RAPPORT dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Renato Brunetta
1.4.2009 - (2008/2147(IMM))
Kumitat dwar l-Affarijiet Legali
Rapporteur: Aloyzas Sakalas
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Renato Brunetta
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba ta' Renato Brunetta għad-difiża tal-immunità tiegħu fir-rigward tal-proċeduri ċivili miġjuba kontrih quddiem il-Qorti Distrettwali ta' Firenze, fil-15 ta' Mejju 2008, imħabbra fis-seduta plenarja fl-4 ta' Ġunju 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta' April 1965, u l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett tal-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986 u tal-21 ta’ Ottubru 2008[1] tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6(3) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-000/2009),
1. Jiddeċiedi li jiddefendi l-immunità u l-privileġġi ta’ Renato Brunetta;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni, u r-rapport tal-kumitat responsabbli, immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Taljana.
- [1] Każ 101/63 Wagner v Fohrmann u Krier [1964] ECR 195, Każ 149/85 Wybot v Faure u Oħrajn [1986] ECR 2391 u Każi Konġunti C-200/07 u C-201/07 Marra v De Gregorio u Clemente, li li għadhom mhumiex irrapportati fil-Ġabra.
NOTA SPJEGATTIVA
I. IL-FATTI
Fis-seduta tal-5 ta' Ġunju, il-President tal-Parlament ħabbar li kien irċieva talba għad-difiża tal-immunità parlamentari ta' Renato Brunetta (eks MPE) permezz tal-ittra tal-15 ta' Mejju 2008, li ġiet mgħoddija lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, skont l-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta' Proċedura.
It-talba tirrigwarda proċeduri ċivili mressqa minn Giuseppe De Michelis Di Slonghello, eks diplomatiku Taljan, kontra s-Sur Brunetta u oħrajn, u li bħalissa għadhom pendenti quddiem il-Qorti Distrettwali ta' Firenze. Il-konvenuti qegħdin jinżammu responsabbli skont l-Artikoli 110 u 595 tal-Kodiċi Kriminali Taljana għal materjal ippubblikat fi ktieb bl-isem "Le Mani rosse sull'Italia" [L-Idejn il-Ħomor fuq l-Italja], li kien inbiegħ mal-ġurnal ta' kuljum "Libero" f’Awwissu 2006.
Is-Sur De Michelis Di Slonghello qiegħed jilmenta li f’Kapitlu 4 huwa jiġi deskritt bħala eks spija tal-KGB skont l-hekk imsejjaħ “L-Arkivju Mitrokhin”. Huwa qed isostni li dan huwa malafamanti u inġurjuż għar-reputazzjoni tiegħu.
Is-Sur Brunetta qiegħed jargumenta li hemm rabta bejn l-attività politika tiegħu u l-funzjoni tiegħu ta' editur, u qed jitlob l-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 68(1) tal-Kostituzzjoni Taljana, li jgħid li: “Il-membri tal-Parlament Ewropew m’għandhomx jinżammu responsabbli għall-opinjonijiet espressi u l-voti mitfugħa minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.” Peress li t-talba għad-difiża tal-immunità qiegħda ssir minn eks membru tal-Parlament Ewropew, din għandha tinfthiem bħala talba għall-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll.
L-“Arkivju Mitrokhin” ta’ Vasili Mitrokhin jiddeskrivi l-operazzjonijiet tal-Unjoni Sovjetika madwar id-dinja. Il-Maġġur Mitrokhin għamel din il-ġabra matul it-tletin sena li kien arkivist tal-KGB fis-servizz tal-intelliġenza barranija; kien ippubblikaha fir-Renju Unit fl-1992.
Għandu jkun innotat li, permezz tal-Liġi Nru 90 tas-7 ta’ Mejju 2002, il-Parlament Taljan waqqaf kumitat ta’ inkjesta biex jistħarreġ l-Arkivju Mitrokhin u l-ispjunaġġ tal-Unjoni Sovjetika fl-Italja. L-għan tiegħu huwa li jistħarreġ l-allegata attività tal-KGB fil-politika Taljana, kemm fuq il-bażi tal-Arkivju Mitrokhin u kemm fuq il-bażi ta’ diversi sorsi oħrajn. Il-kumitat ta' inkjesta temm ix-xogħol tiegħu b'rapport finali fl-2006.
