RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod

5.11.2009 - (COM(2009)0515 – C7‑0208/2009 – 2009/2135(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Reimer Böge


Proċedura : 2009/2135(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0044/2009

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta' xx ta' Ottubru 2009

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod[1], b'mod partikulari il-punt 28 tagħha,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2], u b’mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) kien stabbilit biex jipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li sfaw issensjati li jsofru mill-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali maġġuri li jseħħu fir-ritmi tal-kummerċ u biex jgħinhom fl-integrazzjoni tagħhom mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

(2)      L-għan tal-EGF ġie mwessa’ għall-applikazzjonijiet sottomessi mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika.

(3)      Il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 tippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF fil-livell massimu annwali ta' EUR 500 miljun.

(4)      Il-Belġju ressaq żewġ applikazzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta' sensji fis-settur tat-tessuti, fil-5 ta' Mejju 2009. Dawn l-applikazzjonijiet jikkonformaw mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-ammont ta' EUR 9 198 874.

(5)      L-Irlanda ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta' sensji fis-settur tal-industrija tal-manifattura tal-kompjuters, fid-29 ta' Ġunju 2009. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti biex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stipulat fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li tuża ammont ta’ EUR 14 831 050.

(6)      L-EGF għandu, għalhekk, jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjonijiet imressqa mill-Belġju u l-Irlanda.

JIDDEĊIEDU:

Artikolu 1

Fil-qafas tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2009, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jkun mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta’ EUR 24 029 924 f’approprjazzjonijiet għall-impenji u f'approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

  • [1]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

NOTA SPJEGATTIVA

I. L-Isfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ġie maħluq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu mill-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali maġġuri li jseħħu fir-ritmi tal-kummerċ dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod[1] u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006[2], il-Fond m’għandux jaqbeż ammont massimu ta’ EUR 500 miljun, miġbuda mill-marġini li jinsab taħt il-limitu massimu tan-nefqa globali mis-sena preċedenti, u/jew mill-approprjazzjonijiet għall-impenji li ġew ikkanċellati mis-sentejn ta' qabel, esklużi dawk relatati mal-Intestatura 1b. The appropriate amounts are entered into the budget as a provision as soon as the sufficient margins and / or cancelled commitments have been identified.

Rigward il-proċedura, sabiex tattiva l-Fond, fil-każ ta’ evalwazzjoni pożittiva ta’ applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess ħin, tagħmel talba korrispondenti għat-trasferiment. B’mod parallel, jiġi organizzat trijalogu bil-għan li jinstab qbil fuq l-użu tal-Fond u fuq l-ammonti meħtieġa. It-trijalogu jista’ jieħu sura simplifikata.

II. Is-sitwazzjoni attwali: Il-proposta tal-Kummissjoni

Din il-proposta tikkonċerna l-mobilizzazzjoni ta’ ammont globali ta’ EUR 24 029 924 mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) favur il-Belġju u l-Irlanda, sabiex ikopri l-għajnuna lill-ħaddiema li spiċċaw mingħajr xogħol fis-settur tat-tessuti fil-Belġju u fl-industrija tal-manifattura tal-kompjuters fl-Irlanda.

Peress li ż-żewġ applikazzjonijiet tressqu wara l-1 ta' Mejju 2009, ġew evalwati abbażi tar-regoli ġodda stipulati fir-Regolament (KE) Nru 546/2009 tat-18 ta' Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-20 ta' Diċembru 2006.

L-applikazzjoni Belġjana hija bbażata fuq l-Artikolu 2(b): f’telf ta’ mill-inqas 500 impjieg minħabba nuqqas ta’ xogħol matul perjodu ta’ disa’ xhur, b’mod partikolari f’intrapriżi ta’ daqs żgħir jew medju, f’diviżjoni NACE 2 f’reġjun wieħed jew f’żewġ reġjuni kontigwi fil-livell NUTS II.

