RAPPORT dwar l-appoġġ integrat għat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fil-qafas tal-ħidma tal-kumitati u d-delegazzjonijiet
1.4.2009 - (2008/2245(INI))
Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Anna Záborská
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-appoġġ integrat għat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fil-qafas tal-ħidma tal-kumitati u d-delegazzjonijiet
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(2), 13 u 141(4) tat-Trattat tal-KE,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, il-Karta Soċjali Ewropea riveduta u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-ħidma tad-Direttorat Ġenerali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Affarijiet Legali tal-Kunsill tal-Ewropa, u b’mod partikolari tal-Kumitat ta’ tmexxija tiegħu għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2003 dwar approċċ integrat għall-ugwaljanza tan-nisa u l-irġiel (integrazzjoni sistematika) fil-Parlament Ewropew[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’Jannar 2007 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fix-xogħol tal-Kumitati[3],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0198/2009),
A. billi t-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa huwa prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u li skont l-Artikolu 2 tat-Trattat, dan jagħmel parti mill-missjonijiet tal-Komunità,
B. billi l-Artikolu 3(2) tat-Trattat jistabbilixxi l-prinċipju tal-approċċ integrat għat-trattament indaqs filwaqt li jistipula, li fl-azzjonijiet kollha tagħha, il-Komunità tfittex li telimina l-inugwaljanzi u tippromwovi t-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa,
C. billi l-perċentwal ta’ Membri nisa fil-Parlament żdied b’mod kostanti minn 17.5% fl-1979 għal 31.8% fl-2009,
D. billi hemm numru żgħir ta’ Membri li għandhom karigi għolja fl-organi tal-Parlament (Presidenza jew membri tal-kumitati jew ta’ delegazzjonijiet, pereżempju),
E. billi fid-Direttorati Ġenerali tal-politiki interni u tal-politiki esterni tal-Parlament, in-nisa għandhom rappreżentanza għolja u jiffurmaw rispettivament is-66.5% u s-66% tal-persunal, filwaqt li jinnota l-progress konsiderevoli miksub dan l-aħħar fid-Direttorat Ġenerali tal-politiki interni, li wassal għall-għoti tal-“prempju għall-ugwaljanza 2007 – l-aħjar prassi” kemm għall-ħolqien ta’ ambjent ta’ xogħol favur l-ugwaljanza u għall-approċċ integrat tal-ugwaljanza kif ukoll għaż-żieda konsiderevoli tan-numru ta’ nisa li jokkupaw karigi għolja ta’ tmexxija ( in-numru ta’ nisa li huma kapijiet ta’ unità pereżempju, żdied minn 5% għal 30% wara l-2005).
F. billi l-maġġoranza tal-Kumitati parlamentari b’mod ġenerali tagħti ċerta importanza għall-approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel (pereżempju fil-qafas tal-ħidmiet leġiżlattivi tagħhom, tar-relazzjonijiet uffiċjali mal-kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jew l-iżvilupp ta’ pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza) filwaqt li minoranza tal-Kumitati dan jinteressahom rarament jew qatt;
G. Jenfasizza l-fatt li l-użu ta’ netwerk inkarigat mill-approċċ integrat tal-ugwaljanza fil-kumitati u li jkun magħmul minn Membri u minn membri tal-persunal tas-segretarjat, sa issa għadu ma ħalliex riżultati,
H. Jenfasizza l-fatt li l-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità ppropona l-ħolqien ta' netwerk simili ta' delegazzjonijiet interparlamentari bil-għan li l-mistoqsijiet dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa jkunu integrati fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea,
Evalwazzjoni tal-approċċ integrat tat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel
1. Jenfasizza li t-talba għat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel għandha tissarraf f’approċċ prattiku li ma jpoġġix lin-nisa kontra l-irġiel;
2. Jenfasizza li l-approċċ integrat għat-trattament ugwali jikkostitwixxi żvilupp pożittiv għan-nisa kif ukoll għall-irġiel;
3. Jenfasizza li l-approċċ integrat għat-trattament ugwali jipprevedi r-riorganizzazzjoni, it-titjib, l-iżvilupp u l-evalwazzjoni tal-politiki biex fil-livelli u l-istadji kollha, l-atturi li normalment ikunu marbuta mad-deċiżjonijiet politiċi jinkludu l-perspettiva tat-trattament ugwali fil-politiki kollha;
4. Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi adottata u applikata strateġija adegwata b’miri konkreti għal approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fil-politiki tal-Komunità rigward il-kumitati u d-delegazzjonijiet parlamentari;
5. Jenfasizza l-importanza tal-mandat tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità u jistiednu biex ikompli jħeġġeġ u jippromwovi dan il-proċess fil-Parlament kollu, kif ukoll fir-relazzjonijiet u l-kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, mal-Kunsill u mal-istituzzjonijiet l-oħra;
6. Jifraħ lill-kumitati parlamentari li fil-ħidma tagħhom l-approċċ integrat tat-trattament ugwali għamluh operattiv, u jitlob lill-kumitati l-oħra u lid-delegazzjonijiet biex jagħmlu l-istess;
7. Jitlob li r-rikors għal netwerk inkarigat mill-approċċ integrat tal-ugwaljanza jkun imsaħħaħ f’dak li jirrigwarda d-delegazzjonijiet interparlamentari u l-missjonijiet ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet;
8. Iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali biex jagħti prijorità lit-taħriġ għall-approċċ integrat għat-trattament ugwali tal-uffiċjali fil-livelli kollha tal-kumitati u d-delegazzjonijiet parlamentari; itenni t-talba tiegħu biex jingħata taħriġ dwar it-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa lill-Membri kollha tal-Parlament, u dan sa mill-bidu tal-leġiżlatura li jmiss;
9. Jissokta jħeġġeġ in-netwerking tal-uffiċjali tas-Segretarjati tal-kumitati tal-Parlament u tad-delegazzjonijiet interparlamentari tad-Direttorati Ġenerali tal-politiki interni u l-politiki esterni mħarrġa b’mod speċjali dwar l-approċċ integrat tal-ugwaljanza tal-ġeneri sabiex ikun hemm skambju regolari ta’ prattiki tajba;
10. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm disponibbli, fil-kumitati u d-delegazzjonijiet tal-Parlament, l-għodod adegwati għall-għarfien tajjeb tal-approċċ integrat għat-trattament ugwali, bħalma huma indikaturi, data u statistika maqsuma skont il-ġeneru, kif ukoll it-taqsim tar-riżorsi tal-baġit mill-aspett tat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel;
11. Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-approċċ integrat għat-trattament ugwali għandu jikkunsidra l-ispeċifiċità ta’ kull kumitat jew delegazzjoni tal-Parlament; jitlob li l-kumitati u d-delegazzjonjiet jipparteċipaw b’mod attiv fl-evalwazzjonijiet li regolarment jitwettqu taħt il-patroċinju tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, fuq il-bażi tal-kwestjonarju li jitressaq lill-Presidenti u lill-Viċi Presidenti responsabbli tal-approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, filwaqt li jiġu inklużi n-nuqqasijiet f’dan il-kuntest fil-ħidma tal-kumitati u d-delegazzjonijiet kif ukoll il-progress tal-istabbiliment tal-approċċ integrat għat-trattament ugwali f’kull Kumitat;
12. Jenfasizza l-importanza għall-kumitati u d-delegazzjonijiet tal-Parlament li l-irwol u r-responsabbiltajiet tagħhom fil-qasam tal-approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn ġeneri jkunu speċifikati tajjeb;
13. Jenfasizza l-importanza ta’ kollaborazzjoni effikaċi u koordinata bejn il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità u n-netwerk inkarigat mill-approċċ integrat tal-ugwaljanza fil-kumitati parlamentari u d-delegazzjonijiet interparlamentari kif ukoll mal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi;
14. Jistieden lis-Segretarju Ġenerali biex isegwi l-implimentazzjoni tal-istrateġija integrata li għandha l-għan li tikkonċilja l-ħajja familjali mal-ħajja professjonali u li tiffaċilita l-iżvilupp tal-karriera tal-uffiċjali nisa;
15. Jistieden lill-gruppi politiċi biex jikkunsidraw l-objettiv ta’ parteċipazzjoni bilanċjata bejn l-irġiel u n-nisa meta jinħatru l-persuni f'karigi għoljin u ta' responsabilità;
16. Jistieden lill-Bureau tal-Parlament biex jenfasizza, fil-kuntatti tiegħu mal-Parlamenti tal-Istati Membri, l-esperjenza pożittiva tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill tal-Ewropa.