Huwa importanti li wieħed jinnota li s-Sur Brunetta m’huwiex l-awtur iżda sempliċement il-ko-editur tal-ktieb inkwistjoni.
Tista' titqajjem il-mistoqsija dwar jekk is-Sur Brunetta, fil-kapaċità tiegħu ta' ko-editur tal-ktieb dwar wieħed mill-iżjed aspetti importanti u kontroversjali tal-influwenza tal-Unjoni Sovjetika fil-politika Taljana u Ewropea, kienx sempliċement qiegħed jagħmel id-dmir tiegħu bħala Membru tal-Parlament.
II. IL-LIĠI U KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI DWAR L-IMMUNITÀ TA’ MEMBRI TAL-PARLAMENT EWROPEW
1. L-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta' April 1965, jgħidu dan li ġej:
Artikolu 9:
Il-membri tal-Parlament Ewropew ma għandhomx ikunu soġġetti għal kwalunkwe forma ta' inkjesta, detenzjoni jew proċedimenti legali fir-rigward ta' opinjonijiet jew voti espressi minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom.
Artikolu 10:
Matul is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu għandhom igawdu:
a. fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-Parlament tagħhom;
b. fit-territorju tal-Istati Membri oħra, l-immunità minn kull miżura jew detenzjoni jew proċeduri legali.
L-immunità għandha bl-istess mod tapplika għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw għal u mill-post ta' fejn jiltaqa' l-Parlament Ewropew.
L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-Membri tiegħu.
2. Il-proċedura fil-Parlament Ewropew hi mmexxija mill-Artikoli 6 u 7 tar-Regoli ta' Proċedura. Id-dispożizzjonijiet relevanti jgħidu dan li ġej:
Artikolu 6 - Revoka tal-immunità:
1. Fl-eżerċizzju tal-poteri tiegħu rigward il-privileġġi u l-immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom.
(...)
3. Kull talba indirizzata lill-President minn Membru jew ex-Membru biex jiddefendi privileġġi u immunitajiet għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.
(...)"
Artikolu 7 - Proċedura dwar l-immunità:
1. Il-kumitat responsabbli għandu jikkunsidra mingħajr dewmien u skont l-ordni li fih tressqu t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.
2. Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni li sempliċement tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.
3. Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar għandhiex l-immunità tiġi mneħħija jew imħarsa. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema'; ; jista' jġib miegħu dokumenti jew evidenza bil-miktub li jħoss li huma meħtieġa. Huwa jista' jkun rappreżentat minn Membru ieħor.
4. Jekk it-talba tfittex li tneħħi l-immunità għal iktar minn raġuni waħda, kull waħda minn dawn ir-raġunijiet tista' tkun suġġetta għal deċiżjoni separata. Ir-rapport tal-kumitat jista', bħala eċċezzjoni, jipproponi li t-tneħħija tal-immunità tapplika biss għal proċeduri ta' prosekuzzjoni u li, sakemm tingħata sentenza definittiva, il-Membru għandu jkun immuni minn kull forma ta' detenzjoni jew limitazzjoni tal-libertà jew minn kull miżura li ma tħallihx iwettaq id-dmirijiet marbuta mal-mandat tiegħu.
(...)
6. F'każi li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien tal-immunità jew tal-privileġġi, il-kumitat għandu jiddikjara jekk iċ-ċirkustanzi jkunux jikkostitwixxu xkiel amministrattiv jew xkiel ieħor mqiegħed għall-moviment ħieles tal-Membri li jivvjaġġaw lejn jew mill-postijiet fejn jiltaqa' l-Parlament jew opinjoni espressa jew vot mitfugħ fit-twettiq tal-mandat jew li jaqgħu fi ħdan l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar Privileġġi u Immunitajiet li ma jidħlux fl-ambitu tal-liġi nazzjonali, u għandu jagħmel proposta sabiex l-awtorità konċernata tiġi mistiedna tasal għall-konklużjonijiet meħtieġa.
