RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Marek Siwiec
8.10.2009 - (2009/2067(IMM))
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Diana Wallis
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Marek Siwiec
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Marek Siwiec, imressqa mill-Prosekutur Ġenerali Pollakk fis-27 ta’ Settembru 2006, u mħabbra fis-seduta plenarja tal-10 ta’ April 2008,
– wara li sema' lil Marek Siwiec bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regola ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, tat-8 ta’ April 1965, kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta’ Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta' Mejju 1964 u tal-10 ta' Lulju 1986[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja tat-2 ta' April 1997,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 7b(1) tal-Liġi Pollakka tad-9 ta' Mejju 1996 dwar it-twettiq tal-mandat ta' deputat jew senatur,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7‑0030/2009),
A. billi ttieħdu passi legali privati kontra Marek Siwiec,
B. billi jidher li ż-żmien li ntgħażel għall-prosekuzzjoni huwa proprju matul kampanja elettorali tliet snin wara li twettqu l-allegati reati, u li l-iskopijiet tal-kwerelant privat huma apertament politiċi, kif evidenzjat b'mod partikolari mid-dokumenti ppreżentati minn dak l-individwu nnifsu lill-President tal-Parlament u mill-fatt li qal li qed jaġixxi f'isem dawk iċ-ċittadini li joġġezzjonaw f'termini ġenerali għall-fatt li s-Sur Siwiec qed iwettaq xi għamla ta' attività pubblika, kollha jindikaw li l-kwerela inkwistjoni tikkostitwixxi fumus persecutionis, peress li hemm raġunijiet serji li jwasslu għall-konklużjoni li l-akkużi miġjuba kontra s-Sur Siwiec tressqu minn avversarju politiku bl-għan ewlieni li tiddgħajjef l-attività tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew,
1. Jeddiċiedi li ma jneħħix l-immunità ta’ Marek Siwiec;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli lill-awtorità xierqa tar-Repubblika tal-Polonja.
- [1] Kawża 101/63, Wagner v Fohrmann u Krier, Ġabra 1964, p. 195, u Kawża 149/85 Wybot v Faure u oħrajn, Ġabra 1986, p. 2391.
NOTA SPJEGATTIVA
It-talba ta’ ċittadin Pollakk, is-Sur Jerzy Pietrowicz irrappreżentat mill-avukat Jerzy Pomin, għat-tneħħija tal-immunità parlamentari tas-Sur Marek Siwiec ġiet trażmessa lill-Parlament mill-Prosekutur Ġenerali Pollakk fis-27 ta’ Settembru 2006. Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali kellu l-ewwel jiddeċiedi dwar l-ammissibilità ta’ rikjesta ġejja minn persuna privata (f'dan il-każ li kien qed jaġixxi bħala prosekutur sussidjarju). Fuq il-bażi tad-deliberazzjonijiet tal-kumitat u l-informazzjoni addizzjonali mogħtija mill-awtoritajiet Pollakki, il-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali informa lill-President tal-Parlament fil-31 ta' Marzu 2008 li t-talba għandha titqies ammissibbli.
Fil-5 ta' Mejju 2008, il-President tal-Parlament ressaq it-talab lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali biex dan jeżaminaha. Minħabba diffikultajiet oħrajn marbutin mal-immunità tal-Membri tal-Parlament eletti mill-Polonja, l-eżami tal-immunità tas-Sur Siwiec mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali ġie sospiż għal wara l-adozzjoni ta’ rapport dwar l-immunità parlamentari fil-Polonja. Riżoluzzjoni msejsa fuq dan ir-rapport (A6-0205/2009) ġiet adottata mill-Parlament fl-24 ta' April 2009[1].
Is-Sur Marek Siwiec ġie elett mill-ġdid bħala Membru tal-Parlament fid-9 ta’ Ġunju 2009.
Il-fatti
Fis-17 ta' Settembru 1997 (erbat ijiem qabel ma l-elezzjonijiet parlamentari fil-Polanja ntrebħu mill-partiti taċ-ċentru-lemin) Marek Siwiec (dak iż-żmien President tal-Kunsill Nazzjonali tas-Sigurtà[2]) wasal flimkien mal-President Aleksander Kwaśniewski f’Ostrzeszów bil-ħelikopter u hekk kif niżel minnu radd is-salib u bies l-art (ġesti li komunement jiġu assoċjati mal-mejjet Papa Ġwanni Pawlu II).
