RAPPORT dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena 2008
3.4.2009 - (2008/2301(INI))
Kumitat għall-Petizzjonijiet
Rapporteur: Mairead McGuinness
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena 2008
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-missjonijiet ta' ġbir tal-fatti tal-2008 li saru fir-Rumanija, fil-Bulgarija u fi Franza u r-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet korrispondenti approvati mill-Kumitat,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 194 tat-Trattat KE, li jikkonferixxu fuq iċ-ċittadini u r-residenti kollha tal-UE d-dritt li jressqu petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 45 u 192(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A6-0232/2009),
A. filwaqt li jagħraf l-importanza tal-proċess tal-petizzjonijiet u l-attributi speċifiċi tiegħu, li jippermettu lill-kumitat responsabbli jfittex soluzzjonijiet u spjegazzjonijiet għaċ-ċittadini tal-UE li jressqu petizzjoni quddiem il-Parlament,
B. wara li kkunsidra l-għadd dejjem jikber ta' ċittadini tal-UE li jressqu petizzjonijiet quddiem il-Parlament, flimkien mal-isforzi mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex ikompli jħaffef il-proċeduri tiegħu sabiex jiġi pprovdut servizz aħjar liċ-ċittadini li qed ifittxu l-assistenza tiegħu,
C. billi diversi rakkomandazzjonijiet minn dawk li ġew adottati fir-Rapport Annwali tal-2007 għadhom iridu jiġu implimentati mill-awtoritajiet tal-Parlament, bħat-talba għal titjib urġenti tar-riżorsi amministrattivi, inklużi riżorsi fl-għarfien espert lingwistiku u legali, tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet sabiex tiżdied il-kapaċità tal-Parlament biex imexxi investigazzjonijiet indipendenti tal-petizzjonijiet indirizzati lilu, u, pereżempju li jikkopera aktar mill-qrib ma' SOLVIT fil-qasam tal-petizzjonijiet u l-ilmenti rigward is-suq intern, kif ukoll il-ħolqien ta' portal komuni tal-UE għaċ-ċittadini Ewropej,
D. filwaqt li huwa konxju mill-fatt li, minkejja l-progress konsiderevoli fl-iżvilupp tal-istrutturi u l-politiki tal-Unjoni waqt dan il-perjodu, iċ-ċittadini jibqgħu konxji b’mod dirett ta' ħafna nuqqasijiet fl-applikazzjoni tal-politiki u l-programmi tal-Unjoni peress li jaffettwawhom b'mod dirett u billi dawn spiss huma s-suġġett tal-petizzjonijiet li jaslu,
E. billi l-istituzzjoni tal-“Inizjattivi taċ-Ċittadini” skont it-Trattat ta’ Liżbona se tirriżulta f’parteċipazzjoni pubblika akbar fl-attivitajiet u fil-ħidma tal-Unjoni Ewropea,
F. billi, konsegwentement, il-Parlament għandu responsabilità li jiżgura applikazzjoni aħjar tal-liġi Komunitarja mill-Istati Membri individwali fl-interessi taċ-ċittadini u r-reisidenti tal-UE, u b’hekk li jaħdem id f’id mal-Istati Membri biex jintlaħaq dan l-objettiv,
G. billi, madankollu, ħafna Stati Membri jibqgħu jsibuha bi tqila li jikkoperaw b'mod attiv mal-kumitat responsabbli, b'mod partikulari billi jonqsu milli jattendu laqgħat tal-kumitat, u peress li dan juri nuqqas ta' koperazzjoni leali mal-istituzzjoni,
H. billi n-nuqqas ta’ koperazzjoni attiva u f’waqtha mal-ħidma tal-kumitat responsabbli fl-interess tal-applikazzjoni korretta tal-liġi Komunitarja tqajjem dubji dwar ix-xewqa u l-intenzjoni tal-Istat Membru kkonċernat li japplika korrettament il-politiki u l-objettivi tal-UE u għalhekk jesponi lill-awtoritajiet għal miżuri fis-sura ta’ sanzjonijiet u pieni li huma disponibbli skont it-termini tat-Trattati kif ukoll għall-kritika pubblika,
I. filwaqt li jagħraf, madankollu, li ħafna Stati Membri juru livell tajjeb ta’ koperazzjoni u ħidma mal-Parlament fi sforz biex iwieġbu għall-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini kif inhuma espressi permezz tal-proċess tal-petizzjonijiet,
J. filwaqt li jagħraf il-kontribut kostruttiv li jsir lill-proċess tal-petizzjonijiet mis-servizzi tal-Kummissjoni, li b’mod regolari jipprovdu, fuq it-talba tal-kumitat responsabbli, evalwazzjonijiet preliminari ta’ ħafna petizzjonijiet li jaslu,
K. billi koperazzjoni bħal din tista’ u għandha tkompli tissaħħaħ aktar, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-proċeduri skont l-Artikoli 226 u 228 tat-Trattat KE f’każijiet li jkunu ġġustifikati kif jixraq,
L. billi l-Parlament iqis li hu leġittimu li jagħmel użu mis-setgħat tiegħu skont l-Artikolu 230 tat-Trattat KE, jekk dan ikun meħtieġ sabiex jintemm ksur serju tal-liġi Komunitarja li jkun ġie żvelat fil-kors tal-eżami ta’ petizzjoni u meta tippersisti differenza sinifikanti fl-interpretazzjoni, minkejja sforzi biex din tiġi riżolta, bejn il-Parlament u l-Kummissjoni, rigward l-azzjoni meħtieġa skont il-liġi Komunitarja għall-ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadini fil-każ konċernat,
M. billi l-proċedura ta’ ksur ma tipprovdix rimedju għall-petizzjonanti anke meta Stat Membru jkun obbligat mill-Qorti tal-Ġustizzja li jimmodifika l-leġiżlazzjoni tiegħu sabiex iġibha konformi mal-atti leġiżlattivi tal-UE,
N. billi l-inabilità li jkun ipprovdut rimedju mhux ġudizzjarju direttament liċ-ċittadini tal-UE li kienu jew li saru vittmi tan-nuqqas ta’ applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-UE tikkostitwixxi inġustizzja bażika li jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni mill-istituzzjonijiet tal-UE, u b’mod partikulari mill-Parlament,
O. billi, skont l-Artikolu 230 tat-Trattat KE, il-Parlament għandu d-dritt li jressaq azzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bl-istess kundizzjonijiet bħall-Kunsill u l-Kummissjoni u billi, skont l-Artikolu 201 tat-Trattat KE, il-Parlament għandu s-setgħa li jeżerċita kontroll fuq l-attivitajiet tal-Kummissjoni u b’hekk għandu disponibbli kemm l-istrumenti legali kif ukoll dawk politiċi biex jirreaġixxi b’mod iktar effettiv għat-tħassib leġittimu taċ-ċittadini,
P. billi l-Parlament għandu jeżamina mill-ġdid il-proċeduri tiegħu stess sabiex jiffaċilita l-azzjonijiet, partikolarment skont l-Artikolu 121 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja meta d-drittijiet tal-petizzjonanti jkunu f’riskju,
Q. billi għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 6 tat-Trattat UE, l-Unjoni hija msejsa fuq il-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u tal-istat tad-dritt, prinċipji li huma wkoll element bażiku tal-kriterji ta’ Kopenħagen għall-adeżjoni fl-UE, u billi l-Artikolu 7 tat-Trattat UE jistipula proċeduri speċifiċi li jistgħu jinbdew f’każ ta’ ksur serju u konsistenti tal-prinċipji msemmija, jew riskju ċar ta’ dan,
