RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru .../2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-interventi għall-akkomodazzjoni favur il-komunitajiet emarġinati

9.11.2009 - (COM(2009)0382 – C7‑0095/2009 – 2009/0105(COD)) - ***I

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Lambert van Nistelrooij


Proċedura : 2009/0105(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0048/2009

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru .../2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-interventi għall-akkomodazzjoni favur il-komunitajiet emarġinati

(COM(2009)0382 – C7‑0095/2009 – 2009/0105(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM (2009)0382),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 162 tat-Trattat KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0095/2009),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0048/2009),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sostanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Emenda  1

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1) Bil-għan li tittejjeb il-koeżjoni soċjali u ekonomika tal-Komunità, jeħtieġ li jkunu appoġġjati l-interventi limitati għar-restawr tal-bini eżistenti biex jintuża għall-akkomodazzjoni fl-Istati Membri li ssieħbu mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 jew qabel. Dawn l-interventi jistgħu jsiru skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999

(1) Bil-għan li tittejjeb il-koeżjoni soċjali u ekonomika tal-Komunità Ewropea, jeħtieġ li jkunu appoġġjati l-interventi limitati għar-restawr tal-bini eżistenti biex jintuża għall-akkomodazzjoni fl-Istati Membri. Dawn l-interventi jistgħu jsiru skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999

Emenda  2

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3) F’dawk l-Istati Membri li japplika għalihom l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006, hemm jgħixu wkoll numru kbir ta’ komunitajiet emarġinati. Għalhekk jeħtieġ li l-eliġibbiltà tal-infiq tkun estiża għall-interventi għall-akkomodazzjoni favur dawn il-komunitajiet li jgħixu fiż-żoni rurali.

(3) F’diversi Stati Membri hemm jgħixu wkoll numru kbir ta’ komunitajiet emarġinati. Għalhekk jeħtieġ li l-eliġibbiltà tal-infiq tkun estiża għall-interventi għall-akkomodazzjoni favur il-komunitajiet emarġinati li jgħixu fiż-żoni rurali.

Ġustifikazzjoni

Id-dispożizzjoni l-ġdida dwar l-interventi għall-akkomodazzjoni għall-komunitajiet emarġinati għandhom jikkonċernaw lill-Istati Membri kollha, u mhux biss lil dawk li ssieħbu mal-UE fl-1 ta' Mejju 2004 jew wara. Għalhekk, din il-premessa għandha tiġi emendata kif xieraq.

Emenda  3

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4) Jeħtieġ ukoll li l-infiq fil-bini ta’ djar ġodda flok dawk li hemm diġà wkoll ikun eliġibbli, kemm jekk dawn il-komunitajiet jgħixu fl-ibliet kif ukoll jekk jgħixu f’żoni rurali, minħabba l-istat ferm ħażin ta’ djarhom.

(4) Jeħtieġ ukoll li l-infiq għar-rinnovament ta’ djar eżistenti jew biex dawn jinbidlu fi djar ġodda wkoll ikun eliġibbli, kemm jekk il-komunitajiet emarġinati jgħixu fl-ibliet kif ukoll jekk jgħixu f’żoni rurali, minħabba l-istat ferm ħażin ta’ djarhom.

Emenda  4

Proposta għal regolament – att li jemenda

Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6) Konformi mal-Prinċipju Nru 1 ta’ dawn il-Prinċipji Bażiċi Komuni, sabiex ikun limitat ir-riskju ta’ segregazzjoni, l-interventi għall-akkomodazzjoni ta’ komunitajiet emarġinati għandhom isiru fil-qafas ta’ approċċ integrat li jinkludi l-miżuri partikolarment fl-oqsma tal-edukazzjoni, is-saħħa, il-kwistjonijiet soċjali, l-impjiegi u s-sigurtà.

(6) Konformi mal-Prinċipju Nru 1 ta’ dawn il-Prinċipji Bażiċi Komuni, sabiex ikun limitat ir-riskju ta’ segregazzjoni, l-interventi għall-akkomodazzjoni ta’ komunitajiet emarġinati għandhom isiru fil-qafas ta’ approċċ integrat u sostenibbli li jinkludi l-miżuri partikolarment fl-oqsma tal-edukazzjoni, is-saħħa, il-kwistjonijiet soċjali, l-impjiegi u s-sigurtà.