L-applikazzjoni Irlandiża hija bbażata fuq l-Artikolu 2(a): f’telf ta’ mill-inqas 500 impjieg minħabba nuqqas ta’ xogħol matul perjodu ta’ erba’ xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba nuqqas ta’ xogħol fil-fornituri tagħha jew fil-produtturi downstream.

L-applikazzjonijiet Belġjani, EGF/2009/004/BE/Oost en West Vlaanderen textiles u EGF/2009/005/BE/Limbourg textiles, li tressqu lill-Kummissjoni fil-5 ta' Mejju 2009 u ssupplementati b'informazzjoni addizzjonali fid-29 ta' Ġunju 2009, jikkonċernaw 2 199 każ ta' telf ta' impjieg li seħħew f'46 impriża li joperaw fis-settur tat-tessuti, li kollha jinsabu f'żewġ reġjuni kontigwi NUTS II ta' Flanders tal-Lvant u tal-Punent u f'reġjun wieħed NUTS II ta' Limburg. L-awtoritajiet Belġjani applikaw għal EUR 9 198 874 mill-Fond.

L-applikazzjoni Irlandiża EGF/2009/008/IE/Dell tressqet lill-Kummissjoni fid-29 ta' Ġunju 2009, u ġiet issupplementata b'informazzjoni addizzjonali li tressqet lill-Kummissjoni sal-aħħar ta' Lulju. Tikkonċerna 2 840 każ ta' telf ta' impjieg li seħħew fil-kumpanija Dell Ireland (reġjun NUTS 3 tal-Mid-West, li jinkludi l-kontej ta' Limerick, Clare u North Tipperary, kif ukoll il-belt ta' Limerick), li minnhom 2 400 għandhom jingħataw l-għajnuna.

L-Irlanda applikat għal EUR 14 831 050 mill-EGF.

Sabiex ikun mobilizzat il-Fond, il-Kummissjoni ressqet quddiem l-Awtorità Baġitarja talba ta’ trasferiment (DEC32/2009) għal ammont globali ta’ EUR 24 029 924 mir-riżerva tal-EGF (40 02 43) f’impenji u mil-linji baġitarji tal-ESF (04 02 17 - konverġenza tal-ESF) fi ħlasijiet lil-linji baġitarji tal-EGF (04 05 01) għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Il-Ftehima Interistituzzjonali tippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond fil-livell massimu annwali ta' EUR 500 miljun. Din hija r-raba' proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond fl-2009. S'issa, ġew aċċettati tliet applikazzjonijiet għal finanzjament fl-2009 għal ammont globali ta’ EUR 13 077 700 għall-benefiċċju ta' Spanja, il-Portugall, il-Ġermanja u l-għajnuna teknika tal-Kummissjoni.

Skont l-Artikolu 12(6) tal-bażi legali, fl-1 ta’ Settembru ta’ kull sena, għall-anqas EUR 125 miljun (25%) għandhom jibqgħu disponibbli sabiex ikopru l-ħtiġijiet li jinqalgħu sa tmiem is-sena. Wara t-tnaqqis tal-ammont li diġà huwa impenjat fl-2009, jibqa’ disponibbli l-ammont ta’ EUR 486 922 300.

Ħarsa ġenerali lejn l-applikazzjonijiet - baġit 2009

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF)

 

 

 

 

 

Referenza

 

Stat Membru

Każ

 

Kontribuzzjoni tal-EGF (€)

Sensji

 

EGF/2008/004

Spanja

L-industrija tal-karozzi /Castilla y Leon u Aragona

 

2 694 300

1 082

SEC(2008)2986

Kummissjoni

Għajnuna teknika

690 000

---

EGF/2008/005

Spanja

Tessuti / Katalunja

3 306 750

1 720

EGF/2009/001

Portugall

Tessuti / Norte - Ċentru

832 800

1 588

EGF/2009/002

Ġermanja

Settur tat-telefonija mobbli (Nokia)

5 553 850

1 316

EGF/2009/004

EGF/2009/005

Il-Belġju

 

 

Tessuti /

Oot en West Vlaanderen u

reġjuni ta' Limburg

9 198 874

2 199

EGF/2009/008

 

 

L-Irlanda

 

 

 

Industrija tal-manifattura tal-kompjuters / Reġjun tal-Mid-West (kontej ta' Limerick, Clare, North Tipperary u l-belt ta' Limerick)

14 831 050

2 400

 

 

TOTAL

Marġini

37 107 624

462 892 376

 

N.B. Il-Fond ma jistax jaqbeż ammont massimu ta’ EUR 500 miljun fis-sena

III. Il-Proċedura

Il-Kummissjoni ppreżentat talba ta’ trasferiment[3] bil-għan li fil-baġit tal-2009 jiddaħħlu approprjazzjonijiet speċifiċi għall-impenji u għall-ħlasijiet, kif mitlub fil-Punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

It-trijalogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni fuq il-mobilizzazzjoni tal-EGF jista’ jieħu sura simplifikata (skambju ta’ ittri), kif stipulat fl-Artikolu 12(5) tal-bażi legali, sakemm ma jkunx hemm nuqqas ta' qbil għal kollox bejn il-Parlament u l-Kunsill.

Skont ftehima interna mal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL), dan il-kumitat għandu jkun assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ u kontribut kostruttivi lill-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni.

Wara l-evalwazzjoni tat-talbiet, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) tal-Parlament Ewropew ta l-fehma tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond, kif imfisser fl-opinjoni mehmuża mar-rapport preżenti.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li ġiet adottata waqt il-laqgħa ta’ konċiljazzjoni fis-17 ta’ Lulju 2008, ikkonfermat l-importanza li tiġi żgurata proċedura rapida bir-rispett dovut lejn il-Ftehima Interistituzzjonali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond.

  • [1]  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
  • [2]  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
  • [3]  DEC 32/2009 tat-18 ta' Settembru 2009.

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ES/sg

D(2009)56200

M. Alain Lamassoure

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 13E158

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għall-każijiet EGF/2009004 BE/Oost en West Vlaanderen textiles, EGF/2009/005 BE/Limburg textiles u EGF/2009/008 IE/Dell (KUMM(2009)515 finali)

Għażiż Sur Lamassoure,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar l-EGF eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-EGF għall-każijiet EGF/2009/004 BE/Oost en West Vlaanderen textiles, EGF/2009/005 BE/Limburg textiles u EGF/2009/008 IE/Dell fl-14 u d-29 ta' Settembru, fl-20 ta' Ottubru kif ukoll fit-3 u l-4 ta' Novembru 2009.

Wara dan l-eżami bir-reqqa, il-Kumitat EMPL adotta l-opinjoni li ġejja:

Kumment ġenerali

L-ewwel nett, il-Kumitat EMPL jixtieq jisħaq fuq il-fatt li l-possibilità li l-proposti għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-fond jinġabru f'lottijiet (Artikolu 12, paragrafu 3) tipperikola d-dritt tal-awtorità baġitarja li teżamina kull applikazzjoni abbażi tal-merti tagħha.

- Għalhekk, il-Kumitat EMPL jitlob lill-Kummissjoni biex mil-lum 'il quddiem tressq il-proposti għall-awtorizzazzjoni tal-approprjazzjonijiet u t-talbiet għat-trasferiment tal-ammont fil-linja tal-baġit tal-EGF b'mod separat għal kull applikazzjoni.

EGF/2009/004 BE/Oost en West Vlaanderen textiles, EGF/2009/005 BE/Limburg textiles

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar l-EGF huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward tat-talba Belġjana. Madankollu, il-Kumitat EMPL jippreżenta xi kummenti, għalkemm, bla ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-ħlasijiet.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

- Billi t-talbiet huma tal-ewwel li tressqu skont ir-Regolament il-ġdid Nru 546/2009 li jemenda r-Regolament Nru 1927/2006;

- Billi x-xenarji rigward il-ħiliet ippreżentati fl-istudju tas-settur tat-tessuti, tal-ilbies u tal-prodotti tal-ġilda fl-Unjoni Ewropea jbassru telf konsiderevoli ta' impjiegi f'dan is-settur sal-2020;

- Billi mhijiex disponibbli informazzjoni dettaljata dwar il-parteċipazzjoni ta' Fondi Ewropej oħra fil-każijiet attwali.

