RAPPORT dwar l-aspetti istituzzjonali tal-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
20.10.2009 - (2009/2133(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Elmar Brok
Rapporteur għal opinjoni (*):
Annemie Neyts-Uyttebroeck, Kumitat għall-Affarijiet Barranin
(*) Kumitat assoċjat - Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-aspetti istituzzjonali tal-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3(5) u l-Artikoli 18, 21, 24, 26, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fil-verżjoni li toħroġ mit-Trattat ta’ Liżbona,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Nru 15 dwar l-Artikolu 27 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mehmuża mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta' Liżbona,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Frar 2008 dwar it-Trattat ta’ Liżbona, in partikolari l-paragrafu 5, punt (e)[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Settembru 2000 dwar diplomazija Komunitarja komuni[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2001 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp ta' servizz estern[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Mejju 2005 dwar l-aspetti istituzzjonali tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna[4],
– wara li kkunsidra l-workshop li sar mill-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Kostituzzjonali fl-10 ta' Settembru 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0041/2009),
A. billi l-forma tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (EEAS) huwa estremament importanti jekk ir-relazzjoni esterni tal-Unjoni jridu jsiru aktar koerenti u effiċjenti u jekk il-profil tagħhom irid jogħla,
B. billi l-EEAS huwa konsegwenza tat-tliet innovazzjonijiet introdotti mit-Trattat ta’ Liżbona: l-elezzjoni ta’ President tal-Kunsill Ewropew li ma jirroteax u li huwa responsabbli mir-rappreżentazzjoni esterna tal-Unjoni f’livell ta’ kap ta’ stat jew ta’ gvern; in-nomina mill-Kunsill Ewropew, bi qbil mal-President tal-Kummissjoni, tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, li se jkun il-Viċi President tal-Kummisssjoni responsabbli mir-relazzjonijiet esterni ("il-VP/HR"); u l-għoti espliċitu ta’ personalità ġuridika lill-Unjoni, maħsuba biex tagħtiha libertà sħiħa ta’ azzjoni f’livell internazzjonali,
C. billi l-EEAS hija estensjoni loġika tal-acquis communautaire fl-isfera tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, billi se jirriżulta f'koordinament aktar mill-qrib bejn l-unitajiet amministrattivi kkonċernati f’dak li għandu x’jaqsam ma’ approċċ komuni għall-politika barranija u tas-sigurtà komuni (CFSP), u f’li r-relazzjonijiet esterni tal-Komunità jitmexxew b’konformità mal-mudell tal-Komunità; billi l-EEAS tikkomplementa r-rappreżentanzi diplomatiċi mingħajr ma tiddeleġittimizzahom,
D. Ifakkar li l-irwol tal-Unjoni Ewropea bħala attur globali żdied tul dawn l-aħħar għaxriet ta’ snin u li jinħtieġ approċċ ġdid jekk l-UE għandha taġixxi b’mod kollettiv u taffronta l-isfidi globali b’mod koerenti, konsistenti u effiċjenti;
E. Jenfasizza l-fatt li l-Parlament Ewropew talab b’mod konsistenti li jinħoloq servizz diplomatiku Ewropew komuni, li jkun adattat għall-irwol internazzjonali tal-Unjoni, u li se jżid il-viżibilità tal-Unjoni u jtejjeb il-kapaċità tagħha li taġixxi b'mod effettiv fl-arena internazzjonali; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħtfu l-opportunità offruta mit-twaqqif tal-EEAS biex joħolqu politika barranija aktar koerenti, konsistenti u effettiva;
F. billi t-twaqqif tal-EEAS għandu jikkontribwixxi biex jiġu evitati d-duplikazzjoni, l-ineffiċjenza, u l-użu ħali tar-riżorsi f'dak li għandu x'jaqsam mal-azzjoni esterna tal-Unjoni,
G. billi l-EEAS għandha sservi biex l-UE ssir aktar viżibbli bħala s-sieħba ewlenija tan-nazzjonijiet li qegħdin jiżviluppaw, u għandha tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tajba tal-UE mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;
H. billi t-Trattat ta' Liżbona jiddistingwi l-kooperazzjoni għall-iżvilupp bħala qasam ta' politika awtonomu b'għanijiet speċifiċi u fuq l-istess livell ta' politiki esterni oħrajn,
I. billi fid-Dikjarazzjoni Nru 15 dwar l-Artikolu 27 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-gvernijiet tal-Istati Membri stipulaw li l-VP/HR, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jibdew xogħol preparatorju fuq l-EEAS hekk kif jiġi ffirmat it-Trattat ta’ Liżbona,
J. billi wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona, il-VP/HR se jkun responsabbli mill-koerenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni; billi, f'konformità ma’ dak il-kompitu, fil-kapaċità tiegħu ta’ Viċi President tal-Kummissjoni, il-VP/HR se jkun qed jeżerċita r-responsabilitajiet għar-relazzjonijiet esterni tal-Kummissjoni u, fl-istess waqt, jimplimenta s-CFSP skont l-istruzzjonijiet tal-Kunsill (jiġifieri, li jilbes żewġ kpiepel); filwaqt li l-VC/RGħ se jagħmel użu mill-EEAS; billi l-EEAS se jkollu bħala staff l-uffiċjali tas-Segretarjat tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u persunal issekondat mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali,
