RAPPORT bi proposta għal rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar in-nonproliferazzjoni u l-futur tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (NPT)

3.4.2009 - (2008/2324(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Angelika Beer

Proċedura : 2008/2324(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0234/2009

PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW LILL-KUNSILL

dwar in-nonproliferazzjoni u l-futur tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (NPT)

(2008/2324(INI))

Il-Parlament Ewropew,

- wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill imressqa minn Annemie Neyts-Uyttebroeck, f'isem il-Grupp ALDE, u Angelika Beer, f'isem il-Grupp Verts/ALE, dwar in-nonproliferazzjoni u l-futur tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (NPT) (B6-0421/2008),

- wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Reviżjoni tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari li se ssir fl-2010,

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-26 ta' Frar 2004[1], l-10 ta' Marzu 2005[2], is-17 ta' Novembru 2005[3] u l-14 ta' Marzu 2007[4] dwar in-nonproliferazzjoni nukleari u d-diżarm nukleari,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà u tal-PESD[5],

- wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea kontra l-proliferazzjoni tal-Armi tal-Qerda tal-Massa (WMD), li kienet adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonital-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar sigurtà internazzjonali aktar stretta, b'mod partikulari l-punti 6, 8 u 9 tagħha, li tesprimi d-"determinazzjoni tal-UE li tiġġieled il-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa u tal-mezzi li bihom dawn jitwasslu",

–   wara li kkunsidra l-irwol fundamentali tal-Grupp tal-Fornituri Nukleari fil-kuntest tan-nonproliferazzjoni,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-kwistjonijiet tan-nonproliferazzjoni u tad-diżarm nukleari, b'mod speċjali r-Riżoluzzjoni 1540 (2004),

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari, il-Ftehimiet dwar Salvagwardji Komprensivi tal-IAEA u l-Protokolli Addizzjonali, il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika ta' Materjal Nukleari, il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Sopressjoni ta' Atti ta' Terroriżmu Nukleari, il-Kodiċi ta' Kondotta ta' The Hague kontra l-Proliferazzjoni tal-Missili Ballistiċi, it-Trattat dwar it-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (START I), li se jiskadi fl-2009, u t-Trattat dwar it-Tnaqqis tal-Offensivi Strateġiċi (SORT),

- wara li kkunsidra r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà miftiehma mill-Kunsill Ewropew fil-11 ta' Diċembru 2008,

- wara li kkunsidra l-Artikolu 114(3) u l-Artikolu 90 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

- wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0234/2009),

A.     jenfasizza l-bżonn li jkomplu jissaħħu t-tliet pilastri kollha tal-NPT, speċifikament in-nonproliferazzjoni, id-diżarm u l-koperazzjoni dwar l-użu ċivili tal-enerġija nukleari,

B.     huwa mħasseb serjament dwar in-nuqqas ta' progress biex jintlaħqu objettivi konkreti (bħal dawk magħrufa bħala "t-13-il pass"[6]) fir-realizzazzjoni tal-għanijiet tat-Trattat NPT, kif miftiehem fil-Konferenzi preċedenti ta' Reviżjoni, speċjalment issa li t-theddid ġej minn varjetà ta' sorsi, inkluż proliferazzjoni li qed tiżdied u li timxi id f'id ma' domanda dejjem akbar għat-teknoloġija nukleari u d-disponibilità tagħha, il-potenzjal ta' din it-teknoloġija u tal-materjal radjuattiv li jispiċċa f'idejn l-organizzazzjonijiet kriminali u t-terroristi, u n-nuqqas ta' rieda tal-Istati li għandhom armi nukleari u li huma firmatarji tal-NPT li jnaqqsu jew jeliminaw il-ħażniet nukleari tagħhom u jitbiegħdu mill-prinċipju militari tad-deterrent nukleari,

C.     billi l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa (WMD) u l-mezzi biex dawn jiġu kkonsenjati, kemm lil parteċipanti statali kif ukoll lil oħrajn li mhumiex, hija waħda mill-aktar theddidiet serji għall-istabilità u s-sigurtà internazzjonali,

D.     ifakkar fl-impenn tal-UE li tagħmel użu mill-istrumenti kollha li għandha biex tevita, tfixkel, twaqqaf u, jekk ikun possibbli, telimina l-programmi ta' proliferazzjoni li qed jikkawżaw tħassib fil-livell globali, kif ġie espress b'mod ċar fl-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa li ġiet adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

E.     jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tintensifika l-isforzi biex tiġġieled il-flussi ta' proliferazzjoni u l-finanzjamenti tal-proliferazzjoni, biex tawtorizza atti ta' proliferazzjoni u biex tiżviluppa miżuri li jevitaw trasferimenti mhux tanġibbli ta' għerf u għarfien permezz tal-istrumenti kollha disponibbli, inklużi t-trattati multilaterali u l-mekkaniżmi ta' verifika, il-kontrolli fuq l-esportazzjoni kkoordinati nazzjonalment u internazzjonalment, il-programmi ta’ koperazzjoni għat-tnaqqis tat-theddid u l-mezzi politiċi u ekonomiċi ta' influwenza,

F.     imħeġġeġ mill-proposti l-ġodda għad-diżarm bħal dawk mitluba minn Henry Kissinger, George P. Shultz, William J. Perry u Sam Nunn f'Jannar 2007 u Jannar 2008 u kampanji bħal "Global Zero", huma tal-fehma li mod importanti ħafna ta’ kif tiġi żgurata l-prevenzjoni tal-proliferazzjoni nukleari u kif tintlaħaq is-sigurtà globali huwa li wieħed jersaq lejn l-eliminazzjoni tal-armi nukleari,

G.     filwaqt li jilqa', f'dan ir-rigward, l-inizjattivi tal-gvern Franċiż u l-gvern tar-Renju Unit biex inaqqsu l-ħażniet nukleari tagħhom,