NOTA SPJEGATTIVA
DAĦLA
Bħala bażi ta’ rapport fuq inizjattiva (Approċċ Integrat għat-Trattament Ugwali bejn l-Irġiel u n-Nisa fil-Qafas tal-Ħidma tal-Kumitati u d-Delegazzjonijiet (INI/2008/2245) Rapporteur: Anna Záborská) intbagħat kwestjonarju lill-Presidenti/Viċi Presidenti responsabbli għall-gender mainstreaming fil-kumitati u d-delegazzjonijiet. Dsatax-il kumitat wieġbu għal dan l-appell, li minnhom, l-ECON, taħt forma ta’ ittra indirizzata lir-Rapporteur, (19-il kumitat minn 21). Għall-kuntrarju ebda delegazzjoni ma rrispondiet il-kwestjonarju.
Il-kwestjonarju kien jinkludi 28 mistoqsija maqsuma f’4 partijiet iddedikati għall-qasam ta’ applikazzjoni, l-istrateġija u t-twaqqif tal-gender mainstreaming kif ukoll għall-għarfien espert, il-konsultazzjoni u l-koperazzjoni dwar il-perspettiva tas-sessi.
A. Il-qasam ta’ applikazzjoni
Il-kwistjonijiet relatati mal-approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel huma importanti għall-ħidma leġiżlattiva tat-tnax-il Kumitat, (AGRI, CULT, DEVE, ECON, EMPL, ENVI, INTA, ITRE, JURI, LIBE, REGI, u TRAN). (Q4)
Fid-dawl tal-kompetenzi tal-Kumitati differenti previsti bir-Regolament, fost is-setturi ewlenin, li għalihom hija pertinenti l-perspettiva tat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel (Q5), il-Kumitati indikaw fost l-oħrajn:
· il-kwistjoni tas-sessi fil-kuntest tal-applikazzjoni tat-Trattat dwar l-UE u l-evalwazzjoni tal-operat tagħha; bilanċ irġiel-nisa fil-ħatra tar-rappreżentanti tal-Parlament għal konferenzi intergovernattivi u konvenzjonijiet futuri, żieda fil-għadd ta’ Membri nisa tal-Parlament Ewropew (AFCO);
· attenzjoni partikolari għall-approċċ integrat tal-perspettiva tas-sessi fl-istadju tat-tħejjija tar-rapporti u l-opinjonijiet; promozzjoni tal-għażla ta’ kliem li jirrspetta n-newtralità bejn is-sessi fil-laqgħat u d-dokumenti tal-Kumitat, l-ugwaljnza bejn is-sessi diskussa waqt l-iskambji mal-kelliema mistiedna u waqt il-laqgħat tad-delegazzjonijiet tal-kumitati (AFET);
· l-iżvilupp rurali, l-iżvilupp tal-Politika Agrikola Komuni (AGRI);
· il-kwistjonijiet relatati mas-sessi huma importanti fl-oqsma kollha li għalihom huwa responsabbli l-Kumitat (CULT);
· l-Objettivi għall-Iżvilupp tal-Millennju, l-għajnuna umanitarja u l-Istrument ta’ Koperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) (identifikat bħala “kwistjoni trasversali” f’diversi dokumenti strateġiċi għal kull pajjiż) (DEVE);
· l-assigurazzjonijiet, il-pensjonijiet, l-Istrateġija ta’ Liżbona, it-tassazzjoni tas-servizzi ta’ interess ġenerali u tal-mikrofinanzjament (ECON);
· l-impjiegi, il-politika soċjali, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, id-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol (EMPL);
· is-saħħa pubblika, il-prodotti farmaċewtiċi u kosmetiċi, is-saħħa ambjentali (il-pestiċidi, il-bijoċidi, l-iskart) (ENVI);
· is-seduti pubbliċi u l-iskambji ta’ opinjonijiet, il-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi kkunsidrata mir-Rapporteurs u r-Rapporteurs għal opinjinijiet fit-tħejjija ta’ dokumenti, il-bilanċ ta’ kelliema rġiel-nisa (DROI);
· il-politika tal-konsumaturi (IMCO);
· il-kummerċ u l-aspetti tal-iżvilupp (INTA);
· ir-riċerka, l-industrija (ITRE);
· id-drittijiet fundamentali (LIBE),
· is-sajd kostali u l-iżvilupp integrat u sostenibbli taz-zoni tas-sajd, l-akwakultura u l-industrija tal-ipproċesar u l-politika strutturali (PECH);
· il-leġiżlazzjoni rigward il-Fondi Strutturali tal-UE, il-FEDER, il-Fondi ta’ Koeżjoni u l-FSE, l-evalwazzjoni ta’ politiki oħra tal-Unjoni dwar il-koeżjoni soċjali (REGI);
· il-missjonijiet PESD – ir-rendiment tal-persunal użat skont il-popolazzjoni, mini/distruzzjoni tal-gwerer, l-isplussivi u t-tneħħija ta’ mini, il-proċess tad-diżarmament, tad-demobilizzazzjoni u tar-reintegrazzjoni (DDR) fil-pajjiżi f’sitwazzjoni ta’ wara l-kunflitt (SEDE);
· it-trasport bħala qasam tal-impjiegi u tas-sigurtà tat-toroq (TRAN).