Għalhekk, il-Kumitat EMPL jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar il-każijiet Belġjani:

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-eżempju tajjeb ta' koperazzjoni bejn il-Gvern Belġjan u s-Sieħba Soċjali sabiex tinkiseb kontribuzzjoni tal-EGF u jħeġġeġ lil Stati Membri oħra jwaqqfu delegazzjonijiet tripartitiċi li jelaboraw u jressqu l-applikazzjonijiet flimkien.

2.  Huwa inkwetat b'mod partikulari dwar l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq is-settur Ewropew tat-tessuti li diġà mar lura minħabba l-effetti tal-globalizzazzjoni; huwa tal-fehma li għandhom jinstabu strumenti ġodda jew oħrajn fil-livell Ewropew sabiex jinstab tarf tat-tnaqqis tal-impjiegi mbassar għal dan is-settur.

3.  Jinnota li biex tkun ikkompletata l-istampa ġenerali, il-Belġju għandu jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar il-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ għal dawk il-ħaddiema li tilfu xogħolhom fis-setturi tat-trasport, il-manutenzjoni u l-kejtering wara t-telf ta' impjiegi fl-industrija tat-tessuti.

EGF/2009/008 IE/Dell

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar l-EGF huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward tat-talba Irlandiża.

F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL jippreżenta xi kummenti, madankollu, bla ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-ħlasijiet.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

- Wara li kkunsidra t-tweġiba tal-Kummissarji Neelie Kroes u Vladimir Špidla għall-ittra rigward t-talba Irlandiża li ntbagħtitilhom mill-President tal-Kumitat EMPL.

- Billi l-applikazzjoni ma fihiex informazzjoni dwar kontribuzzjoni possibbli tal-kumpanija Dell jew tal-Fondi Strutturali lill-miżuri favur il-ħaddiema li tilfu xogħolhom.

- Billi għajnuna għall-investiment ta' 54.5 miljuni għal Dell kienet approvata mill-Kummissjoni għall-istabbiliment ta' impjant ġdid tal-manifattura fil-Polonja filwaqt li l-fabbrika fl-Irlanda kienet għadha kif ingħalqet. Sal-lum, il-Kummissjoni ma setgħetx iġġib provi li m'hemmx rabta bejn iż-żewġ każijiet.

- Billi, konsegwentement, hemm nuqqas ta' ċarezza rigward l-istabbiliment ta' Dell fil-Polonja, is-sensji fl-Irlanda u r-rabta tagħhom mal-kriżi ekonomika u finanzjarja.

- Billi attwalment Dell qed tixtri kompetitur għal 3.9 biljun dollaru.

- Billi ma ġiex iċċarat jekk Dell irċevietx għajnuna tal-istat mill-Irlanda meta fetħet l-istabbiliment f'Limerick.

- Billi mhuwiex ċar jekk il-Kummissjoni vverifikatx li l-Polonja, sabiex tevita ripetizzjoni ta' din l-istrateġija mill-kumpanija, talbet garanziji li juru li sar investiment sostenibbli fil-Polonja.

Għalhekk, il-Kumitat EMPL jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar il-każijiet Irlandiżi:

1.  Jaqbel li t-talba Irlandiża b'mod ġenerali hija konformi mal-kriterji ta' intervent tar-Regolament EGF Nru 1927/2006 kif emendat bir-Regolament Nru 546/2009, iżda jenfasizza li l-istabbiliment ta' impjant ġdid tal-manifattura fil-Polonja meta għadha kif ingħalqet il-fabbrika fl-Irlanda ma jistax jitqies bħala r-riżultat tal-kriżi finanzjarja.

