RAPPORT dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar biex temenda d-Direttiva tal-Kunsill 87/372/KEE dwar il-firxiet ta' frekwenza li għandhom jiġu rriżervati għall-introduzzjoni koordinata ta' komunikazzjonijiet mobbli ċellulari diġitali terrestri pubbliċi pan-Ewropej fil-Komunità

27.4.2009 - (COM(2008)0762 – C6-0452/2008 – 2008/0214(COD)) - ***I

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Rapporteur: Francisca Pleguezuelos Aguilar

Proċedura : 2008/0214(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0276/2009
Testi mressqa :
A6-0276/2009
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar biex temenda d-Direttiva tal-Kunsill 87/372/KEE dwar il-firxiet ta' frekwenza li għandhom jiġu rriżervati għall-introduzzjoni koordinata ta' komunikazzjonijiet mobbli ċellulari diġitali terrestri pubbliċi pan-Ewropej fil-Komunità

(COM(2008)0762 – C6-0452/2008 – 2008/0214(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0762),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2), u l-Artikolu 95 tat-Trattat KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0452/2008),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A6-0276/2009),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sostanzjali jew li tibdilha b'test ieħor;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

EMENDI MILL-PARLAMENT[1]*

għal Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

biex temenda d-Direttiva tal-Kunsill 87/372/KEE dwar il-firxiet ta' frekwenza li għandhom jiġu rriżervati għall-introduzzjoni koordinata ta' komunikazzjonijiet mobbli ċellulari diġitali terrestri pubbliċi pan-Ewropej fil-Komunità

(Test b'rilevanza għaz-ZEE)

PE 000.000

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[3],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura kif stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[4],

Billi:

(1)      Id-Direttiva tal-Kunsill 87/372/KEE tal-25 ta’ Ġunju 1987 dwar il-firxiet ta’ frekwenza li għandhom jiġu riżervati għall-introduzzjoni koordinata ta’ komunikazzjonijiet mobbli ċellulari diġitali terrestri pubbliċi pan-Ewropej fil-Komunità[5], msaħħa bir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 1987 dwar l-introduzzjoni koordinata ta' komunikazzjonijiet mobbli ċellulari diġitali terrestri pubbliċi pan-Ewropej fil-Komunità[6] u bir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 1990 dwar l-aħħar fażi tal-introduzzjoni koordinata ta' komunikazzjonijiet mobbli ċellulari diġitali terrestri pubbliċi pan-Ewropej fil-Komunità (il-GSM)[7], irrikonoxxew il-ħtieġa li jużaw ir-riżorsi offruti minn netwerks moderni tat-telekomunikazzjonijiet, b’mod partikolari minn radju mobbli, għall-iżvilupp ekonomiku sħiħ tal-Komunità. Ġiet rikonoxxuta l-unika opportunità li tkun offruta permezz tal-passaġġ għat-tieni ġenerazzjoni għas-sistema mobbli ċellulari diġitali sabiex jiġu stabbiliti komunikazzjonijiet mobbli fuq livell tassew pan-Ewropew.

(2)      Il-firxiet tal-frekwenzi ta’ 890-915 MHz u 935-960 MHz ▌ kienu riżervati għal servizz pubbliku ta’ komunikazzjonijiet mobbli ċellulari diġitali pan-Ewropew li jkun provdut f’kull Stat Membru skont speċifikazzjoni komuni, magħrufa bħala GSM. Sussegwentement l-hekk-imsejħa firxa ta' estensjoni (880-890 MHz u 925-935 MHz) saret disponibbli għall-operazzjonijiet GSM, u flimkien dawn il-firxiet ta' frekwenza huma magħrufin bħala l-firxa tad-900 Mhz.

(3)      Sa mill-1987, żviluppaw teknoloġiji ġodda diġitali tar-radju li kienu kapaċi jipprovdu komunikazzjonijiet elettroniċi pan-Ewropej, li jistgħu jeżistu flimkien mal-GSM fil-firxa ta’ 900 MHz f’kuntest regolatorju iktar newtrali fuq livell teknoloġiku. Il-firxa ta’ 900 MHz għandha karatteristiċi tajbin ta’ propagazzjoni, li jkopru distanzi itwal minn firxiet ta’ frekwenzi ogħla, u li jippermettu servizzi moderni bil-vuċi, dejta u multimedjali sabiex ikunu estiżi għal zoni anqas ippopolati u rurali.

(4)      Filwaqt li tinżamm id-disponibilità tal-GSM għall-utenti madwar l-Ewropa, sabiex tikkontribwixxi għall-objettivi tas-suq intern u tal-inizjattiva i2010 "Soċjetà Ewropea ta’ Informazzjoni għat-tkabbir u l-impjiegi"[8] u li timmassimizza l-kompetizzjoni billi toffri lill-utenti għażla wiesgħa ta’ servizzi u teknoloġiji, l-użu tal-firxa tad-900 MHz għandu jkun disponibbli għal teknoloġiji oħra għall-forniment ta’ servizzi oħra pan-Ewropej avvanzati kompatibbli li jistgħu jeżistu flimkien mal-GSM.

(4a)    L-użu futur tal-firxa tad-900 MHz u b'mod partikolari l-kwistjoni dwar kemm il-GSM se jdum ikun t-teknoloġija ta' riferiment għall-koeżistenza teknika f'din il-firxa huwa kwistjoni ta' importanza strateġika għas-suq intern li għandha tiġi eżaminata flimkien mal-kwistjonijiet l-oħra tal-politika ta' aċċess mingħajr fili tal-Komunità fil-programmi futuri ta' politika dwar l-ispettrum tar-radju, li għandhom jiġu adottati skont it-termini tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas)[9] hekk kif emendata. Dawk il-programmi se jistabbilixxu orjentamenti u objettivi politiċi għall-ippjanar strateġiku tal-użu tal-ispettrum tar-radju, b'koperazzjoni mill-qrib mal-Grupp tal-Politika għall-Ispettrum tar-Radju (RSPG).

(5)      Il-liberalizzazzjoni tal-użu tal-firxa ta’ spettrum tad-900 MHz tista’ possibilment twassal għal distorsjonijiet fil-kompetizzjoni. B’mod partikolari, f’każ li xi operaturi mobbli ma ġiex assenjat lilhom spettru fil-firxa tad-900 MHz, dawn jistgħu jkunu fi żvantaġġ f'dawk li għandu x'jaqsam ma' kost u effiċjenza meta mqabbel ma’ operaturi li se jkunu kapaċi jipprovdu servizzi 3G f’dik il-firxa. Fl-ambitu tal-qafas regolatorju dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi, u b’mod partikolari d-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonjiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni)[10], l-Istati Membri jistgħu jemendaw u/jew jirrevedu d-drittijiet tal-użu tal-ispettru u b'hekk ikollhom il-għodod biex jittrattaw, fejn meħtieġ, dawn id-distorsjonijiet possibbli.  

Fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tagħha, l-Istati Membri għandhom jittrasponu din id-Direttiva. Filwaqt li dan, minnu nnifsu, ma jirrikjedix li l-Istati Membri jimmodifikaw id-drittijiet eżistenti tal-użu jew li jibdew proċedura ta' awtorizzazzjoni, huma għandhom jottemperaw ruħhom mar-rekwiżiti tad-Direttiva ta' Awtorizzazzjoni ladarba l-firxa tal-ispettru tkun saret disponibbli skont it-termini a' din id-Direttiva. Huma u jagħmlu hekk, għandhom jeżaminaw b’mod partikolari jekk l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva tistax tiddistorti l-kompetizzjoni fis-swieq ikkonċernati tal-mowbajls. Fil-każ li jikkonkludu li dan ikun il-każ, għandhom jikkunsidraw jekk ikunx oġġettivament iġġustifikat u proporzjonat li jemendaw id-drittijiet tal-użu ta’ dawk l-operaturi li kienu ngħataw id-drittijiet tal-użu tal-frekwenzi tad-900 MHz u fejn proporzjonat, jirrevedu dawn id-drittijiet ta' użu u jirridistribwixxu dawn id-drittijiet sabiex jindirizzaw dawn id-distorsjonijiet. Għandha ssir konsultazzjoni pubblika qabel tittieħed kwalunkwe deċiżjoni fir-rigward ta' din il-proċedura.

(5a)    L-ispettru li jsir disponibbli permezz ta' din id-Direttiva għandu jiġi allokat b'mod trasparenti u b'tali mod illi jiġi żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti.

(6)      Sabiex is-sistemi, għajr il-GSM, jeżistu flimkien ma’ sistemi GSM fl-istess firxa, għandhom jevitaw interferenza li tagħmel il-ħsara billi jkunu applikati kundizzjonijiet dwar l-użu tekniku li jistgħu jkunu applikati għal teknoloġiji għajr dawk GSM li jużaw il-firxa tad-900 MHz.

(7)      Id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar il-qafas regolatorju dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (minn hawn ’il quddiem id-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju)[11] tippermetti lill-Kummissjoni tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni teknika sabiex tiżgura kundizzjonijiet armonizzati għad-disponibilità u l-użu effiċjenti tal-firxa tal-ispettru tar-radju.

(8)      Kif mitlub mill-Kummissjoni, il-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (hawn aktar ’l isfel imsejħa s-CEPT) ipproduċiet rapporti tekniċi li jiddimostraw li l-UMTS jista' jikkoeżisti mal-GSM fil-firxa tad-900 MHz ▌. Il-firxa tad-900 MHz għandha għalhekk jinfetħu għall-UMTS ║ kif ukoll ma’ sistemi oħra hekk kif ikun jista' jidher li huma jistgħu jeżistu flimkien mal-GSM skont il-proċedura spjegata fid-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju għall-adozzjoni ta’ kundizzjonijiet armonizzati għad-disponibilità u l-użu effiċjenti tal-użu tal-ispettru tar-radju. Meta Stat Membru jiddeċiedi li jassenja drittijiet tal-użu għal sistemi li jużaw l-ispeċifikazzjoni UMTS 900, l-applikazzjoni għal Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/21/KE, għandhom jiżguraw li dawn is-sistemi jkunu protetti minn interferenza dannuża minn sistemi oħra li jkunu qed jitħaddmu.

(9)      Għandha tkun żgurata protezzjoni xierqa bejn l-utenti tal-firxiet koperti minn din id-Direttiva u għall-utenti eżistenti fil-firxiet adjaċenti. Barra minn hekk, għandhom ikunu kkunsidrati sistemi prospettivi għal komunikazzjonijiet aeronawtiċi ’l fuq minn 960 MHz, li jgħinu jissodisfaw il-miri tal-politika tal-Komunità f'dan is-settur. Is-CEPT tat parir tekniku f'dan ir-rigward.

(9a)    Għandha tiżdied il-flessibilità fil-maniġment tal-ispettru u fl-aċċess għall-ispettru sabiex isir kontribut għall-objettivi tas-suq intern fil-komunikazzjonijiet elettroniċi. Għalhekk il-firxa ta’ 900 MHz għandha tkun miftuħa għal sistemi oħra għall-forniment ta’ servizzi oħra pan-Ewropej hekk kif dawn juru li jistgħu jeżistu flimkien ma’ sistemi ta’ GSM.

(10)    Sabiex tippermetti teknoloġiji diġitali ġodda li jkunu mwaqqfa fil-firxa tad-900 MHz flimkien ma’ sistemi tal-GSM, id-Direttiva Nru 87/372/KEE għandha tkun emendata kif xieraq u għandha titneħħa r-riżerva esklussiva ta' din il-firxa għall-GSM,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva Nru 87/372/KEE hija emendata kif ġej:

(1) L-Artikolu 1 jiġi sostitwit b'li ġej:

Artikolu 1

1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-firxiet tal-ispettru tar-radju ta’ 880-915 MHz u 925-960 MHz (il-firxa tad-900 MHz) disponibbli għas-sistemi tal-GSM u tal-UMTS kif ukoll għal sistemi oħra terrestrali li kapaċi jipprovdu servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi li jistgħu jeżistu flilmkien mas-sistemi tal-GSM, skont l-implimentazzjoni teknika tal-miżuri adottati skont id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE.

2. L-Istati Membri għandhom, meta jimplimentaw din id-Direttiva, jeżaminaw jekk l-assenjazzjoni tal-ispettru tal-firxa tad-900 MHz lill-operaturi tat-telefonija mobbli li jikkompetu fit-territorju tagħhom għandhiex it-tendenza li xxekkel il-kompetizzjoni fis-swieq konċernati tat-telefonija mobbli u fejn xieraq u proporzjonat, għandhom jindirizzaw dan ix-xkiel skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva Nru 2002/20/KE.'

(2) L-Artikolu 2 jiġi sostitwit b'li ġej:

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) "sistema GSM" għandha tfisser netwerk ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, li huma konformi, mal-istandards tal-GSM, kif ippubblikati mill-ETSI, b'mod partikulari l-EN 301 502 u l-EN 301 511;

(b) "sistema UMTS" għandha tfisser netwerk ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, li huma konformi, mal-istandards tal-UMTS, kif ippubblikati mill-ETSI, b'mod partikulari l-EN 301 908-1, EN 301 908-2, EN 301 908-3 u l-EN 301 908-11'.

(3) L-Artikolu 3 jiġi sostitwit b'li ġej:

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom referenza bħal din meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir referenza bħal din.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

(4) L-Artikolu 4 hu mħassar.

Artikolu 2

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi ║,

Għall-Parlament Ewropew                                         Għall-Kunsill

Il-President                                                                Il-President

  • [1] * Emendi politiċi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u qawwija; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌. Korrezzjonijiet u adattamenti tekniċi tas-servizzi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva rqiqa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ║.
  • [2]               ĠU C , , p. .
  • [3]               ĠU C , , p. .
  • [4]               ĠU C , , p. .
  • [5]               ĠU L 196, 17.7.1987, p. 85.
  • [6]               ĠU L 196, 17.7.1987, p. 81.
  • [7]               ĠU C 329, 31.12.1990, p. 25.
  • [8]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni COM(2005) 229 finali.
  • [9]               ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.
  • [10]               ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21.
  • [11]             ĠU L 108, 24.4.2002, p.1.

DIKJARAZZJONI SPJEGATTIV

Politika effiċjenti dwar l-ispettru tar-radju fl-Unjoni Ewropea teħtieġ immaniġġjar flessibbli u kkoordinat mill-Istati Membri u l-armonizzazzjoni tal-frekwenzi fil-livell tal-Komunità meta dan ikun iġġustifikat minħabba raġunijiet ta' ekonomiji ta' skala u interoperabiltà ta’ strumenti u servizzi. Dan huwa l-uniku mod kif ikun żgurat li aħna nkunu nistgħu nibbenefikaw l-aħjar mill-vantaġġi soċjali u ekonomiċi offruti minn dan ir-riżors pubbliku skars f’termini ta’ spejjeż tal-operat iktar baxxi u opportunitajiet tan-negozju ikbar għall-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, iktar servizzi ta’ komunikazzjoni ta’ kwalità aħjar għall-konsumaturi u l-provvediment imtejjeb ta’ servizzi pubbliċi għaċ-ċittadini.

F’dan il-kuntest, il-proposta leġiżlattiva li qed tkun riveduta għandha l-għan li tagħmel użu ikbar mill-frekwenza 900 MHz billi tippermettilha li tintuża għal teknoloġija UMTS, teknoloġija li toffri kapaċitajiet ogħla flimkien mat-teknoloġija ta’ komunikazzjonijiet mobbli GSM. L-istudji tekniċi mwettqa minn Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet tat-Telekomunikazzjonijiet u tal-Posta (CEPT) jikkonfermaw li ż-żewġ teknoloġiji jistgħu jintużaw f’din il-frekwenza mingħajr problemi ta’ interferenza.

Hemm ukoll konsensus u sensazzjoni ta’ urġenza fost fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet mobbli rigward ix-xewqa li dan l-użu l-ġdid ta’ din il-frekwenza ikun permess, minħabba li dan jagħmel possibbli li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-użu tal-infrastruttura UMTS u li jkunu offruti iktar servizzi innovattivi għall-klijenti tagħhom bi prezz iktar raġonevoli. Għal din ir-raġuni, xi Stati Membri diġà ddeċidew li jippermettu l-użu ta’ din il-frekwenza għat-teknoloġija UMTS u qed jistennew deċiżjoni tal-Komunità sabiex huma jkunu jistgħu jimplimentawha b’garanziji legali sħaħ.

Fl-isfond ta’ dan, ir-rapporteur tista’ tikkonferma biss ix-xewqa li dan l-użu ġdid ikun permess, bil-għan li jkunu provduti iktar servizzi ta’ komunikazzjonijiet mobbli li jkunu wkoll ta' kwalità aħjar għaċ-ċittadini bi prezz iktar baxx, permezz ta' emenda għal-leġiżlazzjoni, jiġifieri b'mod kompletament trasparenti b’konsultazzjoni mal-pubbliku.

