RAPPORT dwar ir-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman fis-sena 2008
6.10.2009 - (2009/2088(INI))
Kumitat għall-Petizzjonijiet
Rapporteur: Chrysoula Paliadeli
PR_INI_AnnOmbud
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar ir-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman fis-sena 2008
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman fis-sena 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 195 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman[1],
– wara li kkunsidra l-ftehima ta' qafas dwar il-koperazzjoni li ġiet konkluża bejn il-Parlament Ewropew u l-Ombudsman fil-15 ta' Marzu 2006, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' April 2006,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Ottubru 2005 bit-titolu "Il-poter tal-adozzjoni u t-trażmissjoni ta' komunikazzjonijiet lill-Ombudsman Ewropew u l- awtorizzazzjoni lill-impjegati tal-gvern biex jidhru quddiem l-Ombudsman Ewropew" (SEC(2005)1227),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2008 li temenda d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tad-9 ta' Marzu 1994 dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet ta' l-Ombudsman[2],
– wara li kkunsidra r-reviżjoni mill-Ombudsman tad-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tiegħu sabiex dawn jirriflettu l-bidliet li saru fl-Istatut u li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2009,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 205(2), it-tieni u t-tielet sentenza, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7‑0020/2009),
A. billi r-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2008 inbagħat uffiċjalment lill-President tal-Parlament Ewropew fl-21 ta' April 2009 u billi l-Ombudsman Ewropew, is-Sur Nikiforos Diamandouros, ippreżenta r-rapport tiegħu lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi Strasburgu fid-14 ta' Settembru 2009,
B. billi l-Artikolu 41 tal-karta tad-Drittijiet Fundamentali jgħid illi: 'Kull persuna għandha d-dritt li jkollha l-affarijiet tagħha trattati b'mod imparzjali, b'mod ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni',
C. billi l-Artikolu 43 tal-Karta jistipula: ''Iċ-ċittadini ta' l-Unjoni, u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrisjedu jew li jkollhom l-uffiċċju tagħhom reġistrat fi Stat Membru għandhom d-dritt li jirrikorru għand l-Ombudsman ta' l-Unjoni f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta' l-Istituzzjonijiet jew tal-korpi tal-Komunitá, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti ta' Prim' Istanza meta jkunu qed jaġixxu fir-rwol ġudizzjarju tagħhom'',
D. billi huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej jagħmlu użu sħiħ mir-riżorsi neċessarji sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom biex jiżguraw li ċ-ċittadini jirċievu tweġiba konkreta fi żmien qasir għat-talbiet, l-ilmenti u l-petizzjonijiet tagħhom,
E. billi, għalkemm għaddew tmien snin mill-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-6 ta' Settembru 2001[3] li tapprova l-Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba tal-Ombudsman, l-istituzzjonijiet ewlenin l-oħra għadhom ma ssodisfawx it-talba urġenti tal-Parlament li jikkonformaw il-prattika tagħhom mad-dispożizzjonijiet ta' dak il-kodiċi,
F. billi fl-2008 l-Ombudsman irreġistra 3 406 ilment apparagun mat-3 211 ilment fl-2007, u billi kien hemm 802 ilmenti, apparagun mat-807 fl-2007, li nstabu li kienu jaqgħu fl-ambitu tal-mandat tal-Ombudsman,
G. billi r-riżultati tat-355 inkjesta mitmuma, li minnhom 352 kienu marbuta ma' ilmenti u 3 kienu investigazzjonijiet proprji, juru li f'110 każi, (li huma ekwivalenti għal 31% tal-ilmenti investigati) ma ġiet aċċertata l-ebda amministrazzjoni ħażina,
H. billi f’129 każ (36% tat-total) li ngħalqu fis-sena 2008, l-istituzzjoni inkwistjoni aċċettat soluzzjoni bonarja jew solviet il-kwistjoni fi żmien ġimgħatejn, u billi dan juri rieda qawwija min-naħa tal-istituzzjonijiet u l-korpi li jqisu l-ilmenti li jaslu għand l-Ombudsman bħala opportunità biex jiġu solvuti żbalji li jknu saru u biex jikkoperaw mal-Ombudsman għall-benefiċċju taċ-ċittadini,
I. billi fl-2008 kien hemm 4 każi li ngħalqu wara li nstabet soluzzjoni bonarja, u billi fi tmiem l-2008, kienu għadhom qed jiġu kkunsidrati 25 proposta għal soluzzjoni bonarja,
J. billi n-nuqqas ta’ trasparenza kienet l-iżjed allegazzjoni komuni ta’ amministrazzjoni ħażina li ġiet ittrattata mill-Ombudsman fl-2008 36% tal-każi miftuħa),
