RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lill-Ġeorġja
13.11.2009 - (COM(2009)0523 – C7‑0269/2009 – 2009/0147(CNS)) - *
Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Vital Moreira
(Proċedura simplifikata - Artikolu 46(1) tar-Regoli ta' Proċedura)
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lill-Ġeorġja
(COM(2009)0523 – C7‑0269/2009 – 2009/0147(CNS))
(Proċedura ta' konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2009)0523),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 308 tat-Trattat KE, skont liema artikolu l-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament (C7-0269/2009),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Missjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar il-Kunflitt fil-Ġeorġja ta' Settembru 2009 (ir-Rapport Tagliavini),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 55 u 46(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7‑0060/2009),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;
2. Jistieden lill-Kunsill biex jinnnotfika lill-Parlament jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
1. L-għanijiet tal-proposta
Il-Kummissjoni qed tipproponi li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lill-Ġeorġja fis-sura ta’ pagamenti bin-nifs ta’ għotjiet għal ammont massimu ta’ EUR 46 miljun. Hu intenzjonat li l-assistenza tiġi allokata għall-finanzjament tad-defiċit tal-baġit statali u qed jiġi ppjanat li tingħata f’żewġ pagamenti (l-ewwel parti qabel l-aħħar tal-2009 u t-tieni fil-bidu tal-2010). L-assistenza hi mmirata biex jitkoprew il-bżonnijiet ta’ finanzjament estern residwi fl-2009-2010 kif ġew identifikati mill-Fond Monetarju Internazzjonali. Il-fondi se jiġu indirizzati lejn il-baġit statali tal-Ġeorġja biex jgħinu biex jintlaħqu l-bżonnijiet baġitarji gravi.
2. Il-kuntest ġenerali
Il-Ġeorġja esperjenzat tnaqqis ekonomiku gravi minn meta sploda l-kunflitt militari mar-Russja f’Awwissu 2008, li kkawża ħsara kemm diretta u kemm indiretta, kif ukoll wassal biex għadd kbir tal-popolazzjoni kellu jiċċaqlaq internament. Barra minn hekk, il-kriżi finanzjarja globali li faqqgħet fil-Ħarifa tal-2008 kompliet taggrava l-qagħda ekonomika tal-Ġeorġja. L-assistenza proposta hi intenzjonata biex tappoġġja l-irkupru tal-Ġeorġja mill-qagħda tagħha wara l-kunflitt armat mar-Russja u anke biex tikkontribwixxi biex il-Ġeorġja tiġi mgħejjuna tindirizza l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomiku u finanzjarja globali.
L-għajnuna makrofinanzjarja li qed tiġi proposta hi intenzjonata biex timxi b’mod parallel mal-arranġament ta’ riżerva li ġie approvat mill-Fond Monetarju Internazzjonali f’Settembru 2008. Il-ħruġ ta’ flus min-naħa tal-KE hu marbut mal-użu tar-riżorsi tal-Fond Monetarju Internazzjonali u għalhekk għandu rabta diretta mal-implimentazzjoni mill-benefiċjarju ta’ politiki makroekonomiċi u strutturali miftehma u l-ħeffa tagħha fit-triq tal-irkupru ekonomiku.
Waqt il-konferenza għad-donaturi ta’ Brussell tat-22 ta’ Ottubru 2008, twegħdet assistenza sinifikattiva lill-Ġeorġja mill-Istati Membri u mid-donaturi bilaterali u l-kredituri multilaterali l-oħra, inklużi mhux aktar minn EUR 500 miljun mill-KE. L-għejjun tal-fondi tal-KE jinkludu kemm fondi programmati taħt il-pakkett tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija u l-istrumenti ta’ kriżi, bħall-Istrument għall-Istabilità, l-Għajnuna Umanitarja u l-għajnuna makrofinanzjarja. L-għajnuna makrofinanzjarja tikkumplimenta lill-istrumenti ta’ assistenza l-oħra billi tipprovdi appoġġ makroekonomiku fuq żmien qasir lill-Ġeorġja fil-kuntest tal-programm ekonomiku sostnut mill-Fond Monetarju Internazzjonali waqt li l-appoġġ baġitarju mill-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija, waqt li jikkontribwixxi wkoll biex jiġu koperti l-ħtiġijiet ta’ ffinanzjar tal-Ġeorġja, hu marbut ma’ riformi settorjali speċifiċi.
Fiż-żmien meta saret l-ewwel reviżjoni tal-arranġament ta’ riżerva (Diċembru 2008), l-awtoritajiet Ġeorġjani madankollu ddeċidew li ma jisiltux it-tieni parti mill-Fond Monetarju Internazzjonali taħt l-arranġament ta’ riżerva (minħabba prospettivi relattivament pożittivi għall-investiment dirett barrani fl-2009 u l-biża ta’ ħsara għall-kunfidenza tal-investituri fil-pajjiż). Għaldaqstant, il-Kummissjoni pposponiet il-finalizzazzjoni tal-proposta tagħha għal għajnuna makrofinanzjarja, minħabba l-fatt li tista’ tingħata biss bħala finanzjament kumplimentari għall-fondi tal-Fond Monetarju Internazzjonali.
Madankollu, sussegwentement il-qagħda ekonomika tal-Ġeorġja reġgħet marret għall-agħar u l-awtoritajiet Ġeorġjani ddeċidew li jfittxu finanzjament estern potenzjali. Wara li kkunsidrat it-tieni u t-tielet reviżjoni tal-arranġament ta’ riżerva (f’Marzu u f’Awwissu 2009 rispettivament) u wara li kkunsidrat li għad hemm bżonn li l-biċċa l-kbira tal-appoġġ tad-donaturi tiġi kkonfermata jew li hemm bżonn li jiġi ċċarat il-kalendarju għalih, il-Kummissjoni ddeċidet li tikkonferma l-wegħda ta’ għajnuna makrofinanzjarja li saret fil-konferenza tad-donaturi sabiex il-Ġeorġja tiġi mgħejjuna biex tilħaq il-ħtiġijiet ta’ ffinanzjar tagħha.
3. Limiti ta’ żmien
Din il-proposta għal għajnuna makrofinanzjarja (kif sar għall-proposti kollha għal għajnuna makrofinanzjarja) ġiet irriferuta lill-Parlament taħt l-Artikolu 308 tat-Trattat KE, jiġifieri taħt il-proċedura ta’ konsultazzjoni. Għalkemm m'hemm l-ebda skadenza prevista għall-opinjoni tal-Parlament taħt dak l-Artikolu, il-Parlament dejjem wieġeb malajr ħafna għall-ħtiġijiet li tingħata għajnuna makrofinanzjarja.
Il-proposta attwali ġiet adottata mill-Kummissjoni nhar is-16 ta’ Ottubru 2009 (u ttrasferita lill-Parlament nhar l-20 ta’ Ottubru 2009). Madankollu, peress li hu ppjanat li l-ewwel pagament jingħata diġà qabel l-aħħar tal-2009, il-Kunsill se jkollu jadotta d-Deċiżjoni tiegħu qabel l-aħħar tal-2009, u għaldaqstant l-Parlament għandu jadotta l-opinjoni tiegħu anke aktar kmien (b’mod informali, il-Kummissjoni indikat li għandha tiġi adottata waqt is-sessjoni plenarja tat-23-26 ta’ Novembru 2009). Għalhekk, il-Parlament effettivament ingħata anqas minn xahar u nofs biex jadotta l-pożizzjoni tiegħu (waqt li l-Kunsill, meta r-rapporteur tagħkom iffinalizza dan l-abbozz ta’ rapport, kien għadu lanqas biss ikkonsulta lill-Parlament b’mod uffiċjali) u dan hu sempliċiment mhux aċċettabbli fi proċedura leġiżlattiva. Pereżempju, anke biex jopponi l-abbozz tal-miżuri implimentattivi tal-Kummissjoni taħt il-proċedura regolatorja bi skrutinju, l-iskadenza għall-Parlament mhijiex anqas minn tliet xhur[1]. Dan juri nuqqas totali ta’ rispett għar-rwol tal-Parlament bħala leġiżlatur, peress li ma jista’ jkun hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal eċċezzjonijiet għas-setgħat istituzzjonali. Anke jekk it-tħejjija ta’ proposti ta’ dan it-tip ma tiddipendix biss fuq il-Kummissjoni, il-Kummissjoni kienet taf perfettament li l-ewwel parti għandha tingħata diġà fl-2009 u li għalhekk id-Deċiżjoni rispettiva kien se jkollha tiġi adottata fi żmien biżżejjed qabel l-aħħar tas-sena.
Fl-istess ħin, jekk id-Deċiżjoni ma tiġix adottata sal-aħħar tal-2009, dan ifisser li l-fondi tal-KE ma jiġux ittrasferiti għall-baġit tal-Ġeorġja f’din is-sena finanzjarja. Wara li kkunsidra ċ-ċirkustanzi fattwali u l-importanza strateġika tal-Ġeorġja lill-UE fil-kuntest tal-Politika Ewropea għall-Viċinat (ENP) u s-Sħubija tal-Lvant li għadha kif ġiet stabbilita, ir-rapporteur jista’ għaldaqstant jagħmel ħiltu kollha biex jakkomoda t-talba tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kalendarju. Ir-rapporteur, madankollu, jenfasizza li dan ma jfissirx li qed jiġi aċċettat il-kalendarju impost mill-proposta tal-Kummissjoni li saret tard, imma li qed jiġi ttollerat f'dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali.
4. Ir-raġunijiet għalfejn mhuma qed jiġu proposti l-ebda emendi
Ir-rapporteur tagħkom ma ppropona l-ebda emendi għall-abbozz ta’ proposta għalissa. Mhux għax il-proposta għad-Deċiżjoni hija waħda perfetta, imma għax ir-rapporteur tagħkom sab lilu nnifsu f’pożizzjoni diffiċli ħafna.
L-ewwel nett, mill-prospettiva proċedurali, l-adozzjoni ta’ rapport bl-emendi tista’ tirriżulta impossibbli skont il-kalendarju attwali u għaldaqstant tista’ tfisser li mhu se jsir l-ebda trasferiment ta’ fondi għall-baġit tal-Ġeorġja fl-2009.
It-tieni nett, din “ir-realtà proċedurali” ma tfissirx li r-rapporteur tagħkom jaqbel kompletament ma’ din il-proposta. Pereżempju, ir-rapporteur tagħkom ma jistax jaqbel mad-dikjarazzjoni li “[i]t-Trattat ma jipprovdix għall-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni setgħat oħra għajr dawk tal-Artikolu 308” (premessa 10). Ir-raġuni biex jintuża l-Artikolu 308 u mhux l-Artikolu 181a mhix fit-Trattat, imma fid-Dikjarazzjoni Nru 10 mehmuża mat-Trattat ta’ Nizza, li tistipula li “l-għajnuna għall-bilanċ tal-pagamenti ta’ pajjiżi terzi ma tidħolx fil-kamp tal-applikazzjoni ta' l-Artikolu 181a”. Fl-2003[2], il-Parlament kien diġà rrefera għall-Artikolu 308 bħala inadegwat u wera d-dispjaċir tiegħu għad-deċiżjoni li Dikjarazzjoni ta’ dan it-tip tiġi inkluża fit-Trattat ta’ Nizza.
Għandu jingħad ukoll li l-proposta hija ġenerali ħafna u l-biċċa l-kbira tad-dettalji speċifiċi għandhom jiġu miftiehma fil-Memorandum ta' Ftehim. Fl-istess ħin, ir-rapporteur tagħkom huwa tal-fehma li jista’ jkun hemm bżonn ta’ diversi emendi biex itejbu ċ-ċarezza, it-trasparenza u r-responsabilità tal-proposta (f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonalità, l-użu ta’ awdituri esterni għal valutazzjoni indipendenti, talbiet speċifiċi lill-gvern Ġeorġjan, eċċ.), pereżempju billi jiġi stipulat li, qabel ma tibda l-implimentazzjoni tal-assistenza l-ġdida skont il-proposta attwali, għandha titlesta evalwazzjoni indipendenti ex post tal-għajnuna makrofinanzjarja lill-Ġeorġja li ngħatat skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/41/KE tal-24 ta’ Jannar 2006. Speċfikament, fid-dawl tar-Rapport tal-Missjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar il-Kunflitt fil-Ġeorġja[3] ta' Settembru 2009 (ir-Rapport Tagliavini), ir-Rapporteur tagħkom huwa mħasseb minn naħa dwar l-għajnuna baġitarja tal-UE, u min-naħa l-oħra dwar iż-żieda allegata tal-baġit militari tal-Ġeorġja għall-2008. Madankollu il-kunflitt militari tal-2008 bejn ir-Russja u l-Ġeorġja kompla qawwa l-ħtieġa li nsostnu l-prijoritajiet identifikati fil-pjan ta' azzjoni tal-ENP, u dak ifisser mhux biss l-għajnuna għall-istabbilizzazzjoni makrofinanzjarja u r-riabilitazzjoni u l-irkupru tal-ekonomija, imma anki appoġġ għall-issetiljar mill-ġdid ta' persuni spostati internament (IDPs), għall-iżvilupp demokratiku, għas-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti interni tal-Ġeorġja, eċċ. Għaldaqstant il-Ġeorġja teħtieġ l-għajnuna tagħna, imma huwa tal-akbar importanza li l-Kummissjoni tinkludi fil-Memorandum ta' Ftehim u fil-Ftehim ta' Għotja kundizzjonijiet adegwati, li jiżguraw li din l-għajnuna tassew tintuża għall-iskopijiet li għalihom inħasbet, u mhux għal finijiet militari.
U t-tielet, wieħed għandu jtenni għal darb’oħra li r-rapporteur tagħkom sempliċiment kellu ħin limitat ħafna biex jirrifletti dwar il-proposta attwali.
Għaldaqstant, waqt li jaqbel bis-sħiħ mal-bżonn li l-Ġeorġja tingħata għajnuna makrofinanzjarja eċċezzjonali, ir-rapporteur kellu għażla diffiċli x’jagħmel. Jew li jipproponi li l-opinjoni tal-Parlament tiġi adottata malajr kemm jista’ jkun, fl-interess tal-bżonnijiet ta’ pajjiż li diġà bata bil-kbir. Jew li jiddefendi l-prerogattivi istituzzjonali tal-Parlament u jirrifjuta l-kalendarju inaċċettabbli għall-adozzjoni ta’ proposta leġiżlattiva, biex b’hekk ikun qed jiċħad effettivament lill-Ġeorġja mill-assistenza li għandha bżonn disperatament u li ilha tfittex.
Wara li kkunsidra dan t’hawn fuq, ir-rapporteur tagħkom qed jissuġġerixxi li l-proposta tiġi aċċettata bla emendi. Madankollu, ir-rapporteur tagħkom jirriżerva l-jedd li jipproponi l-emendi tiegħu wara l-eżami tal-proposta fil-Kumitat u l-iskambju ta’ opinjonijiet mal-Kunsill u l-Kummissjoni.
5. Ir-rwol tal-Parlament fl-għoti tal-għajnuna makrofinanzjarja
Ir-rapporteur jixtieq ukoll jisħaq, bi qbil mar-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament, fuq il-fatt li strument sostanzjali bħal mhi l-għajnuna makrofinanzjarja ma jistax jitqies sempliċement bħala “eċċezzjonali”. Għalhekk m'huwiex ġustifikabbli li strument ta’ dan it-tip ikun nieqes minn bażi legali regolari u li jibqa' jkun ibbażat fuq deċiżjonijiet ad hoc tal-Kunsill għal kull operazzjoni. Hemm bżonn ta’ regolament ta’ qafas kodeċiż dwar l-għajnuna makrofinanzjarja sabiex jissaħħu t-trasparenza, ir-responsabilità, is-sistemi ta’ monitoraġġ u rapportaġġ. F'dan ir-rigward, wieħed għandu jisħaq fuq il-fatt li wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-bażi legali xierqa għal Deċiżjoni biex tingħata għajnuna makrofinanzjarja se jkunu l-Artikoli 209(1) u 212(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), skont jekk il-pajjiż benefiċjarju hux ikklassifikat bħala pajjiż li qed jiżviluppa jew le mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fiż-żewġ każi tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja. L-Artikolu 213 TFUE m’għandux japplika għal deċiżjonijiet li jagħtu għajnuna makrofinanzjarja.
Barra minn hekk, għandu jissaħħaħ ir-rwol tal-Parlament. B’mod partikulari, il-Kummissjoni għandha ttejjeb il-mod kif tirraporta lill-Parlament f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni nnifisha ta’ dan l-istrument ta’ għajnuna u tipprovdi lill-Parlament b’rapport ta’ evalwazzjoni ex post (apparti r-rappurtar annwali previst fl-Artikolu 5 tal-proposta).
6. Impenji mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
Anke jekk il-proposta għal għajnuna makrofinanzjarja tiġi aċċettata mill-Kumitat mingħajr emendi, ir-rapporteur tagħkom qed jitlob lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jindirizzaw it-tħassib t’hawn fuq fi stqarriji lill-Parlament.
- [1] L-Artikolu 5a(3)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE.
- [2] P5_TA(2003)0233.
- [3] http://www.ceiig.ch/Report.html
PROĊEDURA
Titolu |
Għajnuna makrofinanzjarja lill-Ġeorġja |
||||||
Referenzi |
COM(2009)0523 – C7-0269/2009 – 2009/0147(CNS) |
||||||
Data meta ġie kkonsultat il-PE |
30.10.2009 |
||||||
Kumitat responsabbli ata tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
INTA |
||||||
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni ata tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
AFET |
BUDG |
|
|
|||
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija ata tad-deċiżjoni |
AFET 21.10.2009 |
BUDG 21.10.2009 |
|
|
|||
Rapporteur(s) ata tal-ħatra |
Vital Moreira 29.9.2009 |
|
|
||||
Proċedura simplifikata - data tad-deċiżjoni |
10.11.2009 |
||||||
Eżami fil-kumitat |
10.11.2009 |
|
|
|
|||
Data tal-adozzjoni |
10.11.2009 |
|
|
|
|||
Data tat-tressiq |
13.11.2009 |
||||||