R. filwaqt li huwa konxju mill-mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet imressqa f’seduti plenarji fl-2008 u adottati mill-maġġoranza l-kbira tal-Membri, skont l-Artikolu 192(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament fuq il-bażi tal-petizzjonijiet li waslu rigward l-impatt tal-pipeline tal-gass tan-Nord Stream taħt il-Baħar Baltiku u rigward kumpaniji tad-direttorju qarrieqa,
S. billi ż-żieda fit-tħassib dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija rriżultat fi proġetti għal pipelines għall-gass naturali u għall-gass naturali likwefatt li, speċjalment meta jsiru bl-għaġla mingħajr evalwazzjoni xierqa tar-riskji u tal-alternattivi, iqajmu t-tħassib tal-petizzjonanti dwar in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni li tingħata lir-riskji potenzjalment serji għall-ambjent u għas-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem partikolarment fir-rigward ta' proġetti fil-Baħar Baltiku, Wales u l-Irlanda,
T. billi huwa evidenti mill-eżami tal-petizzjonijiet li l-listi tal-proġetti msemmija fl-Annessi tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent[1], kif emendata, ma jkoprux numru ta’ stallazzjonijiet u attivitajiet importanti li tfaċċaw wara l-aħħar emendi għal dawk l-Annessi, bħall-impjanti ta’ rigassifikazzjoni u l-impjanti tal-bijodiżil,
U. billi l-bosta petizzjonijiet imressqa dwar in-netwerk Natura 2000 komplew juru li l-waqfien tat-telf tal-bijodiversità hu sfida kbira għall-Unjoni u li d-Direttiva dwar il-Ħabitats[2] u d-Direttiva dwar l-Għasafar[3] jikkostitwixxu għodda bażika u indispensabbli sabiex ikun onorat l-impenn tal-UE li ttemm it-telf tal-bijodiversità sal-2010,
V. billi l-eżami tal-petizzjonijiet wera wkoll li n-nuqqas ta’ sorsi biżżejjed ta' ilma ħelu spiss huwa aggravat minn fatturi oħra bħad-domanda li qed tiżdied għall-ilma minħabba l-urbanizzazzjoni eċċessiva u l-proġetti għall-ħin ħieles, il-manutenzjoni inadegwata tal-infrastruttura u tal-prevenzjoni tat-tnixxijiet, l-użu intensiv tal-ilma mill-agrikoltura industrijali u politika tal-prezzijiet li ma tinkoraġġixxix l-użu sostenibbli tal-ilma,
W filwaqt li huwa konxju mir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet wara ż-żjarat f’Fos-sur-Mer, f’Ċipru u fir-Rumanija,
X. filwaqt li jżomm f’moħħu t-tħassib li ġie espress mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fir-rigward ta’ ċerti proġetti ta’ infrastruttura fil-Muntanji Rila fil-Bulgarija, li kienu osservati waqt żjara għall-ġbir tal-fatti fl-2008,
Y. billi minkejja li Ann Abraham, l-Ombudsman Parlamentari u tas-Servizz tas-Saħħa tar-Renju Unit, indirizzat il-Kumitat għall-Petizzjonijiet f'Diċembru tal-2008 u ppreżentatlu r-riżultati tal-investigazzjoni tagħha, investigazzjoni li damet sejra erba' snin, ir-reazzjoni sussegwenti mill-Gvern tar-Renju Unit f'Jannar tal-2009, li kienet tinkludi ħlasijiet ex gratia lil kull min intlaqat b'mod sproporzjonat, ma tistax titqies bħala rimedju xieraq għall-ħafna vittmi tal-falliment,
Z. filwaqt li jagħraf il-koperazzjoni pożittiva u kostruttiva mal-Ombudsman Ewropew fl-2008, l-appoġġ ipprovdut mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet għar-rakkomandazzjonijiet miġbura fir-Rapport Annwali tiegħu tal-2007 u fir-Rapporti Speċjali tiegħu dwar l-ilmenti 1487/2005/ u 3453/2005 rigward l-użu tal-lingwi fl-applikazzjoni tal-proċedura ta’ ksur mill-Kunsill u mill-Kummissjoni rispettivament, u filwaqt li jilqa’ b’sodisfazzjon il-modifiki għall-Istatut tiegħu approvati mill-Parlament,
AA. billi fl-2008 l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva 1 886 petizzjoni, li minnhom 1 065 kienu ddikjarati ammissibbli u 821 kienu ddikjarati inammissibbli; billi l-għadd ta' petizzjonijiet li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 191(1) tar-Regoli ta' Proċedura żdied b'mod sinifikanti mill-bidu tal-2007,
1. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-involviment u l-kontribut tal-petizzjonanti f’kull laqgħa tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li jippermetti djalogu dirett u miftuħ mar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u jkompli jagħmel kuraġġ liċ-ċittadini individwali u lill-assoċjazzjonijiet komunitarji tal-UE biex iressqu kwistjonijiet li jikkonċernaw il-qasam ta' attività tal-Unjoni Ewropea u li jaffettwawhom b’mod dirett, filwaqt li jemmen li dan il-proċess jippermetti lill-Parlament bħala istituzzjoni li jkollu rwol sinifikanti fil-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja fl-Istati Membri u li jiddefendi aħjar u jippromwovi d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha tal-UE kif definiti fit-Trattat tal-UE;
2. Iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali, bħala rappreżentanti taċ-ċittadini tal-UE, biex jibqgħu għassa fir-rigward tal-mod li bih l-Istati Membri japplikaw it-Trattati u l-atti leġiżlattivi tal-UE, b’mod partikulari fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-ambjent, mad-drittijiet soċjali u tal-impjieg, mal-moviment ħieles tal-persuni, oġġetti u servizzi, mas-servizzi finanzjarji, mad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini inkluż id-dritt tagħhom għal proprjetà li tkun akkwistata b’mod leġittimu, mal-għarfien tal-kwalifiki tagħhom u ma’ kull sura ta' diskriminazzjoni, u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jikkomunikaw b’mod effettiv maċ-ċittadini sabiex dawn ikunu konxji tad-drittijiet tagħhom u tad-dmirijiet tal-istituzzjonijiet nazzjonali u lokali;
3. Jenfasizza li, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-Parlament ma jistax iqis bħala ammissibbli petizzjonijiet li jappellaw kontra deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti jew ta’ korpi ġudizzjarji tal-Istati Membri u li informazzjoni f'dak ir-rigward trid tiġi kkomunikata b’mod ċar u li jiftiehem lill-petizzjonanti; jenfasizza, barra minn hekk, li l-ilmenti jridu jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 191(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament qabel ma jkunu jistgħu jiġu ddikjarati ammissibbli;
4. Jitlob li dawk ir-rakkomandazzjonijiet li ġew adottati fir-Rapport Annwali tal-2007 li għadhom iridu jiġu implimentati, jiġu implimentati f'perjodu ta’ żmien raġonevoli;
5. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri kollha u lill-istituzzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali tagħhom, flimkien mar-Rappreżentanti Permanenti tagħhom, biex jikkoperaw bis-sħiħ mal-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew meta jkunu qed jiġu investigati allegazzjonijiet jew proposti li jkunu jinsabu fil-petizzjonijiet, fuq bażi leali u kostruttiva, bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet li jitqajmu permezz tal-proċess tal-petizzjonijiet;