K. billi fl-2008 l-Ombudsman għamel użu iktar wiesa' minn proċeduri iktar informali biex isolvi l-problemi iżjed malajr, u billi dan jixhed kemm l-Ombudsman huwa rrispettat u kemm l-istituzzjonijiet huma lesti jgħinu liċ-ċittadini,
L. billi fl-2008 l-Ombudsman għalaq 44 inkjesta b'kummenti kritiċi, u billi kumment kritiku minnhom jikkonferma li l-ilment kien iġġustifikat u jindika lill-istituzzjoni jew lill-korp inkwistjoni x’kien sar ħażin, sabiex tiġi evitata amminstrazzjoni ħażina fil-ġejjieni,
M. billi huwa proprju bil-għan li tittejjeb il-ħidma tal-istituzzjonijiet fil-ġejjien li l-Ombudsman għamel użu iżjed wiesa' mir-rimarki ulterjuri li bihom jidentifika opportunità li jsaħħaħ il-kwalità tal-amministrazzjoni, u billi fl-2008 b'kollox saru rimarki ulterjuri f'41 każ,
N. billi fl-2008 nħarġu 23 abbozz ta' rakkomandazzjoni, li 8 minnhom ġew aċċettati mill-istituzzjoni inkwistjoni, u billi 4 abbozzi ta' rakkomandazzjoni mis-sena 2007 wasslu biex tittieħed deċiżjoni fl-2008,
O. billi fl-2008 l-Ombudsman ressaq rapport speċjali wieħed dwar amministrazzjoni ħażina lill-Parlament Ewropew, u billi t-tressiq ta' rapport speċjali lill-Parlament jirrappreżenta mezz importanti li bih l-Ombudsman jista' jfittex l-appoġġ politiku tal-Parlament u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu sabiex jingħata sodisfazzjon liċ-ċittadini li d-drittijiet tagħhom ma jkunux ġew irrispettati, kif ukoll biex ikun hemm promozzjoni tat-titjib tal-istandards tal-amministrazzjoni tal-UE,
P. billi la l-kummenti kritiċi fid-deċiżjonijiet li jagħlqu każijiet irrimedjabbli ta' amministrazzjoni ħażina, u lanqas rakkomandazzjonijiet jew rapporti speċjali mill-Ombudsman m'għandhom effett li jorbot ġuridikament, peress li s-setgħat tiegħu ma jestendux għal istanzi ta' rimedju dirett ta' amministrazzjoni ħażina, iżda huma maħsuba bħala inkuraġġiment biex l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea jirranġaw l-iżbalji tagħhom stess,
Q. billi, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Nizza, il-Parlament ingħata l-istess dritt daqs l-Istati Membri, il-Kunsill u l-Kummissjoni li jibda azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fuq bażi ta' nuqqas ta' kompetenza, ksur ta' rekwiżiti proċedurali essenzjali, ksur tat-Trattat KE jew ta' kwalunkwe liġi relatata mal-applikazzjoni tiegħu, jew inkella ta' użu ħażin ta' setgħat,
R. billi l-kummenti kritiċi rigward l-amministrazzjoni ħażina espressa mill-Ombudsman fir-rapport 2008 (kummenti kritiċi, abbozz ta' rakkomandazzjonijiet u rapport speċjali) jistgħu jservu ta' bażi biex tiġi evitata ripetizzjoni tal-iżbalji u n-nuqqasijiet fil-ġejjieni permezz tal-implimentazzjoni ta' miżuri adegwati mill-istituzzjonijiet u minn korpi oħra tal-Unjoni Ewropea,
S. billi l-koperazzjoni stabbilita mill-Ombudsman fi ħdan in-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, għal aktar minn għaxar snin taħdem bħala sistema flessibbli għall-iskambju ta' informazzjoni u ta' prattika tajba u bħala mezz biex il-persuni li għandhom ilment jiġu indirizzati lil Ombudsman jew lil korpi oħra simili li jkunu jistgħu jgħinuhom,
T. billi l-irwol tal-Ombudsman bħala protettur tal-interessi taċ-ċittadini Ewropej fir-relazzjonijiet tagħhom mal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea evolva tul 14-il sena minn meta ġie stabbilit l-uffiċċju, bis-saħħa tal-awtonomija tal-Ombudsman u għall-iskrutinju demokratiku tal-Parlament Ewropew fuq it-trasparenza tal-attivitajiet tiegħu,
U. billi l-attivitajiet tal-Ombudsman u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandhom jibqgħu separati u – bħala regola ġenerali, maħsuba biex jiġu evitati kunflitti potenzjali fir-rigward tal-prerogattivi rispettivi tagħhom – għandhom jinkludu riferimenti reċiproċi għall-fajls rispettivi tagħhom,
1. 1. Japprova r-rapport annwali għas-sena 2008 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew, u japprezza l-istruttura konsolidata tiegħu ta' valutazzjoni fil-qosor tal-attivitajiet li saru b'ħarsa ġenerali lejn l-ilmenti u l-inkjesti u l-analiżi tematika tad-deċiżjonijiet, li tkopri l-iktar konklużjonijiet sinifikanti ta' liġi u ta' fatt li jinsabu fid-deċiżjonijiet tal-Ombudsman fl-2008, kif ukoll tal-problemi li hemm fil-fażijiet differenti tal-proċedura;
2. Iqis li bil-preżentazzjoni aktar ċara tad-data statistika, inklużi l-metodu l-ġdid ta' kalkolu u l-format il-ġdid tiegħu, ir-rapport sar jinftiehem aħjar, sar aktar aċċessibbli u sar iżjed faċli biex jinqara;
