serjament mill-obbligi tagħha bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSCE,
J. billi l-Federazzjoni Russa hija membru tal-Kunsill tal-Ewropa u għaldaqstant impenjat ruħha li tirrispetta l-objettivi tal-Kunsill, li huma, b'mod partikulari, il-promozzjoni tad-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll it-tisħiħ tad-demokrazija u l-istabilità fl-Ewropa; billi l-UE għandha tiddefendi bis-sħiħ il-prinċipju li jistabbilixxi li l-istat tad-dritt kif ukoll l-impenji attwali meħuda f'dawn l-organizzazzjonijiet jitqiesu vitali għas-suċċess tal-ftehima ta' sħubija bejn l-UE u r-Russja,
K. billi numru ta' rapporti minn NGOs u esperti indipendenti juru li l-liġi dwar l-NGOs tal-2006 u miżuri oħra li ttieħdu mill-gvern Russu, inkluża l-leġiżlazzjoni kontra l-estremiżmu u l-estensjoni tal-kontroll tal-istat fuq oqsma sinifikanti tal-midja, idgħajfu b'mod gravi l-libertà tal-espressjoni u jxekklu d-drittijiet tal-bniedem u l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili fir-Russja,
L. billi l-fatt li għadhom jinżammu priġunieri politiċi u t-trattament li jingħata lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem imorru kontra l-impenn tal-Federazzjoni Russa li ssaħħaħ l-istat tad-dritt fir-Russja u ttemm in-nuqqas totali tar-rispett tal-liġi,
M. billi l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u għadd ta’ organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem qajmu dubji serji dwar l-istandards tas-sistema ġudizjarja fir-Russja, inkluż in-nuqqas ta’ indipendenza ġudizjarja, iċ-ċaħda ta’ smigħ xieraq lid-difensuri f'kawżi politikament kontroversjali, il-fastidju lill-avukati difensuri u l-persekuzzjoni tagħhom kif ukoll il-fatt li qed jerġgħu jiġu mgħoddija ġuri u miżmuma l-priġunieri politiċi fis-sistema penali Russa,
N. billi l-Federazzjoni Russa żammet lura milli tieħu azzjoni effettiva biex tiżgura li jieqfu l-abbużi li għadhom għaddejjin u l-impunità għar-reati, minkejja li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR), f'numru dejjem jikber ta' sentenzi, sabet li r-Russja hi responsabbli għal abbużi serji u sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi eżekuzzjonijiet extra-ġudizzjarji, tortura u għajbien furzat,
O. billi l-prinċipji li fuqhom huma mibnija r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa għandhom ikunu r-reċiproċità, is-sostenibilità, it-trasparenza, il-prevedibilità, l-affidabilità, in-nuqqas ta' diskriminazzjoni u t-tmexxija tajba, billi l-ftehima l-ġdida għandha tkun torbot legalment u għandha tipprevedi mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwimiet,
P. billi l-kriżi reċenti tal-provvista tal-gass lill-Unjoni Ewropea, li ħalliet miljuni ta’ ċittadini fil-Bulgarija, fis-Slovakja u f’postijiet oħra fl-UE mingħajr tisħin u ilma sħun fit-temperaturi xitwija taħt iz-zero, jqajmu tħassib serju dwar l-affidabilità tal-provvista tal-enerġija tar-Russja,
Q. billi, f'termini ta' sigurtà tal-enerġija, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja joffru potenzjal kbir għall-interdipendenza reċiproka pożittiva u kostruttiva, sakemm is-sħubija tkun ibbażata fuq il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u t-trattament ġust, u ta' kundizzjonijiet ugwali tas-suq, kif previst fl-ECT; billi l-kriżi reċenti tal-gass uriet biċ-ċar il-ħtieġa tal-adozzjoni u tal-osservanza ta’ ġabra ta’ regoli bbażati, bħala minimu, fuq l-ECT attwali; billi r-relazzjoni dwar l-enerġija sikura bejn l-UE u r-Russja tiddependi bl-istess mod mit-trasparenza tal-kummerċ tal-enerġija f’pajjiżi ta’ tranżitu; billi, f'termini ta' sigurtà ta' enerġija, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja joffru potenzjal kbir għall-interdipendenza reċiproka pożittiva u kostruttiva, sakemm is-sħubija tkun ibbażata fuq il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u t-trattament ġust, u ta' kundizzjonijiet ugwali tas-suq; billi l-politiki tal-enerġija Russi, fil-prattika, urew każijiet ta’ abbuż monopolistiku u koersiv, b’mod partikolari ċ-ċaħda tad-drittijiet tal-pajjiżi terzi ta’ tranżitu, interruzzjonijiet fil-provvista u l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà,
R. billi l-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006 rrakkomanda li jkunu konklużi n-negozjati dwar il-Protokoll tal-Karta Ewropea dwar it-Tranżitu, li tkun żgurata r-ratifika tal-ECT mill-firmatarji kollha tal-Karta u li l-Kummissjoni tkun mistiedna, speċjalment fid-dawl tal-kriżi reċenti tal-gass, biex tistabbilixxi l-elementi għall-ftehima dwar l-enerġija mar-Russja u fit-tkomplija tal-PCA attwali u vinkolanti jew fil-qafas tal-ftehima li se tissostitwixxi l-PCA; billi l-ECT huwa digà legalment vinkolanti għall-Istati Membri kollha tal-UE u għar-Russja, bħala firmatarja skont l-Artikolu 45,
