RAPPORT dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007
20.3.2009 - (C6‑0421/2008 – 2008/2281(DEC))
Taqsima VII – Kumitat tar-Reġjuni
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur għal opinjoni: Søren Bo Søndergaard
1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, Taqsima VII – Kumitat tar-Reġjuni
(C6‑0421/2008 – 2008/2281(DEC))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007[1],
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2007 – Volum I (C6–0421/2008)[2],
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kumitat tar-Reġjuni lill-awtorità ta' kwittanza dwar verifiki interni mwettqa fl-2007,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2007, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet li ġew verifikati[3],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom hija bbażata, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 248 tat-Trattat KE[4],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 272(10) u l-Artikoli 274, 275 u 276 tat-Trattat tal-KE,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[5], u b’mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0153/2009),
1. Jagħti kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu għas-sena finanzjarja 2007;
2. Jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fir-riżoluzzjoni ta' hawn taħt;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni u r-riżoluzzjoni li tifforma parti integrali minnha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).
2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
b'osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, Taqsima VII – Kumitat tar-Reġjuni
(C6‑0421/2008 – 2008/2281(DEC))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007[6],
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2007 – Volum I (C6–0421/2008)[7],
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kumitat tar-Reġjuni lill-awtorità ta' kwittanza dwar verifiki interni mwettqa fl-2007,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2007, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet li ġew verifikati[8],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom hija bbażata, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 248 tat-Trattat KE[9],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 272(10) u l-Artikoli 274, 275 u 276 tat-Trattat tal-KE,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[10], u b’mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0153/2009),
1. Jinnota li fl-2007 il-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) kellu approprjazzjonijiet ta' impenn disponibbli li jammontaw għal total ta' EUR 68.6 miljun (2006: EUR 74.4 miljun), b'rata ta' użu ta' 96.22%;
2. Jirrimarka li l-Qorti tal-Awdituri indikat fir-Rapport Annwali tagħha li l-verifika ma tatx lok għal xi osservazzjonijiet sinifikanti fir-rigward tal-KtR;
3. Jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar f'Diċembru 2007 ta' Ftehima ġdida ta' Koperazzjoni Amministrattiva bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-KtR għall-perjodu mill-2008 sal-2014; huwa konvint li l-koperazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet se tkun vantaġġjuża finanzjarjament għal dawk li jħallsu t-taxxa fl-Ewropa; jilqa' wkoll il-fatt li l-KtR nieda ċ-ċertifikazzjoni EMAS (Eco-Management and Audit Scheme) tiegħu;
4. Jinnota b'sodisfazzjon l-impenn ċar taż-żewġ Kumitati għall-għan li jarmonizzaw l-ambjent ta' kontroll intern u l-istandards tagħhom, ibbażat fuq l-aħjar prattiki, kif ukoll proċeduri finanzjarji relevanti oħra marbuta mas-Servizzi Konġunti;
5. Jinnota li l-Ftehima l-ġdida żżomm l-aktar oqsma importanti (infrastrutturi, IT u telekomunikazzjonijiet, kif ukoll t-traduzzjoni, inkluża l-produzzjoni ta’ dokumenti) fi ħdan ir-responsabilità tas-Servizzi Konġunti, waqt li numru limitat ta' servizzi huma diżassoċjati, bħas-servizzi interni, is-servizz soċjo-mediku, il-librerija u l-‘prepress’;
6. Jinsisti madankolllu li din id-diżassoċjazzjoni għandha jkun newtrali għall-baġit u, għalhekk, iħeġġeġ liż-żewġ Kumitati biex iwettqu analiżi konġunta, bħala parti mir-reviżjoni ta’ nofs il-perjodu ta’ żmien, biex jinstab jekk iċ-ċaqliq ta’ riżorsi jkunx ta' benefiċċju għat-tnejn; Jistieden liż-żewġ Kumitati sabiex iżommu lill-Parlament infurmat dwar l-evalwazzjoni tal-ftehimiet żgħar ta' koperazzjoni (mini-cooperation agreements) fl-oqsma kkonċernati mis-separazzjoni, kmieni fl-2009;
7. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehima dwar il-livell tas-servizz konkluża bejn il-KtR u d-DĠ tal-Baġit tal-Kummissjoni, dwar l-implimentazzjoni tal-ABAC (applikazzjoni tal-finanzi u tal-kontabilità ġdida), li tniedet f'Jannar 2007;
8. Jilqa' b’sodisfazzjon f'dan il-kuntest il-ħolqien ta' Taqsima tal-Kuntratti fi ħdan is-Servizzi Konġunti, li tipprovdi assistenza lid-dipartimenti operattivi kollha fis-Servizzi Konġunti fil-qasam tal-akkwist pubbliku; jinnota li skont il-Ftehima l-ġdida, is-servizz ta’ verifika tas-Servizzi Konġunti ġie ttrasferit għas-servizzi proprji ta' kull Kumitat;
9. Iqis li huwa kruċjali li l-kontrolli li jitwettqu minn, per eżempju, l-uffiċjali li jawtorizzaw, il-verifikaturi u l-awdituri, ikunu rigorużi biżżejjed; jenfasizza f’dan il-kuntest l-importanza ta’ numru adegwat ta' kontrolli mingħajr avviż fis-setturi kollha, b’addizzjoni għal dawk il-ftit setturi strateġiċi li jippreżentaw riskju ogħla;
10. Jinnota b'sodisfazzjon l-iżvilupp min-naħa tas-servizz tal-baġit tal-KtR ta' għodda ġdida ta’ monitoraġġ analitiku tal-budget ("BudgetWatch"), li tipprovdi informazzjoni komprensiva fuq il-linji u s-sottolinji baġitarji kollha tal-KtR, inklużi l-approprjazzjonijiet disponibbli, żviluppi ta’ kull xahar ta' impenji u pagamenti reali magħmula għas-sena;
11. Jilqa' b’sodisfazzjon l-istabbiliment mill-KtR ta' lista ta' postijiet sensittivi, kif ukoll l-intenzjoni tal-KtR sabiex fi ħdan l-unità tal-persunal, joħloq grupp dedikat għall-mobilità li għandu jgħin sabiex jiġi żviluppat approċċ b’viżjoni 'il quddiem għall-ippjanar tar-riżorsi umani;
12. Jinnota li s-Servizz ta' Verifika Interna wettaq tliet verifiki fl-2007 (dwar il-prestazzjoni tal-infiq tal-missjonijiet, dwar il-prestazzjoni ta' studji esterni u dwar l-adegwatezza ta' ċirkwiti finanzjarji), kif ukoll żewġ verifiki ta’ segwitu (dwar trasferimenti tas-salarji b’koeffiċjent ta’ korrezzjoni u dwar standards ta' kontroll interni);
13. Ifakkar li l-verifika interna dwar trasferimenti tas-salarji, li tlestiet fl-2006 u li inkludiet reviżjoni dettaljata tat-trasferimenti kollha eżistenti, żvelat li kien hemm dgħjufija fir-rigward tal-prinċipju tas-separazzjoni tal-funzjonijiet f'dan il-qasam (funzjonijiet ta’ tnedija u verifika interna) u l-ambjent ta' kontroll kellu jingħata prijorità akbar minħabba r-riskji kkonċernati; jinnota wkoll li fi Frar 2007 kien hemm segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Intern u t-tieni segwitu seħħ fl-2008, u li nstab li 16 minn 20 rakkomandazzjoni ġew implimentati b'mod sħiħ; iħeġġeġ lill-amministrazzjoni tal-KtR biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa ta' kull rakkomandazzjoni ta' verifika;
14. Ifakkar li, wara investigazzjoni, fir-rigward ta' tmien trasferimenti, l-OLAF stabbilixxa li dawn ma kinux f'konformità mal-kundizzjonijiet statutorji u rrakkomanda li jiġu rkuprati l-ammonti żejda mill-uffiċjali kkonċernati; jinnota b'sodisfazzjon li l-irkupri kollha tlestew kmieni fl-2007; ifakkar ukoll fir-rigward ta’ sitt membri tal-istaff, l-OLAF irrakkomanda l-ftuħ ta' proċeduri dixxiplinari, u għal ħamsa minnhom ressaq ukoll fajls lill-awtoritajiet Belġjani;
15. Josserva li, wara talba mill-awtoritajiet Belġjani, l-Awtorità tal-Ħatra tal-KtR neħħiet l-immunità tal-uffiċjali kkonċernati fis-6 ta' Lulju 2007, u li sussegwentement dawn l-uffiċjali ġew intervistati mill-awtoritajiet; jinnota wkoll li fis-17 Novembru 2008, wara talba mill-Prosekutur Pubbliku, l-immunità ta' uffiċjali ieħor tneħħiet mill-Awtorità tal-Ħatra tal-KtR;
16. Jinnota b'sodisfazzjon li tnediet inkjesta amministrattiva mis-Segretarju Ġenerali tal-KtR u saret minn ex-Viċi Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni; jiġbed l-attenzjoni li fi tnejn mill-ħames każijiet fejn il-fajls tressqu lill-awtoritajiet, l-Awtorità tal-Ħatra tal-KtR, fis-17 Jannar 2008, iddeċidiet li tiftaħ proċeduri dixxiplinarji quddiem il-Bord tad-Dixxiplina; jifhem li, skont ir-Regolamenti tal-Istaff, tista’ tittieħed deċiżjoni finali f'dawn il-każijiet biss wara li tkun ġiet mogħtija sentenza finali mill-qorti Belġjana;
17. Jinnota li fit-tliet każijiet l-oħra, l-Awtorità tal-Ħatra se tieħu d-deċiżjoni tagħha dwar il-ftuħ ta' proċeduri dixxiplinari hekk kif din tkun irċeviet l-informazzjoni neċessarja dwar is-segwitu li l-awtoritajiet Belġjani bi ħsiebhom jagħtu għal dawn il-fajls; jinnota wkoll li f’każ ulterjuri, li fih l-OLAF ma jkunx ressaq il-fajl lill-awtoritajiet Belġjani, l-Awtorità tal-Ħatra iddeċidiet, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta amministrattiva, li tindirizza twissija lill-uffiċjal ikkonċernat; itenni t-talba tiegħu għall-prosekuzzjoni stretta tal-każijiet kollha fejn tista’ tiġi pruvata imġiba qarrieqa;
18. Jitlob lill-KtR biex jikkunsidra miżuri dixxiplinarji proporzjonati jekk l-eżitu tal-każijiet pendenti jitlobhom;
19. Jinnota li l-Membri tal-KtR jew għandhom mandat elettorali ta' awtorità reġjonali jew lokali, jew ikunu politikament responsabbli minn assemblea eletta; jinnota wkoll li f'dawk il-kapaċitajiet, il-Membri għandhom jiddikjaraw l-interessi finanzjarji tagħhom, jiżvelaw informazzjoni relevanti dwar affarijiet bħal attivitajiet professjonali li għandhom ikunu dikjarati u karigi jew attivitajiet remunerati, bi qbil mad-dispożizzjonijiet prevalenti fil-korpi reġjonali u lokali; jissuġġerixxi li l-KtR jintroduċi dan l-obbligu għall-Membri tiegħu kollha; jipproponi wkoll li jinħatar uffiċjal ta' sorveljanza indipendenti li jkollu l-kariga li kull sena jirrapporta pubblikament id-dikjarazzjonijiet li jirċievi sabiex jiġu żgurati sorveljanza u kontroll kredibbli;
20. Jitlob lill-KtR biex fir-rapport ta' attività li jmiss (sena finanzjarja 2008) jinkludi kapitolu li jagħti rendikont dettaljat tas-segwitu matul is-sena għad-deċiżjonijiet preċedenti ta’ kwittanza tal-Parlament, inklużi spjegazzjonijiet li jista’ jkun hemm talli ma kienx hemm segwitu tar-rakkomandazzjonijiet, u mhux biss ta' referenza għad-deċiżjonijiet ta’ kwittanza;
21. Jinnota li, minkejja emendi għar-Regolament Finanzjarju, ir-regoli tiegħu dwar l-akkwist pubbliku għandhom goffi b'mod eċċessiv għal istituzzjonijiet żgħar bħalma huwa l-KtR, b'mod speċjali rigward sejħiet għall-offerti għal kuntratti għal ammonti relattivament żgħar; jistieden lill-Kummissjoni biex - meta tkun qed tagħmel xogħol preliminari ta' qabel it-tfassil ta' xi proposta futura tagħha għal amenda għar-Regolament Finanzjarju - tikkonsulta b'mod estensiv mas-Segretarju Ġenerali tal-KtR u l-amministrazzjoni tiegħu sabiex ikun żgurat li affarijiet li jirrigwardawhom jiġu meqjusa b'mod sħiħ fl-abbozz finali.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
16.3.2009 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
19 6 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean-Pierre Audy, Herbert Bösch, Costas Botopoulos, Mogens Camre, Paulo Casaca, Antonio De Blasio, Christofer Fjellner, Ingeborg Gräßle, Aurelio Juri, Dan Jørgensen, Nils Lundgren, Marusya Ivanova Lyubcheva, Hans-Peter Martin, Ashley Mote, Jan Mulder, Bill Newton Dunn, José Javier Pomés Ruiz, Bart Staes, Søren Bo Søndergaard |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Vasilica Viorica Dăncilă, Robert Goebbels, Christopher Heaton-Harris, Paul Rübig |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Godelieve Quisthoudt-Rowohl |
|||||
- [1] ĠU L 77, 16.3.2007. Corrigendum fil-ĠU L 203, 3.8.2007, p. 92.
- [2] ĠU C 287, 10.11.2008, p. 1.
- [3] ĠU C 286, 10.11.2008, p. 1.
- [4] ĠU C 287, 10.11.2008, p. 111.
- [5] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
- [6] ĠU L 77, 16.3.2007. Corrigendum fil-ĠU L 203, 3.8.2007, p. 92.
- [7] ĠU C 287, 10.11.2008, p. 1.
- [8] ĠU C 286, 10.11.2008, p. 1.
- [9] ĠU C 287, 10.11.2008, p. 111.
- [10] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.