Ħafna huma dawk il-Kumitati li implimentaw l-approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fil-ħidma tagħhom leġiżlattiva u/jew mhux leġiżlattiva (Q7). Erbatax-il Kumitat minn dsatax (12/19 fl-2006) iddikjaraw li kienu diġà daħħlu dan l-approċċ fil-ħidma tagħhom leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva.
Hawnhekk hawn xi eżempji:
L-AFET- promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fix-xena internazzjonali
L-AGRI- opinjoni dwar it-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2007
Il-CULT- il-kwistjonijiet dwar is-sessi huma kkunsidrati bis-sħiħ fit-tħejjija ta’ rapporti u ta’ opinjonijiet, u f’attivitajiet oħra tal-Kumitati bħalma huma s-seduti pubbliċi u l-laqgħat tad-delegazzjonijiet
Id-DEVE- l-Objettivi għall-Iżvilupp tal-Millennju jinkorporaw perspettiva dwar is-sessi. Wieħed minn dawn l-objettivi jiffoka fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa (MCR3)
Id-DROI- id-drittijiet tan-nisa huma parti mid-drittijiet tal-bniedem, suġġetti ttrattati dan l-aħħar: ir-reati tal-unur, studju dwar il-gender mainstreaming fl-attivitajiet esterni
L-ECON- l-impjieg tan-nisa u l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni, it-taħriġ tul il-ħajja, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja fil-familja, kif ukoll it-tagħlim tal-konsumaturi dwar il-finanzi u l-krediti
L-EMPL- id-direttiva dwar il-ħinijiet tax-xogħol, il-pensjonijiet u dwar il-linji gwida rigward l-impjiegi
L-IMCO- il-ħtiġiet speċifiċi ta’ gruppi vulnerabbli enfasizzati fir-rapport “Strateġija għall-Politika tal-Konsumaturi”
Il-PECH- ir-rapporti dwar is-sajd kostali u l-problemi li jiltaqgħu magħhom is-sajjieda tax-xtut, in-netwerks tan-nisa fis-sajd, fl-akwakultura u fl-attivitajiet ta’ diversifikazzjoni u s-sajd u l-akwakultura fil-kuntest tat-tmexxija integrata taz-zoni kostali fl-Ewropa
Ir-REGI- l-approċ integrat dwar it-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel jinsab fir-Regolamenti dwar il-Fondi Strutturali bħala perspettiva trasversali tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki.
Is-SEDE- f’żewġ rapporti dwar l-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà (Rapporteurs von Wogau u Kuhne)
It-TRAN- emendi u rapporti dwar it-trasport u t-turiżmu, studju dwar in-nisa u t-trasport fl-Ewropa
L-AFCO, l-ENVI, il-JURI, il-LIBE u l-CONT ma daħħlux approċċ integrat għat-trattament ugwali tan-nisa u tal-irġiel fil-ħidma leġiżlattiva tagħhom.
B. L-istrateġija dwar it-trattament indaqs bejn in-nisa u l-irġiel, l-objettivi tal-kumitati għal perjodu qasir u twil
Ħdax il-kumitat parlamentari la ddiskutew u lanqas adottaw strateġija dwar it-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fis-setturi differenti li jikkonċernaw il-ħidma tal-Kumitati. Erba’ kumitati adottaw din l-istrateġija, jiġifieri: l-AFET, il-PECH, ir-REGI, is-SEDE. L-AFCO, l-AGRI u l-ENVI bdew diskussjonijiet bil-ħsieb li jadottaw strateġija. B’paragun ma’ dan, fl-2006, 14-il kumitat la ddiskutew u lanqas adottaw strateġija. Erba’ kumitati bdew diskussjonijiet dwar strateġija u wieħed minnhom biss kien diġà adottaha.
Fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Gender Mainstreaming tiegħu l-Kumitat AFET impenja ruħu li jippromwovi b’mod attiv fil-ħidma tiegħu l-ugwaljanza bejn is-sessi u li jkompli jittratta dawn il-kwistjonijiet mal-kelliema mistiedna kif ukoll fil-laqgħat tad-delegazzjonijiet. L-AFET sejjer bl-istess mod jiggarantixxi li l-kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi jkunu kkunsidrati kif jixraq fit-tħejjija tar-rapporti u l-opinjonijiet. Huwa se jipprova jiggarantixxi, safejn possibbli, li 33% tal-kelliema li jieħdu sehem fis-seduti jkunu nisa. L-AFET impenja ruħu li fid-dokumenti u l-laqgħat tiegħu jippromwovi l-għażla ta’ kliem li jirrispetta n-newtralità bejn is-sessi. L-AFET wera wkoll ir-rieda tiegħu li jirrevedi l-bilanċ bejn l-irġiel u n-nisa fost il-mibgħuta speċjali tal-UE u l-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Kumitat.
L-Istrateġija SEDE, ġiet adottata fid-19 ta’ Marzu 2007 taħt forma ta’ dokument bit-titolu Pjan ta’ Azzjoni tal-Gender Mainstreaming. Is-Sotto-Kumitat SEDE impenja ruħu li jippromwovi fil-ħidma tiegħu l-perspettiva tat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel billi jinkludi kwistjonijiet relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-rapporti u l-opinjonijiet tiegħu. Bl-istess mod, sejjer jikkontrolla l-assenjazzjoni tar-rapporti u l-opinjonijiet billi jikkunsidra l-proporzjon ta’ rġiel u nisa u jippromwovi r-rappreżentanza proporzjonali ta’ dawn id-delegazzjonijiet kif ukoll jirrispetta r-rappreżentanza bbilanċjata bejn is-sessi fost il-kelliema mistiedna għas-seduti pubbliċi, u b’mod partikolari jipprevedi kwota ta’ 33% ta’ kelliema nisa. Barra dan, is-SEDE jimpenja ruħu li jippromwovi fl-laqgħat u d-dokumenti miktuba l-għażla ta’ kliem li jirrispetta n-newtralità bejn is-sessi.
Is-SEDE tqis żewġ kwistjonijiet bħala essenzjali fil-kuntest tal-ugwaljanza bejn is-sessi: l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni Nru 1325 tal-UNSC fil-qafas tal-ESDP u tal-istandards ta’mġiba ġenerali għall-operazzjonijiet tal-ESDP kif ukoll ir-riforma fis-settur tas-sigurtà u tad-diżarmament, id-demobilizzazzjoni u r-reintegrazzjoni (DDR).
Fl-istrateġija tiegħu bit-titolu Dikjarazzjoni tal-Miri għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-Ħidma tal-Kumitat (Mission Statement on Promoting Gender Equality in the work of the Committee) ir-REGI impenja ruħu li jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-ħidma interna tiegħu billi jitlob lill-gruppi politiċi (safejn possibbli) li r-rappreżentanza tan-nisa fil-Kumitat tirrifletti l-proporzjon tan-nisa fil-Parlament u li dan il-proporzjon jiġi wkoll rispettat meta jinħatru l-Membri tal-Bureau u l-Koordinaturi tal-Kumitat. Ir-REGI jittama wkoll li l-Bureau tiegħu jiżgura li dan il-bilanċ bejn l-irġiel u n-nisa fil-Kumitat jiġi rifless fl-assenjazzjoni tar-rapporti u l-opinjonijiet. Ir-REGI jixtieq ukoll jikkonferma li l-prinċipju tal-ugwaljanza tal-opportunitajiet jiġi applikat fil-proċess tal-ħatra tas-Segretarjat tiegħu.
F’dawn l-azzjonijiet esterni r-REGI jimpenja ruħu li jinkludi b’mod regolari l-kwistjonijiet relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-rapporti leġiżlattivi, ir-rapporti ta’inizjattiva u l-opinjonijiet li qegħdin jitħejjew, l-aktar fejn hemm involut l-iżvilupp reġjonali. Ir-REGI se jikkontrolla bir-reqqa l-effetti tal-perspettiva tas-sessi fl-użu tal-Fondi Strutturali.