S. billi kollaborazzjoni mill-qrib fil-qasam tal-politika tal-enerġija u d-definizzjoni ta’ strateġija tal-enerġija għal żmien twil huma prekundizzjonijiet għal żvilupp bilanċjat tal-ekonomija kemm għall-UE kif ukoll għar-Russja;
T. billi bosta drabi l-UE naqset milli titkellem b’vuċi waħda fir-relazzjonijiet tagħha mar-Russja; billi għandu jkun hemm mekkaniżmu fil-Kunsill li jiffunzjona taħt ir-responsabilità tar-Rappreżentant Għoli, li jippermetti lill-Istati Membri jikkonsultaw lil xulxin minn kmieni biżżejjed dwar kull kwistjoni bilaterali mar-Russja li jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq Stati Membri oħra u fuq l-UE kollha kemm hi;
U. billi l-kriżi ekonomika ta’ bħalissa, li qed taffettwa sew kemm lir-Russja kif ukoll lill-UE, qed toffri opportunità għal bidu ġdid ta’ relazzjonijiet bilaterali abbażi ta’ għarfien reċiproku aħjar u aktar trasparenti li jevita s-suspetti u n-nuqqasijiet tal-passat u li jipprovdi l-bażi għad-definizzjoni u għat-titjib ta’ valuri komuni reali u kondiviżi,
1. Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u jitlobhom iqisuhom waqt in-negozjati:
a) li jkomplu jinsistu fuq ftehima wiesgħa, li tinkludi bosta oqsma, li tkun legalment vinkolanti u bbażata fuq impenn komuni dwar id-drittijiet tal-bniedem, li tkopri l-firxa sħiħa ta' koperazzjoni bejn il-partijiet u tirrapreżenta pass 'il quddiem mill-PCA attwali, kemm f’termini ta’ kemm huma veramanet impenjati kif ukoll f’termini tas-suġġetti koperti; li jinsistu li l-ftehima għandha tkun magħmula minn mekkaniżmi ta’ infurzar għall-partijiet relevanti tagħha;
b) li jinsistu fuq il-fatt li r-Russja qed tikser is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja u li l-irwol tagħha fit-tilwima dwar il-gass fil-bidu tal-2009 poġġiet f’periklu kbir ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja u n-negozjati dwar il-ftehima ġdida;
c) li jinsistu fuq il-fatt li r-relazzjoni tal-UE mar-Russja għandha tkun imsejsa fuq ir-rispett għall-istat tad-dritt internazzjonali u t-trattati u l-ftehimiet vinkolanti kollha li jorbtu lir-Russja u l-Istati Membri tal-UE, fosthom il-Karta tan-NU, il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-ECT, kif ukoll ir-regoli applikabbli għall-membri tal-OSCE u tal-Kunsill tal-Ewropa u l-impenji mistennija minnhom;
d) li japplikaw mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni, taħt ir-responabilità tar-Rappreżentant Għoli, li jippermetti li l-Istati Membri jkollhom żmien biżżejjed biex jikkonsultaw lil xulxin minn qabel dwar kull kwistjoni bilaterali – kemm jekk fi ftehima jew tilwima – mar-Russja li jista’ jkollha xi riperkussjonijiet fuq l-Istati Membri l-oħra jew l-UE inġenerali, biex b’hekk ikun possibbli li tittieħed l-aktar pożizzjoni koerenti tal-UE possibbli filwaqt li jiġi żgurat li jitqies b’mod sħiħ it-tħassib ta’ kull Stat Membru, u tiġi evitata l-eventwalità li xi Stat Membru jimblokka n-negozjati fi stadju ulterjuri;
e) li jinsistu fuq it-tisħiħ tal-irwol tal-Kumitat għall-Koperazzjoni Parlamentari fil-ftehima l-ġdida biex tiġi msaħħa d-dimensjoni parlamentari tal-koperazzjoni bejn l-UE u r-Russja;
f) li jtennu l-impenji maqbula f'livell internazzjonali kemm mill-Istati Membri tal-UE u kemm mir-Russja, b’mod partikolari bħala membri tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSCE u jintwera t-tħassib mal-gvern Russu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-ispazju dejjem aktar ristrett għall-attivitajiet tas-soċjetà ċivili, filwaqt li l-gvern Russu jkun inkoraġġit li jirrispetta l-libertà tal-espressjoni u l-assoċjazzjoni billi jarmonizza l-leġiżlazzjoni li tirregola s-soċjetà ċivili mal-impenji Ewropej u internazzjonali tar-Russja, u jieħu passi fil-pront u effettivi biex irawwem ambjent ta' ħidma favorevoli għall-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll għall-organzizzazzjonijiet tal-karità impenjati fil-promozzjoni ta' rabtiet kulturali bejn ir-Russja u l-Istati Membri tal-UE, u jwaqqaf l-intimidazzjoni u l-fastidju kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jżomm lura minn miżuri amministrattivi iebsa kontra dawk l-organizzazzjonijiet;
g) li jappellaw lill-gvern Russu biex jonora b’mod sħiħ il-libertà tal-midja u jiggarantixxi li l-midja indipendendi jkollha kundizzjonijiet ekonomiċi u politiċi li jippermettulha tiffunzjona normali; li jħeġġu lill-Gvern Russu jwaqqaf il-vjolenza u l-persekuzzjoni kontinwa kontra l-ġurnalisti;
h) li jkunu tal-fehma li l-konsultazzjoni regolari ta’ kull sitt xhur bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem, naqset milli tipproduċi kwalunkwe riżultat tanġibbli minn meta twaqqfet fl-2005 u teħtieġ tiġi riveduta, biex tippermetti li jkun hemm djalogu sostanzjali u orjentat għar-riżultati li jirrigwardja kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u fl-UE u l-koperazzjoni EU-Russja fir-rigward tal-kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem f’fora internazzjonali;