6. Jitlob li l-korpi responsabbli fil-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-Kunsill imexxu eżami mill-ġdid sħiħ tal-proċeduri possibbli biex tkun żgurata azzjoni ta’ rimedju għaċ-ċittadini tal-UE u li tkun innegozjata ftehima interistituzzjonali ġdida li tkun tinkorpora setgħat imsaħħa għall-kumitati ta’ inkjesta, sabiex ikomplu jiġu msaħħa d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE;
7. Jemmen li eżami mill-ġdid bħal dan jikkumplementa kull implimentazzjoni eventwali li tista' ssir tat-Trattat ta' Liżbona billi jipprovdi salvagwardji bbażati fuq id-drittijiet u l-obbligi ddikjarati taċ-ċittadini tal-UE u tal-istituzzjonijiet tal-UE;
8. Ifakkar li, kif il-Parlament enfasizza fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2004 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea[4], ir-rispett lejn il-valuri, u l-promozzjoni tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni u d-difiża tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma responsabilità partikolari għall-Parlament bħala r-rappreżentant elett direttament taċ-ċittadini Ewropej, u jfakkar ukoll li l-Parlament fisser il-fehma f'dik ir-riżoluzzjoni li "l-injorar tal-ħtieġa possibbli għal penali joħloq l-impressjoni li l-Unjoni mhix imħejjija jew mhijiex f'pożizzjoni li tuża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiddefendi l-valuri tagħha";
9. Jistieden lill-Kummissjoni, għal darba oħra, biex tiżgura li jingħata aktar għarfien lill-proċess tal-petizzjonijiet u li titqiegħed aktar enfasi fuqu, b’mod partikulari fir-rigward tal-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ ksur u r-rekwiżit li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet ikun mgħarraf b’mod dirett u b’mod uffiċjali meta jittieħdu deċiżjonijiet biex jingħata bidu għal proċeduri skont l-Artikolu 226 u/jew l-Artikolu 228 li huma relatati mal-kwistjonijiet li jitqajmu f’petizzjonijiet individwali;
10. Ifakkar li l-Parlament ikkunsidra li l-allegazzjonijiet ta’ ksur serju tal-liġi Komunitarja li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet qies li kellhom bażi soda fid-dawl tal-eżami tal-petizzjonijiet iżda li l-Istat Membru kkonċernat jirrifjuta li jammetti, u li x’aktarx se joħolqu preċedent fil-livell nazzjonali, finalment għandhom jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tkun żgurata l-konsistenza u l-koerenza tal-liġi Komunitarja u r-realtà tas-suq intern[5];
11. Jirrikonoxxi li l-proċeduri ta’ ksur, anki meta jirnexxu, jistgħu ma jirriżultawx f’rimedju immedjat għat-tħassib speċifiku mqajjem minn petizzjonanti individwali, u li dan spiss idgħajjef il-kunfidenza pubblika fil-ħila tal-istituzzjonijiet tal-UE li jilħqu l-aspettattivi tagħhom;
12. Huwa tal-fehma li, peress li hemm indikazzjonijiet ċari li l-objettiv li jintemm it-telf tal-bijodiversità fl-UE sal-2010 ma jistax jintlaħaq, trid tittieħed azzjoni urġenti sabiex l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħabitats u tad-Direttiva dwar l-Għasafar tkun aktar effettiva, u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura li dawk id-direttivi jiġu applikati mill-Istati Membri b'mod li huwa konsistenti ma' dan l-objettiv;
13. Jitlob lill-Kummissjoni biex, b'koperazzjoni mal-Parlament, tippromwovi mal-Istati Membri l-importanza li wieħed jaħseb fit-tul – speċjalment fil-qasam tal-approvazzjonijiet tal-ippjanar – bħala għajnuna biex jiġi evitat ksur potenzjali tad-dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja li ġew adottati iżda li għadhom mhumiex fis-seħħ;
14. Jagħraf li, xi drabi, ikun impossibbli li jinstabu soluzzjonijiet għall-ilmenti li jkunu tqajmu mill-petizzjonanti, minħabba nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli nnifsha;
15. Huwa preokkupat dwar l-għadd kbir ta’ petizzjonijiet li jirċievi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet li jitolbu d-drittijiet tal-vot għal residenti 'mhux' ċittadini tal-Latvja fl-elezzjonijiet lokali; ifakkar li l-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kumitat tan-NU dwar il-Qerda tad-Diskriminazzjoni Razzjali, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza kif ukoll l-Assemblea Parlamentari tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa rrakkomandaw li min mhuwiex ċittadin għandu jitħalla jipparteċipa fl-elezzjonijiet lokali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex timmonitorja mill-qrib u tinkoraġġixxi r-regolarizzazzjoni tal-istatus ta' persuni li 'mhumiex' ċittadini fil-Latvja, li ħafna minnhom twieldu fil-Latvja;
16. Jinnota li ħafna mill-petizzjonijiet li jirċievi l-Parlament minn individwi u assoċjazzjonijiet jikkonċernaw kwistjonijiet li ma jikkostitwixxux ksur tal-liġi Komunitarja u li għalhekk għandha tinstabilhom soluzzjoni billi jintużaw il-proċeduri legali kollha ta' rimedju li jkunu disponibbli fl-Istati Membri konċernati; jinnota wkoll li, ladarba jkunu ttieħdu l-miżuri kollha f'livell nazzjonali, il-korp ta' appell xieraq huwa l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;
17. Jinnota li l-"petizzjoni sede waħda" ffirmata minn 1 500 000 ruħ, li l-għan tagħha huwa li l-Parlament jiltaqa' f'sede waħda biss, għadha ma ġietx indirizzata bis-sħiħ; jirrakkomanda li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jittratta din il-kwistjoni bħala prijorità fil-mandat parlamentari li jmiss;
18. Għalhekk jistieden lill-kumitati leġiżlattivi responsabbli biex iżommu f’moħħhom proposti jew suġġerimenti li jistgħu jsiru minn żmien għal żmien mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni speċifika tal-UE min-naħa tal-Istati Membri, bil-għan li possibilment issir reviżjoni jew li ssir aktar investigazzjoni;
19. Ifakkar fit-talba tal-Parlament lill-Kummissjoni sabiex iżżid il-monitoraġġ tagħha tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv[6] fir-rigward tal-kumpaniji tad-direttorji kummerċjali qarrieqa kif ukoll biex tagħti rapport lill-Parlament dwar il-fattibilità u l-konsegwenzi possibbli tal-estensjoni tal-qasam ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern[7], speċifikament billi l-kelma 'konsumatur' tinbidel bil-kliem 'mira tal-prattika';
20. Japprova t-talba tal-Ombudsman lill-Kunsill li jżid l-għażliet tal-lingwa tal-websajts tal-Presidenzi tiegħu sabiex jinkludu l-lingwi l-aktar mitkellma tal-Unjoni Ewropea, bil-għan li jkun żgurat li ċ-ċittadini jkollhom aċċess dirett għall-attivitajiet tal-Presidenzi tal-Kunsill; jirreferi f'dan ir-rigward għall-Presidenza Franċiża tal-Kunsill, li ppubblikat il-websajt uffiċjali tagħha b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman;