L-Istrateġija PECH adottata fl-2006, iddefinixxiet il-linji gwida għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Il-PECH jimpenja ruħu li jippromwovi l-gender mainstreaming sabiex jikkontribwixxi għal għarfien legali u soċjali aħjar tax-xogħol li jitwettaq min-nisa u tad-drittijiet tagħhom. Dan l-objettiv jista’ jintlaħaq b’mod partikolari bl-iżvilupp tal-għodod li jippermettu l-ġbir u t-tixrid tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tan-nisa, permezz tas-sehem tan-nisa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-inklużjoni tal-prinċipji tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-abbozzi leġiżlattivi u l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipji tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Fondi Ewropej għas-Sajd u strumenti finanzjarji oħra marbuta mal-politika tas-sajd. Il-Kumitat PECH jimpenja ruħu wkoll li jinkludi fir-rapporti leġiżlattivi u dawk fuq inizjattiva tiegħu l-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-ugwaljanza bejn is-sessi. Barra dan, il-PECH jipprevedi li jorganizza għall-inqas darba f’sena skambju ta’ opinjonijiet li jittratta l-politika tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-evalwazzjoni tal-impatt skont is-sessi għal laqgħat tal-Koordinaturi u tal-Kumitat.
L-AFET, is-SEDE u l-PECH iffissaw objettivi konkreti ta’ azzjoni. Il-Kumitat AFET isemmi l-organizzazzjoni ta’ seduta pubblika “In-Nisa fil-pajjiżi Għarab”, eżami tal-bilanċ bejn l-irġiel u n-nisa fost il-mibgħuta speċjali tal-UE u d-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni u jqis li jistieden lid-deputati biex jiżguraw li d-delegazzjonijiet futuri jikkunsidraw il-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi.
Il-PECH iffissa l-objettivi tiegħu f’din l-istrateġija. Huma msemmija hawn fuq.
Is-SEDE jirreferi għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni Nru 1325 tal-UNSC fil-qafas tal-ESPD u ta’ standards ta’ mġiba ġenerali għall-operazzjonijiet tal-ESPD.
C. L-istabbiliment tal-gender mainstreaming
Il-kumitati kollha, minbarra il-CULT, inkludew fl-abbozzi futuri tagħhom (rapporti, seduti pubbliċi) suġġetti ta’ interess kbir għat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel. Fil-biċċa l-kbira tal-każi dawn is-suġġetti jikkoinċidu mas-setturi ewlenin, kif indikati fil-parti A tal-kwestjonarju.
Seba’ kumitati kkonfermaw id-disponibilità ta’ dejta jew statistika maqsuma skont is-sess, jiġifieri: l-AGRI, l-EMPL, l-ENVI, il-PECH, ir-REGI, is-SEDE u t-TRAN.
Il-Kumitat PECH jiddeplora, minkejja li jeżistu studji dwar in-nisa fis-settur tas-sajd, in-nuqqas ta’ statistika maqsuma skont is-sess. Is-SEDE talab lill-Kunsill biex jgħaddi statistika dwar il-preżenza ta’ nisa/irġiel fl-operazzjonijiet tal-ESPD. Il-Kumitat għandu wkoll statistika utli dwar il-“Gender mainstreaming fil-missjonijiet tal-ESPD”. Il-Kumitat AGRI ġibed l-attenzjoni għall-fatt li hemm nuqqas ta’ statistika u li din l-istatistika ma tirriflettix pereżempju x-xogħol tal-konjuġi li jgħinu lil xulxin f’attivitajiet agrikoli. L-AGRI talab lill-Kummissjoni u lill-EUROSTAT biex jirrimedjaw għal dawn in-nuqqasijiet u jeliminaw l-elementi diskriminatorji fil-ġbir tad-dejta. L-EMPL qed jeżaminaw il-leġiżlazzjoni rigward l-istatistika dwar ix-xogħol. It-TRAN ordna studju dwar in-nisa u t-trasport fl-Ewropa li jipprovdi statistika rigward in-nuqqas ta’ bilanċ bejn l-irġiel u n-nisa fis-settur tat-trasport fl-Ewropa. Ir-REGI ordna studju bit-titolu “Approċċ integrat dwar it-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fil-kuntest tal-użu tal-Fondi Strutturali” li jagħmel referenza għad-dejta disponibbli.
Tliet Kumitati: id-DROI, il-PECH u s-SEDE speċifikaw indikaturi xierqa. Skont il-PECH , l-aħjar li tista’ titkejjel hija d-dejta kwantitattiva dwar l-impjiegi, iżda għandha tiġi kkunsidrata dejta oħra, fejn possibbli, (status legali u soċjali, limitazzjonijiet soċjokulturali, aċċess u livell ta’ taħriġ u edukazzjoni, eċċ.). Id-DROI appella għall-indikaturi fil-kuntest tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, fejn il-gender mainstreaming jikkostitwixxi wieħed mill-objettivi orizontali.