i) li jinsistu, għalhekk, dwar bidla totali fil-konsultazzjonijiet UE-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem, fosthom il-ħolqien ta’ rwol formali għall-NGOs indipendenti mir-Russja u mill-UE, l-involviment ta’ uffiċjali minn kull dipartiment relevanti tal-gvern Russu u t-tmiem tal-ħruġ ta’ komunikati separati mill-gvern Russu;
j) li jappellaw lill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa biex jiggarantixxu l-eżistenza u l-iżvilupp sostenibbli tal-istil ta’ ħajja tradizzjonali, tal-kultura u tal-lingwa tal-poplu indiġenu li jgħix 'il ġewwa mill-fruntieri tagħha;
k) li jħeġġu lill-Gvern Russu li jimplimenta bis-sħiħ is-sentenzi tal-ECHR, għax dan jipprovdi opportunità li tkun promossa r-responsabilità għall-abbużi li seħħew fil-passat u jiġi żgurat li jieqfu l-vjolazzjonijiet li qed isiru bħalissa;
l) li jenfasizzaw li l-programm ta’ appoġġ tal-kompatrijotti Russi, appoġġjat mill-awtoritajiet Russi, ma għandux jiġi użat bħala strument maħsub biex isaħħaħ l-influwenza politika f’diversi Stati Membri tal-UE;
m) li jkomplu jappoġġjaw l-adeżjoni tar-Russja fid-WTO u kif ukoll il-ftuħ akbar tal-ekonomija Russa; li jqisu li l-konformità sħiħa tar-Russja mar-regoli tad-WTO hija prekondizzjoni neċessarja u standard minimu għall-ħolqien ta’ zona ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u r-Russja, li tibqa’ objettiv fit-tul;
n) li jitolbu, filwaqt li jilqgħu b'sodisfazzjon il-bidliet reċenti, aktar titjib fil-leġiżlazzjoni u l-infurzar tal-liġi rigward il-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, industrijali u kummerċjali, sabiex tiżdied il-kompetittività u biex l-ambjent għall-investiment isir attraenti bit-tqarrib tas-sistemi regolatorji mal-ogħla standards u normi internazzjonali; li jħeġġu lill-awtoritajiet Russi biex, qabel ma sseħħ is-sħubija tar-Russja fid-WTO, ir-Russja tikkonforma l-Parti IV tal-Kodiċi Ċivili tar-Russja dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali u ta' regoli proċedurali relevanti ta' infurzar mar-regoli tad-WTO u mal-ftehimiet internazzjonali, b'mod partikulari l-Ftehima dwar Aspetti Relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (TRIPS) u biex tkun żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom, sabiex il-falsifikazzjoni u l-piraterija jkunu miġġielda b'mod effettiv;
o) li jinsistu li l-ECT, bħala trattat eżistenti li jorbot legalment lir-Russja u lill-Istati Membri kollha tal-UE, għandu jkun il-bażi tar-relazzjonijiet fil-qasam tal-enerġija u li l-prinċipji tal-ECT u l-Protokoll dwar it-Tranżitu mehmuż magħha għandhom jiġu inkorporati fil-ftehima l-ġdida, waqt li tittenna s-sejħa tiegħu lir-Russja biex din issaħħaħ l-impenn tagħha għal approċċ ibbażat fuq ir-regoli billi tirratifika l-ECT u tiffirma u tirratifika l-Protokol dwar it-Tranżitu, u li żżomm f'moħħha l-opinjoni tal-Parlament li s-sħab għandhom ikunu ħielsa li jifformulaw test li jmur lil hinn minn dak tal-ECT, rigward il-livell ta' koperazzjoni u l-oqsma koperti minnha, iżda l-ftehima fl-ebda ċirkustanza m'għandha tkun inqas komprensiva minn dik li diġà huma marbutin biha l-partijiet fil-qafas tal-PCA attwali;
p) li jiffinalizzaw, fil-qafas tan-negozjati għal ftehima l-ġdida, in-negozjati tal-Protokoll dwar it-Tranżitu u jsir appell lir-Russja biex din tiffirmah sabiex tistabbilixxi l-qafas legali li jirregola t-tranżitu tal-provvista tal-enerġija bejn il-partijiet, li jsegwi minn dak diġà stabbilit skont l-ECT;
q) li jenfasizzaw il-ħtieġa li jsiru stimi xierqa tal-impatt ambjentali għall-proġetti tal-infrastruttura relatati mal-enerġija, biex ikun hemm garanzija li l-istandards internazzjonali għall-ħarsien ambjentjali jintlaħqu; li jitolbu b'mod insistenti, f’dan ir-rigward, lill-Federazzjoni Russa biex tirratifika l-Konvenzjoni Espoo u l-protokoll dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika;
r) li jappellaw biex tissaħħaħ l-effiċjenzja u l-kapaċità ta' rispons għall-kriżi fid-djalogu dwar l-enerġija bejn l-UE u r-Russja, biex tiżdied it-trasparenza, ir-reċiproċità, is-sigurtà tal-investiment u biex b'hekk tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u jsir enfasi dwar il-ħtieġa li jiġu stabbiliti mekkaniżmi għal sistema bbażata fuq regoli trasparenti u fuq mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni tat-tilwim fil-qasam tal-enerġija;
s) li jiġbdu l-attenzjoni għall-mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni tat-tilwim inkorporat fl-ECT, diġà ffirmat mir-Russja u l-Ukraina;
t) li jistabbilixxu kodiċi ċara ta’ kondotta li tirregola r-relazzjonijiet bejn l-UE, ir-Russja u l-pajjiżi li jinsabu fil-viċinat kondiviż, inklużi dispożizzjonijiet dwar ir-rispett għall-indipendenza sovrana tal-istati kollha Ewropej, impenn għal riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim u d-determinazzjoni biex jiġu solvuti konflitti ffriżati;