Ir-rapporteur tilqa’ b’sodisfazzjon ukoll il-fatt li, wara li l-Parlament irrifjuta l-proposta inizjali tal-Kummissjoni li din id-Direttiva tkun irrevokata u biex ikun regolat dan is-suġġett, jiġifieri l-użu tal-frekwenza 900 MHz, permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni skont il-proċedura ta’ komitoloġija, il-Kummisjoni mmodifikat il-pożizzjoni inizjali tagħha u issa qed tipproponi proċedura leġiżlattiva. Il-bilanċ istituzzjonali għalhekk reġa’ ġie kif kien, u ġiet evitata sitwazzjoni fejn dak li l-ko-leġiżlatur kien iddeċieda, jkun emendat mingħajr l-involviment tiegħu.

Il-proposta tal-Kummissjoni tinkludi wkoll emenda għad-Direttiva li tippermetti li l-frekwenza 900 MHz tinfetaħ għal użu ġodda fil-futur, b’konformità mal-iżvilupp teknoloġiku. Għalkemm din il-klawsola ta’ flessibilità hija milqugħa, mhux l-istess jista’ jingħad għall-proċedura proposta mill-Kummissjoni: il-proċedura regolatorja li teskludi l-iskrutinju effettiv mill-Parlament. Ir-rapporteur ma tantx tista’ jifhem għaliex, jekk l-ewwel bidla fl-użu tal-frekwenza qed issir permezz tal-kanal leġiżlattiv, id-deċiżjoni dwar użi sussegwenti għandhiex tevadi l-iskrutinju parlamentari.

Bil-għan li l-istrument legali jkun provdut bi grad ikbar ta’ flessibilità biex jadatta għal progress teknoloġiku ġdid mingħajr ma jxekkel l-iskrutinju parlamentari rekwiżit, ir-rapporteur qed tipproponi, bħala kompromess, li l-proċedura regolatorja bi skrutinju tintuża biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar użi ġodda għal din il-frekwenza. L-emendi proposti għandhom l-għan li jiġġustifikaw din il-proċedura ġdida, li toffri garanziji ikbar għall-iskrutinju parlamentari, fil-premessi u fl-introduzzjoni tal-artikoli.

Fil-qosor, ix-xewqa li jkun permess użu ta’ din il-frekwenza huwa appoġġjat fl-interess li jkun hemm settur tal-komunikazzjoni bil-mowbajl iktar kompetittiv li joffri iktar servizzi għaċ-ċittadini li jkunu wkoll ta’ kwalità ogħla, iżda fl-istess ħin jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jkun żgurat skrutinju parlamentari fi kwalunkwe deċiżjoni futura dwar użi addizzjonali tal-frekwenza sabiex ikunu garantiti t-trasparenza u r-rispett għall-bilanċ istituzzjonali.PROĊEDURA

Titolu

Il-firxiet ta’ frekwenza li għandhom jiġu rriżervati għall-komunikazzjonijiet mobbli

Referenzi

COM(2008)0762 – C6-0452/2008 – 2008/0214(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

19.11.2008

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ITRE

4.12.2008

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

IMCO

4.12.2008

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

IMCO

1.12.2008

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Francisca Pleguezuelos Aguilar

2.12.2008

 

 

Eżami fil-kumitat

20.1.2009

 

 

 

Data tal-adozzjoni

21.4.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

46

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Březina, Jerzy Buzek, Giles Chichester, Dragoş Florin David, Pilar del Castillo Vera, Den Dover, Lena Ek, Nicole Fontaine, Norbert Glante, Fiona Hall, Rebecca Harms, Erna Hennicot-Schoepges, Romana Jordan Cizelj, Anne Laperrouze, Pia Elda Locatelli, Eugenijus Maldeikis, Eluned Morgan, Angelika Niebler, Reino Paasilinna, Atanas Paparizov, Francisca Pleguezuelos Aguilar, Anni Podimata, Miloslav Ransdorf, Vladimír Remek, Herbert Reul, Paul Rübig, Catherine Trautmann, Claude Turmes, Nikolaos Vakalis, Adina-Ioana Vălean, Dominique Vlasto

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Ivo Belet, Göran Färm, Juan Fraile Cantón, Françoise Grossetête, Malcolm Harbour, Gunnar Hökmark, Erika Mann, Vittorio Prodi, Hannes Swoboda, Silvia-Adriana Ţicău, Vladimir Urutchev, Lambert van Nistelrooij

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Bernard Lehideux, Zita Pleštinská, Carl Schlyter

Data tat-tressiq

27.4.2009