21 Japprova s-sejħa tal-Ombudsman lill-Kummissjoni, b'referenza għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol[8], biex l-ilmenti taċ-ċittadini jiġu ttrattati b’konformità mal-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba fil-qasam tal-poteri ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni rigward il-bidu ta' proċeduri ta’ ksur;
22. Jilqa' b'sodisfazzjon il-koperazzjoni kostruttiva bejn l-Ombudsman u l-UE fi ħdan il-qafas istituzzjonali xieraq; japprova t-talbiet ripetuti tal-Ombudsman għall-adozzjoni ta' Kodiċi ta' Imġiba Amministrattiva Tajba, komuni għall-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE, kif approvat mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2001 dwar ir-Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew lill-Parlament Ewropew wara l-istħarriġ fuq inizjattiva proprja dwar l-eżistenza u l-aċċessibilità pubblika, fl-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji differenti, ta' Kodiċi ta' Imġiba Amministrattiva Tajba[9]; huwa tal-fehma li l-Ombudsman, il-Kummissjoni u l-Parlament għandhom jiżviluppaw portal komuni tal-UE sabiex ikunu ttrattati l-ilmenti li jitressqu quddiem l-istituzzjonijiet tal-UE;
23. Iħeġġeġ l-implimentazzjoni mill-firmatarji kollha tar-Riżoluzzjoni 550 (1984) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-kwistjoni ta' Ċipru, li twassal sabiex il-proprjetà tintradd b'mod sħiħ lis-sidien leġittimi tagħha f'Varosha; jissuġġerixxi li, f'każ li ma jkunx hemm riżultati ċari sa tmiem l-2009, il-kumitat responsabbli jista' jikkunsidra li jressaq il-kwistjoni tal-petizzjonanti ta' Famagusta quddiem il-plenarja;
24. Jistieden lill-awtoritajiet Rumeni biex jadottaw miżuri għall-ħarsien tal-wirt arkitettoniku u storiku tar-Rumanija, skont l-Artikolu 151 tat-Trattat KE, kif mitlub mid-Dikjarazzjoni tal-Parlament tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar il-ħtieġa ta' miżuri biex jitħares il-Katidral Kattoliku Ruman ta' San Ġużepp f'Bukarest ir-Rumanija, monument storiku u arkitettoniku mhedded[10]; b'referenza għall-problemi rigward ir-radd tal-proprjetà kkonfiskata fi żmien ir-reġim Komunista, jiġbed l-attenzjoni li, skont l-Artikolu 295 tat-Trattat KE, is-sjieda tal-proprjetà hija kwistjoni ta' kompetenza nazzjonali;
25. Jitlob lill-awtoritajiet Franċiżi jħejju evalwazzjoni epidemjoloġika sabiex ikun iddeterminat l-impatt fuq iz-zona qrib Fos-Berre, fil-viċinanzi tal-impjant ta' inċinerazzjoni li qed jinbena f'Fos-sur-Mer; jirrikonoxxi li d-Direttiva tal-Kunsill 1999/30/KE tat-22 ta' April 1999 dwar il-valuri ta' limitu tad-diossidu tal-kubrit, tad-diossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, materji f'partiċelli u ċomb fl-arja ambjentali[11] ma tipprojbixxix il-kostruzzjoni ta' inċineratur f'zona diġà affettwata mit-tniġġis tal-arja, iżda jiġbed l-attenzjoni li, skont id-Direttiva 1999/30/KE u d-Direttiva tal-Kunsill 1996/62/KE tas-27 ta' Settembru 1996 dwar l-istima u l-immaniġġjar tal-kwalità tal-arja ċirkostanti[12], għandhom jittieħdu miżuri sabiex tkun żgurata l-konformità mal-istandards Ewropej dwar it-tniġġis tal-arja;
26. Ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet miġbura fir-Rapport Annwali tal-2007 tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet bil-għan li jkunu analizzati mill-ġdid il-proċeduri amministrattivi għat-trattament tal-petizzjonijiet, bħal, pereżempju, it-trasferiment tar-reġistrazzjoni tal-petizzjonijiet lis-segretarjat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, il-koperazzjoni mill-qrib ma' SOLVIT, it-titjib ulterjuri tal-bażi ta' data tal-petizzjonijiet, l-iżvilupp ta' portal tal-UE għaċ-ċittadini Ewropej, eċċ; jilqa' b'sodisfazzjon l-abbozzar minn Membri ta' Kodiċi ta' Prattika Tajba għat-trattament tal-petizzjonijiet, li jidħol fis-seħħ fil-bidu tal-mandat parlamentari li jmiss;
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-kumitati għall-petizzjonijiet tagħhom u lill-ombudsmen tagħhom jew lil entitajiet simili kompetenti.
- [1] ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40.
- [2] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).
- [3] Id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1).
- [4] ĠU C 104 E, 30.4.2004, p. 408.
- [5] Riżoluzzjoni P6-0040/2005.
- [6] ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21.
- [7] ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.
- [8] Id-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat-23 ta’ Novembru 1993 dwar ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 307, 13.12.1993, p. 18).
- [9] ĠU C 72 E, 21.3.2002, p. 331.
- [10] ĠU C 227 E, 4.9.2008, p. 162.
- [11] ĠU L 163, 29.6.1999, p. 41.
- [12] ĠU L 296, 21.11.1996, p. 55.
NOTA SPJEGATTIVA
Daħla
Tul din il-leġiżlatura kollha l-Kumitat għall-Petizzjonijiet ħadem biex jiżgura li kwistjonijiet u preokkupazzjonijiet li nġiebu direttament għall-attenzjoni tal-Parlament Ewropew permezz tal-proċess tal-petizzjonijiet minn ċittadini u residenti Ewropej, skont l-Artikolu 194 tat-Trattat, ikunu ġew ikkunsidrati u mwieġba kif jixraq.
Għalkemm il-Kumitat għadu jitħabat biex ilaħħaq mad-domandi dejjem akbar li qed isirulu, f’ħafna oqsma kiseb rispett u għarfien għall-attività tiegħu, ħwejjeġ li ma kellux ftit tas-snin ilu. Pereżempju, saru avvanzi biex tkun żgurata mhux biss it-trasparenza akbar tal-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini permezz ta’ parteċipazzjoni dejjem akbar tal-petizzjonanti fil-laqgħat tal-Kumitat fejn setgħu jiddefendu u jippromwovu l-preokkupazzjonijiet tagħhom, imma wkoll saru titjibiet fl-abilità tal-membri individwali li jkollhom aċċess għall-petizzjonijiet u għad-dokumenti relatati kollha, permezz tal-iżvilupp ta’ bażi ta’ dejta ġdida fuq il-kompjuter.
Il-petizzjonijiet jaqgħu f’kategoriji differenti u għan-nies li josservaw l-attività tal-Kumitat mill-bogħod biss (anke fi ħdan il-Parlament) mhuwiex dejjem ċar x’inhu l-għan tassew tal-kompitu tal-Kumitat. Dan jiġri minn banda għax m’għandux kompitu wieħed biss, imma ġabra varjata ħafna ta’ għażliet li jħalluh jidentifika l-iktar linja ta’ azzjoni utli għal kull petizzjoni li tkun tressqet. Dan jiġri wkoll għax il-proċeduri tiegħu li jintużaw huma differenti ħafna minn dawk tal-kumitati leġiżlattivi li, minħabba r-responsabilitajiet tal-Parlament, jattiraw l-aktar prestiġju u l-aktar attenzjoni istituzzjonalment. Anke għall-pubbliku fis-sebgħa u għoxrin Stat Membru mhux dejjem huwa ovvju x’inhi petizzjoni jew x’jista’ jagħmel il-Parlament dwarha.
Jista’ jkun ta’ għajnuna għalhekk, f’dan ir-rapport annwali, li wieħed jibda billi jipprova jidentifika t-tipi differenti ta’ petizzjonijiet li jirċievi l-Kumitat.
· Petizzjonijiet li jirrigwardaw kampanji: dawn ikunu ffirmati minn għadd kbir ħafna ta’ ċittadini b’appoġġ għal objettiv li jkun aktar wieħed politiku fejn il-għadd ta' firem ikun indikazzjoni tal-ammont ta' interess pubbliku f'suġġett partikulari. Eżempji jinkludu dawk li jipprotestaw dwar is-sarar mat-toru fi Spanja, il-qtil tal-bumerini li għadhom żgħar, it-tbatija umanitarja kkawżata mill-kunflitt ta’ bejn l-Iżrael u l-poplu Palestinja, is-sitwazzjoni fil-Kurdistan Iraqqin, id-demokratizzazzjoni fil-Belarus, is-sitwazzjoni umanitarja atroċi fiż-Żimbabwe, ‘siġġu waħdieni’ għall-Parlament fi Brussell u l-bqija.
· Petizzjonijiet li jkollhom il-għan li jinfluwenzaw: dawn jistgħu jkunu ffirmati minn għadd kbir ta’ persuni wkoll, imma huma maħsuba biex jagħmlu impatt fuq proposti leġiżlattivi speċifiċi li jistgħu jkunu qed jiġu kkunsidrati fi ħdan kumitat Parlamentari partikulari. Eżempji jinkludu l-iskema tal-brevetti tas-softwer, l-ażil u d-drittijiet għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-pakkett dwar l-enerġija u l-klima, REACH u l-bqija.
· Petizzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE u tad-drittijiet li jinsabu fit-Trattati: dawn huma petizzjonijiet li l-aktar jitolbu attenzjoni għax ifittxu soluzzjonijiet jew spjegazzjonijiet mhux ġudizzjarji rigward il-mod kif l-Istati Membri japplikaw atti leġiżlattivi, jew kif jirrispettaw l-obbligi tagħhom li jinsabu fit-Trattati li jkunu marbuta fost kwistjonijiet oħra, mad-drittijiet fundamentali. Dawn huma l-aktar petizzjonijiet kontroversjali u għall-Parlament huma dawn li għandhom l-ogħla profil. Huma jipprovdu test li joħroġ il-verità dwar kif iċ-ċittadini tal-UE jwieġbu għal-leġiżlazzjoni Ewropea u spiss jiġbdu l-attenzjoni tal-Parlament għan-nuqqasijiet serji li jkun hemm fi ħdan l-Istati Membri. Huwa permezz ta’ dan it-tip ta’ petizzjoni li l-membri tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet ġew imlaqqma d-‘Detektivs tad-Direttivi'. Din mhijiex neċessarjament xi deskrizzjoni komda ħafna li wieħed irid jgħix biha, anke jekk tassew tiddeskrivi ċertu approċċ li l-Kumitat kien mitlub li jadotta aktar u aktar spiss. Eżempji jinkludu l-petizzjonijiet li jaslu rigward proġetti kbar ta’ infrastruttura li joħolqu impediment fuq drittijiet ambjentali jew ta’ patrimonju magħrufa fil-liġi tal-UE, problemi marbuta mat-trattament tal-iskart, problemi marbuta mal-ħarsien tan-natura u tal-ħlejjaq selvaġġi, id-drittijiet fundamentali għall-proprjetà akkwistata b’mod leġittimu u ħafna oqsma oħra ta’ responsabilità li għalihom għandha kompetenza l-UE.
· Petizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-individwu: li s-soltu huma aktar ta’ natura personali u jikkonsistu f’appelli minn individwi rigward id-diversi problemi marbuta mal-applikazzjoni tas-suq intern u l-moviment ħieles tal-persuni. Eżempji bħal dawn jinkludu l-għarfien ta’ kwalifiki professjonali, id-drittijiet għall-pensjonijiet jew jeddijiet soċjali oħra, rekwiżiti tar-residenza, l-ivvjaġġar transkonfinali u l-identifikazzjoni, talbiet individwali għall-ażil u l-bqija. (Il-kwistjonijiet koperti jistgħu jiġu indirizzati wkoll lill-unità tas-SOLVIT fil-Kummissjoni għalkemm il-petizzjonijiet li jaslu għandhom it-tendenza li jkunu wisq kumplessi biex is-SOLVIT jirriżolvihom.)
Minn kategorizzazzjoni simplifikata bħal din jista’ jidher forsi b’mod aktar ċar għaliex huwa meħtieġ li jkun hemm firxa wiesgħa ta’ regoli u proċeduri biex tkun ittrattata kull petizzjoni li tasal, speċjalment meta l-petizzjonijiet mhux dejjem jaqgħu fi ħdan waħda biss minn dawn il-kategoriji. Din turi wkoll, sa ċertu punt, il-għala kwistjonijiet bħal m’hi l-ammissibilità tal-petizzjonijiet jistgħu ma jkunux dejjem daqshekk sempliċi skont ir-regoli eżistenti u il-għala, għal darba oħra, is-soltu tiġi adottata interpretazzjoni wiesgħa li lill-petizzjonant tistmah bħala sinċier u korrett u mhux li tipprova teskludi kwistjoni leġittima mill-iskrutinju parlamentari.
Madankollu, huwa importanti li wieħed jinnota li speċjalment fl-2008, proporzjon dejjem akbar ta’ petizzjonijiet li waslu ġew meqjusa bħala inammissibbli. Dawn kienu mhux biss petizzjonijiet li għalihom is-sustanza kienet b’mod ċar waħda għall-kompetenza tal-Istati Membri, jew fejn il-kwistjoni kienet tirrigwarda appell kontra deċiżjonijiet legali meħuda minn organu judizzjarju kompetenti, jew fejn il-kwistjoni kien ikun aħjar li tkun ittrattata mill-Ombudsman Ewropew jew mis-servizzi tal-petizzjonijiet nazzjonali/tal-ombudsman nazzjonali. Dawn kienu petizzjonijiet li ġew milqugħa imma li kienu tant qosra li kienu relattivament bla sens, jew kienu b’xi mod ieħor insuffiċjenti fis-sustanza jew fil-komprensjoni. Din il-kategorija msemmija l-aħħar kibret minħabba l-faċilità li biha jitressqu l-petizzjonijiet b’mod elettroniku flimkien man-nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ reġistrazzjoni adegwati li jkunu kapaċi jagħżlu l-qamħ mill-karfa. Għalkemm ittieħdu xi passi biex tkun indirizzata din il-kwistjoni, turi fil-fatt li hemm problema strutturali li trid tiġi solvuta mill-amministrazzjoni tal-Parlament.
Punt ta’ daħla wieħed tal-aħħar li wieħed irid iżomm f’moħħu għall-ġejjieni għandu x’jaqsam mal-kategoriji differenti ta’ petizzjonijiet. Skont it-termini tat-Trattat ta’ Liżbona ċ-ċittadini Ewropej huma mogħtija dritt addizzjonali sinifikanti u opportunità prattika importanti biex isiru jerġa’ aktar involuti fil-proċess politiku tal-UE permezz tal-hekk imsejħa “Inizjattiva taċ-Ċittadini”. Għalkemm inizjattivi bħal dawn suppost li jkunu indirizzati l-ewwel ħaġa lill-Kummissjoni Ewropea (ħaġa li, meta wieħed iqis li d-dritt li titressaq petizzjoni huwa lill-Parlament tista’ tkun xi ftit ta’ konfużjoni!) eventwalment huma se jipprovdu liċ-ċittadin b’opportunità ġenwina li jipproponi leġiżlazzjoni ġdida. Din l-estensjoni importanti mal-proċess tal-petizzjonijiet għandha naturalment ikollha riperkussjonijiet fuq ix-xogħol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-ġejjieni, jekk u meta t-Trattat ta’ Liżbona nisperaw li jkun implimentat. Din il-ħaġa kienet diskussa f’għadd ta’ okkażjonijiet fl-2008 fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet.
