RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tingħata assistenza makro-finanzjarja lis-Serbja

12.11.2009 - (COM(2009)0513 – C7‑0270/2009 – 2009/0145(CNS)) - *

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Miloslav Ransdorf

Proċedura : 2009/0145(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0061/2009
Testi mressqa :
A7-0061/2009
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill biex tingħata assistenza makro-finanzjarja għas-Serbja

(COM(2009)0513 – C7‑0270/2009 – 2009/0145(CNS))

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2009)0513),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 308 tat-Trattat KE, li skont it-termini tiegħu l-Kunsill ikkonsulta l-Parlament (C7‑0270/2009),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 55 u 46(1) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7‑0061/2009),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;

2.  Jistieden lill-Kunsill jinnotifika lill-Parlament jekk beħsiebu jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill jikkonsulta lill-Parlament mill-ġdid jekk beħsiebu jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b’mod sostanzjali;

4.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

1. Objettivi tal-proposta

Il-Kummissjoni tipproponi li tagħti Assistenza Makro-Finanzjarja (MFA) lis-Serbja f'ammont sa EUR 200 miljun f’forma ta’ self, li l-Kummissjoni tkun mogħtija s-setgħa tissellifhom mis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji. Huwa ppjanat li l-assistenza tingħata f’żewġ rati matul l-2010. Il-għan hu li jingħata appoġġ għall-istabilizzazzjoni ekonomika tas-Serbja u l-iffinanzjar tal-bilanċ tal-pagament estern u l-ħtiġiet baġitarji tagħha kif identifikati mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF).

L-assistenza proposta għandha tappoġġja l-programm ta’ stabilizzazzjoni tal-awtoritajiet bit-tir li jkunu żgurati kontijiet fiskali u esterni sostenibbli u tikkontribwixxi wkoll għalbiex tgħin lis-Serbja tħabbat wiċċha mal-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali.

2. Kuntest ġenerali

Il-kriżi ekonomika globali bdiet kulma jmur taffettwa dejjem iżjed lis-Serbja minn nofs l-2008 ’il quddiem. F’Novembru 2008, l-awtoritajiet Serbi qablu mal-IMF dwar Arranġament ta' Riżerva (SBA) ġdid li ġie approvat mill-bord tal-IMF f’Jannar 2009. Fil-bidu tal-2009, l-indikaturi avanzati kkonfermaw li l-kriżi kienet aggravat u sar ovvju li l-pajjiż se jkun jeħtieġ assistenza esterna addizzjonali. B’riżultat ta' dan, f'Mejju 2009 il-Bord tal-IMF approva r-reviżjoni tal-SBA. B’danakollu, l-aktar indikaturi reċenti, ta' minn nofs Lulju ’il hawn, jissuġġerixxu li r-rallentament ekonomiku huwa aktar sever minn dak li kien tbassar fl-assunti revisti ta' Marzu u li l-previżjonijiet għall-2009 u l-lilhinn għadhom ebsin.

L-MFA proposta se tikkomplementa l-appoġġ mogħti mill-IMF skont ir-reviżjoni tal-SBA miftehma mill-bord tal-IMF f’Mejju 2009, kif ukoll l-appoġġ mogħti mill-Bank Dinji li hu mistenni li jkun fl-għamla ta’ self favur il-finanzi pubbliċi. Il-proposta hija komplementari għall-għotjiet tal-Istrument ta' Pre-Adeżjoni (IPA) għall-appoġġ tal-baġit (total ta’ EUR 100 miljun) li l-Komunità beħsiebha tagħti fl-2009 u fl-2010.

L-MFA lis-Serbja għandha titqies bħala għodda siewja għat-tisħiħ tal-istabilizzazzjoni fir-reġjun kollu tal-Balkani permezz tal-appoġġ għall-programm ta’ stabilizzazzjoni ekonomika tas-Serbja f’dan il-punt ekonomiku ta’ bħalissa. Is-Serbja u l-ekonomija tagħha għandhom rwol fundamentali fil-proċess ta' integrazzjoni reġjonali u l-parteċipazzjoni tagħha fl-integrazzjoni Ewropea hija wkoll essenzjali.

Is-Serbja issa qed tiffaċċja bosta problemi ekonomiċi, finanzjarji, fiskali u oħrajn ta' relevanza, bħal ngħidu aħna piż kbir f'termini ta' refuġjati (madwar 700,000 ruħ), defiċjenzi fil-produzzjoni tal-ikel, rata għolja ta' qgħad, jew ħtieġa ta' rpiljar b’ħeffa tar-reġjun tagħha tad-Danubju li safa ddanneġġat bil-kbir mill-azzjonijiet militari tan-NATO.Hija meħtieġa l-MFA wkoll biex tissaħħaħ l-integrità territorjali tas-Serbja.

3. Restrizzjonijiet ta’ determinazzjoni tal-mument opportun

Din il-proposta ta’ MFA (bħal kull proposta oħra ta’ MFA mgħoddija) ġiet riferita lill-Parlament a tenur tal-Artikolu 308 tat-Trattat KE, jiġifieri skont il-proċedura tal-konsultazzjoni. Għad illi ma hemm l-ebda skadenza prevista għall-opinjoni tal-Parlament skont it-termini ta’ dak l-Artikolu, il-Parlament dejjem irrispondi b’ħeffa għall-ħtiġiet li jwasslu għall-għoti tal-MFA.

Il-proposta kurrenti ġiet adottata mill-Kummissjoni fit-8 ta' Ottubru 2009. B'danakollu, anqas minn xahar wara, ir-Repubblika Ċeka rratifikat it-Trattat ta’ Liżbona, li preżumibbilment għandu jidħol fis-seħħ diġà fl-1 ta’ Diċembru 2009. Billi huwa ppjanat li l-ewwel rata titħallas kmieni fl-2010, għandha tittieħed deċiżjoni dwar l-adozzjoni tal-proposta kurrenti qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona; altrimenti, il-Kummissjoni jkollha tippreżenta proposta b'bażi legali modifikata.

Wara li kkunsidra bir-reqqa dawn l-opzjonijiet u minħabba l-importanza strateġika tas-Serbja għall-UE bħala pajjiż kandidat potenzjali għal tisħib fl-UE, ir-rapporteur jissuġġerixxi l-adozzjoni tal-proposta kurrenti b'mod eċċezzjonali mingħajr emendi skont il-'proċedura semplifikata' qabelma t-Trattat ta' Liżbona jidħol fis-seħħ.

Tali skeda ma hijiex aċċettabbli fi proċedura leġiżlattiva u ma għandhiex tidher bħala eċċezzjoni għall-poteri istituzzjonali, imma hija l-unika opzjoni fattibbli għalbiex jiġi żgurat it-trasferiment f’waqtu tal-fondi tal-UE lejn is-Serbja. B’danakollu, qiegħed isir enfasi li r-rapporteur ma pproponiex emendi għar-raġunijiet proċedurali msemmijin, u mhux għax il-proposta għal Deċiżjoni hija perfetta, u dan ma jfissirx l-aċċettazzjoni tat-terminu impost mill-proposta tardiva tal-Kummissjoni, imma biss tolleranza tagħha f'dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali.

4. Ir-rwol tal-Parlament fil-għoti tal-MFA

Barra minn hekk, ir-rapporteur jixtieq ukoll jagħmel enfasi, in linja mar-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament, li strument sostanzjali bħalma hija l-MFA ma jistax jitqies sempliċement bħala “eċċezzjonali". Huwa għalhekk inġustifikabbli li tali strument ma jkollux bażi legali regolari u jibqa' jkun imsejjes fuq deċiżjonijiet ad hoc tal-Kunsill għal kull operazzjoni. Regolament qafas ko-deċiż dwar l-MFA huwa neċessarju sabiex jissaħħu s-sistemi ta’ trasparenza, accountability, monitoraġġ u rapportaġġ.

F’dan ir-rigward għandu jiġu sottolineat li wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-bażi legali xierqaapproprijata għal Deċiżjoni li tagħti l-MFA tkun magħmula mill-Artikoli 209(1) u 212(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), skont jekk il-pajjiż benefiċjarju jkunx ikklassifikat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni bħala pajjiż li qiegħed jiżviluppa . F’kull każ, tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja. L-Artikolu 213 tat-TFUE ma għandux japplika għal Deċiżjonijiet li jagħtu l-MFA.

Inoltre, għandu jittejjeb ir-rwol tal-Parlament. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha ttejjeb ir-rapportaġġ tagħha lill-Parlament f’dak li għandu x'jaqsam mal-implimentazzjoni ta’ dan l-istrument ta’ assistenza u tagħti lill-Parlament rapport ta’ valutazzjoni ex post (oltre r-rapport ta’ kull sena kkontemplat fl-Artikolu 6 tal-proposta).

5. Impenji mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

Ukoll jekk il-proposta għall-MFA tintlaqa’ mill-Kumitat mingħajr emendi, ir-rapporteur jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jindirizzaw l-imsemmi tħassib f’dikjarazzjonijiet lill-Parlament.

PROĊEDURA

Titolu

Għajnuna makro-finanzjarja lis-Serbja

Referenzi

COM(2009)0513 – C7-0270/2009 – 2009/0145(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

30.10.2009

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AFET

BUDG

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

AFET

21.10.2009

BUDG

21.10.2009

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Miloslav Ransdorf

29.9.2009

 

 

Proċedura simplifikata - data tad-deċiżjoni

10.11.2009

Eżami fil-kumitat

10.11.2009

 

 

 

Data tal-adozzjoni

10.11.2009

 

 

 

Data tat-tressiq

13.11.2009