u) li jtejbu d-djalogu politiku eżistenti sabiex tkun inkoraġġita diskussjoni dwar “kwistjonijiet diffiċli ta’ siġurtà", li ħafna drabi huma l-qofol tan-nuqqas ta’ ftehim bejn l-UE u r-Russja, iżda bla dubju jaffettwaw is-sigurtà globali u Ewropea, u ssir enfasi dwar il-ħtieġa tal-kontroll u t-tnaqqis multilaterali tal-armi, kif ukoll ta’ sistemi tan-nonproliferazzjoni;
v) li jitolbu lill-Gvern Russu biex – flimkien mal-UE u l-membri l-oħra tal-Grupp ta' Kuntatt għall-Kosovo – jagħti kontribut pożittiv biex tinstab soluzzjoni politika sostenibbli għall-futur tal-Kosovo u biex tissaħħaħ aktar l-istabilità tal-Balkani tal-Punent;
w) li jitolbu lill-gvern Russu biex juri l-impenn tiegħu ħalli jirrisolvi, flimkien mal-Ġeorġja u l-UE, b'mod kostruttiv u paċifiku "il-modalitajiet ta' sigurtà u ta' stabilità fl-Abkhazia u fl-Ossetia tan-Nofsinhar" kif kien miftiehem fil-ftehima tat-8 ta' Awwissu 2008; li jitolbu lill-gvern Russu biex jassigura b’mod tanġibbli li r-Russja ma tirrikorrix għall-użu tal-forza kontra xi pajjiż ġar tagħha;
x) li juru tħassib dwar id-deċiżjoni tal-Gvern Russu li jirrikonoxxi l-Abkhazia u l-Ossetia bħala stati sovrani, li jiffirma ftehimiet ta' għajnuna militari u ta' koperazzjoni mal-awtoritajiet de facto ta' dawn iż-żewġ provinċi tal-Ġeorġja u li jistabbilixxi bażijiet militari hemm, minħabba li dawn il-passi idgħajfu l-integrità territorjali tal-Ġeorġja kif enfasizzat mir-riżoluzzjonijiet relevanti tan-NU; li jitolbu għal darb' oħra lir-Russja tbiddel id-deċiżjoni tagħha u li jkunu tal-fehma li r-Russja ma tistax tkun meqjusa bħala moderatur imparzjali fil-proċess ta' paċi; li jħeġġu b'mod insistenti lill-Gvern Russu biex jiggarantixxi li l-osservaturi tal-UE jkunu mogħtija aċċess sħiħ għaz-zoni milquta mill-konflitt, f'konformità mal-mandat tal-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE;
y) li jinsistu li l-isforzi biex jintlaħaq l-għan ta' vvjaġġar mingħajr viża rigward ir-Russja għandhom isiru fid-dawl tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001[15] li jistabbilixxi li l-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għandha tkun suġġett għall-evalwazzjoni kkunsidrata ta' kriterji varji li għandhom x'jaqsmu, fost affarijiet oħra, mal-immigrazzjoni illegali, il-politika pubblika u s-sigurtà u r-relazzjonijiet esterni tal-UE ma' pajjiżi terzi, b'kunsiderazzjoni wkoll għall-implikazzjonijiet tal-koerenza reġjonali u r-reċiproċità filwaqt li jiġi kkunsidrat li r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi elenkati fil-lista l-bajda huma karatterizzati minn dimensjoni ta’ politika speċjali li tirrikjedi li dawn il-pajjiżi terzi jiksbu livell xieraq f’termini ta’ valuri demokratiċi u drittijiet fundamentali;
z) li jinsistu li l-faċilitazzjoni tal-viża għall-istudenti, għar-riċerkaturi u għan-negozjanti għandha tkun prijorità biex b’hekk jitħeġġeġ il-kuntatt bejn poplu u ieħor; li jinsistu, iżda, li aktar liberalizzazzjoni tas-sistema tal-viża mar-Russja se tiddependi minn liberalizzazzjoni korrispondenti fl-arranġamenti dwar il-viża mal-pajjiżi tal-Politika Ewropea dwar il-Viċinat biex b’hekk jiġu evitati d-differenzi;
aa) li jitolbu, bi qbil mal-ftehima UE-Russja dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi għal żjarat qosra, impenn ċar min-naħa tal-awtoritajiet Russi biex inaqqsu l-ostakoli burokratiċi applikati b'mod mhux reċiproku fir-rigward tal-vjaġġaturi kollha, bħall-bżonn li wieħed ikollu stedina u li jirreġistra mad-dħul; li jżommu preżenti l-fatt li l-bidliet li saru fir-regoli Russi dwar il-viżi f'dawn l-aħħar snin u l-fatt li m'għadhomx jinħarġu viżi li jippermettu aktar minn dħul wieħed għal skopijiet ta’ negozju jista' jkollu konsegwenzi negattivi fuq in-negozju u r-rabtiet kummerċjali bejn l-UE u r-Russja; li jqisu wkoll il-fehma tal-Parlament li vvjaġġar iffaċilitat għal dawk il-persuni li għandhom passaporti Russi għandu jkun limitat għar-residenti Russi biss;
ab) li jindirizzaw b'mod urġenti l-problema ta' tranżitu u ta' viżi f'Kaliningrad, possibilment billi ssir dispożizzjoni sabiex il-Kaliningrad Oblast kollha tkun koperta mis-sistema lokali ta' traffiku tal-fruntieri;
ac) li jinsistu li r-relazzjonijiet EU-Russja jkunu msejsa fuq il-prinċipji ta’ swieq liberalizzati u miftuħa kif ukoll ta' reċiproċità tad-drittijiet tal-investiment bejn l-imsieħba u għaldaqstant jintalab, bi skambju għal rabtiet mill-qrib ekonomiċi u ta’ benefiċċju, li l-gvern Russu jiggarantixxi d-drittijiet tal-propjetà għall-investituri barranin u reviżjoni tal-Liġi dwar l-investiment f'Setturi Strateġiċi li tagħti diskrezzjoni wiesgħa lill-Istat Russu biex jiddiskrimina kontra investituri barranin filwaqt li s-suq intern tal-UE huwa miftuħ b’mod liberu għall-investituri Russi; li jitolbu li l-liġi dwar l-investiment f'setturi strateġiċi tkun kompatibbli mal-obbligi attwali u futuri tar-Russja skont id-WTO u l-PCA attwali;