3. Jistieden lill-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE biex ikunu mogħnija bir-riżorsi tal-baġit u r-riżorsi umani meħtieġa sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini jirċievu tweġiba konkreta fi żmien qasir għat-talbiet, l-ilmenti u l-petizzjonijiet tagħhom;
4. Iqis li l-Ombudsman kompla jeżerċita l-poteri tiegħu b'mod attiv u ekwilibrat, kemm f'dak li jirrigwarda l-eżami u t-trattament tal-ilmenti u kemm fl-iżvilupp u l-konklużjoni tal-investigazzjonijiet u fil-manteniment ta' rapporti kostruttivi mal-istituzzjonijiet u mal-korpi tal-Unjoni Ewropea u fit-tħeġġiġ taċ-ċittadini biex jużaw id-drittijiet tagħhom fir-rigward ta' dawk l-istituzzjonijiet u l-korpi;
5. Jitlob lill-Ombudsman biex ikompli l-isforzi tiegħu biex iżid l-għarfien dwar il-ħidma tiegħu u għall-promozzjoni tal-attivitajiet tiegħu b'mod effettiv u trasparenti;
6. Iqis li t-terminu 'amministrazzjoni ħażina' għandu jibqa' jiġi interpretat b'mod estensiv, sabiex jiftiehem li jirreferi mhux biss għall-attività amministrattiva illeġittima jew għall-ksur ta' regola jew ta' prinċipju li jorbot, imma anki għal każi ta' nuqqas ta' azzjoni, negliġenza fir-rigward taċ-ċittadini jew nuqqas ta' trasparenza jew ta' ksur ta' prinċipji oħra ta' amministrazzjoni tajba min-naħa tal-awtoritajiet amministrattivi;
7. Iqis l-irwol ta' l-Ombudsman li jsaħħaħ it-trasparenza u r-responsabilità fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni u tal-amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea bħala kontribut essenzjali lejn Unjoni fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu 'bl-aktar mod miftuħ u l-eqreb taċ-ċittadin kemm jista' jkun', kif stabbilit fl-Artikolu 1(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;
8. Ifakkar it-talba tiegħu, li huwa esprima fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, sabiex l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE jadottaw approċċ komuni fir-rigward tal-Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba;
9. Jinnota li l-Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba propost mill-Ombudsman, kif approvat mill-Parlament fis-6 ta' Settembru 2001, iservi ta’ gwida u riżorsa għall-istaff tal-istituzzjonijiet u tal-korpi Komunitarji kollha, u jinnota li dan ġie aġġornat regolarment u ppubblikat fuq il-websajt tal-Ombudsman, b'differenza mill-kodiċijiet l-oħra;
10. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni tal-Istatut tal-Ombudsman, b'mod partikolari s-setgħat imsaħħa ta' investigazzjoni tal-Ombudsman, li se jgħinu biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkun jista' jkollhom fiduċja sħiħa fl-abilità tiegħu li jwettaq investigazzjoni dettaljata tal-ilmenti tagħhom mingħajr restrizzjonijiet;
11. 10. Jisħaq fuq il-bżonn li jingħata kontribut għall-fehim pubbliku tad-dmirijiet tal-Ombudsman billi jingħata t-tagħrif rilevanti liċ-ċittadini, lill-kumpaniji, lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u lil korpi oħra, u jqis li informazzjoni preċiża ta' kwalità għolja li tkun tinftiehem malajr tista’ tgħin biex jonqos l-għadd ta' ilmenti li ma jaqgħux taħt il-mandat tal-Ombudsman;
12. Iqis li, minkejja li hija ġġustifikata, iċ-ċifra tal-ilmenti inammissibbli għadha mhix sodisfaċenti, u fid-dawl ta' dan jirrakkomanda li ssir kampanja ta' informazzjoni kontinwa fost iċ-ċittadini Ewropej li tkun imfassla biex iżżid l-għarfien tal-funzjonijiet u l-kompetenzi tal-membri tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen;
13. Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Ombudsman biex itejjeb il-ħidma tal-istituzzjonijiet u l-isforzi tiegħu li huma maħsuba biex ikompli jqassar it-tul medju tal-istħarriġ tiegħu li bħalissa jgħodd 13-il xahar;
14. Jilqa' b'sodisfazzjon il-koperazzjoni kostruttiva bejn l-Ombudsman u l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE u jappoġġjah fl-irwol tiegħu ta' mekkaniżmu ta' kontroll estern kif ukoll bħala sors prezzjuż ta' titjib kontinwu fl-amministrazzjoni Ewropea;
15. Jilqa' l-iffirmar ta' Memorandum ta' Fehim bejn l-Ombudsman u l-Bank Ewropew għall-Investiment tad-9 ta' Lulju 2008 u l-ftehima mill-aġenziji tal-Unjoni li jadottaw il-Kodiċi Ewropew ta' Mġiba Amministrattiva Tajba fir-relazzjonijiet tagħhom maċ-ċittadini;
