RAKKOMANDAZZJONI dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehima ta' Sħubija Ekonomika interim bejn il-Kosta tal-Avorju, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra
16.3.2009 - (5535/2009 – COM(2008)0439 – C6‑0064/2009 – 2008/0136(AVC)) - ***
Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Erika Mann
Rapporteur għal opinjoni (*):
Johan Van Hecke, Kumitat għall-Iżvilupp
(*) Proċedura b'kumitati assoċjati – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehima ta' Sħubija Ekonomika interim bejn il-Kosta tal-Avorju, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra
(5535/2009 – COM(2008)0439 – C6‑0064/2009 – 2008/0136(AVC))
(Proċedura ta' kunsens)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2008)0439),
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija Ekonomika interim bejn il-Kosta tal-Avorju minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (5535/2009),
– wara li kkunsidra t-talba għal kunsens magħmula mill-Kunsill skont l-Artikoli 133 u 181, flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(3) tat-Trattat KE (C6-0064/2009),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 75 u 83(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0144/2009),
1. Jagħti l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehima;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Kosta tal-Avorju.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-Kosta tal-Avorju kkonkludiet Ftehima ta' Sħubija Ekonomika interim mal-UE f'Diċembru tal-2007. Il-Ftehima ddaħħlet fis-seħħ sabiex ikun evitat li titwaqqaf l-esportazzjoni lejn l-UE wara li d-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ tal-Ftehima ta' Cotonou skadew fl-aħħar ta' dak ix-xahar. Il-Ftehima interim attwali hija primarjament Ftehima li tgħodd biss għall-prodotti iżda minkejja dan tkopri xi kwistjonijiet oħra, bħall-koperazzjoni u ċerti impenji fil-qasam a) tal-faċilitazzjoni doganali u kummerċjali, b) tal-ostakoli tekniċi għall-kummerċ, ċ) tal-miżuri sanitarji u fitosanitarji. L-Artikolu 36 jafferma mill-ġdid id-drittijiet u l-obbligi nnegozjati fi ħdan id-WTO, kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi li joriġinaw mill-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (IPPC), mill-Codex Alimentarius u mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tal-Annimali (OIE). Bħala riżultat tal-Ftehima interim, l-esportazzjoni ewlenija tal-Kosta tal-Avorju għadha tibbenefika minn aċċess preferenzjali għas-swieq tal-UE.
Il-Ftehima ta' Sħubija Ekonomika interim tirrappreżenta soluzzjoni temporanja filwaqt li jissoktaw in-negozjati għal Ftehima ta' Sħubija Ekonomika aħħarija li tkopri r-reġjun kollu tal-Afrika tal-Punent. Il-Ftehima ta' Sħubija Ekonomika aħħarija tissostitwixxi għalkollox dawn il-Ftehimiet interim. In-negozjati għal Ftehima ta' Sħubija Ekonomika aħħarija li tkopri r-reġjun tal-Afrika tal-Punent (il-Benin, Burkina Faso, Kap Verde, il-Gambja, il-Gana, il-Ginea Bissaw, il-Kosta tal-Avorju, il-Liberja, il-Mali, il-Mawritanja, in-Niġer, in-Niġerja, is-Senegal, Sierra Leone u t-Togo) għadhom għaddejjin. L-objettiv tal-UE u tal-Afrika tal-Punent f'dawn in-negozjati huwa li tintlaħaq ftehima f'livell reġjonali, li tappoġġja l-iżvilupp u tħeġġeġ l-integrazzjoni reġjonali.
Peress li l-bqija tar-reġjun tal-Afrika tal-Punent, bl-eċċezzjoni ta' Kap Verde u tan-Niġerja, huwa magħmul minn Pajjiżi li huma l-Anqas Żviluppati, dawn għandhom aċċess mingħajr dazji għall-UE skont l-iskema "Kollox Minbarra l-Armi" (EBA) filwaqt li jkomplu n-negozjati għal Ftehima ta' Sħubija Ekonomika Aħħarija.
L-importazzjoni kollha mill-Kosta tal-Avorju daħlet fl-UE bla dazju u bla kwoti mill-1 ta' Jannar 2008 (minbarra l-perjodi ta' tranżizzjoni sal-2010 għar-ross u sal-2015 għaz-zokkor) u dan il-fatt jirrappreżenta titjib sinifikanti meta mqabbel mas-sistema kummerċjali preċedenti ta' Cotonou.
Bi tpattija, matul il-15-il sena li jmiss, il-Kosta tal-Avorju se tilliberalizza 81% tal-importazzjoni mill-UE (jiġifieri 89% tal-linji tariffarji) f'oqsma bħall-magni industrijali (pompi, ġeneraturi, turbini, eċċ.), ċerti vetturi (dgħajjes, ajruplani, karozzi), u ċerti prodotti kimiċi. Dawn huma kollha inputs użati mill-industrija tal-Kosta tal-Avorju li mhumiex prodotti lokalment u li għalhekk inaqqsu l-ispejjeż tal-inputs għan-negozji lokali.
Il-Kosta tal-Avorju eskludiet għadd ta' prodotti agrikoli u ta' prodotti pproċessati mhux agrikoli mil-liberalizzazzjoni, l-aktar biex tiggarantixxi l-protezzjoni ta' ċerti swieq u industriji agrikoli sensittivi iżda wkoll sabiex iżżomm id-dħul fiskali. Il-prodotti konċernati huma: it-tiġieġ u laħam ieħor, it-tadam, il-basal, iz-zokkor, it-tabakk, il-birra, il-ħwejjeġ użati, is-siment, ix-xgħir, il-gażolina u l-karozzi.
Hemm mekkaniżmu dettaljat ta' soluzzjoni tat-tilwim biex jappoġġja l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehima u Regoli ta' Oriġini ġodda u mtejba jkunu mehmuża mal-Ftehima ta' Sħubija Ekonomika interim malli jintlaħaq ftehim mar-reġjun kollu fil-qafas tan-negozjati ġenerali tal-Ftehima ta' Sħubija Ekonomika. Sadattant, il-Kosta tal-Avorju se tibbenefika minn regoli ta' oriġini mtejba tal-Ftehima ta' Sħubija Ekonomika ġenerali (Regolament tal-Kunsill Nru 1528/2007). Ir-Rapporteur jilqa' b'sodisafzzjon il-fatt li, fir-rigward tal-proprjetà intellettwali, l-għerf tradizzjonali jkun kopert ukoll, sa ċertu punt, fil-qafas tal-Ftehima aħħarija.
L-Artikolu 20 (is-sigurtà tal-ikel) jippermetti, flimkien mal-Artikolu 25 (miżuri ta' salvagwardja bilaterali) u mal-Artikolu 12 (dazji doganali ta' prodotti li joriġinaw mill-Kosta tal-Avorju) u mal-Artikolu 13 (dazji doganali fuq prodotti li joriġinaw fil-KE), li jittieħdu miżuri xierqa fil-każ li d-disponibilità tal-prodotti tal-ikel jew l-aċċess għalihom li huma meħtieġa biex tkun żgurata s-sigurtà tal-ikel ma jkunux iggarantiti. Ir-Rapporteur jixtieq li l-Ftehima aħħarija jkun fiha impenji ġodda fir-rigward tal-ħarsien tal-bijodiversità u tal-mekkaniżmu FLEGT.
Il-Preambolu tal-Ftehima interim jafferma mill-ġdid l-impenn ewlieni mill-Ftehima ta' Cotonou favur id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt; ir-Rapporteur jixtieq li Ftehima ta' Sħubija Ekonomika aħħarija tinkludi impenji ġodda ċari f'dawk l-oqsma.
Diversi dispożizzjonijiet rigward il-koperazzjoni għall-iżvilupp jidentifikaw l-oqsma prijoritarji ta' koperazzjoni għall-iżvilupp biex jakkumpanjaw l-implimentazzjoni tal-Ftehima ta' Sħubija Ekonomika interim. Il-Preambolu jinkludi referenza għall-importanza tal-objettivi ta' iżvilupp miftiehma fil-livell internazzjonali u tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti. Ir-Rapporteur ifakkar fl-impenn li ttieħed fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ, li l-għajnuna tal-UE marbuta mal-kummerċ tiżdied għal € 2 biljuni fis-sena sal-2010 (€ 1 biljun mill-Komunità, € 1 biljun mill-Istati Membri); barra minn hekk, il-Parlament jixtieq li, fir-rigward tal-finanzjament, ikunu previsti impenji kwantifikati u marbuta b'kalendarju, li jiżguraw li l-Kosta tal-Avorju tista' tadatta għall-bidliet.
Fl-aħħar nett jiddikjara li, f'każijiet meta l-Parlament ma jagħtix il-kunsens tiegħu għall-konklużjoni ta' ftehima internazzjonali, il-Kunsill jew il-Kummissjoni huma obbligati li jinfurmaw lill-pajjiżi sħab li l-Komunità mhijiex bi ħsiebha tikkonkludi l-ftehima. Dan għandu jwassal biex titwaqqaf l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehima. L-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati jiddikjara li "Sakemm it-Trattat ma jistipulax xort'oħra jew sakemm l-Istati li jkunu qed jinnegozjaw ma jkunux ftiehmu xort'oħra, l-applikazzjoni provviżorja ta' trattat jew ta' parti minn trattat fir-rigward ta' Stat għandha titwaqqaf jekk dak l-Istat jinnotifika lill-Istati l-oħra li bejniethom it-trattat ikun qed jiġi applikat provviżorjament bl-intenzjoni tiegħu li ma jkollhomx sehem fit-trattat."
Meta l-Kunsill jieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni provviżorja, jieħu r-responsabilità politika li japplika provviżorjament ftehima li jaf li tista' tkun irrifjutata 'l quddiem mill-Parlament u li, għaldaqstant, l-applikazzjoni provviżorja tagħha jkollha tintemm jekk il-ftehima ma tidħolx fis-seħħ.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (*) (10.3.2009)
għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika Interim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Kosta tal-Avorju, fuq in-naħa l-oħra.
(5535/2009 - COM(2008)0439 – C6‑0064/2009 – 2008/0136(AVC))
Rapporteur għal opinjoni: Johan Van Hecke
(*) Proċedura b'kumitati assoċjati – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura
ĠUSTIFIKAZZJONI FIL-QOSOR
Fl-2000, l-ACP u l-UE qablu li jbiddlu s-sistema eżistenti ta' prefenzi kummerċjali mogħtija mill-UE lill-importazzjonijiet mill-ACP b'arranġamenti ġodda kumpatibbli mar-regoli tad-WTO. In-negozjati għall-hekk imsejħa Ftehimiet ġodda ta' Sħubija Ekonomika (EPAs) inbdew fl-2002. Peress li l-kwasola ta' rinunzja tad-WTO, li kienet tkopri l-arranġamenti kummerċjali eżistenti, kienet se tiskadi f'Jannar 2008, l-iskadenza għal arranġamenti ġodda kienet iffissata għall-31 ta' Diċembru 2007. Dan hu stipulat fl-Artikolu 37 tal-Ftehima ta' Sħubija ta' Cotonou bejn l-UE u l-pajjiżi tal-ACP.
Peress li l-objettiv tal-EPAs huwa li jinbnew u jissaħħu l-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali fl-ACP u li jitneħħew ftit ftit l-ostakli għall-kummerċ li jeżistu bejniethom (Artikolu 36), ġew stabbiliti sitt reġjuni tal-ACP għan-negozjati tal-EPA. Fil-bidu, in-negozjati tal-EPAs saru fil-livell reġjonali. Fl-aħħar tal-2007 madankollu l-UE ma laħqitx ftehim dwar l-EPA mas-16-il pajjiż fil-grupp reġjonali tal-Afrika tal-Punent. Qabel ma għaddiet l-iskadenza, il-Kummissjoni Ewropea tat bidu għal approċċ bilaterali mar-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju sabiex jiġi evitat li jiġu ostakolati l-esportazzjonijiet lejn l-UE wara li skadew id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehima ta' Cotonou.
L-iffirmar ta' ftehima interim mar-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju kellu bħala objettiv li jinżamm aċċess preferenzjali għas-swieq tal-UE għall-esportazzjonijiet ewlenin, li jinkludu l-kawkaw, il-banana u prodotti agrikoli oħra. Kien maħsub bħala soluzzjoni temporanja waqt li jkunu għadhom għaddejjin in-negozjati biex tiġi konkluża EPA komprensiva mar-reġjun tal-Afrika tal-Punent. Ftehima interim kważi identika kienet diskussa ma' pajjiż ġar, il-Gana.
Fl-aħħar ta' Novembru 2008, ir-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju ffirmat EPA interim, li jfisser li r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju hija l-ewwel pajjiż fl-Afrika li ffirma ftehima ta' sħubija ekonomika mal-Unjoni Ewropea. Fix-xhur ta' wara, din l-EPA interim kellha tiġi eżaminata fid-dettall mid-WTO.
Il-ftehima interim iffirmata f'Novembru 2008 tistipula li l-importazzjonijiet kollha mir-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju jidħlu fl-UE mingħajr dazji u mingħajr kwoti. Iddaħħlu perjodi tranżitorji sal-2010 għar-ross u sal-2015 għaz-zokkor. Bi tpattija, tul il-15-il sena li ġejjin, ir-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju se tilliberalizza 81% tal-importazzjonijiet mill-UE (li jirrappreżentaw 89% tal-linji tariffarji). L-importazzjonijiet liberalizzati tal-UE huma primarjament magni industrijali (pompi, ġeneraturi, turbini), ċerti vetturi (bastimenti, ajruplani), u ċerti kimiki. Dawn huma kollha fatturi tal-produzzjoni użati mill-industriji tal-Kosta tal-Avorju li ma jiġux prodotti lokalment. L-eliminazzjoni tat-taxxi tad-dazju fuq dawn il-prodotti se tnaqqas l-ispejjeż tal-fatturi tal-produzzjoni għan-negozji lokali.
L-EPA interim teskludi numru ta' prodotti agrikoli u prodotti mhux agrikoli pproċessati mil-liberalizzazzjoni, kif mitlub mir-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju, biex jiġi żgurat il-ħarsien ta' ċerti swieq agrikoli u industriji sensittivi iżda wkoll biex jinżamm id-dħul fiskali. It-tiġieġ u laħmijiet oħra, it-tadam, il-basal, iz-zokkor, it-tabakk, il-ħwejjeġ użati, is-siment, ix-xgħir, il-gażolina u l-karozzi huma esklużi.
Fl-EPA interim ġew iddeterminati xi oqsma prijoritarji ta' koperazzjoni għall-iżvilupp biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-EPAs interim. L-oqsma ewlenin identifikati huma t-tisħiħ u t-titjib tal-kapaċità tas-settur produttiv, il-koperazzjoni fil-qasam tal-aġġustament fiskali, it-titjib tal-ambjent tan-negozju u l-implimentazzjoni tar-regoli kummerċjali fil-ftehimiet.
L-għajnuna Ewropea rigward it-teknikalitajiet u kif ukoll il-miżuri sanitarji u fitosanitarji biex l-esportaturi tal-Afrika tal-Punent jiġu megħjuna jissodisfaw l-istandards tal-importazzjoni tal-UE wkoll huma inklużi.
Fil-fehma tar-rapporteur, din il-ftehima interim hija biss soluzzjoni temporanja u trid tiġi interpretata bħala tali. Itenni li l-objettiv aħħari ta' din il-ftehima interim huwa li jingħata aktar żmien biex ikun hemm negozjati mal-pajjiżi tal-grupp reġjonali tal-Afrika tal-Punent rigward EPA reġjonali sħiħa. Jittama li n-negozjati dwar din l-EPA reġjonali sħiħa iseħħu b'rispett reċiproku u jqisu t-tħassib li tqajjem mis-sħab tal-ACP.
Sadanittant, peress li l-bqija tar-reġjun tal-Afrika tal-Punent huwa primarjament magħmul minn pajjiżi li huma l-inqas żviluppati, dawn għandhom aċċess mingħajr dazji għall-UE skont l-iskema Kollox Minbarra l-Armi (EBA). L-eċċezzjonijiet huma l-Kap Verde u n-Niġerja. Il-Kap Verde se jkompli jibbenefika mis-sistema EBA għal tliet snin oħra, filwaqt li n-Niġerja tibbenefika mis-Sistema regolari tal-UE ta' Preferenzi Ġeneralizzati.
Bħala Chairperson, Mohamed Ibn Chambas qal, matul il-61 Sessjoni Ordinarja tal-Kunsill tal-Ministri tal-ECOWAS f'Burkina Faso, li l-konsolidazzjoni tal-proċess ta' integrazzjoni reġjonali fl-Afrika tal-Punent huwa neċessità, mhux l-anqas fl-isfond tal-kriżi finanzjarja globali. Ir-reġjun tal-Afrika tal-Punent għandu l-ħsieb li jiffinalizza l-offerta tiegħu għal aċċess komuni għas-swieq tal-prodotti fil-bidu tal-2009.
L-impenn tal-UE fir-rigward tat-tkabbir reġjonali u l-integrazzjoni ekonomika tal-Afrika tal-Punent jinsab fl-EPAs. Issarraf diġà fl-impenn finanzjarju ta' madwar 600 miljun euro għall-istati membri tal-ECOWAS. Xejn inqas minn 70% tal-ammont huma maħsuba biex tiġi approfondita l-integrazzjoni reġjonali, kif ukoll biex tittejjeb il-kompetittività tal-EPA, filwaqt li 20% huma maħsuba għall-konsolidazzjoni tat-tmexxija tajba u tal-istabilità reġjonali.
Meta tiġi ffirmata l-EPA sħiħa u tkun akkumpanjata b'għajnuna finanzjarja biex tgħin tibni l-kapaċità kummerċjali, ir-rapporteur jemmen li din l-EPA se jkollha effett pożittiv sostanzjali fuq ir-reġjun tal-Afrika tal-Punent. It-tneħħija tal-ostakli globali għall-kummerċ huwa l-mod rikonoxxut biex titrawwem il-prosperità fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, kif ukoll l-integrazzjoni reġjonali.
Fl-aħħarnett, ir-rapporteur jenfasizza li l-Kummissjoni, u kif ukoll il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, iddikjaraw ripetutament li l-mekkaniżmi għall-immoniterjar u l-analiżi tal-impatti tal-implimentazzjoni u tal-iżvilupp se jkunu parti ċentrali tal-EPAs.
******
Konklużjoni
Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jipproponi li l-Parlament jagħti l-kunsens tiegħu, soġġett għar-ratifika mir-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju tal-Ftehima ta' Sħubija Ekonomika Interim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju
PROĊEDURA
Titolu |
Ftehima ta’ Sħubija Ekonomika interim bejn il-Komunità Ewropea u l-Kosta tal-Avorju |
|||||||
Referenzi |
05535/2009 – C6-0064/2009 – COM(2008)0439 – 2008/0136(AVC) |
|||||||
Data tat-talba għall-kunsens tal-PE |
17.2.2009 |
|||||||
Kumitat responsabbli |
INTA |
|||||||
Opinjoni mogħtija minn Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
DEVE 19.2.2009 |
|
|
|
||||
Kumitat(i) assoċjat(i) - data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
19.2.2009 |
|
|
|
||||
Rapporteur Data tal-ħatra |
Johan Van Hecke 15.7.2008 |
|
|
|||||
Data tal-adozzjoni |
9.3.2009 |
|
|
|
||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
12 8 0 |
||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Margrete Auken, Thijs Berman, Thierry Cornillet, Nirj Deva, Beniamino Donnici, Alain Hutchinson, Romana Jordan Cizelj, Madeleine Jouye de Grandmaison, Maria Martens, José Ribeiro e Castro, Frithjof Schmidt, Jürgen Schröder, Feleknas Uca, Johan Van Hecke |
|||||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
John Bowis, Martin Kastler, Manolis Mavrommatis, Gabriele Zimmer |
|||||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Catherine Boursier, Ignasi Guardans Cambó |
|||||||
PROĊEDURA
Titolu |
Ftehima ta’ Sħubija Ekonomika interim bejn il-Komunità Ewropea u l-Kosta tal-Avorju |
|||||||
Referenzi |
05535/2009 – C6-0064/2009 – COM(2008)0439 – 2008/0136(AVC) |
|||||||
Data tat-talba għall-kunsens tal-PE |
17.2.2009 |
|||||||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
INTA 19.2.2009 |
|||||||
Kumitat mitlub jagħti opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
DEVE 19.2.2009 |
|
|
|
||||
Kumitat assoċjat Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
DEVE 19.2.2009 |
|
|
|
||||
Rapporteur Data tal-ħatra |
Erika Mann 9.9.2008 |
|
|
|||||
Eżami fil-kumitat |
5.11.2008 |
24.2.2009 |
|
|
||||
Data tal-adozzjoni |
16.3.2009 |
|
|
|
||||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
12 4 1 |
||||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Kader Arif, Ignasi Guardans Cambó, Jacky Hénin, Syed Kamall, Caroline Lucas, Erika Mann, Helmuth Markov, David Martin, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Tokia Saïfi, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Corien Wortmann-Kool |
|||||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Vasco Graça Moura, Eugenijus Maldeikis |
|||||||
Sostituti (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Philip Bushill-Matthews, Manolis Mavrommatis |
|||||||
Data tat-tressiq |
18.3.2009 |
|||||||