Tliet snin wara, matul l-elezzjonijiet presidenzjali tat-8 ta’ Ottubru 2000, Marian Krzaklewski (kandidat tal-lemin) uża reġistrazzjoni ta’ dak li seħħ f’Ostrzeszów f’xandira ta’ partit politiku fuq stazzjon televiżiv pubbliku (sussegwentement kiseb anqas minn 16% tal-voti fl-ewwel u fl-aħħar rawnd, filwaqt li Aleksander Kwaśniewski ġie elett għat-tieni terminu b’aktar minn 50% tal-vot).
Fil-31 ta’ Ottubru 2000 Jerzy Pietrowicz u xi persuni privati oħrajn infurmaw lill-Uffiċċju tal-Prosekutur għall-ewwel darba li s-Sur Siwiec kien insulta Kap ta’ Stat barrani (reat internazzjonali skont l-Artikolu 136(3) tal-Kodiċi Penali Pollakk) u offenda s-sentimenti reliġjużi personali tagħhom (reat skont l-Artikolu 196 tal-Kodiċi Penali Pollakk).
Fid-9 ta’ April 2004, il-Prosekutur Distrettwali f’Ostrzeszów fl-aħħar għalaq l-investigazzjonijiet, u sab li ma kienx hemm il-bażi neċessarja biex is-Sur Siwiec jiġi mixli pubblikament. F’Settembru 2004, il-Prosekutur Reġjonali f’Kalisz ikkonferma din id-deċiżjoni.
Fit-13 ta’ Ottubru 2004, skont it-termini tal-Kodiċi Pollakk ta' Proċedura Kriminali, is-Sur Pietrowicz (bħala l-parti offiża) beda l-kwerela tiegħu fil-Qorti Distrettwali f’Ostrzeszów.
Wara skambju ta’ ittri bejn is-Sur Pietrowicz u l-President Borell, li għamluha ċara li t-talba kellha f’dan il-każ tiġi trażmessa mill-Prosekutur Ġenerali Pollakk, it-talba għal tneħħija tal-immunità tas-Sur Siwiec ġiet trażmessa korrettament b’ittra tas-27 ta’ Settembru 2006.
Il-liġi
Is-Sur Siwiec safa akkużat skont it-termini tad-dispożizzjoni segwenti tal-Kodiċi Penali Pollakk:
L-Artikolu 196[3]
Kulmin joffendi s-sentimenti reliġjużi ta’ persuna oħra, billi jżeblaħ oġġett ta’ adorazzjoni reliġjuża jew post ta’ adorazzjoni pubblika, għandu jiġi kkastigat b’multa, restrizzjoni tal-libertà personali jew bi priġunerija ta’ mhux aktar minn sentejn.
Id-dispożizzjonijiet segwenti marbutin mal-immunità parlamentari huma relevanti:
Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej
L-Artikolu 10
Matul is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu għandhom igawdu:
(a) fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;
(b) fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċeduri legali.
Bl-istess mod l-immunità għandha tapplika għall-membri huma u jivvjaġġaw lejn il-post fejn jiltaqa' l-Parlament Ewropew u lura minnu.
L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fl-att li jwettaq reat u m'għandhiex twaqqaf lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità ta' wieħed mill-membri tiegħu.
Ladarba r-reat li bihom hu akkużat is-Sur Siwiec twettqu fil-Polonja, il-proċedimenti qed iseħħu fil-Polonja u s-Sur Siwiec huwa Ewrodeputat Pollakk, hu jgawdi mill-"immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament [Pollakk]”.
L-immunità parlamentari fil-Polonja hija rregolata mill-Artikolu 105 tal-Kostituzzjoni:
L-Artikolu 105[4]
1. Deputat m’għandux jinżamm responsabbli għal attivitajiet li jsiru skont il-kamp ta' applikazzjoni tal-mandat ta’ Deputat matul il-mandat tiegħu u lanqas wara li jintemm il-mandat. F'dak li jirrigwarda attivitajiet ta' dan it-tip, Deputat jista’ jinżamm responsabbli biss quddiem is-Sejm u, f'każ li jkun kiser id-drittijiet ta' partijiet terzi, ma jistgħux jinfetħu proċeduri kontrih quddiem qorti sakemm ma jkunx hemm il-kunsens tas-Sejm.
2. Mill-ġurnata meta jitħabbru r-riżultati tal-elezzjonijiet sal-ġurnata meta jintemm il-mandat tiegħu, Deputat m’għandux ikun suġġett għal responsabiltà kriminali mingħajr il-kunsens tas-Sejm.
3. Proċeduri kriminali li jinfetħu kontra persuna qabel il-ġurnata li jkun elett bħala Deputat, għandhom ikunu sospiżi fuq talba tas-Sejm sakemm jintemm il-mandat. F’każ ta' dan it-tip, iż-żmien ta' preskrizzjoni fir-rigward tal-proċeduri kriminali għandu jkun estiż għaż-żmien ekwivalenti.
4. Deputat jista’ jagħti l-kunsens tiegħu li jitressaq b'responsabiltà kriminali. F'każ bħal dan, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3 m'għandhomx japplikaw.
5. Deputat m’għandux jiġi detenut jew arrestat mingħajr il-kunsens tas-Sejm, ħlief għal każijiet in flagrante delicto u li fihom id-detenzjoni tiegħu tkun meħtieġa biex ikun żgurat li l-proċeduri jimxu kif suppost. Il-Marixxall tas-Sejm għandu jkun mgħarraf minnufih dwar kull detenzjoni ta' dan it-tip, u jista' jordna li d-Deputat jinħeles minnufih.
6. Il-prinċipji dettaljati u l-proċeduri biex jitħarrku d-Deputati b'responsabilità kriminali għandhom ikunu speċifikati mill-istatut.
Għall-finijiet odjerni l-paragrafu relevanti ta' dan l-artikolu huwa l-paragrafu 2.
Il-prinċipji u l-proċeduri dettaljati kif dispost fl-Artikolu 105(6) tal-Kostituzzjoni ġew promulgati fil-Liġi tad-9 ta' Mejju 1996 dwar it-twettiq tal-mandat ta' deputat jew senatur (ĠU Nru 221/2003, punt 2199, kif emendat). L-Artikolu 7b(1) ta’ din il-Liġi, li għandu relevanza partikolari f’dan ir-rapport, jgħid hekk:
L-Artikolu 7b[5]
1. L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni biex jinbdew proċedimenti kriminali kontra deputat jew senatur fil-każ ta' reat suġġett għal prosekuzzjoni pubblika għandha ssir permezz tal-intermedjarju tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali Pubbliku.
Prinċipji ġenerali
Tul is-snin, ħarġu ċerti prinċipji ġenerali mid-deliberazzjonijiet tal-Parlament bħala rispons għal talbiet għat-tneħħija tal-immunità tal-Membri tiegħu. Dawn ġew rikonoxxuti fir-riżoluzzjoni adottata waqt is-seduta tal-10 ta' Marzu 1987[6] fuq il-bażi tar-rapport tas-Sur Donnez (A2–121/86).
Jidher utli li wieħed jiftakar il-prinċipji li huma rilevanti għal dan ir-rapport, waqt li jiġi enfasizzat il-bżonn li d-deċiżjonijiet dwar it-tneħħija tal-immunità jkollhom bażi legali soda sabiex ma jiġux influwenzati minn konsiderazzjonijiet relatati mal-affiljazzjoni politika jew in-nazzjonalità tal-Membru kkonċernat.
A. Skop tal-immunità parlamentari
L-immunità parlamentari mhijiex privileġġ personali ta' Membru, imma garanzija tal-indipendenza tal-Parlament u tal-Membri tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam mal-awtoritajiet l-oħra. Fuq il-bażi ta' dan il-prinċipju, id-data ta' meta seħħew l-atti allegati mhi tal-ebda importanza u tista' tkun kemm qabel u kemm wara l-elezzjoni tal-Membru, peress li l-unika konsiderazzjoni hi l-protezzjoni tal-Parlament permezz tal-Membri tiegħu.
B. Limitu ta' żmien fuq l-immunità
Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet ikkonsultata darbtejn dwar l-interpretazzjoni tal-frażi "waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew", li tidher fl-Artikolu 10 tal-PPI.
Miż-żewġ sentenzi tal-Qorti (Kawża 101/63 Wagner vs Fohrmann u Krier [1964] Ġabra 397 u Kawża 149/85 Wybot vs Faure [1986] Ġabra 2403), wieħed jista' jinferixxi li s-sessjoni tal-Parlament hi waħda anwwali li matulha l-Membri tiegħu, anke waqt il-perjodi meta s-sessjoni tkun interrota, igawdu mill-immunità prevista fil-PPI.
Barra minn hekk, isegwi mill-fini nnifsu tal-immunità parlamentari li din tibqa' effettiva matul id-durata kollha tal-kariga ta’ Membru u tkopri l-ftuħ tal-proċedimenti, l-inkjesti ta' tħejjija, il-miżuri għall-eżekuzzjoni ta' sentenzi pre-eżistenti, l-appelli jew ir-rikorsi biex sentenza ma jingħatalhiex effett.
C. Natura indipendenti tal-immunità parlamentari Ewropea meta mqabbla mal-immunità parlamentari nazzjonali
Il-fatt li l-Artikolu 10, l-ewwel paragrafu, taqsima (a) tal-PPI jirreferi għall-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlamenti nazzjonali ma jfissirx li l-Parlament ma jistax joħloq ir-regoli tiegħu li jkunu jikkostitwixxu speċi ta' "ġurisprudenza". F'dak li għandu x'jaqsam mat-tneħħija tal-immunità, immunità ta' dak it-tip, li hija identika għall-Membri ta' nazzjonalità partikulari fil-parlament nazzjonali tagħhom u fil-Parlament Ewropew, ma tistax tiġi konfuża mat-tneħħija tagħha, li hi l-prerogattiva ta' kull parlament individwali. Dawk ir-regoli, li huma derivati minn deċiżjonijiet adottati fir-rigward tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità, joħolqu kunċett konsistenti ta' immunità parlamentari Ewropea li, f'termini ġenerali, hi indipendenti mid-diversi proċeduri parlamentari nazzjonali. Kieku dan ma kienx il-każ, id-differenzi bejn il-membri tal-istess parlament uniku jiġu aċċentwati fuq il-bażi tan-nazzjonalità tagħhom.
Permezz tal-applikazzjoni ta' dawk il-prinċipji, ħareġ fattur kostanti fid-deċiżjonijiet tal-Parlament, li sar kriterju bażiku fir-rispons tiegħu għal kull talba għat-tneħħija tal-immunità. L-immunità ma titneħħa fl-ebda każ fejn Membru jiġi mixli b'azzjonijiet li jaqgħu taħt l-intestatura ta' attività politika.
Dan il-kriterju ġie kkumplementat minn konsiderazzjonijiet oħra li jistgħu jaħdmu kemm favur u kemm kontra t-tneħħija tal-immunità. Dawn jinkludu:
– l-eżistenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri s-suspett li l-proċeduri kriminali jkunu nfetħu bl-intenzjoni li tiddgħajjef l-attività politika tal-Membru kkonċernat,
– in-natura partikolarment serja tal-akkużi.
Kunsiderazzjonijiet ulterjuri
Qabel it-trażmissjoni uffiċjali mill-Prosekutur Ġenerali Pollakk, is-Sur Pietrowicz bagħat it-talba tiegħu għat-tneħħija tal-immunità tas-Sur Siwiec direttament lill-President tal-Parlament f’ittra tas-16 ta’ Marzu 2005. L-argument imressaq f’din l-ittra jikkonsisti inter alia f’informazzjoni ġenerali li tpinġi lis-Sur Siwiec bħala membru ta’ grupp akbar li jattakka ċerta media Kattolika fil-Polonja.
F’ittra oħra mibgħuta direttament lill-President tal-Parlament (tas-27 ta’ Marzu 2007), is-Sur Pietrowicz staqsa dwar id-deliberazzjonijiet tal-Parlament rigward it-talba tiegħu (li sa dak iż-żmien kienet ġiet trażmessa korrettament mill-awtoritajiet Pollakki), u qal li s-Sur Siwiec għamel żmien difensur tal-ideoloġija Stalinista-Komunista u aktar tard sar liberali b'mod dubjuż.