16. Jistieden lill-Ombudsman biex iżomm dritt ta' osservazzjoni u biex jiżgura li l-Kummissjoni tuża b'mod tajjeb il-poteri ta' diskrezzjoni tagħha biex tagħti bidu għal proċedura ta' ksur skont l-Artikolu 226 tat-Trattat KE jew li tipproponi penalitajiet skont l-Artikolu 228 tat-Trattat KE, filwaqt li toqgħod attenta li tevita dewmien jew nuqqas ta' azzjoni li ma jkunx iġġustifikat, li huma inkompatibbli mal-poteri tal-Kummissjoni għas-sorvlejanza tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE, u jitlob li huwa jkompli jikkoopera f'dan is-sens mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet;
17. Itenni li huwa tal-fehma li, jekk istituzzjoni tirrifjuta li ssegwi rakkomandazzjoni li tkun tinsab f'rapport speċjali mill-Ombudsman, minkejja li l-Parlament ikun approva r-rakkomandazzjoni, il-Parlament jista' b'mod leġittimu juża l-poteri tiegħu biex jieħu azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-att jew tan-nuqqas li kien soġġett għar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman; jistieden lill-kumitat responsabbli mir-Regoli ta' Proċedura biex jipproponi dispożizzjonijiet xierqa sabiex jiddaħlu fir-Regoli, għall-bidu ta' din l-azzjoni;
18. Jinnota li l-Ombudsman ippreżenta rapport speċjali li fih ikkritika l-Kummissjoni talli naqset milli tiġġustifika b'mod xieraq il-mod kif ittrattat l-interpreti freelance tal-konferenza awżiljari li għandhom iktar minn 65 sena, li dwarhom il-Parlament kien adotta riżoluzzjoni fil-5 ta’ April 2009[4];
19. Iqis li meta l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li jaġixxu fil-qafas tal-mandati u l-kompetenzi rispettivi tagħhom, jinvestigaw kwistjonijiet li jkopru l-kampijiet ta' xulxin, bħal, pereżempju, il-mod kif il-Kummissjoni min-naħa waħda tmexxi proċedura ta' ksur u min-naħa l-oħra l-ksur tal-liġi nnifsu, huma jistgħu jilħqu sinerġija aktar utli permezz ta' koperazzjoni mill-qrib;
20. Jilqa' r-relazzjoni eċċellenti bejn l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi ħdan l-oqfsa istituzzjonali f'dak li jirrigwarda r-rispett reċiproku tal-kompetenzi u l-prerogattivi;
21. Jirrikonoxxi l-kontribut utli li ta n-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa membru tiegħu, b’mod konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, fl-iżgurar ta’ rimedji mhux ġudizzjarji; jilqa' b'sodisfazzjon il-kollaborazzjoni bejn l-Ombudsman Ewropew u l-ombudsmen u organi simili f'livelli nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri, u jħeġġeġ biex jissaħħaħ aktar l-iskambju tal-aħjar prattika, biex b'hekk l-aħjar prattiki jkunu jistgħu jitferrxu malajr fost l-Istati Membri;
22. Jilqa' l-pubblikazzjoni fil-websajt tal-Ombudsman fl-2008 ta’ żewġ studji dwar is-segwitu mogħti mill-istituzzjonijiet inkwistjoni rigward ir-rimarki kritiċi u ulterjuri li saru fl-2006 u fl-2007;
23. Jinkuraġġixxi lill-Ombudsman biex ikompli jagħmel enfasi huwa stess fuq avvenimenti li jinvolvu l-informazzjoni għaċ-ċittadini u, għalhekk, ilmenti potenzjali, peress li d-dimarkazzjoni tar-responsabilitajiet u l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet bejn il-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjonali għadhom ikkumplikati wisq għaċ-ċittadin u għan-negozji;
24. Jilqa' b'sodisfazzjon il-kampanja mtejba ta' informazzjoni mħeġġa mill-istrateġija ta' komunikazzjoni adottata mill-Ombudsman li twassal għal għarfien aħjar tad-drittijiet taċ-ċittadini u tal-kompetenzi tal-Komunità, kif ukoll għal fehim ikbar tal-ambitu tal-kompetenza tal-Ombudsman;
25. Jinnota li kull istituzzjoni għandha l-websajt tagħha fejn jistgħu jsiru lmenti, petizzjonijiet etċ, u li dan jista' jkun ta’ frustrazzjoni għaċ-ċittadini li jkunu jeħtieġu jiddistingwu bejn istituzzjonijiet differenti; għalhekk jappoġġja l-iżvilupp ta' manwal interattiv imfassal biex jgħin liċ-ċttadini fl-identifikazzjoni tal-awtorità li tkun l-aktar xierqa biex ssolvi l-problemi tagħhom;
26. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-websajt il-ġdida tal-Ombudsman u jqisha bħala tweġiba tabilħaqq sostanzjali għal din il-kwistjoni;
27. Jissuġġerixxi li din l-idea tkompli tiġi żviluppata, u li titfassal websajt komuni għall-istituzzjonijiet Ewropej biex tgħin liċ-ċittadini u twassalhom direttament għand l-istituzzjoni li tkun kompetenti biex tisma' l-ilment tagħhom, u b’hekk jitnaqqas l-għadd ta' ilmenti mhux ammissibbli li jsiru lill-Ombudsman Ewropew;
28. Jappella lill-Ombudsman Ewropew biex jimpenja ruħu li jgħaddi b'mod dirett, wara li jikseb il-kunsens ta' min ikun ressaq l-ilment, kull ilment li jaqa’ fl-ambitu tal-kompetenza ta' ombudsman nazzjonali jew reġjonali;
29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Ombudsman Ewropew u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-ombudsmen tagħhom jew lill-entitajiet simili kompetenti.
- [1] ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.
- [2] ĠU L 189, 17.7.2008, p. 25.
- [3] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Settembru 2001 dwar ir-Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew lill-Parlament Ewropew wara inkjesta fuq inizjattiva proprja dwar l-eżistenza u l-aċċessibilità pubblika ta' Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità (ĠU C 72 E, 21.3.2002, p. 331).
- [4] Testi adottati, P6_TA(2009)0340.
NOTA SPJEGATTIVA
Daħla
Ir-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew tal-2008 ntbagħat uffiċjalment lill-President tal-Parlament Ewropew Hans-Gert Pöttering fil-21 ta' April u 2008 u l-Ombudsman Ewropew, is-Sur Nikiforos Diamandouros, ippreżenta r-rapport tiegħu lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-14 ta' Settembru 2009.
Ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali tajba lejn l-attivitajiet tal-Ombudsmand f'din l-aħħar sena. Ir-riżultati tal-inkjesti varji huma ppreżentati b'mod ċar bl-użu ta' eżempji u huma maqsuma f'kategoriji bħan-natura tal-allegata amministrazzjoni ħażina jew l-istituzzjoni kkonċernata. Bil-preżentazzjoni l-ġdida tad-data statistika u l-format il-ġdid tiegħu r-rapport sar jinfthiem ħafna iżjed mir-rapporti preċedenti. Ir-rapport fih ukoll taqsima ġdida ta’ Ħarsa Ġenerali 2008 ta' sitt paġni. Il-pubblikazzjoni l-ġdida tirreġistra l-iżjed riżultati importanti li nkisbu fl-ilmenti u jiddeskrivi l-kwistjonijiet politiċi ewlenin li ġew ikkunsidrati tul is-sena li għaddiet.
Ilmenti u inkjesti
Fl-2008 l-Ombudsman irreġistra 2404 ilmenti apparagun mat-3211 fl-2007. Dan jirrappreżenta żieda ta’ 6% apparagun mal-2007. 802 ilmenti nstabu li kien jaqgħu fl-ambitu tal-mandat tal-Ombudsman. 288 minnhom kienu ddikjarati ammissibbli iżda ma kien hemm ebda bażi biex tinfetaħ inkjesta dwarhom, u nfetħu 293 inkjesta abbażi tal-ilmenti. Kien hemm 281 ilmenti li ġew iddikkjarati inadmissibbli.
Il-biċċa l-kbira ta' dawn l-inkjesti kien jirrigwardaw l-Kummissjoni Ewropea (66%). Tressqu wkoll ilmenti li kienu jirrigwardaw l-amministrazzjoni tal-Parlament Ewropew (10%), l-Uffiċju tal-Għażla tal-Persunal Ewropew EPSO (7%), il-Kunsill (3%) u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi OLAF (2%). Kien hemm ukoll 37 inkjesta oħra (13%) li involvew għoxrin istituzzjoni u korpi tal-UE.
L-iżjed allegazzjoni komuni ta’ amministrazzjoni ħażina kienet in-nuqqas ta' trasparenza (36% tal-inkjesti), li inkludiet ir-rifjut ta' informazzjoni jew dokumenti. Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet wera tħassib dwar l-għadd kbir ta' dawn l-inkjesti, minħabba li amministrazzjoni tal-UE responsabbli u trasparenti hija xi ħaġa deċiżiva fil-bini tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-UE.
Fl-2008 ngħalaq numru rekord ta’ inkjesti. Il-biċċa l-kbira tagħhom ingħalqu f’inqas minn sens (52%) u terz minnhom (36%) ingħalqu fi żmien tliet xhur. 352 minnhom kellhom x’jaqsmu ma’ ilmenti u 3 kienu inkjesti fuq inizjattiva proprja.
F’110 każi l-inkjesta sabet li ma kien hemm l-ebda amministrazzjoni ħażina. Din is-sejba mhix neċessarjament riżultat negattiv għal min ikun ressaq l-ilment, minħabba li l-persuna inkwistjoni tingħata spjegazzjoni mill-istituzzjoni jew il-korp ikkonċernat, u jista' jkun hemm ukoll opportunità li jiġi identifikat titjib potenzjali fil-kwalità tal-amministrazzjoni pprovduta mill-istituzzjoni jew mill-korp.
Matul l-2008, 129 tal-każi (36%) ssolvew mill-istituzzjoni jew mill-korp inkwistjoni b'mod sodisfaċenti għal min ressaq l-ilment. Dawn il-każi ssolvew mill-istituzzjoni jew intlaħaq qbil dwar soluzzjoni bonarja. Dan jirrifletti rieda dejjem tikber biex l-ilmenti li jsiru lill-Ombudsman jitqiesu bħala opportunità biex jissewew l-iżbalji li jkunu saru u biex ikun hemm koperazzjoni mal-Ombudsman għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej. Fir-Rapport annwali tiegħu l-Ombudsman isemmi 8 każi[1] li jikkonsistu f'eżempji ċari tal-aqwa prattika. Dawn il-każi jservu bħala mudell għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE f’termini ta’ kif għandha tkun l-aħjar reazzjoni għall-kwistjonijiet li jqajjem l-Ombudsman.
F’xi każi, tkun tista' tinstab soluzzjoni bonarja jekk l-istituzzjoni jew il-korp inkwistjoni joffri kumpens lil min ikun ressaq l-ilment. Kull offerta bħal din issir ex gratia, jiġifieri mingħajr l-ammissjoni ta' responsabilità legali u bla ma jinħoloq preċedent legali. Eżempju ta’ dan huwa l-każ 1162/2007/FOR, fejn il-Kunsill qabel li joħroġ pagament ex gratia ta’ 1000 euro bħala rikonoxximent tal-inkonvenjenza u l-istress li kienet ġarrbet il-persuna li ressqet l-ilment.
Meta ma jkunx possibbli li tinstab soluzzjoni, l-Ombudsman jagħlaq il-każ b’rimarka kritika jew inkella jagħmel abbozz ta’ rakkomandazzjoni. Kumment kritiku jikkonferma li l-ilment ikun iġġustifikat u jindika lill-istituzzjoni jew lill-korp ikkonċernat xi jkun għamel ħażin, sabiex tiġi evitata amminstrazzjoni ħażina fil-ġejjieni, Fl-2008 l-Ombudsman għalaq 44 inkjesta b’rimarki kritiċi.
L-Ombudsman ikkritika lill-Parlament Ewropew għax fl-2005 kien irrifjuta talba minn ġurnalist għal informazzjoni dwar il-benefiċċji finanzjarji mħallsa lill-ħames MEPs Maltin, minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data. Il-ġurnalist ressaq ilment lill-Ombudsman u fih argumenta li dawk li jħallsu t-taxxi għandhom kull dritt ikunu jafu kif l-MEPs jonfqu l-flus pubbliċi. Wara li kkonsulta mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, li qabel mal-pożizzjoni tiegħu, l-Ombudsman talab lill-Parlament jiżvela l-informazzjoni mitluba, fid-dawl tad-dritt legali tal-pubbliku li jkollu aċċess għal dawn id-dokumenti. Il-Parlament baqa' jiċħad din it-talba. Madankollu, il-Parlament kien ħabbar li kien ser jippubblika informazzjoni ġenerali dwar il-benefiċċji finanzjarji tal-MEPs fil-websajt tiegħu, u alluda għall-possibilità li jerġa’ jikkunsidra s-sitwazzjoni fl-2009. L-Ombudsman ħareġ rimarka kritika u wera dispjaċir minħabba li l-Parlament ma kkonformax mal-liġi kif interpretata mill-Qorti ta' Prim Istanza. Madankollu l-Ombudsman laqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Parlament li jgħarraf aħjar lill-pubbliku dwar il-benefiċċji finanzjarji permezz tal-websajt tiegħu.
Huwa importanti li l-istituzzjonijiet u l-korpi jsegwu r-rimarki ta' kritika li jsiru mill-Ombudsman, billi jieħdu azzjoni biex isolvu l-problemi pendenti u b'hekk jevitaw li jkun hemm amministrazzjoni ħażina fil-ġejjieni. Kien proprju bil-għan li jkun żgurat li l-istituzzjonijiet u l-korpi jitgħallmu mill-iżbalji tagħhom u li jkunu evitati każi ta' amministrazzjoni ħażina li, fl-2009, l-Ombudsman ippubblika fuq il-websajt tiegħu żewġ studji dwar is-segwitu li għamlu żewġ istituzzjonijiet involuti għall-kummenti kritiċi kollha miktuba fl-2006 u fl-2007.
Meta jkun possibbli li l-istituzzjoni kkonċernata tneħħi l-episodju ta' amministrazzjoni ħażina, jew f’każi fejn l-amministazzjoni ħażina tkun partikularment serja jew ikollha implikazzjonijiet ġenerali, normalment l-Ombudsman iħejji abbozz ta' rakkomandazzjoni għall-istituzzjonijiet jew il-korpi involuti, li għandhom iwieġbu għalih permezz ta' opinjoni dettaljata fi żmien tliet xhur. Fl-2008 saru tmien abbozzi ta’ rakkomandazzjoni.
Jekk istituzzjoni jew korp jonqos milli jwieġeb b’mod sodisfaċenti għall-abbozz ta' rakkomandazzjoni, l-Ombudsman jista' jibgħat rapport speċjali lill-Parlament Ewropew. Din hija l-aħħar karta u l-aħħar pass sostanzjali li jista' jieħu meta jkun qed jittratta każ, minħabba li l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni u l-eżerċitar tas-setgħat tal-Parlament huma kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-ġudizzju politiku tal-Parlament.
Fl-2008 l-Ombudsman ressaq rapport speċjali wieħed lill-Parlament, u fih ikkritika lill-Kummissjoni dwar diskriminazzjoni abbażi tal-età ma' interpreti freelance, li dwaru l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, flimkien mar-rapporteur Miguel Angel Martínez Martínez, fassal rapport u adotta riżoluzzjoni fil-5 ta’ Mejju 2009[2].
L-Ombudsman nieda wkoll tliet inkjesti fuq l-inizjattiva proprja tiegħu. Żewġ każi minnhom tressqu minn persuna mhux awtorizzata (jiġifieri, persuna li la hija ċittadina, la residenta tal-Unjoni u lanqas persuna ġuridika li għandha uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru). It-tielet każ involva l-użu tas-setgħa ta’ inizjattiva proprja tal-Ombudsman li jittratta dik li dehret li kienet problema sistematika li tirrigwarda s-Sistema ta’ Allarm Bikri tal-Kummissjoni Ewropea (OI/3/2008/FOR).
Fl-2008, l-Ombudsman ikkonkluda inkjesta fuq inizjattiva proprja dwar il-puntwalità tal-pagamenti tal-Kummissjoni. L-inkjesta tnediet għat-tieni darba f’Diċembru 2007 u żvelat li d-dewmien fil-pagamenti baqgħet problema serja. Filwaqt li l-Ombudsman faħħar il-miżuri li diġà ħadet il-Kummissjoni biex tnaqqas id-dewmien fil-pagamenti, huwa talabha tagħmel iżjed progress, b’mod speċjali fit-rigward tal-kuntratturi li jkunu iżjed vulnerabbli bħaċ-ċittadini individwali jew l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet żgħar u ta’ daqs medju. L-Ombudsman ħabbat li kien ser jagħmel inkjesta ġdida kmieni fl-2009.
Bħala alternattiva għall-ftuħ ta' inkjesta bil-miktub dwar il-possibilità ta’ amministrazzjoni ħażina, u bil-għan li jsolvi l-problema rilvanti malajr kemm jista’ jkun, l-Ombudsman juża proċeduri informali u flessibbli, dejjem bil-qbil u l-koperazzjoni tal-istituzzjoni jew il-korp involut. Matul l-2008, ġew solvuti 100 każ u wieħed wara li l-intervent tal-Ombudsman irnexxielu jikseb tweġiba rapida għal korrispondenza mhux imwieġba.
Il-Prijoritajiet tal-Ombudsman Ewropew
Il-prijoritajiet prinċipali tal-Ombudsman Ewropew huma li jiżgura li jiġu rispettati d-drittijiet taċ-ċittadini skont il-liġi tal-UE f'kull livell tal-Unjoni u li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE jikkonformaw mal-ogħla standards ta' amministrazzjoni.
L-Ombudsman kompla fl-isforzi tiegħu biex itejjeb il-kwalità tal-informazzjoni provduta liċ-ċittadini u l-ilmenti possibbli rigward id-drittijiet tagħhom skont il-liġi tal-UE speċjalment permezz tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen. In-Netwerk, li jinkludi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, jikkonsisti f'madwar 90 uffiċċju f'31 pajjiż. Wieħed mill-għanijiet tan-Netwerk huwa li jiffaċilita t-trasferiment mgħaġġel tal-ilmenti lill-Ombudsman ta' kompetenza jew lil korp ieħor simili. Matul l-2008, l-Ombudsman ta parir lil 888 persuna biex jirrikorru għand ombudsman nazzjonali jew reġjonali, u rrifera 191 ilment għand il-Kumitat għall-Petizzjonijiet. F;xi każi, l-Ombudsman iqis xieraq li jittrasferixxi l-ilment lill-Kummissjoni jew lil SOLVIT, li huwa netwerk imwaqqaf mill-Kummissjoni biex jgħin persuni li jkunu qed iħabbtu wiċċhom ma’ xkiel fl-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom fis-suq intern tal-UE. Qabel ma jittrasferixxi ilment jew jagħti xi parir lil min ikun ressaq l-ilment, is-servizzi tal-Ombudsman jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex jiżguraw li jingħata l-iżjed parir xieraq.
L-Ombudsman jinsisti biex jiżgura li ċerti istituzzjonijiet u korpi tal-UE jadottaw approċċ li jpoġġi ċ-ċittadin fiċ-ċentru tal-attivitajiet kollha tagħhom billi jfittex kull opportunità li jikseb soluzzjonijiet bonarja għall-ilmenti u billi jniedi aktar inkjesti fuq inizjattiva proprja bil-għan li jidentifika l-problemi u jinkuraġġixxi l-aħjar prattika. Biex jippromwovi l-għanijiet tiegħu l-Ombudsman ikompli jiżviluppa kuntatti mal-Membri u l-uffiċjali fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE bil-għan li jippromwovi l-kultura tas-servizzi fl-amministrazzjoni tal-UE
Fid-dawl tal-importanza li jkun żgurat li dawk li jista' jkollhom problemi minħabba l-amministrazzjoni tal-UE jkunu jafu dwar id-dritt tagħhom li jressqu ilment lill-Ombudsman, fl-2008 saru 75 preżentazzjoni mill-Ombudsman u l-impjegati tiegħu f’konferenzi, seminars u laqgħat. L-Ombudsman għamel ukoll żjarat ta’ informazzjoni f’Ċipru, fil-Greċja, fil-Latvja u fil-Litwanja sabiex jippromwovi l-għarfien tal-irwol tal-Ombudsman f’dawn il-pajjiżi. Huwa ħa sehem ukoll f'sitt konferenzi stampa u kellu iżjed minn 30 intervista, u nħarġu 17-il stqarrija għall-istampa li tqassmu lill-ġurnalisti u lill-partijiet interessati mal-Ewropa kollha.
Fost il-pubblikazzjonijiet partikularment interessanti li nħarġu u tqassmu fl-2008, kien hemm gwida ġdida dwar il-ħidma tal-Ombudsman, li nkitbet bi 23 lingwa uffiċjali tal-UE. Din il-pubblikazzjoni tqassmet lill-partijiet interessati ewlenin u lill-pubbliku inġenerali.
Matul l-2008 l-websajt tal-Ombudsman ġiet aġġornata b’mod regolari sabiex din issir servizz modern, dinamiku u interattiv li jevolvi l-ħin kollu għaċ-ċittadini. Il-websajt il-ġdida tnediet fil-bidu tal-2009.
Konklużjoni
Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jħeġġeġ lill-Ombudsman biex ikompli jaħdem mal-istituzzjonijiet biex jippromwovi l-amministrazzjoni tajba u l-kultura tas-servizzi u biex iżid l-isforzi tal-komunikazzjoni, ħalli ċ-ċittadini li jkunu jeħtieġu jużaw is-servizzi tiegħu jkunu informati sewwa dwar kif għandhom jagħmlu dan.
Wara l-adozzjoni, fit-18 ta' Ġunju 2008 tar-rapport dwar Deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni tiegħu 94/262/ECSC, KE, Euratom tad-9 ta' Marzu 1994 dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman[3], li kienu proposti mill-Ombudsmant fl-2006, il-Parlament qabel li jkun hemm żieda kwalitattiva fil-poteri tal-Ombudsman mingħajr ma tintlaqat in-natura tal-kompetenzi tiegħu jew l-effett mhux finali tad-deċiżjonijiet tiegħu. Bl-appoġġ tagħhom għall-bidliet ipproposti, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet urew il-fiduċja tagħhom fil-ħidma tal-Ombudsman u fl-isforzi tiegħu biex itejjeb is-servizz li jista' jipprovdi liċ-ċittadini, u b'hekk saħħew il-fiduċja tagħhom fl-Unjoni Ewropea u fl-istituzzjonijiet tagħha.
- [1] Każi OI/5/2005/PB (EPSO), 754/2007/BU (OLAF), 2448/2008/WP (ECJ), 3490/2005/(ID)PB (EC), 3784/2006/FOR (EC), 2672/2008/VL (EC), 1162/2997/FOR (Council) u 893/2006/BU (EASA).
- [2] P6_TA(2009)0340.
- [3] A6-0076/2008
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
1.10.2009 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
19 0 1 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Margrete Auken, Simon Busuttil, Bairbre de Brún, Pascale Gruny, Roger Helmer, Peter Jahr, Lena Barbara Kolarska-Bobińska, Miguel Angel Martínez Martínez, Erminia Mazzoni, Willy Meyer, Mariya Nedelcheva, Chrysoula Paliadeli, Ernst Strasser, Csaba Sándor Tabajdi, Diana Wallis, Angelika Werthmann |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Sandrine Bélier, Kinga Göncz, Gerald Häfner |
|||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Pablo Arias Echeverría |
|||||