K. billi, mogħti s-setgħa mit-Trattati u mill-jedd tal-istituzzjonijiet tal-Komunità li jorganizzaw l-affarijiet tagħhom infushom, kif rikonoxxut mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni għandha, ladarba l-azzjoni esterna tal-Komunitajiet espandiet, twaqqaf bosta delegazzjonijiet għal pajjiżi terzi u għall–organizzazzjonijiet internazjzonali; billi l-Kunsill għandu uffiċju ta’ kollegament fi New York u f'Ġinevra biex jieħdu ħsieb ir-relazzjonijiet man-Nazzjonijiet Uniti; billi l-input ikkombinat ta’ dawk id-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-uffiċjali ta' kollegament tal-Kunsill jew il-konverżjoni tagħhom f'rappreżentanzi konġunti tal-Kunsill u l-Kummissjoni se joħloq netwerk bi staff ta' madwar 5,000 ruħ, bħala wieħed mill-pedamenti għall-ħolqien tal-EEAS,
L. billi l-organizzazzjoni u l-operazzjoni tal-EEAS se jitwaqqfu b’deċiżjoni tal-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta tal-VP/RGħ wara li jkun ikkonsulta mal-Parlament u wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Kummissjoni, ladarba t-Trattat ta' Liżbona jkun daħal fis-seħħ,
M. billi għadd ta’ kwistjonijiet ta’ prinċipju f’dak li għandu x’jaqsam mal-forma tal-EEAS għandhom jiġu riżolti kmieni biżżejjed biex l-EEAS ikun jista' jibda b'ħidmietu kemm jista' jkun malajr wara l-ħatra tal-VP/HR,
N. filwaqt li jitqies il-fatt li l-Parlament Ewropew se jkun qed jiġi kkonsultat dwar it-twaqqif tal-EEAS, u minħabba l-konsegwenzi baġitarji, jemmen li djalogu bikri u sostantiv mal-Parlament huwa essenzjali biex l-EEAS jibda b’mod effettiv u biex jiġi żgurat li jirċievi r-riżorsi finanzjarji meħtieġa,
1. Jinnota li, wara diskussjoni intensi dwar il-kostituzzjoni tal-EEAS, il-Konvenzjoni pproponiet mudell li jagħti rwoli importanti lill-Parlament u lill-Kummissjoni; jindika li l-proċedura speċjali li l-Konferenza Intergovernattiva eventwalment qablet li tadotta fit-Trattat ta’ Liżbona – li permezz tagħha l-Kunsill jaġixxi unanimament fuq proposta mill-VP/RGħ, wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew u wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Kummissjoni – iżżomm l-ekwilibriju interistituzzjonali tal-Unjoni u tirrikjedi soluzzjoni msejsa fuq il-konsensus;
2. Ifakkar lill-Kummissjoni mill-ġdid li d-deċiżjoni li jitwaqqaf l-EEAS ma tistax tittieħed mingħajr qbil mal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni, fil-ħidma preparatorja tagħha fuq l-EEAS, li titfa l-piż kollu tagħha bħala istituzzjoni lil hinn mill-objettiv tal-preżervazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-mudell tal-Komunità fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni; ifakkar, inoltre, li t-twaqqif tal-EEAS għandu jinkludi ftehima mal-aspetti baġitarji;
3. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-VP/HR li jmiss biex jimpenjaw ruħhom biċ-ċar biex jaslu, bl-involviment tal-Parlament, għal pjan komprensiv, ambizzjuż u konsenswali għat-twaqqif tal-EEAS.
4. Jirrakkomanda li l-istrateġija rigward l-EEAS, li għandu jitwaqqaf skont it-termini tal-Artikoli 18, 27 u 40 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fil-verżjoni li tirriżulta mit-Trattat ta' Liżbona, għandha tevolvi fid-dawl tal-esperjenza; jikkunsidra li korp bħalma huwa l-EEAS ma jistax ikun ċirkumskritt kompletament jew predeterminat bil-quddiem, imma għandu jinbena bi proċess gradat imsejjes fuq il-fiduċja reċiproka u fond dejjem jikber ta' perizja u esperjenza kondiviża;
5. Ifakkar li l-EEAS għandu jiggarantixxi l-applikazzjoni sħiħa tal-Karta tal-Jeddijiet Fundamentali fl-aspetti kollha tal-azzjoni esterna tal-Unjoni skont l-ispirtu u l-iskop tat-Trattat ta’ Liżbona; jisħaq dwar ir-responsabbilità tal-EEAS li tiggarantixxi l-konsistenza bejn l-azzjoni esterna tagħha u l-politiki l-oħrajn tagħha skont it-termini tal-Artikolu 21(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fil-verżjoni tiegħu skont ma joħroġ mit-Trattat ta’ Liżbona;
6. Jafferma l-prinċipji li ġejjin u jħeġġeġ lill-Kummissjoni li, hi u tagħmel proposti futuri, tinsisti fuq il-konformità ma’ dawk il-prinċipji, skont l-ispirtu u l-iskop tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Liżbona u l-ispirtu tad-deliberazzjonijiet tal-Konvenzjoni:
(a) il-ħatriet għall-EEAS għandhom isiru fuq il-bażi tal-mertu, il-kompetenza u l-eċċellenza fi proporzjonijiet xierqa u bbilanċjati mill-Kummissjoni, il-Kunsill u s-servizzi diplomatiċi nazzjonali permezz ta’ proċess miftuħ u trasparenti, biex jiġi żgurat li l-VP/HR ikun jista’ joqgħod fuq l-għarfien u l-esperjenza tat-tlieta li huma bl-istess mod; barra minn hekk, l-istruttura istituzzjonali tal-EEAS għandha tinkludi arkitettura tas-sessi li debitament tirrifletti l-impenji magħmulin mill-Unjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-mainstreaming tas-sessi;
(b) l-EEAS għandu jieħu forma li ttejjeb l-konsistenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u r-rappreżentanza tagħha fir-relazzjonijiet barranin, għal liema skop partikolarment għandhom jinġiebu taħt il-kappa tal-EEAS l-unitajiet li għandhom x'jaqsmu mar-relazzjonijiet esterni fis-sens strett flimkien mal-pożizzjonijiet l-aktar anzjani fid-delegazzjonijiet għal pajjiżi terzi; waqt li jkun hemm aktar żvilupp, għandhom jiġu kkunsidrati liema funzjonijiet oħrajn għandhom jiġu assenjati lill-EEAS;