H.     inkoraġġit ħafna, b'mod partikolari, minn numru ta' dikjarazzjonijiet dwar il-politika nukleari tal-Istati Uniti li saru minn Barack Obama, meta kien il-President-elett, li fihom enfasizza li l-Istati Uniti se tħabrek għal dinja mingħajr armi nukleari, u se taħdem mar-Russja biex il-missili ballistiċi tal-Istati Uniti u tar-Russja ma jibqgħux lesti għal attakk imminenti, u tnaqqas b'mod drammatiku l-ħażniet ta' armi u materjali nukleari tal-Istati Uniti; filwaqt li jilqa’ r-ratifika mill-Istati Uniti tal-Protokolli Addizzjonali għall-Ftehimiet dwar Salvagwardji tal-IAEA bħala pass pożittiv u wieħed li jibni l-fiduċja; jilqa' b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-President Obama li tiġi ffinalizzata r-ratifika mill-Istati Uniti tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari (CTBT),

I.      jenfasizza l-ħtieġa għall-koordinazzjoni u koperazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u sħabha, inklużi, b'mod partikulari, l-Istati Uniti u r-Russja, bil-ħsieb li terġa' tingħata l-ħajja u tissaħħaħ is-sistema ta' nonproliferazzjoni,

J.      jenfasizza li t-tisħiħ tal-NPT bħala l-ġebla tax-xewka tas-sistema ta' nonproliferazzjoni globali hu ta' importanza vitali, u waqt li jagħraf li hemm bżonn ta' tmexxija kuraġġuża u numru ta' passi progressivi u konsekutivi sabiex tiġi affermata mill-ġdid il-validità tal-NPT u jissaħħew il-ftehimiet, it-trattati u l-aġenziji li flimkien jagħmlu s-sistema eżistenti tal-proliferazzjoni u tad-diżarm, inklużi b'mod partikulari, it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari u l-Aġenzija Internazzjonali dwar l-Enerġija Atomika,

K.     jilqa', f'dan ir-rigward, l-inizjattiva konġunta bejn ir-Renju Unit u n-Norveġja intenzjonata għall-evalwazzjoni ta' kemm hu fattibbli li eventwalment jiġu żarmati l-armi nukleari, għat-twaqqif ta' passi proċedurali ċari għal dan iż-żarmar u l-proċeduri ta' verifika relatat miegħu; waqt li jqis li din l-inizjattiva hi waħda pożittiva ħafna għall-UE, għan-NATO u għall-atturi relevanti l-oħra,

L.     jinnota l-ittra bid-data tal-5 ta' Diċembru 2008 mill-Presidenza Franċiża tal-UE lis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon dwar il-kwistjonijiet tad-diżarm,

M.    jilqa' b'sodisfazzjon id-diskors li sar fid-9 ta' Diċembru 2008 minn Javier Solana, ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Politika Komuni Barranija u ta' Sigurtà, waqt konferenza dwar "Il-Paċi u d-Diżarm: Dinja Mingħajr Armi Nukleari", li fih laqa' l-fatt li l-kwistjoni tad-diżarm nukleari qiegħda għal darba oħra fuq nett tal-aġenda internazzjonali u enfasizza l-ħtieġa li l-UE tintegra n-nonproliferazzjoni fil-politiki globali tagħha,

N.     jindika l-ġeneralizzazzjoni tal-introduzzjoni tal-"klawsoli ta' nonproliferazzjoni" fil-ftehimiet konklużi bejn l-UE u Stati terzi mill-2003,

O.     jikkunsidra l-inizjattivi ta' nonproliferazzjoni u diżarm barra mill-qafas tan-NU li ġew appoġġjati mill-UE, bħall-Inizjattiva ta' Sigurtà fil-qasam tal-Proliferazzjoni u l-Isħubija Dinjija tal-G8,

P.     jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni għandha l-istatus ta' osservatur fil-Grupp tal-Fornituri Nukleari u fil-Konferenza ta' Reviżjoni tal-NPT, u li anke s-Segretarjat tal-Kunsill qed jieħu sehem fil-Konferenza dwar l-NPT, jew fid-delegazzjoni tal-KE jew mal-Presidenza tal-UE,

1.      Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

(a)  li tiġi analizzata u aġġornata l-Pożizzjoni Komuni 2005/329/PESC tal-Kunsill tal-25 ta' April 2005 dwar il-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2005 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari[7], li tkun approvata uffiċjalment fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2009, bi tħejjija għal riżultat ta' suċċess waqt il-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2010 tal-NPT li se tkompli ssaħħaħ it-tliet pilastri eżistenti kollha tal-NPT;

(b)  li jiġu intensifikati l-isforzi biex jiġu żgurati l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni effikaċi tar-regoli u l-istrumenti dwar in-nonproliferazzjoni, b'mod partikulari permezz tat-titjib tal-mezzi ta' verifika;

(c)             li jappoġġja b’mod attiv, flimkien mas-sħab tiegħu, proposti konkreti biex il-produzzjoni, l-użu u l-ipproċessar mill-ġdid tal-fjuwil kollu nukleari jkunu ġestiti mill-IAEA, fosthom il-ħolqien ta’ bank internazzjonali tal-fjuwil; barra minn hekk jappoġġja inizjattivi oħra għall-multilateralizzazzjoni taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari li jimmiraw għall-użu paċifiku tal-enerġija nukleari, filwaqt li jqis li l-Parlament jilqa' l-fatt li l-Kunsill u l-Kummissjoni huma lesti jikkontribwixxu sa EUR 25 miljun għall-ħolqien ta' bank tal-fjuwil nukleari ġestit mill-IAEA u jixtieq jara li l-Azzjoni Konġunta dwar dan is-suġġett tkun approvata malajr;