Il-PECH u l-ENVI huma l-uniċi kumitati li analizzaw it-tqassim tar-riżorsi tal-baġit għal kull wieħed mill-oqsma ta’ attivitajiet tagħhom mill-aspett tat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel. Il-PECH jikkwota l-Artikoli tar-Regolament tal-Kunsill relatati mal-Fond Ewropew għas-Sajd li għandu diversi referenzi pożittivi f’dan il-kuntest. Madankollu, dan id-dokument ma jaqsamx il-krediti skont l-oqsma differenti, għaliex dan it-tqassim għandu jsir mill-Istati Membri, fil-qafas tal-programmi operattivi tagħhom. (Q15)
Rigward il-metodi li għandhom jintużaw sabiex jiġi stabbilit l-approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, erba’ Kumitati rrikorrew għal metodi speċifiċi biex japplikaw il-gender mainstreaming. Il-Kumitat AFET juża l-analiżi komparattiva (benchmarking), ir-REGI l-evalwazzjoni tal-impatt skont is-sess, is-SEDE l-istatistika maqsuma skont is-sess u l-Kumitat PECH iddikjara li huwa lest juża l-metodi kollha disponibbli. Din hija wkoll l-opinjoni tal-Kumitat DROI.
D. L-għarfien espert u l-konsultazzjoni dwar il-perspettiva tas-sessi
Il-maġġoranza tal-Kumitati kkonsultaw regolarment l-esperti, l-entitajiet nazzjonali u l-NGOs kif ukoll organizzazzjonijiet oħra li jaħdmu direttament fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi, permezz ta’ smigħ pubbliku jew billi ordnaw xi studji tagħhom. Huma biss l-AFCO, l-AGRI, il-CONT, il-CULT, l-IMCO u l-JURI li ma ħadux konsultazzjonijiet bħal dawn. Id-DROI jenfasizza li l-esperti tal-NGOs li speċjalizzaw fil-kwistjonijiet tas-sessi regolarment jieħdu sehem fis-seduti pubbliċi tagħhom. L-istess ħaġa tgħodd għall-Kumitati PECH u REGI. Fil-każ tad-DEVE, il-konsultazzjoni tal-NGOs u l-esperti esterni hija parti integrali tat-tħejjija ta’ rapporti, opinjonijiet u laqgħat tad-delegazzjonijiet.
Fir-rigward tal-għarfien espert intern tal-Parlament (il-Kumitat FEMM, is-Segretarjat tiegħu, id-dipartiment tematiku, is-servizz legali u l-biblijoteka), erbatax-il kumitat ibbenefikaw minn din il-konsultazzjoni. Il-PECH iddikjara li kkunsidra l-parti l-kbira tas-suġġerimenti li jinsabu f’opinjonijiet tal-Kumitat FEMM u ordna studju mid-dipartiment tematiku bit-titolu: “L-irwol tan-nisa fl-iżvilupp sostenibbli taz-zoni Ewropej tas-sajd”. L-EMPL uża l-biblijoteka, id-dipartiment tematiku u qal li huwa jikkunsidra wkoll l-opinjonijiet tal-Kumitat FEMM. Il-biblijoteka pproduċiet dokument għar-REGI bit-titolu “Gender mainstreaming f’politika reġjonali” u d-dipartiment tematiku nieda studju estern dwar “Approċċ integrat tat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fil-kuntest tal-użu tal-Fondi Strutturali”. L-ENVI bbenefika minn dan prinċipalment bis-saħħa tal-opinjonijiet tal-Kumitat FEMM li jidhru f’dawn ir-rapporti. Il-LIBE jikkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat FEMM sottomessi għar-rapporti tiegħu. Id-DEVE juża l-għarfien espert tad-dipartiment tematiku u l-AFET jieħu sehem regolarment fis-seminars organizzati mill-Kumitat FEMM.
B’mod ġenerali, sbatax-il kumitat indikaw li l-koperazzjoni bejn il-Kumitat tagħhom u l-Kumitat għad-drittijiet tan-nisa u t-trattament ugwali bejn is-sessi hija regolari jew sporadika. L-AFET, il-CULT, id-DEVE, l-EMPL, l-ITRE, il-LIBE u il-PECH jikkoperaw regolarment mal-FEMM. Bħala eżempju, id-DEVE organizza mal-FEMM seduta “In-nisa u l-gwerra” u jqis din il-koperazzjoni bħala waħda tajba u regolari. L-AFET jikkopera fuq kollox permezz tal-Viċi Presidenti responsabbli mill-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tan-netwerk simili tal-amministraturi. Il-CULT jifraħ bid-diversi opinjonijiet stabbiliti mill-Kumitat FEMM għar-rapporti tiegħu u dejjem jikkunsidrahom ħafna. Minbarra l-koperazzjoni mal-FEMM, l-EMPL isemmi ukoll il-kunflitti ta’ responsabilitajiet rigward il-proposti tal-Kummissjoni.
Ħames Kumitati talbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel evalwazzjoni tal-impatt ta’ dokument dwar it-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel (id-DROI, l-INTA, l-ITRE, il-PECH u r-REGI). L-INTA għamel dan meta adotta xi paragrafi tal-opinjoni tal-Kumitat FEMM dwar il-kummerċ u t-tnaqqis tal-faqar, id-DROI meta ġie applikat l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) meta għamel talba aktar ġenerali rigward l-istrument finanzjarju.
Għall-mistoqsija “X’taħseb int dwar l-għarfien espert rigward il-kwistjonijiet dwar is-sessi fi ħdan is-Segretarjat tal-Kumitat tiegħek?, Għaxar Kumitati wieġbu li l-għarfien espert qiegħed fil-fażi tal-iżvilupp. Ħames Segretarjati għandhom għarfien espert tajjeb, dawn huma l-AFET, il-CONT, il-CULT, id-DROI u l-EMPL.
Fis-Segretarjat tal-Kumitat INTA, l-għarfien espert dwar il-kwistjonijiet tas-sessi huwa meqjus bħala ineżistenti.
It-tabella hawn taħt turi l-membri tal-Kumitati:
Kumitat |
MEP N |
MEP R |
Total |
% Nisa |
Kummenti |
|
AFCO |
12 |
42 |
54 |
22,2 |
|
|
AFET |
38 |
133 |
171 |
22,2 |
|
|
AGRI |
28 |
64 |
92 |
30,4 |
|
|
CONT |
31 |
52 |
83 |
37,4 |
fost il-membri, 20% huma nisa u fost is-supplenti, 39% huma nisa. |
|
CULT |
32 |
43 |
75 |
41,6 |
il-President kif ukoll wieħed mill-Viċi Presidenti huma nisa, u anke l-koordinaturi tal-gruppi PPE, PSE u GUE. |
|
DEVE |
27 |
44 |
71 |
38 |
|
|
DROI |
27 |
45 |
72 |
37,5 |
|
|
EMPL |
43 |
58 |
101 |
42,5 |
|
|
ENVI |
56 |
79 |
135 |
41,4 |
|
|
IMCO |
36 |
52 |
88 |
40,9 |
(in-nisa jokkupaw il-kariga ta’ President, l-ewwel u t-tieni Viċi Presidenti). |
|
INTA |
15 |
50 |
65 |
23 |
|
|
ITRE |
38 |
69 |
107 |
35,5 |
|
|
JURI |
16 |
36 |
52 |
30,7 |
|
|
LIBE |
51 |
64 |
115 |
44,3 |
|
|
PECH |
14 |
49 |
63 |
22,2 |
żvilupp pjuttost pożittiv iżda li ma jirriflettix ir-realità sħiħa, għaliex in-nisa nsibuhom fost il-membri l-aktar attivi tal-Kumitat u jokkupaw karigi speċifiċi fil-Bureau (3 Viċi Presidenti) u koordinaturi ta’ gruppi politiċi. |
|
REGI |
30 |
80 |
110 |
27,2 |
|
|
SEDE |
15 |
55 |
70 |
21,4 |
|
|
TRAN |
21 |
78 |
99 |
21,2 |
|
|
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
31.3.2009 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
23 0 1 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Edit Bauer, Edite Estrela, Věra Flasarová, Nicole Fontaine, Lissy Gröner, Anneli Jäätteenmäki, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Urszula Krupa, Astrid Lulling, Siiri Oviir, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Zita Pleštinská, Teresa Riera Madurell, Eva-Riitta Siitonen, Eva-Britt Svensson, Anne Van Lancker, Anna Záborská |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Donata Gottardi, Marusya Ivanova Lyubcheva, Maria Petre, Heide Rühle |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean-Pierre Audy, Wolfgang Bulfon, Marie-Hélène Descamps, Jean Spautz |
|||||