(c) madankollu, mhuwiex neċessarju li d-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni jitneżżgħu mir-responsabbiltajiet tagħhom għar-relazzjonijiet esterni; b’mod partikolari fl-oqsma fejn il-Kummissjoni għandha poteri eżekuttivi, l-integrità tal-politiki attwali tal-Komunità li għandhom dimensjoni esterna għandha tiġi ppreżervata; il-Kummissjoni, biex ma jkunx hemm duplikazzjoni, għandha tipprovdi mudell speċifiku għad-dipartimenti kkonċernati, bħalma huma d-Direttorati Ġenerali għall-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp u r-relazzjonijiet mal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, il-EuropeAid, l-Uffiċċju Umanitarju tal-Komunità Ewropea, id-dipartiment għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, id-dipartiment għall-Assistenza fl-Elezzjonijiet, u l-unitajiet orjentati lejn l-estern tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji;
(d) l-unitajiet għall-ġestjoni tal-kriżijiet militari u ċivili għandhom jitqiegħdu taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli, filwaqt li l-istruttura tal-kmand u tal-organizzazzjoni tista' tkun differenti minn dik għall-istaff ċivili; il-kondiviżjoni tal-analiżi tal-intelligence tal-parteċipanti fl-EEAS hija ta’ importanza vitali biex ikun assistit ir-Rappreżentant Għoli fil-qadi tal-mandat għat-tmexxija ta’ politika esterna tal-Unjoni li tkun koerenti, konsisti u effiċjenti;
(e) id-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni għal pajjiżi terzi u l-uffiċji ta' kollegament tal-Kunsill, kif ukoll l-uffiċċji tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE fejn dan ikun possibbli, għandhom jitwaħħdu biex jiffurmaw l-'ambaxxati tal-Unjoni', immexxijin mill-istaff tal-EEAS, li għandu jkun responsabbli lejn il-VP/RGħ; il-konsulenti speċjalisti mid-Direttorati-Ġenerali tal-Kummissjoni ma għandhomx ma jitħallewx ikunu issekondati biex jaħdmu f’dan il-qafas;
(f) l-EEAS għandu jiżgura li l-Parlament Ewropew ikollu persuni ta' kuntatt fid-delegazzjonijiet tal-UE li jiggarantixxu l-kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew (pereżempju, biex jitrawmu l-kuntatti parlamentari f'pajjiżi terzi);
7. Hu tal-fehma li, bħala servizz sui generis mill-aspett organizzattiv u baġitarju, l-EEAS għandu jkun inkorporat fl-istruttura amministrattiva tal-Kummissjoni, billi dan jiżgura trasparenza sħiħa; jikkunsidra li d-deċiżjoni marbuta mat-twaqqif tal-EEAS għandha tiżgura b'mod legalment vinkolanti, permezz tal-poteri direttorjali tal-VPR/Għ, li s-Servizz – kif previst fit-Trattat ta' Liżbona – ikun soġġett għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill fl-oqsma tradizzjonali tal-politika esterna (CFSP u CSDP) u soġġett għad-deċiżjonijiet tal-Kulleġġ tal-Kummissarji fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni komuni; jemmen li l-EEAS għandu jkun ikkostitwit kif ġej:
(a) l-istaff kollu tal-EEAS għandu jkollu l-istess stejtus permanenti jew temporanju u l-istess jeddijiet u obbligi irrispettivament mill-oriġini tagħhom, per eżempju, ma għandu jkun hemm l-ebda differenza bejn l-uffiċjali temporanji u dawk permanenti f’dak li għandu x’jaqsam mad-doveri tagħhom jew il-pożizzjoni tagħhom fl-organigramma; b'riħet l-oriġini differenti tagħhom, l-istejtus tal-istaff temporanju għandu jkun soġġett għar-Regolamenti tal-Impjegati tal-Uffiċjali tal-UE, bil-proviso li l-awtoritajiet tal-oriġini jissekondawhom ħalli jaħdmu mal-EEAS fl-interess tas-servizz;
(b) is-setgħat tal-awtorità li tinnomina għall-EEAS għandhom jiġu assenjati lil-VP/RGħ, ħalli jkun żgurat li l-istruzzjonijiet tas-servizz jinħarġu in konformità mar-responsabbiltajiet naxxenti mit-Trattat u li l-VP/RGħ jiddeċiedi dwar in-nomini tal-istaff, il-promozzjonijiet u t-terminazzjonijiet tas-servizz;
(c) fil-kuntest tal-istruzzjonijiet li jiġu mir-responsabbiltajiet definiti fit-Trattati, l-istaff tal-EEAS għandu jkollu ċerta indipendenza oġġettiva, biex b’hekk l-istaff ikun jista' jwettaq id-doveri tiegħu bl-aktar mod ottimali; indipendenza bħal din tista' tkun żgurata b'ħatriet għal perjodi fissi, pereżempju ta' ħames snin, bil-possibilità ta’ estensjoni, li jistgħu jitnaqqsu biss jekk il-membru kkonċernat tal-istaff jikser l-obbligi uffiċjali;
(d) b’analoġija mal-preċedenti[5], ir-responsabilità għat-twettiq tad-doveri tal-awtorità li taħtar f’dak li għandu x’jaqsam mal-amministrazzjoni tal-impjieg tal-istaff tal-EEAS u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-VP/HR dwar il-ħatriet, il-promozzjonijiet u l-estensjoni jew it-terminazzjoni tas-servizz għandha tkun assenjata lid-Direttorat Ġenerali rilevanti tal-Kummissjoni;
(e) l-assekondament fil-EEAS tas-servizzi diplomatiċi nazzjonali għandu jkun ittrattat bħala parti integranti mill-iter tal-karriera f’dawk is-servizzi;
(f) id-deċiżjoni dwar it-twaqqif tal-EEAS għandha tistabbilixxi l-istruttura organizattiva tas-servizz, bil-provvediment li l-organigramma għandha tkun adottata bħala anness għall-baġit tal-Kummissjoni (nefqa amministrattiva) bħala parti mill-proċedura tal-baġit annwali, biex b'hekk ikun possibbli li jinbena servizz b'mod strutturat, li jżomm il-pass mal-ħtiġijiet aċċertati;
(g) il-ħolqien tal-EEAS jirrikjedi aġġustament tal-Ftehima Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[6], kif hemm fil-punt 4 u fil-parti G tagħha; il-prinċipju tat-taqsim tan-nefqa operattiva u amministrattiva (l-Artikolu 40(2) tar-Regolament Finanzjarju[7]) għandu jkun osservat b'mod strett; ifakkar fil-ħtieġa li jintlaħaq ftehim mal-Parlament dwar il-proposti futuri tal-Kummissjoni li jemendaw ir-regolament finanzjarju u r-regolament tal-istaff;
