RAPPORT dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew, Taqsima II – Il-Kunsill, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

9.10.2009 - (C7‑0128/2009 – 2009/2002B(BUD))

Parti 1: Mozzjoni għal riżoluzzjoni
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Vladimír Maňka


Proċedura : 2009/2002B(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0037/2009
Testi mressqa :
A7-0037/2009
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew, Taqsima II – Il-Kunsill, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (C7‑0128/2009 – 2009/2002B(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 272 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad-29 ta' Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej[1],

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[2],

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja solida[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2009 dwar il-linji gwida għall-proċedura tal-baġit 2010 – it-Taqsimiet I u II u t-Taqsimiet minn IV sa IX[4],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2009 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2010[5],

–   wara li kkunsidra l-ftehima interna tiegħu, li saret fl-1988, biex l-approprjazzjonijiet baġitarji tiegħu jkunu limitati għal massimu ta’ 20% tat-total tal-intestatura 5, li ma tinkludix in-nefqa ta’ natura eċċezzjonali;

–   wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, ippreżentat mill-Kummissjoni fid-29 ta' April 2009 (COM(2009)0300),

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, li l-Kunsill stabbilixxa fis-13 ta' Lulju 2009 (C7‑0128/2009),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 75 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0037/2009),

A. billi l-Abbozz Preliminari tal-Baġit (APB) tal-istituzzjonijiet kollha ħalla marġni ta' EUR 236 597 323 taħt il-limitu tal-qafas finanzjarju għas-sena finanzjarja 2010,

B.  billi wara d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-13 ta’ Lulju 2008, l-abbozz tal-baġit (AB) għandu marġni ta’ EUR 276 153 415 taħt dan il-limitu,

C. billi l-proċess pilota miftiehem għall-proċedura tal-2009, li fih kienu se jiġu applikati l-koperazzjoni msaħħa bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits u l-koperazzjoni reċiproka bikrija għall-partiti kollha b'implikazzjonijiet baġitarji sinifikanti, inżamm ukoll għall-proċedura tal-2010,

D. billi saret laqgħa ta' konċiljazzjoni bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits fil-15 ta' Settembru 2009, qabel il-votazzjonijiet fil-Kumitat għall-Baġits u fil-plenarja,

Il-Qafas Ġenerali

1.  Ifakkar li l-istituzzjonijiet Ewropej iridu jistabbilixxu l-baġits tagħhom fil-kuntest tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja li qed tiffaċċja l-Ewropa u li huwa essenzjali li dawn jirriflettu l-isforzi sabiex jintlaħqu l-objettivi politiċi b'użu ta' riżorsi kemm jista' jkun effettiv;

2.  Itenni l-konvinzjoni tiegħu li t-talbiet tal-baġit għandhom ikunu bbażati bis-sħiħ fuq l-ispiża u jirriflettu biss bżonnijiet reali sabiex jintlaħqu l-kompiti fdati lil kull istituzzjoni, filwaqt li jsir kull sforz sabiex jiġi identifikat iffrankar ta' flus, inkluż permezz ta' organizzazzjoni aħjar tax-xogħol, it-trasferiment ta' riżorsi eżistenti għall-prijoritajiet, kif ukoll anqas burokrazija, sabiex isir l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi finanzjajri skarsi;

3.  Jilqa' bi pjaċir l-approċċ kostruttiv u koperattiv li ħadu l-istituzzjonijiet kollha fix-xogħol tagħhom mal-awtorità tal-baġit u huwa sodisfatt li t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet li tqajmu kienu pronti u preċiżi;

4.  Jenfasizza li nefqiet li jirrigwardaw speċifikament id-dħul fis-seħħ eventwali tat-Trattat ta' Liżbona li jemenda t-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, mhumiex inklużi fil-proposti; ifakkar li jekk dan it-trattat jidħol fis-seħħ, strumenti baġitarji eżistenti, bħalma huma ittra li temenda jew baġit li jemenda, jistgħu jkollhom jintużaw jekk ikun meħtieġ; huwa madankollu tal-fehma li f'każ bħal dan u fil-limiti massimi possibbli, jeħtieġ li tiġi eżaminata bis-sħiħ ir-riorganizzazzjoni tar-riżorsi eżistenti qabel ma ssir kwalunkwe talba għal riżorsi addizzjonali; itenni li, bi spirtu ta' prudenza għall-futur, jeħtieġ li jinżamm baġit sostenibbli u marġni finanazjarju b'saħħtu f'din l-intestatura;

5.  Ifakkar li f'għadd ta' oqsma għad hemm lok għal aktar titjib u għal użu aktar effettiv tar-riżorsi baġitarji u jixtieq jiffoka għal darb'oħra fuq il-qasam tal-koperazzjoni interistituzzjonali; jaqbel mal-Qorti tal-Awdituri li koperazzjoni akbar fil-qasam tas-servizzi lingwistiċi tista' tipprovdi xi ftit ta' marġni ta' ffrankar; huwa għalhekk għamel din bħala prijorità għall-2010 u jistieden lill-istituzzjonijiet sabiex itejbu aktar dawn l-aspetti, inkluż negozjar mill-ġdid tal-arranġamenti attwali sabiex jintużaw b'mod komuni r-riżorsi interni tat-traduzzjoni;

6.  Jiddeċiedi għal dan l-iskop li jintroduċi riżerva trasversali ta' 5% għas-servizzi ta' traduzzjoni esterni u jenfasizza li din l-emenda hija mmirata għall-istituzzjonijiet kollha li għandhom dipartimenti tat-traduzzjoni tagħhom; it-titjib li qed jintalab jinkludi n-negozjar mill-ġdid tal-arranġamenti attwali sabiex jintużaw b'mod komuni r-riżorsi tat-traduzzjoni interna bl-iskop li jkun hemm titjib fl-effiċjenza u ffrankar fil-qasam tat-traduzzjoni, bi qbil ukoll mar-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri rigward dan; jinnota l-punt li din ir-riżerva tista' tinħeles wara li tiġi ppreżentata proposta konkreta għal sistema ta’ użu komuni tar-riżorsi interni tat-traduzzjoni mill-istituzzjonijiet u tkun ġiet eżaminata mill-awtorità tal-baġit;

7.  Jenfasizza x-xewqa tiegħu li terġa' tiġi eżaminata mill-istituzzjonijiet il-possibilità ta' "telexogħol" (tele-working) għat-tradutturi; jinnota li dan jista' jwassal għal iffrankar annwali, b'mod partikulari jekk l-ispazju tal-uffiċċji jkun disponibbli biex jista' jintuża għal skopijiet oħrajn; jinnota li din is-sistema qed tintuża (għalkemm b'mod limitat) mill-Qorti tal-Awdituri u li din qed taħdem tajjeb;

8.  Iddeċieda li jħalli marġni taħt il-limitu tal-intestatura 5 "Infiq Amministrattiv" ta’ EUR XX, biex b’hekk jillimita ż-żieda ġenerali għal x, y %; jenfasizza li dan jinkludi li terġa’ tiżdied parti mit-tnaqqis li għamel il-Kunsill fil-baġit tal-istituzzjonijiet l-oħrajn f’dawk il-każijiet fejn il-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull istituzzjoni jkunu ġew ġustifikati;

9.  Jemmen li s-sistema baġitarja tal-UE għandha tiżviluppa b'mod li jippremja l-abilità u s-soluzzjonijiet innovattivi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, u bħala inċentiv, li ż-żidiet fl-effiċjenza u l-iffrankar li jkunu r-riżultat ta' miżuri bħal dawn min-naħa tal-istituzzjonijiet jistgħu jintużaw għal prijoritajiet oħrajn li jista' jkollhom; jenfasizza, madankollu, li fondi mhux użati li jirriżultaw sempliċement minn implimentazzjoni lajmana jew avvenimenti mhux mistennija għandhom bħala regola ġenerali jiġu rritornati lill-kontributuri tat-taxxa;

Taqsima 1 - Il-Parlament Ewropew

Il-Qafas ġenerali

10. Jilqa' bi pjaċir l-ispirtu pożittiv u n-natura kostruttiva tal-laqgħa ta' konċiljazzjoni tal-15 ta' Settembru 2009 bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits; jemmen li dan għandu jkompli jsaħħaħ it-tiswira tal-Baġit tal-Parlament f'kundizzjonijiet ta' kooperazzjoni u fiduċja reċiproka, kif ukoll ta' applikazzjoni stretta ta' prinċipji baġitarji sodi u trasparenza; jenfasizza li l-prerogattivi ta' kull korp għandhom jinżammu b'mod sħiħ;

11. Ifakkar li ntlaħaq ftehim dwar dawn il-kwistjonijiet li kienu jagħmlu parti mil-laqgħa ta' konċiljazzjoni:

- Riżervi (proġetti prijoritarji, riżerva dwar bini, u riżerva ta' kontinġenza)

- Ristrutturazzjoni tad-DĠ INLO u s-servizz ta' sigurtà

- Bżonnijiet ta' persunal għall-2010

- Dar tal-Istorja Ewropea

- Partiti u fundazzjonijiet politiċi

- Multilingwiżmu

- Ġesjtoni tal-għarfien;

12. Iqis li l-fluss tal-informazzjoni u l-kalendarju tal-iskambji bejn il-Bureau tiegħu u l-Kumitat għall-Baġits huma kruċjali sabiex jiġu żgurat suċċess u sabiex ikun hemm aktar titjib fil-koperazzjoni ta' bejniethom;

13. Jenfasizza l-ħtieġa li għandu l-Parlament, bħalma hu l-każ għall-istituzzjonijiet l-oħrajn kollha, li jipprovdi proposta għall-baġit preliminari sħiħa kemm jista' jkun fir-rebbiegħa u kmieni fis-sajf; jenfasizza li ittra li temenda fil-ħarifa għandha tkun verament limitata għal avvenimenti imprevisti u aġġornamenti tekniċi; jirrikonoxxi li sena ta' elezzjonijiet tikkostitwixxi sitwazzjoni speċifika li fiha wieħed irid jaħseb għal livell ogħla ta' flessibilità f'dawn il-proċeduri sabiex jitħarsu l-prerogattivi ta' Parlament li jkun għadu kemm ġie elett;

14. Jinnota l-punt li l-livell ġenerali tal-baġit tiegħu jammonta għal 19.XX% tan-nefqa awtorizzata skont l-intestatura 5 (approprjazzjonijiet amministrattivi) tal-qafas finanzjarju plurijennali, i.e. li nżammet taħt il-limitu proprju impost ta’ 20%; itenni madanakollu li l-XX% ma jinkludix kwalunkwe adattamenti li jistgħu jkunu neċessarji jekk jidħol fis-seħħ it-Trattat ta' Liżbona, partikolarment fil-qasam leġiżlattiv, u jkompli jżomm il-pożizzjoni tiegħu li huwa essenzjali li jkun hemm marġini konsiderevoli; jirrikonoxxi li, minabba l-limitazzjoni attwali tal-marġni, se jkunu meħtieġa aktar iffrankar u trasferimenti tal-flus biex ikun possibbli li jkunu ssodisfati ħtiġijiet addizzjonali;

15. Iqis li distinzjoni bejn l-ispejjeż fissi u l-ispejjeż varjabbli tal-Parlament tiffaċilita d-deċiżjonijiet dwar il-livell ġenerali tal-baġit tiegħu u s-segwitu xieraq tiegħu biex jinżamm baġit sostenibbli; rigward dan, iddeċieda li jżomm f'riżerva parti minn tliet linji speċifiċi tal-baġit filwaqt li jitlob li jsir rapport li jidentifika l-ispejjeż taħt it-titoli 2 u 3 skont it-tipi differenti ta' spejjeż u sabiex jiddistingwi jekk dawn humiex ta' natura fissa jew varjabbli; iqis li din id-distinzjoni, l-istrateġiji għal perjodu twil ta' żmien għall-bini, il-politiki tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni kif ukoll analiżi li tqabbel l-ispiża u l-benefiċċji ta' diversi attivitajiet tal-Parlament tippermetti l-ħolqien ta' baġit b'bażi żero fis-snin li ġejjin; iqis li dan se jippermetti lill-baġit tal-Parlament jirrifletti biss ħtiġijiet reali u se jtejjeb it-trasparenza, il-preċiżjoni u l-effiċjenza baġitarja tiegħu;

16. Jinnota l-punt li l-2010 hija l-ewwel sena ta' applikazzjoni sħiħa tal-Istatut tal-Membri l-ġdid u li dan qed ikollu impatt sinifikattiv fuq il-baġit tiegħu, li kellu jassumi hu dawn l-ispejjeż; jinnota li l-ammonti addizzjonali li ġew inklużi, meta mqabbla mal-2009 (sena ta' applikazzjoni parzjali), huma stmati li huma ta' madwar EUR 40 miljun u, meta mqabbla ma' snin preċedenti, għal madwar EUR 113 miljun;

17. Iqis madankollu li għandha ssir distinzjoni f'dawn iċ-ċifri bejn dawk li huma konsegwenzi inevitabbli ta' natura legali u baġitarji u dawk li għalihom l-implimentazzjoni nnifisha tas-sistema tista' tagħmel differenza; jitlob għalhekk, minn perspettiva bagitarja, li jsir rapport dwar l-applikazzjoni tas-sistema tar-rifużjonijiet rigward ivjaġġar, li l-ispejjeż tagħhom qegħdin jogħlew minkejja li l-pubbliku Ewropew kien qed jistenna li jonqsu; jitlob li dan ir-rapport għandu jiġi ppreżentat qabel it-30 ta' Ġunju 2010;

18. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim li ntlaħaq fi tmien l-2008 dwar l-istatut il-ġdid għall-assistenti parlamentari u inkluda d-dispożizzjonijiet tal-baġit għall-ewwel sena sħiħa ta' applikazzjoni fl-2010; madankollu, jiddeċiedi li tiddaħħal riżerva ta' 20% tal-linja għas-salarji tal-persunal tal-Parlament filwaqt li jitlob tnaqqis sinifikattiv fil-burokrazija u titjib fl-implimentazzjoni tal-istatut tal-assistenti;

19. B'konnessjoni mal-livell ġenerali tal-baġit u l-elementi msemmija hawn fuq, jinnota wkoll li l-konċiljazzjoni wasslet għal ftehim dwar it-tnaqqis fir-riżervi proposti għal-livell ta' EUR 5 miljuni għal inizjattivi politiċi ġodda, iż-żamma ta' riżerva ta' kontinġenza ta' EUR 10 miljuni, kif ukoll ftehim dwar riżerva ta' EUR 15-il miljun għall-bini;

Riżorsi Umani

20. Jilqa' bi pjaċir il-ftehim dwar r-riżorsi ta' staff għall-baġit tal-2010 u japprezza l-informazzjoni pprovduta mill-amministrazzjoni rigward pożizzjonijiet meqjusa neċessarji u l-miżuri ta' ristrutturazzjoni proposti b'mod parallel;

21. Jiddeċiedi li jawtorizza l-approprjazzjonijiet għal 54 post għal xogħol ġdid fl-Organigramma tal-Parlament għall-2010 kif ġej:- Postijiet għal xogħol permanenti: 8 AD9, 17 AD5 u 28 AST1,

- Postijiet għal xogħol temporanju: 2 AD10, 1 AD9 u 1 AD5,

- Tneħħija ta’ 3 postijiet għal xogħol temporanju AST 1 li kienu approvati fl-Organigramma tal-2009;

jiddeċiedi wkoll li japprova l-approprjazzjonijiet għar-rivalutazzjonijiet li ġejjin: 5 AD5 għal 5 AD7 fir-rigward ta’ reklutaġġ ta’ interpreti, 30 AD7 għal 30 AD9 fir-rigward ta’ kompetizzjonijiet interni, u 30 AST3 għal 30 AST5, ukoll fir-rigward ta’ kompetizzjonijiet interni; jiddeċiedi wkoll li japprova l-approprjazzjonijiet għal bdil ta’ 5 postijiet għal xogħol AST6 f’2 postijiet għal xogħol AD11 u 3 AD12 fir-rigward ta’ kompetizzjonijiet ‘cross-over’:

22. Minkejja dan, jinsisti li aktar sforzi favur ir-riallokazzjoni ta' riżorsi u postijiet diġà eżistenti għandhom ikunu parti integrali tal-proċess baġitarju; rigward dan, jemmen li jkun tajjeb li tadatta l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-istuttura tas-servizzi tagħha għall-prijoritajiet politiċi sabiex jiġu massimizzati r-riżultati u, minn perspettiva baġitarja, jitnaqqas l-impatt tal-ispiża; rigward dan, ifakkar fit-talba tiegħu tas-sena l-oħra li huwa kruċjali li tiġi bbilanċjata b'mod ottimali d-distribuzzjoni tar-riżorsi umani fost l-attivitajiet leġiżlattivi bażiċi, is-servizzi diretti għall-Membri u funzjonijiet ta' appoġġ amministrattiv, kif ukoll li s-suppożizzjonijiet bażiċi u l-prijoritajiet bażiċi jkunu mifhuma aħjar;

23. Jinnota b'mod partikulari l-qbil fil-konċiljazzjoni li jissaħħaħ id-dipartiment tiegħu għall-bini u l-politika għall-bini sabiex jiġu żgurati l-manutenzjoni u s-sigurtà, jitjieb l-ippjanar u l-kontroll tiegħu u li wieħed jista' jistenna li jwassal, flimkien ma' politika tal-proprjetà koerenti u responsabbli, għal iffrankar ta' flus tul iż-żmien; għalhekk jaqbel li jipprovdi 49 post ġdid tul dawn it-tliet snin għal dan l-iskop; jinnota wkoll il-ftehim li jiġu ffinanzjati 5 postijiet mitluba għar-riorganizzazzjoni tas-servizz tas-sigurtà;

24. Jilqa' wkoll bi pjaċir il-ftehim li kien hemm fil-konċiljazzjoni li ssir verifika organizzativa tad-DĠ INLO u tas-Servizz ta' Sigurtà sabiex jiġi evalwat jekk ir-riżorsi humiex jintużaw bl-aħjar mod possibbli;

Xogħol leġiżlattiv u multilingwaliżmu

25. Ifakkar li l-multilingwiżmu qed ikun element kruċjali tal-baġit tal-2010, kemm mill-perspettiva li jitħares, u infatti jissaħħaħ, id-dritt tal-Membri kollha li jkollhom trattament ugwali rigward servizzi lingwistiċi, kif ukoll mill-perspettiva ta' sforzi sabiex ma jogħlewx l-ispejjeż permezz ta' koperazzjoni interistituzzjonali bejn l-istituzzjonijiet kollha; jilqa' bi pjaċir u japprova l-finanzjamenti addizzjonali mmirati għal dan is-settur tal-baġit;