Ġustifikazzjoni

L-interventi fil-qasam tal-akkomodazzjoni għall-komunitajiet emarġinati għandu jkollhom l-għan li jiffavorixxu l-inklużjoni sostenibbli ta' dawn il-komunitajiet. Ir-restawr u l-bdil tal-bini eżistenti għandhom jitwettqu biss b'dan il-għan.

Emenda  5

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1

Regolament (KE) Nru 1080/2006

Artikolu 7 – paragrafu 2 – subparagrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. L-infiq fuq id-djar, minbarra dak li jsir għall-effiċjenza fl-enerġija u l-użu tal-enerġija rinnovabbli kif stipulat fil-paragrafu 1a, għandu jkun eliġibbli biss għal dawk l-Istati Membri li ssieħbu mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 jew wara, fejn il-kundizzjonijiet li ġejjin huma sodisfatti:

2. L-infiq fuq id-djar, minbarra dak li jsir għall-effiċjenza fl-enerġija u l-użu tal-enerġija rinnovabbli kif stipulat fil-paragrafu 1a, għandu jkun eliġibbli, fejn il-kundizzjonijiet li ġejjin huma sodisfatti:

(a) l-infiq se jkun ipprogrammat f'wieħed minn dawn l-oqfsa ta' hawn taħt:

(a) l-infiq se jkun ipprogrammat f'wieħed minn dawn l-oqfsa ta' hawn taħt:

(i) qafas ta’ żvilupp urban integrat f’żoni li għaddejjin minn, jew huma mhedda b’deterjorazzjoni fiżika u esklużjoni soċjali;

(i) qafas ta’ żvilupp urban integrat f’żoni li għaddejjin minn, jew huma mhedda b’deterjorazzjoni fiżika u esklużjoni soċjali;

(ii) qafas ta’ approċċ integrat għall-komunitajiet emarġinati.

(ii) qafas ta’ approċċ integrat u sostenibbli għall-komunitajiet emarġinati.

 

(aa) l-infiq taħt il-punt (a)(i) għandu jkun eliġibbli biss għal dawk l-Istati Membri li aderew fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004 jew wara; l-infiq taħt il-punt (a)(ii) għandu jkun eliġibbli għall-Istati Membri kollha.

(b) L-allokazzjoni għall-infiq fuq l-akkomodazzjoni għandha tkun jew ta’ massimu ta' 3 % tal-allokazzjoni tal-FEŻR lill-programmi operattivi kkonċernati jew ta’ 2 % tal-allokazzjoni totali tal-FEŻR.

(b) L-allokazzjoni għall-infiq fuq l-akkomodazzjoni għandha tkun jew ta’ massimu ta' 3 % tal-allokazzjoni tal-FEŻR lill-programmi operattivi kkonċernati jew ta’ 2 % tal-allokazzjoni totali tal-FEŻR.

Ġustifikazzjoni

Il-problema li qed tipprova tindirzza r-reviżjoni attwali tar-Regolament FEŻR –bl-introduzzjoni ta’ dispożizzjoni ġdida skont l-Artikolu 7 punt 2(a)(ii) – ma tolqotx biss lil dawk l-Istati Membri li aderew fl-UE fl-1 ta’ Mejju 2004 jew wara. Fir-realtà, il-bini ta’ djar għal komunitajiet emarġinati – u l-aktar għall-popolazzjoni Roma – jirrapreżenta kwistjoni ta’ tħassib kbir f’ħafna mill-Istati Membri tal-UE-15. Barra minn hekk, bħala punt ta’ prinċipju, hu ferm importanti li d-distinzjoni li m'għadhiex tgħodd bejn Stati Membri “qodma” u “ġodda” ma tkunx tkopri din il-miżura ġdida fil-punt 2(a)(ii), kif ġara bis-sistema attwali ta’ interventi oħra fil-qasam tal-akkomodazzjoni.

Emenda  6

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006

Artikolu 7 – paragrafu 2 – subparagrafu 2 – parti introduttorja

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Għall-għanijiet tal-punt (a)(i) tal-ewwel sottoparagrafu, l-infiq ikun limitat għal wieħed minn dawn l-interventi:

Għall-għanijiet tal-punt (a)(i) u (ii) tal-ewwel subparagrafu, l-infiq ikun limitat għal dawn l-interventi:

Emenda  7

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006

Artikolu 7 – paragrafu 2 – subparagrafu 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Għall-għanijiet tal-punt (a)(ii) tal-ewwel sottoparagrafu, l-interventi jistgħu jinkludu l-bini ta’ djar ġodda flok dawk li hemm diġà.

Għall-għanijiet tal-punt (a)(ii) tal-ewwel sottoparagrafu, l-interventi jistgħu jinkludu r-restawr jew il-bdil ta’ djar eżistenti.

Emenda  8

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1

Regolament (KE) Nru 1080/2006

Artikolu 7 – paragrafu 2 – subparagrafu 4

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Il-Kummissjoni tista’ tadotta l-lista ta’ kriterji meħtieġa biex jiġu determinati l-oqsma msemmijin taħt il-punt (a)(i) tal-ewwel sottoparagrafu u l-lista ta’ interventi eliġibbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.”

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-lista ta’ kriterji meħtieġa biex jiġu determinati l-oqsma msemmijin taħt il-punt (a)(i) tal-ewwel sottoparagrafu u l-lista ta’ interventi eliġibbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.”

Ġustifikazzjoni

Qed nipproponu li tiddaħħal mill-ġdid il-verżjoni preċedenti tal-Artikolu 7 - parti finali - sabiex il-Kummissjoni Ewropea tkun tista' tkompli twettaq id-dmir oriġinali tagħha mogħti lilha bir-Regolament fil-qasam tal-valutazzjoni u l-iffissar ta' kriterji għall-interventi, b'mod partikolari fis-settur tal-interventi għall-akkomodazzjoni fl-Istati Membri l-ġodda, sabiex jiġu garantiti l-effiċjenza u l-valur miżjud fil-politika, filwaqt li jitqiesu wkoll l-ispejjeż.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-kriżi ekonomika globali attwali tirrapreżenta sfida ewlenija għall-Unjoni Ewropea, li titlob reazzjoni fil-pront, flessibbli u effettiva skont il-linji tal-politiki tagħha. B’total ta’ riżorsi finanzjarji ta’ €347 biljun għall-perjodu ta’ pprogrammar 2007-2013, il-politika ta’ koeżjoni Ewropea hi l-akbar sors ta’ investiment fl-ekonomija reali, li tgħin lill-Ewropa u lir-reġjuni tagħha jirkupraw mill-kriżi u jerġgħu jibnu l-fiduċja u l-ottimiżmu.

F’Novembru tas-sena l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Pjan ta' Rkupru Ekonomiku komprensiv għall-Ewropa, li fih il-politika ta' koeżjoni kellha rwol importanti. Fl-istadju inizjali, il-Kummissjoni ppreżentat proposti biex jiġu riveduti tliet Regolamenti tal-Fondi Strutturali tal-UE għall-perjodu 2007-2013: ir-Regolament Ġenerali, ir-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u r-Regolament dwar il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) bil-għan ewlieni li tkun stimulata l-implimentazzjoni ta’ proġetti u li jkunu protetti u maħluqa impjiegi ġodda permezz ta’ investimenti għaqlin. Il-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu għall-pakkett leġiżlattiv fil-bidu ta’ April u l-miżuri li hemm stipulati fih diġà bdew isiru effettivi minn tmiem Mejju. Fit-tieni nofs tal-2010 mistenni jsir rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri li ġew adottati fil-qafas tal-Pjan ta’ Rkupru Ekonomiku.

L-ewwel emenda għar-Regolament FEŻR estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-eliġibbiltà, filwaqt li ppermettiet li l-Istati Membri u r-reġjuni kollha tal-UE jinvestu f’miżuri favur l-effiċjenza fl-enerġija u r-riżorsi rinnovabbli fl-akkomodazzjoni[1] u wesset l-użu ta’ rati fissi u tas-somma ta’ darba sabiex tkun simplifikata d-dikjarazzjoni tal-nefqa u tiddaħħal sistema ta' rimborż imsejsa aktar fuq ir-riżultati.

Fit-22 ta’ Lulju, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet ġabra ta’ miżuri ġodda bil-għan li jkunu ssimplifikati r-regoli ta’ tmexxija tal-politika ta’ koeżjoni. Dawn l-emendi jirreferu għar-Regolament Ġenerali għall-FEŻR, l-FSE u l-Fond ta’ Koeżjoni u dwar ir-Regolament FEŻR.

