RAPPORT dwar il-linji gwida tranżizzjonali rigward il-proċedura baġitarja biex jitqies id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona

6.11.2009 - (2009/2168(INI))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Alain Lamassoure
PR_INI_art120 WERREJ


Proċedura : 2009/2168(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0045/2009
Testi mressqa :
A7-0045/2009
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-linji gwida tranżizzjonali rigward il-proċedura baġitarja biex jitqies id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona

(2009/2168(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

–    wara li kkunsidra t-Trattat ta’ Lisbona (TL),

–    wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja solida[1] (FII),

–    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [2] (ir-Regolament Finanzjarju),–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-aspetti finanzjarji tat-Trattat ta' Lisbona[3],

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2009 dwar ir-Reviżjoni ta’ Nofs iż-Żmien tal-Qafas Finanzjarju 2007-2013[4],

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0045/2009),

A.  billi t-TL jdaħħal modifiki importanti fi kwistjonijiet finanzjarji u baġitarji, speċjalment billi jittrasforma l-qafas finanzjarju plurijennali (MFF) f’att legalment vinkolanti li miegħu jrid jikkonforma l-baġit annwali, billi jissupprimi d-distinzjoni ta’ bejn in-nefqa obbligatorja u dik mhux obbligatorja u billi jissimplifika l-proċedura baġitarja b’mod sostanzjali ,

B.  billi dawn il-modifiki jwasslu biex xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-FII u tar-Regolament Finanzjarju ma jibqgħux jgħoddu,

C.  billi, għaldaqstant, id-dħul fis-seħħ tiegħu se jkun jeħtieġ l-adozzjoni rapida ta’ diversi atti legali meħtieġa biex titqiegħed fil-prattika l-“kostituzzjoni finanzjarja” l-ġdida tal-Unjoni, b’mod speċjali:

- l-adozzjoni tar-regolament il-ġdid li fih hemm l-MFF;

- l-adattament tar-Regolament Finanzjarju għall-prinċipji l-ġodda dwar kif il-baġit għandu jiġi adottat u implimentat;

- l-approvazzjoni ta’ FII ġdida li prinċipalment ikun fiha regoli dwar il-kollaborazzjoni tal-istituzzjonijiet waqt il-proċedura baġitarja annwali li mhumiex inklużi fiż-żewġ strumenti legali msemmija,

D.  billi anke jekk il-proċeduri għall-adozzjoni ta' dawn l-istrumenti ġodda jimxu ħarir, se jkunu jeħtieġu negozjati fit-tul u jistgħu jdumu għal diversi xhur wara d-dħul fis-seħħ tat-TL,

E.   billi sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-prinċipji tat-TL, tkun ħaġa tajba li l-istituzzjonijiet jaqblu bejniethom dwar xi linji gwida proviżorji li jippermettu l-implimentazzjoni tal-baġit, l-adozzjoni tal-baġits ta’ emenda jekk jirriżulta li dan ikun indispensabbli u dwar il-modalitajiet prattiċi tal-kollaborazzjoni interistituzzjonali fil-qafas tal-proċedura baġitarja għall-2011,

F.   billi dawn il-linji gwida tranżizzjonali għandhom ikunu diġà lesti fil-bidu tal-2010, u din is-sitwazzjoni titlob li jkunu qablu bejniethom waqt il-konċiljazzjoni baġitarja qabel it-tieni qari tal-Kunsill, ippjanata għad-19 ta' Novembru 2009,

G.  billi biex ikun żgurat li d-delegazzjoni tal-Parlament - li tirrappreżenta waħda mill-fergħat tal-awtorità baġitarja - ikollha pożizzjoni soda għan-negozjati ġejjiena, għandha tingħata orjentamenti ċari bbażati fuq mandat approvat mill-Parlament,

1.   Jilqa’ b’sodisfazzjon id-dħul fis-seħħ imminenti tat-TL, li se jwassal għall-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju tal-approvazzjoni konġunta miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja - jekk ikun meħtieġ permezz tat-tlaqqigħ tal-kumitat ta’ konċiljazzjoni - tal-baġit annwali kollu kemm hu; iqis li dan il-prinċipju għandu jiġi applikat sic et simpliciter, bl-adattamenti meħtieġa (bħal m’hi forma ta’ konċiljazzjoni ssimplifikata), għall-proċeduri baġitarji l-oħra kollha li mhumiex imsemmija b’mod speċifiku fit-Trattati, bħal pereżempju l-adozzjoni tal-baġits ta’ emenda u t-trasferimenti;

2.   Iqis li hu meħtieġ li ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja jaqblu bejniethom dwar il-linji gwida tranżizzjonali għall-implimentazzjoni tal-baġit, speċjalment l-adozzjoni tat-trasferimenti, dwar l-approvazzjoni tal-baġits ta’ emenda u dwar prinċipji għall-kollaborazzjoni interistituzzjonali prattika waqt il-proċedura baġitarja annwali, li jkunu applikabbli sakemm tiġi kkompletata l-adozzjoni tal-atti legali meħtieġa biex tkun żgurata l-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda mdaħħla mit-TL;

3.   Jenfasizza li l-kundizzjonijiet għall-qbil dwar dawn il-linji gwida għandhom ikunu li dawn tal-aħħar ikunu jirrispettaw għalkollox il-bilanċ istituzzjonali, ikunu jiżguraw kompletament il-prerogattivi baġitarji l-ġodda tal-Parlament skont it-TL (f’dak li hu kontenut, proċedura u kalendarju) u jkunu applikati biss sa meta jiġu adottati u jidħlu fis-seħħ l-atti legali relevanti;

4.   Iqis li fi kwalunkwe każ il-miżuri tranżizzjonali la jistgħu jiżvijaw mill-prinċipji ġenerali stabbiliti mit-Trattat il-ġdid u l-anqas ma jistgħu jiġġudikaw minn qabel il-proċeduri leġiżlattivi li se jsiru dalwaqt, imma jqis ukoll li huma għandhom jippermettu liż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja li sa meta tiġi adottata l-leġiżlazzjoni jsibu l-arranġamenti prattiċi meħtieġa;

5.   Iqis li dawn il-linji gwida tranżizzjonali huma meħtieġa f’oqsma li jikkonċernaw il-proċedura għall-approvazzjoni tal-baġits ta’ emenda, l-adozzjoni tat-trasferimenti u d-definizzjoni ta’ kalendarju prammatiku u prinċipji ta’ kollaborazzjoni li jkunu applikabbli għall-proċedura baġitarja annwali, biex jiġi pprovdut qafas għall-koperazzjoni bejn iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja bil-għan li tiġi ffaċilitata t-tmexxija tal-proċeduri mingħajr xkiel u b’suċċess;

Baġits ta' emenda

6.   Ifakkar li l-baġits ta’ emenda jistgħu jiġu adottati biss permezz tal-istess proċedura stabbilita mit-trattati għall-proċedura baġitarja annwali, inkluż il-kumitat ta' konċiljazzjoni jekk ikun meħtieġ, ħlief sa fejn għandu x'jaqsam il-kalendarju, u jqis li, bħal fil-każ tal-baġit annwali, l-awtorità baġitarja għandha d-dritt li ddaħħal emendi rigward elementi li ma jkunux magħrufa fil-mument tal-adozzjoni tal-baġit;

7.   Jisħaq li l-għadd attwali ta’ baġits ta’ emenda huwa wieħed eċċessiv u għandu jitnaqqas kemm jista’ jkun, biex ikun hemm konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 37 tar-Regolament Finanzjarju fir-rigward tal-preżentazzjoni tagħhom; iqis li tkun ħaġa tajba li l-istituzzjonijiet jaqblu bejniethom dwar xi perjodi tas-sena meta għandhom jiġu ppreżentati l-baġits ta’ emenda, ħlief f’ċirkustanzi urġenti ħafna;

8.   Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għan tal-linji gwida tranżizzjonali rigward il-baġits ta’ emenda għandu jimmira li jiffaċilita l-ilħuq ta’ ftehim miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja mingħajr ma jaqtgħu barra l-possibilità li jirrikorru għall-kumitat ta’ konċiljazzjoni; iqis li dan il-għan jista’ jiġi segwit permezz ta’ titjib fl-iskambju tat-tagħrif bejn il-Kummissjoni u ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja u bejniethom; jenfasizza, madankollu, li dawk il-linji gwida jridu jirrispettaw għalkollox il-prerogattivi tal-Parlament rigward il-proċedura baġitarja li tapplika b’mod ġenerali għall-baġits ta’ emenda, kif imsemmi aktar ’il fuq;

Trasferimenti

9.   Iqis li l-Parlament u l-Kunsill għandu jkollhom il-possibilità li jesprimu, fuq l-istess livell, l-approvazzjoni jew l-oppożizzjoni tagħhom għat-trasferimenti kollha mressqa attwalment għall-approvazzjoni tal-awtorità baġitarja, hi x’inhi n-natura tagħhom (ħlasijiet jew impenji) jew l-ammont tagħhom, sakemm dawn it-trasferimenti jirrappreżentaw devjazzjoni mid-deċiżjoni tal-awtorità baġitarja; iqis, għalhekk, li l-unika għażla kompatibbli mat-TL hija proċedura li tkun tirrispetta l-bilanċ bejn iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, inkluża, jekk ikun meħtieġ, forma ssimplifikata ta’ konċiljazzjoni;

10. Iqis li ftehim possibbli dwar it-trasferimenti għandha timmira li tevita l-konflitti bejn iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, li t-tnejn huma intitolati li jesprimu ruħhom taħt l-istess kundizzjonijiet, tevita li tikkomplika l-immaniġġjar regolari li jsir mis-servizzi relevanti, u tarmonizza l-kalendarju sabiex possibilment tevita l-konvokazzjoni ta’ strutturi konċiljattivi, mingħajr ma titfa’ f’dubju l-livell attwali tal-intervent tal-Parlament fl-adozzjoni tat-trasferimenti; iqis li tkun ħaġa tajba li l-limitu bażiku għat-trasferimenti jibqa’ wieħed kostanti;

Waħdiet minn Kull Tnax-il Parti Proviżorja

11. Iqis li t-TL fih regoli ċari biżżejjed dwar il-waħdiet minn kull tnax-il parti proviżorja li jippermettu l-applikazzjoni tiegħu f’każ ta’ bżonn mingħajr il-ħtieġa ta’ linji gwida tranżizzjonali dwar il-kwistjoni;

12. Iqis li l-kalendarju tal-proċedura annwali għandu jkompli jippermetti konsultazzjoni wiesgħa tal-korpi differenti fi ħdan il-Parlament u jirrispetta l-ħtiġijiet tal-multilingwiżmu; jenfasizza li mhuwiex lest li jaċċetta tnaqqis fil-perjodu ta’ żmien disponibbli biex jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu;

13. Huwa tal-fehma li l-linji gwida tranżizzjonali dwar il-prinċipji ta’ kollaborazzjoni għandhom jimmiraw li jtejbu l-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet waqt l-istadji differenti tal-proċedura baġitarja u li jadattaw (u jantiċipaw, jekk ikun meħtieġ) l-istadji differenti tal-kalendarju prammatiku għar-regoli l-ġodda dwar il-proċedura baġitarja, bil-għan li dawk il-laqgħat li issa saru purament formali issa jiġu ttrasformati fi skambji profondi ġenwini ta’ opinjonijiet; jisħaq fuq ix-xewqa tiegħu, madankollu, li qabel tibda l-proċedura baġitarja għall-2011, tiġi miftiehma bejn l-istituzzjonijiet FII mnaqqsa ġdida dwar il-ħolqien ta' regoli sodi dwar dawn il-kwistjonijiet;

14. Jistieden lill-Kummissjoni biex mill-aktar fis possibbli tippreżenta proposti għal fehim komuni dwar dawn il-kwistjonijiet miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja f’konformità ma’ din ir-riżoluzzjoni;

15. Jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex mill-aktar fis possibbli tippreżenta l-proposti xierqa għall-adozzjoni ta’ regolament li jkun fih l-MFF u għall-adattament tar-Regolament Finanzjarju; jisħaq fuq il-punt li dawn il-proposti jikkostitwixxu pakkett politiku wieħed u għandhom jiġu mressqa u ttrattati flimkien; jistenna bis-saħħa li dawn il-proposti jqisu t-talbiet li ġew espressi mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar l-aspetti finanzjarji tat-TL u dwar ir-reviżjoni ta’ nofs iż-żmien;

16. Ifakkar li, skont it-TL, huwa meħtieġ il-kunsens tal-Parlament għall-adozzjoni tar-regolament il-ġdid li jkun fih l-MFF u li l-modifiki tar-Regolament Finanzjarju se jaqgħu taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (il-kodeċiżjoni);

17. Jikkonferixxi mandat lill-Kumitat għall-Baġits biex jinnegozja u jilħaq ftehim waqt il-konċiljazzjoni baġitarja ta’ Novembru 2009 dwar il-linji gwida tranżizzjonali meħtieġa dwar il-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq fil-limiti u skont il-kundizzjonijiet stipulati f’din ir-riżoluzzjoni;

0

0    0

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

It-Trattat ta’ Lisbona se jdaħħal modifiki sostanzjali f’diversi aspetti ta’ dik li tissejjaħ il-“kostituzzjoni finanzjarja” tal-UE. L-aktar modifiki relevanti fosthom jistgħu jitqiesu li huma:

- is-suppressjoni tad-distinzjoni ta' bejn nefqa obbligatorja u nefqa mhux obbligatorja, punt li jimplika li l-PE u l-Kunsill huma responsabbli ndaqs għan-nefqa kollha kemm hi tal-UE

- ir-rikonoxximent tal-MFF bħala att legalment vinkolanti li miegħu l-baġit annwali għandu jkun konformi, li se jkun adottat mill-Kunsill li jiddeċiedi b’unanimità wara li jkun kiseb il-kunsens tal-PE (bil-maġġoranza tal-membri tiegħu)

- is-simplifikazzjoni sostanzjali tal-proċedura baġitarja, li fil-ġejjieni se jkollha qari wieħed f’kull istituzzjoni, ibbażata fuq proposta mill-Kummissjoni, fejn, jekk il-PE u l-Kunsill ma jaslux li jaqblu għal kollox, allura jissejjaħ kumitat ta’ konċiljazzjoni bil-għan li jaslu għal test konġunt fi żmien 21 jum; dan it-test konġunt jitqies adottat sakemm xi waħda mill-istituzzjonijiet ma tirrifjutahx b’mod espliċitu[1], f’liema każ (kif ukoll meta l-kumitat ta’ konċiljazzjoni ma jasal għall-ebda test konġunt) il-proċedura tinbeda mill-ġdid bi proposta ġdida tal-Kummissjoni.

Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-TL - previst sal-bidu tas-sena d-dieħla - xi wħud mir-regoli tal-FII jew tar-Regolament Finanzjarju mhux se jibqgħu jgħoddu. Għalhekk, bil-għan li jiġi evitat kull vakwu legali possibbli, l-istituzzjonijiet se jkollhom bżonn li, x’aktarx malajr

-  jadottaw ir-regolament il-ġdid li jkun fih l-MFF (li fil-fatt se jieħu post il-FII attwali); dan il-pass jeħtieġ l-approvazzjoni unanima tal-Kunsill wara li jkun inkiseb il-kunsens tal-PE;

- jadattaw ir-Regolament Finanzjarju għar-regoli l-ġodda tat-TL (se tkun tapplika l-kodeċiżjoni);

- jilħqu qbil bejniethom dwar FII ġdida u mnaqqsa li jkun fiha xi regoli jew prinċipji meħtieġa, dwar il-kollaborazzjoni ta’ bejn l-istituzzjonijiet, li mhux se jsibu posthom f’dawk iż-żewġ strumenti l-ġodda.

Dawn l-istrumenti l-ġodda kollha għandhom ikunu lesti mill-aktar fis possibbli, biex jippermettu li l-proċedura baġitarja għall-2011 timxi f'qafas legali li jkun ċar daqs il-kristall. Imma anke jekk il-proċeduri jimxu ħarir mhux ħażin, jista’ jkun li jieħdu xi xhur wara d-dħul fis-seħħ tat-TL qabel ma jiġu adottati.

Madankollu, l-istituzzjonijiet jista’ jkun li jkunu jeħtieġu li jittrattaw l-implimentazzjoni tal-baġit, jadottaw baġits ta’ emenda u jibqgħu għaddejja bil-proċedura baġitarja għall-2011 anke qabel ma jkunu lesti l-istrumenti l-ġodda identifikati aktar 'il fuq. Għal din il-ħaġa, jeħtieġ li jaqblu bejniethom dwar xi linji gwida komuni li jkunu jippermettulhom, b’mod speċjali, li

-  jimplimentaw il-baġit, speċjalment billi jadottaw it-trasferimenti

-  jadottaw baġits ta’ emenda jekk ikun meħtieġ,

-  jikkoperaw b’mod effiċjenti biex ikun żgurat li l-proċedura baġitarja għall-2010 timxi mingħajr tfixkil.

Il-pressjoni tal-iskeda (jekk it-TL jidħol fis-seħħ sal-bidu tal-2010 l-istituzzjonijiet jista’ jkun li jeħtieġu li jadottaw it-trasferimenti jew il-baġits ta’ emenda fl-ewwel ġimgħat tal-2010) toħloq il-ħtieġa li l-linji gwida tranżizzjonali jiġu adottati waqt il-konċiljazzjoni baġitarja qabel it-tieni qari tal-Kunsill, li hija prevista għad-19 ta’ Novembru li ġej.

Dan id-dokument ta’ ħidma għandu l-għan li jidentifika l-oqsma li fihom jistgħu jkunu meħtieġa l-linji gwida tranżizzjonali, il-prinċipji li dawn il-linji gwida għandhom isegwu u l-limiti u l-kundizzjonijiet li taħthom il-PE jista’ jagħti l-mandat lill-kumitat kompetenti tiegħu biex jinnegozja u possibilment japprova dawn il-linji gwida fil-kuntest tal-konċiljazzjoni baġitarja qabel it-tieni qari tal-Kunsill li tradizzjonalment hija prevista għal Novembru li ġej. Il-Kummissjoni mitluba tippreżenta l-proposti meħtieġa mill-aktar fis possibbli.

  • [1]  Fil-fatt il-pożizzjoni tal-PE teoretikament hija aktar b’saħħitha minn dik tal-Kunsill, għax jekk tkun din l-istituzzjoni biss li tiċħad dan it-test konġunt filwaqt li l-PE jadottah, il-PE xorta jista’ jimponi l-emendi li jkun ippropona fil-qari tiegħu permezz ta’ maġġoranza kkwalifikata ta’ tlieta minn ħamsa tal-voti mitfugħa u l-maġġoranza assoluta tal-Membri li jiffurmawh.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

4.11.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alvaro, Marta Andreasen, Francesca Balzani, Reimer Böge, Lajos Bokros, Andrea Cozzolino, Göran Färm, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Ivars Godmanis, Ingeborg Gräßle, Carl Haglund, Jutta Haug, Jiří Havel, Monika Hohlmeier, Anne E. Jensen, Ivailo Kalfin, Sergej Kozlík, Alain Lamassoure, Janusz Lewandowski, Vladimír Maňka, Barbara Matera, Nadezhda Mihaylova, Miguel Portas, Dominique Riquet, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Helga Trüpel, Daniël van der Stoep, Angelika Werthmann

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Frédéric Daerden, Gerben-Jan Gerbrandy, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Giovanni La Via, Paul Rübig, Georgios Stavrakakis, Theodor Dumitru Stolojan