(d)  li jingħata aktar appoġġ għall-isforzi li qed isiru biex jissaħħaħ il-mandat tal-IAEA, inkluża l-ġeneralizzazzjoni tal-Protokolli Addizzjonali għall-Ftehimiet dwar Salvagwardji tal-IAEA u passi oħra mfassla biex jiġu żviluppati miżuri għall-bini ta' fiduċja; jiżgura li jkun hemm riżorsi biżżejjed għal din l-organizzazzjoni sabiex tissodisfa l-mandat ewlieni tagħha sabiex l-attivitajiet nukleari jkunu sikuri;

(e)  li jsir progress sostanzjali dwar l-inizjattiva tas-Sħubija tal-G8, l-Inizjattiva dwar is-Sigurtà fil-qasam tal-Proliferazzjoni u l-Inizjattiva għat-Tnaqqis tat-Theddida Globali, u li tingħata spinta biex it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari jidħol fis-seħħ minn kmieni;

(f)   li jiġi approfondit id-djalogu mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti u mal-qawwiet kollha li għandhom armi nukleari, bil-ħsieb li tiġi segwita aġenda komuni li jkollha l-għan li progressivament titnaqqas il-ħażna ta' testati nukleari; b'mod partikolari, li jiġu appoġġjati dawk il-passi li qed jittieħdu mill-Istati Uniti tal-Amerika u mir-Russja biex inaqqsu b'mod sostanzjali l-armi nukleari tagħhom skont il-qbil ta' bejniethom fl-iSTART I u fis-SORT; li ssir ħidma biex jiġi rratifikat it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari u t-tiġdid tal-ftehima START;

(g)  l-iżvilupp ta' strateġiji waqt il-Konferenza ta' Reviżjoni tal-NPT tal-2010 li jkollhom l-għan li tintlaħaq ftehima dwar trattat biex titwaqqaf il-produzzjoni ta' materjal fissili għal skopijiet ta' armi b'mod li ma jkunx diskriminatorju, li jfisser li t-trattat innegozjat b'dan il-mod għandu jirrikjedi mhux biss lil Stati li m'għandhomx armi nukleari jew Stati li bħalissa mhumiex fl-NPT iżda wkoll lill-ħames membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li kollha kemm huma għandhom l-armi nukleari, biex jirrinunzjaw għall-produzzjoni ta' materjal fissili għall-armi u biex iżarmaw il-faċilitajiet stabbiliti kollha tagħhom għall-produzzjoni ta' materjal fissili għal armi bħal dawn;

(h)  li jiġi kompletament appoġġjat it-tisħiħ u t-titjib tal-mezzi ta' verifika tal-konformità tal-istrumenti kollha disponibbli dwar in-nonproliferazzjoni;

(i)  li tintalab evalwazzjoni dwar l-effettività tal-użu ta' klawsoli dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi ta' qerda tal-massa fil-ftehimiet konklużi bejn l-UE u l-Istati terzi;

(j)  li l-Parlament jinżamm regolarment informat dwar il-laqgħat preparatorji kollha fil-perjodu ta' qabel il-Konferenza ta' Reviżjoni tal-NPT tal-2010 u li jitqiesu kif jixraq il-fehmiet tiegħu dwar in-nonproliferazzjoni u l-kwistjonijiet ta' diżarm fir-rigward ta' dik il-Konferenza;

2.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2010 tal-NPT, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Membri Parlamentari għan-Nonproliferazzjoni u d-Diżarm Nukleari u lis-Sindki għall-Paċi.

  • [1]  ĠU C 98 E, 23.4.2004, p. 152.
  • [2]  ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 253.
  • [3]  ĠU C 280E, 18.11.2006, p.453.
  • [4]  ĠU C 301 E, 13.12.2007, p.146.
  • [5]  Testi adottati, P6_TA(2008)0255.
  • [6]  Nazzjonijiet Uniti: Konferenza ta' Reviżjoni tal-2000 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari NPT/CONF.2000/28 (Partijiet I u II).
  • [7]  ĠU L 106, 27.4.2005, p. 32.

NOTA SPJEGATTIVA

Rakkomandazzjoni lill-Kunsill dwar in-nonproliferazzjoni u l-futur tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (NPT).

Matul bosta snin il-Parlament Ewropew kellu rwol ewlieni fil-promozzjoni ta' kontrolli stretti fuq tipi ta' armi li huma meqjusa bħala eċċessivament ta' ħsara jew li jkollhom impatt mingħajr diskriminazzjoni kemm fuq il-militari u kemm fuq iċ-ċivili. Għalhekk, il-parlament appoġġa bis-sħiħ it-trattati internazzjonali bħall-Programm ta' Azzjoni tan-NU għall-Ġlieda kontra l-Użu Illegali ta' Armi Żgħar u Ħfief (SALW), u t-trattati globali għall-projbizzjoni tal-isplussivi tal-art anti-persunal, munizzjon tat-tip cluster, armi kimiċi u armi bijoloġiċi.

Dwar kwistjonijiet rigward armi nukleari, il-Parlament Ewropew sistematikament adotta riżoluzzjonijiet fl-okkażjoni ta' kull Konferenza ta' Reviżjoni tal-NPT minn mindu n-NPT daħal fis-seħħ fl-1970, kif ukoll ta' ħafna mil-laqgħat tal-Kumitat Preparatorju tal-NPT. Dawn ir-riżoluzzjonijiet kollha kellhom l-għan li jsaħħu n-NPT u l-implimentazzjoni tiegħu u li jipprovdu rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill Ewropew u lill-istati membri.

Din in-nota tispjega fil-qosor il-karatteristiċi ewlenin tal-NPT u r-riżultati mħallta miksuba mill-Konferenzi ta' Reviżjoni tal-2000 u tal-2005. Hija tiddeskrivi l-kwistjonijiet prinċipali fuq l-aġenda Konferenzi ta' Reviżjoni tal-NPT 2010 u tenfasizza li hemm klima internazzjonali ġdida li tiffavorixxi negozjati diplomatiċi dwar id-diżarm nukleari. Imbagħad, din tiffoka fuq il-kontenut u l-isfond taż-żewġ proposti prinċipali: il-Konvenzjoni dwar l-Armi Nukleari u l-Protokoll Hiroshima-Nagasaki. Qed tiġi mressqa l-fehma li huwa biss permezz tal-adozzjoni kemm tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Nukleari u kemm tal-Protokoll Hiroshima-Nagasaki li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Kontraenti tal-NPT jistgħu jiżguraw li l-Konferenza ta' Reviżjoni tal-NPT 2010 tkun suċċess.