7. Il-kumitat jista' jagħti parir motivat dwar il-kompetenza tal-awtorità in kwistjoni u dwar l-ammissibiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ.
(...)"
Liġi nazzjonali rilevanti
Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana, kif emendata mil-Liġi Nazzjonali Nru 3 tad-29 ta’ Ottubru 1993, Artikolu 69 [Imdennità , Immunità]:
(1) (1) Il-membri tal-Parlament Ewropew ma għandhomx jinżammu responsabbli għall-opinjonijiet espressi u l-voti mitfugħa minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.
(2) L-ebda membru tal-Parlament m’għandu, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kamra li jappartienu lilha, ikun soġġett għal mandati ta' perkwiżizzjoni fuq il-persuna tagħhom jew fid-djar tagħhom, arrestat jew inkella mċaħħad mil-libertà personali tiegħu jew miżmum fi stat ta' detenzjoni, sakemm ma jinqabdux iwettqu xi offiża kriminali fil-fatt li għaliha l-arrest ikun mandatorju.
(3) Jeħtieġ ikun hemm awtorizzazzjoni sabiex Membru tal-Parlament ikun soġġett għal kwalunkwe forma ta’ interċettazzjoni tal-konversazzjonijiet jew tal-komunikazzjonijiet tagħhom, u sabiex tiġi ssekwestrata l-posta jew il-korrispondenza tagħhom.
III. ĠUSTIFIKAZZJONI TAD-DEĊIŻJONI POSPOSTA
Is-Sur Brunetta qiegħed jargumenta li hemm rabta bejn l-attività politika tiegħu u l-funzjoni tiegħu ta' editur, u qed jitlob l-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 68(1) tal-Kostituzzjoni Taljana, li jgħid li: “Il-membri tal-Parlament Ewropew m’għandhomx jinżammu responsabbli għall-opinjonijiet espressi u l-voti mitfugħa minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.”
Din it-talba għandha tinfthiem bħala talba għall-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, minħabba li s-Sur Brunetta huwa eks membru tal-Parlament Ewropew u l-ktieb inkwistjoni kien ippubblikat meta kien għadu membru.
Is-Sur Brunetta, fil-kapaċità tiegħu ta' ko-editur tal-ktieb dwar wieħed mill-iżjed aspetti importanti u kontroversjali tal-influwenza tal-Unjoni Sovjetika fil-politika Taljana u Ewropea, kien sempliċement qiegħed jagħmel id-dmir tiegħu bħala Membru tal-Parlament.
Li wieħed jipprova jsikket Membri Parlamentari milli jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar kwistjonijiet ta' interess u ta' tħassib pubbliku leġittimu billi jibda proċeduri legali m’huwiex aċċettabbli f'soċjetà demokratika, u huwa ksur b’mod miftuħ tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, li għandu l-għan li jipproteġi l-libertà tal-espressjoni tal-Membri fil-qadi ta' dmirijiethom fl-interess tal-Parlament bħala Istituzzjoni.
Bħala ko-editur ta’ ktieb politiku li sempliċement jiddeskrivi kwistjoni ta’ importanza kbira għall-ħajja politika Taljana u Ewropea, is-Sur Brunetta kien qiegħed jagħmel dmiru bħala Membru tal-Parlament billi esprima fehmtu mal-kostitwenti tiegħu dwar kwistjoni ta’ interess pubbliku.
IV. KONKLUŻJONIJIET
Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, wara li eżamina r-raġunijiet favur u kontra d-difiża tal-immunità, jirrakkomanda li l-immunità tas-Sur Renato Brunetta għandha tiġi difiża.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
31.3.2009 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
8 0 1 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Carlo Casini, Monica Frassoni, Giuseppe Gargani, Klaus-Heiner Lehne, Manuel Medina Ortega, Hartmut Nassauer, Aloyzas Sakalas, Francesco Enrico Speroni, Diana Wallis |
|||||