Il-proposta l-ġdida għar-Regolament FEŻR, li hi s-suġġett tar-rapport attwali, għandha l-għan li testendi l-eliġibbiltà tal-interventi fl-akkomodazzjoni favur komunitajiet emarġinati fl-Istati Membri l-ġodda.

Il-proposta tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni introduċiet emenda għall-Artikolu 7(2) attwali sabiex tippermetti l-appoġġ finanzjarju mill-FEŻR għal interventi fl-akkomodazzjoni favur komunitajiet emarġinati li jgħixu fl-Istati Membri l-ġodda (UE-12). Skont ir-regolament attwali, l-interventi fl-akkomodazzjoni jistgħu jsiru fil-qafas tax-xogħlijiet tal-iżvilupp urban, taħt forma ta’ restawr ta' djar preżenti. Minħabba li l-maġġor parti tal-komunitajiet emarġinati fl-Istati Membri l-ġodda jgħixu f’żoni rurali u fid-djar ta’ kenn, dawn ma jistgħux jibbenefikaw mis-sostenn tal-FEŻR biex jibdlu djar ta' kwalità ferm ħażina. Għalhekk, l-appoġġ finanzjarju tal-FEŻR jista’ b’mod sinifikanti jikkumplimenta l-kontribuzzjoni tal-Fond Agrikolu Ewropew attwali għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) f’dan il-qasam kif ukoll l-isforzi tal-Istati Membri li jsolvu n-nuqqas ta' kumditajiet u l-emarġinazzjoni tal-komunitajiet vulnerabbli tagħhom. In-nefqa għandha tkun limitata għal interventi għar-restawr tal-partijiet komuni tad-djar eżistenti fejn joqogħdu aktar minn familja waħda u għar-restawr u l-bidla fl-użu ta’ bini li huwa l-proprjetà tal-awtoritajiet pubbliċi jew ta' operaturi li joperaw mingħajr skop ta' profitt bħala akkomodazzjoni minn familji bi dħul baxx jew persuni bi bżonnijiet speċjali.

Il-proposta tagħmel ukoll referenza speċifika fil-premessi tagħha għall-popolazzjoni Roma, bħala l-akbar komunità emarġinata fl-Ewropa, filwaqt li tiddikjara li l-interventi li jqiegħdu lill-poplu Roma bħala grupp destinatarju ma għandhomx jeskludu popli oħrajn li qegħdin f'ċirkostanzi soċjoekonomiċi simili.

Il-proposta attwali ma żżidx il-finanzjament u ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit Komunitarju. Tippermetti lill-Istati Membri l-ġodda li jużaw fil-forma ta’ metodu integrat, il-Fond tal-FEŻR, flimkien ma' riżorsi oħra (FAEŻR u l-istrumenti nazzjonali tagħhom), biex jindirizzaw il-kwistjonijiet tal-akkomodazzjoni għall-komunitajiet emarġinati.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill

Il-Kunsill jintroduċi biss żidiet żgħar, bil-għan li sempliċementi jiċċara l-kliem tat-test propost mill-Kummissjoni. Konsegwentement, il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Miżuri Strutturali għamel referenza preċiża għall-eliġibilità tan-nefqa li tkun wkoll għar-restawr tal-akkomodazzjoni eżistenti, u mhux biss biex dawn ikunu mibdula f’oħrajn u neħħa l-limitazzjoni dwar bdil li jsir biss minn “djar mibnija ġodda”.

Valutazzjoni tar-reviżjoni proposta għar-Regolament FEŻR

Ir-Rapporteur jaqbel mal-ħtieġa li tkun indirizzata l-kwistjoni tal-akkomodazzjoni għall-komunitajiet emarġinati fil-kuntest tal-emendi tar-Regolament FEŻR. Minħabba li d-dispożizzjonijiet attwali ma jistgħux ikunu applikati għall-komunitajiet emarġinati, li qed jgħixu l-aktar fl-Istati Membri l-ġodda, l-emenda proposta qed issir biex timla vojt fil-leġiżlazzjoni, sabiex ikunu indirizzati b’mod aktar adegwat il-kundizzjonijiet miżeri tal-għajxien ta’ dawn il-popli.

Din il-proposta ġdida tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, twessa’ l-medda ta’ possibilitajiet għall-Istati Membri l-ġodda biex isostnu l-interventi għall-akkomodazzjoni fil-każ ta’ komunitajiet emarġinati bil-mod li jidhrilhom li jkun l-iżjed xieraq u fl-istess ħin iżżomm il-metodu integrat bħala kundizzjoni minima għall-implimentazzjoni tal-intervent.

Wara trijalogu informali mal-Kummissjoni u mal-Kunsill, fejn iż-żewġ partijiet assiguraw lir-Rapporteur dwar l-applikazzjoni ġenerali tad-dispożizzjonijiet il-ġodda, minkejja r-referenza espliċita għall-popolazzjoni tar-Roma fil-premessi, ir-Rapporteur iqis b’mod favorevoli l-bidla proposta għar-Regolament. Jilqa’ b’sodisfazzjon u jenfasizza f’dan il-kuntest l-importanza taż-żieda li tindika li din ir-referenza m’għandhiex teskludi poplu oħra li qegħdin f'ċirkostanzi soċjoekonomiċi simili. Jirrikonoxxi l-fatt li l-poplu tar-Roma jirrapreżenta l-akbar komunità emarġinata fl-Ewropa, imma jenfasizza madankollu li hemm ukoll komunitajiet oħra, speċjalment migranti legali, li jeħtieġ ikunu indirizzati b’mod xieraq, minħabba li l-migrazzjoni u l-integrazzjoni saret esperjenza ta’ kuljum fid-dinja globalizzata tagħna.

Ir-rapport tal-Parlament Ewropew

Ir-reviżjoni ta' dan ir-Regolament se ssir skont il-proċedura tal-kodeċiżjoni, li tagħti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jeddijiet u setgħat indaqs biex jemendaw il-proposta tal-Kummissjoni.

Għalkemm uħud mill-Istati Membri l-qodma wkoll għandhom komunitajiet emarġinati fit-territorju tagħhom li jistgħu jiġu megħjuna mid-dispożizzjonijiet attwali, ir-Rapporteur iqis il-fatt li l-parti l-kbira tal-Istati Membri jappoġġjaw il-proposta tal-Kummissjoni kif inhi, u għalhekk iddeċieda, minħabba li l-kwistjoni teħtieġ azzjoni urġenti, li jaċċetta l-emendi kollha proposti mill-Kunsill u li ma jippreżenta l-ebda emenda jew żieda lit-test.

Ir-Rapporteur jitlob ukoll biex issir evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-Kummissjoni sa tmiem l-2010.

  • [1]  Il-forma inizjali tar-Regolament ipprovdiet appoġġ finanzjarju għall-interventi fis-settur tal-akkomodazzjoni, inkluż fl-effiċjenza fl-enerġija, imma kienet biss għall-Istati Membri l-ġodda (UE-12)

PROĊEDURA

Titolu

L-eliġibbiltà tal-interventi għall-akkomodazzjoni favur il-komunitajiet emarġinati

Referenzi

COM(2009)0382 – C7-0095/2009 – 2009/0105(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

17.7.2009

Kumitat responsabbli

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

REGI

14.9.2009

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

BUDG

14.9.2009

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

Data tad-deċiżjoni

BUDG

21.10.2009

 

 

 

Rapporteur(s)

Data tal-ħatra

Lambert van Nistelrooij

5.10.2009

 

 

Eżami fil-kumitat

6.10.2009

 

 

 

Data tal-adozzjoni

4.11.2009

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Catherine Bearder, Victor Boştinaru, Philip Bradbourn, Sophie Briard Auconie, Zuzana Brzobohatá, John Bufton, Salvatore Caronna, Ricardo Cortés Lastra, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Elie Hoarau, Seán Kelly, Constanze Angela Krehl, Petru Constantin Luhan, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Ramona Nicole Mănescu, Erminia Mazzoni, Lambert van Nistelrooij, Franz Obermayr, Wojciech Michał Olejniczak, Markus Pieper, Tomasz Piotr Poręba, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Csanád Szegedi, Nuno Teixeira, Michael Theurer, Michail Tremopoulos, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Hermann Winkler, Joachim Zeller

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Březina, Karima Delli, Ivars Godmanis, Andrey Kovatchev, Veronica Lope Fontagné, Marek Henryk Migalski, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Vilja Savisaar, Elisabeth Schroedter, Sabine Verheyen