In-NPT u l-isfidi li jipprovdi

It-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (NPT) jikkonsisti primarjament fi ftehima bażika bejn l-Istati li m'għandhomx armi nukleari (non-NWS) li jaqblu li ma jiksbux armi nukleari u li jaċċettaw salvagwardji fuq il-faċilitajiet nukleari tagħhom, u l-Istati li għandhom armi nukleari (NWS) li jaqblu li jinnegozjaw bl-għan tad-diżarm nukleari. Filwaqt li l-NPT kien relattivament ta' suċċess fil-prevenzjoni tal-proliferazzjoni nukleari mifruxa, naqas milli jiżgura li l-NWS jimplimentaw l-obbligu tagħhom li jibdew negozjati għad-diżarm nukleari, kif iddikjarat fl-Artikolu VI tal-NPT. Barra minn hekk, għalkemm fl-era ta' wara l-Gwerra Bierda n-NWS ħadu passi biex inaqqsu l-ħażniet nukleari tagħhom, xi NWS bdew ukoll proċess ta' modernizzazzjoni tal-armi nukleari, jew qed jikkunsidrawh[1]. Xi NWS ħaddnu duttrina ta' deterrenza nukleari li tipprevedi r-rikors għall-ewwel attakk kontra Stati li m'għandhomx armi nukleari[2].

In-nuqqas ta' progress min-naħa tan-NWS biex jissodisfaw l-obbligi ta' diżarm nukleari tagħhom thedded it-trattat, u jekk din il-kwistjoni ma tkunx indirizzata b'mod adegwat, ċerti Stati jistgħu jirtiraw mit-trattat u jiżviluppaw il-kapaċità li jkollhom l-armi nukleari. Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat, l-Indja, l-Iżrael u l-Pakistan la ffirmawh u l-anqas ma rratifikawh u żviluppaw armi nukleari. L-Indja u l-Pakistan isostnu li n-NPT huwa diskriminatorju minħabba li jipprojbixxi lill-Istati Kontraenti kollha ħlief lill-P5 (jiġifieri ċ-Ċina, Franza, ir-Russja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti) milli jkollhom l-armi nukleari u jirrikjedi li l-Istati Kontraenti, minbarra l-P5, jaċċettaw salvagwardji fuq il-faċilitajiet nukleari tagħhom. Il-Korea ta' Fuq ma rratifikatx it-Trattat, u minflok ħabbret li se tirtira minnu fl-2003. L-Iran qed jiżviluppa faċilitajiet għat-tisħiħ tal-uranju li jistgħu jtuh il-kapaċità li jkollu l-armi nukleari jekk il-gvern Iranjan jiddeċiedi li jirtira min-NPT u mis-salvagwardji attwali miftiehma għall-faċilitajiet nukleari. L-Indja, il-Pakistan u l-Korea ta' Fuq kollha jappoġġaw programm għall-qerda tal-armi nukleari komprensiv u mhux diskriminatorju permezz ta' Konvenzjoni dwar l-Armi Nukleari (NWC).

Wieħed forsi jista' jifhem li matul il-Gwerra Bierda, il-konfrontazzjoni bejn is-super-potenzi xekklet il-progress rigward l-obbligu tad-diżarm nukleari tal-NPT. Immedjatament wara tmiem il-Gwerra Bierda, opportunitajiet ġodda għad-diżarm dehru li kienu possibbli. Fil-fatt, saru kisbiet diplomatiċi sinifikanti fil-Konferenzi ta' Reviżjoni tal-NPT tal-1995 u l-2000.

Fl-1995, l-Istati Kontraenti qablu li jestendu t-Trattat għal perjodu mhux definit wara l-25 sena inizjali tiegħu, biż-żieda ta' kundizzjonijiet fundamentali inkluż impenn biex ikun konkluż Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari sal-1996, jinbdew negozjati dwar trattat għall-kontroll ta' materjali fissili u li jkomplu jfitxxu li jilħqu d-diżarm nukleari totali. L-Istati approvaw ukoll riżoluzzjoni li talbet zona ħielsa mill-armi nukleari fil-Lvant Nofsani u qablu li jsaħħu l-proċess ta' reviżjoni tal-NPT.

Fl-2000 l-Istati Kontraenti qablu b'kunsens dwar sett ta' 13-il pass prattiku għal sforzi sistematiċi u progressivi għall-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-NPT, l-artikolu li jimpenja l-Istati Kontraenti għad-diżarm nukleari. Dawn il-passi jistgħu jitqassru kif ġej: impenn inekwivokabbli mill-Istati li għandhom armi nukleari biex jaslu għall-eliminazzjoni totali tal-ħażniet nukleari, miżuri konkreti miftiehma għat-tnaqqis tal-istatus operazzjonali tas-sistemi tal-armi nukleari, passi min-naħa tal-Istati li għandhom armi nukleari li jwasslu għad-diżarm nukleari b'mod li jippromwovi l-istabilità internazzjonali, il-prinċipju tal-irriversibilità għandu japplika għad-diżarm nukleari, u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' verifika li se jkun rikjest biex jipprovdi assikurazzjoni ta' konformità mal-ftehimiet ta' diżarm nukleari sabiex niksbu u nżommu dinja ħielsa mill-armi nukleari.