ad) li jistiednu lill-awtoritajiet Russi sabiex, fil-qafas tan-negozjati tad-dħul fid-WTO li għaddejjin bħalissa, ma jissospendux uħud mill-impenji diġà negozjati u miftiehma u sabiex jirrispettaw bis-sħiħ il-ftehima tal-2004 bejn l-UE u r-Russja dwar id-dħul fid-WTO billi jneħħu t-tariffi diskriminatorji kollha, b'mod partikulari għall-merkanzija fuq il-ferroviji, kif ukoll biex ineħħu t-taxxi fuq l-esportazzjoni ta' injam mhux ittrattat;
ae) li jitolbu lir-Russja tirrispetta l-impenn tagħha li tneħħi b'mod gradwali l-ħlasijiet għal titjiriet li jgħaddu minn fuq is-Siberja u tiffirma l-ftehim milħuq fis-Samit ta' Samara dwar din il-kwistjoni;
af) li jindirizzaw, flimkien mal-Gvern Russu, il-pjanijiet tiegħu li jiżviluppa ftehimiet ta' kummerċ ħieles ma' uħud mill-pajjiżi, li jistgħu jaffettwaw il-ħolqien ta' spazju ekonomiku komuni mar-Russja;
ag) filwaqt li jilqgħu b'sodisfazzjon il-bidliet reċenti, jitolbu li jsir aktar titjib fil-leġiżlazzjoni u l-infurzar tal-liġi rigward il-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, industrijali u kummerċjali, sabiex tiżdied il-kompetittività u biex l-ambjent għall-investiment isir attraenti billi jitqarrbu s-sistemi regolatorji mal-ogħla standards u normi internazzjonali; li jitolbu b'mod insistenti, lill-awtoritajiet Russi biex, qabel ma sseħħ is-sħubija tar-Russja fid-WTO, ir-Russja tikkonforma l-Parti IV tal-Kodiċi Ċivili tar-Russja dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali u ta' regoli proċedurali relevanti ta' infurzar mar-regoli tad-WTO u tal-ftehimiet internazzjonali, b'mod partikulari l-Ftehima dwar Aspetti Relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (TRIPS) u biex tkun żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom, sabiex il-falsifikazzjoni u l-piraterija jkunu miġġielda b'mod effettiv;
ah) li jindirizzaw, flimkien mal-Gvern Russu, in-numru ta' preokkupazzjonijiet marbuta mal-ġarr ta' merkanzija bil-baħar , inkluż passaġġ liberu mill-istrett ta' Pilawa, l-aċċess għall-bastimenti tal-UE għall-passaġġ għall-Ażja tul it-territorju Russu tat-Tramuntana, u l-perikli potenzjali għall-ambjent li jirriżultaw, inter alia, miż-żieda ta' traffiku tat-tankers fil-Baħar Baltiku;
ai) li jindirizzaw, flimkien mal-gvern Russu, it-tħassib dwar il-konġestjoni tal-fruntieri komuni tal-UE, li huwa ostaklu serju għall-kummerċ u għar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-UE u r-Russja;
aj) li jitolbu lill-Federazzjoni Russa biex tikkopera b’mod kostruttiv mal-UE bil-għan li tinstab soluzzjoni għall-istejtus tat-territorji li nfirdu, inkluża Transnistria, u tikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-sovranità tal-gvern Moldovan, bħala rekwiżit importanti ferm għall-istabilità ta’ reġjun ewlieni fil-fruntieri tal-Unjoni Ewropea; li jinsistu li l-progress f’din il-kwistjoni jiddependi fuq l-irtirar tat-truppi Russi stazzjonati fil-Moldova, kif imwiegħed fost affarijiet oħra mir-Russja fis-Samit tal-OSCE tal-1999 f’Istanbul;
ak) li jitolbu biex, filwaqt li jkunu rikonoxxuti l-aspetti pożittivi tat-tisħiħ tal-koperazzjoni xjentifika bejn l-UE u r-Russja, ikun hemm aktar analiżi komprensiva (jiġifieri relatata mas-sigurtà) tal-impatti tas-sħubija possibbli tar-Russja fis-Seba' Programmi ta’ Qafas;
al) li jiżviluppaw linji gwida informali li juru kif il-prinċipji tas-solidarjetà u l-kontabilità reċiproka jistgħu jkunu l-bażi tar-relazzjonijiet UE-Russja, bil-għan li tkun żviluppata politika aktar magħquda u konsistenti relatata vis-à-vis r-Russja;
2. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iżommu lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin infurmati b'mod regolari u sħiħ rigward il-progress tan-negozjati u jfakkarhom li l-PCA teħtieġ l-approvazzjoni tal-PE;
3. Iqis importanti li jissaħħu l-obbligi legali reċiproċi permezz tal-konklużjoni tal-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni fi żmien qasir u tas-sħubija tar-Russja fid-WTO;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u, għal skopijiet ta' informazzjoni, u lid-Duma Statali, lill-Gvern u lill-President tal-Federazzjoni Russa.
- [1] ĠU L 327, 28.11.1997, p. 1.
- [2] Testi adottati, P6_TA(2008)0336.
- [3] Testi adottati, P6_TA(2008)0642.
- [4] Testi adottati, P6_TA(2008)0105.
- [5] ĠU C 76 E,
- [6] Testi adottati, P6_TA(2008)0309.
- [7] ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 271.
- [8] ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 329.
- [9] ĠU C 317 E, 23.12.2006, p. 474.
- [10] ĠU C 117 E, 18.5.2006, p. 235.
- [11] Testi adottati, P6_TA(2008)0396.
- [12] ĠU C 219 E, 28.8.2008, p. 206.
- [13] ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 64.
- [14] ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 53.
- [15] Ir-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).
PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI (B6‑0373/2007) (1.10.2007)
skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli ta' Proċedura
imressqa minn Janusz Onyszkiewicz, f'isem il-Grupp Alde
dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra n-negozjati dwar Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni ġdida bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja,
– wara li kkunsidra l-elezzjonijiet ġenerali li se jsiru f'Diċembru 2007 u l-elezzjonijiet presidenzjali li se jsiru fir-rebbiegħa tal-2008 fir-Russja,
– wara li kkunsidra l-isfidi konsiderevoli li qed jiffaċċjaw ir-relazzjonijiet UE-Russja u t-tendenzi awtoritarji li qed jiżdiedu u li qed jidhru mhux biss fir-Russja nnifisha imma wkoll fir-relazzjonijiet esterni tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 114(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. wara li kkunsidra l-importanza enormi tar-Russja għall-istabilità u l-prosperità Ewropea u dinjija,
B. billi l-UE repetutatment enfasizzat l-impenn tagħha sabiex tintlaħaq sħubija strateġika mar-Russja li tkun imsejsa fuq valuri demokratiċi,
C. wara li kkunsidra l-ħtieġa dejjem tikber ta' politika soda, ċara u komprensiva tal-UE dwar ir-Russja,
1. Jindirizza dawn ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill:
(a) li jkompli jaħdem biex tinstab soluzzjoni dwar il-kwistjonijiet ta' kummerċ li attwalment qed iżommu milli jibdew in-negozjati dwar Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja;
(b) li jfassal strateġija ċara dwar kif iżid l-impenn tar-Russja fl-implimentazzjoni ta' regoli demokratiċi u ta' rispett tal-valuri fundamentali - il-valuri komuni li għandhom ikunu l-bażi tar-relazzjonijiet futuri;
(c) li jkompli jaħdem favur l-adeżjoni tar-Russja fid-WTO u biex hi taċċetta r-regoli moderni tal-investiment u tan-negozju bħala prinċipji ta' gwida għas-settur privat li jkun verament indipendenti;
(d) li jkompli jaħdem favur l-osservanza tar-Russja tal-Karta tal-Enerġija u favur l-eżitu pożittiv tal-proċess ta' ratifika;
2. Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, bħala informazzjoni, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lid-Duma tal-Istat u lill-Gvern tar-Russja.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (17.7.2008)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja
(2008/2104(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Eugenijus Maldeikis
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jirrimarka li r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja għandhom potenzjal ekonomiku kbir, li ż-żewġ naħat jibbenefikaw minn integrazzjoni ekonomika akbar u relazzjonijiet ta' viċinanza tajba u li l-koperazzjoni bejn l-UE u r-Russja tikkontribwixxi b'mod deċisiv biex tiżgura l-istabilità fl-oqsma kollha li fihom għandhom interessi reċiproki u li jikkoinċidu;
2. Jirrimarka li, b'7.3% tal-kummerċ tal-UE, ir-Russja hija t-tielet sieħeb kummerċjali l-aktar importanti u li, b'52.9% tas-sehem tal-kummerċ Russu, l-UE hija s-sieħeb kummerċjali l-aktar importanti tar-Russja;
3. Jilqa’ b'sodisfazzjon il-konklużjoni tal-mandat ta’ negozjar, u jikkunsidra l-konklużjoni ta’ ftehima ġdida bħala prijorità għolja; ifakkar li l-UE u r-Russja għandhom ifitxxu li ikollhom relazzjoni ta' sħubija strateġikament, sostenibbli u dewwiema bbażata fuq valuri kondiviżi, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u fuq il-prinċipji tar-reċiproċità, it-trasparenza, il-prevedibilità, l-affidibilità, in-nuqqas ta' diskriminazzjoni u l-azzjonijiet responsabbli mill-Istat, u għandhom isaħħu l-koperazzjoni tagħhom notevolment fl-oqsma tal-enerġija u l-kummerċ;
4. Itenni l-importanza tal-UE u l-Istati Membri tagħha li jaħdmu flimkien għall-iżvilupp ta' pożizzjoni uniformi u koerenti fir-rigward tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u r-Russja, notevolment fil-kwistjoni sensittiva tal-enerġija, filwaqt li jevitaw li kull strateġija unilaterali u privileġġata; u li l-ftehimiet indiviwali bejn l-Istati Membri tal-UE u r-Russja għandhom jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-għan ġenerali tas-sigurtà tal-enerġija għall-UE;
5. Iqis li l-ftehima l-ġdida għandha tirrevedi b'mod pragmatiku l-prinċipji u l-objettivi, l-għanijiet, il-mezzi u l-politiki għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn ir-Russja u l-UE sabiex jippromwovu l-istat ta' dritt, id-drittijiet tal-bniedem, id-djalogu u l-interessi reċiproċi;
6. Jemmen li flimkien man-negozjati għal Ftehima ġdida bejn l-UE u r-Russja, l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO għandha tibqa' prijorità għall-UE;
7. Jemmen li l-adeżjoni ġejjiena tar-Russja mad-WTO hija ta' importanza kbira għall-ġejjieni tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn ir-Russja u l-UE ladarba din tiftaħ il-possibilità għal integrazzjoni ekonomika aktar profonda bejn l-UE u r-Russja; jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem sabeix jintlaħaq l-għan li tiġi nnegozjata ftehima ta’ kummerċ ħieles profonda u komprensiva wara l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO, li tkopri l-kwistjonijiet rilevanti kollha li għandhom x'jaqsmu mal-kummerċ fil-prodotti, s-servizzi u l-investimenti, inkluż il-qasam tal-enerġija, li tkompli tiżviluppa għanijiet li diġà hemm qbil dwarhom; jitlob li kwalunkwe ftehima kummerċjali mar-Russja tinkorpora klawsoli soċjali u ambjentali li jinkludu r-ratifikazzjoni u l-infurzar tal-istandards ewlenin tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol;
8. Iħeġġeġ lir-Russja biex issib soluzzjonijiet għall-kwistonijiet pendenti li għandhom jiġu diskussi b'mod bilaterali u fil-qafas multilaterali, inkluża l-implimentazzjoni ta' ftehimiet bilaterali li diġà ntlaħqu bħalma hija l-ftehima mal-KE tal-21 ta' Mejju 2004 li tikkonkludi n-negozjati bilaterali dwar l-aċċess għas-suq fir-rigward ta' adeżjoni tal-Federazzjoni Russa fid-WTO;
9. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi biex itejbu l-klima tal-investiment u l-kummerċ, u l-kondizzjonijiet għall-kompetizzjoni fir-Russja; jenfasizza l-importanza, f'dan ir-rigward, tal-promozzjoni ta' qafas b'kundizzjonijiet li mhumiex diskriminatorji, u li huma trasparenti u prevedibbli, li jipperfezzjona l-ħarsien ta' investiment barrani b'mod konformi mal-istandards OECD irrikonoxxuti internazzjonalment, li jtejbu d-dispożizzjonijiet legali u proċeduri ta' infurzar fir-rigward tal-ħarsien tad-drittijiet intellettwali, tan-negozju u tal-proprjetà kummerċjali u li jwasslu għal riformi legali biex jassiguraw protezzjoni ġenwin tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u proċeduri kriminali aktar rapidi; iħeġġeġ lill-Gvern Russu biex jagħmel il-proċeduri tad-dwana tiegħu razzjonalizzati, standardizzati u awtomatiċizzati;
10. Jenfasizza li l-istabbiliment u l-operazzjonijiet tal-kumpaniji għandhom jiġu ffaċilitati fuq bażi reċiproka; jirrimarka li l-UE hija miftuħa għall-investiment mir-Russja, kif tixhed b'mod ċar il-preżenza ta' impriżi Russi li qiegħdha dejjem tiżdied, b'mod partikulari fis-setturi tal-enerġija u l-azzar; iħeġġeġ għalhekk li l-impriżi barranin li qed jaħdmu fis-settur Russu tal-materja prima jiġu mogħtija l-istess aċċess bħall-impriżi domestiċi;
11. Ifakkar li l-kwistjonijiet pendenti prinċipali għall-UE għandhom x'jaqsmu mad-dazji fuq l-esportazzjoni u t-tariffi ferrovjarji iżda jirrelataw ukoll mal-istabilità u l-prevedibilità ġejjiena tas-sistema; jenfasizza l-importanza tal-espansjoni tal-kummerċ agrikolu u tal-ikel bejn ir-Russja u l-UE; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li għandu jsir progress miż-żewġ naħat fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti għal standards razzjonalizzati u formalitajiet kompjuterizzati tad-dwana biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ reċiproku u t-traffiku transkonfinali; jenfasizza l-bżonn li r-Russja tarmonizza r-rekwiżiti sanitarji u fitosanitarji għall-prodotti tal-ħalib, tal-qamħ u tal-laħam.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
15.7.2008 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali fil-kumitat |
+: –: 0: |
24 3 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Graham Booth, Daniel Caspary, Françoise Castex, Christofer Fjellner, Béla Glattfelder, Ignasi Guardans Cambó, Jacky Hénin, Syed Kamall, Caroline Lucas, Marusya Ivanova Lyubcheva, Erika Mann, Helmuth Markov, Georgios Papastamkos, Tokia Saïfi, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Daniel Varela Suanzes-Carpegna, Iuliu Winkler, Corien Wortmann-Kool |
|||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean-Pierre Audy, Eugenijus Maldeikis, Rovana Plumb, Salvador Domingo Sanz Palacio, Carl Schlyter, Zbigniew Zaleski |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Emanuel Jardim Fernandes, Francesco Ferrari |
|||||
OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (12.2.2009)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja
(2008/2104(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Cristina Gutiérrez-Cortines
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza l-bżonn għal kooperazzjoni aktar mill-qrib u relazzjonijiet tajba mal-ġirien fil-kuntest ta' relazzjoni strateġika bejn l-UE u r-Russja, mibnija fuq l-istabilità, il-kooperazzjoni u l-prassi kummerċjali tajba, inkluża t-trasparenza, li trid tkun riflessa fil-Ftehima ta' Sħubija u Kooperazzjoni l-ġdida li attwalment qed tiġi nnegozjata - b'mod partikolari fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-enerġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja;
2. Jisħaq fuq l-importanza tad-demokrazija, id-drittijiet taċ-ċivili, tal-bniedem u tal-minoranzi etniċi u l-libertà tal-kelma għall-futur tar-Russja; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li dawn ikunu fiċ-ċentru ta' kwalunkwe ftehima futura mal-Federazzjoni tar-Russja;
3. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-intrapriżi kollha tal-Unjoni Ewropea li għandhom relazzjonijiet kummerċjali ma' intrapriżi fil-Federazzjoni tar-Russja li jaħdmu fit-territorju tagħha jippromwovu l-prinċipji u l-valuri Ewropej;
4. Jenfasizza li r-Russja hija suq dinamiku kbir għall-prodotti u s-servizzi tal-UE - hemm ħafna opportunitajiet tal-investiment fil-proċess sħiħ tal-katina tal-valur tal-enerġija fis-settur tal-Enerġija Russu; jenfasizza għalhekk li huwa importanti ħafna li jitkompla d-djalogu iktar mill-qrib mar-Russja dwar l-enerġija fil-kuntest tad-Djalogu tal-Enerġija stabbilit, fid-dawl ta' interdipendenza miżjuda, għax ir-Russja tipprovdi 25% tal-provvista taż-żejt u tal-gass tal-UE u l-UE tagħmel 'il fuq minn 50% tal-esportazzjonijiet taż-żejt u tal-gass tar-Russja;
5. Jisħaq li l-kooperazzjoni dwar l-enerġija għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji fit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (ECT) - b'mod partikolari s-sigurtà tal-enerġija globali, bilanċ tal-interessi tal-pajjiżi li jużaw u li jipproduċu, ir-reċiproċità dwar l-aċċess għall-investimenti, is-swieq u l-infrastruttura - kif ukoll in-nuqqas tad-diskriminazzjoni, it-trasparenza u governanza tajba; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel ir-ratifika Russa tal-ECT waħda mill-għanijiet ewlenin tagħha fin-negozjati dwar il-Ftehima tas-Sħubija u l-Kooperazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli taħdem favur is-sħubija tar-Russja mad-WTO; lil hinn minn dan, jenfasizza l-bżonn għal ħidma favur qafas legali internazzjonali ta' regoli li jqiegħdu l-obbligi kemm fuq il-produtturi tal-gass kif ukoll fuq il-fornituri biex jiġu żgurati provvisti prevedibbli u ta' min wieħed joqgħod fuqhom;
6. Jitlob lir-Russja u lill-Ukraina biex jaħdmu flimkien ħalli jsibu b'mod urġenti soluzzjoni ġusta u fit-tul għall-ġlied reċenti li kellu impatti negattivi serji u sostanzjali fuq il-provvisti tal-gass lejn l-UE; jisħaq fuq il-bżonn għall-Kunsill u l-Kummissjoni li jkomplu bil-medjazzjoni ta' bejn iż-żewġ partijiet sabiex tinstab soluzzjoni ta' malajr; jemmen li l-aċċess għall-enerġija huwa dritt tal-bniedem u li l-provvisti tal-enerġija m'għandhomx jintużaw bħala arma politika;
7. F'dan il-kuntest, jenfasizza l-bżonn għal aċċess sigur tas-sorsi deversifikati tal-provvista tal-enerġija u għaż-żieda tas-sigurtà u l-effiċjenza tal-enerġija; jisħaq fuq l-importanza tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE bħala bażi għall-investimenti u l-kummerċ; jenfasizza fuq il-bżonn li jintuża s-settur privat biex tkun assigurata u tinżamm il-provvista tal-enerġija; jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jenfasizzaw fin-negozjati mar-Russja fuq l-importanza tal-pajplajn tal-gass ippjanat ta' Nabucco għall-UE, u fuq l-oppożizzjoni tal-UE għall-attivitajiet li jistgħu jfixklu dan; iqis li, fis-sitwazzjoni attwali, huwa vitali għall-UE li taċċelera l-progress biex jitwettqu l-proġetti l-ġodda kollha tal-pajplajns, bħal ma huma Nabucco, South Stream u TGI; jisħaq fuq il-bżonn għall-UE li ddaħħal b'mod sħiħ kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà tal-enerġija fl-approċċ tagħha għar-riżultat tal-kunflitt Russja-Ġeorġja tal-2008;
8. Jinnota li r-Russja diġà għaddiet liġi federali dwar is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli; jitlob lill-Federazzjoni Russa biex tipprovdi appoġġ għall-iżvilupp tal-industrija tal-enerġija rinnovabbli tagħha, b'mod sostenibbli u bla ħsara għall-ambjent, u biex tagħmel użu mir-riżorsi sostenibbli għall-ambjent li jkunu disponibbli;
9. Jinnota li l-esplojtazzjoni tar-riżervi tal-enerġija u l-infrastruttura relatata se jkollha impatt ewlieni fuq l-ambjenti u l-abitanti lokali; jitlob lill-Kummissjoni ħalli titlob lir-Russja biex tkompli tiżgura li l-esplojtazzjoni hija akkumpanjata minn evalwazzjonijiet tal-impatt ambjentali u evalwazzjonijiet tal-impatt fuq il-popolazzjoni li tkun qed tgħix fl-inħawi kkonċernati, u biex tiggarantixxi d-dritt ta' dawk l-individwi biex iżommu r-relazzjoni tradizzjonali tagħhom mal-art; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tfittex il-kooperazzjoni tal-enerġija bil-għan li tiġi żgurata l-enerġija ġusta u aċċessibbli għan-nies miż-żewġ naħat; jitlob lill-Federazzjoni Russa biex tiggarantixxi konformità bi standards ambjentali għolja għall-proġetti taż-żejt u tal-gass kollha li qed isiru jew li huma ppjanati fit-territorju tagħha;
10. Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkoopera mar-Russja biex ittejjeb l-immaniġġjar tal-iskart nukleari tagħha u tas-sikurezza nukleari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tfittex ukoll kooperazzjoni mill-qrib mar-Russja fir-rigward tal-istandards tas-sigurtà nukleari;
11. Jenfasizza li matul in-negozjati bejn l-UE u r-Russja, hemm bżonn tingħata attenzjoni speċjali għall-impatti ekoloġiċi tal-pajplajn tal-gass Nord Stream;
12. Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, fir-rigward tal-impatt tal-bidla fil-klima u tal-ispejjeż kbar għall-falliment biex tittieħed azzjoni, biex jiżdied id-djalogu mal-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa bi preparazzjoni għall-Konferenza ta' Kopenħagen tal-2009 bil-għan li tiġi nnegozjata u konkluża l-ftehima ta' wara Kyoto;
13. Jitlob lir-Russja biex ikollha rwol attiv fin-negozjati internazzjonali futuri u biex tiġi ffaċilitata ftehima ta' malajr sal-2009 l-iktar tard biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-suq tal-karbonju globali;
14. Jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Federazzjoni Russa fil-programmi ta' qafas tal-Unjoni Ewropea; iqis li din qed tiftaħ it-triq għall-użu u l-iżvilupp effiċjenti ta' riżorsi umani u finanzjarji Russi ewlenin fl-oqsma tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, li hija ta' vantaġġ kemm għall-Ewropa kif ukoll għar-Russja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issib toroq li bihom tħeġġeġ lil riċerkaturi u negozjanti li għadhom żgħar mill-Federazzjoni Russa biex jieħdu sehem fil-programmi ta' riċerka Ewropej u fil-programm tal-Erasmus għan-negozjanti li għadhom żgħar.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
12.2.2009 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
41 0 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Šarūnas Birutis, Jan Březina, Jerzy Buzek, Jorgo Chatzimarkakis, Giles Chichester, Dragoş Florin David, Pilar del Castillo Vera, Den Dover, Lena Ek, Nicole Fontaine, Adam Gierek, Norbert Glante, András Gyürk, Fiona Hall, David Hammerstein, Rebecca Harms, Ján Hudacký, Romana Jordan Cizelj, Pia Elda Locatelli, Eluned Morgan, Antonio Mussa, Angelika Niebler, Anni Podimata, Miloslav Ransdorf, Vladimír Remek, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Paul Rübig, Andres Tarand, Britta Thomsen, Patrizia Toia, Catherine Trautmann, Nikolaos Vakalis, Alejo Vidal-Quadras, Dominique Vlasto |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Alexander Alvaro, Juan Fraile Cantón, Cristina Gutiérrez-Cortines, Eija-Riitta Korhola, John Purvis, Vladimir Urutchev |
|||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
9.3.2009 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
35 16 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Vittorio Agnoletto, Christopher Beazley, André Brie, Elmar Brok, Marco Cappato, Véronique De Keyser, Jas Gawronski, Ana Maria Gomes, Klaus Hänsch, Jelko Kacin, Ioannis Kasoulides, Metin Kazak, Maria Eleni Koppa, Johannes Lebech, Francisco José Millán Mon, Philippe Morillon, Pasqualina Napoletano, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Raimon Obiols i Germà, Janusz Onyszkiewicz, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Samuli Pohjamo, Bernd Posselt, Raül Romeva i Rueda, Christian Rovsing, Flaviu Călin Rus, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Hannes Swoboda, Konrad Szymański, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Ari Vatanen, Marcello Vernola, Andrzej Wielowieyski, Jan Marinus Wiersma, Josef Zieleniec |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Giulietto Chiesa, Árpád Duka-Zólyomi, Glyn Ford, Marie Anne Isler Béguin, Gisela Kallenbach, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Alexandru Nazare, Wojciech Roszkowski, Adrian Severin, Csaba Sándor Tabajdi |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Mieczysław Edmund Janowski, Ewa Tomaszewska |
|||||