(h) Itenni d-determinazzjoni tiegħu li jeżerċita l-poteri baġitarji tiegħu sal-massimu in konnessjoni ma' dawn l-innovazzjonijiet istituzzjonali; jisħaq li l-aspetti kollha tal-arranġamenti tal-finanzjamenti għall-EEAS għandhom jibqgħu taħt is-superviżjoni tal-awtorità baġitarja skont it-termini tat-Trattati;
(i) għaż-żmien ta’ assenza, il-VP/RGħ għandu jiddeċidi dwar sostitut skont il-każ u fid-dawl tad-doveri li jkunu jridu jitwettqu f'tali okkażjoni;
8. Jikkunsidra li l-EEAS għandu:
(a) ikun ikkappeġġat minn Direttur-Ġenerali responsabbli lejn il-VP/RGħ, liema Direttur-Ġenerali jkun jista' jirrappreżenta lir-Rappreżentant Għoli f'ċerti każijiet;
(b) ikun maqsum f’numru ta’ direttorati, u kull wieħed minnhom ikun responsabbli għal qasam importanti ġeostrateġikament tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, u direttorati oħrajn għal kwestjonijiet ta’ politika ta' sigurtà u difiża, ġestjoni ta’ kriżijiet mhux-militari, affarijiet mulilaterali u orizzontali inklużi l-jeddijiet tal-bniedem u l-materji amministrattivi;
(c) ikun jistruttura l-kooperazzjoni tal-unitajiet tal-pajjiżi fi Brussell mad-delegazzjonijiet (ambaxxati) tal-Unjoni f’pajjiżi terzi fil-kuntest ta’ kull direttorat;
(d) Jinnota li, filwaqt li d-delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi terzi se tikkumplementaw ir-rappreżentanzi diplomatiċi ġa eżistenti tal-Istati Membri, se jkun hemm possibilitajiet għal kisbiet fit-terminu t-twil fl-effiċjenza, peress li d-delegazzjoni futura tal-UE tkun tista' f'ħafna każijiet tieħu f'idejha s-servizzi konsolari u tittratta hi stess mal-kwestjonijiet tal-viżi Schengen;
9. Jemmen li d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-operazzjoni tal-EEAS għandha wkoll tistipula li l-ambaxxati tal-Unjoni f’pajjiżi terzi għandhom, kulfejn ikun neċessarju, skont ir-riżorsi għad-dispożizzjoni tagħhom, jagħtu appoġġ loġistiku u amministrattiv lill-membri tal-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni; billi d-delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea se jkunu parti sħiħa mill-EEAS, u billi għandhom jieħdu l-istruzzjonijiet tagħhom mill-VP/HR u jkunu soġġetti għas-superviżjoni tiegħu u jkunu jappartjenu amministrattivament għall-Kummissjoni, jitlob li jkun hemm impenn min-naħa tal-VP/HR li jmiss biex jgħarraf lill-Kumitat tal-Parlament għall-Affarijiet Barranin bil-ħatriet għall-pożizzjonijiet għoljin fl-EEAS magħmulin minnu stess u biex jaqbel mal-Kumitat li jkun qiegħed imexxi s-seduti ta' smigħ mal-persuni nominati, jekk il-Kumitat jiddeċiedi hekk; Jitlob ukoll l-impenn tal-VP/HR li jmiss biex jinnegozja mill-ġdid il-ftehima interistituzzjonali attwali mal-Parlament Ewropew, b’mod partikulari dwar l-aċċess għal informazzjoni sensittiva u dwar kwistjonijiet rilevanti oħrajn għal kooperazzjoni istituzzjonali bla tfixkil;
10. Billi d-delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea se jkunu parti sħiħa mill-EEAS, u billi għandhom jieħdu l-istruzzjonijiet tagħhom mill-VP/HR u jkunu soġġetti għas-superviżjoni tiegħu u jkunu jappartjenu amministrattivament għall-Kummissjoni, jitlob li jkun hemm impenn min-naħa tal-VP/HR li jmiss biex jgħarraf lill-Kumitati tal-Parlament għall-Affarijiet Barranin u l-Iżvilupp bil-ħatriet għall-pożizzjonijiet għoljin fl-EEAS magħmulin minnu stess u biex jaqbel mal-Kumitat li jkun qiegħed imexxi s-seduti ta' smigħ mal-persuni nominati, jekk il-Kumitat jiddeċiedi hekk; Jitlob ukoll l-impenn tal-VP/HR li jmiss biex jinnegozja mill-ġdid il-ftehima interistituzzjonali attwali mal-Parlament Ewropew, b’mod partikulari dwar l-aċċess għal informazzjoni sensittiva u dwar kwistjonijiet rilevanti oħrajn għal kooperazzjoni istituzzjonali bla tfixkil;
11. Jipproponi li jsir stħarriġ biex jiġi ddeterminat sa kemm l-istaff tal-ambaxxati tal-Unjoni li jkunu ssekondati mis-servizzi konsolari nazzjonali, ikunu jistgħu jassumu responsabilità lil hinn mill-kompiti politiċi u ekonomiċi tagħhom, fejn dan ikun neċessarju, biex jagħmlu kompiti konsolari marbutin ma’ ċittadini ta’ pajjiżi li ma jkunux membri u għal kompiti marbutin mal-protezzjoni diplomatika u konsolari taċ-ċittadini tal-Unjoni f’pajjiżi terzi, kif hemm diġà previst fl-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-KE; jipproponi, barra minn hekk, li jiġu kkunsidrati l-possibilitajiet ta’ kooperazzjoni bejn l-uffiċjali tal-Parlament u l-EEAS;
12. Jikkunsidra li huwa neċessarju li jittieħdu aktar passi f’dak li għandu x’jaqsam mal-għoti ta’ taħriġ fir-relazzjonijiet esterni lill-uffiċjali tal-Unjoni; jissuġġerixxi li jitwaqqaf kulleġġ diplomatiku Ewropew li, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-korpi approprijati fl-Istati Membri, jagħti lill-uffiċjali tal-Unjoni u lill-uffiċjali tal-Istati Membri li jaħdmu f'funzjonijiet ta' relazzjonijiet esterni, taħriġ imsejjes fuq kurrikuli uniformement armonizzati li jkunu jinkludu taħriġ xieraq fil-proċeduri konsolari u ta' legazzjoni, fid-diplomazija u fir-relazzjonijiet internazzjonali, flimkien mal-għarfien tal-istorja u tal-ħidma tal-Unjoni Ewropea;