Madankollu, kien hemm ftit progress, jekk kien hemm, fl-implimentazzjoni tal-passi miftiehma fl-2000. Fil-Konferenza ta' Reviżjoni tal-NPT tal-2005, l-Istati Kontraenti bagħtew biex fasslu aġenda komuni u naqsu milli jaqblu dwar dokument finali, l-iktar minħabba n-nuqqas ta' ftehim bejn l-Istati li għandhom armi nukleari u l-Istati li m'għandhomx armi nukleari. Tal-ewwel enfasizzaw l-importanza tat-tisħiħ tal-isforzi ta' nonproliferazzjoni u ffukaw fuq każijiet speċifiċi ta' nuqqas ta' konformità u ta' suspett ta' nuqqas ta' konformità mal-obbligi ta' nonproliferazzjoni tat-Trattat. It-tieni grupp enfasizzaw l-importanza tal-konformità ma' u l-implimentazzjoni tal-obbligi tad-diżarm. L-iżviluppi barra mill-proċess ta' reviżjoni wkoll xekklu l-progress: kien hemm l-invażjoni tal-Iraq fl-2003 - immexxija mill-Istati Uniti u l-Gran Brittanja u mnedija fuq il-pretest li l-Iraq kellu l-armi nukleari - il-falliment tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari, l-irtirar tal-Istati Uniti mit-Trattat Kontra l-Missili Ballistiċi, flimkien man-nuqqas min-naħa tal-istati li jibdew negozjati għal trattat li jipprojbixxi l-produzzjoni ta' materjal fissili għall-armi nukleari.

Sa mill-Konferenza ta' Reviżjoni tal-NPT tal-2005, it-tħassib dwar il-proliferazzjoni żdied minħabba d-deċiżjoni tal-Korea ta' Fuq li tniedi test nukleari, l-intenzjoni allegata tal-Iran li jiżviluppa programm ta' tisħiħ tal-uranju, tħabbiriet min-numru ta' Stati (b'mod partikulari fil-Lvant Nofsani) ta' pjanijiet għall-bidu ta' programmi ċivili ta' enerġija nukleari, u r-resistenza kontinwa min-NWS kontra l-implimentazzjoni tal-obbligi ta' diżarm nukleari tagħhom.

Ix-xogħol tal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-NPT tal-2010: x'hemm fuq l-aġenda?

Il-Konferenza ta' Reviżjoni li jmiss se tiltaqa' fi New York f'April-Mejju 2010. Il-laqgħat tal-Kumitat Preparatorju, miftuħa għall-Istati Kontraenti kollha tal-NPT, saru fl-2007 u l-2008. It-tielet u l-aħħar laqgħa tal-Kumitat Preparatorju għal din il-konferenza se ssir bejn l-4 u l-15 ta' Mejju 2009 fi New York. Il-punti li qed ikunu diskussi matul dan il-proċess ta' reviżjoni jinkludu:

· L-implimentazzjoni tal-impenji ta' diżarm nukleari li ttieħdu fl-1995 u l-2000;

· L-operazzjonalizzazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-1995 dwar il-Lvant Nofsani;

· Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari;

· Il-bidu tan-negozjati dwar it-trattat dwar il-materjali fissili;

· It-titjib kwantittattiv u kwalittattiv tal-forzi nukleari mill-Istati li għandhom armi nukleari;

· L-universalizzazzjoni tat-Trattat;

· “Assikurazzjonijiet negattivi ta' sigurtà”;

· L-istabbiliment ta' zoni addizzjonali ħielsa mill-armi nukleari;

· Ftehimiet ta' "nuclear sharing" mal-pajjiżi tan-NATO;

· Il-bidu tan-negozjati għall-konvenzjoni dwar l-armi nukleari u l-ħidma preparatorja prattika ta' appoġġ għal negozjati ta' dan it-tip;

· Il-programmi nukleari tal-Korea ta' Fuq, l-Iran u s-Sirja;

· L-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' diżarm nukleari; u

· L-istabbiliment ta' segretarjat permanenti għan-NPT.

Il-Kumitat Preparatorju tal-NPT tal-2009 se jkun l-ewwel laqgħa tal-NPT mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti u se jsegwi kurrent ġdid ta' appoġġ politiku għall-għan ta' dinja ħielsa mill-armi nukleari – inklużi dikjarazzjonijiet viżjonarji minn ex-uffiċjali għolja tan-NWS, parlamentari minn firxa ta' partiti politiċi, mexxejja tas-soċjetà ċivili, rebbieħa tal-premju Nobel u sindki. Dawn id-dikjarazzjonijiet jenfasizzaw ukoll l-importanza li jkun irratifikat it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari, it-Trattat dwar it-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (START I), li jiskadi fl-2009, u t-Trattat dwar it-Tnaqqis tal-Offensivi Strateġiċi (SORT),

Hemm prospettivi tajbin ta' appoġġ għall-programm ta' diżarm nukleari komprensiv fil-laqgħa tal-kumitat preparatorju tal-NPT tal-2009 u għall-qbil dwaru fil-Konferenza ta' Reviżjoni tal-NPT tal-2010. Din għandha tiffoka fuq il-kisba ta' dinja ħielsa mill-armi nukleari permezz ta' konvenzjoni dwar l-armi nukleari stabbilita fil-forma ta' trattat uniku li jkopri l-aspetti kollha, jew bħala pakkett ta' ftehimiet.

Il-Parlament Ewropew diġà f'diversi okkażjonijiet ippromwova l-ħtieġa ta' diżarm nukleari u b'mod iktar speċifiku bl-objettiv tal-laqgħat tal-kumitat preparatorju għal Konferenzi ta' Reviżjoni tal-NPT tal-2010[3]. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2005, ressaq il-fehma li l-UE għandha tappoġġa l-istabbiliment ta' Mudell ta' Konvenzjoni dwar l-Armi Nukleari[4].

Il-PE appoġġa wkoll inizjattivi ta' diżarm mill-kampanja internazzjonali tas-Sindki. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2005, il-Parlament iġedded l-appoġġ tiegħu għall-kampanja internazzjonali tas-Sindki - li nbdiet mis-Sindki ta' Hiroshima u Nagasaki - dwar id-diżarm nukleari u jirrakkomanda lill-komunità internazzjonali biex tikkunsidra b'attenzjoni l-'Proġett: Viżjoni għall-2020' tal-Kampanja, li jħeġġeġ skeda ta' eliminazzjoni tal-armi nukleari kollha."[5]

X'inhi l-Konvenzjoni dwar l-Armi Nukleari u minn fejn ġiet?

Il-Konvenzjoni dwar l-Armi Nukleari hija proposta ta' trattat internazzjonali li tipprojbixxi l-iżvilupp, il-provi, il-produzzjoni, il-ħażna, it-trasferiment, l-użu u t-theddida tal-użu tal-armi nukleari, kif ukoll tipprovdi għall-eliminazzjoni tagħhom. Dan it-trattat ikun simili fil-forma għall-konvenzjonijiet eżistenti li jipprojbixxu kategoriji oħra ta' armi, bħall-armi bijoloġiċi, l-armi kimiċi, u l-isplussivi tal-art anti-persunal u munizzjon tat-tip cluster.

Il-konvenzjoni mudell tkun tirrikjedi li l-pajjiżi bl-armi nukleari jeqirduhom fi stadji, u wkoll li ma jħalluhomx lesti għal attakk imminenti, ineħħuhom mill-preparazzjoni għall-użu, ineħħu t-testati mill-vetturi ta' distribuzzjoni tagħhom, jiddiżattivaw it-testati billi jneħħulhom l-isplussiv ("pits"), u jqiegħdu l-materjal fissili taħt il-kontroll tan-NU. Minbarra li tipprojbixxi l-armi nukleari, il-konvenzjoni tipprojbixxi wkoll il-produzzjoni ta' materjali fissili għall-produzzjoni tagħhom, jiġifieri l-uranju msaħħaħ u l-plutonju sseparat.

Din kieku tistabbilixxi aġenzija biex tiżgura li l-pajjiżi jikkonformaw mat-termini tat-trattat. Dan il-korp jirċievi rapporti ta' progress mill-Istati li għandhom armi nukleari, imexxi ispezzjonijiet ta' impjanti tal-armi, jikseb intelliġenza permezz ta' fotografija satellitari u apparat ta' sinjalazzjoni mill-bogħod, u jimmonitorja l-produzzjoni u t-trasferiment tal-materjali tajba għall-produzzjoni tal-armi nukleari.

L-isfond għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Nukleari

Kull sena sa mill-1996, l-Assemblea Ġenerali tan-NU għaddiet riżoluzzjoni li talbet lill-pajjiżi kollha biex jissodisfaw immedjatament l-obbligu tagħhom ta' diżarm, kif imfisser fl-opinjoni ta' parir tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tal-1996, billi jibdew negozjati multilaterali li jwasslu għall-konklużjoni bikrija ta' konvenzjoni dwar l-armi nukleari. Fl-2007, 127 pajjiż ivvutaw favur ir-riżoluzzjoni, inklużi erba' pajjiżi li għandhom l-armi nukleari: iċ-Ċina, l-Indja, il-Pakistan u l-Korea ta' Fuq.

Fl-1997, konsorzju ta' esperti fil-liġi, fix-xjenza, fid-diżarm u fin-negozjar fassal Mudell ta' Konvenzjoni dwar l-Armi Nukleari, li l-Kosta Rika ressqet quddiem is-Segretarju Ġenerali tan-NU bħala abbozz għad-diskussjoni.

Fl-2000, il-gvernijiet tal-Kosta Rika u l-Malasja ressqu dokument ta' ħdima quddiem il-Konferenzi ta' Reviżjoni tal-NPT li talab il-bidu ta' negozjati għal Konvenzjoni dwar l-Armi Nukleari (NWC) bħala l-mezz l-aktar effettiv għall-implimentazzjoni l-obbligu ta' diżarm tal-NPT u biex in-NPT ssir universali (ladarba l-Indja u l-Pakistan jappoġġaw NWC iżda mhux in-NPT fil-forma attwali u mhux diskriminatorja tiegħu). Il-Mudell ta' NWC kien deskritt bħala dokument utli biex jgħin f'negozjati bħal dawn.

Verżjoni aġġornata tal-mudell ta' konvenzjoni kienet ippublikata fl-2007 fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Preparatorju tal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2010 tal-Istati Kontraenti tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (Vienna, 30 t'April – 11 ta' Mejju 2007).

F'dik l-okkażjoni, il-Kosta Rika għal darb'oħra ssottomettiet dokument ta' ħidma li jqis u jtenni t-talbiet li saru fid-dokumenti ta' ħidma preċedenti[6]. Id-dokument ta' ħidma spjega fil-qosor kif Konvenzjoni dwar l-Armi Nukleari tibni fuq il-mekkaniżmi u l-miżuri għan-nonproliferazzjoni u d-diżarm nukleari eżistenti bħan-NPT, zoni ħielsa mill-armi nukleari, it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari, is-salvagwardji tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika, it-Trattat dwar il-Forzi Nukleari ta' Twassila Medja (INF) u t-Trattat dwar it-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (START I). Imbagħad tiddiskuti mekkaniżmi u miżuri addizzjonali li jkunu meħtieġa.

Id-dokument ta' ħidma jitlob speċifikament: L-Istati Membri għandhom jibdew negozjati multilaterali li jwasslu għall-konklużjoni ta' konvenzjoni dwar l-armi nukleari u jistiednu lil dawk l-Istati li ma aderixxewx għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari biex jieħdu sehem f'dawn in-negozjati[7]. Sabiex jgħin dan il-proċess, id-dokument ta' ħidma jistieden ukoll lill-Istati Membri biex jagħmlu xogħol preparatorju għall-konvenzjoni dwar l-armi nukleari billi jagħtu aktar kunsiderazzjoni lill-elementi legali, tekniċi u politiċi meħtieġa għall-konvenzjoni dwar l-armi nukleari jew għal qafas ta' strumenti[8].

Id-dokument ta' ħidma jirrikonoxxi li d-diżarm nukleari totali huwa proċess kumpless li se jirrikjedi numru ta' passi u mekkaniżmi biex ikun irrealizzat. Għalhekk jissuġġerixxu approċċ li jgħaqqad proċess pass-pass ma' proċess komprensiv. Fil-fehma tagħhom, l-importanti hu li l-attenzjoni internazzjonali tkun ikkonċentrata fuq passi konkreti lejn id-diżarm nukleari, li jistgħu jsiru fuq perjodu ta' żmien qasir. Huwa wkoll vitali li jitqiesu simultanjament ir-rekwiżiti għal reġim komprensiv ta' diżarm nukleari sabiex ikun hemm ftehim dwar id-destinazzjoni finali tal-passi ta' diżarm nukleari.

Fl-24 t'Ottubru 2008, waqt avveniment fin-NU organizzat mill-East-West Institute, is-Sgretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon ħabbar l-appoġġ tiegħu għan-NWC bħala l-ewwel punt fil-pjan ta' ħames punti tiegħu għad-diżarm nukleari: "[L-istati membri tal-NPT] jistgħu jikkunsidraw li jinnegozjaw konvenzjoni dwar l-armi nukleari, appoġġata minn sistema b'saħħtu ta' verifika, kif ilu jkun propost min-Nazzjonijiet Uniti. Fuq it-talba tal-Kosta Rika u l-Malasja, jien iċċirkulajt lill-istati membri kollha tan-NU abbozz ta' din il-konvenzjoni, li joffri punt tat-tluq tajjeb."

X'inhu il-Protokoll ta' Hiroshima-Nagasaki u x'għandu x'jaqsam mal-proposta għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Nukleari?

Il-Protokoll ta' Hiroshima-Nagasaki, li kien imniedi mis-Sindki għall-Paċi fit-tieni laqgħa tal-Kumitat Preparatorju f'Mejju 2008, għandu tliet għanijiet prinċipali: l-ewwel, li jħeġġeġ u jiżgura li l-Istati Kontraenti tal-NPT jieħdu r-responsabilità waqt il-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2010 biex iniedu n-negozjati għal Konvenzjoni dwar l-Armi Nukleari; it-tieni, li jħeġġeġ l-implimentazzjoni tar-riżultati miftiehma preċedentement fil-qasam tad-diżarm nukleari; it-tielet, li jidentifika miżuri li jista' jintlaħaq qbil dwarhom fil-bidu ta' jew matul in-negozjati. Fi kliem sempliċi, il-Protokoll ta' Hiroshima-Nagasaki jħeġġeġ sforzi diplomatiċi rapidi biex ikun żgurat li tittieħed azzjoni biex ikunu implimentati proposti ta' diżarm preċedenti jew ġodda.

Il-Protokoll ta' Hiroshima-Nagasaki jikkonsisti fi tliet artikoli:

L-Artikolu I jitlob li jittieħdu passi mill-Istati li għandhom armi nukleari li jistgħu jittieħdu malajr u bi ftit jew mingħajr spejjeż, iżda li juru d-determinazzjoni li jtemmu d-dipendenza tagħhom fuq l-armi nukleari.

Il-programmi ta' akkwist għandhom jitwaqqfu, kif ukoll il-preparazzjonijiet għall-użu. Bħala miżura ta' prekawzjoni, l-armi nukleari kollha u l-materjali nukleari li jistgħu jintużaw fl-armi għandhom jinħażnu f'post sikur.

L-Artikolu II jobbliga l-bidu ta' negozjati għal Konvenzjoni dwar l-Armi Nukleari b'benchmarks ċari sabiex il-Konferenza ta' Reviżjoni tal-NPT tal-2010 tkun tista' tiġġudika l-progress lejn il-kisba ta' dinja ħielsa mill-armi nukleari sal-2020.

L-Artikolu III jenfasizza li l-Protokoll jibni fuq l-NPT, u jiddikjara espliċitament li m'għandux jinftiehem bl-ebda mod bħala li qed inaqqas l-obbligi skont in-NPA ta' kwalunkwe Stat Kontraenti.

Il-Protokoll, li se jitressaq fit-3 laqgħa tal-Kumitat Preparatorju, għandu l-mira li jkun adottat waqt il-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2010, jew bħala protokoll fih innifsu, jew bħala emenda għat-Trattat. Ladarba jkun adottat, l-Istati Kontraenti se jkunu impenjati li jibdew in-negozjati immedjatament u jkompluhom, mingħajr interruzzjoni, sal-konklużjoni.

Il-Protokoll jitlob li jkun stabbilit Segretarjat sabiex jiffaċilita n-negozjati. Ma jgħidx preċiżament meta n-negozjati għandhom ikunu konklużi, iżda jistipula benchmarks għall-implimentazzjoni ta' aspetti speċfiċi tad-diżarm nukleari fl-2015 u l-2020; waqfien tal-akkwist ivverifikat u l-użu tat-theddid sal-ewwel data, u l-eliminazzjoni tal-armi nukleari u tal-infrastruttura u ta' ħażniet ta' materjali relatati sat-tieni data. L-implikazzjoni hi li n-negozjati jridu jkunu konklużi qabel l-ewwel nenchmark, jekk benchmarks relevanti oħra jridu jiġu inklużi sal-2015. Is-Sindki għall-Paċi għażlu s-sena 2020 għaliex il-faċilitajiet eżistenti għad-diżarm tal-armi nukleari jistgħu jlestu x-xogħol tal-eliminazzjoni tal-armi nukleari sa dik id-data jekk sempliċiment ikomplu bil-pass li qabdu u żammew sa minn tmiem il-Gwerra Bierda (1991).

Il-Protokoll huwa tal-fehma li l-Istati li għandhom l-armi nukleari għandhom obbligu lejn l-Istati li m'għandhomx armi nukleari li jieqfu jisfruttaw il-vantaġġ diskriminatorju tagħhom skont in-NPT billi jagħmlu moratorji reċiproċi fuq l-akkwist ta' armi nukleari ġodda. Il-Protokoll jitlob ukoll li l-armi nukleari u l-materjali nukleari li jistgħu jintużaw għall-armi jinħażnu f'post sikur malajr kemm jista' jkun. Huwa wkoll essenzjali li l-Istati li għandhom l-armi nukleari u organizzazzjonijiet bħan-NATO jiddikjaraw pubblikament li mhux se jużaw l-armi nukleari tagħhom kontra attakki possibli bl-armi konvenzjonali.

  • [1]  Pereżempju, is-Segretarju għad-Difiża Robert Gates issuġġerixxa, f'Ottubru 2008, li l-Istati Uniti għandha timmodernizza l-inventorju ta' armi nukleari tagħha. 29 t'Ottubru 2008, Gates' nuclear warning. Los Angeles Times. paġna A-8. Għad-diskors oriġinali tiegħu, ara: Robert Gates: Nuclear Weapons and Deterrence in the 21st century. Carnegie Endowment for international peace. (28 t'Ottubru 2008).
  • [2]  Ibid. George Perkovich u James N. Acton. (1 ta' Marzu 2008). Chapter one: Establishing the Political Conditions to Enhance the Feasibility of Abolishing Nuclear Weapons. Adelphi Papers. Vol 48, Routledge. (pereżempju, ara paġni 18-21 għall-kwistjoni tal-użu preventiv tal-attakk nukleari). David S. Yost, (2006) France's new nuclear doctrine. International Affairs, Vol 82, No 4;
  • [3] 1 Testi adottati, P6_TA(2008)0255.
  • [4] 2Riżoluzzjoni tal-10 ta' Marzu 2005 (paragrafu 10): iħeġġeġ lill-UE biex taħdem bis-sħiħ għall-istabbiliment ta' Mudell ta' Konvenzjoni dwar l-Armi Nukleari, li diġà tressqet quddiem in-NU u li tista' tipprovdi qafas ta' miżuri fi ħdan proċess ta' diżarm li jorbot legalment.
  • [5] 3 Riżoluzzjoni tal-PE, "Review of the Non-proliferation Treaty - Nuclear arms in North Korea and Iran, P6_TA(2005)0075", paragrafu 20.
  • [6] 2 NPT/Conf.2010/PCI/WP.17.
  • [7] 4 Ibid, punt 5.C.
  • [8] 3Ibid, punt 5.B.

PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI (B6-0421/2008) (11.9.2008  )

imressqa skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli ta’ Proċedura

minn Annemie Neyts-Uyttebroeck, f'isem il-Grupp ALDE u Angelika Beer, f'isem il-Grupp Verts/ALE

dwar in-nonproliferazzjoni u l-futur tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (NPT)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1540(2004) u 1673(2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nonproliferazzjoni ta' armi tal-qerda tal-massa (WMD),

–   wara li kkunsidra l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea u, b'mod partikulari, tal-istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-NPT,    

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 114(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. filwaqt li jenfasizza l-konsensus fl-Unjoni Ewropea biex jingħata nifs ġdid u jissaħħaħ l-NPT minn issa sal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-NPT li ġejja, li għandha ssir fl-2010,

B.  billi, minħabba t-theddida li qed tikber tal-erożjoni tar-reġim tan-nonproliferazzjoni, hu importanti ferm li jerġa' jkun stabbilit il-kunsens internazzjonali dwar il-ħtieġa urġenti għal diżarm nukleari,

1.  Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

a)   li jipparteċipa u jikkontribwixxi b'mod proattiv fix-xogħol ta' preparazzjoni għall-konferenza ta' reviżjoni tal-NPT li se ssir fl-2010;

b)   li jfassal strateġija dwar kif jista' jissaħħaħ l-NPT, waqt li jaħdem f'koperazzjoni mill-qrib mas-sħab tan-NATO li mhumiex fl-UE;

c)   li jagħti bidu għat-twaqqif ta' Konvenzjoni dwar l-Armi Nukleari li tkun tinkludi u ssaħħaħ l-istrumenti ta' nonproliferazzjoni u ta' diżarm eżistenti, inklużi l-NPT, it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari u l-Aġenzija Internazzjonali dwar l-Enerġija Atomika, kif ukoll proposti għal Trattat dwar il-Waqfien tal-Projbizzjoni tal-Materjal Fissili u trattati kontinentali/reġjonali dwar zoni ħielsa mill-armi nukleari;

2.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, bħala informazzjoni, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-parlamenti tal-istati li jagħmlu parti mit-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (NPT).

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

31.3.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

5

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Sir Robert Atkins, Angelika Beer, Călin Cătălin Chiriţă, Véronique De Keyser, Jas Gawronski, Maciej Marian Giertych, Ana Maria Gomes, Richard Howitt, Anna Ibrisagic, Jelko Kacin, Helmut Kuhne, Vytautas Landsbergis, Johannes Lebech, Willy Meyer Pleite, Francisco José Millán Mon, Baroness Nicholson of Winterbourne, Raimon Obiols i Germà, Justas Vincas Paleckis, Ioan Mircea Paşcu, Béatrice Patrie, Alojz Peterle, Tobias Pflüger, João de Deus Pinheiro, Hubert Pirker, Pierre Pribetich, Libor Rouček, Flaviu Călin Rus, Katrin Saks, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, Hannes Swoboda, István Szent-Iványi, Inese Vaidere, Geoffrey Van Orden, Andrzej Wielowieyski, Jan Marinus Wiersma, Zbigniew Zaleski, Josef Zieleniec

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Árpád Duka-Zólyomi, Milan Horáček, Gisela Kallenbach, Tunne Kelam, Jules Maaten, Erik Meijer, Nickolay Mladenov, Rihards Pīks

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Brigitte Fouré