RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Hannes Swoboda

1.4.2009 - (2009/2014(IMM))

Kumitat dwar l-Affarijiet Legali
Rapporteur: Klaus-Heiner Lehne

Proċedura : 2009/2014(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0190/2009
Testi mressqa :
A6-0190/2009
Dibattiti :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Hannes Swoboda

(2009/2014(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Hannes Swoboda mill-Qorti Kriminali Reġjonali ta’ Vienna, mibgħuta fl-20 Jannar 2009 u imħabbra fil-5 ta' Diċembru 2008 fis-seduta plenarja tal-5 Frar 2009,

–   wara li sema' lil Hannes Swoboda skont l-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll tat-8 ta' April 1965 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, u l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew permezz ta' vot dirett universali,

–   wara li kkunsidra s-sentenzi tat-12 ta' Mejju 1964 u tal-10 ta' Lulju 1986 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 57 tal-Liġi Kostituzzjonali Federali tar-Repubblika tal-Awstrija,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0190/2009),

1.  Jiddeċiedi li ma jneħħix l-immunità ta' Hannes Swoboda,

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Awstrija.

  • [1]  Każ 101/63, Wagner v Fohrmann u Krier, [1964] ECR. 419, u Każ 149/85, Wybot v Faure u oħrajn, [1986] ECR 2391.

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

I. Id-dispożizzjonijiet legali

L-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta' April 1965, jgħidu hekk:

Artikolu 9

Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Artikolu 10

Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

a) fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

b) fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.

L-Artikolu 57 tal-Liġi Kostituzzjonali Federali (Bundesverfassungsgesetz) tal-Awstrija jgħid dan li ġej:

Artikolu 57. (1) Membri tal-Kunsill Nazzjonali ma jistgħu qatt jiġu msejħa biex jagħtu kont għall-voti mitfugħa fl-eżerċizzju tal-kariga tagħhom; fejn huma jkunu għamlu dikjarazzjonijiet bil-fomm jew bil-miktub waqt il-qadi ta’ dmirijiethom; huma jistgħu jiġu msejħa sabiex jagħtu kont tagħhom biss mill-Kunsill Nazzjonali.

(2) Il-Membri tal-Kunsill Nazzjonali jistgħu jiġu arrestati minħabba att krimninali – minbarra f’każ fejn jinqabdu jikkommettu reat in flagrante delicto – bl-approvazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali biss. Bl-istess mod, tfittxijiet fid-djar tal-Membri tal-Kunsill Nazzjonali jistgħu jsiru biss bil-kunsens tal-Kunsill Nazzjonali.

(3) Apparti dan, il-Membri tal-Kunsill Nazzjonali jistgħu jittellgħu l-qorti mingħajr il-kunsens tal-Kunsill Nazzjonali minħabba reat punibbli biss fil-każ li dan ir-reat ma jkunx manifestament konness mal-attività politika tal-Membru in kwistjoni. L-awtorità kkonċernata għandha, madankollu, titlob deċiżjoni mill-Kunsill Nazzjonali dwar jekk tali konnessjoni teżistix, fejn dan jintalab mill-Membru in kwistjoni jew minn terz tal-membri tal-kumitat permanenti responsabbli. Fil-każ ta’ talba bħal din, kull azzjoni legali minn awtorità għandha tieqaf minnufih jew tiġi interrotta.

(4) Il-kunsens tal-Kunsill Nazzjonali jitqies li jkun ingħata f’dawn il-każijiet kollha, jekk dan ma jkunx iddeċieda fi żmien tmint ijiem dwar it-talba korrispondenti mill-awtorità kompetenti għall-proċeduri legali; sabiex il-Kunsill Nazzjonali jkun jista’ jieħdu deċiżjoni fil-ħin, il-President għandu jressaq din it-talba għall-vot l-aktar tard lejlet l-aħħar ġurnata ta’ dan il-perjodu. Iż-żmien meta l-Kunsill ma jkunx qed jiltaqa’ m’għandux jiġi meqjus f’dan il-perjodu.

(5) Fil-każ li Membru jinqabad jikkommetti reat in flagrante delicto, l-awtorità kkonċernata għandha tinnotifika lill-President tal-Kunsill Nazzjonali mingħajr dewmien li l-Membru ġie arrestat. Jekk il-Kunsill Nazzjonali jew, meta ma jkunx qed jiltaqa’, il-kumitat permanenti korrispondenti jkun jixtieq, il-Membru għandu jiġi rilaxxat, jew il-proċeduri legali għandhom jieqfu kompletament.

(6) L-immunità tal-Membri tispiċċa fil-ġurnata li fiha jiltaqa’ l-Kunsill Nazzjonali l-ġdid; fil-każ ta’ organi tal-Kunsill Nazzjonali, li l-kariga tagħhom tibqa’ sejra lilhinn minn din id-data, din tispiċċa meta din il-kariga tiġi fi tmiemha.

II. Il-fatti:

Fit-12 ta’ Novembru 2008 ġiet pubblikata stqarrija għall-istampa mis-Servizzi għat-Testi Oriġinali (OTS) tal-Austria Press Agentur, li fiha dan li ġej:

"Swoboda: Laqgħa ta’ Klaus ma’ Irlandiż li jopponi t-Trattat ta’ Riforma tal-UE skandaluża

Sottotitolu: “Il-Presidenza Ċeka telqet b’pass falz minn qabel ma bdiet”

Vjenna (SK) – Il-Membru Parlamentari Ewropew tal-SPÖ Hannes Swoboda ddeskriva l-laqgħa tal-President tal-Istat Ċek Vaclav Klaus ma’ persuna Irlandiża li tipponi t-Trattat ta’ Riforma tal-UE bħala “skandaluża”. “Mhux għax Ganley jopponi t-Trattat ta’ Liżbona, iżda għaliex dan ir-raġel qed ixerred ħafna gideb u barra minn hekk, l-iffinanzjar tal-attivitajiet tiegħu xejn m’huma ċari u huma dubjużi", qal Swoboda lis-servizz tal-istampa tal-SPÖ nhar l-Erbgħa.

Sa minn qabel ma bdiet il-Presidenza Ċeka tal-UE, għamlet pass falz. “Dawn l-attivitajiet u l-fatt li l-gvern jinsab f’xifer il-falliment huma xhieda tal-ħtieġa li l-UE għandha tingħata istituzzjonijiet aktar stabbli. U proprju dan huwa l-kompitu tat-Trattat ta' Riforma”, enfasizza Swoboda fl-aħħarnett. (Tmiem ) ps”

Il-Qorti Kriminali Reġjonali ta’ Vjenna qed titlob li titneħħa l-immunità tas-Sur Swoboda skont l-Artikolu 10(a) tal-Protokoll (Nru 36) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej (1965) u l-kunsens għall-proċeduri kontrieh skont il-liġi kriminali u tal-midja. It-talba qed tiġi ġġustifikata mill-Qorti Reġjonali għal reati kif ġej:

'Permezz ta’ prosekuzzjoni privata miġjuba quddiem il-Qorti Kriminali Reġjonali ta’ Vjenna fil-21 ta’ Novembru 2008, Declan Ganley talab li Dr Hannes Swoboda jiġi kkundanat għal difamazzjoni skont l-Artikolu 111 tal-Kodiċi Kriminali Awstrijakk fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni li ġejja lis-Servizz tal-Istampa tal-SPÖ, pubblikata fi stqarrija maħruġa mis-Servizz tat-Testi Oriġinali (OTS) tal-Aġenzija tal-Istampa tal-Awstrija (APA) fit-12 ta’ Novembru 2008: “Mhux għax Ganley jopponi t-Trattat ta’ Liżbona, iżda għaliex dan ir-raġel ixerred ħafna gideb u barra minn hekk, l-iffinanzjar tal-attivitajiet tiegħu xejn m’huma ċari u huma dubjużi".

Il-kwerelant privat iqis din l-allegazzjoni difamanti, peress li f’din id-dikjarazzjoni Dr Hannes Swoboda akkużah lill-kwerelant privat li qed jigdeb. Il-veru sinjifikat tad-dikjarazzjoni kien, skont hu, li l-kwerelant privat ġie deskritt bħala giddieb notorju. L-allegazzjoni ta’ giddieb vizzjat tikkostitwixxi difamazzjoni tal-persuna punibbli bil-liġi. L-allegazzjoni ta’ gideb hija waħda diretta lejn l-imġiba fis-sens tal-Artikolu 111(1) tal-Kodiċi Kriminali tal-Awstrija. L-allegazzjoni insinwat li l-kwerelant privat (konsistentement) għamel dikjarazzjonijiet foloz b’mod kuxjenti. Fin-nuqqas ta’ dettalji speċifiċi li jistgħu jissostanzjaw l-allegazzjonijiet, teżisti difamazzjoni fis-sens tal-Artikolu 111(1), Alternattiva 1 tal-Kodiċi Kriminali tal-Awstrija. L-allegazzjoni ta’ giddieb jew li jigdeb notorjament u li jxerred il-gideb ġabet stmerrija fuq il-kwerelant privat fl-opinjoni pubblika.

Dr Hannes Swoboda għandu jiġġustifika t-twettiq ta’ azzjonijiet deskritti fl-Artikolu 111(2) tal-Kodiċi Kriminali tal-Awstrija. Id-dikjarazzjoni offensiva ta’ Dr Hannes Swoboda ġiet ippubblikata fi stqarrija għall-istampa mill-partit tiegħu, kif kienet l-intenzjoni tiegħu. Kien proprju għal din ir-raġuni li Dr Hannes Swoboda għamel l-akkuża insostenibbli u illegali lis-servizz tal-istampa u inkoraġġixxa t-tixrid tagħha, sabiex din l-allegazzjoni tkompli tixxerrred u tkun aċċessibbli għall-massa wiesgħa tal-pubbliku.

Inter alia, il-kwerelant privat talab li l-Qorti Kriminali Reġjonali ta’ Vjenna tiżgura t-tneħħija tal-immunità ta’ Dr Hannes Swoboda permezz ta’ talba lill-President tal-Parlament Ewropew. L-akkużat m’għamilx id-dikjarazzjoni offensiva waqt sessjoni tal-Parlament iżda lill-istampa, u l-fatt li ma kienx qed igawdi minn immunità sostantiva jfisser li setgħu jittieħdu passi legali kontrieh.”

III. Evalwazzjoni

Skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, il-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu minn protezzjoni illimitata minn proċeduri legali “fir-rigward ta' opinjonijiet espressi […] fil-qadi ta' dmirijiethom”.

It-tneħħija tal-immunità ma tistax tiġi kkunsidrata jekk l-azzjonijiet li għalihom qed jiġi akkużat il-Membru seħħew waqt il-qadi ta’ dmirijietu jew b’konnessjoni diretta ma’ dawn id-dmirijiet. Konsegwentement, il-Parlament għandu jiddefendi l-immunità ta’ Membru skont l-Artikolu 9 jekk l-azzjonijiet in kwistjoni jkunu twettqu waqt il-qadi ta’ dmirijietu jew b’konnessjoni diretta ma’ dawn id-dmirijiet.

Id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Swoboda li jirreferu għall-kwerelant privat, kif riprodotti fl-istqarrija għall-istampa tat-12 ta’ Novembru 2008, ma jistgħux jiġu sseparati mill-kuntest ġenerali tagħhom. Huma konnessi b’mod dirett mal-kummenti u l-opinjonijiet espressi mis-Sur Swoboda fir-rigward ta’ laqgħa bejn il-President Ċek Vaclav Klaus u l-kwerelant privat, is-Sur Declan Ganley, persuna magħrufa għall-oppożizzjoni tagħha għat-Trattat ta’ Liżbona, dwar is-suġġett tal-Presidenza Ċeka (li dak iż-żmien kienet għadha ġejja), l-istituzzjoni tal-UE u l-kompiti tat-Trattat ta’ Liżbona.

Filwaqt li esprima l-fehmiet tiegħu dwar kwistjonijiet daqshekk fundamentali tal-Unjoni Ewropea lill-kostitwenti tiegħu, kien qed jaqdi dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew. Il-fatt li d-dikjarazzjonijiet tiegħu ikkonċernaw ukoll, b’mod partikolari, l-attitudini lejn it-Trattat ta’ Liżbona tal-President tal-Istat Membru tal-UE li ftit żmien wara kellu jassumi l-Presidenza tal-Kunsill ipoġġi dawn id-dikjarazzjonijiet fil-kuntest ta’ diskussjoni politika leġittima.

Dan għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tiegħu u ma jistax jiġi maqsum f’komponenti individwali. B’hekk, is-Sur Mr Swoboda jgawdi protezzjoni assoluta mogħtija mill-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet kollha li għamel f’dan ir-rigward fil-qadi ta’ dmirijietu.

Għandu jiġi enfasizzat li l-kumitat mhuwiex qed jesprimi opinjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru kkonċernat u/jew dwar kemm huwa opportun li jittieħdu passi kriminali fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet attribwiti lill-Membru. Din hija sempliċement kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjoni attribwita lill-Membru saritx “waqt il-qadi ta’ dmirijietu”.

Madankollu, is-Sur Swoboda jgawdi wkoll protezzjoni fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet kif riprodotti fl-istqarrija għall-istampa tat-12 ta' Novembru 2008 fuq il-bażi ta’ punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tal-Protokoll, u l-immunità tiegħu m’għandhiex titneħħa.

L-ewwelnett, għandu jiġi enfasizzat li l-immunità parlamentari mhijiex privileġġ mogħti lil Membri individwali tal-Parliament iżda l-garanzija għall-indipendenza tal-Parlament u l-Membri tiegħu minn istituzzjonijiet oħra.

Il-Kumitat enfasizza ripetutament li l-immunità parlamentari hija maħsuba b’mod partikolari biex tipproteġi l-libertà ta’ espressjoni tal-Membri u l-libertà tad-dibattitu politiku. Il-Kumitat responsabbli fil-Parlament Ewropew dejjem żamm bħala prinċipju fundamentali li, fil-każi kollha fejn l-azzjonijiet jew id-dikjarazzjonijiet li dwarhom Membru jiġi akkużat huma parti integrali ta’, jew direttament konnessi ma’, l-attivitajiet politiċi tiegħu, l-immunità ma tistax titneħħa.

Dawn jinkludu, pereżempju, opinjonijiet espressi li jiffurmaw parti mill-attività politika ta' deputat, dawk li jsiru waqt dimostrazzjonijiet, waqt laqgħat pubbliċi, f’publikazzjonijiet politiċi, fl-istampa, fi ktieb, fuq it-televixin, bl-iffirmar ta’ trattat politiku jew anki dawk li jsiru fil-qorti.

Minn din il-perspettiva wkoll, ir-rimarki in kwistjoni huma marbuta wkoll mal-attività politika tal-Membru.

Barra minn hekk, wieħed jista’ jassumi li l-każ jinvolvi “fumus persecutionis”, jiġifieri, is-suspett li l-proċeduri kriminali permezz ta’ prosekuzzjoni privata qed isiru kontra s-Sur Swoboda bl-intenzjoni li ssir ħsara lill-attività politika tal-Membru.

IV. Konklużjoni

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq u wara li ġew eżaminati r-raġunijiet favur u kontra t-tneħħija tal-immunità, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali ddeċieda li ma jneħħix l-immunità tas-Sur Swoboda.

ANNESS

Auszug aus dem österreichischen Bundes-Verfassungsgesetz (B-VG):

Artikel 57. (1) Die Mitglieder des Nationalrates dürfen wegen der in Ausübung ihres Berufes geschehenen Abstimmungen niemals, wegen der in diesem Beruf gemachten mündlichen oder schriftlichen Äußerungen nur vom Nationalrat verantwortlich gemacht werden.

(2) Die Mitglieder des Nationalrates dürfen wegen einer strafbaren Handlung – den Fall der Ergreifung auf frischer Tat bei Verübung eines Verbrechens ausgenommen – nur mit Zustimmung des Nationalrates verhaftet werden. Desgleichen bedürfen Hausdurchsuchungen bei Mitgliedern des Nationalrates der Zustimmung des Nationalrates.

(3) Ansonsten dürfen Mitglieder des Nationalrates ohne Zustimmung des Nationalrates wegen einer strafbaren Handlung nur dann behördlich verfolgt werden, wenn diese offensichtlich in keinem Zusammenhang mit der politischen Tätigkeit des betreffenden Abgeordneten steht. Die Behörde hat jedoch eine Entscheidung des Nationalrates über das Vorliegen eines solchen Zusammenhanges einzuholen, wenn dies der betreffende Abgeordnete oder ein Drittel der Mitglieder des mit diesen Angelegenheiten betrauten ständigen Ausschusses verlangt. Im Falle eines solchen Verlangens hat jede behördliche Verfolgungshandlung sofort zu unterbleiben oder ist eine solche abzubrechen.

(4) Die Zustimmung des Nationalrates gilt in allen diesen Fällen als erteilt, wenn der Nationalrat über ein entsprechendes Ersuchen der zur Verfolgung berufenen Behörde nicht innerhalb von acht Wochen entschieden hat; zum Zweck der rechtzeitigen Beschlussfassung des Nationalrates hat der Präsident ein solches Ersuchen spätestens am vorletzten Tag dieser Frist zur Abstimmung zu stellen. Die tagungsfreie Zeit wird in diese Frist nicht eingerechnet.

(5) Im Falle der Ergreifung auf frischer Tat bei Verübung eines Verbrechens hat die Behörde dem Präsidenten des Nationalrates sogleich die geschehene Verhaftung bekanntzugeben. Wenn es der Nationalrat oder in der tagungsfreien Zeit der mit diesen Angelegenheiten betraute ständige Ausschuss verlangt, muss die Haft aufgehoben oder die Verfolgung überhaupt unterlassen werden.

(6) Die Immunität der Abgeordneten endigt mit dem Tag des Zusammentrittes des neugewählten Nationalrates, bei Organen des Nationalrates, deren Funktion über diesen Zeitpunkt hinausgeht, mit dem Erlöschen dieser Funktion.

Auszug aus dem österreichischen Strafgesetzbuch:

Üble Nachrede §111

(1)   Wer einen anderen in einer für einen Dritten wahrnehmbaren Weise einer verächttichen Eigenschaft oder Gesinnung zeiht oder eines unehrenhaften Verhaltens oder eines gegen die guten Sitten verstoßenden Verhaltens beschuldigt das geeignet ist, ihn in der öffentlichen Meinung verächtlich zu machen oder herabzusetzen, ist mit Freiheitsstrafe bis zu sechs Monaten oder mit Geldstrafe bis zu 360 Tagessätzen zu bestrafen.

(2) Wer die Tat m einem Druckwerk, im Rundfunk oder sonst auf eine Weise begeht, wodurch die üble Nachrede einer breiten Öffentlichkeit zugänglich wird, ist mit Freiheitsstrafe bis zu einem Jahr oder mit Geldstrafe bis zu 360 Tagessätzen zu bestrafen,

(3) Der Täter ist nicht zu bestrafen, wenn die Behauptung als wahr erwiesen wird. Im Fall des Abs. 1 ist der Täter auch dann nicht zu bestrafen, wenn Umstände erwiesen werden, aus denen sich für den Täter hinreichende Gründe ergeben haben, die Behauptung für wahr zu halten.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

31.3.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

9

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Carlo Casini, Monica Frassoni, Giuseppe Gargani, Klaus-Heiner Lehne, Manuel Medina Ortega, Hartmut Nassauer, Aloyzas Sakalas, Francesco Enrico Speroni, Diana Wallis