RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tipprovdi l-għajnuna makro-finanzjarja lill-Armenja

12.11.2009 - (COM(2009)0531 – C7-0268/2009 – 2009/0150 (CNS)) - *

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Vital Moreira
(Proċedura simplifikata - Artikolu 46(1) tar-Regoli ta' Proċedura)

Proċedura : 2009/0150(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0059/2009
Testi mressqa :
A7-0059/2009
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tipprovdi l-għajnuna makro-finanzjarja lill-Armenja

(COM(2009)0531 – C7-0268/2009 – 2009/0150(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2009)0531),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 308 tat-Trattat KE, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0268/2009),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 55 u 46(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0059/2009),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;

2.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

1. L-objettivi tal-proposta

Il-Kummissjoni tipproponi li tagħti l-għajnuna makro-finanzjarja lill-Armenja li tkun tammonta għal EUR 100 miljun f'forma ta' self (EUR 65 miljun) u għotja (EUR 35 miljun). Rigward il-komponent tas-self, il-Kummissjoni se jkollha l-jedd tissellef sa EUR 65 miljun fuq is-swieq kapitali jew mingħand istituzzjonijiet finanzjarji. L-għajnuna mistennija tingħata f'żewġ pagamenti (b'mod tentattiv matul is-sena 2010). L-għan hu li jingħata appoġġ għall-aġġustament ekonomiku tal-Armenja kif ukoll għall-finanzjament tal-bilanċ tal-pagamenti esterni u l-bżonnijiet baġitarji tagħha kif inhu identifikat mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).

2. Kuntest ġenerali

L-għajnuna proposta se tagħti sostenn lill-programm ekonomiku tal-awtoritajiet bl-għan li jiġu żgurati kontijiet fiskali u esterni sostenibbli u tikkontribwixxi għall-għajnuna biex l-Armenja tkun tista' tindirizza l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali.

It-tnaqqis ekonomiku globali u b'mod partikolari d-deterjorament rapidu tal-ekonomija Russa kellhom impatt qawwi fuq l-attività ekonomika fl-Armenja li bdiet tonqos fl-aħħar tliet xhur tal-2008. Minħabba d-deterjorament kontinwu fl-ekonomija fl-2009, f'Marzu kien hemm żvaluta de facto tad-Dramma Armena b'madwar 22% mqabbla mal-EUR u d-USD. Fl-istess ħin, l-FMI approva Arranġament ta' Riżerva (SBA) biex jgħin lill-Armenja tiffaċċja d-deterjorament tal-ambjent ekonomiku u biex jiżgura tranżizzjoni bla xkiel għar-reġim ta' rata ta' skambju varjabbli. Minkejja l-fatt li l-effetti negattivi tal-iżvaluta fil-biċċa l-kbira ġew assimilati, is-sitwazzjoni ekonomika fl-ewwel sitt xhur tal-2009 ddeterjorat drammatikament. B’riżultat ta’ dan, f’Ġunju 2009 l-Bord tal-FMI approva żieda fl-aċċess tal-Armenja għar-riżorsi tal-FMI skont l-ATR. Madankollu, l-aħħar indikaturi minn nofs Lulju jimplikaw li t-tnaqqis ekonomiku huwa aktar gravi anki minn dak previst mis-suppożizzjonijiet riveduti ta' Ġunju.

L-għajnuna makro-finanzjarja proposta hija maħsuba biex tikkomplementa l-appoġġ tal-FMI li kien previst skont SBA li ġie miftiehem mill-bord tal-FMI f’Marzu 2009, u l-appoġġ mingħand il-Bank Dinji li se jkun f’forma ta’ self politiku għas-sostenn tal-baġit. Se jingħata appoġġ addizzjonali mill-Bank Ażjatiku tal-Iżvilupp, minn donaturi bilaterali (ir-Russja u r-Renju Unit), u mill-UE skont l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija (ENPI). L-għajnun makro-finanzjarja li qed titħejja tkun kontribut xieraq tal-UE biex titnaqqas id-diskrepanza fil-finanzjament.

Il-Kummissjoni tqis li hemm riskju li l-Gvern tal-Armenja ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-programm tal-FMI, minħabba li l-mira fiskali tista' tkun iktar diffiċli li tintlaħaq milli kien maħsub, b'mod partikolari peress li r-riskji tal-previżjonijiet ta' tkabbir evidentement qegħdin imorru għall-agħar. Filwaqt li tqis bis-serjetà dawn ir-riskji, is-servizzi tal-Kummissjoni għadhom iqisu li hemm raġunijiet tajbin biżżejjed biex titkompla l-għajnuna makro-finanzjajra għall-Armenja. Il-bżonnijiet kbar ta' finanzjament li qed tiffaċċja l-Armenja, partikolarment fl-2009 u inqas fl-2010 juru li hemm bżonn ta' azzjoni urġenti.

