RAPPORT dwar Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa: Prinċipji, Azzjonijiet u Għodod

6.4.2009 - (2008/2331(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Simon Busuttil

Proċedura : 2008/2331(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0251/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa: Prinċipji, Azzjonijiet u Għodod

(2008/2331(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2008 intitolata ‘Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa: Prinċipji, azzjonijiet u strumenti’ (COM(2008)0359),

–   wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa[1],

–   Europeawara li kkunsidra l-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil, adottat mill-Kunsill Ewropew fit-15 u l-16 ta' Ottubru 2008[2],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment[3],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu għall-ħolqien ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri[4],

–   wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (riformolata) (COM(2008)0820),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ottubru 2008 intitolata 'Sena wara Liżbona: Il-partenarjat bejn l-Afrika u l-UE fl-azzjoni’ (COM(2008)0617),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Frar 2008 intitolata ‘It-tħejjija tal-passi li jmiss fil-ġestjoni tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea' (COM(2008)0069);

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni bit-titolu “Il-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan tal-UE dwar l-aħjar prattiċi, standards u proċeduri fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-prevenzjoni tiegħu” (COM(2008)0657),

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE u l-Ewwel Pjan ta’ Azzjoni (2008-2010) - l-Isħubija Strateġika – tagħha, miftiehem fis-Samit ta’ bejn l-Afrika u l-UE li seħħ bejn it-8 u d-9 ta’ Diċembru 2007 f’Liżbona[5],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Novembru 2006 bit-titolu ''L-Approċċ Globali dwar il-Migrazzjoni sena wara: Lejn politika Ewropea komprensiva dwar il-migrazzjoni'' (COM(2006)0735),

–   wara li kkunsidra l-"Programm ta' the Hague dwar it-Tisħiħ tal-Libertà, tas-Sigurtà u tal-Ġustizzja fl-Unjoni Ewropea", adottat mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tal-4 u l-5 ta' Novembru 2004,

–   wara li kkunsidra l-Programm ta’ Tampere adottat mill-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999 li stabilixxa approċċ koerenti fil-qasam tal-imigrazzjoni u l-ażil,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2009 dwar ‘Il-Futur tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil’ [6],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Diċembru 2009 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi għal dispożizzjonijiet kontra min iħaddem illegalment iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi[7],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Frar 2009 dwar l-implimentazzjoni fl-Unjoni Ewropea tad-Direttiva 2003/9/KE dwar il-kundizzjonijiet biex jintlaqgħu r-refuġati u dawk li jitolbu ażil: żjarat tal-Kumitat għal-LIBE mill-2005 sal-2008[8],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar l-evalwazzjoni u l-iżvilupp futur tal-Aġenzija FRONTEX u tas-Sistema Ewropea għas-Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR)[9],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2008 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-iskop ta' impjieg bi kwalifiki għoljin[10],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2008 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar proċedura unika ta’ applikazzjoni għal permess uniku għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jgħixu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru kif ukoll dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jkunu qed jgħixu legalment fi Stat Membru[11],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-2 ta' Settembru 2008 dwar l-evalwazzjoni tas-sistema ta’ Dublin[12],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ April 2008 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/109/KE għall-estensjoni tal-kamp tal- applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109/KE għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali[13],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Settembru 2007 dwar il-programm ta’ azzjoni fuq il-Migrazzjoni Legali[14],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Settembru 2007 dwar il-prijoritajiet tal-politika fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi[15],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2006 dwar strateġiji u mezzi għall-integrazzjoni ta’ immigranti fl-Unjoni Ewropea[16],

–   wara li kkunsidra t-Trattat ta' Amsterdam, li jagħti lill-Komunità setgħat u responsabilitajiet fl-oqsma tal-immigrazzjoni u tal-ażil, u l-Artikolu 63 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0251/2009),

A. billi l-migrazzjoni lejn l-Ewropa ser tkun dejjem parti mir-realtà sakemm ikun hemm differenzi kunsiderevoli fil-ġid u l-kwalità tal-ħajja bejn l-Ewropa u reġjuni oħra tad-dinja,

B.  billi huwa essenzjali li tintuża strateġija komuni dwar l-immigrazzjoni fl-UE, l-aktar f’żona komuni mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni, fejn l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni ta’ Stat Membru għandha impatt dirett fuq stati oħra u fuq l-UE kollha,

C. billi l-migrazzjoni mmaniġġjata b’mod dgħajjef tista’ tisfratta l-koeżjoni soċjali tal-pajjiżi destinatarji u tista’ tkun ukoll detrimentali għall-pajjiżi ta’ oriġini kif ukoll għall-migranti stess,

D. billi l-migrazzjoni regolari tippreżenta opportunità li minnha jgawdu il-migranti, il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom (li jgawdu mill-flus li jibagħtu lejn arthom il-migranti) kif ukoll l-Istati Membri; billi, madankollu, il-progress fil-qasam tal-migrazzjoni regolari jrid jimxi id f’id ma’ azzjoni effettiva biex tiġġieled l-immigrazzjoni irregolari, ifakkar b’mod partikolari li tali immigrazzjoni tinkoraġġixxi l-eżistenza ta’ ċrieki kriminali tat-traffikar tal-bnedmin,

E.  billi politika ġenwina komuni tal-migrazzjoni għall-Komunità għandha tkun ibbażata mhux biss fuq il-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari iżda wkoll fuq il-koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ pajjiżi ta’ tranżitu u fuq politika adegwata għall-integrazzjoni tal-migranti,

F.  billi l-politiki ta’ migrazzjoni Ewropej iridu jirrispettaw ir-regoli tal-liġi internazzjonali, l-aktar dawk dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dinjità tal-bniedem u d-dritt għall-ażil,

G. billi l-Unjoni Ewropea hija u għandha tkompli tkun ambjent li jilqa' lil dawk li jkunu ngħataw id-dritt li jibqgħu, sew jekk ikunu immigranti li jfittxu x-xogħol, membri tal-familja, studenti jew persuni li jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali,

H. billi l-migranti kellhom rwol essenzjali fl-iżvilupp tal-UE u tal-proġett Ewropew f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, u hu essenzjali li jiġu rikonoxxuti kemm l-importanza tagħhom u kemm il-fatt li l-Unjoni se tkompli jkollha bżonn ix-xogħol tal-migranti,

I.    billi, skont il-Eurostat, l-avvanz fl-età tal-popolazzjoni tal-UE se tkun realtà fuq medda ta' żmien medju, it-tnaqqis ta’ kważi 50 miljun tal-popolazzjoni attiva li hija prevista sal-2060; billi l-immigrazzjoni jista’ jkollha l-irwol ta’ katalista biex ittejjeb ir-riżultati ekonomiċi tal-UE,

J.    billi l-aspetti tat-tkabbir u l-impjiegi tal-Istrateġija ta’ Liżbona, jistgħu jkunu mfixkla min-nuqqas ta’ ħaddiema, li jista' jwassal biex ma jinkisbux l-objettivi tagħha, u billi l-qgħad bħalissa qiegħed jiżdied; billi dan in-nuqqas jista’ jiġi indirizzat fuq medda qasira ta' żmien permezz ta' amministrazzjoni adegwata u strutturata tal-immigrazzjoni ekonomika,

K. billi l-migranti ħafna drabi jkunu esposti għal impjieg f'xogħol każwali, impjiegi ta' kwalità baxxa, jew impjiegi ta' taħt il-livell tagħhom ta' kwalifiki,

L.   billi l-UE għandha żżid ukoll l-isforzi tagħha sabiex tindirizza problemi ta’ nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet internament, billi ddur għal setturi ta’ persuni f’xogħol mhux adegwat għalihom, bħal nies b’diżabilitajiet u bi żvantaġġ edukattiv jew dawk ir-residenti li qed ifittxu l-ażil li ilhom qiegħda għal żmien twil,

M.  billi n-numru ta' immigranti nisa qiegħed jiżdied b’mod kostanti fl-UE, u jkopri bejn wieħed u ieħor 54% tan-numru totali tal-immigranti,

N. billi l-parti l-kbira tal-immigranti nisa jsibu problemi sinifikanti biex jintegraw u biex ikollhom aċċess għas-suq tax-xogħol minħabba l-livell baxx ta' edukazzjoni tagħhom u l-isterjotipi u prattiki negattivi li nġiebu mill-pajjiżi ta' oriġini tagħhom, kif ukoll tal-isterjotipi negattivi u d-diskriminazzjoni li jeżistu fl-Istati Membri; billi, madankollu, ħafna nisa żgħażagħ b'livell għoli ta' edukazzjoni jaslu fl-UE biex jieħdu xogħlijiet li relattivament ma jirrikjedux kwalifiki,

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jappoġġja bis-sħiħ it-twaqqif ta’ politika komuni Ewropea għall-immigrazzjoni msejsa fuq livell għoli ta’ solidarjetà politika u operazzjonali, fiduċja reċiproka, trasparenza, sħubija, responsabilità maqsuma u sforzi konġunti permezz ta’ prinċipji komuni u azzjonijiet konkreti, kif ukoll il-valuri minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

2.  Itenni li l-immaniġġjar tal-flussi ta’ migrazzjoni għandu jkun ibbażat fuq approċċ koordinat waqt li titqies is-sitwazzjoni demografika u ekonomika tal-UE u tal-Istati Membri tagħha;

3.  Jikkunsidra li l-iżvilupp ta’ politika komuni dwar l-immigrazzjoni jista’ jibbenefika sostanzjalment minn konsultazzoni ikbar u regolari ma’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, bħalma huma organizzazjonijiet li jaħdmu għall-komunitajiet tal-migranti jew li jaħdmu magħhom;

4.  Jiddispjaċih li, sa issa, sar ftit wisq biex tiġi stabbilita politika komuni tal-immigrazzjoni legali u jilqa’ b’sodisfazzjon l-istrumenti leġiżlattivi ġodda adottati fi ħdan il-qafas tal-politika komuni Ewropea għall-immigrazzjoni legali;

5.  Jenfasizza li politika Ewropea komuni dwar l-immigrazzjoni li tkun koerenti u bbilanċjata żżid fil-kredibilità tal-UE fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi;

6.  Itenni li l-immaniġġjar effettiv tal-migrazzjoni jeħtieġ l-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u sħubija u koperazzjoni ġenwina mal-pajjiżi terzi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, li spiss jieħdu l-impressjoni li xi deċiżjonijiet jiġu imposti fuqhom b'mod unilaterali; jenfasizza li tali koperazzjoni tista’ tinkiseb biss meta l-pajjiż terz jirrispetta l-liġijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni, u jkun firmatarju tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951;

7.  Iqis li l-immigrazzjoni lejn l-UE mhix is-soluzzjoni biex jingħelbu l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li politika komuni dwar l-immigrazzjoni għandha topera id f’id ma’ politika effettiva għall-iżvlupp tal-pajjiżi tal-oriġini;

8.  Jilqa’ b’sodisafzzjon l-adozzjoni ta’ Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil mill-Kunsill Ewropew tas-16 ta’ Ottubru 2008 u l-azzjonijiet, għodod u proposti mressqa mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha msemmija hawn fuq dwar Politika Komuni Ewropea dwar l-Immigrazzjoni: Prinċipji, Azzjonijiet u Għodod; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex mingħajr dewmien jimxu għall-fażi ta’ implimentazzjoni ta’ dawn l-impenji;

9.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-implikazzjonijiet istituzzjonali tat-Trattat ta’ Liżbona, b’mod partikulari l-estensjoni ta’ kodeċiżjoni u l-votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata għall-politiki kollha tal-immigrazzjoni, il-kjarifika tal-kompetenza tal-UE dwar il-viżi u l-kontrolli fuq il-fruntieri, l-estensjoni tal-kompetenza tal-UE dwar l-ażil, kif ukoll dwar l-immigrazzjoni legali u irregolari;

10. Iqis li politika komuni għall-immigrazzjoni teħtieġ ukoll it-twaqqif ta’ politika komuni għall-ażil u jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport dwar il-ġejjieni ta’ Sistema Komuni Ewropea għall-Ażil (CEAS) u l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi Uffiċċju ta’ Appoġġ Ewropew fil-qasam tal-Ażil;

Prosperità u Immigrazzjoni

Migrazzjoni Legali

11. Jikkunsidra li l-migrazzjoni legali tibqa’ meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet demografiċi, il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol u l-ħtiġijiet ta’ kompetenzi tal-Ewropa minħabba l-effett li għandhom fuq l-ekonomija t-tnaqqis demografiku u l-fatt li l-popolazzjoni tixjieħ; hija tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp ta’ pajjiżi terzi permezz taċ-ċiklu ta’ skambju ta’ għarfien u know how u permezz tat-trasferiment tal-flus li jintbagħtu lura lejn art l-immigranti; jitlob għall-implimentazzjoni ta’ sistemi sikuri li jiffaċilitaw dawn it-trasferimenti finanzjarji lejn pajjiżi terzi;

12. Iqis li l-migrazzjoni regolari għandha tkun l-alternattiva għall-immigrazzjoni irregolari peress li din toffri dħul legali, sikur u organizzat għall-Unjoni Ewropea;

13. Ifakkar li l-projezzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni jistmaw il-ħtieġa ta’ 60 miljun ħaddiem migrant sal-2050 u dan jeħtieġ il-ftuħ ta’ kanali għall-migrazzjoni legali; 14.  Jenfasizza l-ħtieġa ta’ evalwazzjoni komprensiva tal-ħtiġijiet ta’ kompetenzi u tal-ħtiġijiet tas-suq tal-UE; iqis, madankollu, li kull Stat Membru għandu jibqagħlu l-kontroll fuq in-numru ta’ persuni meħtieġa għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol tiegħu u jqis il-prinċipju ta’ Preferenza Komunitarja sakemm il-miżuri tranżitorji japplikaw;

15. Jappoġġja l-iżilupp ta’ “Profili tal-Immigrazzjoni” nazzjonali bl-iskop li jagħti stampa integrata tas-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni fi ħdan kull Stat Membru f’kull ħin, u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol għandhom ikunu l-aspett ċentrali ta’ dawn il-profili;

16. Itenni l-ħtieġa li l-UE ssir aktar attraenti għall-ħaddiema bi kwalifiki għolja, anki permezz tad-disponibilità ta’ informazzjoni dwar id-destinazzjoni u s-swieq tax-xogħol ospitanti, filwaqt li jitqiesu l-implikazzjonijiet li dan jista’ jkollu fuq it-tluq tal-aħjar imħuħ mill-pajjiżi ta’ oriġini; iqis li t-telf tal-aħjar imħuħ jista’ jittaffa permezz ta’ migrazzjoni temporanja jew ċirkolari, billi jiġi pprovdut taħriġ fil-pajjiżi ta’ oriġini sabiex jiġu ppreservati postijiet tax-xogħol f’setturi ewlenin, b’mod partikolari l-edukazzjoni u s-saħħa, u billi jiġu ffirmati ftehimiet ta’ koperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini; jitlob lill-Istati Membri biex ma jagħmlux reklutaġġ attiv tal-persunal f’pajjiżi li qed jiżviluppaw li jsofru min-nuqqas ta’ riżorsi umani fis-setturi fundamentali bħal dak tas-saħħa u l-edukazzjoni;

17. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw mekkaniżmi, linji gwida u strumenti oħra li jiffaċilitaw il-migrazzjoni ċirkolari u temporanja kif ukoll miżuri, b’koperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini, biex jikkumpensaw għat-telfien tar-riżorsi umani, filwaqt li joffru appoġġ konkret għat-taħriġ ta’ professjonisti f’setturi fundamentali li jonqsu minħabba dan it-telf ta’ kapaċitajiet;

18. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ imniedi mid-dokument dwar il-“karta blu” għal Politika Komuni għall-Immigrazzjoni legali, iżda jitlob lill-Istati Membri biex jersqu iktar lejn regoli komuni għal politika tal-immigrazzjoni li ma tillimitax ruħha għal ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati biss;

19. Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-adozzjoni tal-karta blu dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għolja u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta inizjattivi għall-kategoriji oħra tal-impjieg kemm jista’ jkun malajr, anki bil-għan li ssir reazzjoni kontra l-immigrazzjoni irregolari u l-isfruttament tal-immigranti mhux reġistrati;

20. Jitlob għal miżuri ġodda biex jiffaċilitaw aktar l-akkoljenza ta’ studenti u riċerkaturi u l-moviment tagħhom fl-UE;

21. Jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tar-rikonoxximent tal-kompetenzi tal-immigranti, b’mod partikolari billi tingħata attenzjoni partikulari għall-kwalifiki formali, mhux formali u informali miksuba fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom; iqis li dan ir-rikonoxximent se jeħodha kontra l-ħela tal-ħiliet li ta' sikwit qed jidher fost l-immigranti, primarjament in-nisa, li jispiċċaw f'impjiegi li għalihom huma kkwalifikati żżejjed;

22. Jitlob lill-Kummissjoni biex tqis, fid-dokumenti futuri dwar is-suġġett, il-kwistjoni tar-rikonoxximent tal-kompetenzi, kif ukoll l-inċentiv għat-tagħlim tul il-ħajja, filwaqt li tiżgura wkoll li l-Istati Membri jipprovdu lill-immigranti b’opportunitajiet biex jitgħallmu l-lingwa tal-pajjiż biex tkun żgurata l-integrazzjoni soċjali, professjonali u kulturali tagħhom fl-Unjoni Ewropea u jagħtuhom kompetenza aħjar sabiex jgħinu fl-iżvilupp tat-tfal tagħhom; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tagħmel użu mir-riżultati tad-deliberazzjonijiet dwar l-edukazzjoni lingwistika ta’ tfal immigranti u t-tagħlim fl-Istat Membru ta' residenza tal-lingwa u l-kultura tal-pajjiż ta’ oriġini u jitlob li l-qafas li se jkun propost jirrispetta l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità;

23. Jirrijafferma li n-netwerk EURES huwa wieħed mill-istrumenti adegwati biex ilaqqa’ l-provvista u d-domanda tas-suq tax-xogħol b’mod trasparenti, responsabbli u effiċjenti; għaldaqstant jirrakkomanda l-firxa tal-kunċett tan-netwerk EURES sabiex jiffaċilita l-kuntatt bejn l-Ewropej li jimpjegaw li jfittxu ħaddiema bi kwalifiki preċiżi u kandidati għall-impjieg li ġejjin minn pajjiżi terzi; jipproponi li Ċentri Speċjali (li jeżistu jew li jridu jitwaqqfu) jew ir-rappreżentazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi terzi jintużaw bħala pjattaforma ta’ dan it-tixrid tan-netwerk EURES, u li tkun żgurata l-kontinwità u t-tixrid tiegħu fir-rigward tal-istrumenti u tal-appoġġ għal min jaħdem għal rasu jew għall-użu tal-mikrokreditu; jenfasizza li l-bżonn tal-Ewropa għal ħaddiema speċjalizzati m’għandux iwassal għat-telf tal-aħjar imħuħ (“brain drain”) ta’ pajjiżi terzi, b’konsegwenza ta’ danni lill-ekonomiji emerġenti u lill-infrastruttura soċjali tagħhom;

24. Huwa tal-opinjoni li immigranti mill-hekk imsejħa pajjiżi terzi għandhom ikunu mogħtija d-dritt għal mobiltà fl-UE, sabiex – bħala residenti legali fi Stat Membru – ikunu jistgħu jaħdmu bħala ħaddiema li jaħdmu bejn il-fruntieri fi Stat Membru ieħor mingħajr ma jkunu meħtieġa li japplikaw għal permess tax-xogħol, u li dawn l-immigranti għandhom ikunu mogħtija moviment ħieles u totali bħala ħaddiema wara perjodu ta’ ħames snin ta’ residenza legali fi Stat Membru;

25. Jenfasizza l-importanza tal-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li għandhom responsabilità partikolari għat-taħriġ, u l-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol, b’konformità mal-prinċipju tal-preferenza tal-Komunità; jenfasizza li koperazzjoni bħal din hija fundamentali għall-implimentazzjoni effettiva ta’ politika dwar l-immigrazzjoni li tista’ ttaffi n-nuqqas tal-ħaddiema li nstab f’ċerti setturi u fl-Istati Membri, u għall-integrazzjoni effiċjenti u adegwata tal-immigranti;

26. Jistieden lill-Kummissjoni tpoġġi għad-dispożizzjoni fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħrif dwar il-possibiliatjiet tal-migrazzjoni legali kif ukoll dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-migranti ġaladarba jkunu waslu fl-UE;

27. Jitlob lill-Istati Membri biex jużaw b’mod sodisfaċenti l-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-Komunità li jirrigwardaw il-politika tal-immigrazzjoni sabiex joħolqu iktar impjiegi u impjiegi aħjar għall-immigranti;

Integrazzjoni

28. Jenfasizza li l-integrazzjoni tkattar id-diversità kulturali fl-UE u għandha tkun ibbażata fuq l-inklużjoni soċjali, l-anti-diskriminazzjoni, l-opprtunitajiet ugwali, bil-possibilità ta' aċċess għas-saħħa, l-edukazzjoni, it-taħriġ fil-lingwa u l-impjieg; iqis li l-politiki ta’ integrazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq programmi innovattivi u jirrikonoxxi s-sehem ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-għaqdiet tal-ħaddiema, l-organizzazzjonijiet tal-immigranti, il-federazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet professjonali fl-integrazzjoni tal-immigranti;

29. Jappoġġja l-isforzi ta’ integrazzjoni magħmula mill-Istati Membri, kif ukoll mill-migranti regolari u dawk li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali, filwaqt li jitqiesu l-identità u l-valuri tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għall-istat tad-dritt, għad-demokrazija, għat-tolleranza u għall-ugwaljanza, għal-libertà ta’opinjoni u l-iskola obbligatorja għat-tfal; ifakkar li l-integrazzjoni hija proċess minn żewġ naħat li jinvolvi aġġustamenti kemm min-naħa tal-immigranti kif ukoll mill-popolazzjoni ospitanti kif stabbilit mill-prinċipji bażiċi komuni (CBPs) adottati mill-Kunsill, u tista’ tibbenefika mill-iskambju tal-aħjar prattiki; jagħraf li l-integrazzjoni hija aktar diffiċli li tintlaħaq fl-Istati Membri li qed iħabbtu wiċċhom ma’ pressjonijiet sostanzjali ta’ migrazzjoni minħabba s-sitwazzjoni ġeografika partikolari tagħhom, iżda li m’għandhomx, madankollu, jiġi abbandunati bħala għan; jistieden lil Stati Membri oħra jikkontribwixxu biex jittaffew pressjonijiet bħal dawn fi spirtu ta’ solidarjetà, billi tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali li huma fi ħdan l-Istati Membri tal-UE, b’mod parallel mal-promozzjoni tal-migrazzjoni legali;

30. Jenfasizza li proċess tajjeb ta’ integrazzjoni huwa l-aqwa għodda biex jelimina n-nuqqas ta’ fiduċja u s-suspett bejn iċ-ċittadini nattivi u l-migranti u huwa fundamentali biex jitneħħew l-ideat u l-azzjonijiet ksenofobiċi kollha;

31. Jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aqwa prattiki bejn l-Istati Membri sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-pajjiżi ospitanti li jimmaniġġjaw id-diversità li dejjem qed tikber u anke sistema ta’ indikaturi komuni u kapaċità statistika adattata biex tiġi użata mill-Istati Membri biex jevalwaw ir-riżultati tal-politika dwar l-immigrazzjoni;

32. Ifakkar li l-element ewlieni hija l-inklużjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-migranti li għandhom rwoli uniċi fil-proċess tal-integrazzjoni billi jagħtu opportunitajiet għall-parteċipazzjoni demokratika lill-migranti; jistieden lill-Istati membri biex jiffaċilitaw is-sistemi għall-appoġġ tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-integrazzjoni billi jippermettu l-preżenza tal-migranti fis-soċjetà ċivili ospitanti u l-ħajja politika, jippermettu l-parteċipazzjoni fil-partiti politiċi, għaqdiet tal-ħaddiema u l-opportunità għal vot fl-elezzjonijiet lokali;

33. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li tissaħħaħ il-koerenza tal-politiki ta’ integrazzjoni bl-implimentazzjoni tal-Forum Ewropew ta’ Integrazzjoni li għandu l-parteċipzzjoni u l-involviment tal-organizzazzjonijiet soċjali u tal-assoċjazzjonijiet tal-immigranti u li għandu bħala għan l-iskambju tal-esperjenzi u t-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet; jitlob lill-Istati Membri biex jikkoordinaw l-isforzi tagħhom fl-integrazzjoni bl-iskambju tal-aqwa prattiki li jinsabu fil-pjanijiet nazzjonali ta’ integrazzjoni tagħhom;

34. Jitlob lill-Kummissjoni tagħti appoġġ finanzjarju li jkun xieraq skont l-integrazzjoni strutturali u kulturali tal-immigranti ukoll permezz ta’ programmi tal-Unjoni Ewropea, pereżempju t-“Tagħlim Tul il-ħajja”, iċ-“Ċittadini għall-Ewropa”, iż-“Żgħażagħ Attivi” u l-“Kultura 2007-2013”; jinnota li bosta drabi l-għalliema qajla huma mħejjija għal għadd kbir ta' tfal immigranti fil-klassijiet u jitlob li jkun hemm taħriġ aħjar għall-għalliema u sostenn finanzjarju xieraq;

35. Jinnota li l-programmi skolastiċi u ta’ tagħlim tul il-ħajja għandhom rwol essenzjali fil-proċess ta’ integrazzjoni fl-iżvilupp tal-ħiliet, b’mod partikulari dawk lingwistiċi; iqis ukoll li l-parteċipazzjoni mingħajr xkiel f’dawn il-programmi ta’ taħriġ u ta’ tagħlim tul il-ħajja għandhom ikunu jedd u opportunità għall-immigranti li jkunu għadhom kemm waslu;

36. Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex ikomplu jippromovu politiki kontra d-diskriminazzjoni, inkluż dawk implimentati mill-awtoritajiet pubbliċi;

37. Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw u jappoġġjaw id-direttivi relevanti: id-Direttivi 2000/78/KE, 2000/43/KE u 2004/113/KE, fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni;

38. Jistieden lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Immigranti Kollha u tal-Membri tal-Familja Tagħhom adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-18 ta’ Diċembru 1990[17];

39. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiġbor data relatata mas-sessi rigward l-immigrazzjoni fl-UE, u sabiex tħejji għall-analiżi ta' din id-data mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza Bejn is-Sessi sabiex jiġu enfasizzati aktar il-ħtiġijiet u l-problemi partikolari tal-immigranti nisa u l-miżuri l-aktar xierqa biex dawn jiġu integrati fis-soċjetajiet tal-pajjiżi li qed jospitawhom;

40. Jistieden l-Istati Membri biex iqisu b’mod korrett, fid-definizzjoni tal-politiki tagħhom dwar l-integrazzjoni, id-dimensjoni tas-sessi u dwar is-sitwazzjoni speċifika u l-bżonnijiet tan-nisa migranti;

41. Jitlob lill-Istati Membri biex jiggarantixxu r-rispett għad-drittijiet fundamentali tan-nisa immigranti, irrispettivament minn jekk ikollhomx status legali;

42. Jitlob lill-Istati Membri biex jappoġġjaw kampanji ta' informazzjoni mmirati lejn nisa migranti, maħsubin biex jinformawhom dwar id-drittijiet tagħhom, il-possibilitajiet għall-edukazzjoni u t-taħriġ tal-lingwi, it-taħriġ professjonali u l-aċċess għall-impjiegi, u biex jipprevjenu ż-żwiġijiet irranġati, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u forom oħra ta' sfurzar mentali jew fiżiku;

Sigurtà u Immigrazzjoni

Immaniġġjar Integrat tal-Fruntieri

43. Jenfasizza l-bżonn ta’ pjan komprensiv (master plan) li jistabbilixxi l-objettivi ġenerali u l-arkitettura tal-istrateġija għall-immaniġġjar tal-fruntieri tal-UE, inklużi d-dettalji li juru kif il-programmi u l-iskemi kollha relatati f’dan il-qasam jistgħu jiġu ottimizzati aħjar; huwa tal-fehma li, meta titqies l-arkitettura tal-istrateġija għall-immaniġġjar tal-fruntieri tal-UE, il-Kummissjoni għandha tanalizza l-ewwel l-effikaċja tas-sistemi tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-Istati Membri li diġà jeżistu, sabiex jinkisbu s-sinerġiji ottimali bejniethom u biex tipprovdi aktar informazzjoni dwar l-effettività tas-sistemi ġodda proposti meta mqabbla mal-ispiża: Dħul/Ħruġ, Sistema ta’ Awtorizzazzjoni Elettronika tal-Ivvjaġġjar, Kontroll Awtomatizzat tal-Fruntieri u Programm tal-Vjaġġatur Reġistrat, fi ħdan il-qafas tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri tal-UE;

44. Jenfasizza li l-immaniġġjar integrat tal-fruntieri jeħtieġ li jilħaq bilanċ tajjeb bejn l-assigurazzjoni tal-moviment ħieles tul il-fruntieri ta’ numru ta’ nies li dejjem jiżdied u l-assigurazzjoni ta’ sigurtà ikbar għaċ-ċittadini tal-UE; ma jiċhadx li l-użu tad-dejta joffri vantaġġi ċari; fl-istess ħin, huwa tal-opinjoni li l-fiduċja pubblika fl-azzjoni tal-gvern tista’ tinżamm biss jekk jiġu pprovduti ħarsien suffiċjenti tal-protezzjoni tad-dejta, superviżjoni u mekaniżmi ta’ rimedju;

45. Jitlob għal evalwazzjoni tal-vijabilità ta’ approċċ integrat b’erba’ livelli, fejn il-kontrolli jistgħu jsiru b’mod sistematiku f’kull stadju li fih l-immigranti jkunu qed jivvjaġġjaw fl-Unjoni;

46. Jenfasizza l-fatt li l-istrateġija tal-fruntieri tal-UE għandha tkun kumplimentata wkoll b’miżuri konkreti mmirati għat-tisħiħ tal-fruntieri tal-pajjiżi terzi fi ħdan il-qafas tas-Sħubija Afrika-UE u l-Politika Ewropea tal-Viċinat (Is-Sħubija tal-Lvant, EUROMED);

47. Jitlob sabiex il-viżi ta’ Schengen nazzjonali attwali jinbidlu b’viżi ta’ Schengen Ewropej li jkunu uniformi, sabiex jitħalla li jkun hemm trattament ugwali ta’ dawk kollha li japplikaw għall-viża; jixtieq li jiġi infurmat dwar l-iskeda preċiża u d-dettalji kemm tal-istudju dwar il-politika kif ukoll l-istudju tekniku tal-Kummissjoni li se janalizza l-vijabilità, l-implikazzjonijiet prattiki u l-impatt ta’ sistema li tirrikjedi li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiksbu awtorizzazzjoni elettronika għas-safar qabel ma jsiefru lejn territorju tal-UE (Sistema ta’ Awtorizzazzjoni Elettronika tal-Ivvjaġġjar, ESTA); jappella għat-titjib tal-koperazzjoni bejn il-konsulati tal-Istati Membri u servizzi konsulari konġunti għall-viżi jiġu stabbiliti gradwalment fuq bażi volontarja;

48. Jitlob lill-Kunsill biex jadotta mekkaniżmi bbażati fuq s-solidarjetà bejn l-Istati Membri b’tali mod li jiġu allokati l-obbligi li ġejjin mill-kontroll tal-fruntieri u biex jikkoordina l-politiki nazzjonali tal-istess Stati Membri;

Migrazzjoni irregolari

49. Jikkunsidra l-ġlieda effikaċi kontra l-immigrazzjoni irregolari bħala parti kruċjali mill-politika komprensiva tal-UE dwar il-migrazzjoni, u għaldaqstant jiddispjaċih li t-teħid effettiv tad-deċiżjonijiet f’dan il-qasam huwa limitat minħabba l-kapaċità insuffiċjenti tal-Istati Membri li jaħdmu tassew flimkien fl-interessi reċiproċi tagħhom;

50. Jesprimi x-xokk tiegħu dwar it-traġedja umana li hija kkawżata mir-rotot illegali migratorji bil-baħar, l-aktar fil-fruntieri tal-baħar tan-nofsinhar tal-Unjoni, li jsegwu dawk li jitilqu mix-xtut Afrikani u jwettqu qasma perikoluża bil-baħar lejn l-Ewropa; jappella bil-qawwa għal azzjoni urġenti sabiex tintemm darba għal dejjem din it-traġedja umana u biex jissaħħu d-djalogu u l-koperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini;

51. Ifakkar li l-immigrazzjoni irregolari ħafna drabi hija organizzata minn netwerks kriminali, li s’issa wrew li kienu aktar effettivi mill-azzjoni komuni Ewropea; jinsab konvint li tali netwerks huma responsabbli għall-mewt ta' mijiet ta' persuni li jitilfu ħajjithom fil-baħar kull sena; ifakkar li l-Istati Membri, f’konformità mal-obbligazzjonijiet internazzjonali, għandhom responsabilità komuni fis-salvataġġ tal-ħajjiet fil-baħar; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jirdoppjaw l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar tal-bnedmin u l-kontrabandu li jseħħu f’partijiet varji tal-UE, u b’mod partikolari biex jippruvaw iżarmaw in-netwerks, billi jitrattaw mhux biss il-kuntrabandisti tal-bnedmini, li mhumiex għajr il-pern viżibbli, iżda għal dawk li, fil-quċċata tal-iskala, jagħmlu l-aktar profitt minn dawn l-attivitajiet kriminali;

52. Jitlob lill-Kummissjoni tintensifika l-programmi ta’ kuxjenza f’pajjiżi ta’ tranżitu u ta’ oriġini dwar il-perikli tal-immigrazzjoni irregolari;

53. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-adozzjoni tad-Direttiva l-ġdida dwar is-sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali u jqis li din hi għodda effettiva li tikkontrolla l-isfruttament ta’ ħaddiema migranti u li tnaqqas l-attrazzjoni ta’ wieħed mill-fatturi ewlenin li jimmotiva l-immigrazzjoni irregolari;

54. Iħeġġeġ l-Istati Membri biex ma jdewmux it-traspożizzjoni tad-Direttiva l-ġdida li tipprevedi sanzjonijiet għal min iħaddem lill-immigranti li jinsabu f’sitwazzjoni illegali;

55. Jemmen li huwa essenzjali li jiġu msaħħa l-mezzi ta’ djalogu mal-pajjiżi ta’ oriġini u li jiġu stabbiliti ftehimiet dwar il-koperazzjoni ma’ dawn il-pajjiżi, bil-għan li l-fenomenu inuman u katastrofiku tal-migrazzjoni irregolari jiġi eliminat;

56. Iqis li minkejja ż-żidiet kontinwi fil-mezzi finanzjarji li dwarhom insista l-Parlament, l-Aġenzija Ewropea għall-Immaniġġjar tal-Koperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni ta' l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX) għadha mhix kapaċi tipprovdi koordinazzjoni suffiċjenti tal-isforzi għall-kontroll fuq il-fruntieri esterni tal-Unjoni, minħabba l-mandat limitat tagħha u minħabba nuqqas ta’ sforz fl-involviment ta’ pajjiżi terzi speċjalment fejn jikkonċerna operazzjonijiet marittimi;

57. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal proposta biex issir reviżjoni tal-mandat tal-FRONTEX u jqis li hemm ħtieġa urġenti li din tissaħħaħ, l-aktar billi tiżdied il-kapaċità ta’ koordinazzjoni tagħha u l-kapaċità tagħha li tikkoordina missjonijiet permanenti f’żoni li jħabbtu wiċċhom ma’ pressjonijiet migratorji kbar fuq talba tal-Istati Membri kkonċernati u l-kapaċità tagħha li tinvolvi pajjiżi terzi; jemmen li għandu jkun hemm enfażi fuq iż-żieda tal-analiżi ta’ riskju tal-FRONTEX u l-kapaċità ta’ ġbir ta’ informazzjoni;

58. Iqis li, sabiex tissodisfa l-mandat tagħha b’mod effikaċi, il-FRONTEX teħtieġ riżorsi adegwati, u mhux biss finanzjarji, u jħajjar l-użu ta’ teknoloġiji ġodda għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari, lill-Istati Membri sabiex jaqsmu aktar il-mezzi tekniċi, u lill-Kummissjoni biex tressaq proposti leġiżlattivi sabiex tistabbilixxi solidarjetà obligatorja għall-Inventarju Ċentralizzat tat-Tagħmir Tekniku Disponibbli (CRATE) fuq l-istess bażi ta’ dak maħsub għat-Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri (RABITs);

59. Jistieden lill-FRONTEX u lill-Kummissjoni sabiex iwettqu studju, li jkun jinkludi stimi, dwar il-possibilità li l-FRONTEX ikollha t-tagħmir tagħha u dwar ir-rekwiżiti għall-possibilità li l-FRONTEX minn operazzjonijiet fil-baħar issir gwardja tax-xtut tal-UE mingħajr ma jitnaqqar il-kontroll tal-Istati Membri fuq il-fruntieri tagħhom;

60. Iqis li l-FRONTEX tista’ tkun biss effettiva bis-sħiħ jekk jiżdiedu l-isforzi dwar l-azzjonijiet kumplimentari, bħall-ammissjoni mill-ġdid u l-koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja lill-FRONTEX f’dan ir-rigward;

61. jjappoġġja l-ħolqien ta’ uffiċċji speċjalizzati tal-FRONTEX biex dawn iqisu u jevalwaw aħjar is-sitwazzjonijiet speċifiċi fil-fruntieri ta’ sensittività partikulari, speċjalment għall-fruntieri tal-art fil-Lvant u fruntieri tal-baħar fin-Nofsinhar;

62. Jinnota li differenzi fl-interpretazzjoni ta’ termini legali, fl-interpretazzjoni tal-liġijiet internazzjonali tal-baħar u differenzi fil-leġiżlazzjoni u fil-proċeduri nazzjonali, kollha kemm huma fixklu l-operazzjonijiet tal-FRONTEX; jitlob li jsiru studji komprensivi biex jinstab approċċ komuni u jiġu solvuti d-differenzi konfliġġenti bejn il-leġiżlazzjonijiet u l-proċeduri nazzjonali;

63. Jitlob għal aktar koperazzjoni u koperazzjoni kostanti bejn il-FRONTEX u l-korpi u l-aġenziji nazzjonali;

64. Jitlob għal aktar żviluppi tal-kunċett ta’ Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) kif ukoll billi tiġi mtejba l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri;

65. Jinnota li s-sajjieda, il-bastimenti privati u l-ħaddiema privati ta’ fuq il-baħar ħafna drabi jħabbtu wiċċhom ma’ immigranti illegali quddiem il-forzi navali tal-pajjiż; jenfasizza l-bżonn li tali partijiet jiġu infurmati b’mod aktar ċar dwar l-obbligi tagħhom fir rigward tal-liġi internazzjonali biex jiġu megħjuna l-immigranti meta jkunu fil-periklu u jitlob għal mekkaniżmu ta’ kumpens għall-ħin ta’ xogħol mitluf minħabba l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ;

66. Jenfasizza l-fatt li hemm ħtieġa ċara għal statistika affidabbli sabiex jiġu stabbiliti għodod konkreti għall-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari fil-livell ta’ UE u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tipprovdi dik l-istatistika;

Ritorn

67. Iqis li l-migranti li mhumiex intitolati għal protezzjoni internazzjoanli jew li qed joqogħdu b’mod irregolari fit-territorju tal-Istati Membri jeħtieġ li jħallu t-territorju tal-Unjoni Ewropea; jinnota, f’dan ir-rigward, l-adozzjoni ta’ Direttiva għar-Ritorn u jitlob sabiex l-Istati Membri, fil-qafas tat-traspożizzjoni tagħha, jiżguraw li jżommu d-dispożizzjonijiet l-aktar vantaġġużi diġà previsti fil-liġi nazzjonali tagħhom; jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li r-ritorn jitwettaq b’rispett tal-liġi u d-dinjità tal-persuni involuti, filwaqt li tingħata preferenza għar-ritorn volontarju;

68. Jitlob li tiġi mwaqqfa sistema ta’ Servizzi ta’ Pariri dwar ir-Ritorn f’ċentri ta' akkomodazzjoni magħluqin u miftħin, li jservu ta’ punt ta’ kuntatt għall-persuni li għandhom ix-xewqa jitgħallmu aktar dwar l-assistenza għar-ritorn;

69. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi monitoraġġ u appoġġ għall-mekkaniżmi ta’ integrazzjoni soċjali u professjonali mill-ġdid fil-pajjiżi ta’ oriġini għall-migranti li ġew irritornati f’pajjiżhom;

70. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lill-allinjament tal-politika tagħhom ta’ ammissjoni mill-ġdid fil-qafas ta’ politika komuni aktar milli ta’ ftehimiet bilaterali;

71. Jitlob, fir-rigward tal-ftehimiet ta’ ammissjoni mill-ġdid, sabiex il-Parlament Ewropew u l-Kumitati kompetenti tiegħu jkunu infurmati b’mod regolari, matul id-diskussjonijiet mal-pajjiżi terzi, dwar il-progress u kwalunkwe ostakolu li sabu n-negozjaturi;

72. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Istati Membri jkollhom biss ftehimiet bilaterali ta’ ammissjoni mill-ġdid ma’ pajjiżi terzi li jipprovdu garanzija totali li se jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem fir-rigward ta’ dawk il-persuni li jkunu qed jgħaddu minn ammissjoni mill-ġdid u li ffirmaw il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951;

73. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex taħdem għall-infurzar effettiv tal-obbligu tal-pajjiżi terzi li jieħdu lura ċ-ċittadini tagħhom li jkunu qegħdin fit-territorju tal-UE b’mod irregolari, kif maħsub fl-Artikolu 13 tal-Ftehima ta’ Cotonou tat-23 ta’ Ġunju 2000; Jitlob għat-tisħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet waqt in-negozjati dwar il-Ftehima l-ġdida tal-ACP (Afrika, Karibew u l-Istati tal-Paċifiku);

74. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ dimensjoni Ewropea ġenwina dwar il-politika tar-ritorn permezz tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn; Iħeġġeġ sabiex ikun hemm aktar koperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-proċessi ta’ ritorn, kif ukoll it-tisħiħ tal-irwol tal-FRONTEX f’operazzjonijiet konġunti ta’ ritorn;

75. Jitlob sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni, inkluż permezz ta’ koperazzjoni bejn il-konsulati, mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu sabiex jitħaffu l-proċeduri ta’ ammissjoni mill-ġdid, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-ftehimiet eżistenti ta’ ammissjoni mill-ġdid bil-għan li l-implimentazzjoni tagħhom titħaffef u sabiex iservu ta’ lezzjoni għall-ftehimiet fil-ġejjieni;

76. Jistieden lill-Kunsill biex iqis il-promulgazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi bil-għan li jitwaqqaf “Laissez Passer” Ewropew li jingħata lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali bil-għan li titħaffef l-ammissjoni mill-ġdid tagħhom f’pajjiżi terzi. għandha tittieħed azzjoni biex tinkorpora l-“Laissez Passer” Ewropew fil-Ftehimiet ta’ Ammissjoni mill-Ġdid tal-Unjoni sabiex issir vinkolanti fil-Pajjiżi Terzi konċernati;

Solidarjetà u Immigrazzjoni

Koordinazzjoni bejn l-Istati Membri

77. Jiddispjaċih ferm li l-Istati Membri m’urewx biżżejjed solidarjetà meta ffaċċjati bl-isfida dejjem tikber tal-immigrazzjoni; jitlob għal reviżjoni urġenti tal-Programm ta’ Qafas fuq is-Solidarjetà u l-Amministrazzjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni għall-perjodu 2007-2013[18] u tal-erba’ strumenti finanzjarji tiegħu sabiex ikunu jistgħu jirriflettu realtajiet ġodda li jinħolqu mill-pressjonijiet dejjem jikbru tal-migrazzjoni u sabiex jintużaw biex jindirizzaw ħtiġijiet urġenti, bħal fil-każ ta’ sitwazzjonijiet ta’ flussi kbar ta’ immigranti;

78. Jinnota l-impenji meħuda mill-Istati Membri fil-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil imsemmi hawn fuq, fir-rigward tal-ħtieġa għas-solidarjetà; jilqa’, b’mod partikulari, l-inklużjoni ta’ mekkaniżmu volontarju ta’ qsim tal-piż li jippermetti r-rilokazzjoni fl-UE ta’ dawk li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali, minn Stati Membri li jħabbtu wiċċhom ma’ pressjonijiet speċifiċi u disproporzjonati fuq is-sistemi nazzjonali tal-ażil tagħhom, partikolarment minħabba l-qagħda ġeografika u demografika tagħhom, lejn Stati Membri oħra, u jappella lill-Istati Membri biex jimplimentaw dawn l-impenji; jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll l-allokazzjoni ta’ 5 miljun Euro għal dan il-għan fil-baġit tal-UE għall-2009 taħt il-Fond Ewropew għar-Refuġjati; jinsisti, madankollu, dwar l-introduzzjoni ta’ strumenti vinkolanti; jistieden lill-Kummissjoni sabiex timplimenta dan il-mekkaniżmu minnufih u sabiex tipproponi bla dewmien inizjattiva leġiżlattiva sabiex tistabbilixxi dan il-mekkaniżmu fuq livell Ewropew fuq bażi permanenti;

79. Jilqa’ b’sodisfazzjon it-tfassil mill-ġdid tar-regolament ta’ Dublin u d-dispożizzjonijiet proposti għal mekkaniżmu li jissospendi t-trasferimenti ta’ Dublin jekk ikun hemm dubji dwar il-fatt li t-trasferimenti ta’ Dublin jistgħu jwasslu għall-fatt li l-applikanti ma jgawdux minn standards adegwati ta’ protezzjoni fl-Istati Membri responsabbli, b’mod partikolari, f’termini ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza u ta’ aċċess għall-proċedura tal-ażil, kif ukoll f’każijiet fejn dawn it-trasferimenti ta’ Dublin iżidu mal-piż ta’ dawk l-Istati Membri li qed iħabbtu wiċċhom ma’ pressjonijiet speċifiċi u sproporzjonati minħabba, b’mod partikolari, il-qagħda ġeografika u demografika tagħhom. Jenfasizza, madankollu, li dawn id-dispożizzjonijiet se jispiċċaw ikunu dikjarazzjoni politika minflok strument effikaċi li jappoġġja b’mod serju lil Stat Membru mingħajr l-introduzzjoni ta’ strument vinkolanti minn żewġ naħat għall-Istati Membri kollha;

80. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament imfassal mill-ġdid dwar it-twaqqif tal-“Eurodac” għat-tqabbil tal-marki tas-swaba u jfakkar lill-Istati Membri dwar l-obbligi tagħhom li jimmarkaw is-swaba u li jibagħtu d-dejta skont ir-regolament attwali tal-Eurodac; hu tal-opinjoni li d-dejta bijometrika, bħall-marki tas-swaba, għandha tiġi sfruttata sabiex itejbu l-effikaċja ta’ operazzjonijiet ta’ kontroll tal-fruntieri;

Koperazzjoni ma' pajjiżi terzi

81. Jiddispjaċih li l-koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi ma tatx biżżejjed riżultati, ħlief għall-koperazzjoni eċċezzjonali ta’ Spanja ma’ pajjiżi terzi, bħas-Senegal u pajjiżi oħra tal-Afrika Sub-Saħarjana u tal-Afrika ta’ Fuq; jitlob għal appoġġ immirat għall-pajjiżi terzi ta’ tranżitu u ta’ oriġini sabiex jingħataw għajnuna biex iwaqqfu kapaċitajiet ta’ mmaniġġjar effettiv tal-fruntieri, li jinvolvu lill-FRONTEX f’missjonijiet ta’ għajnuna fuq il-fruntieri f’dawk il-pajjiżi;

82. Ifakkar lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri li jeħtieġ li jitkompla d-djalogu stabbilit mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu bi qbil mal-Konferenzi tal-Ministri UE-Afrika dwar l-immigrazzjoni u l-iżvilupp li saru fi Tripli, Rabat u Liżbona ;

83. Jitlob għall-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ politika żviluppati fil-qafas tal-“Approċċ Globali dwar il-Migrazzjoni”[19] kif ukoll fil-“Proċess ta' Rabat” tal-2006 dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp u fis-Sħubija bejn l-UE u l-Afrika dwar il-Migrazzjoni, il-Mobilità u l-Impjiegi li sar ftehim fuqu f’Liżbona f’Diċembru 2007;

84. Jenfasizza l-importanza ta’ politika ta’ żvilupp fil-pajjiżi terzi ta’ oriġini jew ta’ tranżitu bħala mezz kif tiġi indirizzata f’ras il-għajn l-isfida tal-immigrazzjoni; jitlob li ikun hemm koordinazzjoni mtejba tal-politiki tal-Unjoni dwar l-immigrazzjoni u l-iżvilupp, filwaqt li jitqiesu bis-sħiħ l-objettivi strateġiċi bħall-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp;

85. Josserva, madankollu, li l-politika ta’ żvilupp ma tistax tkun l-unika alternattiva għall-migrazzjoni għaliex ma jistax ikun hemm żvilupp sod mingħajr mobilità permanenti;

86. Jitlob li jsir tisħiħ tal-koperazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Emigrazzjoni (IOM) u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra fit-twaqqif ta’ uffiċċji reġjonali ġodda f’żoni sensittivi fejn hi meħtieġa għajnuna prattika dwar, inter alia, il-migrazzjoni legali jew ir-ritorn volontarju tal-immigranti;

87. Jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti Ċentri għall-Informazzjoni u l-Immaniġġjar tal-Migrazzjoni, bħal dak inawgurat fil-Mali f’Ottubru 2008; jemmen li ċentri bħal dawn għandhom ikunu kapaċi jikkontribwixxu b’mod sinifikattiv biex jiġu trattati problemi ta’ migrazzjoni billi jiġu indirizzati l-problemi ta’ migranti potenzjali, migranti li jirritornaw lura u migranti li jgħixu fl-UE; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni neċessarja dwar il-proġetti ta’ twaqqif ta’ ċentri oħrajn fil-qafas tas-Sħubija UE-Afrika u jitlob lill-Kummissjoni tqis il-possibiltà li jitwaqqfu ċentri bħal dawn f’pajjiżi ġirien tal-Lvant;

88. Jenfasizza li l-ftehimiet kollha ma’ pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu għandhom jinkludu kapitli dwar il-koperazzjoni fl-immigrazzjoni u jappella biex ikun hemm politika ambizzjuża ma’ pajjiżi terzi dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja u bejn il-pulizija biex jiġu miġġielda l-organizzazzjonijiet kriminali internazzjonali li jwettqu traffikar tal-bnedmin u sabiex il-persuni kkonċernati jittellgħu l-qorti, bl-involviment tal-Europol u tal-Eurojust; jistieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex tintensifika l-appoġġ tagħha, inkluża għajnuna finanzjarja u teknika, favur il-pajjiżi terzi biex jinħolqu kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali li jiskoraġġixxu lmigrazzjoni irregolari, l-attivitajiet tad-droga u l-kriminalità organizzata;

89. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi n-negozjati ta’ ftehimiet dinjin Ewropej bħal dawk iffirmati mal-Kap Verde, biex tagħmel progress fin-negozjati dinjin li għandha mal-Marokk, is-Senegal u l-Libja u biex tippromwovi l-konklużjoni ta’ ftehimiet mal-pajjiżi ta’ oriġini ewlenin tal-immigrazzjoni;

90. Jitlob biex ikun hemm appoġġ għall-pajjiżi terzi biex jiżviluppaw il-qafas nazzjonali leġiżlattiv tagħhom u biex iwaqqfu sistemi ta’ immigrazzjoni u ta’ ażil li jkunu konformi bis-sħiħ mal-liġi internazzjonali u jappella wkoll lill-pajjiżi terzi ta’ tranżitu biex jiffirmaw u biex jonoraw il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951 li tirrigwarda l-Istejtus tar-Refuġjati;

91. Jistieden lill-Istati Membri biex iqisu l-kwistjoni ta’ “refuġjati ambjentali”, migranti li sal-lum ma jistgħux jitqiesu bħala migranti ekonomiċi, u li mhuma lanqas rikonoxxuti bħala refuġjati kif imsemmi fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra;

0

0 0

92. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Ma hemm l-ebda dubju li l-immigrazzjoni hija waħda mill-isfidi ewlenin li l-Ewropa qed tiffaċċja attwalment. Fl-indirizzar ta’ din l-isfida, nistgħu nadottaw politiki li jittrasformawha f’opportunità jew nistgħu nimmaniġġjaw is-sitwazzjoni b’mod ħażin u b’konsegwenzi serji għal dawk kollha kkonċernati.

L-esperjenza wriet li l-immigrazzjoni hija preokkupazzjoni komuni fejn il-pajjiżi tal-UE jistgħu u għandhom jaħdmu flimkien għall-benefiċċju reċiproku tagħhom. Il-pajjiżi individwali li jaġixxu għal rashom, indipendentement mid-daqs, tħabtu biex jipprovdu reazzjoni adegwata. L-aktar fil-qasam tal-moviment ħieles u ż-żona Schengen.

B’riżultat tal-fruntieri esterni komuni, l-azzjonijiet jew in-nuqqas ta’ azzjonijiet ta’ Stat Membru wieħed jaffettwaw l-interessi tal-oħrajn. Bl-istess mod, il-pressjonijiet tal-migrazzjoni li jaffettwaw Stat Membru individwali huma ta’ tħassib ukoll għall-Unjoni kollha kemm hi. Għalhekk, l-UE qed tintalab biex tieħu rwol definittiv fil-bini ta’ politiki Ewropea komuni dwar l-immigrazzjoni.

Ir-rapporteur tagħkom iqis li l-momentum biex verament tinbena politika Ewropea komuni dwar l-immigrazzjoni issa laħaq veloċità irriversibbli u l-Unjoni Ewropea għandha taħtaf l-opportunità biex twassal din il-politika. Jew inkella se nħarsu lura b’dispjaċir kbir.

Ġew irreġistrati kisbiet importanti b’riżultat tal-programmi Tampere (1999-2004) u Hague (2004-2009) u wieħed jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll il-kontribuzzjoni kontinwa tal-Parlament Ewropew. Madankollu, il-politika dwar l-immigrazzjoni għadha fframmentata u jeħtieġ li l-frammenti jinġabru fi stampa waħda, sħiħa u koerenti. U hemm saħansitra iktar xi jsir. Hemm bżonn ta’ viżjoni ta’ politika komuni li tibni fuq il-kisbiet tal-passat iżda li fl-istess ħin tkun immirita lejn il-ġejjieni. Sabiex jinkiseb dan hemm bżonn ta’ iktar ambizzjoni u jeħtieġ li l-pajjiżi tal-UE jwarrbu l-kburija nazzjonali u jaqblu li jaħdmu aħjar flimkien.

Ir-rapporteur tagħkom jilqa’ b’sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil mill-Kunsill Ewropew fis-16 ta’ Ottubru 2008 li rrikonoxxa bla tlaqliq il-bżonn li l-Ewropa tkompli toħloq politika komuni. Il-prinċipji, l-azzjonijiet u l-għodda għal politika komuni dwar l-immigrazzjoni fl-aħħar qed jiġu definiti u hekk kif il-mandat tal-Parlament Ewropew 2004-2008 qed joqrob lejn tmiemu, f’dan ir-rapport ir-rapporteur tagħkom jittama li jagħti idea ġenerali tal-linji gwida li fis-snin li ġejjin il-viżjoni tal-Parlament Ewropew għal politika Ewropea komuni dwar l-immigrazzjoni għandha timxi fuqhom.

Ir-rapport jipprova jkopri d-dimensjonijiet kollha tal-immigrazzjoni sabiex tingħata stampa sħiħa. Minkejja dan, jeħtieġ li jkun hemm analiżi iktar profonda għal għodod u azzjonijiet individwali.

L-Ewropa taf tiġi megħluba bl-avvenimenti

Jekk l-Ewropa ma timxix ‘il quddiem b’urġenza fil-ħolqien ta’ politika komuni dwar l-immigrazzjoni, taf tispiċċa megħluba bl-avvenimenti. L-avvenimenti drammatiċi ta’ madwarna wrew li diġà qedin tard. Fis-snin reċenti, il-pressjonijiet migratorji żdiedu fil-fruntieri l-ġodda tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Ewropa. Fin-Nofsinhar, il-pressjonijiet kienu partikularment qawwija minħabba l-fenomenu tan-nies li jitilqu fuq dgħajsa għal vjaġġi perikolużi bit-tama li jaslu fil-Kontinent Ewropew.

Kull sena qed isseħħ traġedja umana fatali fejn mijiet ta’ persuni qed jitilfu ħajjithom fil-baħar u inkredibbliment din it-traġedja taf qed isseħħ mingħajr ħadd ma jinduna biha – fl-2007 jaf kien hemm iktar nies li tilfu ħajjithom fil-Mediterran u 'l barra mill-Gżejjer Kanarji milli fil-gwerra tal-Libanu, filwaqt li fl-2008, intilfu iktar ħajjiet fil-baħar milli fil-gwerra ta’ Gaża. Din it-traġedja umana trid tintemm minnufih.

Eluf ta’ immigranti qed jiġu salvati mill-baħar u l-pajjiżi tal-UE għandhom responsabilità importanti f’dan ir-rigward. Pereżempju, mill-2,700 immigrant li waslu Malta fl-2008, iktar minn 2,000 ġew salvati mill-baħar meta dgħajjes mimlija immigranti fuq triqithom lejn Lampedusa (l-Italja) sabu ruħhom fil-periklu u ġew salvati mill-iskwadra marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta, li ta’ sikwit ikunu involuti f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ b’riskju għoli f’ibħra mhux territorjali.

Ċerti pajjiżi huma esposti għall-pressjonijiet migratorji b’mod aktar qawwi minn pajjiżi oħrajn. Il-Gżejjer Kanarji (Spanja), Lampedusa (l-Italja), Malta u Ċipru kienu affettwati b’mod partikulari kif ukoll Stati Membri oħrajn bħall-Greċja. Iżda filwaqt li l-immigranti li jaslu f’Lampedusa jew fil-Gżejjer Kanarji jistgħu jiġu ttrasferiti malajr lejn il-kontinent, l-Italja jew Spanja, dawk li jaslu Malta ma jistgħux jiġu ttrasferiti minħabba li l-politika dwar l-immigrazzjoni tal-Ewropa għadha ma tipprevedix dan it-tip ta’ trasferiment intra-UE.

Għalhekk, il-politika komuni tal-Ewropa dwar l-immigrazzjoni għandha tittraduċi ruħha wkoll f’politika ta’ solidarjetà ma’ dawk l-Istati Membri li jinsabu fil-fruntieri esterni ta-Ewropa, minħabba li huma jipproteġu wkoll il-fruntieri esterni tal-Ewropa. U hemm it-tendenza li wara li l-migranti jaslu f’dawn il-pajjiżi, maż-żmien, imorru f’żoni oħrajn tal-Unjoni.

1. Prosperità u Immigrazzjoni

Sakemm l-Ewropa ma tridx li ssir kontinent fortizza li ma jirrikonoxxix l-attrazzjoni ovvja tiegħu għall-immigrazzjoni minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li l-politika komuni dwar l-immigrazzjoni tinkludi regoli dwar id-dħul legali fl-Ewropa. Fil-fatt, ir-rotta legali għall-Ewropa tfisser ukoll li jintaqqsu sew l-ambitu u l-inċentiv għal rotot illegali.

Ma hemmx dubju li l-migrazzjoni legali tista’ tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku tal-UE u b’mod partikulari għal dawk l-Istati Membri li għandhom bżonn il-migranti minħabba l-istat tas-suq tax-xogħol tagħhom jew minħabba d-demografija tagħhom. Barra minn hekk, il-migranti jiagħtu lura l-flus lill-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom u b’hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ dawn il-pajjiżi. Għalhekk jekk tkun organizzata kif xieraq, il-migrazzjoni legali tista' tkun sitwazzjoni favorevoli għall-partijiet kollha.

1.1 Migrazzjoni Legali

Il-migrazzjoni legali għandha tkun irregolata permezz ta’ regoli ċari, trasparenti u ġusti, għalkemm f’dan l-istadju ta’ żvilupp joħroġ ċar li kull Stat Membru għandu jżomm il-kontroll fuq in-numru ta’ ħaddiema li jista’ jintegra fis-suq tax-xogħol tiegħu, filwaqt li titqies kif xieraq il-preferenza komunitarja. Wara l-adozzjoni tal-Karta l-Blu, issa wasal iż-żmien li mmorru oltre u jiġu pprovduti l-opportunitajiet għall-ħaddiema b'sengħa u l-ħaddiema staġjonali.

Għandhom jitqiesu wkoll l-effetti tal-esodu ta' nies imħarrġa, imma minħabba li l-ħaddiema b'ħiliet ta' livell għoli minn pajjiżi terżi xorta waħda qed jiċċaqilqu minn pajjiżhom, allura ftit li xejn hemm skop li titlifhom l-Ewropa. Sabiex jittaffu l-effetti negattivi, ir-rapporteur tagħkom jappoġġja ‘ċ-ċirkolazzjoni tan-nies imħarrġa’ billi titħeġġeġ il-migrazzjoni temporanja jew ċirkolari.

1.2 Integrazzjoni

Fir-rigward tal-immigranti li jidħlu b’mod legali u li jistgħu jibqgħu fuq bażi fit-tul, l-integrazzjoni għandha tkun appoġġjata minħabba li tkun ta' benefiċċju kemm għall-migranti kif ukoll għas-soċjetà ospitanti. L-istrumenti ta’ politika għandhom jippermettu li l-migranti li jkunu qed jintegraw ruħhom jipparteċipaw fil-komunità lokali tagħhom, filwaqt i titrawwem diversità fuq il-post tax-xogħol u fl-iskejjel u filwaqt li tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni. Madankollu, il-migranti li jkunu jixtiequ jintegraw ruħhom għandhom ikunu lesti jirrispettaw l-identità u l-valuri tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, fosthom ir-rispett għad-drittijiet tal-bnieden, l-istat ta' dritt, id-demokrazija, it-tolleranza u l-ugwaljanza. Ovvjament, l-integrazzjoni hija inqas possibbli fil-pajjiżi li qed jaffaċċjaw pressjonijiet migratorji eċċezzjonali minħabba li dawn il-pajjiżi m’għandhomx il-kapaċità li jintegraw numru kbir ta’ migranti u fi kwalunkwe każ, il-migranti ta’ sikwit ikollhom l-intenzjoni li jmorru f’partijiet oħra tal-Ewropa.

2. Sigurtà u Immigrazzjoni

L-Unjoni Ewropea tista’ tkun kredibbli biss fir-rigward tal-migrazzjoni legali jekk l-ewwel turi li tista’ tikseb riżultati fir-rigward tal-immigrazzjoni illegali. Ir-rapporteur tagħkom jemmen li l-Ewropa ma għamlitx biżżejjed, kollettivament, biex tiġġieled l-immigrazzjoni illegali u l-progress għadu bil-mod wisq u insuffiċjenti. Dan joħroġ l-iktar min-nuqqas kontinwu ta’ għodda Ewropej komuni li jgħinu biex jittieħdu passi serji kontra r-rotot ta’ dħul illegali. Għalhekk, mhux sorpiża li r-rotot tal-immigrazzjoni jirnexxielhom jaqsmu mill-punt l-aktar dgħajjef. L-Ewropa għandha teżerċità tmexxija b’saħħitha sabiex tintemm l-immigrazzjoni illegali, darba għal dejjem, speċjalment meta din tkun ibbażata fuq il-kriminalità organizzata, it-traffikar tal-bnedmin u meta qed twassal għal imwiet siekta ta’ vittmi sfurtunati.

2.1 Immaniġjar Integrat tal-Fruntieri

L-Istati Membri għandhom iżommu kontroll sħiħ tal-fruntieri tagħhom. Iżda r-realtà wriet li dawk esposti għall-pressjonijiet migratorji – indipendentement mid-daqs tagħhom – ma kienux kapaċi jipproteġu b’mod effettiv il-fruntieri tagħhom stess. Għalhekk, l-Ewropa għandha tuża l-għodda xierqa kollha, inklużi t-teknoloġiji l-ġodda bħall-bijometrija, sabiex tgħin lil dawn il-pajjiżi jwettqu dan.

2.2 Frontex

Ir-rapporteur tagħkom jemmen li l-aġenzija Frontex tibqa' l-mezz ideali biex tiġi ddirezzjonata r-reazzjoni kollettiva tal-Ewropa fir-rigward tal-immigrazzjoni illegali. Il-Parlament diġà appoġġja din l-aġenzija billi żied il-baġit operazzjonali b'iktar minn €50 miljun. Madankollu din l-aġenzija ma kinetx effettiva b'mod suffiċjenti u għandha tissaħħaħ iktar kemm fir-rigward tar-riżorsi finanzjarja tagħha kif ukoll fir-rigward tal-kapaċitajiet tagħha li taġixxi. Għal dan il-għan, jeħtieġ ukoll li tiġi stabbilita sistema ta’ solidarjetà obbligatorja fejn l-Istati Membri li jimpenjaw assi għar-reġistru tal-aġenzija (CRATE) iżommu verament il-wegħdiet tagħhom u jipparteċipaw fil-missjonijiet tagħha. Sfortunatament, s’issa l-esperjenza wriet li l-missjonijiet tal-Frontex, speċjalment ir-rondi marittimi, jeħlu minħabba li l-Istati Membri tal-UE ma jirnexxilhomx iżommu l-impenji tagħhom jew ma jipparteċipawx. Dan jitlob li jkun hemm ħsieb mill-ġdid fir-rigward ta’ dawn il-missjonijiet u dwar jekk l-aġenzija għandux ikollha l-assi proprja tagħha. Barra minn hekk, l-aġenzija Frontex ma tistax tkun kompletament effettiva sakemm ma jkunx hemm livell adegwat ta’ koperazzjoni min-naħa ta’ pajjiżi terzi u ma’ pajjiżi terzi.

2.3 Ritorn

Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jogħdu illegalment fit-territorju tal-UE għandhom jitilqu jew jiġu rritornati lura f’pajjiżjom. Għalhekk il-miżuri għal ritorn effettiv huma indispensabbli. Għandha tingħata preferenza għar-ritorn volontarju u l-Istati Membr għandhom jikkooperaw fir-rigward tar-ritorn ta’ dawn in-nies, anki permezz tal-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn konġunti, bl-involviment tal-Frontex.

3. Solidarjetà u Immigrazzjoni

Il-politika komuni dwar l-immigrazzjoni għandha tkun ibbażata fuq is-solidarjetà iżda s’issa kien hemm nuqqas ta’ solidarjetà u ta’ sikwit wisq l-Istati Membri li jaffaċċjaw pressjonijiet migratorji qawwija tħallew għal rashom. B’konsegwenza, dan dgħajjef il-fiduċja fl-Ewropa. It-Trattat ta’ Liżbona jista’ jerġa’ jistabbilixxi din il-fiduċja fl-Ewropa minħabba li d-dispożizzjonijiet tiegħu jiffavorixxu t-tisħiħ tal-kapaċità tal-Unjoi biex taġixxi b’mod konġunt dwar l-immigrazzjoni.

3.1 Koordinazzjoni bejn l-Istati Membri

L-istrumenti finanzjarji tal-Programm Ġenerali dwar is-Solidarjetà u l-Immaniġġjar tal-Flussi ta' Migrazzjoni (2007-2013) kienu pass għaqli fid-direzzjoni t-tajba iżda damu wisq biex bdew u għandhom jiġu riveduti biex iqisu r-realtajiet il-ġodda li qed joħorġu mix-xenarji li qed jinbidlu.

Ir-rapporteur tagħkom iqis li l-mekkaniżmu tal-qsim tal-piż previst fil-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil għandu jiġi implimentat kemm jista’ jkun malajr u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tniedi dan il-mekkaniżmu bla dewmien. Inizjalment dan se jkun jikkonsisti fi programm volontarju li se jippermetti l-allokazzjoni mill-ġdid intra-UE tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali minn Stati Membri li qed jaffaċċjaw pressjonijiet speċifiċi u disproporzjonati għal oħrajn. Il-Parlament diġà vvota €5 miljun fil-baġit 2009 tal-UE għal dan l-iskop taħt il-Fond Ewropew għar-Refuġjati. Fuq il-bażi ta’ din l-esperjenza, il-Kummissjoni mbagħad għandha tipproponi kif dan il-mekkaniżmu jista’ jinbidel fi strument vinkolanti u permanenti.

Għandha tiġi eżerċitata solidarjetà fil-każ ta’ operazzjonijiet ta’ salvataġġ f’żoni marittimi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ pajjiżi terzi kif ukoll permezz tar-reviżjoni tar-Regolament ta’ Dublin.

3.2 Koperazzjoni ma' pajjiżi terzi

Fl-aħħar nett, il-politika komuni dwar l-immigrazzjoni ma tistax taħdem sakemm ma jkunx hemm sħubija sinifikanti ma’ pajjiżi terzi, kemm jekk ikunu pajjiżi ta’ oriġini kif ukoll jekk ikunu pajjiżi ta’ tranżitu.

L-irwol determinanti ta’ koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi diġà wera bla ebda dubju l-importanza tiegħu. Pereżempju, fl-2008, b’riżultat tal-koperazzjoni ta’ Spanja mas-Senegal u l-Mawritanja, id-dħul ta’ immigranti illegali naqsu b’sebgħin fil-mija. Għall-kuntrarju, fir-reġjun tal-Mediterran ċentrali, il-Libja ma kinetx daqsekk miftuħa biex tikkoopera u l-immigranti illegali żdiedu ħafna.

Għalhekk, il-kwistjonijiet tal-immigrazzjoni għandhom ikunu intergrati bis-sħiħ fil-politika ta' l-Unjoni dwar il-kooperazzjoni fl-iżvilupp, kif ukoll f'politiki esterni oħra. Għal dan il-għan, ir-rapporteur tagħkom jemmen li l-ftehimiet kollha ma’ pajjiżi terzi għandhom jinkludu kapitoli dwar koperazzjoni fir-rigward tal-immigrazzjoni, fosthom dispożizzjonijiet dwar opportunitajiet għal migrazzjoni legali, il-kontroll tal-immigrazzjoni illegali u r-riammissjonijiet. Għandhom jiġu stabbiliti uffiċċji reġjonali f’ċerti pajjiżi terzi biex tiġi pprovduta assistenza prattika fil-qasam tal-migrazzjoni legali u r-ritorn volontarju tal-immigranti.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (3.3.2009)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar politika komuni dwar l-immigrazzjoni għall-Ewropa: Prinċipji, azzjonijiet u strumenti
(2008/2331(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jamila Madeira

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi, skont il-Eurostat, l-avvanz fl-età tal-popolazzjoni tal-UE se tkun realtà fuq medda ta' żmien medju, it-tnaqqis ta’ kważi 50 miljun tal-popolazzjoni attiva li hija prevista sal-2060; billi l-immigrazzjoni jista’ jkollha l-irwol ta’ katalista biex ittejjeb ir-riżultati ekonomiċi tal-UE,

B.   billi l-aspetti tat-tkabbir u l-impjiegi tal-Istrateġija ta’ Liżbona, jistgħu jkunu mfixkla min-nuqqas ta’ ħaddiema, li jista' jwassal biex ma jinkisbux l-objettivi tagħha, u billi l-qgħad bħalissa qiegħed jiżdied; billi dan in-nuqqas jista’ jiġi indirizzat fuq medda qasira ta' żmien permezz ta' amministrazzjoni adegwata u strutturata tal-immigrazzjoni ekonomika,

C.  billi l-UE għandha żżid ukoll l-isforzi tagħha sabiex tindirizza problemi ta’ nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet internament, billi ddur għal setturi ta’ persuni f’xogħol mhux adegwat għalihom, bħal nies b’diżabiltajiet u bi żvantaġġ edukattiv jew dawk ir-residenti li qed ifittxu l-ażil li ilhom qiegħda għal żmien twil,

D.  billi m’għandna qatt ninsew id-dover morali tagħna li nżommu l-bieb miftuħ għar-refuġjati li għandhom bżonn ġenwin li jsibu ażil minn persekuzzjoni u sitwazzjonijiet li jheddu lil ħajjithom,

1.   Huwa tal-opinjoni li l-irwol kruċjali tal-immigrazzjoni fl-UE u l-potenzjal ekonomiku tagħha għandhom jiġu rikonoxxuti u l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tagħhom iridu jkunu ssorveljati sabiex jippromwovu grupp ta’ politiki adegwati u responsabbli fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-impjieg, għar-residenza, għall-edukazzjoni, għat-taħriġ, għat-tagħlim matul il-ħajja, għas-sigurtà soċjali u għat-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjonijiet u l-mobiltà tal-ħaddiema fl-UE;

2.   Iqis li x-xogħol illegali jeħtieġ jiġi indirizzat meta wieħed jikkunsidra li dan jikser kompletament id-drittijiet tal-ħaddiema immigranti; iqis li huwa essenzjali li tkun promossa l-politika Ewropea filwaqt li jħeġġeġ lill-ħaddiema immigranti illegali residenti biex jirreġistraw mal-awtoritajiet, filwaqt li jiżgura fl-istess ħin li miżuri li jittieħdu dwar dan ma jwasslux għal proċeduri ta’ allokazzjoni u sommarji ta’ redditu li jiksru d-drittijiet tagħhom, partikularment ladarba diġà jinsabu f'pożizzjoni ta' inferjorità meta jaslu fl-Ewropa, anki minn perspettiva legali; iqisha wkoll essenzjali li niġġieldu kontra x-xogħol prekarju b’mod ġenerali, billi nżommu f'moħħna li din il-problema taffettwa b’mod partikulari l-ħaddiema immigranti, u b'hekk is-sitwazzjoni diġà vulnerabbli tagħhom tmur għall-agħar; jitlob li jkunu evitati perspettivi maqsumin tas-“sigurtà l-ewwel” u li tkun adottata politika komprensiva li għandha tkun adottatat fix-xogħol tal-immigranti u li tikkunsidra l-pressjoni maħluqa mill-qgħad u n-nuqqas ta' opportunitajiet fil-pajjiż tal-oriġini, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ u għan-nisa, filwaqt li jkun enfasizzat li l-immaniġġjar xieraq tal-flussi migratorji jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-UE u għall-pajjiżi terzi fl-istess ħin;

3.   Jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tar-rikonoxximent tal-kompetenzi tal-immigranti, b’mod partikolari billi tingħata attenzjoni partikulari għall-kwalifiki formali, mhux formali u informali miksuba fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom; iqis li dan ir-rikonoxximent se jeħodha kontra l-ħela tal-ħiliet li ta' sikwit qed jidher fost l-immigranti, primarjament in-nisa, li jispiċċaw f'impjiegi li għalihom huma kkwalifikati żżejjed;

4.   Jitlob lill-Kummissjoni biex tqis, fid-dokumenti futuri dwar is-suġġett, il-kwistjoni tar-rikonoxximent tal-kompetenzi, kif ukoll l-inċentiv għat-taħriġ tul il-ħajja, filwaqt li tiżgura wkoll li l-Istati Membri jipprovdu lill-immigranti bl-opportunitajiet biex jitgħallmu l-lingwa tal-pajjiż biex tkun żgurata l-integrazzjoni soċjali, professjonali u kulturali tagħhom fl-Unjoni Ewropea u tagħtihom kompetenza aħjar sabiex jgħinu fl-iżvilupp tat-tfal tagħhom; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tagħmel użu mir-riżultati tad-deliberazzjonijiet dwar l-edukazzjoni lingwistika ta’ tfal immigranti u t-tagħlim fl-Istat Membru ta' residenza tal-lingwa u l-kultura tal-pajjiż ta’ oriġini u jitlob li l-qafas li se jkun propost jirrispetta l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità;

5.   Jistqarr mill-ġdid li l-prinċipju tal-ugwaljanza tal-opportunitajiet, b’mod partikolari l-aċċess għall-impjiegi għall-persuni li għandhom l-istess kwalifiki, irid japplika wkoll għall-immigranti; jenfasizza li r-rikonoxximent tal-kwalifiki jrid ikun suġġett għal proċess ċar u trasparenti sabiex l-immigranti jiksbu impjiegi legali u adattati għall-kwalifiki reali tagħhom u jkun jista’ jkollhom aċċess għas-servizz ċivili u l-professjonijiet liberali;

6.   Jistqarr mill-ġdid li n-netwerk EURES huwa wieħed mill-istrumenti adegwati biex ilaqqa’ l-provvista u d-domanda tas-suq tax-xogħol b’mod trasparenti, responsabbli u effiċjenti; għaldaqstant jirrakkomanda l-firxa tal-kunċett tan-netwerk EURES sabiex jiffaċilita l-kuntatt bejn l-Ewropej li jimpjegaw li jfittxu ħaddiema bi kwalifiki preċiżi u kandidati għall-impjieg li ġejjin minn pajjiżi terzi; jipproponi li Ċentri Speċjali (li jeżistu jew li jridu jitwaqqfu) jew ir-rappreżentazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi terzi jintużaw bħala pjattaforma ta’ dan it-tixrid tan-netwerk EURES, u li tkun żgurata l-kontinwità u t-tixrid tiegħu fir-rigward tal-istrumenti u tal-appoġġ għal min jaħdem għal rasu jew għall-użu tal-mikrokreditu; jenfasizza li l-bżonn tal-Ewropa għal ħaddiema kompetenti ħafna m’għandux iwassal għat-telf tal-aħjar imħuħ (“brain drain”) ta’ pajjiżi terzi, b’konsegwenza ta’ danni lill-ekonomiji emerġenti u lill-infrastruttura soċjali tagħhom;

7.   Huwa tal-opinjoni li immigranti mill-hekk imsejħa pajjiżi terzi għandhom ikunu mogħtija d-dritt għal mobiltà fl-UE, sabiex – bħala residenti legali fi Stat Membru – ikunu jistgħu jaħdmu bħala ħaddiema li jaħdmu bejn il-fruntieri fi Stat Membru ieħor mingħajr ma jkunu meħtieġa li japplikaw għal permess tax-xogħol, u li dawn l-immigranti għandhom ikunu mogħtija moviment ħieles u totali bħala ħaddiema wara perjodu ta’ ħames snin ta’ residenza legali fi Stat Membru;

8.   Isaħħaħ l-idea tal-importanza tal-koordinazzjoni f’livelli lokali, reġjonali, li għandha responsabilità partikolari rigward taħriġ f’livelli nazzjonali u Ewropej fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol, fl-ispirtu tal-prinċipju tal-preferenza tal-Komunità; jenfasizza li koperazzjoni bħal din hija fundamentali għall-implimentazzjoni effiċjenti ta’ politika dwar l-immigrazzjoni li tista’ ttaffi n-nuqqas tal-ħaddiema li nstab f’ċerti setturi u fl-Istati Membri, u għall-integrazzjoni effiċjenti u adegwata tal-immigranti;

9.   Jitlob lill-Istati Membri biex jiżviluppaw mudell adegwat li jipprevedi integrazzjoni effiċjenti tal-immigranti fil-pajjiżi tal-UE, filwaqt li jiżgura rispett għad-differenzi kulturali, reliġjużi, ideoloġiċi, razzjali jew oħra kollha tagħhom; ifakkar li l-koeżjoni soċjali ta’ veru tinkiseb permezz ta’ strutturi ta’ appoġġ b’karattru soċjali, lingwistiku, skolastiku u ta' riunifikazzjoni tal-familja; jipproponi l-ħolqien ta' politika ta' prossimità li tipprevedi l-użu ta' riżorsi umani fl-awtoritajiet pubbliċi b’għarfien lingwistiku u kulturali tal-pajjiżi terzi, u li tiżgura li l-komunitajiet tal-iskejjel jinkludu fil-kurrikulum tagħhom id-dimensjoni multikulturali u l-fehim tar-realtajiet kulturali attwali;

10. Jitlob lill-Istati Membri biex jużaw b’mod sodisfaċenti l-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-Komunità li jirrigwardaw il-politika tal-immigrazzjoni sabiex joħolqu iktar impjiegi u impjiegi aħjar għall-immigranti·

11. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu politiki prattiċi u programmi li jrawmu u jippruvaw jiksbu riunifikazzjoni tal-familja għall-immigranti bħala garanzija ta’ stabilità soċjali;

12. Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex ikomplu jippromovu politiki kontra d-diskriminazzjoni, inkluż dawk implimentati mill-awtoritajiet pubbliċi;

13. Iqis li perspettiva integrali ta’ politika komuni dwar l-immigrazzjoni m’għandhiex twarrab l-isforzi magħmula mill-Kummissjoni sabiex toħloq politika ta’ ażil effiċjenti abbażi tal-Mudell Soċjali Ewropew, li jiggarantixxi aċċess simplifikat u armonizzat għas-suq tax-xogħol permezz tal-emenda proposta (COM(2008)815) għad-Direttiva 2003/9/KE tal-Kunsill, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi biex jintlaqgħu dawk li jfittxu ażil[1].

14. Jemmen li huwa importanti li l-Istati Membri jiffirmaw u jikkonformaw mal-Konvenzjonijiet li jirrigwardaw it-Traffikar tal-Persuni inkluż il-Protokoll kontra t-Traffikar tal-Persuni tan-NU, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin, Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti konra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU dwar il-Ħarsien tal-Ħaddiema Immigranti kollha u Membri tal-Familji tagħhom u l-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), b’mod partikolari Nru 29 dwar ix-xogħol forzat, Nru 182 dwar l-agħar forom ta’ tħaddim tat-tfal, u dawk li jirrigwardaw il-libertà ta’ assoċjazzjoni, l-ispezzjoni tax-xogħol u l-aġenziji tal-impjiegi;

15. Jenfasizza li l-politika komuni tal-immigrazzjoni għandha tkun żviluppata b’koperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi ta’ oriġini sabiex tappoġġjahom u tikkumplimenta b’mod effiċjenti l-isforzi tal-Unjoni Ewropea fil-koperazzjoni għall-iżvilupp;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.3.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Andersson, Edit Bauer, Iles Braghetto, Philip Bushill-Matthews, Milan Cabrnoch, Maddalena Calia, Alejandro Cercas, Luigi Cocilovo, Jean Louis Cottigny, Jan Cremers, Richard Falbr, Joel Hasse Ferreira, Roger Helmer, Karin Jöns, Jean Lambert, Bernard Lehideux, Elizabeth Lynne, Thomas Mann, Ljudmila Novak, Siiri Oviir, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Rovana Plumb, Bilyana Ilieva Raeva, Elisabeth Schroedter, Gabriele Stauner, Ewa Tomaszewska, Anne Van Lancker, Gabriele Zimmer

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Glenn Bedingfield, Herbert Bösch, Françoise Castex, Gabriela Creţu, Donata Gottardi, Anna Ibrisagic, Rumiana Jeleva, Sepp Kusstatscher, Jamila Madeira, Viktória Mohácsi, Gianluca Susta, Silvia-Adriana Ţicău, Georgios Toussas

  • [1]  ĠU L 31, 6.2.2003, p. 18

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (20.1.2009)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar politika komuni dwar l-immigrazzjoni għall-Ewropa: Prinċipji, Azzjonijiet u Għodod
(2008/2331(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Zdzisław Zbigniew Podkański

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1. Jenfasizza l-importanza ta’ politika ta’ integrazzjoni li tkun ippjanata sew għall-istat ospitanti kif ukoll għall-ħolqien ta’ opportunitajiet xierqa għall-immigranti nfushom; iqis li l-politika ta’ integrazzjoni għandha tkun multidimensjonali, filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkostanza speċifika ta’ kull Stat Membru; iqis ukoll li l-politika ta’ integrazzjoni għandha tippromwovi l-integrazzjoni armonjuża u tindirizza kwestjonijiet bħalma huma l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-għarfien tal-kwalifiki professjonali, l-aċċess għas-suq tax-xogħol, is-servizzi soċjali u d-djar, kif ukoll il-parteċipazzjoni attiva fl-attivitajiet soċjali u kulturali;

2.   Jitlob lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura l-appoġġ finanzjarju għall-integrazzjoni strutturali u kulturali tal-immigranti, inkluża wkoll l-implimentazzjoni tal-programmi tal-UE bħalma huma “Tagħlim Tul il-ħajja”, “Ewropa għaċ-Ċittadini”, “Żgħażagħ Attivi” u “Kultura 2007”; jinnota li bosta drabi l-għalliema qajla huma mħejjija għal għadd kbir ta' tfal immigranti fil-klassi u jitlob li jkun hemm taħriġ aħjar għall-għalliema u sostenn finanzjarju xieraq;

3.   Jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti;

4.   Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw u jappoġġjaw id-direttivi relevanti: id-Direttivi 2000/78/KE, 2000/43/KE u 2004/113/KE, fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni;

5.   Jinnota li l-programmi skolastiċi u ta’ tagħlim tul il-ħajja għandhom rwol essenzjali fil-proċess ta’ integrazzjoni fl-iżvilupp tal-ħiliet, b’mod partikulari dawk lingwistiċi; iqis ukoll li l-parteċipazzjoni mingħajr xkiel f’dawn il-programmi ta’ taħriġ u ta’ tagħlim tul il-ħajja għandhom ikunu jedd u opportunità għall-immigranti li jkunu għadhom kemm waslu;

6.   Iqis li l-istrutturi li jilqgħu lill-migranti għandhom ikunu mkejjen miftuħin maħsubin għalbiex jiffaċilitaw l-attivitajiet jew il-programmi kollha li jrawmu skambji kulturali bejn il-migranti u s-soċjetà ospitanti; f'din l-ottika, iqis li huwa essenzjali li f'kull stadju tal-proċess li bih jintlaqgħu, jingħata l-jedd tal-edukazzjoni lit-tfal, li ġa kkontemplat minn bosta dispożizzjonijiet internazzjonali;

7.   Jappoġġja l-proposti tal-Unjoni Ewropea rigward l-iskema tal-'Blue Card'; iqis, iżda, li dawn l-arranġamenti għandhom iqisu s-sitwazzjoni soċjoekonomika u kulturali partikulari ta' kull Stat Membru kif ukoll il-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol tagħhom, u li ma għandhomx jikkontribwixxu għat-“tluq tal-aqwa mħuħ” mill-pajjiżi tal-oriġini;

8.        Jenfasizza li l-edukazzjoni u l-integrazzjoni tar-Roma hija waħda mill-kwestjonijiet l-aktar ta' sfida u kkumplikati tal-politiki soċjali u edukattivi Ewropej u jistieden lill-Kummissjoni tikkumbatti attivament id-diskriminazzjoni kontra l-komunità tar-Roma.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.1.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Badia i Cutchet, Ivo Belet, Guy Bono, Marie-Hélène Descamps, Věra Flasarová, Milan Gaľa, Claire Gibault, Vasco Graça Moura, Luis Herrero-Tejedor, Ruth Hieronymi, Mikel Irujo Amezaga, Ramona Nicole Mănescu, Ljudmila Novak, Doris Pack, Zdzisław Zbigniew Podkański, Pál Schmitt, Hannu Takkula, Thomas Wise, Tomáš Zatloukal

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Gyula Hegyi, Nina Škottová, László Tőkés, Ewa Tomaszewska, Cornelis Visser

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Berger

OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (12.2.2009)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar politika komuni dwar l-immigrazzjoni għall-Ewropa: prinċipji, azzjonijiet u għodod
(2008/2331(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Iratxe García Pérez

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi n-numru ta' immigranti nisa qiegħed jiżdied kostantament fl-UE, u jkopri bejn wieħed u ieħor 54% tan-numru totali tal-immigranti,

B.  billi l-parti l-kbira tal-immigranti nisa jsibu problemi sinifikanti biex jintegraw u biex jaċċessaw is-suq tax-xogħol minħabba l-livell baxx ta' edukazzjoni tagħhom u l-isterjotipi u prattiki negattivi li nġiebu mill-pajjiżi ta' oriġini tagħhom, kif ukoll tal-isterjotipi negattivi u d-diskriminazzjoni li jeżistu fl-Istat Membru; billi, madankollu, ħafna nisa żgħażagħ b'livell għoli ta' edukazzjoni jaslu fl-UE biex jieħdu xogħlijiet li relattivament ma jirrikjedux kwalifiki,

1.  Jitlob lill-Istati Membri biex jirrevedu l-leġiżlazzjoni tagħhom sabiex jiżguraw li konjugi u tfal jingħataw status individwali u permess għax-xogħol independenti minn dak tal-persuna prinċipali li jkollha l-istatus legali;

2.  Jitlob lill-Istati Membri biex jiggarantixxu r-rispett għad-drittijiet fundamentali tan-nisa immigranti, irrispettivament minn jekk ikollhomx status legali;

3.  Jistieden lill-Istati Membri biex jużaw l-istrumenti finanzjarji fil-qasam tal-politika komuni dwar l-immigrazzjoni, distribwiti proporzjonalment u ġustament bejn nisa u rġiel;

4.  Jitlob lill-Istati Membri, meta jikkunsidraw applikazzjonijiet għal status legali awtonomu, biex iqisu ċ-ċirkostanzi ta' nisa immigranti li huma wkoll vittmi ta' vjolenza fiżika u psikoloġika, inklużi l-prostituzzjoni forzata, iż-żwiġijiet irranġati u l-mutilazzjoni ġenitali femminili, u biex joħolqu miżuri biex jipproteġu lil dawn in-nisa u biex jissimplifikaw il-proċeduri biex jingħatalhom permess ta' residenza temporanju jew permanenti;

5.  Jitlob lill-Istati Membri biex jappoġġjaw kampanji ta' informazzjoni mmirati lejn nisa migranti, maħsubin biex jinformawhom dwar id-drittijiet tagħhom, il-possibilitajiet għall-edukazzjoni u t-taħriġ tal-lingwi, it-taħriġ professjonali u l-aċċess għall-impjiegi, u biex jipprevjenu ż-żwiġijiet irranġati, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u forom oħra ta' sfurzar mentali jew fiżiku;

6.  Jitlob lill-Istati Membri biex iħeġġu l-parteċipazzjoni tal-immigranti nisa fis-suq tax-xogħol u fil-ħajja soċjali u politika, biex jiġġieldu x-xogħol mhux iddikjarat, jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet soċjali tan-nisa (bħalma huma l-qligħ ta' paga indaqs, is-sigurtà soċjali, id-drittijiet għall-pensjoni), jipprovdu appoġġ għall-attività intraprenditorjali, jipprevjenu l-faqar u l-esklużjoni u jħeġġu l-irwol tal-imsieħba soċjali u tat-trejdjunjins;

7.  Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-qafas legali li jiggarantixxi lin-nisa immigranti d-dritt li jkollhom il-passaport u l-permess tar-residenza tagħhom stess u li b'hekk issir possibbli li żżomm persuna kriminalment responsabbli jekk jaħtaf dawn id-dokumenti;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tiġbor id-dejta kollha dwar l-immigrazzjoni fl-UE li għandha x'taqsam mal-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi u biex tirranġa li jsir analiżi ta' dik id-dejta mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi sabiex jiġu enfasizzati iktar il-bżonnijiet u l-problemi partikolari tal-immigranti nisa u l-mezz l-iktar xieraq biex dawn jiġu integrati fis-soċjetajiet tal-pajjiżi ospitanti.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

10.2.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Hiltrud Breyer, Edite Estrela, Ilda Figueiredo, Věra Flasarová, Lissy Gröner, Urszula Krupa, Pia Elda Locatelli, Astrid Lulling, Doris Pack, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Zita Pleštinská, Anni Podimata, Christa Prets, Teresa Riera Madurell, Eva-Riitta Siitonen, Eva-Britt Svensson, Britta Thomsen, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriela Creţu, Ana Maria Gomes, Donata Gottardi, Elisabeth Jeggle, Maria Petre

NOTA SPJEGATTIVA

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data ta' l-adozzjoni

31.3.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

4

11

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Catherine Boursier, Emine Bozkurt, Philip Bradbourn, Mihael Brejc, Kathalijne Maria Buitenweg, Maddalena Calia, Giusto Catania, Carlos Coelho, Gérard Deprez, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Bárbara Dührkop Dührkop, Claudio Fava, Armando França, Urszula Gacek, Kinga Gál, Roland Gewalt, Jeanine Hennis-Plasschaert, Ewa Klamt, Magda Kósáné Kovács, Henrik Lax, Roselyne Lefrançois, Baroness Sarah Ludford, Claude Moraes, Javier Moreno Sánchez, Rareş-Lucian Niculescu, Maria Grazia Pagano, Martine Roure, Inger Segelström, Csaba Sógor, Vladimir Urutchev, Manfred Weber, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Simon Busuttil, Ignasi Guardans Cambó, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Antonio Masip Hidalgo, Rainer Wieland