13. Jitlob lill-VP/HR jabbozza proposta għal deċiżjoni dwar l-organizzazzjoni u l-modus operandi tal-EEAS li tqis il-linji gwida stipulati f'din ir-Riżoluzzjoni; jirriżerva l-jedd li jadotta pożizzjoni dwar dik il-proposta b’mod dettaljat skont it-termini tal-Artikolu 27(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fil-verżjoni li tirriżulta mit-Trattat ta' Liżbona, u li jeżamina l-aspetti finanzjarji fil-kors tal-proċedura baġitarja; jirrakkomanda, b’danakollu, li jintlaħaq ftehim politiku mal-Parlament dwar kull materja fi stadju bikri biex jiġi evitat li jinħela l-ħin prezzjuż fuq kontroversji politiċi dwar il-forma li għandu jieħu l-EEAS wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona;
14. Jitlob lill-Kummissjoni tagħti l-kunsens tagħha għall-proposta tal-VP/HR jekk kemm-il darba tkun tista' tgħid qiegħda tikkonforma mal-linji gwida misjubin f'din ir-Riżoluzzjoni jew jekk kemm-il darba tintlaħaq soluzzjoni ta' kompromess differenti b’konsensus permezz ta’ kuntatti interistituzzjonali li jinvolvu lill-Parlament;
15. Hu determinat li jitlob lill-Viċi President innominat mill-Kummissjoni li jmiss biex jieħu pożizzjoni dwar il-kwistjonijiet mqajma f'din ir-Riżoluzzjoni meta jiltaqa' mal-kumitat rilevanti għas-seduta ta' smigħ fil-kors tal-proċedura għall-ħatra tal-Kummissjoni li jmiss;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 25.
- [2] ĠU L 135, 7.5.2001, p. 69.
- [3] ĠU C 53 E, 28.2.2002, p. 390.
- [4] ĠU C 117 E, 18.5.2006, p.232.
- [5] Eż. l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-OLAF (ĠU L 136, 31.5.1999, p.20).
- [6] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
- [7] Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN (*) (19.10.2009)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
dwar l-aspetti istituzzjonali tal-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
(2009/2133(INI))
Rapporteur għal opinjoni(*): Annemie Neyts-Uyttebroeck
(*) Proċedura b'kumitati assoċjati – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Ifakkar li l-irwol tal-Unjoni Ewropea bħala attur globali żdied tul dawn l-aħħar għaxriet ta’ snin u li jinħtieġ approċċ ġdid jekk l-UE għandha taġixxi b’mod kollettiv u taffronta l-isfidi globali b’mod koerenti, konsistenti u effiċjenti;
2. Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżultat tar-referendum Irlandiż, ħaġa li twitti t-triq biex titkompla sal-aħħar il-proċedura għar-ratifika tat-Trattat ta’ Liżbona u t-twaqqif ta’ struttura istituzzjonali ġdida, inkluż President permanenti tal-Kunsill Ewropew, li jkun jiżgura rappreżentanza esterna tal-UE dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-politika komuni tagħha dwar l-affarijiet barranin u s-sigurtà (CFSP), u l-post il-ġdid ta’ Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika tal-Affarijiet Barranin u tas-Sigurtà, li jkun jaġixxi wkoll bħala Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea; josserva li r-Rappreżentant Għoli se jingħatalu l-mandat mill-Kunsill biex imexxi s-CFSP tal-Unjoni u biex jagħmel proposti għall-iżvilupp ta’ dik il-politika u li l-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni esterna tal-Unjoni se jkunu żgurati mill-Kunsill u mir-Rappreżentant Għoli; ifakkar li, fit-twettiq tal-mandat tiegħu/tagħha, ir-Rappreżentant Għoli se jiġi assistit/tiġi assistita mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (EEAS);
3. Jenfasizza l-fatt li l-Parlament Ewropew talab b’mod konsistenti li jinħoloq servizz diplomatiku Ewropew komuni, li jkun adattat għall-irwol internazzjonali tal-Unjoni, u li se jżid il-viżibilità tal-Unjoni u jtejjeb il-kapaċità tagħha li taġixxi b'mod effettiv fl-arena internazzjonali; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħtfu l-opportunità offruta mit-twaqqif tal-EEAS biex joħolqu politika barranija aktar koerenti, konsistenti u effettiva;
4. L-istruttura istituzzjonali tal-EEAS għandha tinkludi struttura li tirrispetta d-differenzi bejn is-sessi li tkun tirrifletti l-impenji magħmulin mill-Unjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-integrazzjoni tas-sessi;
5. Filwaqt li jqis il-fatt li l-Parlament Ewropew se jkun ikkonsultat dwar it-twaqqif tal-EEAS, u minħabba l-konsegwenzi baġitarji, jemmen li djalogu bikri u sustantiv mal-Parlament huwa essenzjali li jsir sabiex iseħħ proċess ta’ tibdija effettiv tal-EEAS u biex ikun żgurat li jirċievi r-riżorsi finanzjarji meħtieġa;
6. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli biex joffri/toffri l-proposti tiegħu/tagħha mill-aktar fis possibbli; jinsisti li għandu jkun hemm konformità mal-prinċipji li ġejjin:
(a) l-EEAS m'għandux ikun servizz awtonomu iżda għandu jkun stabbilit u mwaqqaf fil-limiti ta’ kompetenza amministrattiva u baġitarja tal-Kummissjoni, filwaqt li jwettaq fedelment il-mandat tiegħu skont it-Trattat li jassisti lill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli fit-twettiq tal-politika komuni barranija u ta' sigurtà f’isem il-Kunsill kif ukoll ikompli jsegwi l-azzjoni esterna tal-Kummissjoni;
(b) l-EEAS għandu jittratta mal-CFSP u mal-politika ta’ sigurtà u difiża komuni (CSDP) u mal-kompiti u l-politiki li bħalissa jiġu ttrattati mid-Direttorat Ġenerali għar-Relazzjonijiet Esterni (DG Relex) fil-Kummissjoni; barra minn hekk, ir-Rappreżentant Għoli għandu jippreżenta/għandha tippreżenta proposta komprensiva dwar kif politiki esterni maġġuri oħra marbuta mal-azzjoni se jkunu organizzati fl-istruttura istituzzjonali l-ġdida; it-tkabbir, il-kummerċ, l-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja flimkien jikkostitwixxu parti sostanzjali tal-politiki esterni globali tal-UE; hemm raġunijiet konvinċenti biex fis-servizz il-ġdid tiġi inkluża l-politika tal-iżvilupp;