2.  Jiddeplora l-fatt li mistoqsijiet importanti marbuta ma' din l-applikazzjoni ma ġewx iċċarati mill-Kummissjoni Ewropea fi żmien xieraq. Madankollu, mhux biħsiebu jimblokka l-applikazzjoni minħabba n-nuqqas ta' koperazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea, billi l-għan tiegħu huwa li jgħin lill-ħaddiema urġentement.

3.  Jenfasizza li din l-applikazzjoni tqajjem dubji serji dwar il-konsistenza tal-qafas għall-politika industrijali fl-Unjoni Ewropea li taffettwa f'ħafna modi l-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni.

4. Jiddispjaċih li, minħabba dan il-qafas, huwa legalment possibbli li jiġu mobilizzati l-fondi tal-baġit Ewropew - approprjazzjonijiet mhux użati tal-Fond Soċjali Ewropew, f'dan il-każ - biex jittaffew il-konsegwenzi tal-istrateġija ta' impriża internazzjonali għall-ħaddiema tagħha li tilfu xogħolhom filwaqt li, fl-istess ħin, din l-impriża tirċievi għajnuna tal-istat minn Stat Membru talli fetħet fabbrika ġdida bil-kunsens tal-Kummissjoni Ewropea.

5.  Jenfasizza li dan iqajjem mistoqsijiet aktar ġenerali dwar il-kunċett innifsu tal-EGF bħala għodda sabiex jingħataw miżuri "ta' darba" lill-ħaddiema li ntlaqtu ħażin mill-globalizzazzjoni; jiġbed l-attenzjoni li diversi każijiet fl-imgħoddi jidher li juru li min iħaddem jista' jiddependi fuq il-fatt li l-EGF jieħu r-responsabilità sħiħa għar-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fir-rigward tal-ħaddiema tagħhom, filwaqt li jeħlishom mill-ispejjeż soċjali tal-għeluq tal-impjanti u delokalizzazzjoni u li minflok dawn il-piżijiet jintefgħu fuq iċ-ċittadini Ewropej li jħallsu t-taxxi.

6.  Jiġbed l-attenzjoni li l-Parlament se jittratta dawn il-kwistjonijiet aktar ġenerali meta jeżamina s-sitwazzjoni ġenerali tal-mobilizzazzjoni tal-EGF.

Kummenti dwar l-applikazzjonijiet kollha:

1.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-Artikolu 12, paragrafu 4 tar-Regolament jitlob "evidenza li ntlaħqu l-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 2 u 6". F'dan ir-rigward, il-Membri mhumiex sodisfatti bis-sempliċi konferma tal-Belġju li l-miżuri proposti jikkomplementaw azzjonijiet oħra kofinanzjati mill-Fondi Strutturali.

2.  Ifakkar fit-talba tiegħu għal informazzjoni aktar dettaljata fl-applikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u dwar in-non-diskriminazzjoni fil-qafas tal-EGF.

Dejjem tiegħek,

Pervenche Berès

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.11.2009

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

354

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Marta Andreasen, Francesca Balzani, Reimer Böge, Lajos Bokros, Andrea Cozzolino, Göran Färm, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Ivars Godmanis, Ingeborg Gräßle, Estelle Grelier, Carl Haglund, Jutta Haug, Jiří Havel, Monika Hohlmeier, Anne E. Jensen, Ivailo Kalfin, Sergej Kozlík, Alain Lamassoure, Janusz Lewandowski, Vladimír Maňka, Barbara Matera, Nadezhda Mihaylova, Claudio Morganti, Miguel Portas, Dominique Riquet, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Helga Trüpel, Daniël van der Stoep, Angelika Werthmann

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Frédéric Daerden, Gerben-Jan Gerbrandy, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Giovanni La Via, Paul Rübig, Georgios Stavrakakis, Theodor Dumitru Stolojan

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali