RAPPORT dwar l-impatt tat-Trattat ta’ Liżbona fuq l-iżvilupp tal-bilanċ istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea
17.3.2009 - (2008/2073(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Jean-Luc Dehaene
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-impatt tat-Trattat ta’ Liżbona fuq l-iżvilupp tal-bilanċ istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tas-6 ta' Marzu 2008,
– wara li kkunsidra t-Trattat ta' Liżbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li kien iffirmat fit-13 ta' Diċembru 2007,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Frar 2008 dwar it-Trattat ta’ Liżbona[1],– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-11 u l-12 ta' Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0142/2009),
A. billi t-Trattat ta’ Liżbona jsaħħaħ il-bilanċ istituzzjonali tal-Unjoni, minħabba li jirrinforza l-funzjonijiet ewlenin ta’ kull waħda mill-istituzzjonijiet politiċi, u għalhekk isaħħaħ l-irwoli rispettivi tagħhom fi ħdan qafas istituzzjonali li fih il-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet hija element ewlieni tas-suċċess tal-proċess ta’ integrazzjoni tal-Unjoni,
B. billi t-Trattat ta’ Liżbona jittrasforma l-“metodu Komunitarju” preċedenti, filwaqt li jadattah u jsaħħu, f’“metodu tal-Unjoni” li fih, essenzjalment:
– il-Kunsill Ewropew jiddefinixxi d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali,
– il-Kummissjoni Ewropea tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni u tieħu l-inizjattivi xierqa għal dak il-għan,
– il-Parlament Ewropew u l-Kunsill flimkien jeżerċitaw funzjoniiet leġiżlattivi u baġitarji fuq il-bażi tal-proposti tal-Kummissjoni,
C. billi t-Trattat ta’ Liżbona jestendi dan il-metodu speċifiku ta’ kif jittieħdu d-deċiżjonijiet mill-Unjoni għal oqsma ġodda tal-attivitajiet leġiżlattivi u baġitarji tagħha,
D. billi t-Trattat ta’ Liżbona jistipula li l-Kunsill Ewropew, bl-unanimità u bil-kunsens tal-Parlament Ewropew, jista’ jestendi l-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata u l-proċedura leġiżlattiva ordinarja, biex b’hekk jirrinforza l-metodu tal-Unjoni,
E. billi, għalkemm l-għan tat-Trattat ta' Liżbona huwa li jħaffef u jtejjeb il-koerenza tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill, il-koeżistenza ta' Presidenza separata tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin (u tal-Ewrogrupp), kif ukoll it-tkomplija ta' sistema b'rotazzjoni għall-presidenzi tal-konfigurazzjonijiet l-oħra tal-Kunsill, probabilment, tal-inqas fil-bidu, se jikkumplikaw il-funzjonament tal-Unjoni,
F. billi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa jimplika li r-rappreżentazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fil-ħajja pubblika tkun osservata wkoll fil-proċedura tan-nomina għall-iktar karigi politiċi importanti tal-Unjoni Ewropea,
G. billi l-proċedura l-ġdida għall-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni tirrikjedi li jitqiesu r-riżultati tal-elezzjonijiet kif ukoll li jsiru konsultazzjonijiet xierqa bejn rappreżentanti tal-Kunsill Ewropew u tal-Parlament Ewropew qabel ma l-Kunsill jipproponi l-kandidat tiegħu,
H. billi l-organizzazzjoni tal-koperazzjoni interistituzzjonali fil-proċees tat-teħid ta’ deċiżjonijiet se tkun fattur importanti għas-suċċess tal-azzjoni tal-Unjoni,
I. billi t-Trattat ta' Liżbona jirrikonoxxi l-importanza li qed tikber tal-programmazzjoni strateġika pluriennali u tal-programmazzjoni operattiva annwali sabiex tkun żgurata relazzjoni bla ostakli bejn l-istituzzjonijiet u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, u billi jisħaq fuq l-irwol tal-Kummissjoni bħala l-inizjatriċi tal-eżerċizzji ewlenin tal-programmazzjoni,
J. billi l-programmazzjoni finanzjarja attwali għal seba' snin tfisser li, minn żmien għal żmien, il-Parlament u l-Kummissjoni, matul leġiżlatura sħiħa, ma jkollhomx deċiżjonijiet fundamentali politiċi u finanzjarji x'jieħdu matul il-mandat tagħhom, filwaqt li jinqabdu f'qafas adottat mill-predeċessuri tagħhom li se jibqa' li hu sa ma jintemm il-mandat tagħhom, xi ħaġa li tista', madankollu, tiġi solvuta billi jsir użu mill-possibilità offruta mit-Trattat ta' Liżbona tal-programmazzjoni finanzjarja għal ħames snin, li tista' tikkoinċidi mal-mandat tal-Parlament u l-Kummissjoni,
K. billi t-Trattat ta' Liżbona jdaħħal approċċ ġdid u komprensiv għall-azzjoni esterna tal-Unjoni – għalkemm b'mekkaniżmi speċifiċi għat-teħid ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet marbuta mal-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni (CFSP) – u joħloq ukoll il-kariga doppja ta' Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) appoġġat minn servizz estern speċjali bħala l-element ewlieni li jħaddem dan l-approċċ ġdid u integrat,
L. billi t-Trattat ta’ Liżbona jdaħħal sistema ġdida ta’ rappreżentanza esterna tal-Unjoni, li essenzjalment tingħata f’idejn, f’livelli differenti, il-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni u l-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) u li se tirrikjedi artikulazzjoni attenta u koordinazzjoni b’saħħitha bejn il-partijiet differenti responsabbli għal din ir-rappreżentanza, sabiex ikunu evitati kunflitti tal-kompetenzi li huma ta’ ħsara kif ukoll xogħol doppju għal xejn,
M. billi l-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008 qabel li fil-każ tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona sa tmiem is-sena, se jieħu l-miżuri legali neċessarji biex tinżamm il-kompożizzjoni tal-Kummissjoni fil-forma attwali tagħha ta' membru wieħed għal kull Stat Membru,
Evalwazzjoni ġenerali
1. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-innovazzjonijiet istituzzjonali mdaħħla fit-Trattat ta’ Liżbona, li joħolqu l-kundizzjonijiet għal bilanċ istituzzjonali mġedded u msaħħaħ fi ħdan l-Unjoni, li jippermetti lill-istituzzjonijiet tagħha jaħdmu b’mod aktar effiċjenti, miftuħ u demokratiku u li jippermetti lill-Unjoni tikseb riżultati aħjar li joqorbu aktar lejn l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħha u taqdi dmirha għalkollox bħala parteċipant globali fil-kamp internazzjonali;
2. Jisħaq fuq it-tisħiħ tal-qalba essenzjali tal-funzjonijiet ta’ kull istituzzjoni, sabiex kull waħda minnhom tkun tista’ tiżviluppa l-irwol tagħha b’mod aktar effettiv, iżda jwissi li l-qafas istituzzjonali l-ġdid jirrikjedi li kull istituzzjoni taqdi dmirha fir-rigward tal-koperazzjoni permanenti mal-istituzzjonijiet l-oħra sabiex jinkisbu riżultati pożittivi għall-Unjoni kollha;
It-tisħiħ tal-“metodu tal-Unjoni” speċifiku tat-teħid ta’ deċiżjonijiet bħala l-bażi tal-bilanċ interistituzzjonali
3. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-elementi essenzjali tal-“metodu Komunitarju” – id-dritt ta’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni u t-teħid konġunt ta' deċiżjonijiet mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill – inżammu u ġew rinfurzati mit-Trattat ta’ Liżbona, billi:
– il-Kunsill Ewropew isir istituzzjoni li jissaħħaħ l-irwol tagħha fl-għoti ta' impetu u orjentament lill-Unjoni, filwaqt li jkunu definiti l-objettivi u l-prijoritajiet speċifiċi tiegħu bla ndħil fl-eżerċizzju normali tas-setgħat leġiżlattivi u baġitarji tal-Unjoni;
– il-Kummissjoni hija kkonfermata bħala l-“mutur” li jmexxi l-attività tal-Unjoni, biex b’hekk ikun żgurat li ma jintmissx il-monopolju tagħha tal-inizjattiva leġiżlattiva (u li saħansistra jissaħħaħ), partikolarment fil-proċedura baġitarja;
– jiżdiedu s-setgħat tal-Parlament Ewropew bħala fergħa tas-setgħa leġiżlattiva, peress li l-proċedura leġiżlattiva ordinarja (kif se tkun magħrufa l-proċedura attwali ta' kodeċiżjoni) issir ir-regola ġenerali (sakemm it-Trattati ma jispeċifikawx li għandha tapplika proċedura leġiżlattiva speċjali) u hija estiża għal kważi l-oqsma kollha tal-leġiżlazzjoni Ewropea, inklużi l-ġustizzja u l-intern;
– jkun ikkonfermat u preservat l-irwol tal-Kunsill bħala l-fergħa l-oħra tal-awtorità leġiżlattiva – għalkemm b’ċerta preponderenza fi ftit oqsma importanti – minħabba b'mod partikulari għall-kjarifika fit-Trattat ta' Liżbona li l-Kunsill Ewropew m'għandux jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi;
– il-proċedura baġitarja l-ġdida se tkun ibbażata wkoll fuq proċess ta’ teħid konġunt ta’ deċiżjonijiet, b’mod ugwali, mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jkopri t-tipi kollha ta’ nfiq, u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jiddeċiedu wkoll b’mod konġunt dwar il-qafas finanzjarju pluriennali, fiż-żewġ każi bl-inizjattiva tal-Kummissjoni;
– id-distinzjoni bejn atti leġiżlattivi u delegati u r-rikonoxximent tal-irwol eżekuttiv speċifiku tal-Kummisjoni skont il-kontroll ugwali taż-żewġ fergħat tal-awtorità leġiżlattiva, itejbu l-kwalità tal-leġiżlazzjoni Ewropea; il-Parlament Ewropew għandu rwol ġdid fl-għoti ta’ poteri delegati lill-Kummissjoni u fis-superviżjoni ta’ atti delegati;
– fir-rigward tas-setgħa tal-Unjoni li tfassal it-Trattati, l-irwol tal-Kummissjoni (b’assoċjazzjoni mill-qrib mal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli)) huwa rikonoxxut fir-rigward tal-kapaċità li tmexxi n-negozjati u jkun meħtieġ il-kunsens tal-Parlament Ewropew biex il-Kunsill jikkonkludi kważi l-ftehimiet internazzjonali kollha;
4. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li t-Trattat jistipula li l-Kunsill Ewropew bl-unanimità, u bil-kunsens tal-Parlament Ewropew, sakemm ma jkun hemm l-ebda oppożizzjoni mill-parlament nazzjonali, jista’ jestendi t-teħid tad-deċiżjonijiet bil-maġġoranza kwalifikata u l-proċedura leġiżlattiva ordinarja għal oqsma li fihom għadhom ma japplikawx;
5. Jenfasizza li, kollox ma’ kollox, dawn il-klawsoli “ta’ tqarrib” juru tendenza vera lejn l-usa’ applikazzjoni possibbli tal-“metodu tal-Unjoni”, u konsegwentement jistieden lill-Kunsill Ewropew biex juża dawn l-opportunitajiet mogħtija mit-Trattat bl-aħjar mod possibbli;
6. Isostni li l-utilizzazzjoni sħiħa tal-innovazzjonijiet kollha istituzzjonali u proċedurali mdaħħla mit-Trattat ta’ Liżbona tirrikjedi koperazzjoni kbira bejn l-istituzzjonijiet li jieħdu sehem fil-proċeduri differenti, filwaqt li jiġu sfruttati għalkollox il-mekkaniżmi l-ġodda stipulati fir-Trattat, partikolarment il-ftehimiet interistituzzjonali;
Il-Parlament Ewropew
7. Jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-fatt li t-Trattat ta’ Liżbona jirrikonoxxi għalkollox lill-Parlament Ewropew bħala waħda miż-żewġ fergħat tas-setgħat leġiżlattivi u baġitarji tal-Unjoni, filwaqt li huwa rikonoxxut ukoll l-irwol tiegħu fl-adozzjoni ta' ħafna deċiżjonijiet politiċi importanti għall-ħajja tal-Unjoni, u l-funzjonijiet tiegħu ta’ kontroll politiku huma rrinforzati u saħansistra estiżi, għalkemm mhux daqshekk, fil-qasam tas-CFSP;
8. Jenfasizza li dan ir-rikonoxximent ta’ l-irwol tal-Parlament Ewropew jirrikjedi l-kollaborazzjoni sħiħa ta’ l-istituzzjonijiet l-oħra, partikolarment fir-rigward tal-fatt li l-Parlament jingħata d-dokumenti kollha meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu fiż-żmien opportun, bl-istess mod li jingħataw lill-Kunsill, kif ukoll li jkollu aċċess għall-gruppi ta' ħidma u l-laqgħat li jsiru f'istituzzjonijiet oħra u li jieħu sehem fihom bl-istess kundizzjonijiet tal-parteċipanti l-oħra fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jistieden lit-tliet istituzzjonijiet biex jikkunsidraw il-konklużjoni ta’ ftehimiet interistituzzjonali li jsawru l-aqwa prattiki f’dawn l-oqsma sabiex jagħmlu l-aħjar użu mill-koperazzjoni reċiproka tagħhom;
9. Isostni li l-Parlament Ewropew stess irid iwettaq ir-riformi interni meħtieġa sabiex jadatta l-istrutturi, il-proċeduri u l-metodi ta’ ħidma tiegħu għall-kompetenzi l-ġodda u għall-ħtiġijiet irrinfurzati tal-ipprogrammar u tal-koperazzjoni interistituzzjonali li joriġinaw mit-Trattat ta’ Liżbona[2]; jistenna b’interess il-konklużjonijiet tal-grupp ta’ ħidma dwar ir-riforma parlamentari u jfakkar li l-kumitat kompetenti tiegħu bħalissa qed jaħdem fuq ir-riforma tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu sabiex jadattahom għat-Trattat ta’ Liżbona[3];
10. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li t-Trattat il-ġdid jestendi d-dritt ta’ inizjattiva lill-Parlament Ewropew fir-rigward tar-reviżjoni tat-Trattati, jirrikonoxxi li l-Parlament għandu d-dritt li jipparteċipa fil-Konvenzjoni u li l-kunsens tiegħu huwa meħtieġ fil-każ li l-Kunsill Ewropew iqis li m'hemmx raġuni biex ilaqqa' l-Konvenzjoni; iqis li dan ir-rikonoxximent jaħdem favur il-fatt li jiġi rikonoxxut li l-Parlament Ewropew għandu d-dritt ta' parteċipazzjoni sħiħa fil-Konferenza Intergovernattiva (KIG) bl-istess kundizzjonijiet tal-Kummissjoni; iqis li, wara l-esperjenza taż-żewġ KIGi preċedenti, fil-ġejjieni ftehima interistituzzjonali tista’ tiddefinixxi l-linji gwida għall-organizzazzjoni tal-KIGi, partikolarment fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew u ta’ kwistjonijiet dwar it-trasparenza;
11. Jieħu nota tal-arranġamenti tranżizzjonali rigward il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew; iqis li l-implimentazzjoni ta’ arranġamenti bħal dawn se jirrikjedu modifika fil-liġi primarja; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu d-dispożizzjonijiet legali nazzjonali neċessarji kollha li jippermettu l-elezzjoni minn qabel ta’ 18 –il Membru supplimentari tal-Parlament Ewropew, sabiex ikunu fil-Parlament bħala osservaturi mid-data meta jidħol fis-seħħ it-Trattat ta’ Liżbona; Ifakkar madanakollu, li l-Membri supplimentari se jieħdu s-setgħat sħaħ tagħhom f’data miftiehma u simultanjament, la darba l-proċeduri għar-ratifika tal-bidla fil-liġi primarja jkunu tlestew kollha; ifakkar lill-Kunsill li l-Parlament Ewropew se jkun f'pożizzjoni li jikseb drittijiet sinifikanti ta' inizjattiva u kunsens skont l-Artikolu 14(2) TUE rigward il-kompożizzjoni tal-Parlament, li għandu kull intenzjoni li jasserixxi;
L-irwol tal-Kunsill Ewropew
12. Iqis li rikonoxximent formali tal-Kunsill Ewropew bħala istituzzjoni awtonoma u separata, bil-kompetenzi speċifiċi tagħha definiti b'mod ċar fit-Trattati, jirrikjedi li l-Kunsill Ewropew jerġa’ jqiegħed l-enfasi fuq il-kompitu fundamentali li jipprovdi l-impetu politiku meħtieġ u li jiġu definiti l-orjentamenti u l-għanijiet ġenerali tal-attività tal-Unjoni Ewropea;
13. Jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll l-ispeċifikazzjoni fit-Trattat ta’ Liżbona tal-irwol essenzjali tal-Kunsill Ewropew fir-rigward tar-reviżjoni tat-Trattati, kif ukoll fir-rigward ta’ ċerti deċiżjonijiet ta’ importanza fundamentali għall-ħajja politika tal-Unjoni – dwar kwistjonijiet bħan-nomini għall-karigi politiċi l-aktar importanti, is-soluzzjoni ta’ intoppi politiċi f’diversi proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, u l-użu ta’ mekkaniżmi ta’ flessibiltà – li jkunu adottati mill-Kunsill Ewropew jew bil-parteċipazzjoni tiegħu;
14. Jisħaq fuq l-irwol partikulari ta' tmexxija li għandu l-Kunsill Ewropew fil-qasam tal-azzjoni esterna, speċjalment fir-rigward tas-CFSP, fejn il-kompiti tiegħu li jidentifika l-interessi strateġiċi, li jfassal l-objettivi u li jiddefinixxi l-linji gwida ġenerali ta’ dik il-politika huma ta’ importanza kruċjali; f’dak ir-rigward, jenfasizza l-ħtieġa għal involviment akbar tal-Kunsill, tal-President tal-Kummissjoni u tal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) fit-tħejjija tax-xogħol tal-Kunsill Ewropew f’dak il-qasam;
15. Isostni li l-ħtieġa biex tittejjeb il-koperazzjoni interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew, taħdem favur il-fatt li jsir l-aħjar użu mill-kundizzjonijiet li permezz tagħhom il-President tal-Parlament Ewropew jieħu sehem f'diskussjonijiet fil-Kunsill Ewropew, fatt li x'aktarx li jista' jkun ittrattat fi ftehima politika dwar ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ istituzzjonijiet; iqis li jkun utli li kieku l-Kunsill Ewropew jifformalizza dawk il-kundizzjonijiet bl-istess mod fir-regoli ta’ proċedura interni tiegħu;
Il-Presidenza fissa tal-Kunsill Ewropew
16. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' Presidenza fissa tal-Kunsill Ewropew għal perjodu twil ta' żmien, peress li dan jgħin biex ikunu żgurati kontinwità, effettività u koerenza akbar tal-ħidma ta' dik l-istituzzjoni u għaldaqstant tal-azzjoni tal-Unjoni; jenfasizza li n-nomina tal-President tal-Kunsill Ewropew għandha ssir malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona sabiex tinżamm rabta bejn it-tul tal-leġiżlatura tal-Parlament il-ġdid u l-perjodu tal-mandat tal-Kummissjoni l-ġdida;
17. Jisħaq fuq l-irwol essenzjali li se jkollu l-President tal-Kunsill Ewropew fil-ħajja istituzzjonali tal-Unjoni, mhux bħala President tal-Unjoni Ewropea – għaliex m'huwiex se jkun il-President tagħha – iżda bħala chairperson tal-Kunsill Ewropew inkarigat mit-tmexxija tal-ħidma tiegħu, li jiżgura t-tħejjija u l-kontinwità ta’ xogħlu, li jippromwovi l-konsensus fost il-membri tiegħu, li jirrapporta lill-Parlament Ewropew u li jirrappreżenta, fil-livell tiegħu u bla ħsara għall-funzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli), lill-Unjoni esternament fir-rigward tas-CFSP;
18. Ifakkar li t-tħejjija tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u l-kontinwità ta’ ħidmietu għandhom jiġu żgurati mill-President tal-Kunsill Ewropew b’koperazzjoni mal-President tal-Kummissjoni u fuq il-bażi tal-ħidma tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali, li tirrikjedi l-kuntatt reċiproku u koperazzjoni akbar bejn il-President tal-Kunsill Ewropew u l-Presidenza tal-Kunsill ta’ l-Affarijiet Ġenerali;
19. Iqis, f’dan il-kuntest, li huwa essenzjali li jkun hemm relazzjoni bilanċjata u kollaborattiva bejn il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni, il-Presidenza b’rotazzjoni u, fir-rigward tar-rappreżentanza esterna tal-Unjoni fi kwistjonijiet dwar is-CFSP, il-Viċi President tal-Kummissjoni(Rappreżentant Għoli);
20. Ifakkar li, għalkemm it-Trattat ta’ Liżbona jistipula li l-Kunsill Ewropew għandu jkun assistit mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, in-nefqa speċifika tal-Kunsill Ewropew trid titfassal f'parti separata tal-baġit u trid tinkludi allokazzjonijiet speċifiċi għall-President tal-Kunsill Ewropew, li jkun irid jiġi megħjun mill-kabinett tiegħu, li għandu jkun stabbilit b'kundizzjonijiet raġonevoli;
Il-Kunsill
21. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-passi li ttieħdu fit-Trattat ta’ Liżbona lejn il-kunsiderazzjoni tal-irwol tal-Kunsill bħala t-tieni fergħa tal-awtorità leġiżlattiva u baġitarja tal-Unjoni li taqsam – għalkemm xorta b’ċerta preponderanza f’xi oqsma – il-biċċa l-kbira tat-teħid ta' deċiżjonijiet mal-Parlament Ewropew, fi ħdan sistema istituzzjonali li evolviet gradwalment skont loġika parlamentari bikamerali;
22. Jisħaq fuq l-irwol importanti mogħti mit-Trattat ta’ Liżbona lill-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali – u għaldaqstant lill-President tiegħu – bil-għan li jkunu żgurati l-koeżjoni u l-kontinwità tal-ħidma tal-konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill, kif ukoll fuq it-tħejjija u l-kontinwità tal-ħidma tal-Kunsill Ewropew (b’koperazzjoni mal-President tiegħu u mal-President tal-Kummissjoni);
23. Jenfasizza li l-irwol partikulari tal-Kunsill fit-tħejjija, id-definizzjoni u l-implimentazzjoni tas-CFSP jirrikjedi koordinazzjoni rrinfurzata bejn il-President tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u l-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) bħala chairperson tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, kif ukoll bejniethom u l-President tal-Kunsill Ewropew;
24. Jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li s-separazzjoni stipulata mit-Trattat ta’ Liżbona bejn l-irwol tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u l-irwol tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tirrikjedi kompożizzjoni differenti ta' dawk iż-żewġ konfigurazzjonijiet tal-Kunsill, speċjalment għaliex minħabba l-kunċett usa' tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni kif stipulat fit-Trattati kif emendati bit-Trattat ta’ Liżbona, se jkun dejjem iktar diffiċli li jkun hemm mandati kumulattivi fiż-żewġ konfigurazzjonijiet tal-Kunsill; għalhekk huwa tal-fehma li jkun tajjeb li l-Ministri tal-Affarijiet Barranin jikkonċentra qabel kollox fuq l-attivitajiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin;
25. F'dan il-kuntest, iqis li jista' jkun meħtieġ li l-Prim Ministru/Kap ta' Stat tal-Istat Membru li jieħu l-Presidenza tal-Kunsill jippresiedi personalment u jiżgura t-tħaddim tajjeb tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali bħala l-korp responsabbli għall-koordinazzjoni tal-konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill u għall-arbitraġġ fir-rigward tal-prijoritajiet u tas-soluzzjoni ta' kunflitti li attwalment jitressqu quddiem il-Kunsill Ewropew wisq faċilment;
26. Jirrikonoxxi d-diffikultajiet kbar rigward il-koordinazzjoni bejn il-konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill minħabba s-sistema ġdida ta' Presidenzi, u jenfasizza, bil-għan li jkunu evitati dawk ir-riskji, l-importanza tat-“trojki” (gruppi ta' tliet Presidenzi) il-“ġodda” li jkunu fissi għal perjodu ta' tmintax-il xahar, li se jaqsmu l-Presidenzi tal-konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill (minbarra l-Kunsill tal-Affarijiet Barranin u l-Ewrogrupp), u tal-COREPER sabiex ikunu żgurati l-koerenza, il-konsistenza u l-kontinwità tal-ħidma tal-Kunsill u sabiex tkun żgurata l-koperazzjoni interistituzzjonali meħtieġa għat-tħaddim bla ostakli tal-proċeduri leġiżlattivi u baġitarji b'deċiżjoni konġunta mal-Parlament Ewropew;
27. Iqis li huwa kruċjali li t-trojki jiżviluppaw koperazzjoni intensa u permanenti matul il-mandat konġunt tagħhom; jisħaq fuq l-importanza tal-programm operazzjonali konġunt ta’ kull trojka ta’ 18-il xahar għat-tħaddim tal-Unjoni, kif imfisser aħjar fil-paragrafu 51 ta’ din ir-riżoluzzjoni; jistieden lit-trojki biex jippreżentaw il-programm operazzjonali konġunt tagħhom - li jinkludi b’mod partikolari il-proposti tagħhom dwar l-iskedar tad-deliberazzjonijiet leġiżlattivi lill-Parlament fil-plenarja, fil-bidu tal-mandat konġunt tagħhom;
28. Iqis li l-Prim Ministru/Kap ta’ Stat tal-Istat Membru li se jieħu l-Presidenza tal-Kunsill se jkollu rwol fundamentali fl-assigurazzjoni tal-koeżjoni tal-grupp kollu tal-Presidenzi u tal-koeżjoni tal-ħidma tal-konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill, kif ukoll biex jipprovdi l-koordinazzjoni meħtieġa mal-Kunsill Ewropew, speċjalment fir-rigward tat-tħejjija u l-kontinwità ta’ xogħlu;
29. Jenfasizza wkoll li l-Prim Ministru/Kap ta' Stat li jieħu l-Presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill irid ikun l-interlokutur privileġġat tal-Parlament Ewropew rigward l-attivitajiet tal-Presidenza; iqis li għandu jkun mistieden biex jindirizza lill-Parlament fil-plenarja, filwaqt li jippreżentalu l-programm rispettiv ta’ attivitajiet tal-Presidenza u rendikont ta’ l-iżviluppi u tar-riżultati li nkisbu matul il-mandat tiegħu ta’ sitt xhur, u filwaqt li jressaq għad-dibattitu wkoll kull kwistjoni politika rilevanti oħra li tqum matul il-mandat tal-Presidenza tiegħu;
30. Jenfasizza li, kif qedgħdin l-affarijiet bħalissa fir-rigward tal-iżvilupp tal-Unjoni, kwistjonijiet dwar is-sigurtà u d-difiża għadhom parti integrali mis-CFSP, u jqis li, għaldaqstant, għandhom jibqgħu fi ħdan il-kompetenza tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, ippresedut mRappreżentant Għoli jew mill-Viċi President, bil-parteċipazzjoni tal-Ministri tad-Difiża kull meta jkun meħtieġ;
Il-Kummissjoni
31. Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riaffermazzjoni tal-irwol essenzjali tal-Kummissjoni bħala l-“mutur” li jmexxi l-attività tal-Unjoni, permezz ta’:
– ir-rikonoxximent tal-quasi-monopolju tagħha tal-inizjattiva leġiżlattiva, li huwa estiż għall-oqsma kollha ta’ attività tal-Unjoni minbarra s-CFSP, u li ssaħħaħ partikolarment fil-kwistjonijiet finanzjarji;
– it-tisħiħ tal-irwol tagħha li tiffaċilita l-ftehim bejn iż-żewġ fergħat tal-awtorità leġiżlattiva u baġitarja;
– it-tisħiħ tal-irwol tagħha bħala l-“eżekuttiv” tal-Unjoni kull meta l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni Ewropea tirrikjedi approċċ komuni, filwaqt li l-Kunsill jieħu dan l-irwol biss fi kwistjonijiet rigward is-CFSP u f’każijiet ġustifikati kif xieraq f’atti leġiżlattivi;
32. Jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-President fi ħdan il-Kulleġġ tal-Kummissarji, partikolarment fir-rigward tar-responsabiltà istituzzjonali lejh tal-Kummissarji kif ukoll tal-organizzazzjoni interna tal-Kummissjoni, tisħiħ li joħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa biex tkun rinfurzata t-tmexxija tal-Kummissjoni u biex tissaħħaħ il-koeżjoni tagħha; iqis li dan it-tisħiħ jista' jissaħħaħ iktar permezz tal-ftehima bejn il-Kapijiet tal-Istat jew Gvern biex jinżamm membru wieħed tal-Kummissjoni għal kull Stat Membru;
L-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni
33. Jenfasizza li l-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni mill-Parlament Ewropew wara proposta mill-Kunsill Ewropew se tagħti natura deċiżament politika għan-nomina tiegħu/tagħha;
34. Jenfasizza li elezzjoni bħal din ittejjeb il-leġittimità demokratika tal-President tal-Kummissjoni u ssaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu kemm internament fi ħdan il-Kummissjoni (fir-rigward tal-kapaċità tiegħu fir-relazzjonijiet ma’ Kummissarji oħra) kif ukoll b’mod ġenerali f’relazzjonijiet interistituzzjonali;
35. Iqis li din il-leġittimità msaħħa tal-President tal-Kummissjoni tkun ta’ benefiċċju wkoll għall-Kummissjoni kollha, billi ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li taġixxi bħala promotur indipendenti tal-interess ġenerali Ewropew u bħala l-mutur tal-azzjoni Ewropea;
36. Ifakkar, f’dan il-kuntest, li l-fatt li kandidat għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni jista’ jkun propost mill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, u li l-elezzjoni ta’ dak il-kandidat mill-Parlament Ewropew jeħtieġ il-voti ta’ maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, jikkostitwixxi inċentiv ieħor li jħeġġeġ lil kull min huwa involut fil-proċess li jiżviluppa d-djalogu meħtieġ bil-għan li jkun żgurat li l-proċess jintemm b’suċċess;
37. Ifakkar li l-Kunsill Ewropew huwa obbligat mit-Trattat ta’ Liżbona li “jikkunsidra l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew" u li, qabel ma jinnomina lill-kandidat, ikollu “konsultazzjonijiet xierqa”, li ma jkunux kuntatti istituzzjonali formali bejn iż-żewġ istituzzjonijiet; ifakkar ukoll li d-Dikjarazzjoni 11 annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovermentali li adottat it-Trattat ta’ Liżbona[4], titlob f’dan il-kuntest li jsiru “konsultazzjonijiet fil-qafas li jitqies l-aktar xieraq” bejn ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew;
38. Jissuġġerixxi li l-President tal-Kunsill Ewropew jinħatar mill-Kunsill Ewropew (waħdu jew ma’ delegazzjoni) biex imexxi dawk il-konsultazzjonijiet, li għandu jikkonsulta mal-President tal-Parlament Ewropew bil-għan li jorganizza l-laqgħat meħtieġa ma’ kull wieħed mill-mexxejja tal-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew, possibilment flimkien mal-mexxejja (jew delegazzjoni) tal-familji politiċi Ewropej u li wara dawn il-laqgħat il-President tal-Kunsill Ewropew għandu jagħti rapport lill-Kunsill Ewropew;
Il-proċess tan-nomini
39. Iqis li l-għażla tal-persuni magħżula biex jokkupaw l-uffiċċji ta’ President tal-Kunsill Ewropew, President tal-Kummissjoni u Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentatnt Għoli), għandha tikkunsidra l-kompetenzi relevanti tal-kandidati; jirrikonoxxi, barra minn hekk, kif stipulat fid-Dikjarazzjoni 6 annessa mal-Att Finali msemmi hawn fuq, li l-għażla għandha tirrikonoxxi l-bżonn li tkun rispettata d-diversità ġeografika u demografika tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha;
40. Iqis barra minn hekk li, fin-nomini għall-karigi politiċi l-aktar importanti fl-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-familji politiċi Ewropej għandhom iqisu mhux biss il-kriterji tal-bilanċ ġeografiku u demografiku iżda wkoll il-kriterji bbażati fuq bilanċ politiku u fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi;
41. Iqis f'dak il-kuntest li l-proċess tan-nomini għandu jsir wara l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, sabiex jitqiesu r-riżultati elettorali, li se jkollhom irwol primordjali fl-għażla tal-President tal-Kummissjoni; jiġbed l-attenzjoni li l-bilanċ meħtieġ jista' jkun żgurat biss wara l-elezzjoni tal-President;
42. Jipproponi f’dan il-kuntest, bħala mudell possibbli, il-proċedura u l-kalendarju li ġejjin għan-nomini, li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew jistgħu jaqblu dwarhom:
– l-ewwel u t-tieni ġimgħa wara l-elezzjonijiet Ewropej: l-istallazzjoni tal-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew;
– it-tielet ġimgħa wara l-elezzjonijiet: konsultazzjonijiet bejn il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Parlament Ewropew, segwiti minn laqgħat separati bejn il-President tal-Kunsill Ewropew u l-Presidenti tal-gruppi politiċi (possibilment mal-Presidenti tal-familji politiċi Ewropej jew ma' delegazzjonijiet ristretti wkoll);
– ir-raba’ ġimgħa wara l-elezzjonijiet: avviż mill-Kunsill Ewropew, filwaqt li jitqiesu r-riżultati tal-konsultazzjonijiet imsemmija fl-inċiż preċedenti, tal-kandidat għal President tal-Kummissjoni;
– il-ħames u s-sitt ġimgħa wara l-elezzjonijiet Ewropej: kuntatti bejn il-kandidat għal President tal-Kummissjoni u l-gruppi politiċi; dikjarazzjonijiet minn dak il-kandidat u preżentazzjoni tal-linji gwida politiċi tiegħu/tagħha fil-Parlament Ewropew; votazzjoni fil-Parlament Ewropew dwar il-kandidat għal President tal-Kummissjoni;
– Lulju/Awwissu/Settembru: il-President tal-Kummissjoni li ġie elett jaqbel mal-Kunsill Ewropew dwar in-nomina ta’ Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) u jipproponi l-lista tal-Kummissarji nominati (inkluż il-Viċi President tal-Kummissjoni) (Rappreżentant Għoli));
– Settembru: il-Kunsill Ewropew jadotta l-lista ta’ Kummissarji nnominati (inkluż il-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli));
– September/October: seduti ta’ smigħ tal-Kummissarji nnominati u tal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) -nnominat mill-Parlament Ewropew;
– Ottubru: preżentazzjoni tal-Kulleġġ tal-Kummissarji u tal-programm tagħhom lill-Parlament Ewropew; votazzjoni dwar il-kulleġġ kollu (inkluż il-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli)); il-Kunsill Ewropew japprova l-Kummissjoni l-ġdida; il-Kummissjoni l-ġdida tibda taqdi dmirha;
– Novembru: il-Kunsill Ewropew jinnomina l-President tal-Kunsill Ewropew:
43. Jenfasizza li x-xenarju propost f'kull każ għandu jkun applikat mill-2014 'il quddiem;
44. Iqis li d-dħul fis-seħħ possibbli sa tmiem is-sena 2009 tat-Trattat ta' Liżbona jeħtieġ ftehima politika bejn il-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew sabiex ikun żgurat li l-proċedura għall-għażla tal-President tal-Kummissjoni li jmiss u għan-nomina tal-Kummissjoni futura tkun, f'kull każ, tirrispetta s-sustanza tas-setgħat il-ġodda li t-Trattat ta' Liżbona jirrikonoxxi lill-Parlament Ewropew dwar il-kwistjoni;
45. Iqis li jekk il-Kunsill Ewropew iniedi l-proċedura għan-nomina tal-President tal-Kummissjoni l-ġdida mingħajr dewmien wara l-elezzjonijiet Ewropej ta' Ġunju 2009[5], il-Kunsill għandu jqis iż-żmien meħtieġ biex il-proċedura ta' konsultazzjoni politika, mar-rappreżentanti li jkunu għadhom kif ġew eletti tal-gruppi politiċi, kif prevista fit-Trattat ta' Liżbona, tkun tista' tiġi mwettqa informalment; iqis li f'dawn il-kundizzjonijiet, is-sustanza tal-prerogattivi l-ġodda tiegħu tkun irrispettata bis-sħiħ u li l-Parlament Ewropew ikun jista' jipproċedi għall-approvazzjoni tan-nomina tal-President tal-Kummissjoni;
46. Jenfasizza li, f'kull każ, rigward in-nomina tal-Kulleġġ il-ġdid, il-proċedura għandha titnieda biss wara li r-riżultati tar-referendum l-ġdid fl-Irlanda jkunu magħrufa; jinnota li l-istituzzjonijiet ikunu konxji sew mill-kuntest legali futur li fih il-Kummissjoni l-ġdida teżerċita l-mandat tagħha u jistgħu iqisu sew is-setgħat rispettivi fuq livell proċedurali, kif ukoll il-kompożizzjoni, l-istruttura u l-kompetenzi tal-Kummissjoni l-ġdida; fil-każ ta' riżultat pożittiv fir-referendum, l-approvazzjoni formali tal-kulleġġ il-ġdid, inklużi l-President u l-Viċi President/Rappreżentant Għoli, mill-Parlament Ewropew għandha ssir biss wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona;
47. Ifakkar li, jekk it-tieni referendum fl-Irlanda ma jkunx pożittiv, it-Trattat ta' Nizza f'kull każ ikun japplika bis-sħiħ u l-Kummissjoni li jmiss ikollha tkun iffurmata skont id-dispożizzjonijiet li taħthom l-għadd ta' membri tagħha se jkun inqas min-numru ta' Stati Membri; jenfasizza li, f'dak il-każ il-Kunsill Ewropew se jkollu jieħu deċiżjoni dwar l-għadd konkret ta' membri ta' din il-Kummissjoni mnaqqsa; jenfasizza r-rieda politika tal-Parlament Ewropew biex tkun żgurata l-osservazzjoni stretta ta' dawn id-dispożizzjonijiet;
Il-programmazzjoni
48. Iqis li l-programmazzjoni, kemm fil-livell strateġiku kif ukoll fil-livell operattiv, se tkun essenzjali sabiex ikunu żgurati l-effiċjenza u l-koerenza tal-azzjoni tal-Unjoni;
49. Jilqa’ b’sodisfazzjon, għalhekk il-fatt li t-Trattat ta’ Liżbona jirrikjedi b'mod speċifiku l-programmazzjoni bħala mezz biex tittejjeb il-kapaċità tal-Unjoni li taġixxi, u jipproponi li jiġu organizzati diversi eżerċizzji ta’ programmazzjoni fl-istess żmien bil-mod li ġej:
– il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiftiehmu dwar “kuntratt” jew “programm” ta’ leġiżlatura, ibbażat fuq l-għanijiet u l-prijoritajiet strateġiċi wiesa’ li għandhom jitressqu mill-Kummissjoni fil-bidu tal-mandat tagħha, u li għandu jkun is-suġġett ta’ dibattitu konġunt mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, bil-għan li jkun stabbilit ftehim (possibilment bħala ftehim interistituzzjonali speċifiku, anke jekk dan ma jorbotx legalment) bejn it-tliet istituzzjonijiet dwar għanijiet u prijoritajiet komuni għall-mandat leġiżlattiv ta’ ħames snin;
– fuq il-bażi ta’ dan il-kuntratt jew programm, il-Kummissjoni mbagħad għandha tiżviluppa aktar l-ideat tagħha għall-programmazzjoni finanzjarja, u tippreżenta, sal-aħħar ta’ Ġunju fis-sena ta’ wara l-elezzjonijiet, il-proposti tagħha għal qafas finanzjarju pluriennali ta’ ħames snin – flimkien mal-lista tal-proposti leġiżlattivi meħtieġa sabiex il-programmi rispettivi jidħlu fis-seħħ – li mbagħad għandhom ikunu diskussi u adottati mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew, skont il-proċedura stipulata fit-Trattati, sa tmiem dik l-istess sena (jew għall-inqas sal-aħħar tal-ewwel trimestru tas-sena ta’ wara);
– dan jippermetti lill-Unjoni biex ikollha qafas finanzjarju pluriennali ta’ ħames snin lest biex jidħol fis-seħħ fil-bidu tas-sena N+2 (jew N+3)[6], biex b’hekk kull Parlament Ewropew u kull Kummissjoni jingħataw il-possibiltà li jiddeċiedu dwar il-programmazzjoni “tagħhom stess”;
50. Iqis li bidla għal din is-sistema ta’ programmazzjoni finanzjarja u politika kwinkwennjali tirrikjedi prolongazzjoni tal-qafas finanzjarju attwali inkluż fil-Ftehima Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġjar finanzjarju sod[7] sa tmiem l-2015/2016, filwaqt li l-qafas li jmiss jidħol fis-seħħ sal-bidu tal-2016/2017[8];
51. Jipproponi li, fuq il-bażi tal-kuntratt/programm tal-leġiżlatura, u filwaqt li jitqies il-qafas finanzjarju pluriennali:
– il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-programm leġiżlattiv u ta’ ħidma annwali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, bil-għan ta’ dibattitu konġunt li jippermetti lill-Kummissjoni ddaħħal l-adattamenti meħtieġa;
– il-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali, fi djalogu mal-Parlament Ewropew, għandu jadotta l-programmazzjoni operattiva tal-attivitajiet ta’ kull grupp ta’ tliet Presidenzi għall-mandat kollu tagħhom ta’ 18-il xahar, li sservi bħala qafas għall-programm ta’ attivitajiet rispettiv ta’ kull Presidenza għas-sitt xhur ta’ mandat tagħha;
Relazzjonijiet esterni
52. Jisħaq fuq l-importanza tad-dimensjoni l-ġdida li t-Trattat ta' Liżbona jagħti lill-azzjoni esterna tal-Unjoni kollha, inkluża s-CFSP li, flimkien mal-personalità legali tal-Unjoni u l-innovazzjonijiet istituzzjonali relevanti għal dan il-qasam (partikolarment il-ħolqien ta’ Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) b'żewġ inkarigi u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)), tista' tkun fattur deċiżiv fil-koerenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni f'dan il-qasam u ttejjeb b'mod sinifikanti l-viżibilità tagħha bħala parteċipant globali;
53. Ifakkar li d-deċiżjonijiet kollha rigward l-azzjoni esterna għandhom jispeċifikaw il-bażi legali li jiġu adottati fuqha, sabiex titħaffef l-identifikazzjoni tal-proċedura li ntużat għall-adozzjoni tagħhom u tal-proċedura li għandha tintuża għall-implimentazzjoni tagħhom;
Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli)
54. Iqis il-ħolqien ta’ Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) b'żewġ inkarigi bħala pass fundamentali sabiex ikunu żgurati l-koerenza, l-effettività u l-viżibilità tal-azzjoni esterna kollha tal-Unjoni;
55. Jenfasizza li l-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) għandu jkun nominat mill-Kunsill Ewropew b’maġġoranza kwalifikata, bil-kunsens tal-President tal-Kummissjoni, u għandu jirċievi wkoll l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew bħala Viċi President tal-Kummissjoni, flimkien mal-Kulleġġ tal-Kummissarji kollu; jistieden lill-President tal-Kummissjoni biex jiżgura li l-Kummissjoni teżerċita għalkollox ir-responsabiltajiet tagħha f’dan il-kuntest, filwaqt li jżomm f’moħħu li, bħala Viċi President tal-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli se jkollu rwol fundamentali fl-iżgurar tal-koeżjoni u tar-rendiment tajjeb tal-Kulleġġ, u li l-President tal-Kummissjoni għandu d-dmir politiku u istituzzjonali biex jiżgura li għandu l-kapaċitajiet meħtieġa biex jintegra l-Kulleġġ; jenfasizza wkoll li l-Kunsill Ewropew għandu jkun jaf b’dan l-aspett tal-irwol tal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) u għandu jipproċedi mill-bidu tal-proċedura għall-konsultazzjonijiet meħtieġa mal-President tal-Kummissjoni, sabiex ikun żgurat li tintemm b’suċċess; ifakkar li se jeżerċita għalkollox il-ġudizzju tiegħu dwar il-kapaċitajiet politiċi u istituzzjonali tal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) innominat fi ħdan il-qafas tas-setgħat tiegħu rigward in-nomina ta’ Kummissjoni ġdida;
56. Jenfasizza li s-SEAE se jkollu rwol fundamentali fl-appoġġ li jagħti lill-attivitajiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) u se jkun element essenzjali tas-suċċess tal-approċċ integrat il-ġdid tal-azzjoni esterna tal-Unjoni; jenfasizza li l-istallazzjoni tas-servizz il-ġdid tirrikjedi proposta formali tal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli), li tkun possibbli biss ladarba jkun beda jaqdi dmiru, u li tista' tkun adottata mill-Kunsill biss wara l-approvazzjoni tal-Kummissjoni u l-opinjoni tal-Parlament Ewropew; jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jeżerċita għalkollox is-setgħat baġitarji tiegħu fir-rigward tat-twaqqif tas-SEAE;
57. Jenfasizza li l-kompiti tal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) huma iebsa ħafna u se jirrikjedu koordinazzjoni kbira mal-istituzzjonijiet l-oħra, speċjalment mal-President tal-Kummissjoni, li jkun irid jagħti rendikont politiku lilu fl-oqsma tar-relazzjonijiet esterni li huma parti mill-kompetenzi tal-Kummissjoni, mal-Presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill u mal-President tal-Kunsill Ewropew;
58. Jenfasizza li l-kisba tal-objettivi tagħhom li wasslu għall-ħolqien tal-kariga ta’ Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) se tiddependi ħafna fuq relazzjoni ta’ fiduċja politika bejn il-President tal-Kummissjoni u l-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli), u mill-kapaċità tal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) li jikkopera b’mod produttiv mal-President tal-Kunsill Ewropew, mal-Presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill u mal-Kummissarji l-oħra inkarigati, permezz tal-koordinazzjoni tiegħu, bl-eżerċizzju ta' kompetenzi speċifiċi marbuta mal-azzjonijiet esterni tal-Unjoni;
59. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) biex jużaw kemm jistgħu l-possibiltà li jippreżentaw inizjattivi komuni fil-qasam tar-relazzjonijiet barranin, sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni tal-oqsma differenti ta' azzjoni tal-Unjoni fil-kamp estern u sabiex tiżdied il-possibiltà li dawk l-inizjattivi jkunu adottati mill-Kunsill b'rabta mas-CFSP; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' sorveljanza parlamentari ta' miżuri ta' politika barranija u ta' sigurtà;
60. Isostni li huwa essenzjali li jittieħdu ċerti miżuri prattiċi sabiex jitnaqqas il-piż tal-kompiti tar-tal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli):
– il-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli)għandu jipproponi n-nomina ta’ rappreżentanti speċjali, b’mandat ċar definit skont l-Artikolu 33 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, biex jgħinuh f’oqsma speċifiċi tal-kompetenzi tiegħu fi kwistjonijiet marbuta mas-CFSP (dawk ir-rappreżentanti speċjali, innominati mill-Kunsill, għandhom jinstemgħu wkoll mill-Parlament Ewropew u għandhom jinfurmawh regolarment dwar l-attivitajiet tagħhom);
– għandu jikkoordina l-attivitajiet tiegħu f’oqsma minbarra s-CFSP mal-Kummissarji b’portafoll f’dawk l-oqsma, u għandu jiddelegalhom il-funzjonijiet tiegħu ta’ rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni Ewropea f’dawk l-oqsma kull meta jkun meħtieġ;
– fil-każ ta’ assenza, il-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) għandu jiddeċiedi, fuq il-bażi ta’ każ b’każ, fl-isfond tal-kompiti li għandhom jitwettqu f'kull okkazzjoni, min għandu jirrappreżenta lilu/lilha;
Rappreżentazzjoni
61. Iqis li t-Trattat ta’ Liżbona jwaqqaf sistema effettiva, għalkemm kumplessa, u operattiva għar-rappreżentanza esterna tal-Unjoni, u jipproponi li din għandha titfisser skont il-linji gwida li ġejjin:
– il-President tal-Kunsill Ewropew jirrappreżenta lill-Unjoni fil-livell ta' Kapi ta' Stat jew ta' Gvern fi kwistjonijiet li jikkonċernaw is-CFSP, iżda ma jkollux is-setgħa li jmexxi negozjati politiċi f'isem l-Unjoni, kompitu li huwa tal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli); jista’/tista’ jintalab/tintalab ukoll li jkollu/jkollha rwol speċifiku ta' rappreżentanza tal-Kunsill Ewropew f'ċerti avvenimenti internazzjonali;
– il-President tal-Kummissjoni għandu jirrappreżenta lill-Unjoni fl-ogħla livell fir-rigward tar-relazzjonijiet esterni kollha tal-Unjoni, minbarra oqsma relatati mas-CFSP, jew ta’ kull politika settorjali speċifika li taqa’ fl-ambitu tal-azzjoni esterna tal-Unjoni (kummerċ barrani eċċ.); il-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) jew il-Kummissarju kompetenti/maħtur jista’ jkollu dan l-irwol ukoll taħt l-awtorità tal-Kummissjoni;
– il-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) għandu jirrappreżenta lill-Unjoni fuq livell ministerjali jew f’organizzazzjonijiet internazzjonali dwar l-azzjoni esterna ġenerali tal-Unjoni; huwa/hija għandu/għandha jwettaq/twettaq ukoll il-funzjonijiet ta’ rappreżentanza esterna bħala President tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin;
62. Iqis li mhux se jibqa' jkun mixtieq li l-President tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali (partikolarment il-Prim Ministru tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza) jew il-President ta' konfigurazzjoni settorjali speċifika tal-Kunsill, jintalab jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta' rappreżentanza esterna tal-Unjoni;
63. Jisħaq fuq l-importanza tal-koordinazzjoni u l-koperazzjoni bejn il-partijiet differenti kollha responsabbli għaldawn il-kompiti differenti ta' rappreżentanza esterna tal-Unjoni, sabiex ikunu evitati kunflitti ta' kompetenza u jkunu żgurati l-koerenza u l-viżibilità tal-Unjoni fil-kamp estern;
°
° °
64. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni u dan ir-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.
- [1] Texts Adopted, P6_TA(2008)0055.
- [2] Abbozz ta' rapport mis-Sur Leinen dwar l-irwol u r-responsabilitajiet ġodda tal-Parlament fl-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Liżbona (PE 407.780 v02-00).
- [3] Abbozz ta' rapport mis-Sur Corbett dwar ir-reviżjoni ġenerali tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament (PE 405.935 v03-00).
- [4] Dikjarazzjoni 11 tal-Artikolu 17(6) u (7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
- [5] Kif dikjarat fid-Dikjarazzjoni dwar il-ħatra ta’ Kummissjoni futura, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta’ Diċembru 2008.
- [6] N tfisser “Is-sena tal-elezzjonijiet Ewropej”.
- [7] Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod (ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1).
- [8] Skont ir-rapport Böge dwar ir-Reviżjoni ta’ Nofs il-Perjodu tal-Qafas Finanzjarju 2007-2013 (INI/2008/2055) u r-rapport Guy-Quint dwar l-aspetti finanzjarji tat-Trattat ta’ Liżbona (INI/2008/2054).
NOTA SPJEGATTIVA
L-impatt tat-Trattat ta’ Liżbona fuq l-iżvilupp tal-bilanċ istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea
Analiżi politika tal-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill tal-Ministri u l-Kummissjoni.
It-Trattat ta’ Liżbona joħloq Unjoni politika, mogħnija b’personalità ġuridika u b’qafas istituzzjonali uniku. Wara t-tkabbir, li permezz tiegħu l-Ewropa reġgħet inqgħadet mill-ġdid, din tal-aħħar kellha bżonn tirristruttura s-sisien tagħha sabiex tkun tista’ tilqa’ għall-isfidi tas-seklu 21, fosthom il-globalizzazzjoni. Sa ċertu punt wieħed jista’ jqis li, bħal fil-każ tat-Trattat ta’ Ruma wara t-tmiem tat-tieni gwerra dinjija, l-Ewropa qiegħda tipprova, bit-Trattat ta’ Liżbona, tilqa’ għal ambjent ġdid, li feġġ wara t-tmiem tal-gwerra l-bierda. Hija u ssegwi l-missjoni tagħha ta’ paċi u stabilità tagħha, filwaqt li ssaħħaħ l-integrazzjoni soċjo-ekonomika tagħha, l-Unjoni Ewropea toffri liċ-ċittadini tagħha żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja u tikkontribwixxi bħala protagonista globali għall-organizzazzjoni ta’ dinja aktar ġusta u aktar sostennibbli. Sabiex tilħaq dan il-għan, l-Unjoni Ewropea li espandiet għal 27 Stat Membru, għandha ‘ssir aktar demokratika, aktar trasparenti u aktar effettiva’ (dikjarazzjoni ta’ Laeken).
Għal dan il-għan, it-Trattat ta’ Liżbona emenda t-Trattat dwar l-Unoni Ewropea (Maastricht) u dak li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (Ruma emendat suċċessivament) li mbagħad saru, rispettivament, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-ewwel wieħed jiddefinixxi l-qafas kostituzzjonali tal-Unjoni, it-tieni wieħed il-funzjonament prattiku tagħha. Iż-żewġ Trattati għandhom l-istess valur ġuridiku. Eventwalment, ikun aktar koerenti li t-Trattat dwar il-funzjonament ikun subordinat għat-Trattat bażi li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea, li jiġġustifika proċedura aktar flessibbli għar-reviżjoni eventwali tat-Trattat dwar il-funzjonament minn dik għat-Trattat bażi.
It-Trattat ta’ Liżbona ma jistax jidħol fis-seħħ qabel ma jiġi rratifikat mill-Istati Membri kollha. It-tħejjija għall-implimentazzjoni tat-Trattat mhux qed issir biex tippreġudika dik ir-ratifikazzjoni. Għall-kuntrarju, jekk ma ssirx dik it-tħejjija, dan iwassal għal dewmien fl-implimentazzjoni tat-Trattat ladarba jiġi rratifikat. Din hija r-raġuni l-għala huwa ġġustifikat li kull istituzzjoni tal-Unjoni, qabel ir-ratifikazzjoni, tagħmel studju tal-implikazzjonijiet tat-Trattat kemm fir-rigward tal-funzjonament tagħhom kif ukoll fir-rigward tar-relazzjonijiet interistituzzjonali.
Dan ir-rapport janalizza l-impatt tat-Trattat ta’ Liżbona fuq l-iżvilupp tal-ekwilibriju istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea. Jisħaq dwar l-importanza tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġodda u tal-ewwel ħatriet.
Ir-rapport jikkonċentra fuq ir-relazzjoni bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Huwa jevalwa l-bilanċ ġenerali bejn dawn l-istituzzjonijiet u ma jillimitax ruħu għar-relazzjoni tagħhom mal-Parlament. Ir-rapport jikkonsisti f’analiżi politika li minnha jkunu formulati rakkomandazzjonijiet konkreti.
Dan ir-rapport ma jindirizzax il-miżuri organizzattivi fi ħdan il-Parlament li ser ikunu meħtieġa mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat. Dawn sejrin ikunu s-suġġett ta’ rapporti oħrajn[1]. Għalkemm jittratta dwar l-organizzazzjoni tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, ir-rapport ma jindirizzax l-organizzazzjoni tas-servizz Ewropew għall-azzjoni esterna li sejra tkun is-suġġett ta’ rapport separat[2]. Finalment, lanqas ma jeżamina r-relazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali. Għalkemm dawn għandhom irwol importanti ħafna – irwol li huwa msaħħaħ mill-protokolli annessi mat-Trattat – il-Parlamenti nazzjonali mhumiex fihom infushom istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea. Ir-relazzjoni mal-Parlamenti nazzjonali ser tkun is-suġġett ta’ rapport separat[3].
Dan ir-rapport janalizza l-iżvilupp imbassar tar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet politiċi tal-Unjoni fil-qafas tat-Trattat il-ġdid. Wara ħarsa ġenerali storika, l-ewwel parti tanalizza d-dispożizzjonijiet prinċipali tat-Trattat fir-rigward ta’ kull waħda mill-istituzzjonijiet. Sussegwentement, ir-rapport jittratta r-relazzjonijiet interistituzzjonali, (l-ewwel) ħatriet, l-ipprogrammar interistituzzjonali u l-azzjoni esterna tal-Unjoni.
A. Evoluzzjoni tal-ekwilibriju istituzzjonali
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni huma tliet istituzzjonijiet politiċi stabbiliti mit-Trattat ta’ Ruma hekk kif bdiet il-Komunità Ewropea.
Il-Parlament kellu rwol essenzjalment konsultattiv u kien kompost minn membri parlamentari nazzjonali. Il-Kunsill, bħala prinċipju ġenerali, kien jiddeċiedi fuq il-bażi ta’ unanimità. Il-Kummissjoni kienet tipproponi u teżegwixxi l-leġiżlazzjoni Ewropea.
L-ewwel elezzjoni diretta tal-Parlament Ewropew ġiet organizzata fl-1979.
L-Att Uniku Ewropew (1986) stabbilixxa li l-Kunsill jista’ japprova b’maġġoranza kkwalifikata l-parti l-kbira tad-direttivi dwar l-armonizzazzjoni meħtieġa għall-istabbiliment tas-suq waħdieni. Fl-istess ħin ġiet stabbilita proċedura ta’ koperazzjoni mal-Parlament Ewropew għal dawn id-direttivi.
It-Trattati ta’ Maastricht, ta’ Amsterdam u ta’ Nizza estendew sistematikament l-użu ta’ deċiżjonijiet b’maġġoranza fi ħdan il-Kunsill u b’mod parallel stabbilixxew, u mbagħad estendew, il-proċedura ta’ kodeċiżjoni mal-Parlament Ewropew.
It-Trattat ta’ Maastricht tawwal il-mandat tal-Kummissjoni minn erbgħa għal ħames snin, sabiex dan jikkoinċidi mal-mandat tal-Parlament Ewropew. L-irwol tal-Parlament Ewropew fil-ħatra tal-President u tal-membri tal-Kummissjoni ġie aċċentwat fit-Trattati suċċessivi; fl-istess ħin, it-Trattati, u fuq kollox il-prattika, saħħew il-pożizzjoni tal-President tal-Kummissjoni fi ħdan il-kulleġġ.
Sat-Trattat ta’ Maastricht, l-integrazzjoni Ewropea kienet primarjament iffukata fuq il-qasam soċjo-ekonomiku. L-Att uniku Ewropew, u aktar minn hekk it-Trattat ta’ Maastricht, billi joħolqu l-Unjoni Ewropea sabiex tkopri l-kwistjonijiet ta’ politika barranija, ta’ ġustizzja u ta’ ċittadinanza, taw dimensjoni politika ġdida lill-integrazzjoni Ewropea. Iż-żewġ “pilastri” l-ġodda tal-attività madankollu kellhom dimensjoni essenzjalment intergovernattiva, li tillimita bil-kbir l-irwol tal-Kummissjoni u tal-Parlament Ewropew. It-Trattat ta’ Amsterdam stabbilixxa l-uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli għall-PBSK. L-istess Trattat kien ukoll l-ewwel pass lejn l-integrazzjoni tal-politika dwar l-immigrazzjoni fi ħdan il-politika Komunitarja tal-ĠAI.
L-ewwel samits Ewropej fil-fatt kienu laqgħat informali li fihom kienu jipparteċipaw il-kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern. Mill-1975 dawn il-laqgħat saru regolari, taħt l-isem ta’ Kunsill Ewropew, u progressivament saru ta’ natura aktar formali. It-Trattat ta’ Maastricht ifformalizza l-irwol ta’ impetus u jiddefinixxi l-linji ta’ direzzjoni tal-politika ġenerali. Madankollu, il-Kunsill Ewropew ma kienx istituzzjoni fis-sens ġuridiku, u lanqas ma kien formazzjoni partikolari tal-Kunsill.
Waqt li jżomm il-proposti essenzjali tal-Konvenzjoni Ewropea, it-Trattat ta’ Liżbona jiddefinixxi mill-ġdid l-ekwilibriju istituzzjonali tal-Unjoni. It-Trattat il-ġdid ineħħi formalment il-pilastri. L-Unjoni Ewropea tingħata, bħala tali, personalità ġuridika. L-istituzzjonijiet tal-Komunità jsiru istituzzjonijiet tal-Unjoni. It-Trattat jerġa' jiddefinixxi l-irwol u l-kompetenzi ta' kull istituzzjoni. It-Trattat se jagħmel lill-Kunsill Ewropew istituzzjoni tal-Unjoni, distinta mill-Kunsill. Huwa jistabbilixxi (ħlief għal xi eċċezzjonijiet) il-proċedura ta’ kodeċiżjoni bħala l-proċedura leġiżlattiva normali, anke f’dak li jirrigwarda l-approvazzjoni tal-baġit, għalkemm skont proċedura partikolari.
B’dan il-mod it-Trattat ta’ Liżbona jittrasforma – waqt li jsaħħaħ – l-hekk imsejjaħ metodu ‘Komunitarju’ fil-‘metodu tal-Unjoni’, li fih essenzjalment:
– il-Kunsill Ewropew jiddefinixxi d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali (l-irwol ta’ impetus);
– il-Kummissjoni tippromwovi l-interessi ġenerali tal-Unjoni u tieħu l-inizjattivi addattati għal dan il-għan (dritt ta’ inizjattiva);
– il-Parlament Ewropew u l-Kunsill b’mod konġunt jeżerċitaw il-funzjonijiet leġiżlattivi u baġitarji (bikameraliżmu parlamentari);
Dan il-metodu huwa estiż l-aktar fil-qasam tal-baġit u f’dak li kien jissejjaħ bħala l-ambitu tal-ġustizzja u l-affarijiet interni (ĠAI), li floku it-Trattat il-ġdid irid joħloq żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Huwa biss il-qasam tal-Politika Barranija u tas-Sigurtà Komuni (PBSK) li jibqa’ essenzjalment intergovernattiv.
B. Analiżi tad-Dispożizzjonijiet (Ġodda) Prinċipali għal kull Istituzzjoni
1. Il-Parlament Ewropew (art. 14 TUE)
1.1. Il-Parlament Ewropew jeżerċita, flimkien mal-Kunsill, il-funzjonijiet leġiżlattivi u baġitarji, kif ukoll il-funzjonijiet ta’ kontroll politiku u konsultazzjoni.
It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għalhekk jikkonferma li l-Unjoni taħdem fil-biċċa l-kbira skont il-prinċipji ta’ sistema parlamentari.
1.2. ‘Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja’ hija dik tal-kodeċiżjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni. Din il-proċedura, b’xi karatteristiċi speċifiċi, tiġi applikata wkoll għall-baġit fir-rigward tal-ispejjeż.
It-Trattat ta’ Liżbona b’hekk jikkonferma u jsaħħaħ il-metodu ‘Komunitarju’ u jsaħħaħ, b’mod partikoli, il-‘bikameraliżmu’ Parlament Ewropew – Kunsill.
1.3. Il-kompetenzi tal-Parlament Ewropew huma mwessgħin permezz tat-tneħħija tal-pilastri. Fil-prinċipju, il-proċedura leġiżlattiva normali hija applikata għal libertà, sigurtà u ġustizzja (għalkemm hemm xi proċeduri speċjali).
Barra minn hekk, it-Trattat ta’ Liżbona jagħmel espliċiti l-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija.
Anke fil-PBSK, li tibqa’ fil-biċċa l-kbira taħt il-kompetenza intergovernattiva, il-Parlament Ewropew huwa msejjaħ biex ikollu rwol importanti (ara l-punt imsemmi isfel).
Għal dan il-għan, is-setgħat tal-Parlament rigward l-adozzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali huma msaħħa, minħabba li hija meħtieġa l-approvazzjoni tiegħu għall-ftehimiet kollha li jirrigwardaw oqsma soġġetti għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja fuq livell intern.
1.4. L-involviment totali tal-Parlament Ewropew f’ugwaljanza mal-Kunsill fil-kontroll tal-eżerċitar tas-setgħat iddelegati lill-Kummissjoni huwa kkonfermat u ppreċiżat. It-Trattat ta’ Liżbona jintroduċi fil-fatt distinzjoni bejn atti ddelegati u atti eżekuttivi. L-Artikolu 290 tat-TFUE jagħti lill-Parlament u lill-Kunsill is-setgħa li jirrevokaw atti ddelegati mill-Kummissjoni permezz ta’ delegazzjoni legali. L-Artikolu 291 tat-TFUE jistipula li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew jiddefinixxu, f’regolament adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, ir-regoli u l-prinċipji ġenerali rigward il-proċeduri ta’ kontroll tal-eżerċitar tal-kompetenzi eżekuttivi tal-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 202 tat-TKE preżenti, il-Kunsill biss jista’ jieħu din id-deċiżjoni (imsejħa “komitoloġija”) wara l-parir tal-Parlament Ewropew.
1.5. Il-Parlament huwa msejjaħ ukoll biex jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal serje sħiħa ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill ta’ importanza politika kbira għas-sopravivenza tal-Unjoni: deċiżjonijiet rigward l-użu ta’ xi klawsoli li jippermettu li tintuża l-maġġoranza kkwalifikata minflok l-unanimità (jew proċeduri leġiżlattivi straordinarji minflok il-proċedura leġiżlattiva ordinarja), deċiżjonijiet rigward il-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà, eċċ.
|
Rakkomandazzjoni
Il-Parlament Ewropew għandu jadatta l-organizzazzjoni u l-proċeduri tiegħu għal estensjoni tal-kompetenzi tiegħu. Qed jitħejjew diversi rapporti li ser jifformulaw rakkomandazzjonijiet dwar dan is-suġġett. |
|
1.6. Il-Parlament jaħtar il-President tal-Kummissjoni
Din l-elezzjoni tbiddel in-natura tal-ħatra tal-President tal-Kummissjoni. Il-ħatra tiegħu mill-Parlament Ewropew tagħti lill-President elett leġittimità demokratika kbira u ssaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fl-ambitu istituzzjonali tal-Unjoni.
It-Trattat jispeċifika li l-Kunsill Ewropew għandu jipproponi kandidat għall-Presidenza tal-Kummissjoni “b’kont meħud tal-elezzjonijiet għall-PE u wara li jkun wettaq il-konsultazzjonijiet adatti” (Art. 17(7) tat-TUE). Din id-dispożizzjoni tikkonferma u tifformalizza dak li, fil-fatt, sar fl-okkażjoni tal-ħatra tal-President tal-Kummissjoni fl-2004.
Id-dikjarazzjoni 11 (fl-Artikolu 17(6) u 7 tat-TUE) jippreċiża li “il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew għandhom ir-responsabbiltà komuni fit-tmexxija tajba tal-proċess li jwassal għall-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea. Bħala konsegwenza, xi membri tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew għandhom jipproċedu, qabel id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, biex iwettqu l-konsultazzjonijiet meħtieġa fil-qafas meqjus bħala l-aktar adattat. Dawn il-konsultazzjonijiet ikunu dwar il-profil tal-kandidati għal funzjoni ta’ President tal-Kummissjoni, b’kont meħud tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 17(7). Il-modalitajiet ta’ dawn il-konsultazzjonijiet jistgħu jkunu ppreċiżati, fil-waqt, bi ftehim komuni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew”.
Hemm għalhekk ċerta urġenza biex tkun stabbilita din il-proċedura. Dan id-dokument jippreżenta xi wħud minnhom (ara l-punt D).
1.7. Il-President, ir-Rappreżentant Għoli u l-membri l-oħrajn tal-Kummissjoni huma sottoposti, bħala kulleġġ, għal vot ta’ approvazzjoni min-naħa tal-Parlament.
Il-Parlament stabbilixxa f’rapport il-proċeduri għas-smigħ tal-kandidati għal kummissarji sabiex jarmonizzahom[4].
1.8. Il-Parlament għandu japprova l-proposti ta’ koperazzjoni msaħħa (Art. 329 TFUE).
|
Rakkomandazzjoni
L-irwol tal-Parlament fit-tnedija u speċjalment fil-funzjonament tal-koperazzjoni msaħħa jista’, f’fażi ulterjuri, ikun is-suġġett ta’ rapport ta’ inizjattiva min-naħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali. |
|
1.9. It-Trattat ta’ Liżbona jagħti lill-Parlament id-dritt ta’ inizjattiva fil-qasam tar-reviżjoni tat-Trattati.
Il-Parlament jista’, fuq l-istess bażi bħall-Kummissjoni jew kull Stat Membru, jippreżenta lill-Kunsill abbozzi dwar ir-reviżjoni tat-Trattati (Art. 48(2) TUE). Jekk deċiżjoni favorevoli għall-eżami tal-proposti tiġi kkunsidrata, tissejjaħ Konvenzjoni mill-President tal-Kunsill Ewropew, li fiha jipparteċipa l-Parlament. Il-Parlament għandu jipparteċipa fil-Konvenzjoni.
Il-Kunsill Ewropew jista’ jiddeċiedi li ma jsejjaħ l-ebda Konvenzjoni, iżda biex jagħmel dan għandu jikseb il-kunsens minn qabel tal-Parlament.
Min-naħa l-oħra, it-Trattat ma jgħid xejn dwar l-irwol tal-Parlament fl-iżvolġiment tal-KIG. Forsi jkun meħtieġ li l-istituzzjonijiet jippreċiżaw il-linji gwida ta’ din il-parteċipazzjoni, li għandha tinżamm tal-inqas fil-livell tal-aħħar KIG.
|
Rakkomandazzjoni
Din il-proċedura l-ġdida ta’ reviżjoni, li tagħti setgħa akbar lill-Parlament, tista’ f’fażi ulterjuri tkun is-suġġett ta’ rapport ta’ inizjattiva min-naħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali. Il-Parlament jista’ jissuġġerixxi li ftehim interistituzzjonali jippreċiża l-organizzazzjoni u l-iżvolġiment tal-Konferenzi Intergovernattivi, waqt li jippreċiża wkoll l-irwol tal-Parlament. |
|
2. Il-Kunsill Ewropew (art. 15 tat-TUE)
2.1. Il-Kunsill Ewropew isir istituzzjoni bis-saħħa tat-Trattat ta’ Liżbona
Dan ma kienx hekk fit-Trattat preċedenti. Xi wħud kienu jqisu l-Kunsill Ewropew bħala Kunsill ‘super’. Għalkemm jaħdem f’koperazzjoni mill-qrib mal-Kunsill – is-segretarjat tal-Kunsill kien jipprovdi s-servizzi ta’ segretarjat tal-Kunsill Ewropew – il-Kunsill Ewropew qatt ma kien formazzjoni tal-Kunsill.
Waqt li jagħmlu istituzzjoni u waqt li jipreċiża li l-Kunsill Ewropew m’għandux funzjoni leġiżlattiva, it-Trattat ta’ Liżbona jikkonferma u jsaħħaħ il-pożizzjoni ġenerali tal-Kunsill Ewropew fl-ambitu istituzzjonali. Dan huwa enfasizzat aktar fil-livell tal-Presidenza. Attwalment, il-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tikkoinċidi mal-Presidenza tal-Kunsill. It-Trattat jagħti lill-Kunsill Ewropew Presidenza stabbli u distinta minn dik tal-Kunsill.
Huwa għalhekk meħtieġ li l-istituzzjoni l-ġdida tingħata baġit speċifiku għaliha, kif huwa l-każ għall-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-Unjoni. Probabbilment ser ikun introdotti proposti fil-baġit għall-2010.
It-Trattat jipprevedi li s-servizzi tas-segretarjat ser jiġu pprovduti mis-segretarjat tal-Kunsill (Art. 235(5) TFUE). Għalhekk mhux ser ikun hemm amministrazzjoni ġdida. Jidher madankollu indikat li fil-baġit tal-Kunsill Ewropew ser jiżdied uffiċċju għas-servizz tal-President tal-Kunsill Ewropew, li jista’ jkun organizzat, bl-adattamenti meħtieġa, bħal dak tal-President tal-Parlament Ewropew.
Is-segretarjat tal-Kunsill, li jassumi wkoll is-segretarjat tal-Kunsill Ewropew, fil-fatt ser ikollu rwol importanti fir-relazzjoni bejn il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill. Ser ikun speċi ta’ ‘interfaċċja’.
2.2. Kompożizzjoni
Il-Kunsill Ewropew huwa kompost mill-kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern, kif ukoll mill-President tiegħu u mill-President tal-Kummissjoni. Jipparteċipa fil-ħidma r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin.
It-Trattat ta’ Liżbona jimmodifika l-kompożizzjoni tal-Kunsill Ewropew. It-Trattat attwali jistipula li l-Membri tal-Kunsill Ewropew huma assistiti mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tagħhom. It-Trattat ta’ Liżbona jistipula li l-Membri tal-Kunsill Ewropew jistgħu jiddeċiedu li jkunu assistiti minn ministru. Għalhekk dan mhuwiex awtomatiku (il-Kunsill Ewropew jista’ jiddeċiedi każ b’każ).
Meta titqies iż-żieda fin-numru ta’ Stati Membri, ikun preferibbli, għall-funzjonament tajjeb tal-Kunsill Ewropew, li fuq il-mejda tal-konferenzi jkun hemm il-membri tal-Kunsill Ewropew, waqt li l-mistednin ipoġġu fuq wara.
2.3. Missjoni ġenerali
Il-Kunsill Ewropew għandu l-missjoni li jagħti lill-Unjoni l-impetus meħtieġ għall-iżvilupp tagħha u biex jiddefinixxi d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet tal-politika ġenerali tagħha. It-Trattat jenfasizza li l-Kunsill Ewropew ma jeżerċitax funzjonijiet leġiżlattivi[5].
Id-definizzjoni tal-missjoni ġenerali tal-Kunsill Ewropew hija identika għal dik taħt it-Trattat preżenti. Il-preċiżazzjoni espliċita li l-Kunsill Ewropew m’għandux funzjonijiet leġiżlattivi ddaħħlet mill-Konvenzjoni u wara waqt il-KIG bl-iskop li tkun evitata konfużjoni bejn il-funzjoni tal-Kunsill Ewropew u dik tal-Kunsill.
2.4. Kompetenzi speċifiċi
Barra l-missjoni ġenerali ta’ impetus, it-Trattat ta’ Liżbona jagħti lill-Kunsill Ewropew irwol importanti fil-qasam tal-politika barranija u tas-sigurtà komuni, u jinkarigah b’kompiti istituzzjonali importanti. Dawn tal-aħħar kienu fdati, fit-Trattat preċedenti, ‘lill-Kunsill imlaqqa’ fil-livell tal-kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern’. Din il-formolazzjoni ma tidhirx aktar fit-Trattat ta’ Liżbona.
Bħala prinċipju, il-Kunsill Ewropew jiddeċiedi b’konsensus, li huwa kunċett aktar wiesa’ minn dak tal-unanimità. Għall-kompiti speċifiċi t-Trattat ta’ Liżbona jistabbilixxi liema hija l-maġġoranza speċifika li trid tintlaħaq biex il-Kunsill Ewropew jieħu d-deċiżjoni; f’dawn il-każijiet, il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni ma jipparteċipawx fil-vot.
2.4.1. Skont it-Trattat, il-Kunsill Ewropew jieħu deċiżjonijiet ta’ natura kostituzzjonali.
2.4.1.1. Deċiżjonijiet b’mod unanimu:
– Kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew (Art. 14(2) tat-TUE)
– Sistema ta’ rotazzjoni għall-ħatra tal-Kummissarji. Kompożizzjoni tal-Kummissjoni mill-1 ta’ Novembru 2014 (Art. 16(9) tat-TUE)
– Modifika tar-regoli għall-vot fi ħdan il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (protokoll, Art. 40(2))
– Ħolqien u estensjoni tal-kompetenzi tal-Uffiċċju Ewropew tal-Prosekutur Pubbliku (Art. 86(4) TFUE)
– Applikazzjoni tal-klawsoli “passarella”: li nbidlet minn unanimità għall-maġġoranza kkwalifikata (approvazzjoni min-naħa tal-Parlament Ewropew) jew mill-proċedura leġiżlattiva speċjali għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja (approvazzjoni mill-Parlament Ewropew (Art. 48(7) tat-TUE)[6];
– Modifika totali jew parzjali tat-tielet parti “il-politiki u l-azzjonijiet interni tal-Unjoni” tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (approvazzjoni minn parti mill-Istati Membri) (Art. 48(6) TUE)
2.4.1.2. Deċiżjonijiet b’maġġoranza kkwalifikata:
– Formazzjoni tal-Kunsill (Art. 236 tat-TFUE)
– Rotazzjoni tat-Trojka li tifforma l-Presidenza tal-Kunsill (Art. 236 tat-TFUE)
2.4.2. “Il-Kunsill Ewropew jidentifika l-interessi u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni” (Art. 22 tat-TUE). “Il-Kunsill Ewropew jidentifika l-interessi strateġiċi tal-Unjoni, jistabbilixxi l-objettivi u jiddefinixxi d-direzzjonijiet ġenerali, anke għall-kwistjonijiet li għandhom implikazzjonijiet fi kwistjoni ta’ difiża” (Art. 26 tat-TUE). Fiż-żewġ każijiet il-Kunsill Ewropew jista’ jieħu deċiżjonijiet, li madankollu ma jistgħux ikunu atti leġiżlattivi.
Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat rigward l-azzjoni esterna tal-Unjoni huma analizzati fil-punt F hawn taħt.
2.4.3. “Il-Kunsill Ewropew jiddefinixxi d-direzzjonijiet strateġiċi tal-ipprogrammar leġiżlattiv u operattiv f’żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja” (b’konsensus) (Art. 68 tat-TFUE)
Kuntrarju għal dak li jseħħ fil-qasam tal-politika barranija komuni, mhux bilfors hemm relazzjoni mill-qrib bejn il-ħidma tal-Kunsill Ewropew u dik tal-Kunsill.
2.4.4. Il-Kunsill Ewropew jista’ jwaqqaf il-proċess leġiżlattiv fl-ambitu ta’ emergency brake rigward is-sigurtà soċjali (Art. 48 tat-TFUE) u fl-ambitu tal-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet penali (Art. 82 tat-TFUE u 83 tat-TFUE).
F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil fi ħdan il-Kunsill Ewropew, il-proċedura titwaqqaf de facto. Din l-oppożizzjoni tista’ ssir fuq il-prinċipju li l-Kunsill Ewropew m’għandux setgħa leġiżlattiva.
Fil-każ tal-Artikoli 82 u 83 tat-TFUE, huwa possibbli, fi kwistjonijiet tal-ĠAI, li tinbeda koperazzjoni msaħħa bi proċedura simplifikata[7].
2.4.5. Il-Kunsill Ewropew jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata:
– Il-ħatra tal-President tiegħu (Art. 16 (5) tat-TUE)
– Il-proposta tal-President tal-Kummissjoni lill-Parlament (Art. 17 (7) tat-TUE)
– In-nomina tal-Kummissjoni wara l-approvazzjoni, min-naħa tal-Parlament, tal-lista tal-Kummissarji proposti mill-Kunsill Ewropew bi qbil mal-President tal-Kummissjoni (elett mill-Parlament) (Art. 17(7) tat-TUE)
– In-nomina tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u għall-politika ta’ sigurtà bi qbil mal-President tal-Kummissjoni. Din in-nomina hija approvata mill-Parlament fl-ambitu tal-approvazzjoni tal-lista tal-Kummissarji proposti. (Art. 18(1) tat-TUE)
– In-nomina tal-membri tal-Bord tal-Bank Ċentrali Ewropew (Art. 283(2) tat-TFUE)
2.4.6. Il-Kunsill Ewropew jadotta r-regolament tal-ordni interna tiegħu b’maġġoranza sempliċi (Art. 235(3) TFUE).
Ta’ min jinnota li dan ir-regolament jistabbilixxi wkoll il-proċeduri għar-relazzjoni bejn il-Kunsill Ewropew u l-Parlament u, b’mod aktar partikolari, il-proċeduri għall-parteċipazzjoni tal-President tal-Parlament fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew.
2.5. Il-Presidenza
2.5.1. Il-Kunsill Ewropew jeleġġi l-President tiegħu b’maġġoranza kkwalifikata għal perjodu ta’ sentejn u nofs, li jista’ jiġġedded darba.
It-tul ta’ żmien totali (possibbli) tal-mandat tal-President jikkoinċidi ma’ dak tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni. Ikun importanti (minħabba r-rabta politika inevitabbli tal-funzjonijiet differenti) li anke l-bidu tal-mandat jikkoinċidi.
Il-President tal-Kunsill ma jistax jaqbeż il-limitu tal-mandat nazzjonali. Madanakollu, it-Trattat ma jeskludix li huwa jista’ jeżerċita mandat ewropew ieħor. B’dan il-mod, il-Konvenzjoni riedet espliċitament tħalli miftuħa t-triq b’mod li l-President tal-Kummissjoni jista’ jeżerċita l-funzjoni ta’ President tal-Kunsill Ewropew. Min-naħa l-oħra, it-Trattat ma laqax is-suġġeriment li l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tkun riżervata għal Prim Ministru li jkun ipparteċipa tal-inqas għal sentejn fil-ħidmiet tal-Kunsill Ewropew. Il-firxa tal-kandidati possibbli għall-Presidenza tal-Kunsill Ewropew hija għalhekk wiesgħa ħafna.
2.5.2. L-ewwel missjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew hija li jippresjedi u janima l-Kunsill Ewropew, billi jassigura l-preparazzjoni u l-prosegwiment, u jiffaċilita l-koeżjoni u l-konsensus (Art. 15(6) tat-TUE).
Skont id-definizzjoni tat-Trattat, il-missjoni tal-President hija li jippresjedi (chair) il-Kunsill Ewropew. Għal kuntrarju ta’ kif xtaqu xi wħud, il-President tal-Kunsill Ewropew mhux il-President tal-Unjoni. L-elezzjoni tiegħu mill-Kunsill Ewropew biss ma tagħtihx il-leġittimità demokratika li jirrikjedi President tal-Unjoni.
Il-funzjoni tiegħu hija wkoll distinta b’mod ċar mill-Presidenza tal-Kunsill.
Il-preparazzjoni u l-prosegwiment tal-Kunsill Ewropew jeħtieġu l-organizzazzjoni ta’ kuntatti regolari bejn il-President tal-Kunsill Ewropew mal-President tal-Kummissjoni u l-President tal-Kunsill għall-“Affarijiet Ġenerali”. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun inkluż ukoll. Huwa indikat li dawn il-kuntatti jkunu strutturati.
2.5.3. Il-President tal-Kunsill Ewropew jirrapporta lill-Parlament Ewropew wara kull laqgħa tal-Kunsill Ewropew (Art. 15(6) tat-TUE).
Din id-dispożizzjoni tikkonferma t-tradizzjoni. Madankollu l-Parlament għandu joqgħod attent għall-fatt li l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tkun distinta minn dik tal-Kunsill. Il-ħidmiet tal-Kunsill, li, flimkien mal-Parlament huwa ko-leġiżlatur, għall-Parlament għandhom l-istess importanza bħal dawk tal-Kunsill Ewropew. Anke jekk mhuwiex espliċitament previst fit-Trattat, huwa possibbli li tkun mistiedna l-Presidenza tal-Kunsill fil-persuna ta’ Prim Ministru biex tirrappreżenta lill-Parlament Ewropew il-programm individwali tagħha fil-bidu tal-mandat u li l-Presidenza tkun ivvalutata fit-tmiem tal-mandat.
2.5.4. “Il-President tal-Kunsill Ewropew jassigura, fil-livell u fil-pożizzjoni tiegħu, ir-rappreżentanza barranija tal-Unjoni rigward il-politika barranija u tas-sigurtà komuni, mingħajr ma jinterferixxi fil-kompiti tar-Rappreżentant Għoli” (Art. 15(6) tat-TUE).
Din id-dispożizzjoni tikkonferma, f’kuntest differenti, il-prattika attwali. Effettivament, il-Prim Ministru tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, bħalissa jwettaq din ir-rappreżentazzjoni assistit mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tiegħu. Ta’ min wieħed jinnota li l-ebda persuna minn dawn it-tnejn fil-futur mhu se jkollha rwol ta’ rappreżentanza barranija.
Ir-rappreżentanza barranija li jassumi l-President tal-Kunsill Ewropew hija limitata għall-politika barranija u ta’ sigurtà komuni. Il-Kummissjoni tassigura r-rappreżentanza fl-oqsma l-oħrajn tal-azzjoni esterna tal-Unjoni (marbutin mal-kompetenzi Komunitarji).
Sabiex ikun evitat nuqqas ta’ ftehim, jew kunflitti ta’ kompetenzi, għandu jiġi ċċarat, fl-ambitu tal-politika barranija u tas-sigurtà komuni, xi tfisser “rappreżentanza fil-livell u fil-kwalità tiegħu” li biha huwa inkarigat il-President tal-Kunsill Ewropew u dan mingħajr preġudizzju għall-kompiti tar-Rappreżentant Għoli, li huwa assenjat kompetenzi kbar ta’ rappreżentanza mill-Artikolu 27(2).
2.5.5. Wieħed għandu jinnota li l-Prim Ministru tal-Istat Membru li jassumi l-Presidenza tal-Kunsill m’għandux, skont it-Trattat, xi rwol speċifiku fil-Kunsill Ewropew, waqt li qabel il-kompitu prinċipali tiegħu kien il-Presidenza tal-Kunsill Ewropew. Uħud jissuġġerixxu li din il-lakuna tiġi solvuta billi tingħatalu l-Presidenza tal-Kunsill għall-“Affarijiet Ġenerali”, li huwa mogħti rwol importanti mit-Trattat fil-preparazzjoni u fil-prosegwiment tal-Kunsill Ewropew. Dan ikun jippermetti lill-Prim Ministru tal-pajjiż li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill li jipprepara l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u l-prosegwiment tagħhom, bi qbil mal-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni.
2.5.6. Il-President tal-Kunsill Ewropew isejjaħ, b’deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, Konvenzjoni u/jew KIG għall-finijiet ta’ modifika tat-Trattati. (Art.48 (2) TUE).
It-Trattat ma jistabbilixxix jekk il-President tal-Kunsill Ewropew għandux rwol f’dan ir-rigward jew le.
Fil-passat, il-President tal-Konvenzjoni kien maħtur kemm mill-Konvenzjoni kif ukoll mill-Kunsill Ewropew. F’kull każ, l-irwol tal-President kien importanti ħafna. Huwa mixtieq li tinżamm Presidenza ad hoc.
Il-KIG bħalissa hija mmexxija mill-Presidenza tal-Kunsill li qed tippresjedi wkoll il-Kunsill Ewropew. Għalkemm dan mhuwiex speċifikat fit-Trattat, xejn ma jżomm lill-Kunsill Ewropew milli jistieden lill-President tal-Kunsill Ewropew biex jippresjedi l-KIG. Bl-istess mod, mhuwiex inkompatibbli mat-Trattat il-ġdid jekk il-Presidenza tal-Kunsill tkompli tippresjedi KIG.
|
Rakkomandazzjoni
Il-Parlament jista’ jipproponi lill-Kunsill Ewropew li jifformalizza bi ftehim interisitituzzjonali l-irwol tal-Parlament Ewropew fi ħdan KIG. Madankollu, għandu jkun aċċertat li dan l-irwol ma jkunx inqas mil-livell ta’ parteċipazzjoni diġà milħuq mill-Parlament Ewropew waqt l-aħħar KIG. |
|
3. Il-Kunsill (Art. 16 tat-TUE)
3.1. Il-Kunsill jeżerċita, b’mod konġunt mal-Parlament Ewropew, il-funzjonijiet leġiżlattivi u baġitarji.
It-Trattat jattribwixxi espliċitament lill-Kunsill l-irwol ta’ kamra leġiżlattiva fuq l-istess livell tal-Parlament Ewropew. Din hija l-konsegwenza loġika tal-ġeneralizzazzjoni tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni.
Il-konsegwenza loġika ta’ din is-sitwazzjoni l-ġdida hija li l-Parlament għandu jkollu l-istess privileġġi tal-Kunsill f’relazzjoni mal-ħidmiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni; Wieħed għandu jaħseb per eżempju dwar il-parteċipazzjoni f’ċerti gruppi ta’ ħidma u fl-aċċess għal dokumenti partikolari.
Bl-istess loġika, it-Trattat jistipula li l-Kunsill huwa miftuħ għall-pubbliku meta jiddelibera u jivvota dwar abbozz leġiżlattiv.
3.2. Il-Kunsill fil-prinċipju jilleġiżla b’maġġoranza kkwalifikata ħlief f’każijiet fejn it-Trattat jgħid mod ieħor.
It-Trattat jinkludi bosta klawsoli “passerella” li jħallu lill-Kunsill Ewropew (b’mod unanimu) jippermetti lill-Kunsill biex jgħaddi f’każijiet speċifikati mill-maġġoranza kkwalifikata u mill-proċedura leġiżlattiva speċjali għall-proċedura normali. Anke jekk il-klawsoli passerella kienu ftit jew xejn utilizzati, l-eżistenza tagħhom tindika is-sens tal-evoluzzjoni mixtieqa mill-Istati Membri fil-kuntest tal-KIG.
3.3. Il-Kunsill jiltaqa’ taħt formazzjonijiet differenti. Huwa l-Kunsill Ewropew li jadotta l-lista.
Madankollu, it-Trattat isemmi tnejn: il-Kunsill “Affarijiet Ġenerali” u l-Kunsill “Affarijiet Barranin” (Art. 16(6) tat-TUE). Din mhijiex kumbinazzjoni. It-Trattat ried jenfasizza li dawn iż-żewġ formazzjonijiet għandhom irwol ċentrali fil-funzjonament tal-Kunsill. It-Trattat jagħti lil kull waħda miż-żewġ formazzjonijiet missjoni speċifika.
Bħalissa l-Kunsill “Affarijiet Ġenerali” u l-Kunsill “Affarijiet Barranin” huma t-tnejn komposti mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin. Wara l-introduzzjoni tal-politika barranija komuni fit-Trattat ta’ Maastricht, l-attività tal-Kunsill “Affarijiet Barranin” saret aktar fid-deher minn dik tal-Kunsill “Affarijiet Ġenerali”. Il-Konvenzjoni riedet tenfasizza l-irwol prinċipali tal-Kunsill “Affarijiet Ġenerali” fl-isfera istituzzjonali l-ġdida.
3.3.1. Il-missjoni tal-Kunsill “Affarijiet Ġenerali” hija essenzjali għall-ekwilibriju istituzzjonali l-ġdid. Huwa għandu tliet kompiti:
– Jikkontrolla l-koerenza tal-ħidmiet u tal-attività tal-Kunsill fid-diversi formazzjonijiet tal-Kunsill.
– Jikkoordina l-ħidmiet tal-Kunsill ma’ dawk tal-Kummissjoni u tal-Parlament Ewropew.
– Jipprepara u jiżgura s-segwitu tal-Kunsill Ewropew b’rabta mal-Presidenti rispettivi tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni.
Barra minn hekk, il-Kunsill “Affarijiet Ġenerali” għandu wkoll id-dossier proprji tiegħu: kwistjonijiet istituzzjonali, dossier orizzontali li jirrigwardaw diversi linji politiċi bħal per eżempju t-tkabbir.
Jista’ jiġri wkoll li l-Kunsill “Affarijiet ġenerali” ikun inkarigat bl-approvazzjoni tal-baġit u tal-prospettivi finanzjarji pluriennali.
Fil-fatt, il-Kunsill “Affarijiet ġenerali” għandu jkun l-ekwivalenti tal-Coreper fuq livell politiku. Għandu, fil-kuntest tal-funzjoni tiegħu ta’ koordinatur, jelimina l-punti taħt diskussjoni li bħalissa, minħabba l-Kunsill “Affarijiet Ġenerali”, faċilment jerġgħu jgħaddu lura għand il-Kunsill Ewropew.
3.3.2. Il-Kunsill “Affarijiet Barranin” huwa inkarigat mit-totalità tal-azzjonijiet barranin tal-Unjoni u mhux unikament tal-PBSK.
Hemm problema speċifika fir-rigward tal-politika tas-sigurtà komuni. It-Trattat jippreċiża (Art. 42 tat-TUE) li l-politika tas-sigurtà u tad-difiża komuni hija parti integrali mill-PBSK. Għalhekk mhuwiex indikat li tinħoloq formazzjoni speċifika tal-Kunsill għas-sigurtà u għad-difiża. Huwa preferibbli, kif jiġri bħalissa, li l-Ministri tad-Difiża jkunu mistednin fil-Kunsill “Affarijiet Barranin”, minħabba li r-Rappreżentant Għoli huwa inkarigat miż-żewġ linji politiċi. Għalhekk, id-dikjarazzjoni 9 (fl-Artikolu 16(9)) tistabbilixxi li l-Presidenza tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà tkun assunta minn rappreżentant tar-Rappreżentant Għoli.
3.3.3. 3.3.3. Sakemm il-Kunsill “Affarijiet Ġenerali” u l-Kunsill “Affarijiet Barranin” għandhom missjonijiet ferm differenti, huwa indikat li għandha ssir distinzjoni bejn il-kompożizzjonijiet tagħhom. Għalkemm huwa ċar li l-Ministri tal-Affarijiet Barranin huma parti mill-Kunsill “Affarijiet Barranin”, huwa inqas ċar li huma wkoll membri tal-Kunsill “Affarijiet Ġenerali” kif jiġri issa (minħabba raġunijiet storiċi). L-attività tal-Kunsill “Affarijiet Barranin” tant kibret li mhijiex soluzzjoni realistika li ż-żewġ Kunsilli jamalgamaw. Wieħed jittama li l-gvernijiet tal-Istati Membri jikkunsidraw il-konsegwenzi.
L-istess Prim Ministru jista’ bl-istess mod ikollu rwol fil-Kunsill “Affarijiet Ġenerali”, b’mod aktar partikolari fil-preparazzjoni tal-Kunsill Ewropew li għalih pajjiż jeżerċita l-Presidenza tal-Kunsill. B’hekk ikun jista’ – bl-istess mod bħall-President tal-Kummissjoni – jikkoopera fil-preparazzjoni u fil-kontinwità tal-ħidmiet tal-Kunsill Ewropew.
3.4. Il-presidenza tal-formazzjonijiet tal-Kunsill (ħlief għall-Kunsill “Affarijiet barranin”) hija assigurata mir-rappreżentanti tal-Istati membri skont is-sistema ta’ rotazzjoni ugwali għal kulħadd.
Mal-ewwel daqqa t’għajn it-Trattat ta’ Liżbona jikkonferma s-sitwazzjoni eżistenti. Madankollu l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew rigward id-dħul fis-seħħ ta’ ċertu numru ta’ artikoli tat-Trattat, b’mod speċjali d-dikjarazzjoni 9 (fl-Artikolu 16(9)), tinkludi speċifikazzjoni importanti: il-Presidenza hija assunta minn gruppi predeterminati ta’ tliet Stati Membri. Għall-kuntrarju tat-Trojka preżenti, li tipprevedi li kull sitt xhur joħroġ pajjiż u jidħol ieħor, hemm involut kif previst mit-Trattat ta’ Liżbona li jkun hemm grupp stabbli ta’ 18-il xahar.
Naturalment, id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tistabbilixxi li dawn il-gruppi ser ikunu komposti waqt li jitqiesu d-diversitajiet u l-bilanċi ġeografiċi u demografiċi.
It-Trojka tista’ telabora, flimkien mal-Kummissjoni u mal-Parlament fil-qafas tal-programm pluriennali għal perjodu ta’ 18-il xahar, u dan biex tkun assigurata kontinwità akbar fix-xogħol (ara E hawn taħt).
|
Rakkomandazzjoni
Il-Parlament għandu jistieden lill-Prim Ministri tal-pajjiżi membri li jifformaw it-Trojka biex jippre¿entaw il-programm tagħhom għal 18-il xahar. Matul it-18-il xahar il-Prim Ministru tal-pajjiż li jeżerċita l-Presidenza jippreżenta lill-Parlament Ewropew fil-bidu u fit-tmiem tal-Presidenza dak li jkun twettaq mill-Presidenza tiegħu. |
|
3.5. Protokoll ġdid jistabbilixxi l-eżistenza tal-Ewrogrupp, mogħni bi Presidenza stabbli għal sentejn u nofs.
Il-Presidenza hija eletta mill-grupp. Il-Presidenza tal-Ewrogrupp għandha bħala prijorità tikkontrolla l-informazzjoni u l-koordinazzjoni mal-Kunsill ECOFIN. Huwa probabbli li tkun mistiedna fil-Kunsill Ewropew meta tiġi indirizzata l-politika ekonomika u monetarja.
Bl-użu tat-termini “dispożizzjonijiet partikolari għal djalogu msaħħaħ” dan il-protokoll jista’ jkun mudell fil-qafas tal-koperazzjoni msaħħa. Dan jgħodd ukoll għad-dispożizzjonijiet proprji għall-Istati li l-munita tagħhom hija l-euro. Id-“dispożizzjonijiet proprji għall-Istati li l-munita tagħhom hija l-euro” huma miġburin fil-kapitolu 4 tat-Titolu VIII (TFUE): “Politika ekonomika u monetarja”.
Wieħed għandu jinnota li d-dispożizzjonijiet jippermettu lill-Ewrogrupp li jadotta “miżuri adatti biex jassigura rappreżentanza magħquda fi ħdan l-istituzzjonijiet u konferenzi finanzjarji internazzjonali” (Art. 138(2) tat-TFUE).
4. Il-Kummissjoni (Art. 17 TUE)
4.1. It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (Art. 17 TUE) jikkonferma, filwaqt li jispjega iktar it-Trattat attwali, il-missjoni u l-kompiti tal-Kummissjoni. Huwa jikkonferma u jispjega l-prattika li ġiet żviluppata.
Huwa importanti ħafna li t-Trattat jagħti espliċitament lill-Kummissjoni l-kompitu li tibda l-ipprogrammar annwali u pluriennali tal-Unjoni u jissuġġerixxi li din tieħu ħsieb il-ftehimiet internazzjonali. Meta tiġi kkunsidrata l-estensjoni tal-kompetenzi Komunitarji, b’mod aktar partikolari rigward materji tal-ĠAI, ser ikun kruċjali l-fatt li l-Kummissjoni l-ġdida tifformula sa mill-mument tal-ħatra tagħha programm ta’ leġiżlatura. (cf. E)
It-Trattat jagħti wkoll lill-Kummissjoni l-missjoni ta’ rappreżentanza fl-oqsma tal-kompetenza tagħha. U għalhekk, wara l-President tal-Kunsill Ewropew u tar-Rappreżentant Għoli, hija t-tielet waħda li tirrappreżenta lill-Unjoni. Huwa ċar li dan jeħtieġ koordinazzjoni.
L-Artikolu 17(2) TUE jikkonferma d-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni fil-livell leġiżlattiv, li f’termini attwali, fil-prattika żżomm il-kważi monopolju tagħha.
4.2. Id-dispożizzjoni prinċipali ġdida tat-Trattat ta’ Liżbona dwar il-Kummissjoni hija dwar il-kompożizzjoni tagħha. Sa mill-1 ta’ Novembru 2014, il-Kummissjoni għandha tinkludi numru ta’ membri li jikkorrispondu għal 2/3 tan-numru ta’ Stati Membri.
Il-Parlament Ewropew, sa mill-KIG tal-2004, ikkunsidra li t-tnaqqis fin-numru tal-Kummissarji huwa riforma essenzjali li sfortunatament mhux ser tidħol fis-seħħ qabel l-2014.
Fil-fatt, il-Parlament Ewropew ikkunsidra li t-tnaqqis fin-numru tal-membri tal-Kummissjoni kien meħtieġ biex tiġi salvagwardjata n-natura kolleġjali tal-Kummissjoni.
Madankollu l-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2008, filwaqt li fakkar li t-Trattati fis-seħħ kienu jesiġu t-tnaqqis fin-numru tal-membri tal-Kummissjoni fis-sena 2009, ġie deċiż li biex it-Trattat ta’ Liżbona jidħol fis-seħħ, għandha tittieħed deċiżjoni, li tkun konformi mal-proċeduri ġuridiċi meħtieġa, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tkompli tinkludi rappreżentant minn kull Stat Membru.
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2008 ifakkru b’mod ċar li jekk it-Trattat ta’ Liżbona ma jiġix irratifikat jibqa’ jgħodd l-Artikolu 213 tat-Trattat ta’ Nizza.
4.3. It-Trattat ta’ Liżbona jsaħħaħ l-irwol tal-President tal-Kummissjoni li, trattat wara trattat, evolva minn “primus inter pares” għal “president” veru tal-kulleġġ. Il-ftehim li ntlaħaq fil-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2008 li jkollu kummissarju għal kull Stat Membru għandu jikkontribwixxi biex isaħħaħ dejjem aktar l-irwol tal-President. Għalhekk, it-Trattat jissottolinja li huwa l-President li jiddeċiedi l-organizzazzjoni interna tal-Kummissjoni. Huwa għandu jaqbel mal-ħatra tar-Rappreżentant Għoli. Il-Kummissarji għandhom jitilqu fuq talba tiegħu. It-Trattat ta’ Liżbona jsaħħaħ il-leġittimità tiegħu minħabba l-elezzjoni mill-Parlament Ewropew u minħabba li l-Kunsill Ewropew, qabel ma jinnomina l-kandidat tiegħu huwa obbligat li jikkunsidra r-riżultati tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Il-President tal-Kummissjoni għandu jkollu leġittimità demokratika vera. Xi wħud iqisu li l-partiti politiċi jistgħu jsaħħu din il-leġittimità billi jippreżentaw il-kandidat tagħhom għal President waqt il-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Konklużjonijiet
Wara t-Trattat ta’ Liżbona, l-istituzzjonijiet politiċi tal-Unjoni għandhom ifittxu ekwilibriju interistituzzjonali ġdid.
It-Trattat jikkonferma u jisħaq dwar il-fatt li l-Unjoni taħdem skont il-prinċipji ta’ sistema parlamentari.
Il-Parlament Ewropew ser jipparteċipa bis-sħiħ fil-ħidma leġiżlattiva permezz tal-ġeneralizzazzjoni tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni. Is-setgħa leġiżlattiva tiegħu ser testendi wkoll fl-oqsma tal-ĠAI. Ser ikollu kompetenza sħiħa fil-baġit, almenu fir-rigward tal-ispejjeż. Il-Parlament Ewropew ser ikun involut fl-azzjoni esterna tal-Unjoni.
Il-Kunsill Ewropew għandu jsir istituzzjoni. Għandu jsib postu ġewwa l-ekwilibriju istituzzjonali mal-istituzzjonijiet li diġà jeżistu, l-aktar għaliex ma jipparteċipax fil-ħidma leġiżlattiva, li għandha tkun kompetenza esklussiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni. Il-Kunsill Ewropew għandu jkollu rwol importanti ta’ impetus u għandu jiddefinixxi l-interessi u l-objettiv strateġiku tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.
Il-Kunsill għandu jkun, fuq l-istess livell mal-Parlament Ewropew, kamra leġiżlattiva; anzi, għandu jkollu wkoll setgħat leġiżlattivi aktar wesgħin meta mqabbel mal-Parlament Ewropew speċjalment fil-qasam tal-baġit, u għandu jkollu rwol essenzjali fil-qasam tal-PBSK. Ta’ min jissottolinja r-rwol kruċjali tal-Kunsill “Affarijiet Ġenerali” rigward il-koordinazzjoni.
Għalkemm l-għan kien li l-Presidenza tal-Kunsill tikseb iżjed stabbiltà u ssir aktar sempliċi, it-Trattat jesponi kumplessità akbar li għandha tkun indirizzata. Fil-futur ser ikun hemm tliet Presidenzi stabbli (Kunsill Ewropew, Kunsill “Affarijiet Barranin” u Kummissjoni), li magħhom iridu jiżdiedu l-President tal-Ewrogrupp u t-Trojka Presidenzjali fuq sistema ta’ rotazzjoni għall-Kunsill. Ir-relazzjoni u l-ftehim bejn ir-responsabbli għal dawn il-funzjonijiet ser ikunu determinanti għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni. Wieħed jittama li din il-kollaborazzjoni tkun bejn wieħed u ieħor strutturata.
C. Relazzjonijiet interistituzzjonali
1. Għall-organizzazzjoni tajba tar-relazzjonijiet bejn id-diversi istituzzjonijiet tal-Unjoni, huwa importanti li t-Trattat (Art. 295 tat-TFUE) joffri bażi legali għall-konklużjoni tal-ftehimiet interistituzzjonali. It-Trattat jipprevedi li dawn il-ftehimiet jistgħu wkoll ikunu ta’ natura vinkolanti.
2. L-ipprogrammar pluriennali u annwali tal-ħidmiet leġiżlattivi u baġitarji huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tar-relazzjonijiet interistituzzjonali. It-trattat espliċitament jitlob lill-Kummissjoni biex tibda l-programmazzjoni annwali u pluriennali. It-trattat jimplika li din il-programmazzjoni twassal għal ftehim interistituzzjonali. Ir-rapport jissuġġerixxi (ara l-punt E) li tkun finalizzata ftehim ta’ qafas bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament, kif previst fl-Artikolu 17(1) tat-TUE.
3. It-Trattat tal-Unjoni Ewropea jiddefinixxi l-missjonijiet tal-Parlament Ewropew (Art. 14) u tal-Kunsill (Art. 16) kważi fl-istess termini, u b’hekk jissottolinja il-“bikameraliżmu” tas-sistema Parlamentari tal-Unjoni Ewropea. Bħala konsegwenza, huwa possibbli li jintlaħaq ftehim għad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, l-aċċess għall-informazzjoni u l-parteċipazzjoni fil-gruppi ta’ ħidma.
4. Minħabba li l-Kunsill Ewropew isir istituzzjoni differenti, ir-relazzjonijiet interistituzzjonali (l-aktar mal-Kunsill) ser ikunu soġġetti għal tibdil. Din ir-relazzjoni kienet influwenzata ħafna mill-fatt li l-Kunsill Ewropew u l-Kunsill kellhom l-istess presidenza. It-Trattat ta’ Liżbona jistipula presidenza distinta għal kull waħda miż-żewġ istituzzjonijiet.
4.1. Il-Kunsill Ewropew jaħtar il-Presidenza tiegħu b’maġġoranza kkwalifikata, għal perijodu ta’ sentejn u nofs, li jista’ jiġġedded darba biss. Il-President tal-Kunsill Ewropew jassigura t-tħejjija u l-kontinwazzjoni tal-ħidmiet tal-Kunsill Ewropew f’koperazzjoni mal-President tal-Kummissjoni u abbażi tal-ħidmiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali.
4.2. It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jorganizza mill-ġdid il-Presidenza tal-Kunsill.
4.2.1. Abbażi tal-Artikolu 1 tal-Abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (stqarrija 9) il-Presidenza tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tal-formazzjoni tal-Affarijiet Barranin, hija assigurata minn gruppi predeterminati ta’ tliet Stati Membri (Trojka) għal perijodu ta’ 18-il xahar. Kull membru tal-grupp jassigura, għal perijodu ta’ sitt xhur, il-Presidenza tal-formazzjonijiet kollha tal-Kunsill (bl-eċċezzjoni tal-Kunsill “Affarijiet Barranin”) u tal-Coreper.
It-Trojka hija element ġdid, u tista’ tikkontribwixxi biex tagħti kontinwità ikbar lill-ħidma leġiżlattiva.
4.2.2. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin jippresjedi l-Kunsill “Affarijiet Barranin”.
Konklużjoni: il-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni u l-Kunsill “Affarijiet Ġenerali” għandhom presidenza stabbli għat-tul ta’ żmien kollu tal-leġiżlatura. Il-Presidenza tal-Kunsill għandha sistema ta’ rotazzjoni.
5. Presidenza tal-Kunsill b’sistema ta’rotazzjoni għandha r-riskju li tkun f’pożizzjoni ta’ dgħufija meta mqabbla ma’ tliet presidenzi stabbli. Din mhijiex l-intenzjoni tat-Trattat, anki jekk tista’ tkun il-konsegwenza tiegħu. Dgħufija tal-Presidenza tista’ twassal għal dgħufija tal-Kunsill. L-irwol tal-Presidenza tal-Kunsill huwa importanti kemm għall-koordinazzjoni tal-ħidmiet tal-Kunsill, kif ukoll għall-koordinazzjoni u l-kodeċiżjoni mal-Parlament u għall-parteċipazzjoni tal-Kunsill Ewropew. Minn meta l-kodeċiżjoni tkun ġeneralizzata, huwa fl-interess tal-Parlament li l-Kunsill ikun organizzat sewwa.
6. It-Trattat jissottolinja l-irwol kruċjali tal-Kunsill “Affarijiet Ġenerali” u tal-Presidenza tiegħu fil-koordinazzjoni tal-ħidmiet tal-Kunsill. Il-Kunsill “Affarijiet Ġenerali” għandu rwol fundamentali kemm fil-koordinazzjoni interna tal-Kunsill kif ukoll għar-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet l-oħrajn. Huwa l-ekwivalenti politiku tal-Coreper. Għandu wkoll jirkupra rwol importanti fis-soluzzjoni tal-kunflitti fi ħdan il-Kunsill, sabiex tiġi evitata d-drawwa stabbilita li jitressqu ħafna minn dawn il-kunflitti quddiem il-Kunsill, li jimlew għalxejn l-aġenda tiegħu.
It-Trattat jissottolinja wkoll l-irwol tal-Kunsill “Affarijiet Ġenerali” fir-relazzjonijiet bejn il-Kunsill u istituzzjonijiet oħrajn, u b’mod partikolari fil-preparazzjoni u fis-segwitu tal-Kunsill Ewropew.
F’dawn l-aħħar snin, il-pożizzjoni tal-Kunsill “Affarijiet Ġenerali”, li għandu l-istess kompożizzjoni bħall-Kunsill “Affarijiet Barranin”, kienet marġinalizzata minħabba l-ambitu dejjem jikber tal-ħidmiet tal-Kunsill “Affarijiet Barranin”. Huwa ttamat li l-gvernijiet tal-pajjiżi membri jifhmu li r-rivalutazzjoni tar-rwol tal-Kunsill “Affarijiet Ġenerali” issir permezz ta’ formazzjoni differenti minn dik tal-Kunsill “Affarijiet Barranin”.
Il-Parlament għandu jistieden lil kull Presidenza tal-Kunsill biex tippreżenta u tivvaluta l-programm tagħha f’assemblea plenarja. Għandhom jinżammu u jissaħħu l-kuntatti bejn il-Presidenza u d-diversi kummissjonijiet parlamentari. Fil-proċedura ta’ kodeċiżjoni l-Kunsill huwa, flimkien mal-Kummissjoni, is-sieħeb tal-Parlament.
7. Id-dikjarazzjoni 6 tinsisti fuq il-ħtieġa li tkun rispettata, fl-għażla tal-persuni għat-tliet presidenzi stabbli, “id-diversità ġeografika u demografika kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri”. Għalkemm dan jissemmiex fid-dikjarazzjoni, ikun meħtieġ li jiġi kkunsidrat ukoll l-ekwilibriju politiku u l-ekwilibriju bejn in-nisa u l-irġiel. Il-punt D hawn taħt jissuġġerixxi kalendarju u proċedura biex ikunu ottimizzati dawn l-ekwilibriji.
|
Rakkomandazzjoni
1. It-Trattat jagħti bażi ‘kostituzzjonali’ lill-ftehimiet interistituzzjonali, li jifformaw imbagħad il-bażi legali għall-ftehimiet bejn id-diversi istituzzjonijiet. Huwa indikat li jkun nnegozjati, waqt l-applikazzjoni tat-Trattat, numru ta’ ftehim qafas li jirfdu r-relazzjonijiet bażiilari bejn l-istituzzjonijiet.
2. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiftiehmu dwar l-organizzazzjoni tal-ipprogrammar pluriennali (il-leġiżlatura parlamentari) u annwali, kif ukoll dwar il-kalendarju tal-ħatriet fil-bidu tal-leġiżlatura (ara l-punti D u E).
3. Bħala koleġiżlatur mal-Kunsill, il-Parlament għandu jkollu l-istess drittijiet F’dak li jikkonċerna l-aċċess għal dokumenti partikolari u l-parteċipazzjoni f’ċerti gruppi ta’ ħidma.
4. Il-Parlament iqis li s-Segretarjat tal-Kunsill, li jipprovdi, abbażi tat-Trattat, is-Segretarjat tal-Kunsill Ewropew, għandu jipprovdi servizz speċifiku biex jassisti lill-Kunsill Ewropew. Barra minn hekk, għandu jkun previst fil-baġit tal-Kunsill Ewropew il-finanzjament ta’ uffiċċju għas-servizz tal-President tal-Kunsill Ewropew, organizzat bħal dak tal-President tal-Parlament Ewropew.
5. Ir-regolament intern tal-Kunsill Ewropew għandu jiddefinixxi l-modalitajiet tar-relazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew mal-Parlament, inklużi l-modalitajiet ta’ parteċipazzjoni tal-President tal-Parlament fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew. Il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Parlament Ewropew għandhom jiftiehmu għal dan il-għan.
6. Ir-regolament tal-Parlament Ewropew għandu jistipula li l-Prim Ministru tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fil-bidu tal-mandat, il-programm individwali tal-presidenza tiegħu, u li jivvaluta r-riżultat tiegħu fit-tmiem tal-mandat. Anki t-Trojka Presidenzjali għandha tippreżenta l-programm operazzjonali konġunt tagħha għat-18-il xahar li ġejjin.
7. Il-kuntatti bejn il-Presidenza tal-Kunsill u l-kumitati parlamentari għandhom jissaħħu.
8. Il-Parlament Ewropew jissottolinja r-rwol fundamentali li għandhom, abbażi tat-Trattat, il-Kunsill “Affarijiet Ġenerali” u l-Presidenza tiegħu fl-ekwilibriju l-ġdid bejn l-istituzzjonijiet. Huwa l-ekwivalenti politiku tal-Coreper. L-irwol tiegħu hu essenzjli wkoll għall-koordinazzjoni interna tal-ħidma tal-Kunsill għal kordinazzjoni mal-istituzzjonijiet l-oħra.
Il-Kunsill “Affarijiet Ġenerali” għandu jiżgura l-funzjoni essenzjali fil-koordinazzjoni tal-attivitajiet tad-diversi formazzjonijiet tal-Kunsill, u għandu jsolvi l-kunflitti eventwali li ser jistgħu jinħolqu fil-livell ta’ dawn il-formazzjonijiet, li m’għandhomx aktar ikunu sistematikament imressqin quddiem il-Kunsill Ewropew. Il-Parlament Ewropew jissottolinja l-importanza tal-involviment tal-Prim Ministri, l-aktar fil-mument meta pajjiżhom huwa inkarigat bil-Presidenza semestrali tal-Kunsill. Ikun mixtieq li l-Prim Ministru tal-Istat li jkollu l-Presidenza għandu jippresjedi l-Affarijiet Ġenerali u jiżgura l-koerenza tad-diversi formazzjonijiet tal-Kunsill u l-koordinazzjoni mal-Kunsill Ewropew. Hu għandu jsir ukoll l-interlokutur privileġġjat tal-Parlament Ewropew.
Il-Parlament Ewropew jinsisti dwar il-fatt li, b’mod konformi ma’ dak li jgħid it-Trattat, il-Kunsill “Affarijiet Ġenerali” jkun formazzjoni tal-Kunsill differenti mill-Kunsill “Affarijiet Barranin”. Dawn huma żewġ Kunsilli fundamentali, li għandhom missjonijiet ferm differenti u żewġ presidenzi differenti, u dan jitlob ukoll formazzjoni differenti. Parteċipazzjoni kumulattiva fiż-żewġ Kunsilli mhux ser tkun aktar possibbli fil-konstellazzjoni istituzzjonali l-ġdida, minħabba li waħda ser tagħmel tdan dejjem għad-detriment tal-oħra. Il-Parlament jinsisti mal-Istati Membri sabiex huma jsiru konxji tal-ħtieġa tar-rivalutazzjoni tal-Kunsill “Affarijiet Ġenerali” u sabiex jadottaw il-miżuri meħtieġa għal dan il-għan.
9. Il-Parlament jissottolinja l-irwol kruċjali tal-Kummissjoni biex tniedi l-ipprogrammar pluriennali u annwali, kemm fuq il-pjan leġiżlattiv kif ukoll fuq il-pjan finanzjarju u baġitarju.
Il-Parlament jenfasizza l-importanza ta’ konċertazzjoni regolari u strutturata bejn il-Parlament, il-Kunsill (“Affarijiet Ġenerali”) u l-Kummissjoni rigward l-organizzazzjoni tal-ħidmiet leġiżlattivi u baġitarji. |
|
D. (L-EWWEL) ĦATRIET
1. Id-dikjarazzjoni 6 tispeċifika li “l-għażla tal-persuni msejħin biex jokkupaw il-funzjonijiet ta’ President tal-Kunsill Ewropew, ta’ President tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà għandha tikkunsidra l-ħtieġa li tkun rispettata d-diversità ġeografika u demografika tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri tagħha”. Magħha jista’ jiżdied: “u d-diversità politika u l-ekwilibriju bejn l-irġiel u n-nisa”.
Abbażi tal-Artikolu 18 (TUE) li jistipula li l-kandidatura għall-Presidenza tal-Kummissjoni hija proposta mill-Kunsill Ewropew “b’kunsiderazzjoni tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew”, jidher vantaġġuż li l-proċess tal-ħatra ma jkunx ikkomunikat jekk mhux wara l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew sabiex tintuża d-dejta kollha meħtieġa għall-ekwilibriju previst mid-dikjarazzjoni 6.
L-elezzjoni għall-President tal-Kummissjoni (f’Lulju) ser tkun segwita l-ewwel mill-ħatra tal-Kummissjoni u inkluż ir-Rappreżentant Għoli – Viċi-President tal-Kummissjoni (Ottubru). L-elezzjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew ittemm iċ-ċiklu (Novembru).
Din l-ordni għalhekk għandha l-vantaġġ li tirrikonoxxi mill-bidu l-proċess tar-riżultati tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Min-naħa l-oħra, il-President tal-Kunsill Ewropew li jkun ser jispiċċa (li l-ħatra tiegħu ma tistax tiġġedded jekk ikun fit-tieni mandat tiegħu) huwa l-aħjar biex jorganizza l-konċertazzjonijiet meħtieġa bejn il-Parlament u l-Kunsill Ewropew qabel il-preżentazzjoni tal-kandidaturi għall-Presidenza tal-Kummissjoni, ta’ Rappreżentant Għoli u tal-Kummissarji l-oħrajn. Minħabba din is-sistema kronoloġika, huwa l-President li jkun ser jispiċċa tal-Kunsill Ewropew li jmexxi l-konsultazzjonijiet mal-Parlament qabel id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-preżentazzjoni ta’ Kandidat soġġett għall-ħatra mill-Parlament.
Ir-Rakkomandazzjoni ta’ hawn taħt ser tirreferi għall-kalendarju li ġej:
L-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju: elezzjoni għall-Parlament Ewropew
– l-1 u t-2 ġimgħa: formazzjoni tal-gruppi politiċi
– it-3 ġimgħa: il-President tal-Kunsill Ewropew jikkonsulta lill-Presidenti tal-gruppi politiċi rigward il-Presidenza tal-Kummissjoni
– ir-4 u l-5 ġimgħa: preżentazzjoni tal-Kunsill Ewropew b’maġġoranza kkwalifikata tal-kandidat għall-presidenza tal-Kummissjoni
Nofs Lulju: elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni mill-Parlament Ewropew, ippreċeduta minn smigħ.
– Lulju, Awissu u Settembru: Preżentazzjoni mill-President elett tal-Kummissjoni tal-lista ta’ Kummissarji għall-approvazzjoni mill-Kunsill Ewropew. Proposta tar-Rappreżentant Għoli mill-Kunsill Ewropew bl-approvazzjoni tal-President tal-Kummissjoni
– Qabel nofs Ottubru: approvazzjoni tal-formazzjoni tal-Kummissjoni min-naħa tal-Parlament Ewropew inklużi l-President sar-Rappreżentant Għoli.
Nofs Ottubru: ħatra tal-Kummissjoni min-naħa tal-Kunsill Ewropew.
Novembru: ħatra tal-President il-ġdid tal-Kunsill Ewropew.
Ta’ min jiftakar li l-Parlament Ewropew talab f’ riżoluzzjoni[8] biex id-data tal-elezzjonijiet titmexxa ’l quddiem b’xahar, lejn nofs Mejju sabiex tkun iffaċilitata l-proċedura ssuġġerita hawn fuq. Fil-fatt ser ikun hemm aktar żmien disponibbli għall-konsultazzjonijiet bi preparazzjoni għall-ħatra tal-President tal-Kummissjoni.
|
Rakkomandazzjoni
Għandu jkun konkluż bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew ftehim rigward il-kalendarju u l-proċedura għall-ħatriet. Il-Parlament Ewropew jista’ jissuġġerixxi li l-punt tat-tluq ikun l-elezzjonijiet stess għall-Parlament Ewropew, kif propost hawn fuq. |
|
2. L-Artikolu 17 TUE jistipula li l-President tal-Kummissjoni jinħatar mill-Parlament Ewropew. Il-kandidatura tiegħu hija proposta mill-Kunsill Ewropew “b’kont meħud tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u wara li jkun seħħew il-konsultazzjonijiet adatti”. Proprjament it-Trattat ma jitkellimx għalhekk dwar konsultazzjoni formali mal-Parlament. Id-dikjarazzjoni 11 tindika madankollu b’mod ċar li l-Parlament Ewropew għandu jieħu ħsieb ta’ dan: “Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew għandhom ir-responsabbiltà komuni għall-iżvolġiment korrett tal-proċess li jwassal għall-ħatra tal-President tal-Kummissjoni Ewropea. Bħala riżultat ta’ dan ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew jipproċedu qabel xejn għad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, għall-konsultazzjonijiet meħtieġa fil-qafas meqjus l-aktar adatt. Dawn il-konsultazzjonijiet jirriflettu fuq il-profil tal-kandidati għall-funzjoni ta’ President tal-Kummissjoni b’kont meħud tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 17(7) l-ewwel inċiż. Il-modalitajiet ta’ dawn il-konsultazzjonijiet jistgħu jkunu ppreċiżati, fil-waqt, bi ftehim komuni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew”.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew jistgħu jaslu għall-proċedura li ġejja. Il-Kunsill Ewropew jiltaqa’ mal-President li qed jispiċċa tal-Parlament Ewropew u separatament ma’ kull wieħed mill-Presidenti tal-gruppi politiċi (akkumpanjati jew le mill-President tal-partit jew minn delegazzjoni ristretta). Din il-konsultazzjoni sseħħ fit-tielet ġimgħa wara l-elezzjonijiet, biex b’hekk il-gruppi jkunu jistgħu jorganizzaw lilhom infushom fl-ewwel u t-tieni ġimgħa. Il-Kunsill Ewropew jista’ jiddelega lill-President tiegħu biex iwettaq il-konsultazzjonijiet tiegħu u biex jirrapporta lill-Kunsill Ewropew. Din il-proċedura tevita li tittieħed pożizzjoni formali mill-Parlament Ewropew, li tkun kontra t-Trattat, iżda tippermetti lill-Kunsill Ewropew li jkun informat bis-sħiħ bil-pożizzjoni tal-gruppi politiċi fi ħdan il-Parlament.
Din il-proċedura m’għandhiex tieħu ħafna żmien biex titwettaq. Huwa ċar li jekk l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew isiru f'nofs Mejju kif jixtieq il-Parlament Ewropew - minflok f’nofs Ġunju kif isir issa - l-iżvolġiment tal-proċedura jsir skont kalendarju inqas diffiċli.
|
Rakkomandazzjoni
Qegħdin jiġu proposti l-proċeduri li ġejjin għal “konsultazzjonijet xierqa” (Art.17(7) TUE) wara l-elezzjoni fir-rigward ta’ preżentazzjoni ta’ kandidat għall-presidenza tal-Kummissjoni għall-Kunsill Ewropew: il-Parlament ikollu ġimgħatejn wara l-elezzjoni tal-Parlament sabiex jifforma l-gruppi politiċi. Matul it-tielet ġimgħa il-(President tal-) Kunsill Ewropew jikkonsulta separatament, apparti lill-President tal-Parlament Ewropew li jkun intemmlu l-mandat, lil kull wieħed mill-presidenti tal-gruppi politiċi (akkumpanjati jew le mill-president ta’ partit jew ta’ delegazzjoni ristretta). |
|
3. Kummissjoni
Infakkru li wara li sar ir-Rapport Duff[9] dwar il-linji gwida għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, ir-regolament tal-Parlament dwar l-approvazzjoni tal-Kummissjoni ġie emendat.
4. L-ewwel ħatriet
Minn hemm ’il quddiem sar ovvju li, anke jekk il-proċess tar-ratifika fl-Irlanda kellu jiġi konkluż b’suċċess, dan ma kienx ser isir qabel l-elezzjonijiet Ewropej ta’ Ġunju 2009. Għalhekk, anke meta wieħed jikkunsidra l-aħjar ipotesi, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona kellu jsir biss wara l-elezzjonijiet Ewropej ta’ Ġunju 2009 u wara li l-Parlament li jmiss ikun ġa ġie stabbilit. Għalhekk, fost kwistjonijiet oħra, tqum dik li wieħed ikun konxju dwar il-konsegwenzi li dan għandu jħalli fuq il-Parlament, kif ukoll fuq il-ħatra tal-Kummissjoni li jmiss.
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2008 biex jerġa’ jibda l-proċess ta’ ratifika f’dan il-pajjiż fornew punti ġodda li jitfgħu dawl biex din it-tranżizzjoni tkun tista’ tiġi kkunsidrata skont il-possibbiltà tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona lejn it-tmiem tas-sena kurrenti jew fil-bidu tas-sena 2010.
4.1. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-Parlament Ewropew
Il-bidu ta’ dan ir-rapport mhuwiex dwar kif inhu kompost il-Parlament Ewropew. Madankollu, mhuwiex inutli li wieħed jivverifika jekk il-pożizzjoni definita mill-Parlament Ewropew fir-rapport Lamassoure-Séverin ġietx rispettata mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2008. Infakkru li l-Kunsill Ewropew ta’ Liżbona kien ikkonferma, biż-żieda ta’ membru wieħed biss ("...seba’ mija u ħamsin, flimkien mal-President...."[10]), il-proposta politika li saret mill-Parlament Ewropew f’dan ir-rapport. Loġikament, il-Kunsill Ewropew iġib ruħu daqs li kieku l-elezzjonijiet għandhom isiru skont is-sistema ta’ Nizza (li tipprevedi 736 membru, b’massimu ta’ 99 għall-Ġermanja u b’minimu ta’ 5 għal Malta). Dan ifisser li jekk it-Trattat jidħol fis-seħħ xi żmien wara l-elezzjonijiet, ikun hemm bżonn li jiżdied in-numru tal-Membri Parlamentari ta’ xi Stati Membri skont dak li kien ġie propost mill-Parlament Ewropew[11]. Madankollu, ma jkunx jista’ jiġi mnaqqas in-numru ta’ Membri Ġermaniżi matul dak il-mandat. Għalhekk, l-unika soluzzjoni possibbli hija fil-fatt dik prevista mill-Kunsill Ewropew jiġifieri li jiġi previst proviżorjament (sal-elezzjonijiet tal-2014) li n-numru ta’ Membri jogħla għal 754 (+3). Dan jista’ jsir, per eżempju, billi tiġi integrata fi protokoll standard tranżitorja, li r-ratifika tagħha m’għandha tippreżenta l-ebda problema[12].
Wieħed jista’ jipprevedi tliet fażijiet. Bejn l-elezzjonijiet Ewropej u d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona, dawn il-Membri supplimentari eletti se jkunu membri virtwali. Meta t-Trattat ikun ratifikat, dawn il-Membri jistgħu jsiru osservaturi mingħajr id-dritt għall-vot, sakemm ikun ratifikat l-istandard tranżitorju li jawtorizza li jiżdied in-numru totali tal-Membri Parlamentari. Il-Membri supplimentari eletti għalhekk ma jsirux Membri Parlamentari sħaħ jekk il-modifika tal-liġi primarja ma tkunx adottata.
4.2. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-proċedura tal-ħatra tal-Kummissjoni
4.2.1. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2008 jistipulaw li l-proċess għall-ħatra tal-Kummissjoni għall-futur, speċjalment il-ħatra tal-President tagħha, għandu jibda bla dewmien wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, li għandha ssir f’Ġunju 2009.
Fil-bidu, dan ifisser li l-proċess tal-ħatra tal-Kummissjoni fil-futur għandu jibda u jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Nizza. Id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2008 ma ssemmix speċifikament ħlief il-ħatra tal-President tal-Kummissjoni; il-kwistjoni tqum jekk l-intenzjoni tal-Kunsill Ewropew hija dik li l-proċess jitħalla għaddej skont l-istess regoli.
Ikun meħtieġ li tiġi ċċarata l-kwistjoni li jkun magħruf kif għandha tiġi ġestita l-proċedura għall-ħatra tal-Kummissjoni li jmiss, meta jiġi kkunsidrat il-kalendarju u l-implikazzjonijiet differenti tal-fażijiet differenti tal-proċedura skont it-Trattat ta’ Nizza jew it-Trattat ta’ Liżbona.
4.2.2. Jekk il-proċess tal-ħatra tal-Kummissjoni li jmiss, speċjalment għal dak li għandu x’jaqsam mal-ħatra tal-President tagħha, jibda bla dewmien wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Ġunju 2009, dan il-proċess għandu jibda f’mument fejn it-Trattat ta’ Liżbona ma jkunx għadu ratifikat; madankollu s-setgħat tal-Parlament Ewropew matul il-proċess tal-ħatra tal-President tal-Kummissjoni huma msaħħin ferm permezz tat-Trattat ta’ Liżbona.
Fil-fatt, sa mit-Trattat ta’ Nizza, il-President tal-Kummissjoni huwa 'magħżul permezz tal-Kunsill li jiltaqa’ fuq livell ta’ Kapijiet tal-Istat jew ta’ gvern bl-approvazzjoni tal-Parlament'. Min-naħa tiegħu, it-Trattat ta’ Liżbona jipprevedi li l-President jiġi 'elett mill-Parlament fuq proposta tal-Kunsill Ewropew wara li jsiru l-konsultazzjonijiet meħtieġa'.
Konsegwenza ta’ dan, il-Parlament għandu jkun partikolarment attent li ma jqumux dubji dwar il-prerogattivi tiegħu u li dan ma jwassalx għal sitwazzjoni li fiha jinħatar President "skont il-proċedura ta’ Nizza" li mbagħad ikollu "is-setgħat skont it-Trattat ta’ Liżbona".
Jekk il-Kunsill Ewropew jibqa’ jżomm mad-deċiżjoni ta’ Diċembru 2008, il-Parlament Ewropew għandu jinsisti sabiex il-kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern jikkunsidraw (informalment) is-setgħat il-ġodda li l-Parlament Ewropew jikseb skont it-Trattat ta’ Liżbona dwar il-ħatra tal-President tal-Kummissjoni. B’mod speċjali, ir-riżultati elettorali għandhom jiġu kkunsidrati u jsiru konsultazzjonijiet mal-familji politiċi prinċipali Ewropej li huma rrappreżentati fil-Parlament Ewropew. Jekk il-Kunsill Ewropew irid iġib ruħu b’dan il-mod, huwa għandu jipprevedi ż-żmien meħtieġ għall-konsultazzjoni wara li ssir l-elezzjoni tal- Parlament Ewropew qabel ma jippreżenta lill-Parlament Ewropew kandidatura għall-presidenza tal-Kummissjoni. Din il-proċedura għandu jkollha l-vantaġġ li sostanzjalment tkun konformi mar-regoli l-ġodda tat-Trattat ta’ Liżbona, mingħajr ma tmur kontra t-Trattat ta’ Nizza li bħalissa hemm fis-seħħ.[13] Barra minn hekk, wieħed ma jistax jinsa li, anke meta l-President tal-Kummissjoni jiġi elett mill-Parlament Ewropew, it-Trattat ta’ Nizza ġa jistipula li l-kandidat maħtur mill-Kunsill Ewropew huwa approvat mill-Parlament Ewropew, u din id-deċiżjoni mhijiex biss politika iżda torbot ukoll legalment. Madanakollu teżisti differenza importanti: peress li it-Trattat ta’ Liżbona jesiġi l-maġġoranza assoluta fl-elezzjoni tiegħu, skont it-Trattat ta’ Nizza, il-maġġoranza sempliċi hija biżżejjed biex jiġi approvat.
4.2.3. Is-sitwazzjoni hija differenti għall-Kummissjoni, fis-sens li t-Trattat ta’ Nizza jipprevedi li n-numru ta’ kummissarji għandu jkun inqas min-numru ta’ pajjiżi membri (u dan ma jibqax il-każ jekk it-Trattat ta’ Liżbona jidħol fis-seħħ, wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2008); barra minn hekk, it-Trattat ta’ Nizza, għall-kuntrarju tat-Trattat ta’ Liżbona, ma jipprevedix li jkun hemm Viċi President/Rappreżentant Għoli.
Fl-ipotesi li l-Irlandiżi jirratifikaw it-Trattat ta’ Liżbona jekk ikun hemm referendum ieħor, ma jidhirx li l-Kummissjoni l-ġdida għandha tinħatar skont it-Trattat ta’ Nizza. Il-Kummissjoni għandha tiġi maħtura formalment u tibda l-funzjonijiet tagħha skont is-sistema u skont il-kompetenzi previsti fit-Trattat ta’ Liżbona wara li dan jidħol fis-seħħ. Dan ifisser, skont l-aktar verżjoni ottimista – min qed jieħu ħsieb l-organizzazzjoni tar-referendum Irlandiż li jista’ jsir l-aktar tard f’Ottubru 2009 -, fil-bidu tal-2010.
4.2.4. Madankollu, skont it-Trattat ta’ Nizza[14], il-mandat tal-Kummissjoni attwali jispiċċa fil-31 ta’ Ottubru 2009. L-unika possibbiltà li din id-dispożizzjoni tinbidel għandha tkun emenda fid-dritt primarju (protokoll, eċċ.), u din ma tidhirx li hija prijorità għas-27 pajjiż membru. Min-naħa l-oħra, jekk ma tinħatarx Kummissjoni ġdida sa dik id-data, il-Kummissjoni attwali għandha tibqa’ taqdi l-funzjonijiet tagħha, imma s-setgħat tagħha għandhom għalhekk ikunu, allegatament, dawk biss għall-ġestjoni tal-kwistjonijiet kurrenti. Jista’ jkun li sitwazzjoni bħal din iddum xi ġimgħat, l-aktar xahar jew tnejn, iżda mhux aktar minn hekk.
F’dan il-kuntest, il-Parlament il-ġdid ikollu jmexxi bl-aħjar mod, b’konsultazzjoni mal-Kunsill Ewropew, il-proċedura għall-ħatra tal-Kummissjoni l-ġdida sabiex b’hekk hija tkun tista’ tibda taħdem filwaqt li tikkunsidra s-sistema l-ġdida u l-kompetenzi l-ġodda tal-Kummissjoni, kif ukoll tas-setgħat il-ġodda tal-Parlament Ewropew kif previst fit-Trattat ta’ Liżbona.
4.2.5. Għandha tiġi kkunsidrata wkoll il-possibbiltà li r-referendum ma jkollux riżultat pożittiv u li t-Trattat ta’ Liżbona ma jkunx jista’ jidħol fis-seħħ fil-bidu tas-sena 2010. Hemm bżonn li jkun hemm attenzjoni biex ir-regoli tat-Trattat ta’ Nizza jibqgħu jiġu applikati u minn dak il-ħin, ikun meħtieġ li l-Kunsill Ewropew, bħalma jipprevedi l-Protokoll dwar it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, jadotta d-deċiżjoni li tistabbilixxi n-numru tal-membri tal-Kummissjoni li jmiss (li importanti li jkun inqas minn dak tal-Istati Membri tal-Unjoni) u t-termini li skonthom għandha tiġi organizzata s-sistema ta’ rotazzjoni bbażata fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza kif previst f’dan l-istess protokoll.
|
Rakkomandazzjoni
Il-Parlament Ewropew se jkun elett skont ir-regoli tat-Trattat ta’ Nizza u mhux se jerġa’ jkun hemm elezzjoni oħra meta jidħol fis-seħħ it-Trattat ta’ Liżbona. Il-Parlament madanakollu se jeżerċita l-kompetenzi mogħtija lilu mit-Trattat ta' Liżbona fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta' kontinwità tal-istituzzjonijiet.
Jekk il-Kunsill Ewropew josserva d-deċiżjoni tiegħu li jibda mingħajr dewmien wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew il-proċess ta’ nomina tal-kummissjoni, u b’mod partikolari l-ħatra tal-President tagħha, dan il-proċess se jkun imniedi skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Nizza.
Huwa mixtieq li l-Kunsill Ewropew japplika informalment il-proċedura ta’ konsultzzjoni preliminari stipulata mit-Trattat ta’ Liżbona.
Jekk il-kandidat propost wara jkun approvat mill-Parlament, il-Kunsill Ewropew jista’ jinnomina il-President tal-Kummissjoni, Skont l-istess prinċipju ta’ kontinwità, il-President tal-Kummissjoni jista’ jibqa’ fil-kariga wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona.
Wara l-ħatra tiegħu, il-President għandu jipproponi l-kompożizzjoni ta' Kummissjoni ġdida. Din il-proposta ma tistax iseħħ formalment qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona. Il-Parlament wara għandu japprova permezz ta’ votazzjoni il-kompożizzjoni tal-Kulleġġ. |
|
5. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew, dikjarazzjoni annessa mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2008 ipprevediet il-miżuri tranżitorji li ġejjin:
Fl-ipotesi li t-Trattat ta’ Liżbona jidħol fis-seħħ f’data li matulha l-presidenza tal-Kunsill għal perijodu ta’ sitt xhur tkun ġa bdiet, il-Kunsill Ewropew jaqbel li, għal perijodu tranżitorju, sabiex jikkunsidra x-xogħol preparatorju u jiżgura li x-xogħol jibqa’ għaddej mingħajr problemi:
− l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jkollu l-presidenza tal-Kunsill għal perijodu ta’ sitt xhur f’dak il-perijodu partikolari għandu jkompli jippresjedi il-laqgħat kollha li jkun fadal għal dak li għandu x’jaqsam mal-Kunsill u mal-Kunsill Ewropew, kif ukoll il-laqgħat ma’ pajjiżi terzi, sal-aħħar tas-sitt xhur;
− il-Presidenza tal-Kunsill għas-sitt xhur ta’ wara għandha tieħu l-miżuri konkreti meħtieġa b’rabta mal-aspetti organizzattivi u għat-twettiq tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew u tal- Dwar dawn il-kwistjonijiet, għandha tkun stabbilita konsultazzjoni mill-qrib bejn il-Presidenza msemmija, il-President (elett) tal-Kunsill Ewropew u r-Rappreżentant Għoli (innominat) tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u għal politika ta’ sigurtà.
E. Lejn programmazzjoni interistituzzjonali tal-leġiżlatura
Fil-fatt, il-Kummissjoni tiżviluppa djalogu dwar l-ipprogrammar strateġiku u leġiżlattiv mal-Parlament Ewropew u, fl-istess ħin, mal-Kunsill. Iż-żewġ fergħat tal-poter leġiżlattiv, iżda, qatt ma impenjaw ruħhom fi djalogu sostanzjali dwar il-prijoritajiet politiċi tagħhom u l-programm operattiv tal-ħidmiet tagħhom rispettivament. Il-ġeneralizzazzjoni tal-kodeċiżjoni u tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-Trattat ta’ Liżbona juru x-xewqa għat-twettiq ta’ programmar bħal dan bejn l-istituzzjonijiet.
1. Innovazzjonijiet miksuba bit-Trattat ta’ Liżbona
Il-bidliet miksuba permezz tat-Trattat ta’ Liżbona għall-ipprogrammar jippermettu, jekk ikun hemm ix-xewqa politika, li jitjieb l-istat tas-sitwazzjoni.
1.1. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-Kummissjoni, l-istituzzjoni li għandha d-dritt tal-inizjattiva leġiżlattiva, l-Artikolu 17 iqis li “Tieħu l-inizjattivi tal-ipprogrammar annwali u pluriennali tal-Unjoni sabiex jintlaħaq qbil bejn l-istituzzjonijiet”.
1.2. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-Kunsill Ewropew, l-Artikolu 15 tat-TUE jistabilixxi li: "1. Il-Kunsill Ewropew jagħti lill-Unjoni l-impulsi meħtieġa għall-iżvilupp tagħha u jiddefinixxi d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali. M’għandux funzjoni leġiżlattiva”.
Din il-missjoni ġenerali hija mwettqa minn missjoni speċifika fil-kuntest ta’ żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja: skont l-Artikolu 68 tat-TFUE, “Il-Kunsill Ewropew jiddefinixxi d-direzzjonijiet strateġiċi tal-ipprogrammar leġiżlattiv u operattiv f’kuntest ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja”.
1.3. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-Kunsill, l-Artikolu 16 tat-TUE jispeċifika li “jeżerċita funzjonijiet ta’ koordinament u ta’ definizzjoni tal-linji politiċi b’konformità mal-kundizzjonijiet previsti fit-Trattati”.
Id-Dikjarazzjoni 9 fiha abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew marbuta mal-eżerċizzju tal-presidenza tal-Kunsill, li fiha l-artikolu 1(2) jgħid illi: "2. Kull membru tal-grupp (trojka) jieħu f’idejh skont skeda, għal żmien ta’ sitt xhur, il-presidenza tat-taqsimiet kollha tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tat-taqsima tal-Affarijiet Barranin. Il-membri l-oħra tal-grupp jassistu lill-presidenza fir-responsabbilitajiet kollha tagħha, skont programm komuni. Il-membri tal-grupp jistgħu jistabilixxu bejniethom xi qbil ieħor”.
L-Artikolu 3 tal-istess abbozz tad-deċiżjoni jgħid illi “Il-Kunsill tal-‘Affarijiet Ġenerali” jiżgura, f’koperazzjoni mal-Kummissjoni, il-koerenza u l-kontinwità tal-ħidmiet tal-formazzjonijiet differenti tal-Kunsill fil-qafas ta’ programmar pluriennali. L-Istati Membri inkarigati mill-presidenza jassumu, bl-għajnuna tas-segretarju ġenerali tal-Kunsill, l-arranġamenti kollha utli għall-organizzazzjoni u għall-iżvolġiment tajjeb tax-xogħol tal-Kunsill”.
1.4. It-Trattat ta’ Liżbona jagħti wkoll bażi legali għall-ipprogrammar finanzjarju pluriennali (ara l-punt 3 hawn taħt). Għalkemm mhuwiex speċifikament previst mit-Trattat, wieħed jeżiġi l-ħtieġa ta’ rabta bejn l-ipprogrammar politiku u leġiżlattiv.
2. Xi kwistjonijiet dwar il-firxa u l-kontenut tal-ipprogrammar
2.1. L-ipprogrammar hu, minħabba fin-natura tiegħu, eżerċizzju meħtieġ bejn l-istituzzjonijiet: jekk kull istituzzjoni tal-Unjoni ssegwi aġenda politika kompletament għal rasha, mingħajr armonija mal-istituzzjonijiet oħra u tistabbilixxi l-kalendarju skont il-ħtiġijiet tagħha, ir-rabta bejn l-istituzzjonijiet tkun diffiċli ħafna u jbatu kemm il-koerenza tal-linji politiċi tal-Unjoni kif ukoll l-iżvilupp tal-proċeduri. Il-programmazzjoni għalhekk hija neċessità prattika, bżonn għall-koordinazzjoni tal-attività ta’ istituzzjonijiet differenti madwar objettivi partikolari stipulati b’mod komuni. Il-programmazzjoni mhix maħsub li taffettwa l-kompetenzi ta’ kull istituzzjoni, u lanqas il-proċeduri deċiżjonali stabbiliti fit-trattati, speċjalment l-iskadenzi li t- trattati stipulaw, li huma importanti ħafna.
2.2. Dan hu spjegat sew fil-formula tal-Artikolu 17. Il-Kummissjoni għandha f’idejha l-inizjattiva tal-ipprogrammar u tista’ twassal (iżda mhix obbligata) għal ftehim bejn l-istituzzjonijiet.
Ta’ min ifakkar li l-qbil bejn l-istituzzjonijiet huwa rikonoxxut formalment fl-Artikolu 295 tat-TFUE: “Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jimxu skont konsultazzjonijiet reċiproċi u jorganizzaw bi qbil komuni l-formalitajiet tal-koperazzjoni tagħhom. Għal dan il-għan jistgħu, skont kif jgħidu t-Trattati, jikkonkludu qbil bejn l-istituzzjonijiet li jista’ jkollhom natura vinkolanti”.
Wieħed jista’ faċilment jifhem mill-qari ta’ din id-dispożizzjoni li l-qbil bejn l-istituzzjonijiet jista’ jkollu natura vinkolanti jew inqas skont ix-xewqa espressa mill-partijiet: hu wkoll evidenti l-prinċipju li minħabba fih il-qbil bejn l-istituzzjonijiet, anki fil-każ li fih jiġu rikonoxxuti bħala ta’ natura vinkolanti, ma jistgħux jillimitaw il-kompetenzi tal-istituzzjonijiet kif definiti fit-Trattati.
2.3. Fejn jidħlu l-firxa u l-kontenut tal-ipprogrammar, tista’ ssir distinzjoni bejn:
a) l-inizjattivi ta’ programmar strateġiku li għandhom kontenut l-aktar politiku, li jispjegaw il-prijoritajiet u l-għanijiet politiċi tal-Unjoni għal ċertu żmien;
b) l-inizjattivi li jimmiraw l-aktar għal programmar operattiv tal-attivitajiet, (organizzazzjoni tax-xogħol, tfassil tal-kalendarji, tibdil ta’ informazzjoni dwar kif qegħdin jiżviluppaw il-proċeduri, eċċ...). Dan ir-rapport jikkonċentra fuq il-ħtiġijiet tal-ewwel tip ta’ pprogrammar, mingħajr ma titwarrab l-importanza li għandha t-tieni biex twassal fi tmiem l-għanijiet imfissra fl-ipprogrammar strateġiku.
2.4. Id-Dikjarazzjoni 9 tista’ twassal għal konfużjoni għaliex tirreferi, skont l-Artikolu 3, għall-‘programmar pluriennali’ fejn jidħol l-irwol tal-Kunsill għall-“Affarijiet Ġenerali”, u fl-Artikolu 1(2) għall-‘programmi komuni’ (għal 18-il xahar) tal-grupp ta’ tliet presidenzi. L-interpretazzjoni l-aktar immedjata tidher li qegħda tissuġġerixxi li l-ipprogrammar pluriannwali jirreferi għal dak mibdi mill-Kummissjoni (Art. 17 (1) tat-TUE), u li l-programmi komuni tat-trojka presidenzjali jridu jintegraw irwieħhom fl-ipprogrammar pluriennali. Jinħtieġ li l-Kunsill jippreċiża r-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ programmar.
2.5. Meta wieħed jitkellem dwar programmazzjoni, wieħed jaħseb fuq kollox dwar it-trio – Kummissjoni –Parlament – Kunsill. Iżda wieħed għandu jikkunsdra żewġ atturi ewlenin oħra: min-naħa waħda l-Kunsill Ewropew, kif jixhed l-irwol tiegħu ta’ impetus politiku; u min-naħa l-oħra r-Rappreżentanza Għolja, jiġifieri l-President tal-Kunsill tal-“Affarijiet Barranin".
3. Ir-rabta bejn l-ipprogrammar strateġiku u l-ipprogrammar finanzjarju (Qafas finanzjarju pluriennali)
3.1. Huwa essenzjali li tiġi stabbilita r-rabta bejn l-ipprogrammar strateġiku u l-ipprogrammar finanzjarju, li ġiet espressa għall-ewwel darba fit-Trattati. Dawn jagħtuha natura legalment vinkolanti għal dak li għandu x’jaqsam mal-baġit annwali. Effettivament it-Trattat jipprevedi l-adozzjoni mill-Kunsill, bl-approvazzjoni tal-Parlament, ta' regolament li jinkorpora l-qafas finanzjarju pluriennali, li għandu jkun għal żmien ta' mhux inqas minn ħames snin. Fil-fatt, l-ipprogrammar finanzjarju pluriennali jassumi natura politika u leġiżlattiva evidenti: dan jiddefinixxi l-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni (fis-setturi ta' attività li għandhom jingħataw appoġġ finanzjarju) kif ukoll il-mezzi sabiex dawn jintlaħqu. Id-definizzjoni ta' qafas finanzjarju pluriennali, barra minn hekk, huwa dejjem akkumpanjat minn pakkett leġiżlattiv li fih il-Kummissjoni tikkonkretizza l-inizjattivi meħtieġa sabiex tagħti lill-Unjoni programmi operattivi li għalihom huma previsti krediti.
3.2. Il-leġiżlazzjoni b’effett finanzjarju, madankollu, ma testingwix l-attività leġiżlattiva tal-Unjoni fil-perijodu in kwistjoni. Wieħed jista' jikkalkula li nofs il-leġiżlazzjoni Ewropea m’għandhiex impatt finanzjarju, bħal per eżempju f’dak li għandu x’jaqsam mal-parti kbira tal-leġiżlazzjoni dwar l-implimentazzjoni tas-suq intern, il-leġiżlazzjoni dwar l-approssimazzjoni/armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f'diversi oqsma, il-leġiżlazzjoni fil-qasam fiskali, il-leġiżlazzjoni li għandha x’taqsam mal-oqsma ta’ koperazzjoni ġudizzjarja ċivili u penali, eċċ. Għaldaqstant huwa importanti li l-ipprogrammar strateġiku jikkunsidra debitament dan it-tip ta’ leġiżlazzjoni. B'hekk, għandu jiġi kkunsidrat li għal ċerti pakketti leġiżlattivi kbar ta' dan it-tip, it-tul tal-proċedura xi kultant jaqbeż sew it-tul tal-mandat tal-Kummissjoni u tal-Parlament (per eżempju: statut tal-kumpanija taħt il-liġi Ewropea) u huwa soġġett għal akkompanjament partikolari. Barra minn hekk, programmi politiċi fuq medda ta’ żmien twil li għandu x’jaqsam mal-ġejjieni tal-Unjoni bħall-istrateġija ta’ Liżbona, jestendu fuq diversi leġiżlaturi.
4. Lejn kuntratt/programm ta’ leġiżlatura?
4.1. F’dan il-kuntest, huwa rrakkomandat li l-ipprogrammar bejn l-istituzzjonijiet jiġi miktub f''kuntratt' jew 'programm ta' leġiżlatura' veru, li jkun fih il-programm strateġiku tal-leġiżlatura, miftiehem bejn l-istituzzjoniet. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, meta tibda tiffunzjona, il-prijoritajiet politiċi u l-objettivi strateġiċi għall-ħames snin tal-mandat tagħha.
F’din il-preżentazzjoni, li għandha ssir qabel it-tmiem tas-sena ta’ meta tibda tiffunzjona, il-Kummissjoni għandha tinkludi wkoll l-ewwel elementi dwar il-bidla meħtieġa fil-finanzi Ewropej sabiex issostni l-objettivi strateġiċi tagħha.
Fuq il-bażi tal-prijoritajiet u l-objettivi ppreżentati mill-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet – il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill – jistgħu jiftiehmu dwar ‘programm’ jew ‘kuntratt ta’ leġiżlatura’ veru li jiggwida l-azzjoni tal-Unjoni matul dak il-perijodu.
Dak il-‘kuntratt’ jew ‘programm' jista' eventwalment jieħu l-forma ta' 'programm komuni', tip partikolari ta' 'dikjarazzjoni komuni'.
Huwa konċepibbli li dan ikun ta' natura vinkolanti? Għalkemm jista’ jitqies bħala forma ta’ ftehim interistituzzjonali, jidher li huwa aktar loġiku li jiġi kkunsidrat bħala impenn politiku, li jekk ma jiġix irrispettat jinvolvi biss il-ksur ta’ relazzjoni ta’ fiduċja politika bejn l-istituzzjonijiet. Madankollu, meta dik ir-relazzjoni ta’ fiduċja tkun istituzzjonalizzata, bħal m’hu l-każ bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, dak il-ksur jista’, loġikament, ikollu konsegwenzi politiċi importanti.
4.2. Fuq il-bażi ta’ dak il-‘kuntratt’ jew ‘programm’ komuni, il-Kummissjoni b’hekk għandha, qabel it-tmiem tax-xahar ta’ Ġunju tas-sena wara li tibda tiffunzjona (N+1, N tfisser is-sena tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew) tippreżenta l-proposti tagħha għall-qafas finanzjarju pluriennali, flimkien ma’ lista ta’ inizjattivi leġiżlattivi neċessarji għall-implimentazjoni tal-programmi speċifiċi għat-twettiq ta’ dak il-qafas finanzjarju. Għalhekk in-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali jistgħu jespandu matul it-tieni nofs tas-sena N +1 u possibbilment il-bidu ta 'N 2, hekk illi tiġi adottata qabel tmiem il - sena N +1, jew mhux aktar tard minn tmiem l-ewwel kwart tas-sena N +2, u dan jidħol fis-seħħ kmieni sena d-dieħla (N 2 jew, fejn xieraq, N + 3)[15].
Meta wieħed iqis li t-Trattat ta’ Liżbona jipprevedi qafas finanzjarju ta’ mhux inqas minn 5 snin, din l-iskeda għandha l-vantaġġ li l-perjodu kopert mill-qafas finanzjarju pluriennali jikkorrispondi ħafna mal-mandat tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni.
Biex dan ikun jista’ jsir, xi kultant ikollha ssir bidla mis-sistema attwali ta' programmi finanzjarji ta' 7 snin għal 5 snin, li timplika fażi ta’ tranżizzjoni: l-aktar soluzzjoni raġjonevoli b’hekk tkun li tiġi prevista estensjoni ta’ sentejn supplimentari għall-qafas finanzjarju attwali biex b’hekk ikopri l-perjodu sat-tmiem tal-2015[16], filwaqt li attwalment il-programm jintemm fit-tmiem tal-2013.
Dan jista’ jsir faċilment minħabba l-fatt li t-Trattat ta’ Liżbona jeħtieġ bidla mis-sistema attwali "ad hoc" ibbażata fuq ftehimiet interistituzzjonali, għal att leġiżlattiv (regolament) adottat skont proċedura leġiżlattiva speċjali. Din il-“bidla” għandha fi kwalunkwe każ issir ladarba t-Trattat jidħol fis-seħħ. Dan ikun moment privileġġat biex jintlaħaq ftehim dwar l-estensjoni proposta. Dan jista’ jsir id f’id mal-evalwazzjoni prevista fil-ftehim interistituzzjonali eżistenti.
4.3. Il-‘kuntratt’ jew ‘programm’ tal-leġiżlatura għandu jikkostitwixxi, flimkien mal-qafas finanzjarju pluriennali, il-kontenut essenzjali tal-ipprogrammar pluriennali previst fl-Artikoli 1(2) u 3 tal-abbozz ta’ deċiżjoni li tinsab fid-Dikjarazzjoni 9 għal dak li għandu x’jaqsam mal-Kummissjoni u l-Kunsill għall-“Affarijiet Ġenerali".
B’dan il-mod, dawn jistgħu jservu bħala qafas għall-eżerċizzji l-oħrajn ta’ programmar previsti fit-Trattat ta’ Liżbona, b’mod partikolari:
– programmi konġunti jew programmazzjoni operattiva konġunta, kull grupp tat-tliet presidenzi għat-18-il xahar tal-mandat tagħhom (lijinkludu inter alia l-abbozz ta' skeda għall-deliberazzjonijiet leġiżlattivi u l-qafas ta’ programm individwali għal kull wieħed mit-tliet Presidenzi għas-semestru ta’ attivitajiet tiegħu)[17]; fuq dan is-suġġett, mill-perspettiva tal-Parlament Ewropew, li diġà approva l-‘kuntratt’ jew ‘programm ta’ leġiżlatura’ u l-qafas finanzjarju pluriennali, għandu jissaħħaħ id-djalogu mal-presidenza tal-Kunsill "Affarijiet ġenerali"/it-triju ta’ Presidenzi suċċessivi sabiex ikun jista’ jsemma’ leħnu b’mod suffiċjenti fit-tħejjija ta’ dan l-ipprogrammar. Il-Parlament Ewropew b’hekk ikun jista’ wkoll jorganizza dibattiti (kumitati + plenarja) u jieħu pożizzjoni (permezz ta’ riżoluzzjoni?) dwar kull wieħed minn dawk il-programmi.
– l-ipprogrammar annwali, fil-forma tal-preżentazzjoni tal-programm ta’ ħidma u leġiżlattiv tal-Kummissjoni; f’dan ir-rigward, il-Parlament Ewropew għandu jinsisti biex isaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ djalogu għal dak li għandu x’jaqsam mal-preżentazzjoni tal-programm tal-Kummissjoni attwalment previst fil-ftehim qafas bejn il-Parlament u l-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tiddiskuti wkoll il-programm tagħha f’dettall mal-Kunsill. Huwa konċepibbli wkoll li tiġi msaħħa n-natura tabilħaqq interistituzzjonali ta’ din il-proċedura bil-għan li l-programm finalment ikun ir-riżultat ta’ impenn tat-tlett istituzzjonijiet, jew li t-tlett istituzzjonijiet jadottaw pożizzjoni komuni għal dak li għandu x’jaqsam mal-programm annwali.
4.4. Dawn id-diversi eżerċizzji tal-ipprogrammar strateġiku għandhom ikunu akkumpanjati mill-mekkaniżmi meħtieġa fir-rigward tal-ipprogrammar tal-operat u l-koordinazzjoni leġiżlattiva eżistenti, li wkoll għandhom jiġu msaħħa sabiex jiġi żgurat djalogu aktar intensiv bejn il-Parlament Ewropew u d-diversi atturi. Dan jista’ jsir fil-livell tal-plenarja kif ukoll tal-konferenza tal-presidenti tal-gruppi politiċi u tal-kumitati parlamentari. Ipotesi li tista’ tiġi esplorata eventwalment hija li jinħoloq grupp istituzzjonali ta’ livell għoli (per eżempju: Viċi president tal-Parlament u/jew il-President tal-Konferenza tal-Presidenti + il-presidenza tal-Kunsill “Affarijiet ġenerali" + viċi president tal-Kummissjoni), li jkun jista’ jiltaqa’ regolarment biex jiżgura l-ippjanar tal-operat, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar dossiers prijoritarji, eċċ.
Nisħqu għal darb’oħra dwar l-importanza tal-Kunsill "Affarijiet Ġenerali" u tal-presidenza tiegħu fil-kuntest ta’ din il-kollaborazzjoni. Dan l-irwol ikun imsaħħaħ jekk, kif jissuġġerixxi r-rapport aktar ’il fuq, il-Kunsill "Affarijiet Ġenerali" ikun responsabbli għall-approvazzjoni tal-baġit u tal-qafas finanzjarju pluriennali.
|
Rakkomandazzjoni
1. L-attivitajiet tal-ipprogrammar jistgħu jiġu mfassla b’dan il-mod:
– malli tibda tiffunzjona, il-Kummissjoni l-ġdida tippreżenta, qabel it-tmiem tas-sena, il-prijoritajiet politiċi u l-objettivi strateġiċi tagħha għall-ħames snin tal-mandat tagħha, flimkien ma’ previżjoni ġenerali tal-inizjattivi leġiżlattiva li hija għandha l-ħsieb li tadotta u l-evoluzzjoni fil-finanzi tal-Unjoni meħtieġa sabiex jinkisbu l-objettivi proposti;
– dan il-programm jiġi diskuss mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill u huwa s-suġġett ta’ 'kuntratt ta’ leġiżlatura' approvat mit-tliet istituzzjonijiet;
– il-Kummissjoni b’hekk tippreżenta, qabel it-tmiem tal-ewwel simestru tas-sena wara li tibda tiffunzjona, il-proposti tagħha għall-qafas finanzjarju pluriennali, li għandu jkun għal tul ta' 5 snin. Dawn il-proposti għandhom ikunu akkumpanjati minn pakkett li jispeċifika l-inizjattivi leġiżlattivi meħtieġa sabiex jitwettqu l-programmi ta’ implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet finanzjarji. Il-qafas finanzjarju pluriannwali għalhekk għandu jkun adottat qabel tmiem is-sena (N+1), jew l-aktar tard qabel l-ewwel trimestru tas-sena ta’ wara (N+2) mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, b’mod li jipprova jidħol fis-seħħ fil-bidu tas-sena ta’ wara (N+2 jew fejn ikun il-każ, N+3).
– dan jimplika fażi ta’ tranżizzjoni biex wieħed jgħaddi mill-ipprogrammar finanzjarju permezz ta’ ftehimiet interistituzzjonali ta’ 7 snin għal programmar legalment vinkolanti ta’ 5 snin; għal dan il-għan, l-istituzzjonijiet għandhom jaqblu dwar it-trasformazzjoni tal-qafas finanzjarju li jinsab fl-AII attwali u regolament li jkun fih il-qafas finanzjarju u dwar l-estensjoni tal-perijodu tal-qafas finanzjarju attwali (2007-2013) sat-tmiem tal-2015, bil-għan li l-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss ikun jista’ jidħol fis-seħħ fil-bidu tal-2016 u jkopri l-perijodu sat-tmiem tal-2020.
– fuq il-bażi tal-"kuntratt ta’ leġiżlatura" u tal-qafas finanzjarju pluriennali:
– il-gruppi tat-tliet presidenzi jfasslu, b’koperazzjoni mal-Kummissjoni u fi djalogu mal-Parlament Ewropew, il-programm komuni għat-18-il xahar tal-attivitajiet tagħhom; fuq il-bażi ta’ dak il-programm kull waħda mit-tliet presidenzi tfassal il-programm tagħha għas-semestru tagħha ta’ attivitajiet tal-presidenza, b’koperazzjoni mal-Kummissjoni u fi djalogu mal-Parlament Ewropew;
– il-Kummissjoni tfassal il-programm annwali ta’ ħidma u leġiżlattiv tagħha, fi djalogu profond mal-Kunsill u l-Parlament Ewropew;
– il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw baġit annwali;
– it-tliet istituzzjonijiet japprofondixxu d-djalogu interistituzzjonali biex jikkoordinaw l-ipprogrammar operattiv tagħhom u l-kalendarji rispettivi tagħhom, b’mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-kalendarju leġiżlattiv.
2. L-istituzzjonijiet jistabbilixxu ftehim qafas li jiddefinixxi l-linji ewlenin ta’ dawn id-diversi attivitajiet tal-ipprogrammar. |
|
F. L-Azzjoni Esterna tal-Unjoni
1. Għall-kuntrarju tat-Trattat Kostituzzjonali, it-Trattat ta’ Liżbona ma jiġborx id-dispożizzjonijiet kollha dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni f'kapitolu wieħed. Effettivament, it-Trattat Kostituzzjonali kien jiġbor fit-Titolu V tat-tielet parti (li b’mod globali tikkorrispondi għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) id-dispożizzjonijiet kollha dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni. B’dan il-mod il-Konvenzjoni riedet turi l-unità tal-azzjoni esterna.
Billi adottat id-dispożizzjonijiet dwar il-politika barranija u s-sigurtà komuni fit-Trattat dwar l-Unjoni (Titolu V TUE)[18] u dawk dwar 'l-azzjoni esterna f’oqsma oħrajn apparti dak tal-PBSK' fil-Ħames parti tat-TFUE, il-KIG 2007 riedet tiddistingwi b’mod ċar bejn waħda u l-oħra. Barra minn hekk, l-Artikolu 40 TUE jispeċifika li l-implimentazzjoni ta’ kull waħda minn dawk iż-żewġ linji politiċi ma tistax taffettwa l-proċedura u l-firxa rispettivi tal-attribuzzjonijiet ta’ kull waħda minnhom.
Għalkemm id-differenza hija essenzjalment simbolika u mingħajr konsegwenzi prattiċi kbar – b’mod partikolari peress li l-Unjoni takkwista personalità ġuridika, il-pilastri tneħħew u l-Artikolu 1(2) TFUE jafferma b’mod ċar li ż-żewġ Trattati għandhom strettament l-istess saħħa ġuridika – din hija xhieda ta’ approċċ u sensibbiltà differenti.
Madankollu, b’mod ċar l-għan jibqa’ l-koerenza globali tal-azzjoni esterna, li huwa enfasizzat b’mod espliċitu mit-Trattat ta' Liżbona fl-Artikolu 21 TUE billi juża l-istess Artikolu introduttiv għaż-żewġ partijiet li jittrattaw dwar il-politika barranija (Art. 23 TUE u Art. 205 TFUE): "l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali, fuq il-bażi ta’ dan il-kapitolu hija msejsa fuq il-prinċipji, issegwi l-objettivi u hija amministrata b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ġenerali msemmija fil-Kapitolu 1 ”(Art. 21-22 TUE) (tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni).
Il-miżura prinċipali sabiex tiġi żgurata l-koerenza tal-azzjoni esterna kollha tal-Unjoni hija ċertament il-ħolqien tal-kariga ta’ Rappreżentant Għoli għall-PBSK, kif ukoll il-ħolqien ta’ servizz komuni għall-azzjoni esterna (is-Servizz Ewropew għall-azzjoni esterna - SEAE) li għandu jappoġġa l-azzjoni tiegħu. B’dan il-mod, it-Trattat ried joħloq, kemm fuq il-livell politiku kif ukoll il-livell tal-appoġġ amministrattiv tiegħu, rabta strutturali bejn id-diversi oqsma tal-azzjoni esterna tal-Unjoni għall-finijiet tal-koerenza tagħhom.
2. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-politika barranija u ta' sigurtà komuni
2.1. Attwalment ir-Rappreżentant Għoli huwa (uffiċjalment) is-segretarju ġenerali tal-Kunsill. De facto huwa ma jwettaqx dik il-funzjoni u jikkonċentra l-attivitajiet tiegħu fuq il-funzjoni ta’ Rappreżentant Għoli maħluqa fit-Trattat ta’ Amsterdam. Bis-saħħa tal-azzjoni tar-Rappreżentant Għoli, il-politika barranija u ta’ sigurtà tal-Unjoni ħadet dimensjoni akbar. Il-Konvenzjoni kienet tal-fehma li fuq din il-bażi, kien meħtieġ li jingħata dimensjoni ġdida.
L-ewwel novità: ir-Rappreżentant Għoli jippresjedi l-Kunsill għall-affarijiet barranin.
L-għan hu li tingħata aktar kontinwità u koerenza lill-aġenda tal-Kunsill, li kienu neqsin taħt il-presidenza b’rotazzjoni, li kienet wisq influwenzata mill-aġenda tal-Istat Membru li jeżerċita l-presidenza. Għandu jiġi enfasizzat li t-Trattat ta’ Liżbona jippreċiża li, f’każ ta’ vot fi ħdan il-Kunsill "Affarijiet Barranin", ir-Rappreżentant Għoli m’għandux id-dritt tal-vot.
Rappreżentant tar-Rappreżentant Għoli jippresjedi wkoll il-kumitat tal-politika tas-sigurtà (KOPS) u r-rappreżentanti tar-Rappreżentant Għoli jistgħu jippresjedu gruppi ta’ ħidma inkarigati mit-tħejjija tal-Kunsill "Affarijiet Barranin".
It-tieni novità: ir-Rappreżentant Għoli ser ikun fl-istess ħin il-viċi-president tal-Kummissjoni.
L-għan segwit huwa l-koerenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif ukoll l-immobilizzar tal-mezzi u l-istrumenti kollha disponibbli għall-finijiet tal-kisba tal-objettivi tal-Unjoni. Minn naħa waħda jeħtieġ li jiġu evitati d-diverġenzi bejn il-politika barranija komuni ta’ natura intergovernattiva u dik ta’ natura Komunitarja. Min-naħa l-oħra jeħtieġ li tiġi msaħħa l-politika barranija u ta’ sigurtà komuni permezz tal-immobilizzar ta’ inizjattivi u mezzi ta’ natura Komunitarja.
Dan il-“kappell doppju” jippresupponi li r-Rappreżentant Għoli jgawdi fl-istess ħin il-fiduċja politika tal-Kunsill u, bħala Viċi president tal-Kummissjoni, tal-President tal-Kummissjoni u tal-Parlament Ewropew. Dan jirriżulta b’mod ċar mill-proċedura li twassal għall-ħatra tiegħu: huwa jiġi nnominat mill-Kunsill Ewropew b’maġġoranza kkwalifikata bil-kunsens tal-President tal-Kummissjoni (Artikolu 18(1)), u huwa wkoll soġġett għal vot ta’ approvazzjoni tal-Kummissjoni kollha (u għall-proċedura ta’ smigħ bħal kull kummissarju ieħor) - Art. 17(7) TUE.
Huwa jista' jitneħħa mill-Kunsill Ewropew skont l-istess proċedura (li jfisser li f'każ fejn jitlef il-funzjonijiet tiegħu ta' Viċi-President tal-Kummissjoni permezz tal-vot mill-Kummissjoni fuq mozzjoni ta’ ċensura mill-Parlament Ewropew, jeħtieġ ukoll deċiżjoni b’maġġoranza kkwalifikata tal-Kunsill Ewropew sabiex ikun jista’ jitneħħa mill-kariga).
L-importanza ta’ relazzjonijiet ta’ fiduċja politika bejn id-diversi istituzzjonijiet u r-Rappreżentant Għoli hija evidenti. Għandha tiġi enfasizzata b’mod speċjali l-importanza tar-relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-President tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli għall-ħidma tajba tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.
It-tielet novità: ir-Rappreżentant Għoli ser ikun jista’ jserraħ fuq ‘servizz Ewropew għall-azzjoni esterna’.
Din hija l-ġebla tax-xewka tal-istruttura istituzzjonali ġdida għal dak li jirrigwarda l-azzjoni esterna tal-Unjoni. Ir-rapport li qed jiġi mħejji mill-Kummissjoni għall-Affarijiet Kostituzzjonali ser jifformola l-viżjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-SEAE.
Ir-raba’ novità tirrigwarda r-rappreżentanza, skont it-Trattat ta’ Liżbona, taqa’ taħt ir-responsabbiltà diretta tar-Rappreżentant Għoli waqt li fit-Trattat attwali huwa jaġixxi biss bħala assistent għall-presidenza tal-Kunsill.
Minn dan jidher ċar li t-Trattat jittrasforma fundamentalment il-funzjoni tar-Rappreżentant Għoli. Effettivament, huwa ser ikollu r-responabbiltà li jmexxi l-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (inkluża l-politika ta’ sigurtà u difiża komuni) tal-Unjoni. Huwa ser jikkontrobwixxi għat-tfassil tagħha permezz tal-proposti tiegħu, kif ukoll jikkontribwixxi għat-twettiq tagħha bħala mandatarju tal-Kunsill. Min-naħa l-oħra, huwa jrid jissorvelja l-koerenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni. Huwa għalhekk li huwa jassumi fi ħdan il-Kummissjoni r-responsabbiltajiet tagħha fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni u tal-koordinazzjoni ta’ aspetti oħrajn tal-azzjoni esterna.
Il-‘kappell doppju’ tiegħu u l-appoġġ ta’ servizz uniku għall-azzjoni esterna għandhom jippermettulu li jiżgura l-koerenza, il-kontinwità, l-effiċjenza u l-effettività tal-azzjoni esterna kollha tal-Unjoni.
2.2. It-Trattat attwali ma jagħtix dritt ta’ inizjattiva lir-Rappreżentant Għoli. It-TUE futur isolvi din il-lakuna. Fit-tfassil tal-PBSK, kemm l-Istati Membri kif ukoll ir-Rappreżentant Għoli jew ir-Rappreżentant Għoli bl-appoġġ tal-Kummissjoni, jistgħu jindirizzaw lill-Kunsill u jissottomettu rispettivament inizjattivi jew proposti. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 22 jistipula li r-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni jistgħu jippreżentaw proposti konġunti fil-qafas tal-azzjoni esterna tal-Unjoni. F’ċerti każijiet previsti fit-Trattati, dawn il-proposti konġunti huma saħanistra obbligatorji: l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi (Artikolu 215 (2)), proċeduri ta’ implimentazzjoni tal-klawsola ta’ solidarjetà (Artikolu 222(3) TFUE).
Il-filosofija tat-Trattat b’hekk timplika li r-Rappreżentant Għoli jarmonizza kemm jista’ jkun l-azzjoni tiegħu ma’ dik tal-Kummissjoni. It-Trattat ta’ Liżbona jħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni biex jaġixxu bi qbil komuni u biex jifformulaw proposti konġunti, jew komuni – dan jgħodd kemm għall-aspett tal-PBSK kif ukoll għall-aspett tal-“Komunità” – bil-għan li tissaħħaħ il-koerenza tal-azzjoni esterna kollha tal-UE u, b’dak il-mod, li tiġi ffaċilitata l-adozzjoni tal-atti proposti.
2.3. Ir-Rappreżentant Għoli ser ikollu aġenda aktar mimlija kif jixhed in-numru ta’ laqgħat li huwa obbligat li jattendi skont il-prerogattivi tiegħu kif definit fit-Trattat: jippresjedi l-Kunsill "Affarijiet Barranin", Viċi Président tal-Kummissjoni, jirrappreżenta l-Unjoni fil-qafas tal-PBSK, jiddefendi l-azzjoni esterna tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew, jipparteċipa fil-Kunsill Ewropew... B’hekk ser ikunu meħtieġa miżuri prattiċi biex iħaffu l-ħidma tiegħu. Fost oħrajn:
– il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-pajjż li jkollu l-presidenza tal-Kunsill jista’, fuq talba tar-Rappreżentant Għoli, jippresjedi l-Kunsill "Affarijiet Barranin" fin-nuqqas tiegħu; bl-istess mod, ir-Rappreżentant Għoli jista’ jinkariga lill-ministri għall-affarijiet barranin tat-Trojka presidenzjali biex jieħdu ħsieb ċerti missjonijiet tal-PBSK inkluża r-rappreżentanza;
– Kummissarji oħrajn jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Kunsill u jassumu r-responsabbiltà biex jiddefendu l-pożizzjoni tal-Kummissjoni (b’mod koordinat mar-Rappreżentant Għoli) li jista’ jiffaċilita l-eżerċizzju tal-presidenza. Bl-istess mod kummissarji oħrajn jistgħu jkunu inkarigati mir-rappreżentanza esterna fl-oqsma Komunitarji;
– għall-PBSK, it-Trattat ta’ Liżbona jipprevedi li l-Kunsill jista’ jinnomina, fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli, rappreżentanti speċjali (Art. 33 TUE). Preżentament, dawn ir-rappreżentanti għandhom missjoni reġjonali. It-Trattat il-ġdid jikkonċepixxi r-rwol tagħhom skont “mandat b’kollaborazzjoni ma’ kwistjonijiet speċifiċi". Minħabba l-ħolqien tal-ambaxxati tal-Unjoni, ser tinħass inqas il-ħtieġa li jkun hemm rappreżentanti speċjali reġjonali; min-naħa l-oħra huwa prevedibbli li dawn jiġu inkarigati b'missjonijiet orizzontali. F'dan il-kuntest, huma jistgħu jiġu inkarigati wkoll b’ċerti responsabbiltajiet ta’ rappreżentanza esterna marbuta mal-mandat tagħhom. Dawk ir-rappreżentanti speċjali ser jaħdmu taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli u jistgħu jiġu mismugħa wkoll mill-Parlament. Jista’ jiġi previst smigħ mill-Parlament Ewropew fil-mument tal-ħatra tagħhom.
|
Rakkomandazzjoni
Il-Parlament Ewropew jisħaq li relazzjoni ta’ fiduċja politika bejn il-President tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli hija essenzjali sabiex dan tal-aħħar iwettaq l-irwol tiegħu b’suċċess.
Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni għandhom, sa fejn ikun possibbli, jippreżentaw inizjattivi komuni, kemm fil-qasam tal-azzjoni esterna jew f’dak aktar ristrett tal-PBSK, bil-għan li tissaħħaħ il-koerenza tal-azzjoni esterna tal-UE skont l-interess ġenerali komuni Ewropew.
Ser ikunu meħtieġa miżuri fuq livell prattiku sabiex jitħaffef il-kompitu tar-Rappreżentant Għoli. |
|
3. L-irwol tal-Parlament Ewropew fil-qasam tal-azzjoni esterna b’hekk huwa msaħħaħ
L-Artikolu 36 TUE jippreċiża r-rwol tal-Parlament fil-qasam tal-PBSK. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jikkonsulta lill-Parlament dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet fundamentali tal-PBSK u tal-PSDK u għandu jinfurmah dwar l-evoluzzjoni ta’ dawn il-linji politiċi. Huwa għandu jagħmel ċert li l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew "jiġu debitament ikkunsidrati". Ir-rappreżentanti speċjali wkoll għandhom ikunu assoċjati mal-informazzjoni lill-Parlament Ewropew. Il-Parlament Ewropew jista’ wkoll jifformola rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli kemm fil-qasam tal-PBSK kif ukoll tal-PSDK. Il-Parlament Ewropew għandu jorganizza darbtejn fis-sena dibattitu dwar il-progress miksub.
Il-Parlament Ewropew għandu japprova wkoll il-baġit tal-Unjoni li jassumi l-ispejjeż amministrattivi u operattivi tal-PBSK, meta wieħed iqis li tneħħiet id-distinzjoni bejn spiża obbligatorja u mhux obbligatorja.
Huwa għandu wkoll jiġi infurmat matul il-proċedura sa mill-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali fil-qasam tal-PBSK.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-oqsma l-oħrajn tal-azzjoni esterna, il-Parlament Ewropew jeżerċita l-prerogattivi li soltu jeżerċita: huwa jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi skont it-termini previsti fit-Trattati (normalment il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li ssir applikabbli wkoll fil-qasam tal-kummerċ estern). Huwa jadotta l-baġit tal-Unjoni. Rigward il-ftehimiet internazzjonali, huwa għandu jagħti l-approvazzjoni tiegħu qabel l-adozzjoni mill-Kunsill: i) ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni, ii) tal-ftehim ta’ adeżjoni tal-UE fil-Konvenzjoni Ewropew dwar id-drittijiet tal-Bniedem, iii) ftehimiet li joħolqu qafas istituzzjonali speċifiku billi jorganizzaw il-proċeduri ta’ koperazzjoni, iv) ftehimiet li għandhom implikazzjonijiet baġitarji importanti għall-Unjoni u v) ftehimiet li jkopru l-oqsma li għalihom hija applikabbli l-proċedura leġiżlattiva ordinarja (jew il-proċedura leġiżlattiva speċjali meta din tkun meħtieġa).
Jidher li huwa indikat li għandha tiġi stabbilita rabta diretta bejn il-Parlament Ewropew u r-Rappreżentant Għoli, li għandu jiġi mistieden regolarment biex jipparteċipa mhux biss fid-dibattiti fil-plenarja – lil hinn miż-żewġ dibattiti annwali dwar l-evoluzzjoni tal-PBSK u tal-PSDK -, iżda wkoll fi ħdan il-kumitati parlamentari kompetenti. Din il-prattika għandha tiġi estiża għar-rappreżentanti speċjali u għall-kummissarji kompetenti għal oqsma speċifiċi tal-azzjoni esterna tal-UE, kif ukoll għal ċerti uffiċjali tas-SEAE (Servizz Ewropew għall-azzjoni esterna) li jokkupaw karigi ta’ importanza politika evidenti. B’hekk, għalkemm il-Parlament Ewropew evidentement għandu jikkonforma mal-ħtiġijiet ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-trattament ta’ ċerta informazzjoni sensittiva relatata mal-PBSK, b’mod partikolari fil-qasam tad-difiża[19], b’mod parallel jista’ jassumi rwol ġdid fil-qasam tal-azzjoni esterna billi jorganizza tip ġdid ta’ “public hearings” għal dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet esterni, bil-parteċipazzjoni tal-uffiċjali tad-diversi istituzzjonijiet jew tas-SEAE, ta’ rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, eċċ.
4. It-Trattat jiddefinixxi tliet kategoriji ta’ deċiżjonijiet fil-kuntest tal-azzjoni esterna tal-Unjoni:
– deċiżjonijiet fil-kuntest tal-azzjoni esterna fit-totalità tagħha (Art. 22 TUE),
– deċiżjonijiet fil-kuntest tal-PBSK (Art. 26 TUE),
– deċiżjonijiet fl-oqsma tal-azzjoni esterna minbarra l-PBSK.
4.1. Id-deċiżjonijiet fil-kuntest tal-azzjoni esterna fit-totalità tagħha (Art. 22 TUE)
Il-Kunsill Ewropew jieħu d-deċiżjonijiet dwar id-definizzjoni tal-interessi u l-objettivi strateġiċi tal-UE fil-qasam ta’ azzjoni esterna fit-totalità tagħha (Art. 22(1) TUE) li jistgħu jirrigwardaw il-PBSK jew l-oqsma l-oħrajn tal-azzjoni esterna. Huwa jiddeċiedi b’mod unanimu, fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill, adottata skont il-proċeduri fis-seħħ għal kull qasam.
4.2. Id-deċiżjonijiet fil-qafas tal-PBSK (Art. 26 TUE)
Il-Kunsill Ewropew jadotta d-deċiżjonijiet li jidentifikaw l-interessi strateġiċi kif ukoll l-objettivi u d-direzzjonijiet ġenerali tal-PBSK (Art. 26(1) TUE). Il-Kunsill ifassal il-PBSK u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni tagħha. Dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu ugwalment b'unanimità (Art. 26(2)).
Il-Kunsill jieħu wkoll id-deċiżjonijiet dwar l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu (Art. 28(1)) u d-deċiżjonijiet dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar kwistjonijiet partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika (Art. 29(1)). Dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu wkoll mill-Kunsill b’mod unanimu (Art. 31(1)), ħlief jekk ikunu bbażati fuq deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li tirrigwarda l-interessi u l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 22(1), jekk dawn jittieħdu fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli wara talba speċifika indirizzata lilu mill-Kunsill Ewropea (fuq l-inizjattiva tiegħu jew fuq l-inizjattiva tar-Rappreżentant Għoli), jew jekk dawn jimplimentaw deċiżjoni li tiddefinixxi xi azzjoni jew xi pożizzjoni tal-UE (Art. 31(2)). Il-Kunsill Ewropew jista’, b’mod unanimu, jiddeċiedi li d-deċiżjonijiet msemmija hawn fuq jittieħdu b’maġġoranza kkwalifikata. Madankollu, ebda waħda minn dawn id-deċiżjonijiet ma tapplika jekk id-deċiżjonijiet in kwistjoni jkollhom implikazzjonijiet fil-qasam militari jew tad-difiża.
Id-deċiżjonijiet ta’ nomina ta’ rappreżentant speċjali jittieħdu wkoll b’maġġoranza kkwalifikata (Art. 33).
Id-deċiżjoni li jinħoloq Servizz Ewropew ta’ azzjoni esterna tittieħed mill-Kunsill b’mod unanimu, fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli u bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni u l-parir tal-Parlament Ewropew (Art. 27(3)) (ara iktar ’l isfel).
Il-Kunsill jadotta wkoll b’mod unanimu (b’konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew) id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-proċeduri għall-aċċess rapidu għall-krediti tal-baġit tal-UE għal inizjattivi urġenti fil-qasam tal-PBSK. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet dwar il-proċeduri tal-istituzzjoni u tal-finanzjament tal-fondi ta' tnedija, kif ukoll dwar il-ġestjoni u l-kontroll finanzjarju tagħha jittieħdu b'maġġoranza kkwalifikata (Art. 41 TUE).
Id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kunsill jadotta ftehimiet internazzjonali fil-qasam tal-PBSK huma wkoll, bħala regola ġenerali, suġġetti għall-unanimità.
4.3. Id-deċiżjonijiet f’xi oqsma oħra tal-azzjoni esterna minbarra l-PBSK
Ir-regola ġenerali tal-Artikolu 22(1), skont liema l-Kunsill Ewropew jadotta b’mod unanimu d-deċiżjonijiet marbuta mal-interessi u l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni, tapplika wkoll għas-setturi ta’ azzjoni esterna barra mill-PBSK. Iżda d-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE għal dawn l-oqsma taqa’ fi ħdan il-qafas tal-proċeduri “komunitarizzati” kurrenti: l-atti leġiżlattivi adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew speċjali skont kif previst mit-Trattat; il-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali li dwarhom il-Kunsill jiddeċiedi bħala regola ġenerali b’maġġoranza kwalifikata wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. L-unanimità hija madankollu r-regola f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti ftehimiet ta’ natura politika-kummerċjali komuni: kummerċ tas-servizzi, aspetti kummerċjali tal-proprjetà intelletwali u investimenti barranin diretti meta dawn l-ftehimiet ikun fihom xi dispożizzjonijiet li għalihom l-unanimità hija meħtieġa għall-adozzjoni tar-regolamenti fil-livell intern (art. 207(4) TFUE); kummerċ ta’ servizzi kulturali u awdjo-viżivi sakemm dawn il-ftehimiet ma joħolqux ir-riskju li tiġi ppreġudikata d-diversità kulturali u lingwistika tal-Unjoni, u għall-ftehimiet fil-qasam tas-servizzi soċjali, edukattivi u tas-saħħa skont ċerti kondizzjonijiet (Art. 207(4)(b) TFUE). Huma wkoll adottati b’mod unanimu l-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni, il-ftehimiet ta’ koperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika mal-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni u l-ftehimiet dwar xi oqsma li għalihom l-unanimità hija meħtieġa fuq il-livell intern. L-istess ħaġa tapplika għall-ftehim ta’ adeżjoni għall-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (fejn id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni trid tkun ukoll approvata mill-Istati Membri kollha skont ir-regolamenti kostituzzjonali tagħhom qabel ma dawn jidħlu fis-seħħ) - ara l-Artikolu 218(8) TFUE.
|
Rakkomandazzjoni
Kull deċi¿joni fil-qasam tal-politika barranija għandha tindika b’mod ċar f’liema qasam (u skont liema Artikolu tat-Trattat) għandha titqies sabiex tkun spjegata l-proċedura li trid tiġi segwita kemm fit-tfassil kif ukoll fit-twettiq tagħha. |
|
5. Ir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni għandha, skont id-diżpożizzjonjiet tat-Trattati, tliet dimensjonijiet:
– Il-president tal-Kunsill Ewropew jiżgura, “fil-livell u l-kwalita’ tiegħu”, ir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni fl-oqsma rilevanti għall-PBSK, “mingħajr preġudizzju għall-attributi tar-Rappreżentanza Għolja” (art. 15(6) TUE);
– ir-Rappreżentant Għoli tal-PBSK "jirrappreżenta l-Unjoni dwar il-kwistjonijiet rilevanti għall-PBSK". "Huwa jmexxi f’isem l-Unjoni djalogu politiku ma’ terzi u jesprimi l-pożizzjoni tal-Unjoni fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u fi ħdan konferenzi internazzjonali."(Art. 27(2) TUE);
– il-Kummissjoni tiżgura r-rappreżentanza barranija tal-Unjoni "bl-eċċezzjoni tal-politika barranija u tas-sigurtà komuni u ta’ każijiet oħra previsti mit-Trattati" (Art. 17 TUE). B’mod partikolari l-Kummissjoni hija responsabbli għar-rappreżentanza esterna fl-oqsma rilevanti ta’ kompetenzi Komunitarji;
– fir-rigward tal-Euro, it-Trattat jipprovdi li l-Kunsill, permezz ta’ proposta tal-Kummissjoni, jista’ jadotta l-miżuri xierqa biex jiżgura rappreżentanza magħquda fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-konferenzi internazzjonali finanzjarji. Il-Kunsill jieħu deċiżjoni wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew. Dan minħabba li l-Kummissjoni riċentament insistiet f’komunikazzjoni[20] dwar il-fatt li għalkemm l-irwol tal-euro huwa allinjat fuq il-livell internazzjonali skont il-piż ekonomiku tiegħu, jinħtieġ li 'ikunu żviluppati pożizzjonijiet komuni u tiġi kkonsolidata l-preżenza tiegħu, sabiex fl-aħħar tinkiseb pożizzjoni unika fl-istituzzjonijiet u l-fora finanzjarji internazzjonali '.
Prima facie, it-Trattat ma jikkjarifikax għal kollox is-sitwazzjoni xi ftit konfuża li hija l-qofol tal-famuża mistoqsija attribwita lil Henry Kissinger - "l-Ewropa, x’numru tat-telefon għandha?". Wieħed għandu, madanakollu, jiċċara din l-impressjoni: għandu jiġi mfakkar illi fl-Istati Membri kollha hemm diversi pożizzjonijiet politiċi b’responsabbilitajiet ta’ rappreżentanza fil-livell internazzjonali.
Fid-dawl ta’ dan, wieħed għandu jikkunsidra li l-President tal-Kunsill Ewropew ser jeżerċita ħafna funzjonijiet ta’ rappreżentanza. Għandu jitqies, kif tindika l-espressjoni "...fil-livell u l-kapaċità tiegħu...” li huwa għandu, bħala President tal-Kunsill Ewropew, jassigura r-rappreżentanzza ta’ din l-istituzzjoni fil-livell tal-PBSK. Se jkun, għaldaqstant, f’pożizzjoni li jirrappreżenta l-Unjoni Ewropea fil-kuntatti fil-livell tal-PBSK mal-Kapijiet tal-Istat barranin, jew jieħu ħsieb l-organizzazzjoni u/jew ir-rappreżentanza tal-Kunsill Ewropew fil-laqgħat ta’ livell għoli internazzjonali, kif jagħmel preżentament il-Prim Ministru tal-Istat Membru li jippresjedi l-Kunsill Ewropew. Iżda dan ma jagħtihx status ta’ inizjatur tal-PBSK jew ta’ interlokutur privileġġat fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi f’isem l-Unjoni. Dan għaliex din il-funzjoni hi attribwita b’mod ċar, sa fejn jikkonċerna l-PBSK, lir-Rappreżentant Għoli.
Filfatt, lil hinn mid-dispożizzjonijiet li diġà kienu indikati hawn fuq, b’mod partikolari l-Artikolu 27(2) TUE, l-ewwel paragrafu ta’ dan l-istess artikolu jattribwixxi lill-Rappreżentant Għoli l-funzjoni li jikkontribwixxi għall-proposti tiegħu għat-twettiq ta’ din il-politika u għall-eżekuzzjoni tagħha "bħala mandatarju tal-Kunsill". It-test ikompli jżid li r-Rappreżentant Għoli jaħdem ukoll għall-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni.
Wieħed jista’ għaldaqstant jikkonkludi li r-Rappreżentant Għoli jassumi r-responsabbiltà tar-rappreżentanza tal-UE f’dak kollu li għandu x’jaqsam mat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-PBSK – politika ta’ difiża inkluża -, u għalhekk tinkludi l-progress tad-djalogu ma’ terzi u l-espressjoni tal-opinjoni tal-UE fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali.
Il-konsegwenza tal-ħolqien ta’ pożizzjonijiet bħal tal-President tal-Kunsill Ewropew u tar-Rappreżentant Għoli hi li t-Trattat ta’ Liżbona ma jattribwixxi l-ebda rwol fil-qasam tar-rappreżentanza tal-UE, la lill-prim ministru tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza, u lanqas lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin, li mhux ser ikompli jippresjedi l-Kunsill għall-Affarijiet Barranin. Dan ma jfissirx li l-President tal-Kunsill Ewropew u r-Rappreżentant Għoli ma jistgħux jinkarigaw lill-Prim Ministru u lill-Ministru tal-"Affarijiet Barranin" tal-Istat Membru biex jeżerċita l-Presidenza tal-Kunsill ta’ ċerti missjonijiet ta’ rappreżentanza.
Dan jippreċiża għaldaqstant l-irwol tar-Rappreżentant Għoli bħala Viċi President tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha r-responsabbilità li tirrappreżenta lill-UE esternament, ħlief għall-PBSK.
F’dak li jirrigwardja l-irwol tar-Rappreżentant Għoli bħala Viċi President tal-Kummissjoni, it-Trattat jippreċiża li hu "inkarigat, fi ħdan il-Kummissjoni, mir-responsabbilitajiet li jaqgħu fuq din tal-aħħar fil-qasam tar-relazzjonijiet barranin u tal-koordinazzjoni tal-aspetti l-oħra tal-azzjoni esterna tal-Unjoni." L-organizzazzjoni tal-Kummissjoni tibqa’ madanakollu prerogativa tal-President tal-Kummissjoni. Bħala Viċi-President tal-Kummissjoni, ir- Rappreżentant Għoli jaqa’ taħt l-awtorità tal-President tal-Kummissjoni u għar-regoli li jkunu fis-seħħ fil-kulleġġ. Il-President tal-Kummissjoni jista’ minn dak il-mument ’il quddiem jiddeċiedi li jippresjedi hu stess il-laqgħat tal-kummissarji inkarigati minn kwistjonijiet marbuta ma’ azzjoni esterna.
Ir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni fl-oqsma rilevanti għal din l-istituzzjoni se tkun żgurata:
– direttament permezz tal-President tal-Kummissjoni – partikolarment fil-livell tal-Prim Ministri;
– permezz tal-Viċi President tal-Kummissjoni (Rappreżentant Għoli) inkarigat mir-responsabbilitajiet tal-Kummissjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet barranin u tal-koordinazzjoni ta’ oqsma oħra fil-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea. Hu għaldaqstant normali li jirrappreżenta wkoll l-Unjoni esternament fl-aspett "komunitarju" tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, fil-livell ministerjali, iktar u iktar meta xi drabi dawn l-aspetti jimxu id f’id ma’ kwistjonijiet rilevanti għall-PBSK;
– f’dak li jikkonċerna xi portafolji speċifiċi li għandhom dimensjoni esterna, permezz ta’ wieħed mill-kummissarjata settorjali (fi kliem ieħor, ir-Rappreżentant Għoli jikkoordina l-aspetti l-oħra tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, iżda ma jiħux post il-kummissarji responsabbli għall-kummerċ estern, l-iżvilupp, eċċ.).
Din l-interpretazzjoni hi kkonfermata bil-qari tal-Artikolu 218(3) TFUE dwar in-negozjar ta’ ftehimiet internazzjonali: "3. Il-Kummissjoni, jew ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u għall-politika ta’ sigurtà meta l-ftehim partikolari jistrieħ esklussivament jew prinċipalment fuq il-politika barranija u s-sigurtà komuni, tippreżenta rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, li jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati u tappunta, fil-qasam tal-kwistjoni tal-ftehim indikat, in-negozjatur jew il-kap tat-tim ta’ negozjar tal-Unjoni."
Jidher loġiku li n-negozjatur ta’ ftehim esklussivament jew prinċipalment rilevanti għall-PBSK ikun jew direttament ir-Rappreżentant Għoli jew xi ħadd ieħor li jkun taħt ir-responsabbilità tiegħu, jew inkella hu u l-Kummissjoni flimkien, u li fil-każijiet l-oħra jkun hu fil-kapaċità tiegħu bħala Viċi President tal-Kummissjoni jew il-Kummissjoni permezz tal-Kummissarju responsabbli mill-qasam indikat, skont il-proposta tal-Kummissjoni nnifisha.
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, wieħed jista’ jasal għal konklużjoni f’sens relattivament qrib l-ipoteżi mressqa fil-bidu ta’ dan il-kapitlu.
|
Rakkomandazzjoni:
Il-Parlament Ewropew iqis li r-rappreżentanza esterna tal-UE trid tiġi fformulata fuq dawn il-bażi:
– – il-President tal-Kunsill Ewropew għandu rwol ta’ rappreżentanza tal-UE fil-livell tal-PBSK, mingħajr madankollu ma jkollu poteri f’termini ta’ direzzjoni politika; wieħed għandu jżid, jekk ikun hemm bżonn, rwol partikolari ta’ rappreżentanza fil-Kunsill Ewropew, l-aktar fil-livell ta’ kuntatt mal-Kapijiet tal-Istat ta’ pajjiżi terzi;
– il-Kummissjoni – u b’mod partikolari il-President tagħha - irid ikollha rwol ta’ rappreżentanza fil-livell tar-relazzjonijiet esterni fit-totalità tagħhom u fil-linji politiċi settorjali inklużi fil-azzjoni esterna tal-UE (kummerċ estern, żvilupp, eċċ.)
– – ir-Rappreżentant Għoli irid kollu fl-istess ħin rwol ta’ tmexxija (inizjattiva u eżekuzzjoni) tal-PBSK, partikolarment fir-rappreżentanza tal-Unjoni fil-kuntatti ma’ terzi u fir-rappreżentanza f’organizzazzjonijiet internazzjonali; dan jinkludi li jieħu wkoll l-irwol li fil-preżent jeżerċita l-President fil-kuntest tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin (ewlieni fosthom il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Istat Membru li jkun ħa l-Presidenza); għandu wkoll rwol ta’ rappreżentanza fil-livell tal-grupp tal-azzjoni esterna jew tas-setturi tiegħu li mhumiex tal-PBSK, iżda jkun jaqa’ taħt l-awtorità tal-President tal-Kummissjoni u jkun sottomess għal deċiżjonijiet tal-kulleġġ fejn jidħlu aspetti oħra tal-azzjoni esterna.
|
|
6. Politika Komuni tas-Sigurtà u tad-Difiża (PSDK)
Fil-livell tal-politika komuni tas-sigurtà u tad-difiża, fis-settur speċifiku tal-PBSK, it-Trattat ta’ Liżbona jġib miegħu wkoll progress importanti, partikolarment il-possibilità ta’ tfassil, għall-Istati Membri li għandhom ix-xewqa politika u l-kapaċitajiet militari biex jagħmluha, koperazzjoni strutturata permanenti fil-qasam tad-difiża, li tkun tista’ twassal għal difiża komuni.
Iżda fuq pjan istituzzjonali, mingħajr ma wieħed iqis id-dħul tar-Rappreżentant Għoli bil-funzjonijiet il-ġodda tiegħu, it-tibdiliet mhumiex konsiderevoli.
Filfatt, xorta jibqa’ qabel kollox qasam intergovernattiv, li fih l-Istati Membri jiddeċiedu b’mod unanimu fuq il-biċċa l-kbira tal-kwistjonijiet.
Il-Kunsill Ewropew għandu l-rwol li jidentifika l-interessi strateġiċi tal-Unjoni, li jistabbilixxi l-għanijiet u li jiddefinixxi d-direzzjonijiet ġenerali tal-PBSK, kif ukoll kwistjonijiet li għandhom implikazzjonijiet fil-qasam tad-difiża fit-termini ġenerali tal-Artikolu 2-(1) TUE. Barra minn hekk, huwa wkoll fid-dmir li meta jasal il-waqt, jieħu deċiżjoni dwar difiża komuni reali (Art. 42(2)). Din għandha tkun deċiżjoni meħuda b’mod unanimu u li għandha tkun milqugħa mill-Istati Membri kollha skont ir-regoli konsituzzjonali speċifiċi tagħhom sabiex tħalli effett.
Id-deċiżjonijiet l-oħrajn kollha ta’ definizzjoni u implimentazzjoni tal-PSDK jinsabu f’idejn il-Kunsill, kważi dejjem b’mod unanimu (normalment permezz ta’ prosposta jew b’konsultazzjoni mar-Rappreżentant Għoli). L-eċċezzjonijiet: id-deċiżjoni li tinħoloq koperazzjoni strutturata permanenti fil-qasam tad-difiża għall-Istati Membri li għandhom ix-xewqa politika u l-mezzi militari meħtieġa; id-deċiżjoni dwar id-definizzjoni tal-istatut, is-sede u l-proċeduri ta’ funzjonament tal-Aġenzija Ewropea tal-Armamenti.
L-irwol essenzjali tal-Kunsill fil-qasam tal-PSDK joħloq għaldaqstant problema speċifika: huwa l-Kunsill għall-"Affarijiet Barranin" li għandu jerfa’ l-piż ta’ kwistjonijiet ta’ difiża, jew tkun meħtieġa formazzjoni speċifika tal-Kunsill mal-Ministri tad-Difiża? Il-fatt li l-PSDK għandha tkun parti integrali mill-PBSK, li skont it-Trattat taqa’ taħt il-kompetenza tal-Kunsill għall-"Affarijiet Barranin" bil-kundizzjoni li jkun ippresedut mir-Rappreżentant Għoli u li r-Rappreżentant Għoli jkun kompetenti wkoll għall-implimentazzjoni tal-PSDK u għar-rappreżentanza barranija ta’ dan il-qasam, jindika li għandu jkun il-Kunsill għall-"Affarijiet Barranin" li jassumi l-kompetenzi tal-Kunsill fir-rigward tal-PSDK, naturalment bis-sehem tal-Ministri tad-Difiża meta tkun meħtieġa diskussjoni ta’ kwistjonijiet speċifiċi f’dan il-qasam. L-istess prinċipju jrid għaldaqstant japplika għall-organizzazzjoni interna tal-Parlament Ewropew fis-suġġett.
F’dan il-qasam, il-Parlament Ewropew m’għandux irwol speċifiku, iżda jibqa’ l-obbligu ġenerali li jaqa’ fuq ir-Rappreżentant Għoli li jżomm il-Parlament Ewropew infurmat bit-tibdil ewlieni tal-PBSK u li jikkunsidra l-opinjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni wkoll għandha biss fil-qasam tal-PSDK irwol anċillari li tipproponi flimkien mar-Rappreżentant Għoli (f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu tal-istrumenti tal-Unjoni għall-missjonijiet f’dan il-qasam (Art. 42(4)) u tal-koperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea tal-Armamenti, skont kif ikun il-każ (Art. 45(2)).
|
Rakkomandazzjoni
Sabiex tkun assigurata l-koerenza tal-politika barranija u tat-taqsima tagħha tad-difia, il-kwistjonijiet relatati mal-PSDK għandhom jiġu trattati ugwalment fil-Kunsill għall-Affarijiet Barranin, li fih għandhom jieħdu sehem il-Ministri tad-Difiża meta l-kwistjonijiet speċifiċi f’dan il-qasam ikunu fuq l-aġenda. |
|
- [1] Rapport Leinen dwar l-irwol ġdid u r-responsabbilitajiet tal-Parlament skont it-Trattat ta’ Liżbona u r-Rapport Corbett dwar ir-reviżjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew.
- [2] Rapport Brok lill-Kumitat tal-Affarijiet Kostituzzjonali dwar l-aspetti istituzzjonali tal-ħolqien ta’ servizz Ewropew għall-azzjoni esterna li qed jiġi elaborat .
- [3] Rapport Brok dwar l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fil-kuntest tat-Trattat ta’ Liżbona.
- [4] A6 - 0179/2005: Rapport dwar il-linji gwida għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (7 ta’ Ġunju 2005, Andrew Duff).
- [5] L-interferenza tal-Kunsill Ewropew fl-iżvolġiment ta’ proċeduri leġiżlattivi partikolari (ara taħt) ma tistax titqies bħala eżerċizzju ta’ funzjoni leġiżlattiva, għaliex din tinkludi biss li tittieħed deċiżjoni rigward l-iżvolġiment tal-proċedura, fil-każ ta’ blokki partikolari, u mhux li jintervjeni fid-definizzjoni tal-kontenut sostanzjali tal-leġiżlazzjoni involuta.
- [6] Hemm ukoll klawsoli speċifiċi li għandhom l-istess effett: per eżempju, l-Artikolu 312, 2 it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, rigward il-bidla għal maġġoranza kkwalifikata f’dak li jirrigwarda l-adozzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali, jew l-Artikolu 31(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea rigward il-bidla għal maġġoranza kkwalifikata rigward id-deċiżjonijiet fil-qasam tal-PBSK.
- [7] L-istess jiġri fl-ambitu tal-Artikolu 86, f’dak li jirrigwarda l-estensjoni tal-kompetenzi tal-Prokura Ewropea futura. F’dak il-każ, l-intervent tal-Kunsill Ewropew m’għandux aktar il-funzjoni ta’ katalizzatur iżda ta’ « emergency brake ».
- [8] Riżoluzzjoni “dwar il-linji għall-azzjoni għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea” (3), ivvotata fil-11.12.2005 abbażi tar-rapport Duff.
- [9] A6 - 0179/2005: Rapport dwar il-linji gwida għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (7 ta’ Ġunju 2005, Andrew Duff).
- [10] B’massimu ta’ 96 u b’minimu ta’ 6 għal kull Stat Membru, it-tqassim tas-siġġijiet bejn l-Istati Membri saret "b’mod li jitnaqqas proporzjonalment").
- [11] A6 - 0351/2007: Rapport dwar kif huwa kompost il-Parlament Ewropew (3 ta’ Ottubru 2007, Alain Lamassoure - Adrien Severin).
- [12] Xi dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ wħud mill-mexxejja Ewropej, fosthom il-President Sarkozy, iqajmu l-possibbiltà li jagħmlu dan sa mill-firma tat-Trattat għall-adeżjoni tal-Kroazja. Din tista’ tkun possibbiltà jekk it-Trattat kellu jiġi ffirmat u rratifikat fil-ħin biex b’hekk jista’ jsir adattament fil-mod kif huwa kompost il-Parlament Ewropew f’data li tkun qrib dik tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona. Madankollu, dan l-adattament għandu għalhekk isir flimkien maż-żieda tan-numru ta’ membri li għandha tingħata l-Kroazja, u dan għandu jwassal biex in-numru tal-membri tal-Parlament Ewropew ikun ogħla minn 754, ukoll matul il-leġiżlatura ta’ bejn 2009-2014. Dan jista’ jkun possibbli, sakemm jinkiseb ftehim politiku informali mal-Parlament Ewropew (bħal dak li sar qabel ġie adottat it-Trattat ta’ Liżbona), meta jiġi kkunsidrat il-fatt li mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona ikun jiddependi mill-Parlament Ewropew, fuq inizjattiva tiegħu u bl-approvazzjoni tal-Kunsill Ewropew, biex jiddeċiedi dwar kif ikun kompost il-Parlament Ewropew, u speċjalment biex jiddeċiedi dwar distribuzzjoni ġdida biex ikun hemm 751 membru fl-elezzjonijiet tal-2014, skont il-prinċipji u l-proċedura previsti fit-Trattat ta’ Liżbona.
- [13] Fil-fatt, bejn wieħed u ieħor, din hija ripetizzjoni ta’ dak li sar fl-2004 li, fil-parti l-kbira tiegħu, informalment ġa jfisser dak li t-Trattat Kostituzzjonali, li għadu kif ġie konkluż, kien irrakkomanda u li ġie kkonfermat minn dak li sar permezz tat-Trattat ta’ Liżbona. Il-Kunsill Ewropew għandu jivverifika l-volontà politika billi juri x-xewqa li jikkunsidra dak li ried l-elettorat Ewropew.
- [14] Bħalma ġie emendat permezz tal-att dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni għall-Unjoni Ewropea tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika tas-Slovakkja, u bl-adattamenti għat-Trattati li fuqhom twaqqfet l-Unjoni Ewropea (Art. 45(c))
- [15] Ara f’dan ir-rigward ir-rapport Böge dwar l-isfidi politiċi u l-mezzi baġitarji tal-Unjoni mkabbra 2007-2013 u r-rapport Guy-Quint.
- [16] Ftehim interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba tas-17 ta’ Mejju 2006.
- [17] B’dan il-mod, ir-rwol tal-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-ipprogrammar annwali tal-Kunsill għall-affarijiet ġenerali jikkorrispondi għal dak li huwa previst jew fuq il-livell tad-Dikjarazzjoni 9 iċċitata, jew inkella fil-ftehim interistituzzjonali “Nilleġiżlaw b’mod aħjar".
- [18] Minkejja t-titolu "Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-Azzjoni esterna tal-Unjoni u Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika barranija u ta' sigurtà komuni", dan fih biss żewġ artikoli li jiddefinixxu b’mod ġenerali l-prinċipji li jiggwidaw l-azzjoni esterna kollha tal-UE u l-oħrajn kollha jirrigwardaw il-PBSK.
- [19] Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat il-ġdid ser jeħtieġ barra minn hekk reviżjoni tal-ftehim interistituzzjonali dwar l-aċċess tal-Parlament Ewropew għal informazzjoni sensittiva tal-Kunsill fil-qasam tal-politika ta’ sigurtà u difiża (Ftehim interistituzzjonali tal-20 ta’ Novembru 2002 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-aċċess tal-Parlament Ewropew għal informazzjoni sensittiva tal-Kunsill fil-qasam tal-politika ta’ sigurtà u difiża ).
- [20] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Mejju 2008 fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju tal-introduzzjoni tal-euro.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (17.2.2009)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
dwar l-impatt tat-Trattat ta’ Liżbona fuq l-iżvilupp tal-ekwilibriju istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea
(2008/2073(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Renate Weber
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li t-Trattat ta Liżbona jistipula li "Il-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni u dik tal-Istati Membri għandhom jikkumplimentaw u jsaħħu lil xulxin" u li l-objettiv primarju ta' din il-politika huwa "it-tnaqqis u, eventwalment, il-qerda tal-faqar" u jenfasizza li l-koperazzjoni għall-iżvilupp hija politika awtonoma u distinta b'objettivi speċifiċi definiti;
2. Jenfasizza li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jagħmlu sforz sabiex ikun hemm koordinazzjoni msaħħa bejn id-donaturi u diviżjoni aħjar tal-ħidma, li għandhom jikkontribwixxu sabiex l-għajnuna tkun aktar effettiva, u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex ikollhom rwol akbar ta' koordinazzjoni;
3. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li t-Trattat ta' Liżbona jżomm il-proċedura tal-kodeċiżjoni fil-qasam tal-koperazzjoni għall-iżvilupp; jenfasizza li dan ifisser li l-Parlament għandu jagħmel użu sħiħ mis-setgħat tiegħu biex isawwar il-kontenut tar-regolamenti u mid-dritt tiegħu ta' skrutinju demokratiku tal-aspetti kollha tal-politika tal-koperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE;
4. Jinnota li l-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008 ħa d-deċiżjoni politika li n-numru ta' Kummissarji jinżamm għal dak ta' wieħed għall kull Stat Membru u jistieden lill-President il-ġdid tal-Kummissjoni biex jirrispetta, fl-allokazzjoni tal-portafolli, l-ispeċifiċità meħtieġa tal-koperazzjoni għall-iżvilupp bħala qasam awtonomu tal-politika;
5. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħolqien tal-pożizzjoni għolja l-ġdida ta’ Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika tas-Sigurtà iżda jirrimarka li hemm riskju li l-politiki tar-relazzjonijiet barranin u tas-sigurtà jiġu pprijoritizzati a skapitu tal-prijoritajiet ta’ żvilupp, li jispiċċaw marġinalizzati; ifakkar li t-Trattat ta’ Liżbona jqiegħed lill-politika tal-iżvilupp fl-istess livell ta’ politiki esterni oħrajn;
6. Jenfasizza li l-persunal tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu jkollu numru suffiċjenti ta’ esperti tal-iżvilupp;
7. Jemmen li l-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Liżbona hija opportunità biex tiġi rriveduta l-istruttura istituzzjonali tal-Kummissjoni Ewropea u biex jittejjeb it-tqassim tal-kompetenzi bejn id-Direttorat Ġenerali għall-Iżvilupp (DĠ DEV) u d-Direttorat Ġenerali għar-Relazzjonijiet Esterni (DĠ RELEX) tagħha, bil-għan li jiżdiedu l-effiċjenza u l-koerenza, l-aktar billi d-DĠ DEV tingħata r-responsabilità tal-politiki u l-programmi kollha ta’ għajnuna għall-iżvilupp fiż-żoni ġeografiċi kollha (mhux biss l-ACP, iżda wkoll f’pajjiżi li jibbenefikaw mill-Istrument ta’ Koperazzjoni għall-Iżvilupp) u billi l-EuropeAid tiddaħħal fid-DĠ DEV; f’dan il-kuntest, jappella biex ikun hemm aktar koperazzjoni bejn id-DĠ DEV u d-DĠ RELEX biex jintlaħqu l-għanijiet globali tal-azzjoni esterna tal-UE;
8. Jinsisti li, biex tiġi żgurata l-koerenza politika għall-iżvilupp, hemm bżonn kontinwu ta' direttorat ġenerali speċifiku għall-iżvilupp fil-livell amministrattiv, responsabbli għat-tfassil tal-politika, l-għoti ta' pariri u l-ġestjoni tal-koperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data tal-adozzjoni |
17.2.2009 |
|
|
|
||
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
20 0 3 |
||||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alessandro Battilocchio, Thijs Berman, Thierry Cornillet, Corina Creţu, Alexandra Dobolyi, Fernando Fernández Martín, Alain Hutchinson, Romana Jordan Cizelj, Filip Kaczmarek, Glenys Kinnock, Maria Martens, Gay Mitchell, Luisa Morgantini, José Javier Pomés Ruiz, José Ribeiro e Castro, Toomas Savi, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Feleknas Uca |
|||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Miguel Angel Martínez Martínez, Manolis Mavrommatis, Renate Weber, Gabriele Zimmer |
|||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data ta' l-adozzjoni |
9.3.2009 |
|
|
|
||
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
19 1 1 |
||||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Enrique Barón Crespo, Bastiaan Belder, Richard Corbett, Jean-Luc Dehaene, Andrew Duff, Anneli Jäätteenmäki, Aurelio Juri, Martin Kastler, Timothy Kirkhope, Jo Leinen, Íñigo Méndez de Vigo, Adrian Severin, József Szájer, Riccardo Ventre, Johannes Voggenhuber, Andrzej Wielowieyski |
|||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Costas Botopoulos, Catherine Boursier, Elmar Brok, Carlos Carnero González, Panayiotis Demetriou, Sirpa Pietikäinen |
|||||