Matul is-seduta ta' smigħ li saret quddiem il-kumitat fit-28 ta’ Mejju 2008, is-Sur Siwiec stqarr li kien apoloġizza għal imġibtu f’Ostrzeszów f'bosta okkażjonijiet u li rrefera għall-korrispondenza privata tiegħu mal-Vatikan li indikat li l-Kap tal-Istat tiegħu (jiġifieri l-mejjet Papa) ma ħassux offiż b'din iċ-'ċajta'.
Is-Sur Siwiec ippreżenta wkoll kopji ta’ tliet dokumenti addizzjonali ffirmati mis-Sur Pietrowicz:
1. Dikjarazzjoni tad-29 ta’ Mejju 2004 ta’ żewġ organizzazzjonijiet irrappreżentati mis-Sur Pietrowicz (il-Kumitat għall-protezzjoni tal-jeddijiet u l-libertajiet reliġjużi ta' nies li jipprattikaw il-fidi[7], u l-Assoċjazzjoni tal-Kollaboraturi Sależjani[8]) li fiha ssir referenza għall-kontestazzjoni tiegħu (f’isem dawk iż-żewġ organizzazzjonijiet) tad-deċiżjoni tal-Prosekutur Distrettwali ta’ Ostrzeszów tad-9 ta’ April 2004 li jingħalqu l-investigazzjonijiet dwar is-Sur Siwiec; Is-Sur Siwiec innifsu ntalab ma joħroġx għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew; u dawk eliġibbli li jivvutaw fl-elezzjonijiet intalbu jieħdu azzjoni kontra l-elezzjoni tas-Sur Siwiec fil-Parlament.
2. Protest elettorali, ippreżentat fil-25 ta’ Ġunju 2004 lill-Kumitat Elettorali Nazzjonali[9], mill-ġdid mis-Sur Pietrowicz f’isem iż-żewġ organizzazzjonijiet imsemmijin aktar ’il fuq, li fih (in riferiment għall-istess azzjoni li kkontestat id-deċiżjoni tal-Prosekutur Distrettwali li jagħlaq l-investigazzjonijet) intqal li l-elezzjoni tas-Sur Siwiec fil-Parlament Ewropew kienet invalida.
3. Ittra lill-Qorti Reġjonali ta’ Poznań tat-18 ta’ Ottubru 2006, li fiha s-Sur Pietrowicz jitlob kjarifika dwar l-iskadenzi applikabbli għall-kontestazzjoni tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Ottubru 2006 li biha l-Qorti Distrettwali ta’ Poznań għalqet il-proċedimenti invista tal-immunità parlamentari tas-Sur Siwiec. F’din l-ittra s-Sur Pietrowicz tliet darbiet jirreferi b’mod impreċiż għax-“Xitan l-Aħmar” bħala responsabbli għall-iżball proċedurali magħmul mill-Qorti.
Fil-fatt, il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań għalqet il-proċedimenti fil-5 ta’ Ottubru 2006, imma dik id-deċiżjoni sfat sussegwentement annullata mill-Qorti Reġjonali ta' Poznań fuq il-bażi li fl-aħħar kien ġie ppreżentat ir-rikors għat-tneħħija tal-immunità tas-Sur Siwiec.
Analiżi aħħarija
Il-mistoqsija li trid tkun imwieġba hi jekk l-akkużi miġjubin kontra s-Sur Siwiec jistgħux ikunu intiżi biex tiddgħajjef l-attività politika tiegħu bħala Membru, u dan ikun jikkostitwixxi fumus persecutionis u jwassal għar-rifjut tal-Parlament li jneħħilu l-immunità.
Minkejja li l-Prosekuzzjoni Pubblika f’Ostrzeszów iddeċidiet li tagħlaq l-investigazzjoni, wara li ma rnexxilhiex issib il-bażijiet neċessarji biex tressaq akkużi pubbliċi, it-triq kienet għadha miftuħa għas-Sur Pietrowicz li jressaq kwerela fuq il-bażi tal-perċezzjoni soġġettiva tiegħu li hu kien safa "offiż” (jew legalment offiż) b’imġibet is-Sur Siwiec. B'hekk kellu l-jedd jibda l-proċedimenti kontra s-Sur Siwiec. Huwa f’idejn il-Qorti Pollakka li tiddeċiedi jekk dak li seħħ fis-17 ta’ Settembru 1997 jissodisfax ir-rekwiżiti tar-reat kif stipulat fl-Artikolu 196 tal-Kodiċi Penali Pollakk (il-Qorti naturalment tkun trid tikkunsidra qabel xejn jekk ir-reat hux preskritt).
B’danakollu, meta jitqiesu l-aspetti speċifiċi ta’ dan il-każ (jiġifieri l-użu ta’ reġistrazzjoni bil-vidjow ta' dak li ġara f'Ostrzeszów matul kampanja elettorali tliet snin wara li seħħ u l-objettivi espliċitament politiċi tas-Sur Pietrowicz fl-azzjonijiet tiegħu kontra s-Sur Siwiec, li jidher li l-ewwel u qabel xejn kienu li ma jħalluhx jiġi elett fil-Parlament Ewropew, kif ukoll il-fatt li s-Sur Pietrowicz qiegħed jgħid li qed jaġixxi f’isem dawk iċ-ċittadini Pollakki li joġġezzjonaw għall-attività politika tas-Sur Siwiec inġenerali), allura hemm raġunijiet gravi li jwasslu għall-fehma li l-akkużi tas-Sur Pietrowicz għandhom jiġu kkategorizzati bħala fumus persecutionis.
Għaldaqstant, jitqies li l-immunità parlamentari tas-Sur Marek Siwiec ma għandhiex titneħħa.
- [1] P6_TA(2009)0316, għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
- [2] Rada Bezpieczeństwa Narodowego
- [3] Artykuł 196. Kto obraża uczucia religijne innych osób, znieważając publicznie przedmiot czci religijnej lub miejsce przeznaczone do publicznego wykonywania obrzędów religijnych, podlega grzywnie, karze ograniczenia wolności albo pozbawienia wolności do lat 2.
- [4] Artykuł 105
1. Poseł nie może być pociągnięty do odpowiedzialności za swoją działalność wchodzącą w zakres sprawowania mandatu poselskiego ani w czasie jego trwania, ani po jego wygaśnięciu. Za taką działalność poseł odpowiada wyłącznie przed Sejmem, a w przypadku naruszenia praw osób trzecich może być pociągnięty do odpowiedzialności sądowej tylko za zgodą Sejmu.
2. Od dnia ogłoszenia wyników wyborów do dnia wygaśnięcia mandatu poseł nie może być pociągnięty bez zgody Sejmu do odpowiedzialności karnej.
3. Postępowanie karne wszczęte wobec osoby przed dniem wyboru jej na posła ulega na żądanie Sejmu zawieszeniu do czasu wygaśnięcia mandatu. W takim przypadku ulega również zawieszeniu na ten czas bieg przedawnienia w postępowaniu karnym.
4. Poseł może wyrazić zgodę na pociągnięcie go do odpowiedzialności karnej. W takim przypadku nie stosuje się przepisów ust. 2 i 3.
5. Poseł nie może być zatrzymany lub aresztowany bez zgody Sejmu, z wyjątkiem ujęcia go na gorącym uczynku przestępstwa i jeżeli jego zatrzymanie jest niezbędne do zapewnienia prawidłowego toku postępowania. O zatrzymaniu niezwłocznie powiadamia się Marszałka Sejmu, który może nakazać natychmiastowe zwolnienie zatrzymanego.
6. Szczegółowe zasady pociągania posłów do odpowiedzialności karnej oraz tryb postępowania określa ustawa.
7. - [5] Artykuł 7b
1. Wniosek o wyrażenie zgody na pociągnięcie posła lub senatora do odpowiedzialności karnej w sprawie o przestępstwo ścigane z oskarżenia publicznego składa się za pośrednictwem Ministra Sprawiedliwości – Prokuratora Generalnego. - [6] ĠU C 99, 13.4.1987, p. 44.
- [7] Komitet Obrony Praw i Uczuć Religijnych Ludzi Wierzących i Praktykujących
- [8] Stowarzyszenie Współpracowników Salezjańskich
- [9] Państwowa Komisja Wyborcza
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data tal-adozzjoni |
5.10.2009 |
|
|
|
||
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
12 0 0 |
||||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Luigi Berlinguer, Marielle Gallo, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Alexandra Thein, Diana Wallis, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka |
|||||
|
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Paolo Bartolozzi, Edvard Kožušník, Eva Lichtenberger |
|||||