L-għajnuna makro-finanzjarja hija mistennija li jkollha impatt immedjat fuq il-bilanċ ta' pagamenti fl-Armenja u b'hekk tikkontribwixxi għat-taffija tal-limiti finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-programm ekonomiku tal-awtoritajiet u l-finanzjament tal-iżbilanċ fl-estimi. L-għajnuna makro-finanzjarja hija mistennija wkoll li tappoġġja l-għanijiet ġenerali tal-programm ta' stabilizzazzjoni miftiehem mal-FMI, li b'mod partikolari għandu l-għan li jikseb aġġustament estern, jimbotta r-riżervi barranin, u jżomm il-fiduċja fil-munita domestika u s-sistema bankarja u tipproteġi lill-foqra.

3. Limiti ta' ħin

Din il-proposta ta' għajnuna makro-finanzjarja (bħal kull proposta ta' għajnuna makro-finanzjarja preċedenti) ġiet irreferuta lill-Parlament b’konformità mal-Artikolu 308 tat-Trattat tal-KE, jiġifieri skont proċedura ta' konsultazzjoni. Minkejja li ma hemm l-ebda data ta' skadenza prevista għall-opinjoni tal-Parlament skont l-Artikolu, il-Parlament dejjem kien pront biex iwieġeb għall-ħtiġijiet tal-għoti ta' għajnuna makro-finanzjarja.

Din il-proposta ġiet adottata mill-Kummissjoni fl-14 ta' Ottubru 2009 (u ġiet trasferita għall-Parlament fl-istess jum). Madankollu, minħabba li l-ewwel pagament huwa ppjanat li jitħallas f'Jannar 2010, il-Kunsill għalhekk għandu jadotta d-Deċiżjoni qabel tmiem l-2009, u l-Parlament jadotta l-opinjoni tiegħu iktar kmieni minn hekk (b'mod informali l-Kummissjoni indikat li għandha tiġi adottata fis-sessjoni plenarja tat-23-26 ta' Novembru 2009). Għalhekk, effettivament il-Parlament ingħata inqas minn xahar u nofs biex jadotta l-pożizzjoni tiegħu (filwaqt li l-Kunsill, fil-ħin tal-finalizzazzjoni tal-abbozz tar-rapport mir-rapporteur, kien lanqas biss ikkonsulta lill-Parlament uffiċjalment) u fi proċedura leġiżlattiva dan mhuwiex aċċettat. Pereżempju, anki biex jopponi l-abbozz tal-miżuri ta' implimentazzjoni skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju, id-data ta' skadenza għall-Parlament mhijiex inqas minn tliet xhur[1]. Dan juri nuqqas ta' rispett għall-irwol tal-Parlament bħala leġiżlatur, peress li ma jista' jkun hemm l-ebda ġustifikazzjoni għall-eċċezzjonijiet ta' setgħet istituzzjonali. Minkejja li t-tħejjija ta' proposti bħal dawn ma tiddependix fuq il-Kummissjoni waħedha, il-Kummissjoni kienet taf sew li l-ewwel pagament għandu jitħallas fil-bidu tal-2010 u għalhekk id-Deċiżjoni rispettiva se jkollha tiġi adottata fi żmien suffiċjenti qabel ma tintemm is-sena.

Fl-istess ħin, jekk id-Deċiżjoni ma tiġix adottata sal-bidu tal-2010, dan ifisser li l-fondi tal-KE ma jiġux trasferiti lill-Armenja f'Jannar 2010. Billi jitqiesu ċ-ċirkostanzi fattwali tal-importanza strateġika tal-Armenja għall-UE fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u s-Sħubija l-ġdida tal-Lvant, ir-rapporteur jista' għalhekk jagħmel ħiltu biex jipprova jissodisfa t-talba tal-Kummissjoni rigward iż-żmien. Minkejja dan, jagħmel enfasi dwar il-fatt li dan ma jfissirx li jiġi aċċettat it-tul ta' żmien impost mill-proposta tard tal-Kummissjoni, iżda biss li tiġi ttollerata f'dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali.

4. Raġunijiet għan-nuqqas ta' proposti għal emendi

Ir-rapporteur għalissa ma pproponiex emendi għall-abbozz tal-proposta. Dan mhux minħabba li l-proposta għad-Deċiżjoni hija perfetta iżda minħabba li r-rapporteur iħoss li qiegħed f'pożizzjoni skomda.

L-ewwel nett, mil-lat proċedurali, l-adozzjoni ta' rapport b'emendi tista' tkun impossibbli bl-iskeda attwali u għalhekk tista' tfisser li ma jsirx it-trasferiment tal-fondi għall-Armenja f'Jannar 2010.

It-tieni nett, din ir-"realtà proċedurali" ma tfissirx li r-rapporteur se jaqbel kompletament mal-proposta. Pereżempju, ir-rapporteur ma jistax jaqbel mad-dikjarazzjoni li "Għall-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni t-Trattat ma jipprovdix għal poteri barra dawk fl-Artikolu 308" (premessa 11). Ir-raġuni għall-użu tal-Artikolu 308 u mhux l-Artikolu 181a mhijiex fit-Trattat, iżda fid-Dikjarazzjoni Nru 10 mehmuża mat-Trattat ta' Nizza, li tistipula li "l-bilanċ tal-pagamenti ta’ pajjiżi terzi ma tidħolx fil-kamp ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 181a". Fl-2003[2] il-Parlament diġà kien irrefera għall-Artikolu 308 bħala mhux xieraq u kien esprima d-dispjaċir tiegħu dwar id-deċizjoni li tiġi inkluża Dikjarazzjoni bħal din fit-Trattat ta' Nizza.