Għadd ta’ petizzjonijiet
Gwida unidimensjonali għax-xogħol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet hija pprovduta mill-istatistika. Hekk kif jiġri ma’ ħafna mill-istatistika hija taħbi aktar milli tispjega, madankollu f’rapport annwali wieħed huwa obbligat li jagħti każ tan-numri. B’hekk, fl-2008 l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irreġistra 1886 petizzjoni meta mqabbla ma’ 1506 fl-2007, li kienu ħamsin fil-mija aktar milli fl-2006. L-ikbar għadd ta’ petizzjonijiet waslu mill-Ġermanja u minn Spanja, u warajhom mir-Rumanija u mill-Italja, mill-Polonja u mir-Renju Unit. L-Irlanda wkoll ressqet għadd konsiderevoli ta’ petizzjonijiet, l-akbar wieħed per kapita, meta wieħed iżomm quddiem għajnejh id-daqs tal-popolazzjoni.
Proporzjon akbar ta’ petizzjonijiet individwali waslu mill-Ġermanja u r-Rumanija filwaqt li Spanja u Franza aktar kellhom it-tendenza li jikkontribwixxu petizzjonijiet li kienu appoġġjati minn NGOs jew assoċjazzjonijiet komunitarji u korpi lokali fejn ilmentaw minn allegat nuqqas ta' rispett għall-applikazzjoni tad-Direttivi tal-UE. Jidher li huma ċ-ċittadini Ġermaniżi u Taljani li l-aktar ressqu petizzjonijiet li jirrigwardaw l-UE nfisha. Għall-ewwel darba l-għadd ta’ petizzjonijiet imressqa b’mod elettroniku kien aktar minn dak ta' petizzjonijiet imressqa permezz ta' ittra (59.2 v 40.8%). Il-proporzjoni ta’ petizzjonijiet inammissibbli ukoll żdiedet minn madwar 30% għal 40%.
Pajjiż ikkonċernat fl-2008
(Pajjiżi b’aktar minn 10 petizzjonijiet)
|
Pajjiż |
Petizzjonijiet li waslu |
|
|
Il-Ġermanja |
265 |
|
|
Spanja |
226 |
|
|
Ir-Rumanija |
207 |
|
|
L-Italja |
184 |
|
|
Il-Polonja |
105 |
|
|
Ir-Renju Unit |
99 |
|
|
Il-Greċja |
97 |
|
|
Franza |
86 |
|
|
Il-Bulgarija |
65 |
|
|
L-Irlanda |
58 |
|
|
Il-Finlandja |
36 |
|
|
Il-Belgju |
31 |
|
|
L-Olanda |
24 |
|
|
Malta |
21 |
|
|
L-Awstrija |
20 |
|
|
L-Ungerija |
17 |
|
|
Ir-Repubblika Ċeka |
14 |
|
|
L-Iżvezja |
12 |
|
|
L-Unjoni Ewropea |
330 |
|
Kwistjonijiet ewlenin fl-2008
L-għaxar temi l-aktar popolari fl-2008 (NB: xi petizzjonijiet jikkonċernaw aktar minn tema waħda)
|
Tema prinċipali |
Għadd ta’ petizzjonijiet |
|
|
Ambjent |
309 (12.7%) |
|
|
Drittijiet Fundamentali |
208 (08.6%) |
|
|
Proprjetà u Restituzzjoni |
149 (06.2%) |
|
|
Ġustizzja |
147 (06.1%) |
|
|
Affarijiet Soċjali |
118 (04.9%) |
|
|
Trasport |
117 (04.8%) |
|
|
Saħħa |
116 (04.8%) |
|
|
Suq Intern |
111 (04.4%) |
|
|
Edukazzjoni u Kultura |
105 (04.3%) |
|
|
Impjiegi |
89 (03.7%) |
|
Il-punt prinċipali tal-attenzjoni tal-petizzjonanti jkompli jkun l-ambjent, il-ħarsien tiegħu u l-preservazzjoni tiegħu. Il-Kumitat tassew li jinsab f’pożizzjoni unika biex tevalwa r-reazzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej għall-mod li bih l-Istati Membri japplikaw, jew ma japplikawx, il-liġi Ewropea f’dan ir-rigward. Kien minħabba tħassib serju dwar l-ambjent fir-reġjun Baltiku li l-Kumitat organizza għall-ewwel darba smigħ pubbliku u mbagħad ħejja rapport dettaljat dwar l-impatt tal-pipeline tal-gass propost tan-Nord Stream tal-Baħar Baltiku, ibbażat fuq petizzjonijiet li waslu mill-Polonja u l-Litwanja b'mod partikulari.
Filwaqt li wriet b’mod ċar ħafna x-xewqa u r-rieda tal-Kumitat li jikkopera ma' kumitati parlamentari oħra, f'dan il-każ il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Industrija u l-enerġija, is-seduta ta’ smigħ li saret fl-aħħar ta’ Jannar 2008, ħarġet effettiva ħafna bħala mezz li bih kien ipprovdut tagħrif mill-paritijiet kollha interessati kemm lill-Membri Parlamentari Ewropej u kemm lill-petizzjonanti li kienu preżenti u li tkellmu wkoll waqt is-seduta ta’ smigħ. Il-Kummissarji Piebalgs u Dimas ukoll għamlu dikjarazzjonijiet. Ir-rapport li sussegwentement kien approvat minn maġġoranza kbira ħafna fis-seduta plenarja ipprovda pożizzjonijiet ta’ standards ta’ referenza għall-Parlament fir-rigward tal-ħtieġa li tkompli tiġi ddiversifikata aktar il-politika tal-enerġija filwaqt li tkun ipprijoritizzata l-ħtieġa li jkun salvagwardjat il-qasam ambjentali fraġli ħafna tal-Baħar Baltiku baxx.[1]
L-Irlanda kellha post prominenti fid-diskussjonijiet tal-Kumitat dwar il-petizzjonijiet ambjentali matul is-sena. Il-Kumitat kien rappreżentat waqt is-seduta ta’ smigħ tal-Bord Nazzjonali tal-Ippjanar meta kkunsidra l-oppożizzjoni għas-sit tat-terraferma artifiċjali (landfill) mill-Grupp ta’ Azzjoni ta’ Nevitt Lusk (Petizzjoni 295-05) minħabba l-impatt potenzjalment negattiv fuq il-produzzjoni ortikulturali tar-reġjun u n-nuqqas ta’ konsiderazzjoni mill-awtoritajiet Irlandiżi għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma minħabba li dan is-sit kien jinsab fuq akkwiferu sinifikanti.