(c) l-EEAS għandu jinkludi l-unitajiet għall-ġestjoni tal-kriżijiet militari u ċivili fis-Segretarjat tal-Kunsill, ukoll jekk għall-persunal militari l-istruttura ta' kmand u ta' organizzazzjoni għandu mnejn tkun differenti minn dik tal-persunal ċivili; il-kondiviżjoni tal-analiżi tal-intelligence tal-parteċipanti fl-EEAS hija ta’ importanza vitali biex ikun assistit ir-Rappreżentant Għoli fil-qadi tal-mandat għat-tmexxija ta’ politika esterna tal-Unjoni li tkun koerenti, konsisti u effiċjenti;
(d) ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħti/għandha tagħti attenzjoni partikulari lill-kwistjonijiet ta’ reklutaġġ u ta’ staff, peress li l-EEAS se jiġbor fih staff mill-Kummissjoni, mill-Kunsill u mill-Istati Membri; biex l-EEAS isir servizz diplomatiku professjonali se jkun jinħtieġ li jkollu riżorsi u staff adegwati fuq il-bażi tal-mertu u b’kunsiderazzjoni għall-proċeduri tal-għażla xierqa u bilanċ ġeografiku adegwat;
(e) id-diplomatiċi u l-istaff tal-Istati Membri li jkunu ġejjin mill-Kummissjoni u mill-Kunsill għandu jkollhom status u rwol ekwivalenti, u għandhom ikunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet tal-impjieg, kemm jekk ikunu ssekondati, aġenti temporanji jew uffiċjali tal-UE;
(f) il-ħolqien ta’ esprit de corps permezz tat-taħriġ konġunt u l-iżvilupp professjonali huwa essenzjali għall-objettiv aħħari tal-EEAS li jinħoloq qafas ta’ diplomazija integrata li jwaħħad il-livelli nazzjonali u Ewropew tad-diplomazija; sabiex tiġi żviluppata kultura diplomatika Ewropea komuni fir-relazzjonijiet internazzjonali tal-UE, għandhom ikunu rikjesti programmi ta' taħriġ konġunt u sillabu diplomatiku komuni; il-miżuri eżistenti ta' taħriġ u n-netwerks taċ-ċentri għat-taħriġ diplomatiku jistgħu jittejbu b'mod utli. Jistgħu possibilment ukoll jingħaqdu flimkien f'Akkademja Diplomatika Ewropea bbażata, inter alia, fuq stabbilimenti rilevanti tal-Istati Membri;
(g) l-EEAS għandu jiżgura li l-Parlament Ewropew ikollu persuni ta' kuntatt fid-delegazzjonijiet tal-UE li jiggarantixxu l-kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew (pereżempju, biex jitrawmu l-kuntatti parlamentari f'pajjiżi terzi);
7. billi d-delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea se jkunu parti sħiħa mill-EEAS, u billi għandhom jieħdu l-istruzzjonijiet tagħhom mir-Rappreżentant Għoli u jkunu soġġetti għas-superviżjoni tiegħu u jkunu jappartjenu amministrattivament għall-Kummissjoni, jitlob li jkun hemm impenn min-naħa tar-Rappreżentant Għoli li jmiss biex jgħarraf lill-Kumitat tal-Parlament għall-Affarijiet Barranin bil-ħatriet għall-pożizzjonijiet għoljin fl-EEAS magħmulin minnu stess u biex jaqbel mal-Kumitat li jkun qiegħed imexxi s-seduti ta' smigħ mal-persuni nominati, jekk il-Kumitat jiddeċiedi hekk; Jitlob ukoll l-impenn tar-Rappreżentant Għoli li jmiss għar-rinegozjazzjoni tal-ftehima interistituzzjonali ta’ bħalissa mal-Parlament Ewropew, b’mod partikulari dwar l-aċċess għal informazzjoni sensittiva u kwestjonijiet relevanti oħrajn għalbiex ikun hemm kooperazzjoni istituzzjonali li timxi mingħajr intoppi;
8. Jinnota li, filwaqt li d-delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi terzi se jikkomplementaw ir-rappreżentanzi diplomatiċi eżistenti tal-Istati Membri, se jkun hemm possibilitajiet għal kisbiet fit-tul fl-effiċjenza, billi d-delegazzjoni futura tal-UE tkun tista' bil-mod il-mod, fejn ikun il-każ, tieħu f'idejha s-servizzi konsolari;
9. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-VP/HR li jmiss biex jimpenjaw ruħhom biċ-ċar biex jaslu, bl-involviment tal-Parlament, għal pjan komprensiv, ambizzjuż u konsenswali għat-twaqqif tal-EEAS, billi strateġija gradwali li timxi pass pass tista' twassal għal inkonsistenzi u ħela ta' riżorsi; minħabba l-kumplessità tal-kwistjonijiet involuti, u sabiex jiġi żgurat li jkun hemm rappreżentanza ġusta tal-Istati Membri kollha fl-EEAS, għandha tiġi implimentata strateġija gradwali. Għandu jsir ħsieb biex tiddaħħal "klawsola ta' reviżjoni" fi żmien raġonevoli;
10. Jirrakkomanda t-tnedija ta' proċess ta' simplifikazzjoni tar-rappreżentanzi eżistenti tal-UE f'fora multilaterali bħall-uffiċċji tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fin-Nazzjonijiet Uniti; jissuġġerixxi li tiġi eżaminata l-possibilità li jitwaqqfu delegazzjonijiet tal-UE f'fora multilaterali fejn attwalment dawn ma jeżistux u fejn ikun hemm il-ħtieġa prattika ta' preżenza tal-UE, bħal fin-NATO u fl-OSCE;
11. Itenni d-determinazzjoni tiegħu li jeżerċita l-poteri baġitarji tiegħu bis-sħiħ rigward dawn l-innovazzjonijiet istituzzjonali u jitlob li ssir reviżjoni finanzjarja qabel it-terminu baġitarju l-ġdid; jenfasizza li l-aspetti kollha tal-arranġamenti ta’ finanzjament għall-EEAS iridu jibqgħu taħt is-superviżjoni tal-awtorità baġitarja f'konformità mat-Trattati.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
19.10.2009 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
42 9 6 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Gabriele Albertini, Dominique Baudis, Bastiaan Belder, Franziska Katharina Brantner, Elmar Brok, Arnaud Danjean, Mário David, Michael Gahler, Ana Gomes, Anneli Jäätteenmäki, Jelko Kacin, Ioannis Kasoulides, Nicole Kiil-Nielsen, Andrey Kovatchev, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Eduard Kukan, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Barry Madlener, Mario Mauro, Jean-Luc Mélenchon, Willy Meyer, Alexander Mirsky, María Paloma Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Raimon Obiols, Kristiina Ojuland, Ria Oomen-Ruijten, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Bernd Posselt, Hans-Gert Pöttering, Cristian Dan Preda, Jacek Saryusz-Wolski, Werner Schulz, Ernst Strasser, Charles Tannock, Zoran Thaler, Johannes Cornelis van Baalen, Geoffrey Van Orden, Kristian Vigenin, Graham Watson, Boris Zala |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Marije Cornelissen, Marielle De Sarnez, Andrew Duff, Diogo Feio, Lorenzo Fontana, Roberto Gualtieri, Liisa Jaakonsaari, Barbara Lochbihler, Vittorio Prodi, György Schöpflin, Traian Ungureanu |
|||||
Sostiut(i) skont l-Artikolu 187(2) preżenti għall-votazzjoni finali |
Franz Obermayr |
|||||
OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (19.10.2009)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
dwar l-aspetti istituzzjonali tal-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
(2009/2133(INI))
Rapporteur: Eva Joly
ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
Il-politika tal-UE fil-qasam tal-iżvilupp hija ta' benefiċċju ċar għall-Unjoni minħabba li tikkontribwixxi għall-istabbilità ġeopolitika dinjija, tnaqqas il-pressjonijiet migratorji u toħloq swieq kummerċjali ġodda. Barra minn dan, l-għan tagħha huwa wkoll dak li tnaqqas il-faqar u tippromwovi l-iżvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw u taċ-ċittadini tagħhom.
Għaldaqstant, filwaqt li huwa ovvju li r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u s-Servizz għall-Azzjoni Esterna se jaħdmu biex jappoġġaw il-politiki tal-Unjoni f'dawk l-oqsma bħall-affarijiet barranin, il-kummerċ u s-sigurtà, ma nistgħux nagħmluha fatta li s-servizz il-ġdid se jagħti l-istess importanza lill-ksib tal-għanijiet tal-politika ta' żvilupp tal-UE u l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju.
B'konsegwenza ta' dan, inqisu li huwa vitali li ssir espliċitament referenza għall-iżvilupp fl-opinjoni tal-Parlament, iktar speċifikament għall-obbligi skont it-Trattat ta' Lisbona biex jinqered il-faqar u biex tiġi żgurata l-koerenza tal-politiki fl-interess tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, kif ukoll l-importanza li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tinżamm bħala qasam politiku indipendenti, fuq l-istess livell ta' politiki oħra fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali, u b'korrispondenza bejn l-arkitettura politika u amministrattiva.
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-Kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni li se jadotta:
Premessa D a (ġdida)
Da. billi skont it-Trattat ta' Lisbona, il-politiki ta' żvilupp tal-UE u tal-Istati Membri għandhom "jikkumplimentaw u jsaħħu lil xulxin"; billi dan għandu jwassal għal aktar ċarezza bejn ir-rwoli tal-Kummissjoni u l-Istati Membri, inaqqas id-duplikazzjoni, isaħħaħ il-koordinament bejn id-donaturi u jtejjeb il-qsim tax-xogħol, għal finijiet ta' aktar effikaċja tal-għajnuna u aktar valur għall-flus,
Premessa D b (ġdida)
Db. billi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (EEAS) għandu jservi biex ikabbar il-viżibilità tal-UE bħala l-imsieħba prinċipali tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw u għandu jibni fuq ir-relazzjonijiet b'saħħithom tal-UE mal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, imsejsa fuq l-istatus tagħha bħala l-akbar donatur ta' għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp u għajnuna umanitarja u bħala l-imsieħba kummerċjali prinċipali tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw,
Premessa D ba (ġdida)
Dba. billi l-EEAS għandu jkollha dimensjoni ta’ żvilupp b’saħħitha; u billi l-prinċipji tal-politika tal-iżvilupp, li huma ffukati madwar objettivi fuq perjodu ta’ żmien twil, il-multilateraliżmu, is-solidarjetà, id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni tal-interessi, huma bażijiet fundamentali li huma mixtieqa għall-politika barranija tal-UE għall-ġejjieni,
Premessa D c (ġdida)
Dc. billi t-Trattat ta' Lisbona jsemmi b'mod partikolari l-kooperazzjoni għall-iżvilupp bħala qasam politiku indipendenti b'għanijiet speċifiċi u fuq l-istess livell bħall-politiki esterni oħra, bl-ebda mod subordinata għall-politiki fil-qasam tal-affarijiet barranin, tas-sigurtà jew tad-difiża u jagħraf l-importanza kemm tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp kif ukoll tal-konsistenza bejn id-diversi azzjonijiet esterni tal-UE, li tirrikjedi wkoll il-qawmien mill-ġdid ta’ Kunsill kif suppost tal-ministri għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni;
Premessa D d (ġdida)
Dd. billi l-qerda tal-faqar hija waħda mill-għanijiet prinċipali tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fil-verżjoni tiegħu li toħroġ mit-Trattat ta' Lisbona fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali (Artikolu 21(2)(d) u l-għan primarju tal-politika ta' żvilupp tal-Unjoni, skont l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; billi l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jitlob ukoll lill-UE biex "tieħu in kunsiderazzjoni l-objettivi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw"; billi għalhekk l-attivitajiet kollha tal-EEAS li jolqtu l-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw għandhom jappoġġaw il-qerda tal-faqar,
Paragrafu 4 - punt b
(b) l-EEAS għandu jieħu forma li ttejjeb l-konsistenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u r-rappreżentanza tagħha fir-relazzjonijiet barranin, għal liema skop partikolarment għandhom jinġiebu taħt il-kappa tal-EEAS l-unitajiet li għandhom x'jaqsmu mar-relazzjonijiet esterni fis-sens strett flimkien mal-pożizzjonijiet l-aktar anzjani fid-delegazzjonijiet għal pajjiżi terzi; waqt li jkun hemm aktar żvilupp, għandhom jiġu kkunsidrati liema funzjonijiet oħrajn għandhom jiġu assenjati lill-EEAS;
Paragrafu 4 - punt c
(c) madankollu, mhuwiex neċessarju li d-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni jitneżżgħu mir-responsabbiltajiet tagħhom għar-relazzjonijiet esterni; b’mod partikolari fl-oqsma fejn il-Kummissjoni għandha poteri eżekuttivi, l-integrità tal-politiki attwali tal-Komunità li għandhom dimensjoni esterna għandha tiġi ppreżervata; il-Kummissjoni għandha tipprovdi mudell speċifiku għad-dipartimenti kkonċernati, bħalma huma d-Direttorati Ġenerali għall-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp u r-relazzjonijiet mal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, EuropeAid, id-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja, id-dipartiment għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, id-dipartiment għall-Assistenza fl-Elezzjonijiet, u l-unitajiet orjentati lejn l-estern tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji;
Paragrafu 4 - punt d a (ġdid)
(da) jeħtieġ li Kummissarju indipendenti inkarigat mill-iżvilupp u mill-għajnuna umanitarja jkun membru tal-Kulleġġ tal-Kummissarji, fuq l-istess livell bħall-Kummissarji l-oħra inkarigati minn politiki oħra fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali; dan il-Kummissarju għandu jkun responsabbli kemm għall-formulazzjoni kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u jaħdem mill-qrib mar-Rappreżentant Għoli, kemm fl-Istati AKP kif ukoll f'pajjiżi oħra li għadhom qed jiżviluppaw;
Paragrafu 4 - punt d b (ġdid)
(db) għaldaqstant, għandu jkun hemm Direttorat Ġenerali speċifiku wieħed għall-iżvilupp fi ħdan il-Kummissjoni, inkarigat mit-twaqqif ta' politiki, mill-konsulenza kif ukoll mill-implimentazzjoni tal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni; dak id-Direttorat Ġenerali, kif ukoll il-persunal kollu tiegħu li jimplimenta l-politika ta' żvilupp tal-Unjoni, fi Brussell u fid-delegazzjonijiet barra mill-Unjoni, għandhom jagħtu rendikont lill-Kummissarju responsabbli għall-Iżvilupp;
Paragrafu 5 - punt c a (ġdid)
(ca) l-EEAS għandu jkollu għad-dispożizzjoni għadd suffiċjenti ta' professjonisti tal-iżvilupp mill-ministeri nazzjonali u mid-Direttorat Ġenerali għall-Iżvilupp tal-Kummissjoni; l-uffiċjali ta' dak id-Direttorat Ġenerali għandhom jirċievu l-istruzzjonijiet tagħhom mill-Kummissjarju responsabbli għall-Iżvilupp;
Paragrafu 6 - punt b
(b) ikun maqsum f’numru ta’ direttorati, u kull wieħed minnhom ikun responsabbli għal qasam importanti ġeostrateġikament tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, u direttorati oħrajn responsabbli għal kwistjonijiet relatati mal-politika ta' żvilupp, ta' sigurtà u ta' difiża, mal-ġestjoni ta’ kriżijiet ċivili, mill-affarijiet mulilaterali u orizzontali inklużi d-drittijiet tal-bniedem u l-materji amministrattivi;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
19.10.2009 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
26 1 0 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Thijs Berman, Michael Cashman, Corina Creţu, Véronique De Keyser, Nirj Deva, Catherine Greze, Enrique Guerrero Salom, András Gyürk, Eva Joly, Filip Kaczmarek, Franziska Keller, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Birgit Schnieber-Jastram, Eleni Theocharous, Patrice Tirolien, Ivo Vajgl, Iva Zanicchi, Gabriele Zimmer |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Proinsias De Rossa, Harlem Désir, Santiago Fisas Ayxela, Fiona Hall, Isabella Lövin, Louis Michel, Bart Staes, Patrizia Toia |
|||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
19.10.2009 |
|
|
|
||
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
18 2 2 |
||||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Michel Barnier, Carlo Casini, Andrew Duff, Ashley Fox, Roberto Gualtieri, Zita Gurmai, Stanimir Ilchev, Morten Messerschmidt, Paulo Rangel, Potito Salatto, Algirdas Saudargas, György Schöpflin, Indrek Tarand, Rafał Kazimierz Trzaskowski, Luis Yáñez-Barnuevo García |
|||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Elmar Brok, Jean-Luc Dehaene, Enrique Guerrero Salom, Sylvie Guillaume, Íñigo Méndez de Vigo, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Helmut Scholz, Alexandra Thein |
|||||
Sostiut(i) skont l-Artikolu 187(2) preżenti għall-votazzjoni finali |
Franziska Katharina Brantner, Daniel Hannan, Alain Lamassoure |
|||||