Għandu jkun imsemmi wkoll li l-proposta hija ġenerali ħafna u l-biċċa l-kbira tad-dettalji speċifiċi għandhom jiġu miftiehma fil-Memorandum ta' Ftehim. Fl-istess ħin, ir-rapporteur huwa tal-fehma li jista' jkun hemm bżonn ta’ bosta emendi sabiex tittejjeb iċ-ċarezza, it-trasparenza u r-responsabilità tal-proposta (f'termini ta' kundizjonalità, l-użu ta' awdituri esterni għall-valutazzjoni indipendenti, talbiet speċifiċi lill-gvern Armen eċċ).

It-tielet punt hu li għandu jerġa’ jingħid li r-rapporteur kellu ħin limitat ħafna biex jirrifletti fuq il-proposta nnifisha.

Għalhekk, filwaqt li jaqbel kompletament mal-ħtieġa li tingħata għajnuna makro-finanzjarja eċċezzjonali lill-Armenja, ir-rapporteur kellu għażla diffiċli. Kien hemm il-possibbiltà li jipproponi l-adozzjoni tal-opinjoni tal-Parlament mill-iktar fis possibbli, fl-interess tal-ħtiġijiet tal-pajjiż destinatarju, jew li jiddefendi l-prerogattivi istituzzjonali tal-Parlament u jirrifjuta l-iskeda mhux aċċettabbli għall-adozzjoni ta' proposta leġiżlattiva, iżda b'hekk l-Armenja tinżamm milli tirċievi l-assistenza li teħtieġ u li ilha tfittex.

B’kunsiderazzjoni ta’ dan ta' hawn fuq, ir-rapporteur jissuġġerixxi li tiġi aċċettata l-proposta mingħajr emendi. Madankollu, ir-rapporteur għandu d-dritt li jipproponi l-emendi tiegħu wara l-eżami tal-proposta fil-Kumitat, u l-iskambju ta' opinjonijiet mal-Kunsill u l-Kummissjoni.

5. L-irwol tal-Parlament fl-għoti ta' għajnuna makro-finanzjarja

Ir-rapporteur jixtieq jenfasizza wkoll li, skont riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament, strument sustanzjali bħal għajnuna makro-finanzjarja ma jistax jitqies biss bħala "eċċezzjonali". Għalhekk, mhux iġġustifikat li strument bħal dan ma għandux bażi ġuridika regolari u jkompli jkun ibbażat fuq deċiżjonijiet ad hoc tal-Kunsill għal kull operazzjoni. Hija meħtieġa struttura ta' regolament ta' qafas kodeċiż dwar l-għajnuna makro-finanzjarja sabiex isaħħaħ it-trasparenza, ir-responsabilità, il-monitoraġġ u s-sistema tar-rappurtaġġ. F'dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona, il-bażi ġuridika xierqa għal Deċiżjoni li tagħti għajnuna makro-finanzjarja tkun l-Artikolu 209(1) u 212(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), skont jekk il-pajjiż benefiċjarju jkunx ikklassifikat mill-istituzzjonijiet tal-Unjonibħala pajjiż li jkun qed jiżviluppa jew le. Fiż-żewġ każijiet, tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja. L-Artikolu 213 TFUE ma għandux japplika għal Deċiżjonijiet li jagħtu għajnuna makro-finanzjarja.

Barra minn hekk, għandu jissaħħaħ l-irwol tal-Parlament. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha ttejjeb ir-rappurtaġġ tagħha lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni fiha nnifisha tal-istrument ta' għajnuna u tipprovdi lill-Parlament b'rapport ta' evalwazzjoni ex post (minbarra r-rappurtaġġ annwali previst fl-Artikolu 6 tal-proposta).

6. L-impenji mill-Kunsill u l-Kummissjoni

Anki jekk il-proposta għal għajnuna makro-finanzjarja tiġi aċċettata mill-Kumitat mingħajr emendi, ir-rapporteur jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jindirizzaw it-tħassib ta' hawn fuq f'dikjarazzjonijiet lill-Parlament.

PROĊEDURA

Titolu

Għajnuna makrofinanzjarja lill-Armenja

Referenzi

COM(2009)0531 – C7-0268/2009 – 2009/0150(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

30.10.2009

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AFET

BUDG

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

AFET

21.10.2009

BUDG

21.10.2009

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Vital Moreira

29.9.2009

 

 

Proċedura simplifikata - data tad-deċiżjoni

10.11.2009

Eżami fil-kumitat

10.11.2009

 

 

 

Data tal-adozzjoni

10.11.2009

 

 

 

Data tat-tressiq

13.11.2009