Il-Kumitat kompla wkoll isemma’ leħnu dwar il-preokkupazzjonijiet tiegħu dwar li mod li bih l-Aġenzija tat-Toroq Nazzjonali tal-Irlanda kienet injorat id-Direttivi tal-UE meta ppjanat ir-rotta tal-awtostrada M3 ħdejn Tara minħabba l-impatt devastanti fuq parti mis-siti ta’ patrimonju l-aktar importanti tan-nazzjon. Il-Kummissjoni tassew żiedet dan il-fattur ma’ proċedura ta’ ksur li għaddejja fil-preżent kontra l-Irlanda talli ma implimentatx kif jixraq id-Direttiva dwar l-Istudju tal-Impatt Ambjentali.
Komunikazzjonijiet mal-Mininstru Irlandiż għall-Ambjent madankollu wrew li ħafna mill-preokkupazzjonijiet tal-Kumitat ingħata każ tagħhom u ttieħdet azzjoni dwarhom, b’mod notevoli fir-rigward ta’ għadd ta’ petizzjonijiet li kellhom x'jaqsmu mal-ilma tax-xorb. Għadd ta’ petizzjonijiet Irlandiżi ġodda li waslu u li ġew ikkunsidrati fl-2008 jirrigwardaw il-faċilità proposta tal-LNG ħdejn Shannon, il-bini ta’ terminal tal-kontejners ħdejn Cork, impjanti proposti ta' inċineraturi f’Carranstown u College Nobber,[2] u problemi oħra bil-għażla tas-sit għat-terraferma artifiċjali f'Haulbowline.
It-tħassib li għandu fil-preżent il-Kumitat dwar id-drittijiet tas-sidien tal-proprjatà ħa ħafna mill-ħin tal-Kumitat fl-2008. Minn barra l-kwistjoni Spanjola tal-urbanizzazzjoni, li issa hija s-suġġett ta’ rapport speċifiku mill-Kumitat għat-tieni darba, il-Kumitat ġie kkuntattjat ukoll minn ħafna ċittadini minn uħud mill-Istati Membri li ngħaqdu mal-UE l-aktar reċentement li huma ffaċċjati mill-kwistjoni diffiċli tar-restituzzjoni tal-proprjetà li tmur lura għal reġimi politiċi preċedenti qabel id-demokratizzazzjoni. Għandu jingħad li din il-ħaġa tibqa’ l-kompetenza tal-Istat Membru, għalkemm hemm obbligu li l-Istati Membri kollha jistabbilixxu u jżommu għaddej qafas leġiżlattiv li jiffunzjonal biex iwieġeb għal talbiet bħal dawn. Żjara għat-tfittxija tal-fatti minn membri tal-Kumitat fir-Rumanija Ġunju li għadda għenet biex isseħħ diskussjoni l-aktar utli dwar dan is-suġġett mal-Parlament Rumen u l-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Rumanija.
Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva erba’ mitt ittra rigward il-problemi li jiffaċċjaw kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju, inklużi fondazzjonijiet karitattivi u servizzi oħra, ma’ ‘Kumpaniji tad-Direttorju’ qarrieqa. Din il-ħaġa ħarġet li kienet fenomenu mifrux ħafna li wassal biex ħafna kumpaniji żgħar kienu intimidati għal pagamenti għal servizz li huma ma kenux daħlu fih b’kkuntratt kuxjentement bħala riżultat ta’ proposti qarrieqa li kienu saru apposta. Il-Kumitat laqgħa lill-petizzjonanti għal-laqgħat tiegħu biex iressaq il-każ tagħhom lill-membri u ġie organizzat workshop speċjali fil-kuntest ta' rapport li tressaq f'seduta plenarja f'Diċembru 2008[3]. Il-Kumitat, appoġġjat mill-Parlament kollu kemm hu, talab bi dritt li jkun hemm salvagwardji legali aħjar għall-vittmi potenzjali ta’ prattiki bħal dawn u li ssir reviżjoni tal-liġi eżistenti tal-UE biex ikun żgurat li l-Istati Membri jkunu attrezzati aħjar biex jaffrontaw il-fenomenu.
Kwistjoni oħra minn dawk li ġibdu attenzjoni qawwija li kienu investigati mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet kienet tikkonċerna l-prattiki ta’ għadd ta' uffiċċji tal-Jugendamt fil-Ġermanja li għandhom ir-responsabilità li jittrattaw il-benesseri tal-ulied fil-każ ta' divorzju jew separazzjoni tal-ġenituri. Il-problemi prinċipali nqalgħu b’ġenituri ta’ nazzjonalitajiet differenti fejn kien hemm biżgħat serji ta’ diskriminazzjoni. Għal darba oħra, il-Kumitat kellu joqgħod attent għall-fatt li ħafna mill-ilmenti speċifiċi kienu kwistjonijiet ta’kompetenza nazzjonali. Madankollu, flimkien mal-Bundestag u l-Ministeru responsabbli sar progress u f’xi każijiet il-petizzjonanti rċevew apoloġija. Dokument maħruġ mis-segretarjat fl-aħħar tas-sena pprovda kjarifika li kienet ta’ għajnuna għall-membri u li ppermettitilhom li jqiegħdu t-talbiet f’perspettiva filwaqt li indikat is-serjetà li biha l-Kumitat iqis il-problema.
Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet mexxa eżamijiet mill-ġdid tal-implimentazzjoni tar-Rapport li sar mill-Kumitat ta’ Inkjesta dwar l-Equitable Life, adottat f’Ġunju tal-2007, li kien ġie stabbilit bħala riżultat tal-petizzjonijiet li waslu. Ir-rapport innifsu ikkataloga serje ta’ nuqqasijiet fil-qafas regolatorju fis-settur tas-servizzi soċjali tar-Renju Unit relatati mal-implimentazzjoni tal-Liġi Komunitarja. Evalwazzjoni dettaljata ġiet ipprovduta għall-President tal-Parlament Ewropew f’Ġunju tal-2008, wara diskussjonijiet mal-petizzjonanti. Imbagħad, wara l-pubblikazzjoni mill-Ombudsperson Parlamentari Brittanika tar-rapport tagħha: Għaxar snin ta’ falliment regolatorju rigward l-Equitable Life, saru aktar diskussjonijiet magħha waqt il-laqgħa ta' Diċembru tal-Kumitat. Komunikazzjoni dettaljata min-naħa tal-Gvern Brittaniku għadha qed tkun mistennija li dwar din il-kwistjoni li tasal għand il-Parlament Ewropew li esprima l-iskuntentizza qawwija tiegħu bid-dewmien u t-tgħammim ipprattikati mill-awtoritajiet Brittaniċi.
Il-proċeduri tal-kumitat
Kif kien indikat fid-daħla, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa mitlub jindirizza ħafna tipi differenti ta’ petizzjonijiet li jkopru ħafna oqsma varjati tal-attività tal-UE. Li fil-fatt jagħmel hekk huwa xhieda ċara tal-importanza li l-istituzzjoni tagħti lill-fehmiet taċ-ċittadin Ewropew; din il-ħaġa tagħżlu wkoll mill-parti l-kbira tal-parlamenti nazzjonali li ma waqqfux korpi proattivi bħal dan biex jiddefendu d-drittijiet taċ-ċittadini.
Il-ħidma tal-Kumitat hija bbażata fuq l-obbligi li jinsabu fit-Trattat u fuq ir-regoli ta' proċedura tal-Parlament, u fuq il-koperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet differenti fl-Istati Membri. Il-metodi tiegħu żviluppaw b’mod x’aktarx prammatiku b’rispons għad-domandi ta’ xogħol li jsiru fuqu u b’mod partikulari matul din il-leġiżlatura saru għadd ta’ avvanzi f’dak li jirrigwarda t-trasparenza u l-parteċipazzjoni pubblika. Dawn saru rapporti dwarhom qabel f’rapporti annwali preċedenti.
Grupp ta’ ħidma tal-Bureau tal-Parlament Ewropew għamel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet fit-Tielet Rapport Interim tiegħu li, jekk ikunu implimentati, ikomplu jikkonsolidaw l-irwol u r-responsabilitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet. Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, filwaqt li aġixxa minn banda fuq il-parir tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, ukoll għamel għadd ta’ proposti li se jimmodifikaw ir-Regoli ta’ Proċedura eżistenti u, nisperaw, jissimplifikawhom.
Madankollu, minkejja dak li nittamaw ikun meqjus bħala avvanzi, il-Kumitat għandu jagħraf li s-setgħat prattiċi tiegħu ta’ rinfurzar għadhom wisq limitati. Jekk u meta t-Trattat ta’ Liżbona jidħol fis-seħħ din is-sitwazzjoni tista’ tinbidel ftit. Madankollu, jidher tassew li huwa għaqli f’din is-sitwazzjoni ta’ ċirkostanzi li wieħed jibda jqis f’aktar dettall flimkien mal-istituzzjonijiet l-oħra, modi li bihom il-Kumitat (u għalhekk il-Parlament) ikun jistgħu jeżerċitaw aktar setgħa ġenwina fir-rigward, pereżempju, tal-proċedura ta’ ksur, skont l-Artikoli 226 u 228 tat-Trattat, li jagħtu setgħa konsiderevoli ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni u xejn affattu lill-Parlament. Barra minn hekk, il-fehmiet tal-Kumitat għandhom ikunu kapaċi jġibu aktar impatt meta jinġiebu każijiet quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja skont dawn il-proċeduri għax m’għandux il-mezzi prattiċi biex jikkomunika l-opinjonijiet ikkunsidrati tiegħu - jew ir-riżoluzzjonijiet li l-Parlament ikun approva bbażati fuq dak li jkun sab - lill-Qorti skont id-dispożizzjonijiet attwali u dan għalhekk iħalli lakuna importanti fl-evidenza li l-Qorti tista’ tagħżel li tqis fid-deliberazzjonijiet tagħha.
Il-Kumitat għandu għalhekk jibda jikkunsidra f’aktar dettall modi li bihom il-poteri ġenwini tiegħu jistgħu jissaħħew. Proċeduri ta’ inġunzjoni, proċeduri ta’ kumpens għall-petizzjonanti li d-drittijiet tagħhom ikunu ġew affettwati minn atti leġiżlattivi tal-UE li jkunu applikati ħażin, regoli aktar speċifiċi rigward l-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom kollha jiġu eżaminati mill-ġdid sabiex fil-leġiżlatura li jmiss il-proċess tal-petizzjonijiet ikun jista' verament jiġi aċċettat u rrispettat.
- [1] Rapport ta’ Marcin Libicki
- [2] Il-Kumitat f’għadd ta’ okkażjonijiet qies li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jikkunsidraw l-impjanti ta’ metanizzazzjoni bħala alternattivi għall-impjanti proposti ta’ inċinerazzjoni peress li għandhom impatt wisq inqas fuq il-kwalità tal-arja.
- [3] Rapport ta’ Simon Busuttil f’isem il-Kumitat għall-Petizzjonijiet.
ANNESS: Petizzjonijiet li rċieva l-Parlament fl-2008
|
Pajjiż ikkonċernat |
Għadd ta’ petizzjonijiet |
% |
|
|
|
L-Unjoni Ewropea |
330 |
15,9 |
|
|
|
Il-Ġermanja |
265 |
12,8 |
|
|
|
Spanja |
226 |
10,9 |
|
|
|
Ir-Rumanija |
207 |
10,0 |
|
|
|
L-Italja |
184 |
8,9 |
|
|
|
Il-Polonja |
105 |
5,1 |
|
|
|
Ir-Renju Unit |
99 |
4,8 |
|
|
|
Il-Greċja |
97 |
4,7 |
|
|
|
Franza |
86 |
4,1 |
|
|
|
Oħrajn |
476 |
22,9 |
|
|
|
Nazzjonalità tal-petizzjonanti l-aktar influwenti |
Għadd ta’ petizzjonijiet |
Perċentwali |
|
|
|
Il-Ġermanja |
413 |
21,8 |
|
|
|
L-Italja |
245 |
12,9 |
|
|
|
Spanja |
197 |
10,4 |
|
|
|
Ir-Rumanija |
189 |
10,0 |
|
|
|
Ir-Renju Unit |
144 |
7,6 |
|
|
|
Il-Polonja |
112 |
5,9 |
|
|
|
Il-Greċja |
102 |
5,4 |
|
|
|
Franza |
90 |
4,8 |
|
|
|
Oħrajn |
400 |
21,1 |
|
|
|
|
Temi tal-petizzjonijiet |
Għadd ta’ petizzjonijiet |
Perċentwali |
|
|
|
|
Ambjent |
309 |
12,7 |
|
|
|
|
Drittijiet Fundamentali |
208 |
8,6 |
|
|
|
|
Proprjetà u Restituzzjoni |
149 |
6,1 |
|
|
|
|
Ġustizzja |
147 |
6,1 |
|
|
|
|
Suq Intern |
130 |
5,4 |
|
|
|
|
Affarijiet Soċjali |
118 |
4,9 |
|
|
|
|
Trasport |
117 |
4,8 |
|
|
|
|
Saħħa |
116 |
4,8 |
|
|
|
|
Edukazzjoni u Kultura |
105 |
4,3 |
|
|
|
|
Impjiegi |
89 |
3,7 |
|
|
|
|
Oħrajn |
940 |
38,7 |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Lingwa tal-petizzjonijiet |
Għadd ta’ petizzjonijiet |
Perċentwali |
|
|
|
Ġermaniż |
437 |
23,2 |
|
|
|
Ingliż |
395 |
20,9 |
|
|
|
Taljan |
222 |
11,8 |
|
|
|
Spanjol |
193 |
10,2 |
|
|
|
Rumen |
155 |
8,2 |
|
|
|
Franċiż |
131 |
6,9 |
|
|
|
Pollakk |
101 |
5,4 |
|
|
|
Grieg |
87 |
4,6 |
|
|
|
Oħrajn |
165 |
8,7 |
|
|
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data tal-adozzjoni |
31.3.2009 |
|
|
|
||
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
16 0 0 |
||||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Sir Robert Atkins, Victor Boştinaru, Michael Cashman, Proinsias De Rossa, Carlos José Iturgaiz Angulo, Marcin Libicki, Miguel Angel Martínez Martínez, Manolis Mavrommatis, Mairead McGuinness, Willy Meyer Pleite, Diana Wallis, Rainer Wieland |
|||||
|
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Alexander Alvaro, Ivo Belet, Jean-Luc Bennahmias, Thijs Berman, André Brie, Carlos Carnero González, Daniel Caspary, Brian Crowley, Marie-Hélène Descamps, Georgios Georgiou, András Gyürk, Roger Helmer, Mieczysław Edmund Janowski, Henrik Lax, Yiannakis Matsis, Cristiana Muscardini, Juan Andrés Naranjo Escobar, María Sornosa Martínez, Grażyna Staniszewska, Margie Sudre, Andrzej Jan Szejna, Tatjana Ždanoka, Dushana Zdravkova |
|||||
|
Sostituti (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Elspeth Attwooll, Ian Hudghton |
|||||