26. Jemmen li l-inkarigu tar-responsabilitajiet leġiżlattivi akbar tal-Parlament ikun proċess kontinwu li jeħtieġ li tingħata għajnuna sħiħa lill-Membri biex iwettqu x-xogħol leġiżlattiv tagħhom; jilqa' bi pjaċir f'dan il-kuntest id-deċiżjoni tal-Bureau tas-6 ta' Mejju 2009 li għandha l-iskop li sseddaq l-għajnuna diretta għall-Membri fix-xogħol leġiżlattiv tagħhom, b'mod partikulari matul il-fażi inizjali ta' abbozzar; iqis li għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-fażijiet suċċessivi tal-proċeduri leġiżlattivi u jqis li hu essenzjali li l-Membri jkollhom aċċess għal testi korretti fil-lingwi kollha, bi qbil mal-prinċipji ta' multilingwiżmu u bi qbil mal-iskopijiet tal-politika għal "leġiżlar aħjar" tal-Unjoni sabiex tisseddaq it-trasparenza u l-leġittimità demokratika tal-pożizzjonijiet tal-Parlament fil-proċeduri leġiżlattivi;  Ifakkar li l-Parlament jivvota regolarment għal atti leġiżlattivi miftiehma taħt is-sura ta' kompromessi politiċi bikrin, filwaqt li l-Kunsill jadotta atti bħal dawn wara li jkunu ġew finalizzati; iqis li hu essenzjali li l-Parlament ikun jista' jeżamina u jivvota fuq testi finali korretti fil-lingwi kollha; jitlob li jittieħdu passi fil-livelli interni u interistituzzjonali sabiex f'dan ir-rigward jiġi żgurat li l-Parlament ikun f'livell ta' parità mal-Kunsill;

28. Jilqa' bi pjaċir il-ftehim fil-konċiljazzjoni sabiex tiddaħħal riżerva trasversali ta' 5% għal linji tal-baġit speċifiċi għall-istituzzjonijiet kollha li għandhom is-servizzi ta' traduzzjoni tagħhom, kif diġà mfisser hawn fuq;

29. Huwa lest li jikkunsidra mill-ġdid is-sistema u l-aċċessibilità ta' diskorsi fil-plenarja, l-hekk imsejħa rapporti verbatim, u kif dan jista' jitjieb permezz tal-użu tat-teknoloġija moderna filwaqt li fl-istess ħin jikkostitwixxi ffrankar kbir għall-baġit; iqis li dan jista' jinvolvi sistema ta' traduzzjoni bbażata fuq id-domanda li tista' wkoll tħaffef b'mod konsiderevoli d-disponibilità tat-testi mitluba;

Politika għall-bini

30. Ifakkar fit-talba preċedenti tiegħu li l-Bureau jressaq strateġija koerenti u responsabbli għal medda ta' żmien fit-tul fil-qasam tal-proprjetà u l-bini li tqis ukoll il-problema partikolari tal-ispejjeż ta' manutenzjoni li qed jiżdiedu, il-bżonn ta' rinnovazzjonijiet u spejjeż ta' sigurtà, u li tiżgura s-sostenibilità tal-baġit tal-Parlament, u jistenna li din tiġi ppreżentata sa tmien l-2009; jieħu nota tat-tweġiba li rċieva wara r-riżoluzzjoni tal-baġit tas-sena l-oħra iżda ma jqisx li dan huwa biżżejjed; jenfasizza wkoll li jridu jitqiesu r-rifużjonijiet futuri possibbli mill-awtoritajiet Belġjani skont il-ftehim dwar il-bini eżistenti tal-Parlament fi Brussell;

31. Itenni l-importanza li hu jagħti lill-kwistjonijiet ta’ sigurtà, marbuta mill-qrib mal-politika tiegħu għall-bini, u jqis li hu meħtieġ metodu effettiv u bbilanċjat f’dan il-qasam; jenfasizza, b’mod partikolari, il-karattru speċifiku li għandu parlament kif ukoll il-ħtieġa ta’ trasparenza u ta’ aċċessibilità li jeżistu flimkien mar-rekwiżiti dwar is-sigurtà; fl-istess ħin, jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-ispiża li dejjem tikber f’dan il-qasam u jqis li hu meħtieġ approċċ differenzjat skont is-sitwazzjoni speċifika ta’ kull post tax-xogħol;

32. Jenfasizza li teħtieġ tingħata spjegazzjoni ċara dwar ir-raġuni li għaliha l-Bureau qed jikkontempla li jakkwista bini ġdid qrib il-faċilitajiet tiegħu fi Brussell, waqt li jqis li hemm wieħed mill-bini tiegħu li m’għadx hemm bżonnu għax-xogħol parlamentari;

Politika għall-komunikazzjoni u l-informazzjoni

33. Jilqa' bi pjaċir il-ftehim dwar il-finanzjament tal-partiti u fondazzjonijiet politiċi Ewropej li għandu jgħin biex tissaħħaħ il-komunikazzjoni maċ-ċittadini - kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħhom - fil-ħajja politika tal-UE; jitlob li jkun hemm aktar diskussjonijiet dwar prinċipji baġitarji għal medda ta' żmien fit-tul f'dan il-qasam;

34. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni finali tal-Bureau dwar il-mudell maniġerjali għaċ-Ċentru tal-Viżitaturi ġdid u jiddeċiedi li jipprovdi t-tlettax-il post mitlub sabiex jiġi żgurat li saflaħħar dan jinfetaħ malajr kemm jista' jkun, u fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard mill-ewwel parti tal-2010;

35. Jiddeċiedi li jqiegħed f'riżerva parti mill-approprjazzjonijiet ta' żewġ linji tal-baġit għall-politika ta' komunikazzjoni tal-Parlament sakemm issir analiżi li tqabbel l-ispiża u l-benefiċċji dwar il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej f'kull Stat Membru u li tqabbel il-miri li jkunu ġew stabbiliti mar-riżultat li jkun inkiseb fir-rigward;

36. Jinnota l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Bureau tiegħu u l-Kumitat għall-Baġits dwar id-Dar tal-Istorja Ewropea; jiddeċiedi li jagħmel disponibbli EUR 1.5 miljun biex jiġu bbaġitjati taħt linja xierqa diġà eżistenti tal-baġit tal-2009, sabiex jiġi żgurat li l-kompetizzjoni tal-periti tkun tista' tkompli u li l-proposti għall-proġett ikunu jistgħu jaslu fil-ħin is-sena d-dieħla; itenni l-opinjoni tiegħu li jeħtieġ informazzjoni dwar l-ispiża kumplessiva tal-proġett; jilqa' bi pjaċir il-ftehim sabiex isir tentattiv biex jinstab finanzjament addizzjonali minn sorsi esterni u biex isir stħarriġ dwar il-koperazzjoni possibbli fil-proġett;

37. Jisħaq fuq l-importanza li jagħti lill-organizzazzjoni effettiva tal-bosta sorsi ta' informazzjoni u servizzi li huma disponibbli għall-Membri u l-istaff fil-Parlament; f'dan ir-rigward, ifakkar fl-istrateġija ġdida adottata għall-ICT taħt id-Direttorat Ġenerali tal-IT u fid-deċiżjoni għall-ħolqien ta' Direttorat għal-Librerija u l-Immaniġġjar tad-Dokumenti fi ħdan is-servizzi tal-Presidenza; jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li tiġi żviluppata "Sistema ta' Ġestjoni tal-Għarfien" ġenerali sabiex tiffaċilita t-tixrid ta' kull informazzjoni, kemm fil-livell politiku, kif ukoll fil-livell amministrattiv; jitlob lill-Bureau tiegħu sabiex jagħti attenzjoni speċjali għall-koperazzjoni bejn is-servizzi varji sabiex jiġi żgurat li l-politika ġenerali tkun koerenti u effettiva f'termini ta' nefqa u, fl-aħħarnett, jilqa' bi pjaċir il-ftehim fil-konċiljazzjoni li ssir preżentazzjoni li tkopri aspetti bħal dawn f'laqgħa tal-Kumitat għall-Baġits;

38.  Jemmen ukoll li l-inklużjoni tas-servizzi għall-ġestjoni ta' dokumenti fid-direttorat il-ġdid imsemmi hawn fuq għandu jtejjeb l-aċċess għall-informazzjoni u jikkontribwixxi għal għarfien aħjar tal-attivitajiet parlamentari; jinsisti li dan għandu jiffaċilita x-xogħol tal-Membri u jtejjeb ukoll it-trasparenza vis-à-vis iċ-ċittadini; jiddeċiedi li japprova l-elementi baġitarji kif inklużi fil-baġit preliminari; fl-istess waqt, jixtieq li jinżamm aġġornat dwar l-organizzazzjoni tiegħu, tbassir rigward spiża u persunal, kif ukoll prodotti u servizzi, inklużi l-miżuri biex jittejjeb l-aċċess għad-dokumenti;

39. Jieħu nota tal-pariri mressqa mill-Kumitati fil-XXXX u tal-pożizzjonijiet simili li ġew espressi; iqis li, fil-parti l-kbira tiegħu, it-tħassib li tqajjem ġie kemm jista' jkun indirizzat permezz tal-emendi baġitarji u l-votazzjoni;

Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja

40. Iqis li l-volum ta' xogħol tal-Qorti li dejjem qed jiżdied f'dawk li huma konsultazzjonijiet, kif ukoll l-urġenza ġdida tal-proċeduri, iġġustifikaw żieda raġjonevoli fil-baġit operazzjonali u l-istruttura organizzativa tagħha fis-sentejn li għaddew, inkluż tisħiħ konsiderevoli ta' staff għall-2009; iqis għalhekk li huwa naturali li mhumiex qed jintalbu postijiet addizzjonali għall-2010; mhuwiex konvint li l-qtugħ mill-Kunsill fir-remunerazzjonijiet previsti u r-rata ta' tnaqqis huma korretti meta wieħed iqis ir-rata attwali ta' reklutaġġ u l-livell ta' persunal effettiv;

41. Għalhekk jiddeċiedi li jerġa' jdaħħal kif kienu fl-APB għadd ta' linji wara li tqiesu l-argumenti li tressqu u wara li kkonsidra l-opinjonijiet tal-kumitati tiegħu;

42. Jinnota li l-effett tal-binjiet ġodda tal-Qorti għadu jinħass u li dan għandu impatt problematiku fuq it-tkabbir komplessiv tal-baġit tiegħu; f'din il-perspettiva, u meta jitqiesu dawn l-ispejjeż li mhumiex irkuprabbli, huwa lest jaċċetta tkabbir kumplessiv ta' 4.5% kif ġie propost, filwaqt li jinnota li l-iżvilupp tal-baġit operazzjonali normali tal-Qorti għandu rata notevolment aktar baxxa ta' +2.5%.

Taqsima V - Il-Qorti tal-Awdituri

43. Japprova l-ħolqien ta' 12-il -post ieħor ta' awdituri, wara l-20 post ta' awdituri approvati fl-2009, minħabba d-domanda li qed tikber, b'mod partikulari mill-awtorita' tal-kwittanza tal-baġit; jenfasizza li l-livelli ta' persunal effettiv u d-domanda ta' xogħol jeħtieġ li jiġu kkunsidrati fil-kuntest aktar wiesa' tal-baġit u tal-ekonomija Ewropea; għalhekk iqis li t-32 post ta' awdituri approvati tul dawn is-sentejn għandhom għal xi snin jipprovdu ċerta kumdità lill-Qorti u jitlob min-naħa l-oħra li l-Qorti tipprijoritizza t-talbiet skont l-urġenza u l-importanza relattiva tagħhom;

44. Jinnota l-progressjoni prevista tal-ispejjeż għall-estensjoni tal-bini K3 u jerġa' jisħaq li meta mqabbla mal-għażla ta' kiri jew xiri, id-deċiżjoni li din tiġi ffinanzjata direttament mill-baġit iżomm dan il-proġett fl-aktar livell baxx possibli għal min iħallas it-taxxi; jieħu nota tal-fatt li d-deċiżjoni li jiġu antiċipati EUR 55 miljun għall-2009 rriżultat fi tnaqqis sinifikanti għal din il-linja tal-baġit fl-2010;

45. B'riżultat ta' kumment li sar fil-verifika esterna rigward il-Qorti nnifisha, iqis li l-ispejjeż għal dan il-proġett jeħtieġ li jitwettqu mill-approprjazzjonijiet approvati għal-linja speċifika tal-bini, u f'ġieħ it-trasparenza, m'għandhomx jiġu bbaġitjati taħt intestaturi/linji oħrajn;

46. Jiddeċiedi li jżid għadd limitat ta' partiti ta' nefqa għat-tixrid ta' rapporti għall-pubbliku mill-Qorti, għal pubblikazzjonijiet fil-Ġurnal Uffiċjali, kif ukoll għal missjonijiet sabiex, meta jkun meħtieġ, espert tematiku jakkompanja l-awditur sabiex jinkiseb fehim aħjar tal-fatti u kwalità itjeb fil-konklużjonijiet;

Taqsima VI - Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

47. Jiddeċiedi li jadotta pożizzjoni ta' kompromess bejn it-talbiet oriġinali tal-Kumitat u l-abbozz tal-baġit tal-Kunsill; għalhekk jiddeċiedi li japprova s-sitt pożizzjonijiet addizzjonali (4 AD5, 1 AST 3 u 1 AST1) u li jaġġusta għal 5% r-rata ġenerali ta' tnaqqis għas-salarji u l-allowances;

48. Jitlob lill-Kumitat sabiex jippreżenta rapport tal-bidu riassuntiv dwar l-operat tas-sistema ta' ppjanar imtejba għall-ispejjeż tal-laqgħat u l-ivjaġġar, kif introdotta fil-baġit preċedenti;

49. Għall-baġits futuri, jitlob ukoll spjegazzjoni qasira dwar kif ir-rimborżi għall-ivvjaġġar u l-allowances jiġu kkalkulati u x'għażliet, jekk jeżistu, għandhom il-membri u l-persunal f'dan ir-rigward;

Taqsima VII - Il-Kumitat tar-Reġjuni

50. Ma jaqbilx mad-deċiżjoni tal-Kunsill li jabolixxi l-għaxar postijiet addizzjonali mitluba għall-Kumitat u jiddeċiedi li jerġa' jdaħħal erbgħa minnhom bħala postijiet projoritarji marbutin max-xogħol politiku tiegħu, u b'mod partikulari mal-assemblea reġjunali; ifakkar madankollu li ż-żiediet ta' persunal tal-Kumitat kienu diġà ġew approvati fl-2009 u għalhekk ma jistax japprova aktar minn hekk meta titqies is-sitwazzjoni ekonomika ġenerali;

51. Jiddeċiedi li jintroduċi rata ta’ tnaqqis ġenerali ta’ 5 % wara li sema' l-argumenti tal-Kumitat rigward il-livelli ta' reklutaġġ u r-rati ta' postijiet vakanti; jinnota li dan għandu jiżgura li l-Kumitat ikollu fondi biżżejjed biex jagħmel tajjeb għall-obbligi tiegħu, filwaqt li jkun hemm xi ftit iffrankar fl-APB;

52. Jadotta pożizzjoni ta' kompromess bejn it-talbiet tal-Kummissjoni u t-tnaqqis tal-Kunsill dwar għadd ta' linji operazzjonali, inklużi riżorsi għall-iżvilupp tal-IT, faċilitajiet għall-kura tat-tfal għall-persunal, u miżuri ta' informazzjoni u komunikazzjoni;

Taqsima VIII - L-Ombudsman Ewropew

53. Ireġġa' l-APB għal li kien wara li jieħu nota tat-tnaqqis tal-Kunsill u wara li sema' l-argumenti tal-Ombudsman; jinsisti li fil-biċċa kbira tiegħu l-iffrakkar limitat meta mqabbel mal-APB jista' jinżamm xorta waħda;

54. Jadotta wkoll pożizzjoni ta' kompromess bejn l-Ombudsman u l-Kunsill f'dak li jirrigwarda l-approprjazzjonijiet meħtieġa għas-salarji u l-allowances;

55. Jaqbel mal-Ombudsman li jkun utli li ssir riflessjoni dwar l-ispiża relatata mal-elezzjoni ta' din il-kariga u fil-fatt iqis li s-sistema attwali li dawn l-ispejjeż jinfirxu fuq snin differenti u fuq partiti differenti tal-baġit, mhijiex trasparenti;

56. Huwa sorpriż li dan il-korp m'għandu prattikament ebda baġit għal miżuri ta' taħriġ u għalhekk jaqbel li jkun hemm ċerta żieda f'dan il-qasam;

Taqsima IX - Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

57. Jirrikonoxxi li l-Kontrollur qiegħed jintalab dejjem aktar sabiex jagħti opinjoni dwar leġiżlazzjonijiet (li jkollhom impatt fuq kwistjonijiet ta' protezzjoni tad-data); iddiskuta din il-kwistjoni pjuttost fil-fond u ħa nota tal-istqarrija li dawn il-konsultazzjonijiet huma obbligatorji għall-Kontrollur; għalhekk jiddeċiedi li jagħmel xi aġġustamenti għall-abbozz tal-baġit li ssuġġerixxa l-Kunsill;

58. Japprova l-ħolqien ta' żewġ pożizzjonijiet oħra (1 AD5 u 1 AST2) li jirrappreżentaw pożizzjoni intermedjarja bejn it-talbiet oriġinali u l-pożizzjoni tal-Kunsill; dan jagħmlu fid-dawl tal-fatt li fl-istess ħin qed tingħata żieda wkoll għall-finanzjament ta' esperti nazzjonali;

59. Jaqbel ukoll ma' ċertu tisħiħ addizzjonali għall-proposta tal-Kunsill rigward għadd limitat ta' intestaturi oħra tal-baġit wara li sema' l-argumenti tal-Kontrollur;

o

o   o

60. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-emendi għat-Taqsimiet I, II, IV, V, VI, VII, VIII u IX tal-abbozz tal-baġit ġenerali, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra u lill-entitajiet ikkonċernati.

2009/2002B(BUD)

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (3.9.2009)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima I - Il-Parlament Ewropew
(C7-0000/2009 – 2009/2002B(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Peter Šťastný

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Ifakkar lill-Membri parlamentari, bħala rappreżentanti eletti taċ-ċittadini, għandhom rwol importanti fin-negozjati kummerċjali u, b'mod partikolari, fin-negozjati tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;

2.   Jenfasizza li l-Parlament u l-Unjoni Interparlamentari, organizzazzjoni internazzjonali bbażata f'Ġinevra, ilhom mill-2002 jorganizzaw u jiffinanzjaw flimkien il-Konferenza Parlamentari dwar l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, mekkaniżmu permanenti ta' sorveljanza parlamentari fuq l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li l-attivitajiet tiegħu jistgħu jkunu intensifikati;

3.   Jinnota li l-għan ewlieni tal-Konferenza Parlamentari dwar l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ hu t-titjib tat-trasparenza esterna tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u li din l-organizzazzjoni tkun responsabbli għal-leġiżlaturi bħala r-rappreżentanti eletti tal-poplu; jinnota wkoll li din hija forum fejn membri mill-parlamenti tad-dinja kollha jaqsmu l-fehmiet, it-tagħrif u l-esperjenzi tagħhom dwar kwistjonijiet ta' kummerċ internazzjonali u jagħtu dimensjoni parlamentari lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ billi: i) jissorveljaw l-attivitajiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u jippromwovu l-effikaċja u l-ekwità tagħhom, ii) jippromwovu t-trasparenza tal-proċeduri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u jtejbu d-djalogu bejn il-gvernijiet, il-parlamenti u s-soċjetà ċivili, u iii) jibnu l-kapaċitajiet fil-parlamenti fil-kwistjonijiet marbuta mal-kummerċ internazzjonali u jeżerċitaw l-influwenza tagħhom fuq id-direzzjoni tad-diskussjonijiet fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;

4.   Itenni l-għan iddikjarat tiegħu li n-negozjati tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ jibdew jimxu id f'id mal-proċess parlamentari; jenfasizza, għalhekk, li fil-ġejjieni se jkun hemm ħtieġa kontinwa li tiġi ffinanzjata din l-attività kruċjali; jinnota, f'dan ir-rigward, li fl-2010 se ssir tal-inqas is-Sessjoni Annwali tal-Konferenza Parlamentari dwar l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, jew fl-istess żmien tal-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ - jekk issir - jew inkella fi Brussell jew f'Ġinevra, u li se jsiru żewġ sessjonijiet tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-Konferenza f'Ġinevra;

5.   Huwa ddeterminat, bħala koorganizzatur tal-Konferenza Parlamentari dwar l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li jiżgura li jkun hemm biżżejjed approprjazzjonijiet biex ikun hemm parteċipazzjoni adegwata, bl-infrastruttura neċessarja, tad-delegazzjonijiet tiegħu fil-laqgħat kollha u biex ikunu koperti l-ispejjez tal-ivvjaġġar u s-sussistenza ta' sitt rappreżentanti tal-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku;

6.   Jirrimarka li, jekk tiġi organizzata Konferenza Ministerjali tall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fl-2010, il-Parlament jiggarantixxi t-tisħiħ tal-linja baġitarja 3 0 4 4 sabiex ikunu koperti l-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni, fl-istess żmien, ta' sessjoni tal-Konferenza Parlamentari dwar l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.9.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Caspary, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Peter Šťastný, Iuliu Winkler, Pablo Zalba Bidegain, Kader Arif, Bernd Lange, David Martin, Emilio Menéndez del Valle, Gianluca Susta, Marielle De Sarnez, Metin Kazak, Niccolò Rinaldi, Yannick Jadot, Caroline Lucas, Robert Sturdy, Joe Higgins, Helmut Scholz, George Becali

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Mário David, Georgios Papastamkos, George Sabin Cutaş, Jörg Leichtfried, Libor Rouček, Catherine Bearder

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 178 (2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Sylvie Guillaume

2009/2002B(BUD)

OPINJONI tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (2.10.2009)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima VIII - Ombudsman Ewropew
(C6-0000/2009 – 2009/2002B(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Margrete Auken

ĠUSTIFIKAZZJONI FIL-QOSOR

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet ħa nota tal-istimi tal-Ombudsman Ewropew tar-rekwiżiti baġitarji tiegħu għas-sena finanzjarja 2010, li ppreżenta lill-awtorità tal-baġit skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Finanzjarju[1].

L-Ombudsman Ewropew għandu dawn il-kompiti fundamentali li ġejjin:

-     jikkoreġi u jipprevjeni l-amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-istituzzjonijiet u tal-korpi Komunitarji permezz tal-ġestjoni tal-ilmenti u l-eżekuzzjoni ta' inkjesti, kemm abbażi ta' lmenti kif ukoll fuq inizjattiva personali;

-     jikkomunika b'mod effikaċi maċ-ċittadini Ewropej biex jinfurmahom bi drittijiethom skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja u jippromwovi rimedji effikaċi għall-ħarsien ta' dawn id-drittijiet.

Fl-eżekuzzjoni ta' dawn il-kompiti l-Ombudsman huwa megħjun minn segretarjat li, barra milli jittratta l-ilmenti u l-inkjesti, jiżvolġi wkoll kompiti orizzontali ta' amministrazzjoni u ġestjoni bil-għan li jiggarantixxi t-tmexxija ġenerali tal-istituzzjoni. Fost dawn il-kompiti nsibu l-ġestjoni tal-baġit, tal-finanzi u tal-persunal, il-korrispondenza maċ-ċittadini, il-ġestjoni informatika, ir-relazzjonijiet ma' istituzzjonijiet oħra, eċċ.

Ammont ta' xogħol

Fl-2008 l-Ombudman irċieva 3 406 ilmenti ġodda (3 214 fl-2007) li minnhom 802 (25%) kienu jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu. Minnhom, 281 kienu inammissibbli u 228, minkejja kienu ammissibbli, ma kellhom l-ebda bażi biex tinfetaħ inkjesta. Infetħet inkjesta f'293 każ (9.1%). L-Ombudsman fetaħ ukoll 3 inkjesti fuq inizjattiva personali u ppubblika Rapport Speċjali wieħed.

Fis-70% tal-każijiet eżaminati fl-2008 ngħatat konsulenza jew il-każ ġie trasferit lil membru tan-Netwerk tal-Ombudsmen, SOLVIT jew lil korpi oħra ta' ġestjoni tal-ilmenti fl-Istati Membri. L-Ombudsman irrefera 191 każ lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet.

Fl-2008 l-Ombudsman għalaq 355 inkjesta (350 fl-2007), b'hekk is-sena 2008 kienet l-aħjar fl-istorja tal-Ombudsman fir-rigward tal-inkjesti magħluqa. Is-sena 2008 kienet ukoll l-aħjar sena fir-rigward tan-numru ta' abbozzi ta' rakkomandazzjonijiet u soluzzjonijiet bonarji proposti u aċċettati. Barra minn hekk żdied ir-ritmu tal-eżekuzzjoni tal-inkjesti. Attwalment 52% tal-inkjesti jingħalqu fi żmien sena u 68% fi żmien sena u nofs.

Karatteristiċi ewlenin tal-baġit 2010

L-istimi tal-Ombudsman Ewropew għall-2010 jammontaw għal total ta' EUR 9,543,000, jiġifieri żieda ta' 7.14% (+ EUR 636,120) meta mqabbel mal-baġit tal-2009. Dan l-ammont jinkludi l-impatt tal-inflazzjoni u ż-żieda fl-għoli tal-ħajja mbassra mill-Kummissjoni.

Ammont ta' EUR 296,000 huwa diġà parzjalment inkluż fil-baġit tal-2009 biex jieħu kont tal-konsegwenzi eventwali tal-elezzjonijiet ta' Ombudsman ġdid. Dawn l-approprjazzjonijiet aktarx ikunu meħtieġa biex ikunu affaċċjati l-konsegwenzi finanzjarji tat-tluq possibbli tal-Ombudsman attwali u tal-elezzjoni ta' Ombudsman ġdid.

L-organigramma tal-Ombudsman fih 63 post (34 AD u 29 AST). Il-kapitolu tal-baġit għall-uffiċjali u l-aġenti temporanji juri żieda ta' 9.56% (+ EUR 545,120). Din iż-żieda se tintuża għall-finanzjament tal-impatt fuq sena sħiħa tas-6 postijiet ġodda mogħtija fl-2009, l-ispejjeż tal-aġġustamenti annwali u tal-promozzjonijiet u tal-avvanzi fil-grad (3 AST u 2 AD) mitluba għall-2010. L-Ombudsman ma talabx postijiet ġodda għall-2010.

Politika fil-qasam tat-taħriġ

Element importanti tal-istimi għall-2010 huwa ż-żieda sostanzjali mitluba għat-taħriġ. L-Ombudsman iddeċieda li jimplimenta politika ġdida fil-qasam tat-taħriġ billi l-istatistika wriet li l-persunal tiegħu, bħala medja, jirċievi konsiderevolment inqas taħriġ (1.8 ijiem) meta mqabbel ma' dak tal-uffiċjali fl-istituzzjonijiet l-oħra. Madwar 70% tal-persunal tal-Ombudsman jaħdem fi Strasburgu u għalhekk jinsab f'pożizzjoni inqas favorevoli biex jibbenefika minn korsijiet ta' taħriġ organizzati fil-Lussemburgu u fi Brussell. Dan il-fattur ġeografiku għandu impatt sinifikanti wkoll f'termini ta' spejjeż tal-missjoni. L-Ombudsman għaldaqstant jitlob żieda ta' EUR 28,000 fil-baġit tiegħu għat-taħriġ.

Iffrankar u allokazzjoni mill-ġdid

L-Ombudsman jeżamina sistematikament kull linja tal-baġit bil-għan li jiffranka fejn ikun possibbli u l-iffrankar li jsir jista’ jintuża biex jiffinanzja l-proġetti identifikati mil-livell maniġerjali għas-sena ta' wara. Bħala riżultat ta' dan l-eżerċizzju, 17-il linja tal-baġit minn 22 qed juru tnaqqis f’termini reali meta mqabbel mal-baġit tal-2009 u 43.7% taż-żieda tal-baġit għat-Titoli I u II (għall-persunal u għall-bini rispettivament) qed tiġi ffinanzjata permezz ta' allokazzjoni interna mill-ġdid tar-riżorsi.

L-isforzi kontinwi tal-Ombudsman biex jiffranka fuq l-ispejjeż tat-traduzzjoni u tal-interpretazzjoni rriżultaw fi tnaqqis ta' 2.2% tal-baġit għall-2009 meta mqabbel ma' dak tal-2008 u fi tnaqqis ulterjuri ta' 8.6% fl-istimi għall-2010 meta mqabbel mal-baġit tal-2009.

L-Ombudsman iffranka wkoll f'dak li għandu x'jaqsam mal-pubblikazzjonijiet prinċipali tiegħu, peress li l-linja tal-baġit rilevanti turi tnaqqis (EUR 436,000 fl-2009 u EUR 422,000 fl-2010).

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Iqis li r-riżorsi tal-baġit mitluba mill-Ombudsman Ewropew se jiżguraw li dan tal-aħħar jaqdi l-obbligi tiegħu b'mod adegwat u li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b'mod effettiv;

2.  Jinnota li l-baġit tal-Ombudsman juri żieda ta' 7.14% (+ EUR 636 120) meta mqabbel mal-baġit tal-2009;

3.  Jilqa' favorevolment il-fatt li fl-2008 l-Ombudsman kien kapaċi jagħlaq 355 inkjesta (350 fl-2007 u 250 fl-2006) u b'hekk l-2008 hi l-aħjar sena f'termini ta' għadd ta' inkjesti magħluqa kif ukoll is-sena li fiha ġie propost u aċċettat l-ogħla numru ta' abbozzi ta' rakkomandazzjonijiet u soluzzjonijiet bonarji;

4.  Jifraħ lill-Ombudsman talli żied ir-ritmu tal-eżekuzzjoni tal-inkjesti, bi 52% tal-inkjesti magħluqa fi żmien sena u 68% fi żmien sena u nofs;

5.  Jinnota li l-Ombudsman ma ppreżentax talba għal postijiet ġodda għall-2010; jappoġġa t-talba tal-Ombudsman relatata mal-avvanz fil-gradi għal ċerti postijiet (3 AST u 2 AD), bil-għan li jippermetti triq normali tal-karriera għall-uffiċjali meritevoli;

6.  Jappoġġa t-talba tal-Ombudsman għal żieda sostanzjali tal-approprjazzjonijiet għat-taħriġ, li tkun tippermettilu jimplimenta politika ta' taħriġ analoga għal dik ta' istituzzjonijiet oħra;

7.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Ombudsman qiegħed ikompli bil-politika tiegħu ta' ffrankar u allokazzjoni mill-ġdid, li, bħala riżultat tagħha, għall-baġit tal-2010, 8.1% tal-baġit operattiv qed jiġi allokat mill-ġdid u 17-il linja tal-baġit minn 22 qed juru tnaqqis f’termini reali meta mqabbel mal-baġit tal-2009; jinnota li 43.7% taż-żieda totali fil-baġit għat-Titoli I u II huwa ffinanzjat permezz ta' allokazzjoni interna mill-ġdid tar-riżorsi;

8.  Jilqa' favorevolment il-fatt li l-Ombudsman kien kapaċi jkompli jiffranka fuq l-ispejjeż tat-traduzzjoni u interpretazzjoni u b'hekk inaqqas l-ispejjeż b'8.6% meta mqabbel mal-baġit tas-sena preċedenti;

9.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman ikompli l-isforzi tiegħu biex jiffranka u jalloka r-riżorsi mill-ġdid, billi jirrikorri fost oħrajn għal ippjanar pluriennali tal-proġetti biex b'hekk jifrex il-bżonn għall-approprjazzjonijiet u jwettaq allokazzjonijiet mill-ġdid bejn linji tal-baġit.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.10.2009

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken,Simon Busuttil, Giles Chichester, Bairbre de Brún, Pascale Gruny, Roger Helmer, Peter Jahr, Lena Barbara Kolarska-Bobińska, Miguel Angel Martínez Martínez, Erminia Mazzoni, Willy Meyer, Mariya Nedelcheva, Chrysoula Paliadeli, Ernst Strasser, Csaba Sándor Tabajdi, Diana Wallis, Angelika Werthmann,

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Sandrine Bélier,Kinga Göncz, Gerald Haefner,

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Pablo Arias Echeverría,

  • [1]  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, 16.09.2002, p. 1).

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

8.10.2009

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

351

 

 

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Damien Abad, Francesca Balzani, Reimer Böge, Daniel Cohn-Bendit, Andrea Cozzolino, Isabelle Durant, James Elles, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Carl Haglund, Edit Herczog, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Ivaylo Kalfin, Sergej Kozlík, Alain Lamassoure, Vladimír Maňka, Barbara Matera, María Paloma Muñiz De Urquiza, Sergio Paolo Francesco Silvestris, László Surján, Helga Trüpel, Angelika Werthmann

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Bastiaan Belder, Maria Da Graça Carvalho, Frederic Daerden, Hynek Fajmon, Louis Grech, Giovanni La Via, Riikka Manner, Georgios Stavrakakis, Derek Vaughan

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali